Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0528

    Kawża T-528/09: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Diċembru 2009 — Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 51, 27.2.2010, p. 45–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.2.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 51/45


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2009 — Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża T-528/09)

    2010/C 51/82

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd (rappreżentanti: F. Carlin, barrister, N. Niejahr, Q. Azau u A. MacGregor, avukati)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (1), sa fejn dan jimponi dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti u jipprovdi għall-ġbir tad-dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet jew, sussidjarjament, tannulla r-regolament imsemmi sa fejn dan jipprovdi għall-ġbir tad-dazji provviżorji imposti fuq ir-rikorrenti.

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu u għal dawk tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn dan jirrigwarda lilha.

    Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tal-pretensjonijiet tagħha.

    Fl-ewwel lok, hija tosserva li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta identifika “l-prodotti kkonċernati” billi ddefinixxa kategoriji ta’ prodotti simplifikati wisq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni pproċediet għal paragun inadegwat mal-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti.

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (2) meta neħħa t-trattament individwali tar-rikorrenti fir-Regolament ikkontestat, għalkemm dan it-trattament kien inizjalment ġie konċess lilha mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva preċedenti għall-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju (3).

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li l-Kunsill kiser l-Artikoli 9(4) u 10(2) tar-Regolament bażiku meta stabbilixxa dazju definittiv u meta ddeċieda li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-“prodotti kkonċernati” tar-rikorrenti lejn l-UE, għaliex dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali.


    (1)  ĠU L 262, p. 19.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1).

    (3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 289/2009, tas-7 ta’ April 2009, li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 94, p. 48).


    Top