EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0569

Kawża C-569/10: Rikors ippreżentat fit- 3 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

ĠU C 46, 12.2.2011, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/6


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-569/10)

2011/C 46/10

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: K. Herrmann, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri necessari sabiex tiżgura li l-aċċess għal attività ta’ prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi ma jkunx diskriminatorju fil-konfront tal-entitajiet interessati u li l-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ tali attività jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet interessati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet u fuq il-bażi ta’ kriterji ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel il-bidu tal-perijodu tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, ir-Repubblika Pollakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2(2), 3(1) u 5, punti 1 u 2 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/22/KE, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (1);

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tressaq tliet motivi insostenn tan-nuqqas tar-Repubblika tal-Polonja li twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 94/22/KE.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi Pollakka fuq l-attivitajiet ġeoloġiċi u estrattivi (Prawo geologiczne i górnicze) u mir-regolament ta’ applikazzjoni relattiv, li l-entità interessata għandha tissodisfa għall-finijiet tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi, huma tali li jqiegħdu lill-entitajiet li diġà joperaw fis-suq Pollakk f’sitwazzjoni favorevoli fil-konfront ta’ entitajiet oħra, u dan b’mod kuntrarju għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fl-aċċess għal dawn l-attivitajiet.

Fit-tieni lok, il-liġi Pollakka ma tissuġġettax il-proċedura kollha tal-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi għall-proċedura prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE. Il-liġi Pollakka tissuġġetta l-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi għall-ksib tad-dritt ta’ xogħol f’minjieri jew ta’ konċessjoni. Huwa biss il-ksib tad-dritt ta’ xogħol f’minjieri li huwa ppreċedut, bħala regola ġenerali, minn proċedura tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni, u dan mingħajr ħsara, madankollu, għad-dritt ta’ prijorità għal sentejn favur l-entità li tkun identifikat u ddokumentat l-operazzjoni ta’ tħaffir u li tkun ippreparat id-dokumentazzjoni ġeoloġika bil-preċiżjoni meħtieġa għall-ksib tal-konċessjoni ta’ tħaffir f’minjieri.

Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi ma ssirx biss fuq il-bażi tal-kriterji tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22/KE. Barra minn hekk, mhux il-kriterji kollha ta’ evalwazzjoni tal-offerti huma ġeneralment disponibbli jew ippubblikati fil-Ġurnal Ufficiali tal-UE.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 262.


Top