Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CA0159

    Kawża C-159/09: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat- 18 ta’ Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal de commerce de Bourges — Franza) — Lidl SNC vs Vierzon Distribution SA ( Direttivi 84/450 u 97/55/KE — Kundizzjonijiet li taħthom ir-reklamar komparattiv huwa permess — Paragun ta’ prezzijiet li jirrigwardaw għażla ta’ prodotti tal-ikel mibjugħa miż-żewġ sensieli ta’ ħwienet kompetituri — Oġġetti li jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan — Reklamar qarrieqi — Paragun li jirrigwarda karatteristika verfikabbli )

    ĠU C 13, 15.1.2011, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/9


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal de commerce de Bourges — Franza) — Lidl SNC vs Vierzon Distribution SA

    (Kawża C-159/09) (1)

    (Direttivi 84/450 u 97/55/KE - Kundizzjonijiet li taħthom ir-reklamar komparattiv huwa permess - Paragun ta’ prezzijiet li jirrigwardaw għażla ta’ prodotti tal-ikel mibjugħa miż-żewġ sensieli ta’ ħwienet kompetituri - Oġġetti li jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan - Reklamar qarrieqi - Paragun li jirrigwarda karatteristika verfikabbli)

    2011/C 13/13

    Lingwa tal-kawża: il-franċiż

    Qorti tar-rinviju

    Tribunal de commerce de Bourges

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Lidl SNC

    Konvenuta: Vierzon Distribution SA

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal de commerce de Bourges — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227), kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 365) — Rekwiżiti għal-legalità tar-reklamar komparattiv — Paragun tal-prezzijiet mitluba minn katina kompetitriċi ta’ ħwienet kbar — Oġġetti li jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan

    Dispożittiv

    L-Artikolu 3a(1)(b) tad Direttiva tal Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi intepretata fis-sens li l-fatt biss li l-prodotti tal-ikel jiddifferenzjaw fir-rigward tal-fatt li dawn jittieklu u rigward il-gost li jesperjenzaw il-konsumaturi waqt li jiekluhom, skont il-kundizzjonijiet u l-post ta’ produzzjoni tagħhom, l-ingredjenti tagħhom u l-identità tal-produttur tagħhom, ma huwiex ta’ natura li jeskludi li l-paragun ta’ tali prodotti jista’ jissodisfa r-rekwiżit stabbilit bl-imsemmija dispożizzjoni u jeħtieġ li dawn il-prodotti jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan, jiġifieri li jippreżentaw bejniethom livell suffiċjenti ta’ interkambjalità.

    L Artikolu 3a(1)(a) tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Diretteva 97/55, għandu jiġi interpretat fis-sens li reklamar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkun qarrieqi, b’mod partikolari:

    jekk ikun ikkonstatat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ din il-kawża, u partikolarment tal-indikazzjonijiet jew tal-omissjonijiet li jakkompanjaw dan ir-reklamar, li d-deċiżjoni ta’ xiri ta’ numru sinjifikattiv ta’ konsumaturi li lilhom huwa indirizzat tista’ tittieħed bil-fehma żbaljata li l-għażla ta’ prodotti magħmula minn min jirreklama tirrappreżenta l-livell ġenerali tal-prezzijiet tiegħu meta mqabbla ma’ dak tal-kompetitur tiegħu li, għaldaqstant, dawn il-konsumaturi jiffrankaw bil-mod kif iddikjarat mill-imsemmi reklamar billi jixtru regolarment oġġetti tal-ikel ta’ kuljum mingħand min jirreklama pjuttost mingħand l-imsemmi kompetitur, jew ukoll bil-fehma żbaljata li l-prodotti kollha tal-kompetitur huma irħas minn dawk tal-kompetitur tiegħu, jew

    jekk ikun ikkonstatat li, għall-finijiet ta’ paragun magħmul mill-perspettiva esklużiva tal-prezz, intgħażlu prodotti tal-ikel li jippreżentaw għaldaqstant differenzi ta’ natura li tikkundizzjona b’mod sensibbli l-għażla tal-konsumatur medju, mingħajr ma l-imsemmija differenzi jirriżultaw mir-reklamar ikkonċernat.

    L-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Direttiva 97/55, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni ta’ verifikabbiltà li tipprovdi l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi,fir-rigward ta’ reklamar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jipparaguna l-prezzijiet taż-żewġ assortimenti ta’ oġġetti, li l-oġġetti inkwistjoni jistgħu jiġu preċiżament identifikati abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi reklamar.


    (1)  ĠU C 180,01.08.2009.


    Top