Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0575

    Kawża C-575/10: Rikors ippreżentat fid- 9 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ungerija

    ĠU C 72, 5.3.2011, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 72/6


    Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ungerija

    (Kawża C-575/10)

    2011/C 72/09

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Kukovec u A. Sipos, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ungerija

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara li r-Repubblika tal-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18/KE (1), kif ukoll taħt l-Artikolu 54(5) u (6) tad-Direttiva 2004/17/KE (2), billi ma żguratx li, fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, skont il-każ, jibbażaw ruħhom fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħra, indipendentement min-natura legali tar-rabtiet li huma għandhom magħhom.

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Ungerija għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Kemm id-Direttiva 2004/17 kif ukoll id-Direttiva 2004/18 jagħtu lill-offerenti fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi l-possibbiltà li jibbażaw ruħhom, biex jippruvaw il-ħiliet tagħhom u t-twettiq tal-kriterji ta’ għażla, fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħra, indipendentement minn natura legali tar-rabtiet li huma għandhom magħhom.

    Skont il-Kummissjoni, leġiżlazzjoni Ungeriża li, fil-każ ta’ kriterji ta’ ħila speċifiċi, tippermetti biss lill-offerenti jużaw ir-riżorsi ta’ entitajiet oħra li ma jipparteċipawx direttament fit-twettiq tal-kuntratt jekk għandhom sehem maġġoritarju fl-imsemmija entitajiet li jippermettilhom jinfluwenzaw lil dawn tal-aħħar, ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-imsemmija direttivi. Għaldaqstant, fil-każ ta’ entitajiet li ma jipparteċipawx bħala subkuntratturi fit-twettiq tal-kuntratt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata timponi rekwiżit addizzjonali sabiex l-offerent ikun jista’ jibbaża ruħu fuq il-ħiliet ta’ tali entitajiet matul il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    Id-dispożizzjonijiet tad-direttivi huma inekwivoċi: mingħajr ma teħtieġ li l-entitajiet li jqegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi jkunu direttament implikati fit-twettiq tal-kuntratt, id-direttiva teħtieġ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiżgura l-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq ir-riżorsi ta’ tali entitajiet, indipendentement minn natura legali tar-rabtiet li l-offerent għandu ma’ dawn l-entitajiet. L-uniku rekwiżit huwa li l-offerent ikun jista’ juri lill-awtorità kontraenti li effettivament għandu r-riżorsi neċessarji għat-twettiq tal-kuntratt.

    Bla dubju, tkompli l-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ungeriża li hija s-suġġett tar-rikors preżenti tillimita, minn din il-perspettiva, il-possibbiltajiet tal-offerenti, inkwantu, fl-prattika ma tħallilhomx għażla oħra ħlief li jimplikaw fit-twettiq tal-kuntratt, bħala subkuntratturi, l-entitajiet li jqegħdu għad-dispożizzjoni l-imsemmija riżorsi, sakemm, mill-bidu nett, dawn ma għandhomx sehem maġġoritarju fl-imsemmija entitajiet, li jippermettilhom jeżerċitaw influwenza fuqhom.

    Il-Kummissjoni tafferma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li jitneħħew il-prattiki intiżi sabiex jiġu evitati r-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, peress li tali għan ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi li tirristrinġi b’mod sproporzjonat id-drittijiet u l-obbligi proċedurali li jirriżultaw mid-direttivi. Naturalment l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fil-limiti imposti mid-direttivi, li jiddeċiedu l-forma li fiha l-offerenti għandhom jippruvaw li effettivament jiddisponu mir-riżorsi ta’ entitajiet oħra, madankollu għandhom jagħmlu dan mingħajr ma jagħtu lok għal distinzjonijiet abbażi tan-natura ġuridika tar-rabtiet ma’ tali entitajiet.

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-Repubblika tal-Ungerija li entità li ma tipparteċipax fit-twettiq tal-kuntratt ma tistax tipprova li tissodisfa l-kriterji minimi ta’ għażla li jikkonsistu f’li tkun tista’ effettivament tqiegħed għad-dispożizzjoni r-riżorsi neċessarji fil-mument tat-twettiq tal-kuntratt. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18/KE jipprevedi espressament li l-offerent jista’ jibbaża ruħu fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi ta’ entitjiet oħra “billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi r-riżorsi meħtieġa għad-disposizzjoni ta’ l-operatur ekonomiku”. Minn dan jista’ jiġi dedott li entità li ġġib r-riżorsi tagħha tista’ tipprova li għandha r-riżorsi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fil-mument tat-twettiq tal-kuntratt, mingħajr ma għandha għalfejn tipparteċipa direttament fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

    Fl-aħħar il-Kummissjoni tirrileva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tista’ tipproduċi effetti diskriminatorji fir-rigward tal-offerenti barranin. Għalkemm il-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti tapplika fir-rigward tal-offerenti kollha, madankollu hija effettivament tillimita l-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni fl-offerti b’mod partikolari fil-każ tal-offerenti barranin, peress li, bħala regola ġenerali, dawn ma jiddisponux, fil-post tat-twettiq tal-kuntratt, mir-riżorsi kollha neċessarji għal dan il-għan, u għalhekk, fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ikunu obbligati jirrikorru, iktar ta’ spiss mill-offerenti Ungerizi, għall-ħiliet ta’ operaturi ekonomiċi lokali indipendenti minnhom.


    (1)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    (2)  Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)


    Top