Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CA0430

    Kawża C-430/09: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas- 16 ta’ Diċembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden — l-Olanda) — Euro Tyre Holding BV vs Staatssecretaris van Financiën (Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 8(1)(a) u (b), Artikolu 28a(1)(a), Artikolu 28b(A)(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) — Eżenzjoni għal kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati fi ħdan l-Unjoni Ewropea — Kunsinni suċċessivi tal-istess oġġetti li jwasslu għal spedizzjoni waħda jew trasport wieħed intra-Komunitarju)

    ĠU C 55, 19.2.2011, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 55/13


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden — l-Olanda) — Euro Tyre Holding BV vs Staatssecretaris van Financiën

    (Kawża C-430/09) (1)

    (Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 8(1)(a) u (b), Artikolu 28a(1)(a), Artikolu 28b(A)(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) - Eżenzjoni għal kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati fi ħdan l-Unjoni Ewropea - Kunsinni suċċessivi tal-istess oġġetti li jwasslu għal spedizzjoni waħda jew trasport wieħed intra-Komunitarju)

    2011/C 55/23

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Hoge Raad der Nederlanden

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Euro Tyre Holding BV

    Konvenuta: Staatssecretaris van Financiën

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Hoge Raad der Nederlanden — Interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(a) u (b), tal-Artikolu 28a(1)(a), tal-Artikolu 28b(A)(1) u tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Eżenzjoni ta’ kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportata fil-Komunità — Kunsinni suċċessivi tal-istess oġġetti li jwasslu għal spedizzjoni jew trasport intra-Komunitarju wieħed ta’ oġġetti

    Dispożittiv

    Meta l-oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed, l-iffissar tat-tranżazzjoni li għandha tiġi attribwita b’dan it-trasport, jiġifieri l-ewwel jew it-tieni tranżazzjoni — din it-tranżazzjoni taqa’, minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/95/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva —, għandu jsir skont evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ kunsinni jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ kunsinna intra-Komunitarja.

    Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-ewwel akkwirent li kiseb id-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna juri l-intenzjoni tiegħu li jrid jittrasporta dan l-oġġett lejn Stat Membru ieħor u jippreżenta ruħu b’numru ta’ reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud mogħti minn dan l-aħħar Stat, it-trasport intra-Komunitarju għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna, bil-kundizzjoni li d-dritt tal-persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarja jkun ġie ttrasferit lit-tieni akkwirent fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-trasport intra-Komunitarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.


    (1)  ĠU C 24, 30.01.2010


    Top