Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0168

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-14 ta' Settembru 2004.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttivi 89/655/KEE u 95/63/KE - Transpożizzjoni inkompluta - Perijodu ta' aġġustament addizzjonali.
    Kawża C-168/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:525

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    14 ta' Settembru 2004 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 89/655/KEE u 95/63/KE – Transpożizzjoni inkompluta – Perijodu ta' aġġustament addizzjonali"

    Fil-kawża C-168/03,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu mressaq taħt l-Artikolu 226 KE,

    ippreżentat fil-11 ta' April 2003,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn L. Fragua Gadea, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J.-P. Puissochet, R. Schintgen u N. Colneric (Imħallef Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Marzu 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi, fil-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni tranżitorja unika tad-Digriet Irjali Nru 1215/1997, tat-18 ta' Lulju 1997, li jistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema, jipprovdi għal perijodu ta' aġġustament addizzjonali fir-rigward tat-tagħmir tax-xogħol li kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment qabel is-27 ta' Awwissu 1997 (BOE Nru 188, tas-7 ta' Awwissu 1997, p. 24063, aktar 'il quddiem id-"Digriet Irjali"), ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 10 KE u 249 KE u taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE, tat-30 ta' Novembru 1989, li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 393, p.13), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/63/KE, tal-5 ta' Diċembru 1995 (ĠU L 335, p.28, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 89/655, kif emendata").

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2       L-Artikolu 4, intitolat "Regoli li jirrigwardaw it-tagħmir tax-xogħol", tad-Direttiva 89/655 jipprovdi li:

    "1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, min iħaddem għandu jikseb u/jew juża:

    a)      [...]tagħmir tax-xogħol li, jekk provdut lill-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment għall-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 1992, jikkonforma:

    i)      mad-dispożizzjonijiet ta' kull direttiva Komunitarja rilevanti li tapplika;

    ii)      mal-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-Anness, safejn u sakemm l-ebda direttiva oħra Komunitarja ma tapplika jew tagħmel hekk parzjalment biss;

    b)      [...]tagħmir tax-xogħol li, jekk diġà provdut lill-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment sal-31 ta' Diċembru 1992, jikkonforma mal-ħtiġiet minimi stabbiliti fl-Anness sa mhux aktar tard minn erba' snin wara din id-data.

    […]."

    3       L-Anness tad-Direttiva 89/655, intitolat "Il-Ħtiġiet minimi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (b)", jipprovdi hekk:

    "1.      Kumment ġenerali

    L-obbligi stabbiliti f' dan l-Anness japplikaw billi jqisu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u fejn jeżisti riskju li jikkorrispondi mat-tagħmir tax-xogħol in kwistjoni.

    2.      Il-ħtiġijiet minimi ġenerali li japplikaw għat-tagħmir tax-xogħol

    […]

    3.      Il-ħtiġiet minimi addizzjonali li japplikaw għal tagħmir speċifiku tax-xogħol,

    kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva."

    4       Skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/655:

    "Żidiet għall-Anness dwar il-ħtiġijiet minimi supplimentari li japplikaw għat-tagħmir speċifiku tax-xogħol li hemm referenza għalih fil-punt 3 tiegħu għandhom jiġu adottati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 118a tat-Trattat."

    5       L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 89/655 jipprovdi li:

    "L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 1992. Għandhom imbagħad jinfurmaw lill-Kummissjoni b' dan."

    6       Skond ir-raba' premessa tad-Direttiva 95/63, li emendat id-Direttiva 89/655, "l-Istati Membri iridu jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-dispo[ż]izzjonijiet ta' din id-Direttiva mi[l]l-impriżi, b'mod partikolari,impriżi żgħar u ta' daqs medju; billi miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu attivitajiet ta' taħriġ u informazzjoni addattati għall-ħtiġiet speċifiċi ta' setturi varji ta' l-ekonomija".

    7       L-Anness I tad-Direttiva 95/63 jipprovdi li:

    "L-Anness (li jsir l-Anness I) għad-Direttiva 89/655/KEE huwa emendat kif ġej:

    1)       Il-kumment ġenerali hu miżjud b'dan il-paragrafu li ġej:

    'Il-ħtiġiet minimi li ġejjin, sa fejn japplikaw għal tagħmir ta' xogħol fl-użu, mhux neċessarjament jitolbu għall-istess miżuri bħall-ħtiġiet essenzjali li jikkonċernaw it-tagħ[m]ir tax-xogħol ġdid.'

    […]"

    8       Il-punt 3 ta' l-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata, fih lista tal-ħtiġijiet minimi addizzjonali applikabbli għal tipi speċifiċi ta' tagħmir ta' xogħol.

    9       L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 95/63 emenda l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/655 kif ġej:

    "a)      fil-paragrafu 1(a)(ii) u (b), 'fl-Anness' tiġi sostitwita bi 'fl-Anness I';

    b)      il-punt li ġej huwa inserit fil-paragrafu 1:

    '(ċ) mingħajr preġudizzju għall-punt (a)(i), u b'deroga għall-punt (a)(ii) u l-punt (b), tagħmir ta' xogħol speċifiku suġġett għal[l-]ħtiġiet tal-punt 3 ta' l-Anness I, li, jekk diġà provdut għall-ħaddiema fl-impriża u/jew stabbiliment sal-5 ta' Diċembru 1998, jikkonforma mal-ħtiġiet minimi stabbiliti fl-Anness I, sa mhux aktar tard minn erba' snin wara dik id-data'."

    10     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 95/63:

    "L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispo[ż]izzjonijiet leġislattivi, [regolatorji] u amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel il-5 ta' Diċembru 1995. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni."

    11     Skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 191(2) tat-Trattat KE (li saret it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 254(2) KE), id-Direttiva 95/63 daħlet fis-seħħ fid-19 ta' Jannar 1996.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    12     Il-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni tranżitorja unika tad-Digriet Irjali, li daħal fis-seħħ fis-27 ta' Awwissu 1997, jipprovdi li:

    "Dispożizzjoni tranżitorja unika. Aġġustament tat-tagħmir tax-xogħol.

    1.       It-tagħmir tax-xogħol li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan id-Digriet Irjali, jkun disponibbli għall-ħaddiema fl-impriża jew fuq il-post tax-xogħol għandu jiġi adattat għall-ħtiġijiet tal-paragrafu 1 ta' l-Anness I f'terminu ta' tnax-il xahar mid-data ta' l-imsemmi dħul fis-seħħ.

    Madankollu, jekk minħabba sitwazzjonijiet speċifiċi, oġġettivi u raġonevolment iġġustifikati li jikkonċernaw it-tagħmir tax-xogħol tagħhom, ċerti setturi ma jkunux f'pożizzjoni li jirrispettaw it-terminu preskritt fis-subparagrafu preċedenti, l-awtorità tax-xogħol tista', fuq talba motivata ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-impriżi li l-aktar li jirrappreżentaw is-settur u wara konsultazzjoni mas-sindakati li l-aktar li jirrappreżentaw l-istess settur, tawtorizza, b'mod eċċezzjonali, pjan sabiex it-tagħmir tax-xogħol isir konformi f'perijodu ta' żmien li ma jistax ikun ta' aktar minn ħames snin u li jieħu in kunsiderazzjoni l-gravità, l-impatt u l-importanza tas-sitwazzjoni oġġettiva invokata. Il-pjan in kwistjoni għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità tax-xogħol f'terminu ta' mhux aktar minn disa' xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan id-Digriet Irjali u għandu jiġi approvat f'terminu ta' mhux aktar minn tliet xhur, wara l-iskadenza ta' liema terminu, in-nuqqas ta' deċiżjoni espressa jfisser li t-talba ġiet miċħuda.

    L-applikazzjoni tal-pjan ta' konformità fir-rigward ta' l-impriżi kkonċernati għandha ssir fuq preżentazzjoni ta' talba, minn dawn l-impriżi, lill-awtorità tax-xogħol, sabiex tiġi approvata minnha u għandha tkun akkumpanjata minn konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, issemmi l-gravità, l-impatt u l-importanza tal-problemi tekniċi li jipprekludu milli jiġi rrispettat it-terminu preskritt, kif ukoll id-dettalji sabiex tintlaħaq il-konformità u l-miżuri ta' prevenzjoni alternattivi li jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' sigurtà u saħħa xierqa għall-postijiet tax-xogħol ikkonċernati.

    […]"

    13     Il-paragrafu 1 ta' l-Anness I tad-Digriet Irjali jikkorrispondi għall-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    14     Permezz ta' sentenza tas-26 ta' Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-79/95, Ġabra p. I-4679), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minħabba li ma adottax, fit-terminu preskritt, il-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 89/655, ir-Renju ta' Spanja kien naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10(1) ta' l-imsemmija direttiva.

    15     F'Awwissu 1997, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu t-test tad-Digriet Irjali lill-Kummissjoni.

    16     Minħabba li kkunsidrat li, billi jipprovdi għal perijodu ta' aġġustament addizzjonali fir-rigward tat-tagħmir tax-xogħol li kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment qabel is-27 ta' Awwissu 1997, il-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni tranżitorja unika tad-Digriet Irjali, kien kuntrarju għall-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/655, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE. Wara li intimat lir-Renju ta' Spanja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni, fl-1 ta' Lulju 2002, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' l-istess opinjoni f'terminu ta' xahrejn min-notifika tagħha.

    17     Minħabba li kkunsidrat li l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Spanjol kienu juru li n-nuqqas indikat fl-opinjoni motivata kien għadu jeżisti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    18     Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta' Spanja ma rrispettax l-obbligi kollha tiegħu taħt id-Direttiva 89/655, kif emendata, u, b'mod partikolari, taħt l-Artikolu 4(1)(b) tagħha, għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, ir-Renju ta' Spanja, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni tranżitorja unika tad-Digriet Irjali, ta lill-impriżi perijodu ta' aġġustament addizzjonali ta' tnax-il xahar; it-tieni nett, huwa tahom, fit-tieni, fit-tielet u fir-raba' subparagrafi ta' l-istess paragrafu, perijodu addizzjonali ta' ħames snin li jiżdied mat-terminu preċedenti. Madankollu, il-Kummissjoni tindika li mhijiex qiegħda tinsisti fuq l-ewwel ilment.

    19     Skondha, it-tieni paragrafu tal-punt 1 ta' l-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata, ma jsemmi fl-ebda mument il-possibbiltà li jiġu applikati termini ta' aġġustament ġodda fir-rigward ta' ċertu tagħmir li jkun diġà qiegħed jintuża.

    20     Il-Gvern Spanjol iwieġeb li mhux qed jara l-bżonn tal-Kummissjoni li tibqa' ssostni dawn l-ilmenti tagħha minħabba li l-pjanijiet in kwistjoni skadew fis-27 ta' Awwissu 2003 minħabba li t-terminu addizzjonali ta' ħames snin previst fir-rigward tal-pjanijiet ta' konformità intemm f'din id-data.

    21     Barra minn hekk, dawn il-perijodi m'għandhomx jitqiesu bħala l-għoti ta' terminu addizzjonali lill-impriżi Spanjoli sabiex jimplementaw id-Direttiva 89/655, kif emendata.

    22     Fil-fatt, l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta' konformità tippresupponi l-adozzjoni, mill-impriża li tkun għamlet it-talba għaliha, ta' miżuri ta' prevenzjoni partikolari matul il-perijodu ta' aġġustament tat-tagħmir tax-xogħol, miżuri li jiggarantixxu lill-ħaddiema livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak mitlub mid-Digriet Irjali, jiġifieri, ekwivalenti għal-livell ta' sigurtà mitlub mill-imsemmija direttiva.

    23     Skond il-Gvern Spanjol, il-bażi tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-pjanijiet ta' konformità jinstab ukoll fil-kumment preliminari ta' l-Anness I tad-Digriet Irjali li huwa meħud, kelma b'kelma, mill-kumment preliminari li jikkorrispondi miegħu fl-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    24     Skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' kif kienet is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-bidliet li jkunu saru wara m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-103/00, Ġabra p. I-1147, punt 23, u tad-29 ta' Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-209/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16). Anki fil-każ fejn in-nuqqas ikun ġie eliminat wara l-imsemmi terminu, ikun għad hemm interess li titkompla l-azzjoni, interess li jista' jikkonsisti, b'mod partikolari, f'li tiġi stabbilita bażi ta' responsabbiltà li Stat Membru jista' jinkorri fir-rigward ta' dawk li jiksbu drittijiet minħabba dan in-nuqqas (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 154/85, Ġabra p. 2717, punt 6, u ta' l-20 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-299/01, Ġabra p. I-5899, punt 11).

    25     F'dan il-każ, hemm qbil li, fl-1 ta' Settembru 2002, meta ntemm it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, is-sistema ta' pjanijiet ta' konformità kienet għadha ma skadietx.

    26     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, f'din id-data, l-imsemmija sistema kinitx konformi ma' l-obbligi tar-Renju ta' Spanja taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/655, kif emendata.

    27     Skond l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/655 fil-verżjoni oriġinali tagħha, it-tagħmir tax-xogħol li, fil-31 ta' Diċembru 1992, kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema kellu, sa mhux aktar tard minn erba' snin wara din id-data, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 1996, jissodisfa l-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-Anness ta' din l-istess direttiva.

    28     Għaldaqstant, skond il-verżjoni oriġinali tad-Direttiva 89/655, dan it-tagħmir ma kellux jibqa' jintuża mill-1 ta' Jannar 1997, sakemm ma kienx ikun konformi mal-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-Anness.

    29     Madankollu, fid-19 ta' Jannar 1996, jiġifieri qabel din id-data, id-Direttiva 95/63 daħlet fis-seħħ.

    30     Il-punt ġdid (ċ) ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/655, kif emendata jipprovdi li, b'deroga mill-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (b), tagħmir tax-xogħol speċifiku suġġett għall-ħtiġijiet tal-punt 3 ta' l-Anness I li, fil-5 ta' Diċembru 1998, kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment, kellu jissodisfa l-ħtiġijiet minimi previsti fl-Anness I l-aktar tard sa erba' snin wara din id-data.

    31     Ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jinftiehem fis-sens li qiegħed jirreferi biss għas-sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-deroga għall-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/655, kif emendata, prevista fl-Artikolu 4(1)(ċ) ta' din l-istess direttiva.

    32     Fir-rigward tat-tagħmir tax-xogħol li jaqa' taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/655, kif emendata, għandha tiġi ddeterminata l-portata tat-tieni paragrafu tal-punt 1 ta' l-Anness I ta' din l-istess direttiva.

    33     Skond din id-dispożizzjoni, il-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata, safejn dawn japplikaw għat-tagħmir tax-xogħol fl-użu, ma jirrikjedux neċessarjament l-istess miżuri bħall-ħtiġijiet essenzjali li jikkonċernaw it-tagħmir tax-xogħol ġdid.

    34     L-imsemmija dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li hija wkoll temenda, sa ċertu punt, il-portata ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/655. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jipprovdu li t-tagħmir tax-xogħol fl-użu li, sostanzjalment, ma jissodisfax "neċessarjament l-istess" ħtiġijiet bħat-tagħmir ġdid, jista' jibqa' jintuża anki wara l-31 ta' Diċembru 1996.

    35     Il-konċessjoni magħmula fir-rigward tat-tagħmir tax-xogħol fl-użu għandha titqies fid-dawl tal-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata, li, skond it-tieni paragrafu tal-punt 1, jibqgħu japplikaw fir-rigward ta' dan it-tagħmir. Safejn din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li, fir-rigward ta' tagħmir bħal dan, il-ħtiġijiet minimi ma jirrikjedux neċessarjament l-istess miżuri bħall-ħtiġijiet essenzjali li jikkonċernaw it-tagħmir tax-xogħol ġdid, hija għandha tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza għażla aktar wiesgħa fir-rigward tas-soluzzjonijiet tekniċi sakemm il-miżuri meħuda jkunu adatti sabiex jassiguraw il-protezzjoni mitluba mill-imsemmija ħtiġijiet.

    36     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tat-traspożizzjoni ta' direttiva fis-sistema ġuridika ta' Stat Membru, huwa indispensabbli li d-dritt nazzjonali in kwistjoni effettivament jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn dan id-dritt tkun preċiża u ċara biżżejjed u li l-individwi kkonċernati jkunu mgħarrfa bid-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' Marzu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-365/93, Ġabra p. I-499, punt 9, u ta' l-10 ta' April 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-65/01, Ġabra p. I-3655, punt 20).

    37     F'dan il-każ, l-applikazzjoni tal-pjanijiet ta' konformità hija ċertament suġġetta għall-eżistenza ta' miżuri ta' prevenzjoni alternattivi li jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' sigurtà u ta' saħħa adatti għall-postijiet tax-xogħol ikkonċernati. Madankollu, f'dan il-kuntest, id-Digriet Irjali ma jagħmel l-ebda referenza għar-regoli li jinstabu fl-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata. Huwa biss l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni tranżitorja unika ta' l-imsemmi digriet li jirreferi għall-Anness I ta' dan id-digriet, liema anness jikkorrispondi ma' l-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata. Mill-banda l-oħra, is-subparagrafi sussegwenti li, b'deroga minn dan l-ewwel subparagrafu, jistabbilixxu s-sistema ta' pjanijiet ta' konformità, ma jagħmlux referenza għalih. Għaldaqstant, fil-kuntest ta' din is-sistema, id-Digriet Irjali mhux preċiż biżżejjed fir-rigward tat-trażpożizzjoni tal-ħtiġijiet minimi ta' l-Anness I tad-Direttiva 89/655, kif emendata, fir-rigward tat-tagħmir tax-xogħol fl-użu.

    38     Peress li, minħabba din ir-raġuni, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni tranżitorja unika ta' l-imsemmi digriet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(1)(b) tad-Direttiva 89/655, kif emendata, moqri flimkien ma' l-Anness I tagħha, ir-Renju ta' Spanja, fil-fatt, ta perijodu ta' aġġustament addizzjonali fir-rigward tat-tagħmir tax-xogħol li kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment qabel is-27 ta' Awwissu 1997.

    39     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi, fil-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni tranżitorja unika tad-Digriet Irjali, li jistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema, jipprovdi għal perijodu ta' aġġustament addizzjonali fir-rigward tat-tagħmir tax-xogħol li kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment qabel is-27 ta' Awwissu 1997, ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/655, kif emendata.

     Fuq l-ispejjeż

    40     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      Billi, fil-paragrafu 1 tad-dispożizzjoni tranżitorja unika tad-Digriet Irjali Nru 1215/1997, tat-18 ta' Lulju 1997, li jistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema, jipprovdi għal perijodu ta' aġġustament addizzjonali fir-rigward tat-tagħmir tax-xogħol li kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment qabel is-27 ta' Awwissu 1997, ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE, tat-30 ta' Novembru 1989, li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/63/KE, tal-5 ta' Diċembru 1995.

    2)      Ir-Renju ta' Spanja huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top