EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0412

Kawża C-412/11: Rikors ippreżentat fil- 5 ta’ Awwissu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

ĠU C 298, 8.10.2011, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 298/16


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

(Kawża C-412/11)

2011/C 298/29

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Keppenne u H. Støvlbæk, aġenti)

Konvenut: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Talbiet tal-parti rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, minħabba l-insuffiċjenza ta’ miżuri meħuda sabiex jiġi implementat l-ewwel pakkett ferrovjarju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE emendata (1), kif ukoll taħt l-Artikolu 14(2), tad-Direttiva 2001/14/KE (2),

tikkundanna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tikkritika d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni sa fejn dawn jipprovdu li f’każ ta’ disturbi fit-traffiku, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferroviji għanda titwettaq mill-kumpannija nazzjonali tal-ferroviji Lussemburgiżi (CFL) u mhux minn korp indipendenti. B’hekk, is-CFL jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, li ma jiggarantixxix aċċess ekwu u nondiskriminatorju għall-infrastruttura lil operaturi oħra.

Bi tweġiba għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-Kummissjoni l-ewwel nett tindika li l-informazzjoni tal-awtoritajiet Lussemburgiżi li f’każ ta’ disturbi fit-traffiku ma ssirx allokazzjoni mill-ġdid tal-mogħdijiet tal-ferrovija ma hijiex eżatta. Meta l-iskeda tal-ħinijiet ma tistax tiġi iktar osservata, is-CFL jgħaddu l-ferroviji tard, li jikkostitwixxi allokazzjoni mill-ġdid tal-mogħdijiet tal-ferrovija. It-tieni nett, il-Kummissjoni topponi l-argument li l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2001/14/KE jikkostitwixxi lex specialis li hija deroga għar-regola ġenerali u li tippermetti li tiġi ġġustifikata l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferroviji mis-CFL f’każ ta’ disturbi.


(1)  Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).

(2)  Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


Top