EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CA0168

Kawża C-168/08: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas- 16 ta’ Lulju 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour de cassation — Franza) — Iaszlo Hadadi (Hadady) vs Csilla Marta Mesko, miżżewġa Hadadi (Hadady) ( Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Artikolu 64 — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Applikazzjoni għal sentenza mogħtija fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004 — Artikolu 3(1) — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju — Elementi ta’ rabta rilevanti — Residenza abitwali — Ċittadinanza — Konjuġi residenti fi Franza u li għandhom, it-tnejn, ċittadinanza Franċiża u Ungeriża )

ĠU C 220, 12.9.2009, p. 11–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/11


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour de cassation — Franza) — Iaszlo Hadadi (Hadady) vs Csilla Marta Mesko, miżżewġa Hadadi (Hadady)

(Kawża C-168/08) (1)

(“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 2201/2003 - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri - Artikolu 64 - Dispożizzjonijiet tranżitorji - Applikazzjoni għal sentenza mogħtija fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004 - Artikolu 3(1) - Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju - Elementi ta’ rabta rilevanti - Residenza abitwali - Ċittadinanza - Konjuġi residenti fi Franza u li għandhom, it-tnejn, ċittadinanza Franċiża u Ungeriża”)

2009/C 220/17

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Iaszlo Hadadi (Hadady)

Konvenuta: Csilla Marta Mesko, miżżewġa Hadadi (Hadady)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour de cassation (Franza) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU L 160, p. 19) u tal-Artikoli 3 u 64 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1) — Kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent ta’ sentenza ta’ divorzju — Elementi ta’ rabta rilevanti: domiċilju jew ċittadinanza tal-partijiet ?

Dispożittiv

1)

Meta l-qorti ta’ Stat Membru mitluba tirrikonoxxi sentenza għandha tivverifika, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ta’ sentenza kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru mitluba tirrikonoxxi sentenza milli tikkunsidra lill-konjuġi li għandhom iż-żewġ ċittadinanzi kemm ta’ dan l-Istat kif ukoll tal-Istat Membru tal-oriġini bħala ċittadini tal-Istat Membru li ntalab jirrikonoxxi sentenza biss. Din il-qorti għandha, għall-kuntrarju, tikkunsidra l-fatt li l-konjuġi għandhom ukoll iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-oriġini u li, għalhekk, il-qrati ta’ dan tal-aħħar jista’ jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawża.

2)

Meta kull wieħed mill-konjuġi għandu ċittadinanza tal-istess żewġ Stati Membri, l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprekludi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri tiġi eskluża minħabba l-fatt li l-attur ma jurix elementi ta’ rabta oħra ma’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, il-qrati tal-Istati Membri li tagħhom il-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza għandhom ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni, u dawn jistgħu jagħżlu l-qorti tal-Istat Membru li quddiemu ser tinstema’ l-kawża.


(1)  ĠU C 158, 21.06.2008.


Top