Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0016

Kawża T-16/11: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Jannar 2011 — Il-Pajjiżi Baxxi vs Il-Kummissjoni

ĠU C 72, 5.3.2011, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/27


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2011 — Il-Pajjiżi Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-16/11)

2011/C 72/44

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: C. Wissels, M. de Ree u M. Noort, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Novembru 2010, li teskludi ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jikkonċerna l-Pajjiżi l-Baxxi u r-rettifika finanjarja li tammonta (b’kollox) għal EUR 28 947 149,31, li tiġi applikata għall-ispejjeż idikjarati fis-snin 2003-2008 fil-kuntest tas-sistema ta’ kwoti għall-produzzjoni tal-lamtu tal-patata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-Deċiżjoni 2010/668/KE, il-Kummissjoni għamlet rettifika fil-forma ta’ somma waħda ta’ 10 % tal-ammonti ddikjarati mill-awtoritajiet Olandiżi li tħallsu matul is-snin 2003-2008 fil-kuntest tas-sistemi ta’ għajnuna Ewropea għal-lamtu tal-patata. Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Olandiżi kienu jħallsu għajnuna lill-produtturi tal-lamtu u lill-bdiewa li jkabbru l-patata qabel mal-ammont totali tal-prezz minimu tal-patata pprovduta jkun tħallas lill-bdiewa li jkabbru l-patata.

Il-Gvern Olandiż isostni li l-prezz minimu tħallas fl-intier tiegħu qabel l-għoti tal-għajnuna lill-produttur tal-lamtu u lill-bdiewa li jkabbru l-patata. Il-prezz minimu tħallas minn naħa permezz ta’ kumpens ta’ parti tal-prezz minimu bi kreditu (tad-dritt privat) eżiġibbli tal-produttur fil-konfront tal-bdiewa u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ ħlas tal-bilanċ tal-prezz minimu fuq kont kurrenti indikat mill-bdiewa.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq ħames motivi:

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99 (1) u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (2), moqrija flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1868/94 (3), l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 97/95 (4), l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2236/2003 (5), l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2237/2003 (6) u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1973/2004 (7), bl-esklużjoni mill-finanzjament ta’ ċerti spejjeż filwaqt li kienet soddisfatta l-kundizzjoni għar-rikonoxximent tal-premium u tal-għajnuna diretta, peress li l-prezz minimu kien tħallas permezz ta’ kumpens u ħlas.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1868/94, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 97/95, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2236/2003, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2237/2003 u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1973/2004, bl-esklużjoni mill-finanzjament ta’ ċerti spejjeż, filwaqt li l-bdiewa setgħu jużaw liberament il-prezz minimu qabel l-għoti tal-premju u tal-għajnuna diretta.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1258/99, tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 (8), tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 (9), kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, bl-esklużjoni tal-finanzjament ta’ xi spejjeż filwaqt li l-proċedura kontradittorja skont dawn id-dispożizzjonijiet ma ġietx segwita għall-konstatazzjonijiet li hija bbażata fuqhom din il-miżura.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, moqrija flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 97/95, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2236/2003, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 2237/2003 u tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1973/2004, bl-esklużjoni mill-finanzjament ta’ ċerti spejjeż filwaqt li l-ħlas tal-prezz minimu seta’ jiġi kkontrollat mill-korp li jħallas abbażi tad-dħul.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99, tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba l-applikazzjoni ta’ rettifika fil-forma ta’ somma waħda ta’ 10 %, filwaqt li n-nuqqas huwa limitat għall-adozzjoni ta’ punt ta’ tluq mhux korrett għall-finijiet tal-applikazzjoni u tal-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjoni dwar il-ħlas tal-prezz minimu.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) tas-27 ta’ Lulju 1994, li jistabbilixxi sistema ta’ kwoti f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ lamtu tal-patata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 331).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) tas-27 ta’ Lulju 1994 li jistabbilixxi sistema ta’ kwoti f'’ak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ lamtu tal-patata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 331).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) tat-23 ta’ Diċembru 2003, li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1868/94 li jistabbilixxi sistema ta’ kwoti fir-rigward tal-produzzjoni tal-lamtu mill-patata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 41, p. 515).

(6)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) tat-23 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljayi għall-applikazzjoni ta’ ċertu skemi ta’ appoġġ previsti fit-Titolu IV tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġg għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 41, p. 522).

(7)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) tad-29 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskemi ta’ appoġġ li hemm provvediment għalihom fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ art imwarrba [art imserrħa] għall-produzzjoni ta’ materja prima (ĠU L 330M, p. 58).

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31).

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) tal- 21 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 332M p. 162).


Top