Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0445

    Kawża T-445/09: Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ Novembru 2009 — Centre national de la recherche scientifique vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 24, 30.1.2010, p. 54–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/54


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2009 — Centre national de la recherche scientifique vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-445/09)

    2010/C 24/97

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Centre national de la recherche scientifique (Pariġi, Franza) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2009 sa fejn hija tirrigwarda t-tpaċija bejn l-ammont riċevibbli dovut lis-CNRS mill-Komunità, imnissel mill-kuntratt Role of Skin, minn naħa, u l-allegat ammont riċevibbli dovut lill-Komunità mis-CNRS u mitlub abbażi tal-kuntratt EURO-THYMAIDE, min-naħa l-oħra;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    B’dan ir-rikors, is-Centre national de la recherche scientifique (CNRS) jitlob l-annullament tal-att ta’ tpaċija, li jinsab fid-Deċiżjoni BUDG/C3 D(2009) 10.5 — 1232, tas-17 ta’ Awwissu 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni rkuprat is-somom imħallsa lir-rikorrent fil-kuntest tal-Kuntratt EURO-THYMAIDE Nru LSHB-CT-2003-503410 dwar proġett tas-sitt programm-qafas ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku.

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq ħames motivi bbażati:

    fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn id-Deċiżjoni ttieħdet mingħajr ma l-Kummissjoni eżaminat l-elementi dettaljati tar-risposta tas-CNRS għar-rapport tal-verifika finali;

    fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE minħabba n-nuqqas ta’ elementi essenzjali tali li jippermettu li jinftiehem ir-raġunament tal-Kummissjoni li jinsab fid-Deċiżjoni;

    fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manfesti fl-evalwazzjoni tal-fatti li jikkonsistu fil-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet l-infiq eliġibbli billi emendat il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż inkorsi taħt il-Kuntratt u eskludiet b’mod żbaljat elementi probatorji ta’ dan l-infiq;

    fuq ksur tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju, sa fejn l-ammont riċevibbli kkontestat ma setax jitqies bħala “ċert, ta’ ammont fiss u dovut” minħabba n-natura serja tal-kontestazzjoni li huwa kien is-suġġett tagħha;

    fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mill-fatt li d-Deċiżjoni ttieħdet abbażi ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż li ma kinux jeżistu fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt.


    Top