Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0314

    Kawża C-314/11 P: Appell ippreżentat fl- 24 ta’ Ġunju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat- 13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-320/09, Planet AE vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 238, 13.8.2011, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 238/12


    Appell ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-320/09, Planet AE vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-314/11 P)

    2011/C 238/18

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Dintilhac u D. Triantafyllou)

    Parti oħra fil-proċedura: Planet AE

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-320/09;

    tiddikkjara r-rikors inammissibbli;

    tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    —   Interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni 2008/969

    It-tip ta’ reġistrazzjoni li kienet is-suġġett tagħha l-appellata fl-EWS, li (kuntrarjament għal reġistrazzjonijiet oħrajn) hija bbażata fuq sempliċi suspetti, tista’ timplika biss it-tisħiħ tal-miżuri ta’ sorveljanza (Artikolu 16 tad-deċiżjoni), li ma jipproduċux effetti vinkolanti fir-rigward tal-appellata. Id-digriet jikkonfondi, b’mod żbaljat, ir-reġistrazzjonijiet ikkontestati ma’ tipi oħra ta’ reġistrazzjonijiet li għandhom konsegwenzi distinti.

    —   bidla mhux sostanzjali tas-sitwazzjoni legali tal-appellata minħabba r-reġistrazzjonijiet ikkontestati

    Is-sorveljanza biss tal-entità li hija s-suġġett ta’ reġistrazzjoni ma tbiddilx manifestament, fiha nfisha, is-sitwazzjoni legali tagħha.

    —   L-appellata ma hijiex direttament milquta mir-reġistrazzjonijiet ikkontestati.

    Il-miżuri kollha adottati ġew deċiżi mill-uffiċjal responsabbli wara konsultazzjoni u negozjati mal-appellata u mal-bank tagħha. Dawn ma jikkostitwixxux effett dirett u awtomatiku tar-reġistrazzjonijiet. Madankollu, l-interess dirett jikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli tal-ammissibbiltà ta’ appell (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE).

    —   Nuqqas ta’ eżami tal-argumenti u tal-provi rilevanti dwar l-interess dirett

    Minkejja li l-konsultazzjonijiet u n-negozjati ċċitati iktar ’il fuq kienu deskritti fir-rikors, il-Qorti Ġenerali injorathom bi ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività.

    —   Nuqqas ta’ motivazzjoni

    Id-digriet ikkontestat ma jippreċiżax f’hiex tikkonsisti l-“bidla sfavorevoli” tas-sitwazzjoni tal-appellata, li ma ġietx imċaħħda minn benefiċċju finanzjarju, iżda meħlusa mill-obbligu li taqsam il-pagamenti.

    L-istess japplika fir-rigward tal-effetti tar-reġistrazzjonijiet speċifiċi inkwistjoni, li n-natura vinkolati tagħhom ma hija spjegata bl-ebda mod.

    —   Konfużjoni tar-rimedji

    Ir-rwol tal-appellata fil-konsorzju kien jikkonċerna t-tħejjija tal-kuntratt. Bħala parti integrali tal-qafas kuntrattwali, dan seta’ jkun suġġett għal klawżola ta’ arbitraġġ (Artikolu 272 TFUE), iżda mhux għal rikors għal annullament, peress li r-rimedji inkwistjoni jeżistu flimkien b’mod awtonomu.

    —   Ksur tal-libertà kuntrattwali u tal-prinċipju ta’ consensus

    Min-naħa l-waħda, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata timpenja ruħha mingħajr ma tieħu ċerti miżuri ta’ prekawzjoni, min-naħa l-oħra, l-appellata kienet qablet mal-qafas kuntrattwali finali. Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali teżiġi bażijiet legali, seduti etc. li huma meħtieġa f’każ ta’ “sanzjonijiet” u li ma humiex kompatibbli mal-ugwaljanza tal-partijiet kontraenti.

    —   Klassifikazzjoni żbaljata tar-reġistrazzjonijiet bħala deċiżjonijiet

    Ir-reġistrazzjonijiet fl-EWS jikkostitwixxu miżuri ta’ ordni interna, li huma miżuri kawtelatorji taħt il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba (Artikolu 27 tar-regolament finanzjarju), li ġew previsti fid-Deċiżjoni 2008/969 bħala regoli interni tal-Kummissjoni (ara l-Artikolu 51 tar-regolament finanzjarju) għal finijiet ta’ informazzjoni u ta’ użu mill-uffiċjali responsabbli ddelegati kollha ta’ din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjonijiet ikkontestati ma għandhomx ikunu konnessi mar-reġistrazzjonijiet li jwasslu għall-esklużjoni tal-proċedura, peress li, f’dan il-każ, il-kuntratt ġie konkluż mal-appellata.

    —   Dipendenza tal-ammissibbiltà fuq il-fondatezza tar-rikors

    Il-Qorti Ġenerali tiġġustifika d-digriet tagħha bin-neċessità li teżamina l-kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-Deċiżjoni 2008/969. Madankollu, il-kwistjoni tal-kompetenza tikkonċerna l-fondatezza tar-rikors u ma tistax tiddetermna l-ammissibbiltà tiegħu.


    Top