EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0239

Kawża C-239/11 P: Appell ippreżentat fid- 19 ta’ Mejju 2011 minn Siemens AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat- 3 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-110/07, Siemens AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 226, 30.7.2011, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 226/13


Appell ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2011 minn Siemens AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-110/07, Siemens AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-239/11 P)

2011/C 226/26

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Siemens AG (rappreżentanti: I. Brinker, C. Steinle, M. Hörster, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija fit-3 ta’ Marzu 2011 mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-Kawża T-110/07, sa fejn tali sentenza tikkawżalha preġudizzju;

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Jannar 2007 (COMP/F/30.899 — Switchgear insulat bil-gass), sa fejn tikkonċernaha tali deċiżjoni;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha b’din id-deċiżjoni;

sussidjarjament għall-punt 2: tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni skont il-punti ta’ dritt stabbiliti bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna fil-każijiet kollha lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/30.899 — Switchgear insulat bil-gass).

L-appellanti tinvoka seba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq (l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 6(3) TUE u l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) kif ukoll id-drittijiet tad-difiża (Artikolu 48(2) tal-Karta citata iktar ’il fuq), sa fejn essenzjalment ibbażat ruħha fuq id-depożizzjoni ta’ xhud sabiex tikkonstata li l-appellanti kienet ipparteċipat fl-akkordju bejn it-22 ta’ April u l-1 ta’ Settembru 1999, mingħajr ma awtorizzat lill-appellanti tinterroga lill-imsemmi xhud.

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li, billi kkonstatat li hija kienet ipparteċipat fl-akkordju bejn it-22 ta’ April u l-1 ta’ Settembru 1999, il-Qorti Ġenerali żnaturat ċerti provi u naqset milli twettaq analiżi empirika. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset, b’mod żbaljat, li hija kienet ipparteċipat fl-akkordju bejn it-22 ta’ April u l-1 ta’ Settembru 1999 u ma ddeterminatx b’mod korrett it-tul tal-ksur.

It-tielet nett, l-appellanti ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, irrifjutat li tirrikonoxxi li l-proċeduri kienu preskritti għall-perijodu sat-22 ta’ April 1999 u, min-naħa l-oħra, ikkunsidrat li l-ksur kien uniku u kontinwu.

Ir-raba’ nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi aċċettat li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni snin ta’ referenza differenti sabiex tiddetermina l-piż ta’ kull impriża li pparteċipat fil-ksur u għalhekk ikklassifikat lir-rikorrenti f’kategorija żbaljata skont il-punt A tal-ewwel parti tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

Il-ħames nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ma naqqsitx iż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa skont id-differenza fid-daqs bejn l-appellanti u ABB, peress li l-għan tal-ammont bażiku huwa li jiżgura effett suffiċjentement dissważiv.

Is-sitt nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u tal-Artikolu 6(3) TUE u l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li ma għamlitx użu tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li tippermettilha tistħarreġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni timponi multa.

Is-seba’ nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE (ex Artikolu 253 KE), sa fejn hija ma kinitx suffiċjentement eżiġenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ motivazzjoni meħtieġa għall-kalkolu tal-koeffiċenti multiplikaturi ta’ dissważjoni.


Top