Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0511

    Kawża C-511/09 P: Appell ippreżentat fl- 4 ta’ Diċembru 2009 minn Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co., Ltd mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) tat- 23 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-296/06: Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co., Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 37, 13.2.2010, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.2.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 37/24


    Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2009 minn Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co., Ltd mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) tat-23 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-296/06: Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co., Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-511/09 P)

    2010/C 37/30

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co., Ltd (rappreżentant: P. Bentley QC)

    Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, IML Industria Meccanica Lombarda Srl

    It-talbiet tal-appellanti

    L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-296/06, Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co., Ltd. vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sa fejn tiċħad l-ewwel parti tal-ilment tal-appellanti fl-ewwel istanza;

    tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1136/2006 (1) tal-24 ta’ Lulju 2006, sa fejn jimponi dazju antidumping fuq LAMs immanifatturati mill-appellanti li huwa ikbar mid-dazju li jkun dovut li kieku ma sarx aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni; u

    tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata ma tagħtix l-effett legali korrett lill-kunċett tal-valur normali kif definit fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 384/96 (2), kif emendat, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea. Konsegwentement, is-sentenza appellata tikkonstata b’mod żbaljat li l-valur normali simili li huwa ddeterminat skont din id-dispożizzjoni neċessarjament jikkorrispondi mal-mument li fih il-prodotti rilevanti ma jibqgħux jagħmlu parti mil-linja tal-produzzjoni fiċ-Ċina, minkejja li s-sentenza appellata nfisha tikkonstata li s-SG&A kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għall-bejgħ għall-esportazzjoni mhumiex sostnuti mill-kumpannija fiċ-Ċina, iżda minn kumpanniji relatati li jinsabu f’Ħong Kong, pajjiż li jadotta ekonomija tas-suq. Din il-konklużjoni żbaljata tirriżulta fil-fatt li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 2(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 384/96, kif emendat, billi taċċetta l-aġġustament tal-istituzzjonijiet dwar il-prezz tal-esportazzjoni li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-SG&A u tal-profitti tal-kumpanniji relatati f’Ħong Kong.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1136/2006, tal-24 ta’ Lulju 2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ mekkaniżmi b’lever arch li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 352M p. 451)

    (2)  (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45)


    Top