EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0297

Kawża C-297/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fis- 16 ta’ Ġunju 2010 — Sabine Hennigs vs Eisenbahn-Bundesamt

ĠU C 260, 25.9.2010, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Ġunju 2010 — Sabine Hennigs vs Eisenbahn-Bundesamt

(Kawża C-297/10)

()

2010/C 260/03

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sabine Hennigs

Konvenut: Eisenbahn-Bundesamt

Domandi preliminari

(1)

Skala ta’ remunerazzjoni stabbilita fi ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku li, bħall-Artikolu 27 tal-Bundes-Angestelltentarifvertrag (Ftehim kollettiv tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku federali, iktar ’il quddiem il-“BAT”) moqri flimkien mal-Vergütungstarifvertrag Nr. 35 zum BAT (Ftehim kollettiv konkluż taħt il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni), tiddetermina abbażi tal-età r-remunerazzjonijiet bażiċi għal kull grad hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fid-dritt primarju (u issa rikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u implementat permezz tad-Direttiva 2000/78/KE (1), fid-dawl ukoll tad-dritt li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi rikonoxxut mid-dritt primarju lill-imsieħba soċjali (u issa rikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)?

(2)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew il-Bundesarbeitsgericht, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrispondu fl-affermattiv għad-domanda 1:

(a)

Id-dritt li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi jagħti lill-imsieħba soċjali marġini ta’ diskrezzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jtemmu tali diskriminazzjoni billi jgħaddu lill-membri tal-persunal bil-kuntratt taħt sistema ġdida ta’ remunerazzjoni stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv li, filwaqt li tinkorpora d-drittijiet miksuba taħt is-sistema l-antika, tkun ibbażata fuq il-kriterji tal-attività mwettqa, tar-rendiment u tal-esperjenza professjonali?

(b)

Hemm lok li f’kull każ tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a), għall-inqas meta d-determinazzjoni finali tal-iskali rikonoxxuti lill-membri tal-persunal bil-kuntratt ikklassifikati mill-ġdid fi grad tas-sistema ġdida ta’ remunerazzjoni stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv ma tiddependix biss fuq l-età milħuqa fil-kuntest tas-sistema l-antika stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv u meta l-membri tal-persunal li jkunu laħqu skala ogħla tas-sistema l-ġdida, bħala regola ġenerali, jiddisponu minn esperjenza professjonali ikbar minn dik tal-membri tal-persunal ikklassifikati fi skala iktar baxxa?

(3)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew il-Bundesarbeitsgericht, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrispondu fin-negattiv għad-domanda 2(a) u (b):

(a)

Id-diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tal-età hija ġġustifikata minħabba li l-preservazzjoni tad-drittijiet soċjali kweżiti tikkostitwixxi għan leġittimu u minħabba li jidher li huwa xieraq u neċessarju, sabiex jintlaħaq dan l-għan, li temporanjament tinżamm, bħala parti minn dispożizzjonijiet tranżitorji, inugwaljanza fit-trattament bejn l-impjegati ta’ etajiet differenti, meta din l-inugwaljanza fit-trattament titnaqqas gradwalment u meta, fil-fatt, l-unika soluzzjoni oħra possibbli tkun li titnaqqas ir-remunerazzjoni tal-impjegati ikbar fl-età?

(b)

Fid-dawl tad-dritt li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi u tal-libertà għal negozjati kollettivi li tirriżulta minnu, hemm lok li r-risposta għad-domanda 3(a) tkun f’kull każ fl-affermattiv, għall-inqas meta tali dispożizzjonijiet tranżitorji kienu s-suġġett ta’ ftehim bejn l-imsieħba soċjali?

(4)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew il-Bundesarbeitsgericht, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrispondu fin-negattiv għad-domanda 3(a) u (b):

Huwa possibbli li l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq bażi tal-età, li jivvizja sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv u li jagħmilha kompletament illegali, jiġi rrimedjat biss billi tittieħed bħala bażi l-ogħla età f’kull każ matul l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv dwar ir-remunerazzjoni sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, minkejja l-ispejjeż addizzjonali kkawżati lil min iħaddem u minkejja d-dritt tal-imsieħba soċjali sabiex jiġu nnegozjati ftehim kollettivi?

(5)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew il-Bundesarbeitsgericht, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrispondu fin-negattiv għad-domanda 4:

Id-dritt tal-imsieħba soċjali li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi, il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u n-neċessità ta’ sanzjonijiet effettivi fil-każ ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju jippermettu l-iffissar lill-imsieħba soċjali ta’ terminu relattivament qasir (pereżempju ta’ sitt xhur) sabiex titwaqqaf b’mod retroattiv l-illegalità tas-sistema ta’ remunerazzjoni li dawn kienu qablu dwarha, filwaqt li jiġi ppreċiżat il-bżonn li tinżamm l-ogħla età matul l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv, jekk l-imsieħba soċjali jonqsu milli jadottaw dispożizzjonijiet ġodda li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni fit-terminu stabbilit. Jekk ikun il-każ, liema marġni ta’ żmien, fir-rigward tar-retroattività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jkun rikonoxxut f’dan il-kuntest lill-imsieħba soċjali?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


Top