Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0467

    Kawża T-467/09: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Novembru 2009 — Stelzer vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 24, 30.1.2010, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/60


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2009 — Stelzer vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-467/09)

    2010/C 24/107

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrent: Dierk Stelzer (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: F. Weiland, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tad-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Awwissu 2009 u tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2009 (li għandha tiġi kkunsidrata bħala tad-29 ta’ Settembru 2009);

    tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tar-rikorrent.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrent jikkontesta b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2009, li permezz tagħha ġiet miċħuda parzjalment it-talba ta’ konferma tiegħu dwar l-aċċess għall-istudju ta’ kompatibbiltà sabiex id-dritt nazzjonali jiġi adattat għad-Direttiva 2003/35/KE (1).

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li m’hemmx lok għall-motivi msemmija mill-konvenuta sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba, jiġifieri l-ħarsien tal-iskop tal-ispezzjonijiet (it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (2)) u l-ħarsien tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001). Huwa jsostni wkoll li, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ġie rrifjutat b’mod żbaljat l-aċċess għad-dokument mitlub. Barra minn hekk, hemm interess pubbliku sabiex jiġi żvelat l-istudju li sar. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-konvenuta.


    (1)  Direttiva (KE) 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466)

    (2)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)


    Top