Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0306

Kawża T-306/10: Rikors ippreżentat fit- 23 ta’ Lulju 2010 — Yusef vs Il-Kummissjoni

ĠU C 260, 25.9.2010, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/20


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2010 — Yusef vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-306/10)

()

2010/C 260/28

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Hani El Sayyed Elsebai Yusef (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: E. Grieves, Barrister u H. Miller, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara li n-nuqqas tal-Kummissjoni milli tieħu azzjoni u tneħħi lir-rikorrent mill-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 kien illegali;

tordna lill-Kummissjoni sabiex tneħħi immedjatament lir-rikorrent mill-anness imsemmi;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għall-ispejjeż tar-rikorrent, inklużi l-ammonti mħallsa bħala għajnuna legali mit-teżorier tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors abbażi tal-Artikolu 265 TFUE u qiegħed jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1629/2005, tal-5 ta’ Ottubru 2005, li jemenda għall-54 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban (1), sa fejn dan ir-regolament jikkonċernah.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq tliet motivi.

L-ewwel nett, huwa jsostni li l-Kummissjoni naqset milli teżamina b’mod indipendenti r-raġuni għalxiex ir-rikorrent huwa inkluż fl-Anness 1, jew naqset milli titlob raġunijiet għal din l-inklużjoni.

It-tieni nett, huwa jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tagħtih raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fl-Anness 1, u dan bi ksur tad-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv, tad-dritt li jiddefendi lilu nnifsu u tad-dritt għal proprjetà taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

It-tielet nett, huwa jsostni li n-nuqqas tal-Kummissjoni milli tneħħieħ mill-Anness 1 huwa irraġonevoli sa fejn ma hemmx raġunijiet li jistgħu jissodisfaw il-kriterji rilevanti għall-inklużjoni fl-Anness 1 u sa fejn skont il-United Kingdom Foreign and Commonwealth Office ir-rikorrent ma għadux jissodisfa l-kriterji rilevanti.


(1)  ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 275


Top