Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0009

Kawża T-9/11: Rikors ippreżentat fis- 6 ta’ Jannar 2011 — Air Canada vs Il-Kummissjoni

ĠU C 72, 5.3.2011, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/25


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Jannar 2011 — Air Canada vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-9/11)

2011/C 72/42

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Air Canada (Saint Laurent, Canada) (rappreżentanti: J. Pheasant u T. Capel, solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni, inklużi l-Artikoli 2 u 3, jew, sussidjarjament, tannulla partijiet mid-deċiżjoni skont l-Artikolu 263 TFUE;

tannulla l-multa jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa, inkluż tnaqqis tal-multa għal żero, skont l-Artikolu 263 TFUE;

tordna lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 266 TFUE; u

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż sostnuti minn Air Canada għar-rikors tagħha u għall-istadji kollha sussegwenti ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi:

(1)

Bl-ewwel motiv, hija tallega ksur tad-drittijiet tad-difiza tagħha peress li l-Kummissjoni bidlet sostanzjalment il-każ tagħha bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni, u għaldaqstant ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq evalwazzjoni fattwali u legali ġdida, li fuqha r-rikorrenti ma ngħatatx il-possibbiltà li tinstema’.

(2)

Bit-tieni motiv, hija tallega li:

id-deċiżjoni hija bbażata fuq provi inammissibbli peress li l-provi materjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha kontra r-rikorrenti, huma inammissibbli;

billi żammet ċerti provi kontra r-rikorrenti filwaqt li kkunsidrat l-istess provi jew provi li huma essenzjalment simili bħala insuffiċjenti sabiex jiġi ppruvat ksur kontra ċerti destinatarji oħrajn tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni korrezzjonijiet u kjarifiki fattwali min-naħa tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tad-dritt tal-UE ta’ trattament ugwali, u naqset milli tapplika r-rekwiżiti ta’ prova korretti skont id-dritt tal-UE.

(3)

Bit-tielet motiv, hija tallega li ma pparteċipat fl-ebda ksur peress li:

fl-Artikoli 2 u 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni ma hemm l-ebda konstatazzjoni li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu msemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

il-Kummissjoni ma ssodisfatx ir-rekwiżiti legali rilevanti skont l-Artikolu 10(1) TFUE u l-ġurisprudenza applikabbli sabiex tattribwixxi r-responsabbiltà għal ksur uniku u kontinwu lir-rikorrenti;

fuq il-bażi tal-provi li, fid-dawl tat-tieni motiv, il-Kummissjoni hija legalment obbligata li żżomm sabiex twettaq evalwazzzjoni mill-ġdid tal-oġġezzjonijiet kontra r-rikorrenti, id-deċiżjoni ma turix ksur min-naħa tar-rikorrenti.

(4)

Bir-raba’ motiv, hija tallega nuqqas ta’ definizzjoni jew, sussidjarjament, ta’ definizzjoni korretta tas-suq rilevanti, bi ksur tal-obbligu legali applikabbli, li huwa stabbilit mill-ġurispurdenza tal-UE u b’mod partikolari, bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

(5)

Bil-ħames motiv, hija tallega li l-multa għandha tiġi annullata kollha kemm hi jew, sussidjarjament, għandha tiġi mnaqqsa sostanzjalment (inkluż sa żero) abbażi tal-motivi l-oħrajn u abbażi tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tapplika l-prinċipu tad-dritt tal-UE ta’ trattament ugwali meta evalwat il-livell tal-multa.

(6)

Bis-sitt motiv, hija tallega motivazzjoni insuffiċjenti, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE.


Top