EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0190

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Marzu 2012.
Génesis Seguros Generales Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros (Génesis) vs Boys Toys SA u Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u akkwist — Trade mark preċedenti — Modalitajiet tal-preżentata — Preżentata elettronika — Mezz li jippermetti l-identifikazzjoni preċiża tad-data, tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentazzjoni tat-talba.
Kawża C-190/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:157

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u akkwist — Trade mark preċedenti — Modalitajiet tal-preżentata — Preżentata elettronika — Mezz li jippermetti l-identifikazzjoni preċiża tad-data, tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentazzjoni tat-talba”

Fil-Kawża C-190/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2010, fil-proċedura

Génesis Seguros Generales Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros (Génesis)

vs

Boys Toys SA,

Administración del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Génesis Seguros Generales Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros (Génesis), minn D. Garayalde Niño u A. I. Alpera Plazas, abogadas, kif ukoll minn V. Venturini Medina, procurador,

għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis kif ukoll minn Z. Chatzipavlou u G. Alexaki, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Gippini Fournier, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

2

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Génesis Seguros Generales Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros (iktar ’il quddiem “Génesis”) u, minn naħa, Boys Toys SA. (iktar ’il quddiem “Boys Toys”), li assumiet id-drittijiet ta’ Pool Angel Tomás SL, u, min-naħa l-oħra, Administración del Estado, dwar iċ-ċaħda mill-Oficina Española de Patentes y Marcas (uffiċċju Spanjol tal-privattivi u tat-trade marks, iktar ’il quddiem l-“OEPM”) tal-oppożizzjoni mressqa minn Génesis kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali Spanjola Rizo’s.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) ġiet imħassra bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti, l-Ewwel Direttiva 89/104 tibqa’ rilevanti għall-kawża prinċipali.

4

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet ulterjuri għar-rifjut jew nullità li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti”:

“1.   Trade mark ma għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

(a)

jekk tkun identika għal trade mark preċedenti, u l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom t-trade mark hi applikata jew reġistrata jkunu identiċi għall-merkanzija jew servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hi protetta;

(b)

jekk minħabba l-identità tagħha, jew similarità, għat-trade mark preċedenti u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2.   L-espressjoni “trade marks preċedenti” fis-sens tal-paragrafu 1 tfisser:

(a)

trade marks tas-segwenti tipi b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tkun preċedenti għad-data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, tenut kont, fejn ikun il-każ, tal-prijoritajiet pretiżi fir-rigward ta’ dawk it-trade marks;

(i)

trade marks Komunitarji;

[…]

[…]

(c)

applikazzjonijiet għat-trade marks li hemm referenza għalihom fil-punt (a) u (b), suġġett għar-reġistrazzjoni tagħhom;

[…]”

5

Ir-Regolament Nru 40/94 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kkodifikata) (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti, din il-kawża hija rregolata minn dak l-ewwel regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1992/2003, tas-27 ta’ Ottubru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94 emendat”).

6

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 emendat, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut” , kien jipprovdi, fis-subartikoli 1 u 2 tiegħu:

“1.   Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

(a)

jekk tkun identika għal trade mark preċedenti u jekk il-prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem[a] qiegħda ssir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma identiċi mal-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark preċedenti;

(b)

jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pub[b]liku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2.   għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:

(a)

trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

(i)

trade marks Komunitarji;

[…]

(b)

applikazzjonijiet għal trade marks [i]msemmija fis-sub paragrafu (a), bla ħsara għar-reġistrazzjoni tagħhom;

[...]”

7

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 40/94 emendat, intitolat “L-applikazzjoni kumplimentari tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ vjolazzjoni”, kien jipprovdi, fis-subartikolu 1 tiegħu, li l-effetti ta’ trade marks Komunitarji għandhom jiġu rregolati biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u li, barra minn hekk, il-ksur ta’ trade mark Komunitarja huwa rregolat mid-dritt nazzjonali li jirrigwarda l-ksur ta’ trade mark nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X tar-Regolament Nru 40/94.

8

L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 40/94 emendat li jiddikjara l-kundizzjonijiet li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tissodisfa, kien jiddikjara:

“1.   Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tikkonsisti f’dawn li ġejjin:

a)

talba għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja;

b)

informazzjoni li tidentifika lill-applikant;

c)

lista ta’ prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem[a] ir-reġistrazzjoni hija mitluba;

d)

xbieha tat-trade mark.

2.   L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija soġġetta għall-ħlas ta’ dritt fuq l-applikazzjoni, u fejn xieraq, għal ħlas wieħed jew iżjed ta’ drittijiet għal kull klassi.

3.   L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tħares il-kundizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 157.”

9

Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat, intitolat “Id-data ta’ preżentata”:

“Id-data ta’ preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tkun id-data meta d-dokumenti bl-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 26(1) jiġu preżentati lill-Uffiċċju [għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI)] mill-applikant jew, jekk l-applikazzjoni tkun ġiet preżentata fl-Uffiċċju ċentrali ta’ Stat Membru jew fl-Uffiċċju tat-trade marks tal-Benelux, f’dak l-Uffiċċju, bla ħsara għall-ħlas ta’ drittijiet fuq l-applikazzjoni fi żmien xahar mill-preżentata tad-dokumenti hawn fuq imsemmija”.

10

L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 40/94 emendat, intitolat “Preżentata Komunitarja ekwivalenti għal preżentata nazzjonali”, kien jipprovdi li l-“applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkun ġiet akkordata data ta’ preżentata għandha, fl-Istati Membri, titqies bħala ekwivalenti għal preżentata nazzjonali regolari, u fejn hu xieraq bil-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.”

11

L-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 40/94 emendat intitolat “Il-liġi applikabbli”, kien jiddikjara:

“1.   Il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fil-kwistjonijiet kollha li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika l-liġi nazzjonali tagħha, u dan jinkludi id-dritt internazzjonali privat tagħha.

3.   Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn hija għandha s-sede tagħha.”

12

Skont ir-regola 5 intitolata “Preż[e]ntazzjoni tal-applikazzjoni” tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189):

“1.

L-[UASI] għandu jimmarka d-dokumenti li jagħmlu l-applikazzjoni bid-data ta’ meta din tiġi riċevuta u bin-numru tal-file tal-applikazzjoni. L-Uffiċċju għandu joħroġ mingħajr dewmien irċevuta li għandha tinkludi għall-anqas in-numru tal-file, rappreżentazzjoni, deskrizzjoni jew identifikazzjoni oħra tal-marka, n-natura u n-numru tad-dokumenti u d-data tar-riċevuta.

2.

Jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata fl-uffiċċju ta’ proprjetà industrijali ċentrali ta’ xi Stat Membru jew fl-Uffiċċju tat-Trade mark tal-Benelux skond Artikolu 25 tar-Regolament, l-uffiċċju fejn tkun ppreżentata għandu jinnumera l-paġni kollha tal-applikazzjoni b’numri Għarab. Qabel jgħaddi l-applikazzjoni, l-uffiċċju fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għandu jimmarka d-dokumenti li jagħmlu l-applikazzjoni bid-data ta’ meta waslu u n-numru ta’ paġni. L-Uffiċċju fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għandu joħroġ irċevuta lill-applikant mingħajr dewmien li għandha tinkludi għall-anqas in-natura u n-numru tad-dokumenti u d-data meta ġew riċevuti.

3.

Jekk l-[UASI] jirċievi applikazzjoni mgħoddija mill-ufficcju tal-propjetà industrijali ċentrali ta’ xi Stat Membru jew l-Uffiċċju tat-Trade Mark tal-Benelux, għandu jimmarka l-applikazzjoni bid-data ta’ meta waslet u bin-numru tal-file u għandu joħroġ lill-applikant mingħajr dewmien irċevuta skond it-tieni sentenza ta’ paragrafu 1, li tkun tindika id-data ta’ meta l-applikazzjoni tkun waslet fl-UASI”.

Id-dritt nazzjonali

13

L-Artikolu 6(2)(a) u (c), tal-liġi 17/2001, dwar it-trade marks (Ley 17/2001 de Marcas), tas-7 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 294, tat-8 ta’ Diċembru 2001, p. 45579) jiddefinixxi trade marks preċedenti, kif ġej:

“a)

trade mark irreġistrata fejn id-data ta’ preżentata jew id-data ta’ prijorità tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija preċedenti għad-data tal-applikazzjoni ineżami, u li tinsab fil-kategoriji li ġejjin: i) it-trade marks Spanjoli; ii) it-trade marks irreġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Spanja; iii) it-trade marks Komunitarji;

[…]

ċ)

l-applikazzjoni għal trade mark imsemmija fis-subparagrafi (a) u (b), bil-kundizzjoni li r-reġistrazzjoni tagħha tiġi kkonfermata;

[…]”

14

L-Artikolu 11(6) tal-liġi 17/2001, intitolat “Preżentata tal-applikazzjoni”, jipprovdi li:

“Sabiex jirċievi l-applikazzjoni, il-korp amministrattiv għandu jniżżel, meta jirċievi l-applikazzjoni, in-numru tal-applikazzjoni, kif ukoll id-data, is-siegħa u l-minuta li fiha jkun irċeviha, skont il-modalitajiet li għandhom jiġu ddeterminati b’regolament.”

15

L-Artikolu 13 tal-liġi 17/2001 jiddikjara:

“1.   Id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni hija d-data li fiha l-korp amministrattiv, kif iddefinit fl-Artikolu 11, jirċievi d-dokumenti li jinkludu l-elementi msemmija fl-Artikolu 12(1).

2.   Id-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet ippreżentati f’uffiċċju tal-posta hija l-mument meta dan l-uffiċċju jirċievi d-dokumenti li jinkludu l-elementi msemmija fl-Artikolu 12(1), sakemm dawn id-dokumenti jiġu ppreżentati f’envelopp miftuħ, permezz ta’ ittra rreġistrata u b’irċevuta ta’ meta jasal l-envelopp, indirizzat lill-korp amministrattiv kompetenti sabiex jirċievi l-applikazzjoni. L-uffiċċju tal-posta għandu jindika l-jum, is-siegħa u l-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni.

3.   Fis-sitwazzjoni fejn wieħed mill-korpi jew unitajiet amministrattivi msemmija fis-subartikoli hawn fuq jonqos milli jirrapporta meta jirċievi l-applikazzjoni, il-ħin tal-preżentata tagħha, tiġi attribwita l-aħħar siegħa tal-jum għall-imsemmija applikazzjoni. Jekk ma titniżżilx il-minuta tal-preżentata, tiġi attribwita l-aħħar minuta tas-siegħa. Jekk ma jitniżżlu la s-siegħa u lanqas il-minuta tal-preżentata, għandha tiġi attribwita l-aħħar siegħa u minuta tal-jum inkwistjoni”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, filgħodu tat-12 ta’ Diċembru 2003, rispettivament, fil-11.52 u fl-12.13, Génesis b’mod elettroniku ppreżentat quddiem l-UASI, żewġ applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji, jiġifieri t-trade mark verbali Rizo, għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 28, 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, kif ukoll it-trade mark verbali Rizo, El Erizo, għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 35 u 36 fis-sens ta’ dak il-ftehim.

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fl-istess jum, iżda fil-17.45, Pool Angel Tomás SL ippreżentat quddiem l-OEPM applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Rizo’s għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 28 fis-sens tal-imsemmi ftehim.

18

Génesis opponiet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali, peress li hija kienet tqis li t-trade marks Komunitarji verbali Rizo u Rizo, El Erizo kienu jippreċeduha.

19

Peress li l-OEPM ċaħad l-oppożizzjoni permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2004, Génesis ressqet ilment intiż sabiex l-OEPM jikkonstata l-preċedenza tat-trade marks Komunitarji li kienu proprjetà tagħha, billi bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanza li l-applikazzjoni għal dawk it-trade marks ġiet ippreżentata, b’mod elettroniku, fit-12 ta’ Diċembru 2003 u li hija dik id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2005, l-OEPM ċaħad dak l-ilment. L-OEPM ikkunsidra mill-ġdid li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat, kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqet fis-7 ta’ Jannar 2004, li hija d-data li fiha ġiet prodotta b’mod effettiv id-dokumentazzjoni, u li dik id-data kienet suċċessiva għad-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Spanjola Rizo’s.

21

Peress li Génesis ippreżentat rikors kontra dik id-deċiżjoni tal-aħħar, it-tieni bord tas-sezzjoni tal-proċeduri amministrattivi kuntenzjużi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid ikkonferma, permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Frar 2008, il-fondatezza tal-għoti tat-trade mark Spanjola mitluba Rizo’s. Dan il-bord qies li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade marks Komunitarji opposti kienet id-data tal-produzzjoni effettiva tad-dokumentazzjoni, u mhux it-12 ta’ Diċembru 2003, id-data meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni b’mod elettroniku.

22

Għalhekk Génesis ippreżentat appell minn dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-appell tagħha, minn naħa, Génesis tikkontesta l-interpretazzjoni tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid dwar id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade marks Komunitarji u tindika li l-interpretazzjoni korretta tal-Artikoli 26 u 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat twassal biex tiġi kkunsidrata bħala d-data ta’ preżentata tal-applikazzjonijiet id-data li fiha dawn intbagħtu lill-UASI u ġew riċevuti minnu. Għalhekk fil-kawża prinċipali kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-jum tat-12 ta’ Diċembru 2003. Min-naħa l-oħra, Génesis tqis li peress li ma osservax il-prijorità tat-trade marks Komunitarji Rizo u Rizo, El Erizo, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid kiser l-Artikolu 6(2)(a) tal-Liġi 17/2001.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi t-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 27 tar-Regolament [Nru 40/94 emendat] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, mhux biss id-data, iżda wkoll is-siegħa u l-minuta ta’ meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark quddiem l-UASI, sabiex tiġi ddeterminata l-prijorità ratione temporis fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali ppreżentata fl-istess data, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark nazzjonali tikkunsidra li s-siegħa ta’ meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni hija rilevanti?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-applikazzjonijiet għat-trade marks Komunitarji u għat-trade mark nazzjonali ġew ippreżentati fl-istess jum.

25

Issa, għalkemm jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-OEPM kif ukoll il-qorti li tat deċiżjoni dwar ir-rikors ikkunsidraw li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade marks Komunitarji kienet suċċessiva għad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark nazzjonali, dik iċ-ċirkustanza madankollu ma għandhiex effett fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

26

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li fir-rigward tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C-300/01, Ġabra p. I-4899, punti 29 u 31; tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 67) Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Peress li Génesis ikkontestat, kemm quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju, it-teorija li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade marks Komunitarji hija suċċessiva għal dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali, dik il-kwistjoni tifforma parti mis-suġġett tal-kawża quddiem din l-aħħar qorti. Konsegwentement, bl-ebda mod ma jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew tirrigwarda problema ta’ natura ipotetika.

28

Konsegwentement hemm lok li tingħata risposta għad-domanda preliminari.

Fuq il-mertu

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti li jittieħed inkusiderazzjoni mhux biss il-jum, iżda wkoll is-siegħa u l-minuta tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja quddiem l-UASI, bil-għan li tiġi ddeterminata l-prijorità ta’ tali trade mark meta mqabbla ma’ trade mark nazzjonali ppreżentata fl-istess jum, anki meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-reġistrazzjoni ta’ dik l-aħħar trade mark, is-siegħa u l-minuta tal-preżentata huma, f’dak ir-rigward, elementi rilevanti.

30

Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li l-protezzjoni tat-trade marks fi ħdan l-Unjoni Ewropea hija kkaratterizzata mill-koeżistenza ta’ diversi sistemi ta’ protezzjoni.

31

Minn naħa, id-Direttiva 89/104 għandha, skont l-ewwel premessa tagħha, l-għan li jiġu approssimati l-liġijiet nazzjonali dwar it-trade marks, bil-għan li jiġu eliminati d-differenzi eżistenti li jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta’ prodotti u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jistgħu jgħawwġu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq komuni.

32

Għalkemm huwa veru li skont it-tielet premessa tad-Direttiva 89/104, “ma jidhirx li hu neċessarju preżentement ssir approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet tat-trade marks ta’ l-Istati Membri”, xorta jibqa’ l-fatt li din id-direttiva fiha armonizzazzjoni fir-rigward ta’ ċerti regoli sostantivi ċentrali għal dan is-suġġett, jiġifieri, skont din il-premessa stess, regoli dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom l-iktar influwenza diretta fuq il-funzjonament tas-suq intern, u li din il-premessa ma teskludix li l-armonizzazzjoni fir-rigward ta’ dawn ir-regoli tkun kompleta (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C-355/96, Ġabra p. I-4799, punt 23, u tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C-40/01, Ġabra p. I-2439, punt 27 u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C-482/09, Ġabra p. I-8701, punt 30).

33

Madankollu l-ħames premessa tad-Direttiva 89/104 tippreċiża b’mod partikolari li “l-Istati Membri jibqgħu […] liberi li jiffissaw id-disposizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni, ir-revokazzjoni u l-invalidità tat-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni; billi jistgħu, per eżempju, jiddeterminaw il-forma tar-reġistrazzjoni tat-trade marks u proċeduri ta’ invalidità, jiddeċiedu jekk drittijiet preċedenti għandhomx ikunu invokati jew għall-proċedura tar-reġistrazzjoni jew għall-proċedura ta’ invalidità jew għat-tnejn u, jekk jippermettu li drittijiet preċedenti jkunu invokati fil-proċedura tar-reġistrazzjoni, li jkollhom proċedura ta’ opposizzjoni jew eżami ex-uffiċio jew it-tnejn”.

34

Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 89/104 ma tinkludix dispożizzjonijiet relatati mal-modalitajiet tal-preżentata jew mad-determinazzjoni tad-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għat-trade marks nazzjonali. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu f’dak il-qasam id-dispożizzjonijiet li huma adatti għalihom, fejn dawn tal-aħħar jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.

35

Min-naħa l-oħra r-Regolament Nru 40/94 emendat għandu bħala għan, kif jirriżulta mit-tieni premessa tiegħu, l-istabbiliment ta’ sistema Komunitarja ta’ trade marks li jgawdu minn protezzjoni uniformi u li jipproduċu l-effetti tagħhom fit-territorju kollu tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C-235/09, Ġabra p. I-2801, punt 41)

36

Dik is-sistema ta’ trade marks Komunitarji hija sistema awtonoma, kkostitwita minn għadd ta’ regoli, issegwi għanijiet speċifiċi għaliha u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C-238/06 P, Ġabra p. I-9375, punt 65; tas-16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates, C-202/08 P u C-208/08 P, Ġabra p. I-6933, punt 58, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2010, Evets vs UASI, C-479/09 P, Ġabra p. I-117, punt 49).

37

Bħala sistema awtonoma u indipendenti tas-sistemi nazzjonali, is-sistema tat-trade marks Komunitarji għandha r-regoli tagħha relatati mal-modalitajiet tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja inlużi fir-Regolament Nru 40/94 emendat u r-Regolament Nru 2868/95. B’mod partikolari, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat jinkludi dispożizzjoni speċifika relatata mad-data tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, mingħajr ma jagħmel riferiment f’dak ir-rigward għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-għan li tingħata risposta għad-domanda magħmula, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “data ta’ preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja”, inkluż fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-jum, iżda wkoll tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata ta’ dik l-applikazzjoni.

39

Fit-tieni lok, għalkemm il-kunċett ta’ “data ta’ preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat għandu jiġi interpretat fis-sens li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata ta’ dik l-applikazzjoni, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix madankollu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawk l-elementi, skont id-dritt nazzjonali, bil-għan li tiġi ddeterminata l-prijorità ta’ trade mark Komunitarja meta mqabbla ma’ trade mark nazzjonali ppreżentata fl-istess jum, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-reġistrazzjoni ta’ din l-aħħar trade mark tikkunsidra bħala rilevanti s-siegħa u l-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni.

Fuq is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “data ta’ preżentata” inkluż fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat

40

Qabel kollox jeħtieġ li jiġi rrilevat li mill-eżiġenzi kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li ma tinkludi l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment, fl-Unjoni kollha, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fejn din l-interpretazzjoni tkun waħda studjata fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C-467/08, Ġabra p. I-10055, punt 32 u Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

41

Sussegwentement skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C-336/03, Ġabra p. I-1947, punt 21; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, Ġabra p. I-11061, punt 17, tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C-151/09, Ġabra. p. I-7587, punt 39 u Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

42

Finalment, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, f’każ ta’ diverġenzi bejniethom, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et , C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 28, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Profisa, C-63/06, Ġabra p. I-3239, punt 14 kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2011, Møller, C-585/10, Ġabra p. I-13407, punt 26).

43

Issa, minn eżami kumparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat jirriżulta li dawn tal-aħħar jippreżentaw ċerti diskrepanzi.

44

Għalhekk, il-verżjoni Ċeka, Ġermaniża, Ungeriża, Slovakka, Finlandiża u Svediża ta’ dak l-artikolu jirreferu, fir-rigward kemm tal-intestatura tal-imsemmi artikolu kif ukoll tat-test tiegħu, għall-jum tal-preżentata (“Den podání”, “Anmeldetag”, “A bejelentés napja”, “Deň podania”, “Hakemispäivä”, “Ansökningsdag”), filwaqt li l-verżjonijiet Litwani u Pollakki ta’ dak l-istess artikolu jippreċiżaw li d-data tal-preżentata (“Padavimo data”, “Data zgłoszenia”) tikkorrispondi għall-jum (“diena”, “dzień”) meta ġiet ippreżentata t-talba.

45

Għall-kuntrarju, il-verżjonijiet ligwistiċi l-oħra jużaw biss l-espressjoni “data tal-preżentata” tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

46

Madankollu, jeħtieġ li jitqiegħdu fi perspettiva d-diskrepanzi eżistenti bejn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi sa fejn, skont is-sens komun, it-terminu “data” tirreferi ġeneralment għall-jum tax-xahar, ix-xahar u s-sena li fih ikun ġie adottat att jew li fih ikun irriżulta fatt. Bl-istess mod, l-indikazzjoni tal-jum li fih ikun ġie adottat att jew li fih ikun irriżulta fatt timplika, skont is-sens komun, in-neċessità li jiġi indikat ukoll ix-xahar u s-sena.

47

Madnakollu, l-obbligu li tiġi indikata d-data jew il-jum ma jimplikax, skont is-sens komun, l-obbligu li tiġi indikata s-siegħa u a fortiori il-minuta. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ riferiment espress fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat għas-siegħa u għall-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jidher li dawn l-indikazzjonijiet ma ġewx ikkunsidrati, mil-leġiżlatur Komunitarju, bħala neċessarji sabiex jiġi ddeterminat il-mument tal-preżenatata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u konsegwentement, il-preċedenza tagħha meta mqabbla ma’ trade mark oħra.

48

Tali interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-kuntest li jaqa’ taħtu l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat. B’mod partikolari, ir-regola 5 tar-Regolament Nru 2868/95, li tippreċiża l-formalitajiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-UASI, mis-servizz ċentrali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru jew mill-Uffiċċju tat-trade marks tal-Benelux, waqt il-preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, tistabbilixxi biss l-obbligu li jiġi indikat fuq l-applikazzjoni id-data ta’ meta tiġi riċevuta dik l-applikazzjoni u mhux is-siegħa u l-minuta ta’ dik id-data.

49

Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, jekk il-leġiżlatur Komunitarju kien ikkunsidra li s-siegħa u l-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala elementi kostituttivi tad-“data tal-preżentata” ta’ dik l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat, tali preċiżazzjoni kellha tiġi inkluża fir-Regolament Nru 2868/95.

50

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fis-sit tal-UASI, id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija dik li fiha jiġu ppreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 40/94 emendat quddiem l-UASI, ħin tal-Ewropa ċentrali (GMT + 1), ma tippermettix madankollu li jiġi konkluż li s-siegħa u l-minuta tal-preżentata ta’ tali applikazzjoni huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-preċedenza tat-trade mark. Bħalma jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali indikazzjoni tas-siegħa tippermetti biss li tiġi ddeterminata d-data tal-preżentata quddiem l-UASI.

51

Iċ-ċirkustanza, irrilevata minn Génesis, li waqt il-preżentata, b’mod elettroniku, ta’ applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji, l-UASI jiċċertifika de facto id-data u s-siegħa tal-preżentata ta’ dawk l-applikazzjonijiet, hija wkoll irrelevanti.

52

Ċertament, b’mod konformi mal-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni Nru EX-11-03 tal-president tal-uffiċċju, tat-18 ta’ April 2011, dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi minn u lejn l-uffiċċju (“Deċiżjoni bażika dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi”), tintbagħat komunikazzjoni elettronika lill-applikant li tikkonferma li tkun ġiet irċevuta l-applikazzjoni, ukoll b’mod elettroniku, għal trade mark Komunitarja, li fuqha jkun hemm id-data u s-siegħa li fiha tkun ġiet irċevuta dik l-applikazzjoni. Madankollu, mill-istess Artikolu 10(2) jirriżulta li l-komunikazzjoni li tikkonferma li tkun ġiet irċevuta l-imsemmija applikazzjoni tinkludi d-dikjarazzjoni li d-data li fiha tkun ġiet irċevuta dik l-applikazzjoni tiġi kkunsidrata bħala d-data tal-preżentata b’riżerva għall-ħlas ta’ taxxa fit-terminu stabbilit, mingħajr ebda riferiment, f’dak ir-rigward, għas-siegħa li fiha tkun ġiet irċevuta l-applikazzjoni.

53

Fi kwalunkwe każ, peress li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tista’ tiġi ppreżentata, b’mod konformi mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 40/94 emendat, liberament, quddiem l-UASI jew quddiem is-servizz ċentrali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru jew quddiem l-Uffiċċju tat-trade marks tal-Benelux, li kieku hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-siegħa u l-minuta tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, tali obbligu jkollu jirriżulta b’mod espliċitu mid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali, u mhux mid-deċiżjoni tal-president tal-UASI dwar il-preżentati tal-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji b’mod elettroniku.

54

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-kunċett ta’ “data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja” inkluż fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, iżda mhux tas-siegħa u tal-minuta ta’ din tal-aħħar.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata skont id-dritt nazzjonali

55

Wara li ġie ppreċiżat dan kollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix madankollu t-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja skont id-dritt nazzjonali, bil-għan li tiġi ddeterminata l-preċedenza ta’ trade mark Komunitarja meta mqabbla ma’ trade mark nazzjonali ppreżentata fl-istess jum, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-reġistrazzjoni ta’ din l-aħħar trade mark tikkunsidra s-siegħa u l-minuta tal-preżentata bħala elementi rilevanti.

56

F’dak ir-rigward, ikun suffiċjenti li jitfakkar, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li, bħala sistema awtonoma, is-sistema tat-trade marks Komunitarji għandha r-regoli tagħha relatati mad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, mingħajr ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

57

Konsegwentement, id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tista’ tiġi ddeterminata biss skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li s-soluzzjonijiet ipprovduti mid-dritt tal-Istati Membri ma jistgħux ikollhom effett f’dak ir-rigward.

58

Fil-fatt, minn naħa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn qari flimkien tal-Artikoli 14 u 97 tar-Regolament Nru 40/94 emendat jirriżulta li l-applikabbiltà tad-dritt nazzjonali huwa limitat għal kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 emendat.

59

Min-naħa l-oħra, li jiġi ammess, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta trade mark Komunitarja tiġi invokata sabiex issir oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali, li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni ta’ dik it-trade mark Komunitarja tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tkun twassal għal kontestazzjoni tan-natura uniformi tal-protezzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Fil-fatt, sakemm, kif ġie mfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu l-modalitajiet tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali, jkun hemm ir-riskju li l-portata tal-protezzjoni li tgwadi minnha t-trade mark Komunitarja tkun tvarja minn Stat Membru għal ieħor.

60

Il-konklużjoni li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tista’ tiġi ddeterminata biss skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 40/94 emendat li jistabbilixxi li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkun ingħatat data tal-preżentata għandha, fl-Istati Membri, il-valur ta’ preżentata nazzjonali regolari, b’kunsiderazzjoni, fejn ikun xieraq, tad-dritt tal-prijorità invokat insostenn tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

61

Fil-fatt, bħalma jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, dik id-dispożizzjoni ma temendax il-kunċett Komunitarju tad-“data tal-preżentata”, u lanqas ma tippreżumi applikazzjoni sussidjarja tad-dritt nazzjonali, iżda biss tirrikonoxxi fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji ppreżentati quddiem l-UASI l-istess valur legali li għandhom dawk ippreżentati quddiem uffiċċji nazzjonali.

62

Isegwi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja skont id-dritt nazzjonali, bil-għan li tiġi ddeterminata l-preċedenza ta’ trade mark Komunitarja meta mqabbla ma’ trade mark nazzjonali ppreżentata fl-istess jum, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-reġistrazzjoni ta’ din l-aħħar trade mark tikkunsidra s-siegħa u l-minuta tal-preżentata bħala elementi rilevanti.

63

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 emendat għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni minbarra tal-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-UASI, anki tas-siegħa u tal-minuta tal-imsemmija preżentata, bil-għan li tiġi ddeterminata l-preċedenza ta’ tali trade mark meta mqabbla ma’ trade mark nazzjonali ppreżentata fl-istess jum, anki meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-reġistrazzjoni ta’ din l-aħħar trade mark, is-siegħa u l-minuta tal-preżentata huma elementi rilevanti.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2003, tas-27 ta’ Ottubru 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni minbarra tal-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), anki tas-siegħa u tal-minuta tal-imsemmija preżentata bil-għan li tiġi ddeterminata l-preċedenza ta’ tali trade mark meta mqabbla ma’ trade mark nazzjonali ppreżentata fl-istess jum, anki meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-reġistrazzjoni ta’ din l-aħħar trade mark, is-siegħa u l-minuta tal-preżentata huma elementi rilevanti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top