Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62010CN0595

Kawża C-595/10 P: Appell ippreżentat fis- 16 ta’ Diċembru 2010 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mis-sentenza mogħtija fit- 30 ta’ Settembru 2010 mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-85/09, Yassin Abdullah Kadi vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 72, 5.3.2011, str. 10—11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/10


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2010 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mis-sentenza mogħtija fit-30 ta’ Settembru 2010 mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-85/09, Yassin Abdullah Kadi vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-595/10 P)

2011/C 72/17

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: E. Jenkinson, aġent, D. Beard u M. Wood, barristers)

Partijiet oħra fil-proċedura: Yassin Abdullah Kadi, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tal-appellant

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla, fl-intier tagħha, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-85/09;

tiċħad ir-rikors ta’ Yassin Abdullah Kadi għall-annullament tar-Regolament 881/2002 (1) safejn dan jikkonċernah;

tikkundanna lill-Yassin Abdullah Kadi għall-ispejjeż tar-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li stħarriġ ġudizzjarju komplet huwa xieraq fil-konfront ta’ miżuri tal-Unjoni Ewropea li jimplementaw b’mod fidil ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tmur kontra t-termini tat-Trattati UE u l-ġurisprudenza tal-qrati tagħha. Din tmur direttament kontra l-istorja u l-għan tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-kompetenza tal-politika barranija u ta’ siġurtà komuni.

Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tirrikjedi li l-Istati Membri tagħha jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħha. Tali obbligi jipprevalu fuq l-obbligi li jistgħu jirriżultaw minn kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor. Tali obbligi jinkludu dawk imposti mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà intiżi sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali.

Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikoli 3(5) u 21 TUE u tal-Artikolu 321 TFUE, l-obbligu tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jikkonformaw ruħhom mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jipprevali fuq kwalunkwe obbligu li jista’ jirriżulta mit-Trattati UE.

L-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra lilha nnifisha bħala marbuta bit-termini tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà meħuda taħtha.

Huwa inkonsistenti mal-effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li qorti tal-Unjoni twettaq stħarriġ ġudizzjarju komplet tal-miżuri tal-Unjoni Ewropea intiżi sabiex jimplementaw id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

Sakemm kwalunkwe stħarriġ tal-miżuri tal-Unjoni Ewropea li jimplementaw riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà huwa xieraq, il-qorti tal-Unjoni għandha tirrikonoxxi in-natura u l-għan tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà bħala l-korp prinċipali inkarigat sabiex jiżgura l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Fid-dawl tan-natura tal-Kunsill tas-Sigurtà u tar-rwol importanti li huwa għandu, b’kont meħud tal-istabbilment u l-operazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u b’kunsiderazzjoni tas-sunt ta’ raġunijiet pprovduti lill-Kummissjoni u lil Yassin Abdullah Kadi, ma hemmx lok li jiġi annullat ir-Regolament 881/2002 safejn dan jikkonċerna lil Yassin Abdullah Kadi.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294


Góra