Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0171

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-11 ta' Novembru 2004.
    Maatschap Toeters u M. C. Verberk vs Productschap Vee en Vlees.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
    Laħam taċ-ċanga u vitella - Primjum għat-tqegħid bikri tal-vitella fuq is-suq -Perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal primjum - Regoli għall-kalkolu tal-perijodu ta' żmien - Validità tar-Regolament (KEE) Nru 3886/92.
    Kawża C-171/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:714

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    11 ta' Novembru 2004 (*)

    "Laħam taċ-ċanga u vitella – Primjum għat-tqegħid bikri tal-vitella fuq is-suq –Perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal primjum – Regoli għall-kalkolu tal-perijodu ta' żmien – Validità tar-Regolament (KEE) Nru 3886/92"

    Fil-kawża C-171/03,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234KE,

    imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-13 ta' April 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' April 2003, fil-proċedura

    Maatschap Toeters,

    M. C. Verberk, li jikkummerċjalizza taħt l-isem "Verberk-Voeten",

    vs

    Productschap Vee en Vlees,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas (Relatur) u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Maatschap Toeters u C. Verberk, li jikkummerċjalizza taħt l-isem "Verberk-Voeten", minn J. Hulshuizen, advocaat,

    –       għal Productschap Vee en Vlees, minn C. M. den Hoed, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Olandiż, H. G. Sevenster, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Ġunju 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tat-3 ta' Ġunju 1971, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, p. 1), u l-interpretazzjoni u l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3886/92, tat-23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġu applikati l-iskemi tal-primjums stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nri 1244/82 u 714/89 (ĠU L 391, p. 20), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2311/96, tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU L 313, p. 9).

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn, fuq naħa, Maatschap Toeters (aktar 'il quddiem "Toeters") u M. C. Verberk li jikkummerċjalizza taħt l-isem Verberk-Voeten (aktar 'il quddiem "Verberk"), u fuq in-naħa l-oħra, Productschap Vee en Vlees (aktar 'il quddiem "Productschap"), fir-rigward tad-deċiżjoni li biha dan ta' l-aħħar ċaħad l-applikazzjonijiet ippreżentati minn Toeters u Verberk sabiex jiksbu l-primjum għat-tqegħid bikri tal-vitella fuq is-suq.

     Il-leġiżlazzjoni applikabbli

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       Ir-Regolament Nru 1182/71 fih regoli ġenerali uniformi li jikkonċernaw il-perijodi, id-dati u l-limiti ta' żmien li huma stabbiliti minn atti legali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

    4       L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1182/71 jipprovdi li:

    "Minn barra fejn hemm provdut mod ieħor, dan ir-regolament għandu japplika għal atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni li għaddew jew se jgħaddu wara t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea jew it-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika."

    5       L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1182/71 huwa fformulat bil-mod segwenti:

    "1.       [...]

    Fejn perjodu li hemm referenza għalih bil-ġranet, ġimgħat jew snin għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih tiġri ġrajja jew isseħħ azzjoni, il-ġurnata li tulha tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni ma għandhiex tingħadd bħala parti mill-perjodu in kwestjoni.

    2.      Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 4:

             [...]

    (ċ)       perjodu li hemm referenza għalih f'ġimgħat, xhur jew snin għandu jibda mill-ewwel siegħa ta' l-ewwel ġurnata tal-perjodu, u għandu jispiċċa bit-tmiem ta' l-aħħar siegħa ta' dik il-ġurnata ta' l-aħħar ġimgħa, xahar jew sena li hija l-istess ġurnata tal-ġimgħa, jew li taħbat fl-istess data, bħall-ġurnata li minnha beda l-perjodu. […]"

    6       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68, tas-27 ta' Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella (ĠU L 148, p. 24), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2222/96, tat-18 ta' Novembru 1996 (ĠU L 296, p. 50, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 805/68"), jipprovdi għall-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jadottaw liġijiet li jistabbilixxu primjums, b'mod partikolari, sabiex jerġgħu jistabbilixxu l-bilanċ fis-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella wara d-disturbi pprovokati mill-enċefalopatija sponġiformi ta' l-ifrat (BSE), filwaqt li jżommu l-iskema ta' sostenn fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella.

    7       L-Artikolu 4i(2), (5) u (6) tar-Regolament Nru 805/68 jipprovdi, b'mod partikolari, is-segwenti:

    "2.      L-Istati Membri jistgħu, sat-30 ta' Novembru 1998, jagħtu primjum għat-tqegħid bikri tal-vitella fuq is-suq. Dan il-primjum jingħata mal-qtil, fi Stat Membru, ta' kull għoġol:

    –       li l-piż tal-karkassa tiegħu jkun ekwivalenti għal jew anqas mill-piż tal-karkassa medju ta' l-għoġġiela maqtula fl-Istat Membru kkonċernat, imnaqqas bi 15%. Il-piż tal-karkassa medju għal kull Stat Membru huwa dak li jirriżulta mid-data statistika Eurostat stabbilita għas-sena 1995 jew minn kull statistika oħra għal din is-sena, ippubblikati uffiċjalment u aċċettati mill-Kummissjoni,

    –       li nżamm, immedjatament qabel il-qtil tiegħu, fl-Istat Membru tal-qtil għal matul perijodu li għandu jiġi ddeterminat.

    [...]

    5.      Skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 27, il-Kummissjoni :

    [...]

    –       għandha tistabbilixxi l-ammont tal-primjum għat-tqegħid bikri tal-vitella fuq is-suq f'livell xieraq li jippermetti l-qtil ta' numru suffiċjenti ta' għoġġiela skond il-bżonnijiet tas-suq;

    –       tista', fuq talba ta' Stat Membru, tawtorizza li l-primjum għat-tqegħid bikri fuq is-suq jiġi applikat fuq bażi reġjonali differenzjata f'dan l-Istat Membru, kemm-il darba, immedjatament qabel il-qtil tagħhom, l-annimali jkunu nżammu fir-reġjun tal-qtil għal matul perijodu li jrid jiġi ddeterminat;

    –       tista' tissospendi l-għoti ta' wieħed u/jew ieħor mill-primjums imsemmija f'dan l-artikolu.

    6.       Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk, sitt xhur wara d-dħul tagħhom fis-seħħ, l-iskemi previsti f'dan l-artikolu jkunux taw riżultati sodisfaċenti.

    Fil-każ kuntrarju, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta xierqa lill-Kunsill, li għandu jiddeċieda dwarha b'maġġoranza kwalifikata, b'mod partikolari, billi jieħu in kunsiderazzjoni t-tqassim ta' l-isforzi ta' adattament bejn l-Istati Membri u eventwali distorsjonijiet kummerċjali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8       Ir-Regolament Nru 3886/92 jinkludi regoli dettaljati sabiex jiġu applikati l-iskemi ta' primjums previsti mir-Regolament Nru 805/68.

    9       L-Artikolu 50(1), kif emendat mir-Regolament Nru 2311/96, jipprovdi li:

    "Kundizzjonijiet għall-għoti tal-primjum

    1.      Stat Membru jista' biss jagħti l-primjum għat-tqegħid bikri tal-vitella fis-suq (aktar 'il quddiem imsemmi "primjum") fir-rigward ta' l-annimali li jinqatlu fit-territorju tiegħu u li l-piż tal-karkassa tagħhom huwa ekwivalenti jew anqas mill-piż indikat fl-Anness IV.

    Il-qtil għandu jsir f'biċċerija li timpenja ruħha fir-rigward ta' l-awtorità kompetenti li tipparteċipa fl-implementazzjoni korretta ta' l-iskema tal-primjum, kif definit b'mod aktar preċiż fl-Artikoli 50a u 50b." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10     L-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92, miżjud mir-Regolament Nru 2311/96, jipprovdi li:

    "Applikazzjoni għal primjum

    1.      Kull applikazzjoni għal primjum għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat sa mhux aktar tard minn tliet ġimgħat wara l-ġurnata tal-qtil.

    Applikazzjoni tista' tirrigwarda diversi annimali, sakemm l-informazzjoni neċessarja fuq kull wieħed mill-annimali tkun tinsab fl-applikazzjoni skond il-paragrafu 2.

    2.       Kull applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni dettaljata kollha neċessarja għal kull annimal, li tippermetti lill-awtorità kompetenti tikkonstata l-eliġibbiltà tiegħu għall-primjum.

    [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11     L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 3886/92, kif emendat mir-Regolament Nru 2311/96, jipprovdi li:

    "Komunikazzjonijiet

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

    [...]

    (ċ)       għal dak li jikkonċerna l-primjum għat-tqegħid bikri tal-vitella fis-suq:

    (i)       l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ħadu sabiex jimplementaw l-iskema tal-primjum;

    (ii)  sa mhux aktar tard mit-2 ta' Diċembru 1996, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ispeċifikazzjoni tal-karkassa użata għall-karkassi ta' l-għoġġiela fl-1995 meta jiġu kkomunikati ċ-ċifri ta' produzzjoni lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Kummissjoni;

    (iii)  l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull nhar ta' Erbgħa:

    –       bin-numru ta' annimali li għalihom ikun intalab il-primjum matul il-ġimgħa ta' qabel u mill-bidu ta' l-implementazzjoni ta' l-iskema,

    –       bin-numru ta' annimali aċċettat għall-primjum mill-bidu ta' l-implementazzjoni ta' l-iskema,

    –       bin-numru totali ta' għoġġiela maqtula kull ġimgħa mill-1 ta' Diċembru 1996;

    (iv)  kull trimestru, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-piżijiet tal-karkassi, maqsum fi gruppi ta' 10 kilogrammi:

    –       tal-vitella li għalih ġiet irċevuta applikazzjoni għal primjum,

    –       tal-vitella l-oħra." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    12     Ir-regoli li jirregolaw l-applikazzjonijiet għal primjum imsemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 3886/92 huma msemmija fil-Verordening kalverslachtpremie (Regolament dwar il-primjum għall-qtil ta' l-għoġġiela), adottat fil-11 ta' Diċembru 1996 mill-amministrazzjoni tal-Productschap (PBO-blad 1997, Nru 25). L-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-regolament jipprovdu li:

    "Artikolu 2

    1.      Fuq l-applikazzjoni tal-proprjetarju ta' l-għoġġiela, għandu jingħata primjum, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament tal-Kummissjoni u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn jew bis-saħħa ta' dan ir-regolament, għal kull għoġol:

    –       maqtul fl-1 ta' Diċembru 1996 jew wara [...]

    [...]

    Artikolu 3

    1.      L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati billi l-formularju pprovdut minn Productschap jerġa' jintbagħat mimli korrettament u onestament.

    2.       Għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss dawk l-applikazzjonijiet akkumpanjati mid-dokumenti kollha li juru li l-għoġol ikkonċernat jista' jibbenefika mill-primjum u jaslu għand il-Productschap qabel l-iskadenza ta' perjodu ta' tliet ġimgħat mid-data tal-qtil.

    [...]"

    13     L-Artikolu 6:9 tal-wet houdende algemene regels van bestuursrecht (Algemene wet bestuursrecht, Kodiċi Ġenerali ta' Dritt Amministrattiv), ta' l-4 ta' Ġunju 1992 (Stbl. 1998, p. 1), huwa fformulat bil-mod segwenti:

    "1.      Oġġezzjoni jew talba għandha titressaq fil-perjodu ta' żmien stabbilit meta d-destinatarju jirċeviha qabel l-iskadenza ta' dan il-perjodu.

    2.      F'każ li l-oġġezzjoni jew it-talba tintbagħat bil-posta, din għandha titressaq fil-perjodu ta' żmien stabbilit jekk tiġi impostata qabel l-iskadenza ta' dan il-perjodu sakemm id-destinatarju tagħha ma jirċevihiex aktar minn ġimgħa wara l-iskadenza tal-perjodu."

     Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

     Il-kawża Toeters

    14     Permezz ta' formula ddatata 13 ta' April 1998, Toeters talab lill-Productschap primjum għall-qtil ta' 209 għoġol, li kienu ġew maqtula fit-12, 13 u 16 ta' Marzu 1998. Dan il-formularju ġie mibgħut bil-posta fis-7 ta' April u wasal għand is-servizzi tal-Productschap fit-8 ta' April 1998.

    15     Permezz ta' ittra tas-26 ta' Mejju 1998, il-Productschap ċaħad l-applikazzjoni ta' Toeters kompletament peress li l-imsemmija formula ma kinitx ġiet ippreżentata lis-servizzi tiegħu fil-perijodu ta' tliet ġimgħat li jsegwi l-qtil ta' l-annimali. Skond il-Productschap, il-perijodi ta' żmien li fih kellhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet kienu għalqu fit-3, 6 u 7 ta' April 1998, rispettivament.

    16     Permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Jannar 1999, il-Productschap ċaħad, bħala infondata, l-oġġezzjoni li Toeters kien ressaq kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal primjum.

    17     Fit-8 ta' Frar 1999, Toeters ressaq rikors kontra d-deċiżjoni ta' ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju.

    18     Toeters isostni, b'mod partikolari, li ċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni kollha tiegħu għal primjum, li tirrigwarda ammont ta' bejn wieħed u ieħor EUR 11 3000, hija sproporzjonata meta jittieħed in kunsiderazzjoni li l-perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni kien skada biss bi ftit.

     Il-kawża Verberk

    19     Permezz ta' tliet formuli ddatati 18 ta' Frar 1998, Verberk talab lill-Productscap primjum għal qtil ta' 68, 49 u 102 għoġol, li huwa indika li kienu ġew maqtula fit-28, 27 u 27 ta' Jannar 1998 rispettivament. Kif jidher mit-timbru tal-posta, dawn il-formuli kienu ġew mibgħuta fid-19 ta' Frar 1998. Huma waslu għand is-servizzi tal-Productschap fl-20 ta' Frar 1998.

    20     Permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Frar 1998, il-Productschap ċaħad dawn it-tliet applikazzjonijiet minħabba li l-formuli ma kinux ġew ippreżentati fil-perijodu ta' tliet ġimgħat wara l-qtil. Skond il-Productschap, dan il-perijodu għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni kienu skadew fid-19, 18 u 18 ta' Frar 1998.

    21     Permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' April, il-Productschap ċaħad, bħal infondata, l-oġġezzjoni li Verberk kien ressaq kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjonijiet tiegħu għal primjums.

    22     Fis-27 ta' Mejju 1999, Verberk ressaq rikors kontra din id-deċiżjoni tal-15 ta' April 1999 quddiem il-qorti tar-rinviju.

    23     Verberk isostni li waħda mill-applikazzjonijiet ippreżentati minnu, jiġifieri l-applikazzjoni li tikkonċerna t-68 għoġol maqtul fit-28 ta' Jannar, kienet ġiet effettivament ippreżentata fil-perijodu ta' żmien stabbilit peress li hija kienet ġiet impostata fil-perijodu statutorju ta' tliet ġimgħat.

    24     Verberk isostni wkoll li ċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni kollha tiegħu għal primjum minħabba li l-perijodu ta' żmien kien skada bi ftit, hija inkompatibbli mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

    25     Quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven huwa sostna, b'mod partikolari, li, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta' Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità (ĠU L 355, p. 1), il-Kunsill pprovda li din is-sistema għandha tapplika, b'mod partikolari, għall-iskemi tal-primjum għall-benefiċċju tal-produtturi tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, stabbilit fl-Artikolu 4(a) sa (h) tar-Regolament Nru 805/68. Skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92, tat-23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' l-amministrazzjoni u ta' kontroll integrata għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità (ĠU L 391, p. 36), ħlief f'każ ta' force majeur, kull meta applikazzjoni tiġi ppreżentata tard l-ammont ta' għajnuna mitlub għandu jitnaqqas b'mod proporzjonali għan-numru ta' ġranet li l-applikazzjoni tkun tard. Regola bħal din hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità. Madankollu, il-primjum għal qtil ta' l-għoġol in kwistjoni, ibbażat fuq l-Artikolu 4i tar-Regolament Nru 805/68, ma jaqax taħt din il-leġiżlazzjoni.

    26     Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven mhuwiex ċert dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1182/71. Fil-fatt, jekk jittieħed l-eżempju ta' applikazzjoni għal primjum li għandha tiġi ppreżentata fit-tliet ġimgħat ta' wara l-qtil, skond l-Artikolu 3(1) ta' dan ir-regolament, il-perijodu ta' żmien għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata tal-qtil, mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni l-parti li tibqa' tal-ġurnata. Min-naħa l-oħra, kieku kellu jiġi applikat l-Artikolu 3(2) ta' l-imsemmi regolament, il-perijodu ta' żmien jiġi kkalkulat mill-ġurnata ta' wara l-qtil u jispiċċa ma' l-iskadenza ta' l-aħħar siegħa tal-ġurnata li, fl-aħħar ġimgħa, tkun l-istess ġurnata bħall-ġurnata ta' wara l-ġurnata tal-qtil. F'dan l-aħħar każ, il-perijodu ta' żmien ikun dejjem jinkludi ġurnata aktar min-numru ta' ġranet inklużi f'dawn il-ġimgħat.

    27     Fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven jirrileva wkoll li, jekk kellhom jiġu applikati r-regoli tal-proċedura nazzjonali sabiex tiġi ddeterminata d-data ta' preżentazzjoni ta' applikazzjoni, jiġifieri l-Artikolu 6:9 tal-Kodiċi Ġeneral tad-Dritt Amministrattiv, l-applikazzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali jkollhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew ippreżentati skond l-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92. Fil-fatt, dawn ġew impostati qabel tmiem il-perijodu ta' żmien u ġew irċevuti mid-destinatarju anqas minn ġimgħa wara l-iskadenza tal-perijodu.

    28     Skond il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-fatt li jiġi kkunsidrat li dawn l-applikazzjonijiet ġew ippreżentati fil-ħin jikkomprometti l-kontroll effettiv li, minħabba fih, il-Kummissjoni stabbiliet perijodu ta' żmien, imur kontra l-miżuri ta' kontroll stabbiliti minnha għal dan il-għan permezz ta' l-Artikolu 50b tar-Regolament Nru 3886/92 jew ifixkel il-funzjonament tajjeb ta' l-iskema.

    29     Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven għamel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "(1)      (a)   L-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu espress f'ġimgħat bħall-perijodu previst fl-Artikolu 50a tar-Regolament (KEE) Nru 3886/92 jiskadi kif tgħaddi l-aħħar siegħa tal-ġurnata li, fl-aħħar ġimgħa, hija l-istess ġurnata bħall-ġurnata ta' wara l-ġurnata li fiha seħħ il-qtil?

             (b)   Stat Membru jista', meta jkun qed japplika l-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92, jistabbilixxi l-mument meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal primjum skond ir-regoli tal-proċedura nazzjonali applikabbli fis-sistema legali interna tiegħu simili skond perijodi ta' żmien nazzjonali komparabbli rigward l-applikazzjonijiet?

             (ċ)   Fil-każ kuntrarju, l-Artikolu 50a tar-Regolament (KEE) Nru 3886/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal primjum għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala "ippreżentata" fil-perijodi ta' żmien stabbiliti meta jista' jintwera li hija ġiet impostata qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' tliet ġimgħat u waslet għand l-awtorità kompetenti wara l-iskadenza tal-perijodu ta' żmien f'mument li fih din l-aħħar setgħet tikkomunika l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni fl-istess ġurnata li kienet tagħmel dan kieku l-applikazzjoni għal primjum kienet waslitilha qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' żmien?

    (2)      L-Artikolu 50a(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3886/92, safejn jipprojbixxi kompletament lill-applikanti milli jirċievu l-primjum fil-każ li jgħaddi l-perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni, irrispettivament minn kif u minn b'kemm jinqabeż dan il-perijodu ta' żmien, huwa validu?"

     Fuq id-domandi

     Fuq id-domanda 1(a)

    30     Permezz tad-domanda 1(a), il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1182/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta' żmien li ssir referenza għalih f'ġimgħat, bħall-perijodu previst fl-Artikolu 50a tar-Regolament (KEE) Nru 3886/92, jiskadi kif tgħaddi l-aħħar siegħa tal-ġurnata li, fl-aħħar ġimgħa, hija l-istess ġurnata bħall-ġurnata ta' wara l-ġurnata li fiha seħħ il-qtil.

    31     Kif jippreċiża t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1182/71, meta perijodu ta' żmien li ssir referenza għalih fi ġranet, ġimgħat, xhur jew snin għandu jibda jingħadd mill-mument li fih tiġri ġrajja jew isseħħ azzjoni, il-ġurnata li matulha tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni m'għandhiex tiġi inkluża fil-perijodu ta' żmien. Din id-dispożizzjoni tesprimi l-prinċipju Latin dies a quo non computatur in termino li jikkostitwixxi regola tad-dritt rikonoxxuta minn bosta sistema legali ta' l-Istati Membri.

    32     Id-dies a quo, jew il-ġurnata li matulha tiġri l-ġrajja, hija għalhekk il-ġurnata li minnha jibda jiddekorri l-perijodu ta' żmien, u li minnha jiġi kkalkolat il-perijodu ta' żmien stabbilit mil-liġi, li, fil-kawżi prinċipali, huwa ta' tliet ġimgħat.

    33     Skond l-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1182/71, perijodu ta' żmien li ssir referenza għalih f'ġimgħat jiskadi kif tgħaddi l-aħħar siegħa tal-ġurnata li, fl-aħħar ġimgħa, hija l-istess ġurnata jew tkun fl-istess data bħall-ġurnata li fiha jibda' jiddekorri l-istess perijodu. Din id-dipożizzjoni, li tippermetti li jiġi ddeterminat id-dies ad quem jew il-ġurnata li fih jispiċċa l-perijodu ta' żmien, għandha tiġi interpretata billi jsir riferiment għat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-istess regolament, li jistabbilixxi li l-ġurnata li minnha jibda jiddekorri l-perijodu ta' żmien hija l-ġurnata li matulha tkun ġrat il-ġrajja. Fi kliem ieħor, jekk ġrajja li minnha jibda jiddekorri l-perijodu ta' żmien ta' ġimgħa sseħħ it-Tnejn, il-perijodu jispiċċa t-Tnejn ta' wara, li jkun id-dies ad quem.

    34     Din l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1182/71 tikkorrispondi għar-regola prevista fl-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Kalkolu tal-Perijodi ta' Żmien, li ġiet adottata f'Basle fis-16 ta' Mejju 1972 (aktar 'il quddiem, il-"konvenzjoni ta' Basle"), li tistabbilixxi li "meta perjodu ta' żmien issir referenza għalih f'ġimgħat, id-dies ad quem hija l-ġurnata ta' l-aħħar ġimgħa li hija l-istess bħad-dies a quo". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    35     Hija tikkorrispondi wkoll għar-regola użata sabiex jiġu kkalkolati l-perijodi ta' żmien fi proċeduri ġudizzjarji. Skond l-Artikolu 80(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-perijodu ta' żmien espress f'ġimgħat jispiċċa ma' l-iskadenza tal-ġurnata li, fl-aħħar ġimgħa, hija l-istess ġurnata bħall-ġurnata li matulha tkun ġrat il-ġrajja jew ikun twettaq xi att li minnu għandu jiġi kkalkulat dan il-perijodu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Jannar 1987, Misset vs Il-Kunsill, 152/85, Ġabra p. 223, punti 7 u 8).

    36     Peress li din ir-regola hija suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat il-mod li bih huwa kkalkolat il-perijodu ta' żmien u l-ġurnata li fiha jiskadi l-perijodu determinat mil-liġi, m'hemmx bżonn li tiġi ddeterminata l-ġurnata li jibda jiddekorri minnha l-perijodu ta' żmien u n-numru ta' ġranet li matulhom iddekorra dan iż-żmien. Fil-fatt, jekk wieħed jikkunsidra li l-perijodu ta' żmien beda jiddekorri fid-dies a quo fil-mument li fih seħħet il-ġrajja, id-dies a quo f'nofs il-lejl (ara, f'dan is-sens, l-Artikolu 3(1) tal-konvenzjoni ta' Basle) jew fl-ewwel siegħa tal-ġurnata ta' wara d-dies a quo, kif jista' jirriżulta minn interpretazzjoni tal-bidu tas-sentenza ta' l-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1182/71, l-importanti huwa li dan id-dies a quo ma jitteħidx in kunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-perijodu ta' żmien determinat mil-liġi (non computatur in termino).

    37     Barra minn hekk, interpretazzjoni litterali u stretta wisq tal-bidu tas-sentenza ta' l-Artikolu 3(2)(ċ), li tistabbilixxi li perijodu ta' żmien jibda jiddekorri biss l-għada tad-dies a quo, jista' jkollha l-konsegwenza li, f'każ bħal dak tal-kawżi prinċipali, minħabba li jkun għadda l-perijodu ta' żmien stabbilit, tirrendi inammissibbli applikazzjoni għal primjum ippreżentata l-istess jum tal-qtil ta' l-għoġġiela, jiġifieri d-dies a quo. Din żgur ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li, meta adotta r-regoli dwar il-kalkolu tal-perijodi ta' żmien, kellu l-intenzjoni biss li jiddetermina l-mod kif għandu jingħadd perijodu, li, jekk ma jitħarisx, il-liġi timponi ċerti effetti ġuridiċi.

    38     Fid-dawl ta' dawn l-elementi differenti, ir-risposta għad-domanda 1(a) għandha tkun li l-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1182/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta' żmien li ssir referenza għalih f'ġimgħat, bħal dak previst fl-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92, jiskadi kif tgħaddi l-aħħar siegħa tal-ġurnata li, fl-aħħar ġimgħa, tkun l-istess bħall-ġurnata li fih seħħ il-qtil.

     Fuq id-domanda 1(b)

    39     Permezz tad-domand 1(b), il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk Stat Membru jistax, meta jkun qed japplika l-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92, jistabbilixxi l-mument meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal primjum skond ir-regoli tal-proċedura nazzjonali applikabbli fis-sistema legali interna skond perijodi ta' żmien nazzjonali komparabbli rigward l-applikazzjonijiet.

    40     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 50a jinkludi regola preċiża li għandha tiġi applikata b'mod uniformi fil-Komunità, b'mod li tiġi mħarsa l-ugwaljanza bejn l-operaturi ekonomiċi.

    41     Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, meta japplika l-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92, Stat Membru ma jistax jistabbilixxi l-mument meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal primjum skond ir-regoli tal-proċedura nazzjonali applikabbli fis-sistema legali interna skond perijodi ta' żmien nazzjonali komparabbli rigward l-applikazzjonijiet.

     Fuq id-domanda 1(ċ)

    42     Permezz tad-domanda 1(ċ), il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 50a tar-Regolament (KEE) Nru 3886/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal primjum għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala "ippreżentata" fil-perijodi ta' żmien stabbiliti meta jista' jintwera li hija ġiet impostata qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' tliet ġimgħat u waslet għand l-awtorità kompetenti wara l-iskadenza tal-perijodu ta' żmien f'mument li fih din l-aħħar setgħet tikkomunika l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni fl-istess ġurnata li kienet tagħmel dan kieku l-applikazzjoni għal primjum waslitilha qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' żmien.

    43     Hekk kif jenfasizza l-Avukat Ġeneral fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 50a huwa ċar fis-sens li applikazzjoni tista' biss tiġi kkunsidrata bħala "ippreżentata" fil-każ li hija tasal għand id-destinatarju tagħha. Għalhekk mhuwiex biżżejjed li applikazzjoni tkun ġiet impostata fil-perijodu ta' żmien stabbilit.

    44     Barra minn hekk, il-fatt li l-awtorità kompetenti kienet f'pożizzjoni li tikkomunika ċerta data lill-Kummissjoni ma jikkostitwixxix element rilevanti fil-kalkolu ta' perijodu ta' żmien, li għandu jiġi applikat b'mod uniformi fil-Komunità kollha, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-ħarsien tat-trattament ugwali ta' l-operaturi ekonomiċi.

    45     Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ir-risposta għad-domanda 1(ċ) għandha tkun li l-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal primjum tista' tiġi kkunsidrata biss bħala "ippreżentata" fil-perijodi ta' żmien stabbiliti fil-każ li hija tkun waslet għand l-awtorità kompetenti qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' żmien.

     Fuq it-tieni domanda

    46     Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk, l-Artikolu 50a(1) tar-Regolament Nru 3886/92 huwiex validu safejn jipprojbixxi kompletament lill-applikanti milli jirċievu l-primjum fil-każ li jgħaddi l-perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni, irrispettivament minn kif u minn kemm jinqabeż dan il-perijodu ta' żmien.

    47     F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, meta l-leġiżlatur Komunitarju jistabbilixxi perijodu ta' żmien obbligatorju għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni, l-esklużjoni tat-talbiet li tirriżulta min-nuqqas ta' ħarsien ta' dan il-perijodu, mhijiex penali iżda hija sempliċement konsegwenza tan-nuqqas ta' ħarsien tal-kundizzjonijiet previsti mil-liġi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta' Jannar 1986, Denkavit, 266/84, Ġabra p. 149, punt 21).

    48     Meta, per eżempju, il-leġiżlatur jipprovdi li kull preżentazzjoni tardiva ta' applikazzjoni tagħti lok għal tnaqqis ta' 1%, għal kull ġurnata tax-xogħol, ta' l-ammonti ta' l-għajnuniet affettwati mill-applikazzjoni li l-operatur kien ikollu dritt għalihom kieku kien ippreżenta l-applikazzjoni fil-ħin, kif jipprovdi l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3887/92, li ġie invokat quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa ma jirregolax, b'mod ġenerali, il-penalitajiet applikabbli għan-nuqqas ta' ħarsien ta' terminu, iżda jiddetermina, f'dan il-każ, il-konsegwenzi ġuridiċi, li jvarjaw skond id-data ta' preżentazzjoni ta' applikazzjoni, tal-preżentazzjoni tardiva ta' din ta' l-aħħar.

    49     Minn dan isegwi li t-tnaqqis ta' l-ammont mogħti, fil-każ li l-applikazzjoni għal primjum hija ppreżentata tard, ma jikkostitwixxix prinċipju ġenerali applikabbli għall-każijiet kollha fejn il-leġiżlazzjoni dwar l-agrikoltura tipprovdi perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni, iżda għażla deliberata tal-leġiżlatur li qies li l-ħarsien ta' perijodu ta' żmien ma kienx essenzjali għall-amministrazzjoni ta' skema ta' primjum partikolari.

    50     F'dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlatur Komunitarju kkommettiex żball manifest ta' evalwazzjoni billi ma pprovdiex għal tnaqqis fl-ammont tal-primjums mogħtija, skond id-data tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet. Dan l-istħarriġ għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

    51     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeħtieġ li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni; meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-anqas oneruża u li l-iżvantaġġi li tista' ġġib magħha ma jkunux sproporzjonati ma' l-għanijiet li jkunu jridu jintlaħqu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1994, Crispoltoni et, C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, punt 41; tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 60, u tad-29 ta' Ottubru 1998, Zaninotto, C-375/96, Ġabra p. I-6629, punt 63).

    52     Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, il-leġiżlatur Komunitarju għandu, fir-rigward tal-politika agrikola komuni, setgħa diskrezzjonali li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li jagħtuh l-Artikoli 34 sa 37 KE. Konsegwentement, huwa biss il-karattru manifestament mhux xieraq ta' miżura adottata f'dan il-qasam, meta mqabbel ma' l-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li jista' jaffettwa l-legalità ta' miżura bħal din (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Crispoltoni et, punt 42, u National Farmers' Union et, punt 61).

    53     B'hekk kif ġie enfasizzat mir-Renju ta' l-Olanda u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet ippreżentati minnhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-primjum in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa miżura ta' kontinġenza intiża, minn naħa, sabiex tnaqqas il-provvista eċċessiva tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella fis-suq li hija r-riżultat tal-kriżi tal-BSE u, min-naħa l-oħra, sabiex issostni l-prezzijiet għall-produtturi.

    54     L-importanza tal-ħarsien tal-perijodi ta' żmien li fihom għandhom jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għal primjums tirriżulta b'mod ċar mid-disa', mill-għaxar u mill-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 2311/96 li huma fformulati bil-mod segwenti:

    "billi, sabiex ikun hemm sorveljanza effettiva ta' l-iskema, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn tliet ġimgħat wara l-qtil; billi, applikazzjoni bħal din għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tiġi vverifikata sewwa;

    billi, huwa neċessarju li jiġu pprovduti miżuri ta' kontroll effettivi; billi dawn il-miżuri għandhom, b'mod partikolari, ikunu bbażati fuq kontrolli amministrattivi u fiżiċi fil-biċċerija in kwistjoni kif ukoll fl-irziezet fejn jiġu msemmna l-annimali;

    billi, għal funzjonament tajba ta' l-iskema, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, fuq bażi regolari, ċerta data dwar l-applikazzjonijiet u l-aċċettazzjonijiet tal-primjums kif ukoll dwar il-qtil ta' l-għoġġiela". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    55     Fid-dawl ta' l-għanijiet li l-iskema tiġi sorveljata u li jiġi kkontrollat il-ħarsien tal-kundizzjonijiet ta' l-għoti tal-primjums, ma jidhirx li l-leġiżlatur kiser b'mod manifest il-prinċipju ta' proporzjonalità billi ma pprovdiex għal tnaqqis ta' l-ammont tal-primjum mogħti skond id-data tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni.

    56     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvela ebda element ta' natura tali li jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 50a(1) tar-Regolament Nru 3886/92 safejn dan jipprojbixxi kompletament lill-applikant milli jirċievi l-primjum fil-każ li jgħaddi l-perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni, irrispettivament minn kif u minn b'kemm jinqabeż dan il-perijodu ta' żmien.

     Fuq l-ispejjeż

    57     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

    (1) (a) L-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tat-3 ta' Ġunju 1971, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta' żmien, għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta' żmien li ssir referenza għalih f'ġimgħat, bħal dak previst fl-Artikolu 50a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3886/92, tat-23 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġu applikati l-iskemi tal-primjums stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nri 1244/82 u 714/89 (ĠU L 391, p. 20), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2311/96, tat-2 ta' Diċembru 1996, jiskadi kif tgħaddi l-aħħar siegħa tal-ġurnata li, fl-aħħar ġimgħa, tkun l-istess bħall-ġurnata li fih seħħ il-qtil.

    (b)      Meta japplika l-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92, Stat Membru ma jistax jistabbilixxi l-mument meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal primjum skond ir-regoli tal-proċedura nazzjonali applikabbli fis-sistema legali interna skond għal perijodi ta' żmien nazzjonali komparabbli rigward l-applikazzjonijiet.

    (ċ)      L-Artikolu 50a tar-Regolament Nru 3886/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal primjum tista' tiġi kkunsidrata biss bħala "ippreżentata" fil-perijodi ta' żmien stabbiliti fil-każ li hija tkun waslet għand l-awtorità kompetenti qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' żmien.

    (2)      L-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element ta' natura tali li jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 50a(1) tar-Regolament Nru 3886/92 safejn dan jipprojbixxi kompletament lill-applikant milli jirċievi l-primjum fil-każ li jgħaddi l-perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni, irrispettivament minn kif u minn b'kemm jinqabeż dan il-perijodu ta' żmien.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top