Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0348

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi regoli proċedurali addizzjonali relatati mal-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679

    COM/2023/348 final

    Brussell, 4.7.2023

    COM(2023) 348 final

    2023/0202(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL


    li jistabbilixxi regoli proċedurali addizzjonali relatati mal-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data huwa prerekwiżit biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali minqux fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u fl-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    L-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data (data protection authorities, DPAs) nazzjonali indipendenti ġew inkarigati bl-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679 (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jew il-GDPR) 1 mid-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni tiegħu fl-2018. Is-sistema ta’ infurzar deċentralizzata ta’ “punt uniku ta’ servizz” għandha l-għan li tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni konsistenti tal-GDPR filwaqt li tippreserva l-prinċipju tal-prossimità, fejn l-individwi jkollhom il-possibbiltà li jikkuntattjaw lid-DPA lokali tagħhom u jirċievu tweġiba. Dawn is-sistemi jirrikjedu kooperazzjoni bejn id-DPAs f’każijiet “transfruntieri”. F’każijiet bħal dawn, id-DPA “ewlenija” (id-DPA tal-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew tal-proċessur li jkun qed jiġi investigat) twettaq l-investigazzjoni, u hija meħtieġa tikkoopera ma’ DPAs “ikkonċernati” oħrajn fi sforz biex jintlaħaq kunsens billi tinvolvi ruħha fi djalogu fi spirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera u effettiva. Id-DPA ewlenija trid teżerċita l-kompetenza tagħha fil-qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib mad-DPAs ikkonċernati. Meta d-DPA ma tkunx tista’ tilħaq kunsens f’każ transfruntier, il-GDPR jipprevedi soluzzjoni tat-tilwim, dwar kwistjonijiet speċifiċi mqajma mill-hekk imsejħa “oġġezzjonijiet rilevanti u motivati”, mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-Bord), li huwa magħmul mill-kapijiet tad-DPA ta’ kull Stat Membru u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u li jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni.

    Fir-rapport tagħha wara sentejn mill-applikazzjoni tal-GDPR, il-Kummissjoni nnotat li kien meħtieġ aktar progress biex it-trattament ta’ każijiet transfruntieri jsir aktar effiċjenti u armonizzat fl-UE kollha 2 . Ir-rapport innota differenzi importanti fil-proċeduri amministrattivi nazzjonali u fl-interpretazzjonijiet tal-kunċetti fil-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni tal-GDPR. Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar il-GDPR, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-proċeduri amministrattivi nazzjonali jfixklux l-effettività sħiħa tal-kooperazzjoni skont l-Artikolu 60 tal-GDPR kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tiegħu 3 . Il-Parlament Ewropew talab lill-Bord jistabbilixxi elementi bażiċi ta’ proċedura amministrattiva komuni biex jiġu ttrattati l-ilmenti f’każijiet transfruntieri fl-ambitu tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 60 tal-GDPR. Fl-2020, il-Bord nieda riflessjoni dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn id-DPA f’każijiet transfruntieri li wasslu għall-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar f’April 2022 li impenjat ruħha li tidentifika lista ta’ aspetti proċedurali li jistgħu jiġu armonizzati aktar fid-dritt tal-UE 4 . F’Ottubru 2022, il-Bord bagħat din il-lista lill-Kummissjoni 5 .

    Din il-proposta hija bbażata fuq ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-GDPR, il-lista ta’ Ottubru 2022 tal-Bord, u l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni siltet mill-monitoraġġ tal-infurzar tal-GDPR mid-dħul fis-seħħ tiegħu, mill-Grupp ta’ Esperti ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati tal-GDPR 6 u mill-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri tal-GDPR 7 , kif ukoll il-kummenti li rċeviet il-Kummissjoni bi tweġiba għal Sejħa għal Evidenza mnedija fi Frar 2023. Hija parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2023 8 (taħt l-intestatura ġenerali “Spinta ġdida għad-Demokrazija Ewropea”).

    L-applikazzjoni konsistenti tal-GDPR tiddependi fuq il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ infurzar transfruntier tal-GDPR. Id-differenzi proċedurali applikati mid-DPAs ifixklu l-funzjonament bla xkiel u effettiv tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ soluzzjoni tat-tilwim tal-GDPR f’każijiet transfruntieri. Dawn id-differenzi għandhom ukoll konsegwenzi importanti għad-drittijiet tal-partijiet investigati u tal-ilmentaturi (bħala suġġetti tad-data). L-iżgurar li l-GDPR jiġi infurzat kif suppost huwa prerekwiżit biex tiġi żgurata l-fiduċja pubblika fil-proċess usa’ tad-diġitalizzazzjoni u biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għall-entitajiet kollha li jipproċessaw id-data personali.

    Il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-problemi fl-oqsma li ġejjin:

    ·Ilmenti: L-ilmenti huma sors essenzjali ta’ informazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Id-DPAs għandhom interpretazzjonijiet differenti dwar ir-rekwiżiti għall-forma ta’ lment, l-involviment tal-ilmentaturi fil-proċedura, u r-rifjut tal-ilmenti. Pereżempju: ilment aċċettat minn xi DPAs jista’ jiġi miċħud minn oħrajn fuq il-bażi li jipprovdi informazzjoni insuffiċjenti; xi DPAs joffru lill-ilmentaturi drittijiet ugwali daqs il-partijiet investigati, filwaqt li oħrajn ma jinkludux lill-ilmentaturi jew jinvolvu lill-ilmentaturi b’mod limitat ħafna; xi DPAs jadottaw deċiżjoni formali li tirrifjuta l-ilmenti kollha li ma jiġux segwiti, filwaqt li DPAs oħrajn jonqsu milli jagħmlu dan. Dawn id-differenzi jfissru li t-trattament tal-ilmenti u l-involviment tal-ilmentaturi jvarjaw skont fejn jiġi ppreżentat l-ilment, jew liema DPA hija d-DPA ewlenija għal każ partikolari. B’riżultat ta’ dan, huma jdewmu l-konklużjoni tal-investigazzjoni u l-għoti ta’ rimedju għas-suġġett tad-data f’każijiet transfruntieri. Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-GDPR, il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa li tiġi ċċarata l-pożizzjoni tal-ilmentaturi fil-każ ta’ lmenti transfruntieri.

    ·Drittijiet proċedurali tal-partijiet investigati: Id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet investigati jikkostitwixxu prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi rrispettat fiċ-ċirkostanzi kollha, b’mod partikolari fi proċeduri li jistgħu jwasslu għal penali għoljin. Minħabba s-severità potenzjali tal-penali li jistgħu jiġu imposti, il-partijiet investigati għall-ksur tal-GDPR jeħtiġilhom igawdu garanziji simili għal dawk li huma previsti fi proċeduri ta’ natura penali. Id-drittijiet proċedurali tal-partijiet investigati, bħall-grad tad-dritt li jinstemgħu u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, ivarjaw sostanzjalment bejn l-Istati Membri. Il-grad sa fejn jinstemgħu l-partijiet, it-twaqqit tas-seduta, u d-dokumenti li jiġu pprovduti lill-partijiet biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu huma elementi li fuqhom l-Istati Membri jieħdu approċċi li jvarjaw. Dawn l-approċċi li jvarjaw mhux dejjem huma kompatibbli mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60 tal-GDPR, li tibbaża fuq il-preżunzjoni li l-partijiet investigati eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-proċess ġust qabel ma l-abbozz tad-deċiżjoni ġie ppreżentat mid-DPA ewlenija. Meta jiġi ppreżentat każ lill-Bord għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-punt sa fejn il-partijiet ikunu ġew mismugħa dwar il-kwistjonijiet imqajma fl-abbozz tad-deċiżjoni u l-oġġezzjonijiet tad-DPAs ikkonċernati jistgħu jvarjaw. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar sa liema punt il-partijiet investigati għandhom jinstemgħu matul is-soluzzjoni tat-tilwim mill-Bord skont l-Artikolu 65 tal-GDPR. In-nuqqas ta’ garanzija tad-dritt ta’ smigħ jista’ jagħmel id-deċiżjonijiet tad-DPAs li jsibu ksur tal-GDPR aktar vulnerabbli għal sfida legali.

    ·Kooperazzjoni u soluzzjoni tat-tilwim: Il-proċedura ta’ kooperazzjoni fl-Artikolu 60 tal-GDPR hija mfassla b’mod wiesa’. F’każijiet transfruntieri, id-DPAs huma meħtieġa jiskambjaw “informazzjoni rilevanti” fi sforz biex jintlaħaq kunsens. Ladarba d-DPA ewlenija tissottometti abbozz ta’ deċiżjoni fil-każ, DPAs oħrajn ikollhom l-opportunità li jqajmu “oġġezzjonijiet rilevanti u motivati”. Dawn l-oġġezzjonijiet iqajmu l-possibbiltà ta’ soluzzjoni tat-tilwim (meta ma jkunux segwiti mid-DPA ewlenija). Filwaqt li l-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim fl-Artikolu 65 tal-GDPR hija element essenzjali biex tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tal-GDPR, din għandha tiġi riżervata għal każijiet eċċezzjonali fejn il-kooperazzjoni sinċiera bejn id-DPAs ma tkunx wasslet għal kunsens. L-esperjenza fl-infurzar tal-GDPR f’każijiet transfruntieri turi li ma hemmx biżżejjed kooperazzjoni bejn id-DPAs qabel is-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni mid-DPA ewlenija. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni suffiċjenti u l-bini ta’ kunsens dwar kwistjonijiet ewlenin fl-investigazzjoni f’dan l-istadju bikri rriżulta fis-sottomissjoni ta’ diversi każijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    Hemm differenzi fil-forma u fl-istruttura tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati sottomessi mid-DPAs ikkonċernati matul il-proċedura ta’ kooperazzjoni transfruntiera. Dawn id-differenzi jxekklu l-konklużjoni effiċjenti tal-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim u l-inklużjoni tad-DPAs kollha kkonċernati fil-proċedura, b’mod partikolari tad-DPAs ta’ Stati Membri iżgħar, li għandhom anqas riżorsi mid-DPAs ta’ Stati Membri akbar.

    ·Il-GDPR ma jipprovdix skadenzi għal diversi stadji tal-proċedura ta’ kooperazzjoni u ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Fid-dawl tal-kumplessità li tvarja tal-investigazzjonijiet u d-diskrezzjoni tad-DPAs li jinvestigaw il-ksur tal-GDPR, ma huwiex mixtieq li jiġu preskritti skadenzi għal kull stadju tal-proċedura. Madankollu, l-impożizzjoni ta’ skadenzi fejn xieraq se tgħin biex jiġi pprevenut dewmien bla bżonn fit-tlestija tal-każijiet.

    Il-proposta għandha l-għan li tindirizza dawn il-kwistjonijiet billi tispeċifika regoli proċedurali għal ċerti stadji tal-proċess ta’ investigazzjoni f’każijiet transfruntieri, u b’hekk tappoġġa l-funzjonament bla xkiel tal-kooperazzjoni tal-GDPR u l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim. B’mod partikolari, il-proposta tindirizza l-problemi identifikati hawn fuq bil-modi li ġejjin:

    ·Forma ta’ lmenti u pożizzjoni tal-ilmentaturi: Il-proposta tipprovdi formola li tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa għall-ilmenti kollha skont l-Artikolu 77 tal-GDPR dwar l-ipproċessar transfruntier u tispeċifika regoli proċedurali għall-involviment tal-ilmentaturi fil-proċedura, inkluż id-dritt tagħhom li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa. Din tispeċifika regoli proċedurali għaċ-ċaħda ta’ lmenti f’każijiet transfruntieri u tiċċara r-rwoli tad-DPA ewlenija u tad-DPA li magħha ġie ppreżentat l-ilment f’każijiet bħal dawn. Din tirrikonoxxi l-importanza u l-legalità tas-soluzzjoni bonarja ta’ każijiet ibbażati fuq l-ilmenti.

    ·Armonizzazzjoni mmirata tad-drittijiet proċedurali f’każijiet transfruntieri: Il-proposta tipprovdi lill-partijiet investigati bid-dritt li jinstemgħu fi stadji ewlenin fil-proċedura, inkluż matul is-soluzzjoni tat-tilwim mill-Bord, u tiċċara l-kontenut tal-fajl amministrattiv u d-drittijiet ta’ aċċess tal-partijiet għall-fajl. Il-proposta b’hekk issaħħaħ id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet u tiżgura l-osservanza konsistenti ta’ dawn id-drittijiet irrispettivament minn liema DPA qed tmexxi l-investigazzjoni.

    ·Simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim: Il-proposta tipprovdi lid-DPAs bl-għodod meħtieġa biex jintlaħaq kunsens billi tagħti sustanza miżjuda lir-rekwiżit għad-DPAs li jikkooperaw u li jaqsmu “informazzjoni rilevanti” stabbilita fl-Artikolu 60 tal-GDPR. Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għad-DPAs kollha biex ikollhom impatt sinifikanti fuq każ transfruntier billi jipprovdu l-fehmiet tagħhom kmieni fil-proċedura ta’ investigazzjoni u jagħmlu użu mill-għodod kollha pprovduti mill-GDPR. B’mod kruċjali, dan se jiffaċilita l-bini tal-kunsens u jnaqqas il-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ qbil aktar tard fil-proċedura, li jkun jirrikjedi l-użu tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim. Fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn id-DPAs dwar il-kwistjoni ewlenija tal-ambitu tal-investigazzjoni f’każijiet ibbażati fuq l-ilmenti, il-proposta tipprevedi rwol għall-Bord biex isolvi n-nuqqas ta’ qbil billi jadotta deċiżjoni vinkolanti urġenti. L-involviment tal-Bord f’din il-kwistjoni diskreta jipprovdi lid-DPA ewlenija biċ-ċarezza meħtieġa biex tipproċedi bl-investigazzjoni u tiżgura li n-nuqqas ta’ qbil dwar l-ambitu tal-investigazzjoni ma jeħtieġx l-użu tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Artikolu 65.

    Il-proposta tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati għall-forma u l-istruttura tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati mqajma mid-DPAs ikkonċernati, u b’hekk tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva tad-DPAs kollha u r-riżoluzzjoni mmirata u rapida tal-każ.

    ·Il-proposta tistabbilixxi skadenzi proċedurali għall-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim, tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mid-DPA ewlenija meta tissottometti l-kwistjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim, u tiċċara r-rwol tal-atturi kollha involuti fis-soluzzjoni tat-tilwim (DPA ewlenija, DPAs ikkonċernati u l-Bord). B’dan il-mod, il-proposta tiffaċilita t-tlestija rapida tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-partijiet investigati u s-suġġetti tad-data.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta tikkomplementa l-GDPR billi tispeċifika r-regoli proċedurali għall-istadji ewlenin tal-proċess ta’ investigazzjoni stabbilit mill-GDPR. Dan ma jaffettwax id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, l-obbligi tal-kontrolluri u tal-proċessuri tad-data, jew ir-raġunijiet legali għall-ipproċessar tad-data personali kif stabbilit mill-GDPR.

    Il-proposta tibni fuq il-prinċipji bażiċi tal-GDPR dwar l-ilmenti, il-kooperazzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim, u tissupplimenta dawn id-dispożizzjonijiet b’żidiet immirati biex ittejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-infurzar f’każijiet transfruntieri.

    Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Il-proposta hija kompletament konsistenti u kompatibbli mal-politiki eżistenti tal-Unjoni f’oqsma oħrajn.

    2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi legali

    Il-bażi legali għall-proposta hija l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    L-Artikolu 16 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxu regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-moviment liberu ta’ din id-data. Il-proposta tikkonċerna l-infurzar tal-GDPR f’każijiet transfruntieri. L-objettiv ta’ dan l-infurzar huwa li jiġi żgurat id-dritt tas-suġġetti tad-data għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom. Bħala tali, l-Artikolu 16 tat-TFUE huwa l-bażi legali xierqa għall-proposta.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-UE tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex taġixxi minħabba li l-proposta hija relatata ma’ proċedura eżistenti stabbilita mill-GDPR li tinvolvi lid-DPAs ta’ diversi Stati Membri tal-UE u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (korp tal-UE). Għaldaqstant, il-problemi identifikati hawn fuq ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri tal-UE li jaġixxu waħedhom.

    Proporzjonalità

    Din il-proposta tiżgura bilanċ xieraq bejn l-ilħuq tal-objettiv li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-infurzar transfruntier tal-GDPR filwaqt li ma tinterferixxixix bla bżonn mas-sistemi legali nazzjonali. 

    Il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament bla xkiel tal-kooperazzjoni u tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti mill-GDPR. Għaldaqstant, il-proposta tikkonċerna biss każijiet transfruntieri fl-ambitu tal-GDPR. Każijiet bħal dawn jinvolvu lid-DPAs ta’ diversi Stati Membri tal-UE u lill-Bord.

    Il-punt sa fejn jinstemgħu l-partijiet investigati u l-involviment tal-ilmentaturi fil-proċedura amministrattiva bħalissa huma koperti mir-regoli proċedurali nazzjonali. Dawn l-elementi jinfluwenzaw il-mod kif titwettaq investigazzjoni mill-bidu sal-aħħar. Bħala tali, l-armonizzazzjoni mmirata tad-dritt għas-smigħ u l-involviment tal-ilmentaturi fi stadji ewlenin fil-proċedura u f’każijiet transfruntieri biss huma essenzjali sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-proposta – biex jiġi ssimplifikat l-infurzar transfruntier – u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ fiċ-ċirkostanzi. B’mod kruċjali, id-dritt tal-partijiet investigati li jinstemgħu diġà japplika għall-investigazzjonijiet imwettqa mid-DPAs fl-ambitu tal-GDPR, peress li d-dritt li wieħed jinstema’ huwa element essenzjali tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal amministrazzjoni tajba kif iggarantit mill-Karta. Bl-istess mod, l-ilmentatur irid jiġi infurmat dwar il-progress tal-ilment tiegħu skont l-Artikolu 77(2) tal-GDPR. Il-proposta prinċipalment tarmonizza u tinkwadra l-modalitajiet ta’ dawn il-passi proċedurali.

    Għażla tal-istrument

    Regolament huwa l-istrument xieraq għall-proposta. Il-proposta tissupplimenta proċedura stabbilita f’regolament eżistenti, il-GDPR. Din għandha l-għan li tindirizza l-kwistjoni ta’ approċċi proċedurali diverġenti mid-DPAs billi tarmonizza ċerti aspetti tal-proċedura amministrattiva applikata mid-DPAs meta tinforza l-GDPR. Għaldaqstant, huwa meħtieġ regolament (li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri) biex titnaqqas il-frammentazzjoni legali u jiġi żgurat il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ biex jiġi ggarantit il-funzjonament bla xkiel tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza stabbiliti mill-GDPR u biex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-ilmentaturi, lill-partijiet investigati u lid-DPAs. Direttiva, li tagħti lill-Istati Membri d-diskrezzjoni dwar kif jiksbu r-riżultati mixtieqa, ma tiżgurax il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Fir-rapport tagħha wara sentejn mill-applikazzjoni tal-GDPR, il-Kummissjoni nnotat li kien meħtieġ aktar progress biex it-trattament ta’ każijiet transfruntieri jsir aktar effiċjenti u armonizzat fl-UE kollha 9 . F’dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja r-rapport, 10 il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jiġu indirizzati d-differenzi fl-oqsma li ġejjin:

    ·il-proċeduri amministrattivi nazzjonali, b’mod partikolari li jikkonċernaw: il-proċeduri ta’ mmaniġġar tal-ilmenti, il-kriterji ta’ ammissibbiltà għall-ilmenti, id-durata tal-proċedimenti minħabba skedi ta’ żmien differenti jew in-nuqqas ta’ kwalunkwe skadenza, il-mument fil-proċedura meta jingħata d-dritt li individwu jinstema’, l-informazzjoni u l-involviment tal-ilmentaturi matul il-proċedura;

    ·interpretazzjonijiet tal-kunċetti relatati mal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni; u

    ·l-approċċ għal meta għandha tinbeda l-proċedura ta’ kooperazzjoni, jiġu involuti d-DPAs u tiġi kkomunikata l-informazzjoni lilhom.

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar il-GDPR, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-proċeduri amministrattivi nazzjonali jfixklux l-effettività sħiħa tal-kooperazzjoni skont l-Artikolu 60 tal-GDPR kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tiegħu 11 . Il-Parlament Ewropew talab lill-Bord jistabbilixxi elementi bażiċi ta’ proċedura amministrattiva komuni biex jiġu ttrattati l-ilmenti f’każijiet transfruntieri fl-ambitu tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 60 tal-GDPR. Fl-2020, il-Bord nieda riflessjoni dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn id-DPAs f’każijiet transfruntieri. Wara din ir-riflessjoni, 12 f’Ottubru 2022, il-Bord bagħat lill-Kummissjoni lista li tidentifika aspetti proċedurali tal-kooperazzjoni bejn id-DPAs li jistgħu jiġu armonizzati fil-livell tal-UE 13 .

    Fir-rapport wara sentejn mill-applikazzjoni tal-GDPR, il-Kummissjoni nnotat li kien għad ma kien hemm l-ebda eżempju ta’ soluzzjoni tat-tilwim fil-livell tal-Bord. Mill-pubblikazzjoni tar-rapport fl-2020, il-Bord adotta tmien deċiżjonijiet vinkolanti skont l-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR. Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-Bord ippermettielha tieħu tagħlimiet rigward il-funzjonament tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim. B’mod partikolari, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija li l-ħeffa tal-investigazzjoni tista’ tittejjeb u s-soluzzjoni tat-tilwim tista’ tiġi evitata billi jiżdied il-livell ta’ kooperazzjoni bejn id-DPAs qabel is-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni mid-DPA ewlenija.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    It-tħejjija tal-proposta tibbaża fuq il-kontribut minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Kien hemm qbil wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati li seta’ jsir aktar biex tittejjeb l-effiċjenza tal-infurzar transfruntier tal-GDPR.

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni rċeviet kontribut dwar il-proposta mill-kanali li ġejjin:

    ·Il-Bord: Il-Bord huwa magħmul mid-DPAs, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-GDPR. Huwa inkarigat, fost kompiti oħrajn, mis-soluzzjoni tat-tilwim f’każijiet transfruntieri fl-ambitu tal-GDPR. Bħala tali, il-Kummissjoni qieset kif xieraq il-kontribut tal-Bord fl-istadji kollha tal-proċess ta’ tħejjija. Fl-ewwel lok, il-proposta twieġeb għal-lista ta’ kwistjonijiet trażmessa lill-Kummissjoni mill-Bord f’Ottubru 2022 li tidentifika aspetti tal-proċedura ta’ infurzar transfruntiera li jistgħu jiġu armonizzati fil-livell tal-UE. Il-proposta tindirizza l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet identifikati mill-Bord fil-lista tiegħu. F’ċerti każijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tindirizzax il-kwistjonijiet identifikati mill-Bord, b’mod partikolari fejn il-Kummissjoni qieset li l-kwistjoni kienet diġà indirizzata b’mod adegwat mill-GDPR, jew li l-kwistjoni għandha tibqa’ fid-diskrezzjoni tad-DPA ewlenija jew tiġi ddeterminata mil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, il-proposta tindirizza ċerti kwistjonijiet lil hinn minn dawk identifikati mill-Bord fil-lista tiegħu, fejn il-Kummissjoni qieset li dan huwa meħtieġ biex tiżgura l-funzjonament bla xkiel tal-infurzar transfruntier u r-rispett għad-drittijiet għal proċess ġust. Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni mmirata dwar aspetti tal-proposta mas-sottogruppi tal-Bord li jittrattaw il-kooperazzjoni u l-infurzar transfruntieri fil-laqgħat tal-21 ta’ Marzu 2023 u tal-24 ta’ April 2023, biex tagħmel użu mill-għarfien espert tad-DPAs li jittrattaw dawn il-kwistjonijiet fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum. Il-Bord appoġġa bis-sħiħ li l-Kummissjoni tieħu azzjoni f’dan il-qasam u pprovda kontribut siewi lill-Kummissjoni fil-laqgħat ta’ Marzu u April 2023.

    ·Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati tal-GDPR: Dan il-grupp ta’ esperti ġie stabbilit biex jassisti lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-GDPR. Huwa magħmul minn rappreżentanti mis-soċjetà ċivili, min-negozju, mill-akkademiċi u mill-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja. Kien hemm appoġġ wiesa’ fost dan il-grupp biex il-Kummissjoni tieħu azzjoni f’dan il-qasam permezz ta’ proposta leġiżlattiva. Laqgħa li saret fid-19 ta’ Ottubru 2022 iddikutiet għall-ewwel darba l-lista ta’ Ottubru 2022 tal-Bord u t-tieni laqgħa fil-21 ta’ April 2023 intużat mill-Kummissjoni biex tikkonsulta dwar aspetti speċifiċi tal-proposta. Minħabba l-varjetà wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati rrappreżentati f’dan il-grupp, il-fehmiet fost il-partijiet ikkonċernati dwar aspetti partikolari tal-proposta varjaw. Il-partijiet ikkonċernati kollha appoġġaw l-għoti ta’ qafas legali għal soluzzjoni bonarja fil-proposta. L-NGOs laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tarmonizza l-formola ta’ lmenti u appoġġaw l-involviment tal-ilmentatur fil-proċedura, filwaqt li nnotaw id-differenzi kbar fit-trattament tal-ilmenti fl-Istati Membri. Il-gruppi tal-industrija li jirrappreżentaw lill-kontrolluri u lill-proċessuri enfasizzaw il-ħtieġa li l-partijiet investigati jingħataw id-dritt li jinstemgħu u li tiġi mħeġġa s-soluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-DPAs kmieni fil-proċess ta’ investigazzjoni.

    ·Il-Grupp ta’ Esperti tal-GDPR tal-Istati Membri: Dan il-Grupp ta’ Esperti jservi bħala forum għall-kondiviżjoni tal-fehmiet u tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-GDPR. Il-Kummissjoni talbet il-fehmiet tal-Istati Membri dwar il-lista ta’ Ottubru 2022 tal-Bord qabel il-bidu tal-proċess ta’ abbozzar. L-Istati Membri kienu ġeneralment favur u laqgħu l-idea ta’ proposta għal inizjattiva leġiżlattiva biex jittejjeb l-infurzar transfruntier tal-GDPR. Madankollu, ċerti Stati Membri b’regoli proċedurali orizzontali applikabbli għall-proċeduri amministrattivi kollha identifikaw interferenza possibbli ma’ dawn ir-regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-partijiet li għandhom jinstemgħu u l-involviment tal-ilmentaturi fil-proċedura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni llimitat bir-reqqa l-armonizzazzjoni ta’ dawn l-aspetti fil-proposta għal każijiet transfruntieri u sa fejn ikun meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Il-Kummissjoni organizzat laqgħa ddedikata mal-Grupp ta’ Esperti tal-GDPR tal-Istati Membri fid-19 ta’ April 2023.

    Il-Kummissjoni organizzat ukoll laqgħat bilaterali dwar il-proposta fuq talba, mal-NGOs, mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-industrija.

    Il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għall-evidenza mill-24 ta’ Frar sal-24 ta’ Marzu 2023 u rċeviet 73 tweġiba. Il-Kummissjoni rċeviet feedback minn varjetà wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi NGOs u assoċjazzjonijiet tal-industrija.

    Il-Kummissjoni qieset kif xieraq il-feedback tal-partijiet ikkonċernati kollha fit-tħejjija tal-proposta.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Il-proposta tqis il-firxa ta’ kontribut riċevut mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċess ta’ tħejjija, b’mod partikolari l-għarfien espert ipprovdut mill-Bord, il-Grupp ta’ Esperti ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati tal-GDPR, u l-Grupp ta’ Esperti tal-GDPR tal-Istati Membri.

    Il-proposta tibbaża wkoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), b’mod partikolari l-ġurisprudenza dwar l-operat tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u konsistenza fil-GDPR, kif ukoll il-ġurisprudenza dwar id-dritt għal smigħ u d-dritt għal amministrazzjoni tajba fl-Artikolu 41 tal-Karta.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Għal din il-proposta ma saritx valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta ma taffettwax id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, l-obbligi tal-kontrolluri u tal-proċessuri tad-data, u lanqas ir-raġunijiet legali għall-ipproċessar tad-data personali kif stabbilit mill-GDPR.

    Il-proposta tikkomplementa l-GDPR b’mod immirat billi tispeċifika r-regoli proċedurali għall-proċedura ta’ infurzar transfruntier stabbilita mill-Kapitolu VII tal-GDPR. B’dan il-mod, il-proposta topera fil-qafas proċedurali stabbilit mill-GDPR.

    Bħala tali, l-impatt tal-proposta se jkun limitat għat-tisħiħ tal-funzjonament tal-proċedura ta’ infurzar transfruntiera stabbilita mill-GDPR. Il-proposta ma tbiddilx ir-rwoli tal-atturi f’din il-proċedura – l-ilmentaturi, id-DPA ewlenija, id-DPAs ikkonċernati, u l-Bord – li huma stabbiliti fil-GDPR. Għalhekk, il-proposta mhux se twassal għal impatti ekonomiċi, ambjentali, jew soċjali sinifikanti, u lanqas ma tinvolvi nfiq sinifikanti.

    L-armonizzazzjoni ta’ dawn l-aspetti proċedurali se jkollha impatt pożittiv għad-DPAs, għall-ilmentaturi, għall-partijiet investigati u għall-kunfidenza pubblika fil-GDPR:

    ·DPAs – l-inizjattiva se tappoġġa l-proċedura ta’ kooperazzjoni u tipprovdi ċarezza dwar l-arranġamenti għal l-kooperazzjoni f’każijiet transfruntieri u t-twaqqit ta’ din il-kooperazzjoni. Din se tippermetti lid-DPAs jagħmlu użu aktar effiċjenti mir-riżorsi tagħhom. Barra minn hekk, billi tipprovdi lid-DPAs b’għodod biex itejbu l-kooperazzjoni tagħhom f’każijiet transfruntieri, l-inizjattiva se tiffaċilita l-bini ta’ kunsens fost id-DPAs, tnaqqas l-għadd ta’ nuqqas ta’ qbil u tippromwovi spirtu ta’ kooperazzjoni.

    ·L-ilmentaturi u s-suġġetti tad-data – is-simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn id-DPAs meta jinfurzaw il-GDPR se tappoġġa t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjonijiet. Dan se jgħin biex jiġi indirizzat b’mod aktar effiċjenti l-ksur tal-GDPR u biex jiġi pprovdut rimedju rapidu għas-suġġett tad-data. Barra minn hekk, l-ilmentaturi se jkollhom l-istess opportunità li jkunu involuti fil-proċedura f’każijiet transfruntieri irrispettivament minn fejn jiġi ppreżentat l-ilment jew liema DPA hija d-DPA ewlenija.

    ·Il-partijiet investigati – it-titjib tal-kooperazzjoni f’każijiet transfruntieri se jgħin biex jitqassru l-investigazzjonijiet u jiġi żgurat l-għoti ta’ garanziji meħtieġa, bħad-dritt li wieħed jinstema’ u biex jinkiseb aċċess għall-fajl, u b’hekk tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt għal amministrazzjoni tajba (l-Artikolu 41 tal-Karta) u d-drittijiet tad-difiża (l-Artikolu 48 tal-Karta) tal-partijiet investigati. L-armonizzazzjoni ta’ dawn id-drittijiet se tagħmel ukoll id-deċiżjoni finali aktar robusta.

    ·Il-kunfidenza pubblika fil-GDPR – l-inizjattiva se ssaħħaħ il-kunfidenza pubblika fil-GDPR billi tiffaċilita riżoluzzjoni aktar rapida tal-investigazzjonijiet u tnaqqas l-għadd ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-DPAs f’każijiet transfruntieri.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli

    Drittijiet fundamentali

    Billi tiffaċilita r-riżoluzzjoni rapida tal-każijiet transfruntieri, il-proposta tappoġġa d-dritt tas-suġġetti tad-data għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

    Billi tarmonizza d-dritt tal-partijiet investigati li jinstemgħu u li jaċċessaw il-fajl, il-proposta tiżgura li jiġu osservati d-drittijiet tal-partijiet għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta u d-drittijiet tad-difiża skont l-Artikolu 48 tal-Karta.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta mhux se jkollha implikazzjonijiet baġitarji sostanzjali.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Il-Kummissjoni se timmonitorja l-applikazzjoni tar-Regolament flimkien mal-monitoraġġ kontinwu tagħha tal-applikazzjoni tal-GDPR.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-Kapitolu I jiddefinixxi s-suġġett tar-regolament u jistabbilixxi d-definizzjonijiet użati fl-istrument kollu. Id-definizzjonijiet użati fil-GDPR japplikaw għall-proposta. Il-proposta tindirizza biss l-infurzar transfruntier tal-GDPR.

    Il-Kapitolu II jipprovdi regoli dettaljati dwar is-sottomissjoni u t-trattament tal-ilmenti. Dan jippreskrivi formola li tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa għall-ilmenti transfruntieri ppreżentati abbażi tal-Artikolu 77 tal-GDPR u jipprovdi fatturi biex jitqiesu mid-DPAs meta jitqies il-punt xieraq sa fejn għandu jiġi investigat ilment. L-għoti ta’ formola komuni għall-ilmenti transfruntieri kollha jissimplifika l-proċedura tal-ilmenti għas-suġġetti tad-data u jneħħi l-approċċi frammentati għall-kunċett ta’ lment. L-Artikolu 3 jirrikjedi li d-DPAs jipprovdu lill-ilmentatur b’rikonoxximent tal-ilment. L-Artikolu 5 jipprovdi qafas legali għas-soluzzjoni bonarja tal-ilmenti biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ soluzzjoni bonarja mid-DPAs u biex jiġu ċċarati l-implikazzjonijiet legali ta’ soluzzjoni bonarja għall-ilmentaturi u għad-DPAs. L-Artikolu 6 jipprovdi regoli dettaljati dwar it-traduzzjoni ta’ dokumenti matul il-kooperazzjoni transfruntiera.

    Il-Kapitolu III jikkonċerna l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji f’każijiet transfruntieri.

    It-Taqsima 1 tipprovdi għodod addizzjonali għad-DPAs biex jilħqu kunsens f’każijiet transfruntieri. Dan jispeċifika li l-“informazzjoni rilevanti” li għandha tiġi kondiviża mill-awtoritajiet superviżorji matul il-kooperazzjoni transfruntiera għandha tinkludi ċerti dokumenti u li dawn id-dokumenti għandhom jiġu kondiviżi mill-aktar fis possibbli mid-DPA. Din id-dispożizzjoni tiżgura li d-DPAs ikkonċernati jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar l-investigazzjoni lid-DPA ewlenija.

    L-Artikolu 9 jipprevedi li ladarba d-DPA ewlenija tkun ifformat opinjoni preliminari dwar l-investigazzjoni, hija għandha tibgħat “sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin” li jidentifika s-sejbiet ewlenin tal-fatt u tal-fehmiet tad-DPA ewlenija dwar il-każ lid-DPA kkonċernata. L-għan tas-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin huwa li jippermetti lid-DPAs ikkonċernati jħallu impatt sinifikanti fuq il-kors tal-investigazzjoni fi stadju bikri billi jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar il-valutazzjoni tad-DPA ewlenija. Dan se jgħin lid-DPAs isolvu n-nuqqas ta’ qbil rigward, pereżempju, il-valutazzjoni legali jew, f’każijiet ibbażati fuq l-ilmenti, l-ambitu tal-investigazzjoni, fi stadju bikri, u b’hekk titnaqqas il-probabbiltà ta’ soluzzjoni tat-tilwim aktar tard fil-proċedura. Fejn ma jkun hemm l-ebda ftehim f’dan l-istadju rigward l-ambitu tal-investigazzjoni f’każijiet ibbażati fuq l-ilmenti, jew il-valutazzjoni legali jew teknoloġika kumplessa mwettqa mid-DPA ewlenija, l-Artikolu 10 jirrikjedi li d-DPA li ma taqbilx mad-DPA ewlenija tagħmel talba lid-DPA ewlenija skont l-Artikolu 61 (assistenza reċiproka) jew 62 (operazzjonijiet konġunti) tal-GDPR. Din id-dispożizzjoni tiżgura li d-DPAs jagħmlu użu mill-għodod kollha pprovduti mill-GDPR biex isolvu d-differenzi dwar kwistjonijiet ewlenin matul il-proċedura ta’ kooperazzjoni. Meta d-DPA ma tkunx tista’ taqbel dwar l-ambitu tal-investigazzjoni f’każijiet ibbażati fuq l-ilmenti, l-Artikolu 10 jipprevedi li d-DPA ewlenija għandha titlob deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(3) tal-GDPR. F’dan il-każ, il-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni għandha tiġi preżunta li ġiet issodisfata. Din id-dispożizzjoni tiżgura li n-nuqqas ta’ qbil dwar l-ambitu jiġi solvut b’mod rapidu u effiċjenti, u b’hekk id-DPA ewlenija tiġi pprovduta biċ-ċarezza meħtieġa biex tipproċedi bl-investigazzjoni.

    It-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tipprovdi regoli dettaljati dwar ir-rifjut sħiħ jew parzjali tal-ilmenti. Dawn id-dispożizzjonijiet jiżguraw li d-DPA li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment ikollha l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tadotta d-deċiżjoni li tirrifjuta lment, u li deċiżjoni li tirrifjuta lment tiġi adottata fil-każijiet kollha fejn l-ilment ma jiġix segwit jew irtirat. L-ilmentatur jingħata wkoll l-opportunità li jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa qabel iċ-ċaħda sħiħa jew parzjali tal-ilment.

    It-Taqsima 3 tal-Kapitolu III tarmonizza d-dritt tal-partijiet investigati li jinstemgħu. Dan jipprevedi li d-DPA ewlenija għandha tissottometti lill-partijiet investigati s-sejbiet preliminari tagħha, filwaqt li tistabbilixxi l-oġġezzjonijiet imqajma, il-fatti rilevanti, l-evidenza ta’ sostenn, l-analiżi legali, u, fejn applikabbli, il-miżuri korrettivi proposti. Is-sejbiet preliminari jippermettu lill-partijiet investigati jifhmu bis-sħiħ l-allegazzjonijiet magħmula u jwieġbu għal dawk l-allegazzjonijiet, filwaqt li jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom. L-Artikolu 15 jipprevedi li l-ilmentaturi jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw bil-miktub osservazzjonijiet dwar is-sejbiet preliminari. L-Artikolu 17 jipprevedi li l-partijiet investigati, jew, fil-każ ta’ rifjut ta’ lment, l-ilmentatur, għandu jkollhom l-opportunità li jipprovdu l-fehmiet tagħhom fejn id-DPA ewlenija jkollha l-ħsieb li tissottometti abbozz rivedut ta’ deċiżjoni fid-dawl tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati espressi mid-DPAs ikkonċernati.

    It-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati għall-forma u l-istruttura tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati mqajma mid-DPAs ikkonċernati, u b’hekk tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva tad-DPAs kollha u r-riżoluzzjoni rapida tal-każ.

    Il-Kapitolu IV jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-aċċess għall-fajl u t-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu ċarezza dwar id-dokumenti li għandhom jifformaw parti mill-fajl amministrattiv f’każijiet transfruntieri u l-mument li fih jingħata aċċess għall-fajl lill-partijiet investigati.

    Il-Kapitolu V jispeċifika regoli proċedurali għall-proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim stabbilita fl-Artikolu 65 tal-GDPR. L-Artikolu 22 jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mid-DPA ewlenija lill-Bord meta tippreżenta kwistjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim. Dan jispeċifika l-iskadenzi u l-arranġamenti għad-determinazzjoni tal-ammissibbiltà tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati mill-Bord. L-Artikolu 24 jipprevedi s-smigħ tal-partijiet investigati, jew, fil-każ ta’ rifjut ta’ lment, l-ilmentatur, qabel id-deċiżjoni vinkolanti tal-Bord skont l-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR. Billi jiġu ċċarati r-rwoli tal-atturi kollha u jiġu pprovduti skadenzi għal ċerti passi proċedurali, dawn id-dispożizzjonijiet se jiffaċilitaw il-konklużjoni rapida u effiċjenti tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    L-Artikoli 25 u 26 jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għas-sottomissjoni ta’ kwistjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65(1)(b) u (c) tal-GDPR.

    Il-Kapitolu VI jistabbilixxi regoli proċedurali dettaljati għall-proċedura ta’ urġenza fl-Artikolu 66 tal-GDPR.

    Il-Kapitolu VII fih id-dispożizzjonijiet finali tar-regolament, li jikkonċernaw l-iskadenzi, id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, u d-dħul fis-seħħ tar-regolament.

    2023/0202 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL


    li jistabbilixxi regoli proċedurali addizzjonali relatati mal-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 14 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 15 ,

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 jistabbilixxi sistema ta’ infurzar deċentralizzata li għandha l-għan li tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament (UE) 2016/679 f’każijiet transfruntieri. F’każijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar transfruntier tad-data personali, din is-sistema tirrikjedi kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji fi sforz biex jintlaħaq kunsens u, fejn l-awtoritajiet superviżorji ma jkunux jistgħu jilħqu kunsens, tipprevedi soluzzjoni tat-tilwim mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-Bord).

    (2)Sabiex jiġi previst il-funzjonament bla xkiel u effettiv tal- kooperazzjoni u tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim kif previst fl-Artikoli 60 u 65 tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar it-twettiq ta’ proċedimenti mill-awtoritajiet superviżorji f’każijiet transfruntieri, u mill-Bord matul is-soluzzjoni tat-tilwim, inkluż it-trattament ta’ lmenti transfruntieri. Huwa meħtieġ ukoll li din ir-raġuni tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ smigħ mill-partijiet investigati qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji u, skont il-każ, mill-Bord.

    (3)L-ilmenti huma sors essenzjali ta’ informazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Id-definizzjoni ta’ proċeduri ċari u effiċjenti għat-trattament tal-ilmenti f’każijiet transfruntieri hija meħtieġa peress li l-ilment jista’ jiġi ttrattat minn awtorità superviżorja minbarra dik li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment.

    (4)Sabiex ikun ammissibbli, ilment jenħtieġ li jkun fih ċerta informazzjoni speċifikata. Għalhekk, sabiex l-ilmentaturi jiġu megħjuna jissottomettu l-fatti meħtieġa lill-awtoritajiet superviżorji, jenħtieġ li tiġi pprovduta formola tal-ilmenti. Jenħtieġ li l-informazzjoni speċifikata fil-formola tkun meħtieġa biss f’każijiet ta’ pproċessar transfruntier fis-sens tar-Regolament (UE) 2016/679, għalkemm il-formola tista’ tintuża mill-awtoritajiet superviżorji għal każijiet li ma jirrigwardawx l-ipproċessar transfruntier. Il-formola tista’ tiġi sottomessa b’mod elettroniku jew bil-posta. Is-sottomissjoni tal-informazzjoni elenkata f’dik il-formola jenħtieġ li tkun kundizzjoni biex ilment relatat mal-ipproċessar transfruntier jiġi ttrattat bħala lment kif imsemmi fl-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-ebda informazzjoni addizzjonali ma tkun meħtieġa biex ilment jitqies ammissibbli. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet superviżorji li jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ lmenti f’format elettroniku faċli għall-utent filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità, sakemm l-informazzjoni meħtieġa mill-ilmentatur tikkorrispondi mal-informazzjoni meħtieġa mill-formola u ma tkun meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali sabiex l-ilment jinstab ammissibbli.

    (5)L-awtoritajiet superviżorji huma obbligati jiddeċiedu dwar l-ilmenti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. X’inhu perjodu ta’ żmien raġonevoli jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, il-kuntest tiegħu, id-diversi passi proċedurali segwiti mill-awtorità superviżorja ewlenija, l-imġiba tal-partijiet matul il-proċedura u l-kumplessità tal-każ.

    (6)Kull ilment ittrattat minn awtorità superviżorja skont l-Artikolu 57(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu jiġi investigat bid-diliġenza dovuta kollha sa fejn ikun xieraq filwaqt li jitqies li kull użu tas-setgħat mill-awtorità superviżorja jrid ikun xieraq, meħtieġ u proporzjonat bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Huwa fid-diskrezzjoni ta’ kull awtorità kompetenti li tiddeċiedi sa liema punt jenħtieġ li jiġi investigat ilment. Filwaqt li jivvalutaw il-punt xieraq ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jkollhom l-għan li jipprovdu riżoluzzjoni sodisfaċenti lill-ilmentatur, li mhux neċessarjament tkun tirrikjedi investigazzjoni eżawrjenti tal-elementi legali u fattwali kollha possibbli li jirriżultaw mill-ilment, iżda li tipprovdi rimedju effettiv u rapidu lill-ilmentatur. Il-valutazzjoni tal-firxa tal-miżuri investigattivi meħtieġa tista’ ssir abbażi tal-gravità tal-ksur allegat, tan-natura sistemika jew ripetittiva tiegħu, jew tal-fatt, skont il-każ, li l-ilmentatur ħa vantaġġ ukoll mid-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) 2016/679. 

    (7)L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tipprovdi lill-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment bl-informazzjoni meħtieġa dwar il-progress tal-investigazzjoni bil-għan li tipprovdi aġġornamenti lill-ilmentatur.

    (8)L-awtorità superviżorja kompetenti jenħtieġ li tipprovdi lill-ilmentatur b’aċċess għad-dokumenti li abbażi tagħhom l-awtorità superviżorja tkun waslet għal konklużjoni preliminari biex tirrifjuta kompletament jew parzjalment l-ilment.

    (9)Sabiex l-awtoritajiet superviżorji jtemmu malajr il-ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 u jwasslu riżoluzzjoni rapida għall-ilmentaturi, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jagħmlu ħilithom, fejn xieraq, biex isolvu l-ilmenti permezz ta’ soluzzjoni bonarja. Il-fatt li lment individwali ġie solvut permezz ta’ soluzzjoni bonarja ma jipprevjenix lill-awtorità superviżorja kompetenti milli ssegwi każ ex officio, pereżempju fil-każ ta’ ksur sistemiku jew ripetittiv tar-Regolament (UE) 2016/679.  

    (10)Sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u konsistenza fil-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa importanti li l-każijiet transfruntieri jiġu solvuti fil-ħin u f’konformità mal-ispirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera u effettiva li huwa l-bażi tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/679. L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li teżerċita l-kompetenza tagħha fil-qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-investigazzjoni fi stadju bikri fi sforz biex jintlaħaq kunsens, billi jagħmlu użu sħiħ mill-għodod ipprovduti mir-Regolament (UE) 2016/679.

    (11)Huwa partikolarment importanti li l-awtoritajiet superviżorji jilħqu kunsens dwar aspetti ewlenin tal-investigazzjoni kmieni kemm jista’ jkun u qabel il-komunikazzjoni ta’ allegazzjonijiet lill-partijiet investigati u l-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/679, biex b’hekk jitnaqqas l-għadd ta’ każijiet sottomessi għall-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fl-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-aħħar mill-aħħar tiġi żgurata s-soluzzjoni rapida ta’ każijiet transfruntieri.

    (12)Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li tkun ibbażata fuq djalogu miftuħ li jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jħallu impatt sinifikanti fuq il-perkors tal-investigazzjoni billi jaqsmu l-esperjenzi u l-fehmiet tagħhom mal-awtorità superviżorja ewlenija, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi kull awtorità superviżorja, inkluż fil-valutazzjoni tal-punt xieraq biex jiġi investigat każ, u għat-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati b’sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin li jistabbilixxi l-fehma preliminari tagħha dwar il-kwistjonijiet ewlenin f’investigazzjoni. Dan għandu jiġi pprovdut fi stadju bikri biżżejjed biex jippermetti l-inklużjoni effettiva tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati iżda fl-istess ħin fi stadju fejn il-fehmiet tal-awtorità superviżorja ewlenija dwar il-każ ikunu maturi biżżejjed. L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jenħtieġ li jkollhom l-opportunità li jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar firxa wiesgħa ta’ mistoqsijiet, bħall-ambitu tal-investigazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ valutazzjonijiet fattwali u legali kumplessi. Minħabba li l-ambitu tal-investigazzjoni jiddetermina l-kwistjonijiet li jirrikjedu investigazzjoni mill-awtorità superviżorja ewlenija, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jagħmlu ħilithom biex jiksbu kunsens kmieni kemm jista’ jkun dwar l-ambitu tal-investigazzjoni.

    (13)Fl-interess ta’ kooperazzjoni inklużiva effettiva bejn l-awtoritajiet superviżorji kollha kkonċernati u l-awtorità superviżorja ewlenija, il-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jenħtieġ li jkunu konċiżi u fformulati f’termini ċari u preċiżi biżżejjed biex jinftiehmu faċilment mill-awtoritajiet superviżorji kollha. L-argumenti legali jenħtieġ li jinġabru flimkien b’referenza għall-parti tas-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin li huma relatati magħhom. Il-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jiġu ssupplimentati b’dokumenti addizzjonali. Madankollu, sempliċi referenza fil-kummenti ta’ awtorità superviżorja kkonċernata għal dokumenti supplimentari ma tistax tpatti għan-nuqqas tal-argumenti essenzjali fil-liġi jew fil-fatt li jenħtieġ li jidhru fil-kummenti. Id-dettalji legali u fattwali bażiċi li wieħed jibbaża fuqhom f’dawn id-dokumenti jenħtieġ li jiġu indikati, tal-anqas f’forma fil-qosor, b’mod koerenti u li jinftiehem fil-kumment innifsu.

    (14)Każijiet li ma jqajmu l-ebda kwistjoni kontenzjuża ma jirrikjedux diskussjoni estensiva bejn l-awtoritajiet superviżorji sabiex jintlaħaq kunsens u, għalhekk, jistgħu jiġu ttrattati aktar malajr. Meta l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati ma tqajjem kummenti dwar is-sommarju ta’ kwistjonijiet ewlenin, l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tikkomunika s-sejbiet preliminari previsti fl-Artikolu 14 fi żmien 9 xhur.

    (15)L-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jagħmlu użu mill-mezzi kollha meħtieġa biex jiksbu kunsens fi spirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera u effettiva. Għalhekk, jekk ikun hemm diverġenza fl-opinjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u l-awtorità superviżorja ewlenija rigward l-ambitu ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-ilmenti, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 li l-ksur tagħhom se jiġi investigat, jew meta l-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jkunu relatati ma’ bidla importanti fil-valutazzjoni legali jew teknoloġika kumplessa, l-awtorità kkonċernata jenħtieġ li tuża l-għodod previsti skont l-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament (UE) 2016/679.

    (16)Jekk l-użu ta’ dawk l-għodod ma jippermettix lill-awtoritajiet superviżorji jilħqu kunsens dwar l-ambitu ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-ilmenti, l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li titlob deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġi preżunt ir-rekwiżit ta’ urġenza. L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tasal għal konklużjonijiet xierqa mid-deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord għall-finijiet ta’ sejbiet preliminari. Id-deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord ma tistax tantiċipa l-eżitu tal-investigazzjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija jew l-effettività tad-drittijiet tal-partijiet investigati li jinstemgħu. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Bord ma jestendix l-ambitu tal-investigazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

    (17)Sabiex l-ilmentatur ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja li tirrifjuta kompletament jew parzjalment ilment jenħtieġ li tagħmel dan permezz ta’ deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti nazzjonali.

    (18)L-ilmentaturi jenħtieġ li jkollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni li tolqothom b’mod negattiv. Għalhekk, fil-każ ta’ rifjut sħiħ jew parzjali ta’ lment f’każ transfruntier, l-ilmentatur jenħtieġ li jkollu l-opportunità li jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa qabel is-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2016/679 jew deċiżjoni vinkolanti tal-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679. L-ilmentatur jista’ jitlob aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni li tirrifjuta kompletament jew parzjalment l-ilment.

    (19)Huwa meħtieġ li tiġi ċċarata d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment fil-każ ta’ rifjut ta’ lment f’każ transfruntier. Bħala l-punt ta’ kuntatt għall-ilmentatur matul l-investigazzjoni, l-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment jenħtieġ li tikseb il-fehmiet tal-ilmentatur dwar ir-rifjut propost tal-ilment u jenħtieġ li tkun responsabbli għall-komunikazzjonijiet kollha mal-ilmentatur. Jenħtieġ li dawn il-komunikazzjonijiet kollha jiġu kondiviżi mal-awtorità superviżorja ewlenija. Billi skont l-Artikolu 60(8) u (9) tar-Regolament (UE) 2016/679 l-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha r-responsabbiltà li tadotta d-deċiżjoni finali li tirrifjuta l-ilment, dik l-awtorità superviżorja jenħtieġ li jkollha wkoll ir-responsabbiltà li tħejji l-abbozz tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    (20)L-infurzar effettiv tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jenħtieġ li jkun kompatibbli mar-rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi rrispettat fiċ-ċirkostanzi kollha, u b’mod partikolari fi proċeduri li jistgħu jwasslu għal penali.

    (21)Sabiex jiġi ssalvagwardjat b’mod effettiv id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-drittijiet għad-difiża kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), inkluż id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha b’mod negattiv, huwa importanti li jiġu previsti regoli ċari dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

    (22)Ir-regoli dwar il-proċedura amministrattiva applikata mill-awtoritajiet superviżorji meta jinfurzaw ir-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li jiżguraw li l-partijiet investigati jkollhom b’mod effettiv l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-verità u r-rilevanza tal-fatti, l-oġġezzjonijiet u ċ-ċirkostanzi mressqa mill-awtorità superviżorja matul il-proċedura kollha, u b’hekk ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom. Is-sejbiet preliminari stabbilixxew il-pożizzjoni preliminari dwar l-allegat ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 wara investigazzjoni. B’hekk dawn jikkostitwixxu salvagwardja proċedurali essenzjali li tiżgura li jiġi osservat id-dritt għas-smigħ. Il-partijiet investigati jenħtieġ li jiġu pprovduti bid-dokumenti meħtieġa biex jiddefendu lilhom infushom b’mod effettiv u biex jikkummentaw dwar l-allegazzjonijiet magħmula kontrihom, billi jirċievu aċċess għall-fajl amministrattiv.

    (23)Is-sejbiet preliminari jiddefinixxu l-ambitu tal-investigazzjoni u għalhekk l-ambitu ta’ kwalunkwe deċiżjoni finali futura (skont il-każ, jista’ jittieħed abbażi ta’ deċiżjoni vinkolanti maħruġa mill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2016/679) li tista’ tiġi indirizzata lill-kontrolluri jew lill-proċessuri. Is-sejbiet preliminari jenħtieġ li jiġu komposti f’termini li, anke jekk ikunu konċiżi, ikunu ċari biżżejjed biex jippermettu lill-partijiet investigati jidentifikaw kif xieraq in-natura tal-ksur allegat tar-Regolament (UE) 2016/679. L-obbligu li l-partijiet investigati jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom b’mod xieraq huwa ssodisfat jekk id-deċiżjoni finali ma tallegax li l-partijiet investigati wettqu ksur għajr dak imsemmi fis-sejbiet preliminari u tqis biss il-fatti li dwarhom il-partijiet investigati kellhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom. Madankollu, id-deċiżjoni finali tal-awtorità superviżorja ewlenija ma hijiex neċessarjament meħtieġa li tkun replika tas-sejbiet preliminari. L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tkun permessa fid-deċiżjoni finali li tqis it-tweġibiet tal-partijiet investigati għas-sejbiet preliminari, u, fejn applikabbli, l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, u l-Artikolu 65(1), il-punt (a), id-deċiżjoni li ssolvi t-tilwima bejn l-awtoritajiet superviżorji. L-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni tagħha stess tal-fatti u tal-kwalifiki legali mressqa mill-partijiet investigati sabiex jew tirrinunzja l-oġġezzjonijiet meta l-awtorità superviżorja ssib li dawn huma bla bażi jew tissupplimenta u tabbozza mill-ġdid l-argumenti tagħha, kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi, b’appoġġ għall-oġġezzjonijiet li hija ssostni. Pereżempju, il-kunsiderazzjoni ta’ argument imressaq minn parti investigata matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma tkun ingħatat l-opportunità li tesprimi opinjoni f’dak ir-rigward qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, ma tistax fiha innifisha tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    (24)Il-partijiet investigati jenħtieġ li jingħataw id-dritt li jinstemgħu qabel is-sottomissjoni ta’ abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679 jew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni vinkolanti mill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679.  

    (25)L-ilmentaturi jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jkunu assoċjati mal-proċedimenti mibdija minn awtorità superviżorja bil-għan li jidentifikaw jew jiċċaraw kwistjonijiet relatati ma’ ksur potenzjali tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-fatt li awtorità superviżorja tkun diġà bdiet investigazzjoni dwar is-suġġett tal-ilment jew se tittratta l-ilment f’investigazzjoni ex officio wara li tirċievi l-ilment ma jipprekludix il-kwalifika ta’ suġġett tad-data bħala ilmentatur. Madankollu, investigazzjoni minn awtorità superviżorja ta’ ksur possibbli tar-Regolament (UE) 2016/679 minn kontrollur jew proċessur ma tikkostitwixxix proċedura kontenzjuża bejn l-ilmentatur u l-partijiet investigati. Hija proċedura mibdija minn awtorità superviżorja, fuq inizjattiva tagħha stess jew abbażi ta’ lment, fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-partijiet investigati u l-ilmentatur, għalhekk, ma humiex fl-istess sitwazzjoni proċedurali u dan tal-aħħar ma jistax jinvoka d-dritt għal smigħ ġust meta d-deċiżjoni ma taffettwax b’mod negattiv il-pożizzjoni legali tiegħu. L-involviment tal-ilmentatur fil-proċedura kontra l-partijiet investigati ma jistax jikkomprometti d-dritt ta’ dawn il-partijiet li jinstemgħu.

    (26)Jenħtieġ li l-ilmentaturi jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw bil-miktub fehmiet dwar is-sejbiet preliminari. Madankollu, jenħtieġ li ma jkollhomx aċċess għas-sigrieti kummerċjali jew għal informazzjoni kunfidenzjali oħra li tappartjeni għal partijiet oħrajn involuti fil-proċedimenti. L-ilmentaturi jenħtieġ li ma jkunux intitolati li jkollhom aċċess ġeneralizzat għall-fajl amministrattiv.

    (27)Meta jistabbilixxu skadenzi għall-partijiet investigati u għall-ilmentaturi biex jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar sejbiet preliminari, l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jqisu l-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma fis-sejbiet preliminari, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet investigati u l-ilmentaturi jkollhom opportunità suffiċjenti biex jipprovdu l-fehmiet tagħhom b’mod sinifikanti dwar il-kwistjonijiet imqajma.

    (28)L-iskambju ta’ fehmiet qabel l-adozzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni jinvolvi djalogu miftuħ u skambju estensiv ta’ fehmiet fejn l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jagħmlu ħilithom kollha biex isibu kunsens dwar it-triq ’il quddiem f’investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ qbil espress f’oġġezzjonijiet rilevanti u motivati skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2016/679, li jżidu l-potenzjal ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679 u jittradjaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali mill-awtorità superviżorja kompetenti, jenħtieġ li jseħħ fil-każ eċċezzjonali ta’ nuqqas tal-awtoritajiet superviżorji li jilħqu kunsens u fejn meħtieġ biex tkun żgurata l-interpretazzjoni konsistenti tar-Regolament (UE) 2016/679. Dawn l-oġġezzjonijiet jenħtieġ li jintużaw meta vera hemm bżonnhom, meta jkunu involuti kwistjonijiet ta’ infurzar konsistenti tar-Regolament (UE) 2016/679, peress li kull użu ta’ oġġezzjonijiet rilevanti u motivati jipposponi r-rimedju għas-suġġett tad-data. Peress li l-ambitu tal-investigazzjoni u l-fatti rilevanti jenħtieġ li jiġu deċiżi qabel il-komunikazzjoni tas-sejbiet preliminari, dawn il-kwistjonijiet jenħtieġ li ma jitqajmux mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati f’oġġezzjonijiet rilevanti u motivati. Madankollu, dawn jistgħu jitqajmu mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati fil-kummenti tagħhom dwar is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin skont l-Artikolu 9(3), qabel ma jiġu kkomunikati s-sejbiet preliminari lill-partijiet investigati.

    (29)Fl-interess tal-konklużjoni effiċjenti u inklużiva tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim, fejn l-awtoritajiet superviżorji kollha jenħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jikkontribwixxu l-fehmiet tagħhom u filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet ta’ żmien matul is-soluzzjoni tat-tilwim, il-forma u l-istruttura tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati jenħtieġ li jissodisfaw ċerti rekwiżiti. Għalhekk, l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati jenħtieġ li jkunu limitati għal tul preskritt, jenħtieġ li jidentifikaw b’mod ċar in-nuqqas ta’ qbil mal-abbozz tad-deċiżjoni u jenħtieġ li jiġu fformulati f’termini ċari, koerenti u preċiżi biżżejjed.

    (30)L-aċċess għall-fajl amministrattiv huwa previst bħala parti mid-drittijiet għad-difiża u d-dritt għal amministrazzjoni tajba mnaqqxa fil-Karta. Jenħtieġ li jiġi pprovdut aċċess għall-fajl amministrattiv lill-partijiet investigati meta jiġu nnotifikati bis-sejbiet preliminari u jenħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza biex jissottomettu t-tweġiba bil-miktub tagħhom għas-sejbiet preliminari.

    (31)Meta jagħtu aċċess għall-fajl amministrattiv, l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jiżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra. Il-kategorija ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra tinkludi informazzjoni għajr sigrieti kummerċjali, li tista’ titqies bħala kunfidenzjali, sa fejn id-divulgazzjoni tagħha tkun ta’ dannu sinifikanti għal kontrollur, proċessur jew persuna fiżika. L-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li l-partijiet investigati li jissottomettu jew li ssottomettew dokumenti jew dikjarazzjonijiet, jidentifikaw informazzjoni kunfidenzjali.

    (32)Meta s-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jkunu meħtieġa biex jagħtu prova ta’ ksur, għal kull dokument individwali, l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jivvalutaw jekk il-ħtieġa ta’ divulgazzjoni hijiex akbar mill-ħsara li tista’ tirriżulta mid-divulgazzjoni.

    (33)Meta tirreferi kwistjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja ewlenija jenħtieġ li tipprovdi lill-Bord bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun jista’ jivvaluta l-ammissibbiltà tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati u jieħu d-deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679. Ladarba l-Bord jirċievi d-dokumenti kollha meħtieġa elenkati fl-Artikolu 23, il-President tal-Bord jenħtieġ li jirreġistra r-riferiment tas-suġġett fis-sens tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    (34)Id-deċiżjoni vinkolanti tal-Bord skont l-Artikolu 65(1)(a), tar-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li tikkonċerna esklużivament kwistjonijiet li wasslu għall-iskattar tas-soluzzjoni tat-tilwim u tkun abbozzata b’mod li jippermetti lill-awtorità superviżorja ewlenija tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni tal-Bord filwaqt li żżomm id-diskrezzjoni tagħha.

    (35)Sabiex tiġi ssimplifikata s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-awtoritajiet superviżorji ppreżentata lill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati r-regoli proċedurali dwar id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Bord u li fuqhom il-Bord jenħtieġ li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi speċifikat meta l-Bord jenħtieġ li jirreġistra s-sottomissjoni tal-kwistjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    (36)Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-adozzjoni ta’ opinjonijiet urġenti u deċiżjonijiet vinkolanti urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati regoli proċedurali rigward iż-żmien tat-talba għal opinjoni urġenti jew għal deċiżjoni vinkolanti urġenti, id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Bord u li fuqhom il-Bord jenħtieġ li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu, lil min jenħtieġ li tiġi indirizzata l-opinjoni jew id-deċiżjoni tal-Bord, u l-konsegwenzi tal-opinjoni jew tad-deċiżjoni tal-Bord.

    (37)Il-Kapitoli III u IV jikkonċernaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, id-drittijiet proċedurali tal-partijiet investigati u l-involviment tal-ilmentaturi. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal investigazzjonijiet li jkunu diġà għaddejjin fiż-żmien li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. Jenħtieġ li japplikaw għal investigazzjonijiet ex officio miftuħa wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għal investigazzjonijiet ibbażati fuq l-ilmenti fejn l-ilment ikun ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kapitolu V jipprovdi regoli proċedurali għall-każijiet ippreżentati għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dan il-Kapitolu ma japplikax għal każijiet li jkunu ġew ippreżentati għas-soluzzjoni tat-tilwim qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan japplika għall-każijiet kollha ppreżentati għas-soluzzjoni tat-tilwim wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (38)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ppreżentaw opinjoni konġunta fil-[ ],

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli proċedurali għat-trattament tal-ilmenti u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet f’każijiet ibbażati fuq l-ilmenti u ex officio mill-awtoritajiet superviżorji fl-infurzar transfruntier tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom japplikaw.

    Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“partijiet investigati” tfisser il-kontrollur(i) u/jew il-proċessur(i) investigati għall-ksur allegat tar-Regolament (UE) 2016/679 relatat mal-ipproċessar transfruntier;

    (2)“sommarju ta’ kwistjonijiet ewlenin” tfisser is-sommarju li għandu jiġi pprovdut mill-awtorità superviżorja ewlenija lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati li jidentifika l-fatti rilevanti ewlenin u l-fehmiet tal-awtorità superviżorja ewlenija dwar il-każ;

    (3)“sejbiet preliminari” tfisser id-dokument ipprovdut mill-awtorità superviżorja ewlenija lill-partijiet investigati li jistabbilixxi l-allegazzjonijiet, il-fatti rilevanti, l-evidenza ta’ sostenn, l-analiżi legali, u, fejn applikabbli, il-miżuri korrettivi proposti;

    (4)“oġġezzjonijiet rilevanti u motivati miżmuma” tfisser l-oġġezzjonijiet li ġew iddeterminati mill-Bord bħala rilevanti u motivati skont it-tifsira tal-Artikolu 4(24) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Kapitolu II

    Sottomissjoni u trattament tal-ilmenti

    Artikolu 3

    Ilmenti transfruntieri

    1.Ilment abbażi tar-Regolament (UE) 2016/679 li jirrigwarda l-ipproċessar transfruntier għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa fil-Formola, kif stabbilit fl-Anness. Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali sabiex l-ilment ikun ammissibbli.

    2.L-awtorità superviżorja li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tistabbilixxi jekk l-ilment huwiex relatat mal-ipproċessar transfruntier.

    3.L-awtorità superviżorja li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tiddetermina l-kompletezza tal-informazzjoni meħtieġa mill-Formola fi żmien xahar.

    4.Mal-valutazzjoni tal-kompletezza tal-informazzjoni meħtieġa mill-Formola, l-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tibgħat l-ilment lill-awtorità superviżorja ewlenija.

    5.Meta l-ilmentatur jitlob il-kunfidenzjalità meta jippreżenta lment, l-ilmentatur għandu jippreżenta wkoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment.

    6.L-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat ilment għandha tirrikonoxxi li tkun irċeviet l-ilment fi żmien ġimgħa. Dan ir-rikonoxximent għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-ammissibbiltà tal-ilment skont il-paragrafu 3.

    Artikolu 4

    Investigazzjoni tal-ilmenti

    Filwaqt li tivvaluta l-punt xieraq sa fejn għandu jiġi investigat ilment f’kull każ, l-awtorità superviżorja għandha tqis iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi dawn kollha li ġejjin:

    (a)il-ħeffa fl-għoti ta’ rimedju effettiv u f’waqtu lill-ilmentatur;

    (b)il-gravità tal-ksur allegat;

    (c)in-natura sistemika jew ripetittiva tal-ksur allegat.

    Artikolu 5

    Soluzzjoni bonarja

    Ilment jista’ jiġi solvut b’soluzzjoni bonarja bejn l-ilmentatur u l-partijiet investigati. Meta l-awtorità superviżorja tqis li tkun instabet soluzzjoni bonarja għall-ilment, hija għandha tikkomunika s-soluzzjoni proposta lill-ilmentatur. Jekk l-ilmentatur ma joġġezzjonax għas-soluzzjoni bonarja proposta mill-awtorità superviżorja fi żmien xahar, l-ilment għandu jitqies li ġie rtirat.

    Artikolu 6

    Traduzzjonijiet

    1.L-awtorità superviżorja li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tkun responsabbli għal:

    (a)traduzzjoni tal-ilmenti u l-fehmiet tal-ilmentaturi fil-lingwa użata mill-awtorità superviżorja ewlenija għall-finijiet tal-investigazzjoni;

    (b)traduzzjoni tad-dokumenti pprovduti mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-lingwa użata għall-komunikazzjoni mal-ilmentatur, fejn ikun meħtieġ li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti lill-ilmentatur skont dan ir-Regolament jew ir-Regolament (UE) 2016/679.

    2.Fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Bord għandu jiddetermina l-proċedura għat-traduzzjoni ta’ kummenti jew oġġezzjonijiet rilevanti u motivati espressi mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati b’lingwa oħra għajr il-lingwa użata mill-awtorità superviżorja ewlenija għall-finijiet tal-investigazzjoni.

    Kapitolu III

    Kooperazzjoni skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/679

    Taqsima 1

    Ilħuq ta’ kunsens skont it-tifsira tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2016/679

    Artikolu 7

    Kooperazzjon bejn l-awtoritajiet superviżorji

    Filwaqt li jikkooperaw fi sforz biex jilħqu kunsens, kif previst fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jużaw il-mezzi kollha previsti fir-Regolament (UE) 2016/679, inkluża l-assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 u l-operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Id-dispożizzjonijiet f’din it-taqsima jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet superviżorji u ma humiex maħsuba biex jagħtu drittijiet lill-individwi jew lill-partijiet investigati.

    Artikolu 8

    Informazzjoni rilevanti skont it-tifsira tal-Artikolu 60(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679

    1.L-awtorità superviżorja ewlenija għandha taġġorna regolarment lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati dwar l-investigazzjoni u tipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn ikkonċernati, mill-aktar fis possibbli, bl-informazzjoni rilevanti kollha ladarba tkun disponibbli.

    2.L-informazzjoni rilevanti skont it-tifsira tal-Artikolu 60(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandha tinkludi, fejn applikabbli:

    (a)informazzjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ ksur allegat tar-Regolament (UE) 2016/679;

    (b)talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 58(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2016/679;

    (c)informazzjoni dwar l-użu ta’ setgħat investigattivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2016/679;

    (d)fil-każ ta’ rifjut previst ta’ lment, ir-raġunijiet tal-awtorità superviżorja ewlenija għar-rifjut tal-ilment;

    (e)sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin f’investigazzjoni f’konformità mal-Artikolu 9;

    (f)informazzjoni dwar passi li għandhom l-għan li jistabbilixxu ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 qabel it-tħejjija ta’ sejbiet preliminari;

    (g)sejbiet preliminari;

    (h)it-tweġiba tal-partijiet investigati għas-sejbiet preliminari;

    (i)il-fehmiet tal-ilmentatur dwar is-sejbiet preliminari;

    (j)fil-każ ta’ rifjut tal-ilment, is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-ilmentatur;

    (k)kwalunkwe pass rilevanti meħud mill-awtorità superviżorja ewlenija wara li tirċievi t-tweġiba tal-partijiet investigati għas-sejbiet preliminari u qabel is-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Artikolu 9

    Sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin

    1.Ladarba l-awtorità superviżorja ewlenija tkun ifformat opinjoni preliminari dwar il-kwistjonijiet ewlenin f’investigazzjoni, din għandha tabbozza sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin għall-fini ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    2.Is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin għandu jinkludi l-elementi kollha li ġejjin:

    (a)il-fatti rilevanti ewlenin;

    (b)l-identifikazzjoni preliminari tal-ambitu tal-investigazzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 ikkonċernati mill-allegat ksur li se jiġi investigat;

    (c)l-identifikazzjoni ta’ valutazzjonijiet legali u teknoloġiċi kumplessi li huma rilevanti għall-orjentazzjoni preliminari tal-valutazzjoni tagħhom;

    (d)l-identifikazzjoni preliminari ta’ miżura/i korrettiva/i potenzjali.

    3.L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jipprovdu kummenti dwar is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin. Dawn il-kummenti jridu jiġu pprovduti fi żmien 4 ġimgħat minn meta jirċievu s-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin.

    4.Il-kummenti pprovduti skont il-paragrafu 3 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)il-lingwa użata tkun ċara biżżejjed u jkun fiha termini preċiżi li jippermettu lill-awtorità superviżorja ewlenija, u, skont il-każ, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati, iħejju l-pożizzjonijiet tagħhom;

    (b)l-argumenti legali huma stabbiliti fil-qosor u miġbura flimkien b’referenza għall-parti tas-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin li huma relatati magħhom;

    (c)il-kummenti tal-awtorità superviżorja kkonċernata jistgħu jiġu appoġġati minn dokumenti, li jistgħu jissupplimentaw il-kummenti dwar punti speċifiċi.

    5.Il-Bord jista’ jispeċifika fir-regoli ta’ proċedura tiegħu restrizzjonijiet fuq it-tul massimu ta’ kummenti ppreżentati mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati dwar is-sommarju ta’ kwistjonijiet ewlenin.

    6.Il-każijiet fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati ma pprovdiet kummenti skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala każijiet mhux kontenzjużi. F’każijiet bħal dawn, is-sejbiet preliminari msemmija fl-Artikolu 14 għandhom jiġu kkomunikati lill-partijiet investigati fi żmien 9 xhur mill-iskadenza prevista fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 10

    Użu ta’ mezzi biex jintlaħaq kunsens

    1.Awtorità superviżorja kkonċernata għandha tagħmel talba lill-awtorità superviżorja ewlenija skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2016/679, jew it-tnejn, fejn, wara l-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati skont l-Artikolu 9(3), awtorità superviżorja kkonċernata ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija dwar:

    (a)l-ambitu tal-investigazzjoni f’każijiet ibbażati fuq l-ilmenti, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 ikkonċernati mill-allegat ksur li se jiġi investigat;

    (b)orjentazzjoni preliminari fir-rigward ta’ valutazzjonijiet legali kumplessi identifikati mill-awtorità superviżorja ewlenija skont l-Artikolu 9(2), il-punt (c);

    (c)orjentazzjoni preliminari fir-rigward ta’ valutazzjonijiet teknoloġiċi kumplessi identifikati mill-awtorità superviżorja ewlenija skont l-Artikolu 9(2), il-punt (c).

    2.It-talba skont il-paragrafu 1 għandha ssir fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 9(3).

    3.L-awtorità superviżorja ewlenija għandha timpenja ruħha mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati abbażi tal-kummenti tagħhom dwar is-sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin, u, fejn applikabbli, bi tweġiba għal talbiet skont l-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament (UE) 2016/679, fi sforz biex jintlaħaq kunsens. Il-kunsens għandu jintuża bħala bażi għall-awtorità superviżorja ewlenija biex tkompli l-investigazzjoni u tabbozza s-sejbiet preliminari jew, fejn applikabbli, tipprovdi lill-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment bir-raġunament tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 11(2).

    4.Meta, f’investigazzjoni bbażata fuq l-ilmenti, ma jkun hemm l-ebda kunsens bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u awtorità superviżorja kkonċernata waħda jew aktar dwar il-kwistjoni msemmija fl-Artikolu 9(2), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha titlob deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679. F’dak il-każ, il-kundizzjonijiet għat-talba ta’ deċiżjoni vinkolanti urġenti skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom jiġu preżunti li ġew issodisfati.

    5.Meta titlob deċiżjoni vinkolanti urġenti tal-Bord skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi dan kollu li ġej:

    (a)id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 9(2), il-punti (a) u (b);

    (b)il-kummenti tal-awtorità superviżorja kkonċernata li ma taqbilx mal-identifikazzjoni preliminari tal-awtorità superviżorja ewlenija tal-ambitu tal-investigazzjoni.

    6.Il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti urġenti dwar l-ambitu tal-investigazzjoni abbażi tal-kummenti tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u l-pożizzjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija dwar dawk il-kummenti.

    Taqsima 2

    Rifjut sħiħ jew parzjali tal-ilmenti

    Artikolu 11

    Smigħ tal-ilmentatur qabel ir-rifjut sħiħ jew parzjali ta’ lment

    1.Wara l-proċedura prevista fl-Artikoli 9 u 10, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi lill-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment bir-raġunijiet għall-fehma preliminari tagħha li l-ilment għandu jiġi rrifjutat kompletament jew parzjalment.

    2.L-awtorità superviżorja li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bir-raġunijiet għar-rifjut sħiħ jew parzjali maħsub tal-ilment u tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih l-ilmentatur jista’ jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa bil-miktub. Il-limitu ta’ żmien ma għandux ikun anqas minn 3 ġimgħat. L-awtorità superviżorja li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas li jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa.

    3.Jekk l-ilmentatur jonqos milli jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa fiż-żmien stabbilit mill-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment, l-ilment għandu jitqies li jkun ġie rtirat.

    4.L-ilmentatur jista’ jitlob aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li fuqhom ikun ibbażat ir-rifjut propost tal-ilment.

    5.Jekk l-ilmentatur jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment u l-fehmiet ma jwasslux għal bidla fil-fehma preliminari li l-ilment għandu jiġi irrifjutat kompletament jew parzjalment, l-awtorità superviżorja li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tħejji l-abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 li għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn mill-awtorità superviżorja ewlenija skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679. 

    Artikolu 12

    Abbozz rivedut ta’ deċiżjoni li tirrifjuta lment kompletament jew parzjalment

    1.Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tikkunsidra li l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679 iqajjem elementi li dwarhom l-ilmentatur għandu jkollu l-opportunità li jagħmel magħrufa l-fehmiet tiegħu, l-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha, qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, tipprovdi lill-ilmentatur bil-possibbiltà li jagħmel magħrufa l-fehmiet tiegħu dwar dawn l-elementi ġodda.

    2.L-awtorità superviżorja li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih l-ilmentatur jista’ jagħmel magħrufa l-fehmiet tiegħu.

    Artikolu 13

    Deċiżjoni li tirrifjuta lment kompletament jew parzjalment

    Meta tadotta deċiżjoni li tirrifjuta kompletament jew parzjalment ilment f’konformità mal-Artikolu 60(8) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar ir-rimedju ġudizzjarju disponibbli għalih f’konformità mal-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Taqsima 3

    Deċiżjonijiet indirizzati lill-kontrolluri u lill-proċessuri

    Artikolu 14

    Sejbiet preliminari u tweġiba

    1.Meta l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha l-intenzjoni li tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn li jsibu ksur tar-Regolament (UE) 2016/679, din għandha tabbozza sejbiet preliminari.

    2.Is-sejbiet preliminari għandhom jippreżentaw allegazzjonijiet imqajma b’mod eżawrjenti u ċar biżżejjed li jippermettu lill-partijiet investigati jieħdu konjizzjoni tal-imġiba investigata mill-awtorità superviżorja ewlenija. B’mod partikolari, iridu jistabbilixxu b’mod ċar il-fatti kollha u l-valutazzjoni legali sħiħa mqajma kontra l-partijiet investigati, sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-fatti u l-konklużjonijiet legali li l-awtorità superviżorja ewlenija beħsiebha tfassal fl-abbozz tad-deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, u telenka l-evidenza kollha li hija tibbaża fuqha.

    Is-sejbiet preliminari għandhom jindikaw miżuri korrettivi li l-awtorità superviżorja ewlenija tkun beħsiebha tuża.

    Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tkun beħsiebha timponi multa, hija għandha telenka fis-sejbiet preliminari l-elementi rilevanti li fuqhom tibbaża filwaqt li tikkalkula l-multa. B’mod partikolari, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha telenka l-fatti u l-kwistjonijiet essenzjali tal-liġi li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni tal-multa u l-elementi elenkati fl-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti li se tqis.

    3.L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tinnotifika s-sejbiet preliminari lil kull waħda mill-partijiet investigati.

    4.L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, meta tinnotifika s-sejbiet preliminari lill-partijiet investigati, tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih dawn il-partijiet jistgħu jipprovdu l-fehmiet tagħhom bil-miktub. L-awtorità superviżorja ewlenija ma għandhiex tkun obbligata tqis il-fehmiet bil-miktub riċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

    5.Meta tinnotifika s-sejbiet preliminari lill-partijiet investigati, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi lil dawk il-partijiet aċċess għall-fajl amministrattiv f’konformità mal-Artikolu 20.

    6.Il-partijiet investigati jistgħu, fit-tweġiba bil-miktub tagħhom għal sejbiet preliminari, jistabbilixxu l-fatti u l-argumenti legali kollha magħrufa minnhom li huma rilevanti għad-difiża tagħhom kontra l-allegazzjonijiet tal-awtorità superviżorja ewlenija. Huma għandhom jehmżu kwalunkwe dokument rilevanti bħala prova tal-fatti stabbiliti. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, fl-abbozz tad-deċiżjoni tagħha, tittratta biss allegazzjonijiet, inklużi l-fatti u l-valutazzjoni legali bbażati fuq dawk il-fatti, li fir-rigward tagħhom il-partijiet investigati jkunu ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

    Artikolu 15

    Trażmissjoni tas-sejbiet preliminari lill-ilmentaturi

    1.Meta l-awtorità superviżorja ewlenija toħroġ sejbiet preliminari relatati ma’ kwistjoni li fir-rigward tagħha tkun irċeviet ilment, l-awtorità superviżorja li lilha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tipprovdi lill-ilmentatur b’verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sejbiet preliminari u tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih l-ilmentatur jista’ jagħmel il-fehmiet tiegħu magħrufa bil-miktub.

    2.Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll meta awtorità superviżorja, fejn xieraq, tittratta diversi lmenti b’mod konġunt, taqsam l-ilmenti f’diversi partijiet jew bi kwalunkwe mod ieħor teżerċita d-diskrezzjoni tagħha dwar l-ambitu tal-investigazzjoni kif stabbilit f’sejbiet preliminari.

    3.Meta l-awtorità superviżorja ewlenija tikkunsidra li huwa neċessarju għall-ilmentatur li jiġi pprovdut bid-dokumenti inklużi fil-fajl amministrattiv sabiex l-ilmentatur ikun jista’ jagħmel magħrufa l-fehmiet tiegħu dwar is-sejbiet preliminari, l-awtorità superviżorja li magħha jkun ġie ppreżentat l-ilment għandha tipprovdi lill-ilmentatur b’verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawk id-dokumenti meta tipprovdi s-sejbiet preliminari skont il-paragrafu 1.

    4.L-ilmentatur għandu jiġi pprovdut bil-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sejbiet preliminari biss għall-fini tal-investigazzjoni konkreta li fiha jkunu nħarġu s-sejbiet preliminari.

    5.Qabel ma jirċievi l-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sejbiet preliminari u kwalunkwe dokument ipprovdut skont il-paragrafu 3, l-ilmentatur għandu jibgħat lill-awtorità superviżorja ewlenija dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità, fejn l-ilmentatur jimpenja ruħu li ma jiddivulga l-ebda informazzjoni jew valutazzjoni magħmula fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sejbiet preliminari jew li ma juża dawk is-sejbiet għal ebda skop għajr l-investigazzjoni konkreta li fiha nħarġu dawk is-sejbiet.

    Artikolu 16

    Adozzjoni tad-deċiżjoni finali

    Wara s-sottomissjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta’ deċiżjoni fil-perjodi msemmija fl-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 lill-istabbiliment ewlieni jew lill-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew tal-proċessur, skont il-każ, u tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u lill-Bord bid-deċiżjoni inkwistjoni, inkluż sommarju tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti.

    Artikolu 17

    Dritt ta’ smigħ fir-rigward tal-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni

    1.Meta l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679 iqajjem elementi li dwarhom il-partijiet investigati ma nstemgħux, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, tipprovdi lill-partijiet investigati bil-possibbiltà li jagħmlu magħrufa l-fehmiet tagħhom dwar dawn l-elementi l-ġodda.

    2.L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-partijiet investigati jistgħu jagħmlu magħrufa l-fehmiet tagħhom.

    Taqsima 4

    Oġġezzjonijiet rilevanti u motivati

    Artikolu 18

    Oġġezzjonijiet rilevanti u motivati

    1.L-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati skont it-tifsira tal-Artikolu 4(24) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom:

    (a)ikunu bbażati esklużivament fuq elementi fattwali inklużi fl-abbozz tad-deċiżjoni; u

    (b)ma jbiddlux l-ambitu tal-allegazzjonijiet billi jqajmu punti li jammontaw għall-identifikazzjoni ta’ allegazzjonijiet addizzjonali ta’ ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 jew ibiddlu n-natura intrinsika tal-allegazzjonijiet imqajma.

    2.Il-forma u l-istruttura tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)it-tul ta’ kull oġġezzjoni rilevanti u motivata u l-pożizzjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija dwar kwalunkwe oġġezzjoni bħal din ma għandhomx jaqbżu t-tliet paġni u ma għandhomx jinkludu annessi. F’każijiet li jinvolvu kwistjonijiet legali partikolarment kumplessi, it-tul massimu jista’ jiżdied għal sitt paġni, ħlief jekk ċirkostanzi speċifiċi li jiġġustifikaw tul itwal jiġu aċċettati mill-Bord;

    (b)in-nuqqas ta’ qbil tal-awtorità superviżorja kkonċernata mal-abbozz tad-deċiżjoni għandu jiġi ddikjarat fil-bidu tal-oġġezzjoni rilevanti u mmotivata u għandu jiġi fformulat f’termini ċari, koerenti u preċiżi biżżejjed biex jippermettu lill-awtorità superviżorja ewlenija, u skont il-każ, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati, iħejju l-pożizzjonijiet tagħhom u jippermettu lill-Bord isolvi t-tilwima b’mod effiċjenti;

    (c)l-argumenti legali għandhom jiġu ppreżentati u miġbura skont ir-referenza għall-parti operattiva tal-abbozz tad-deċiżjoni li huma relatati magħha. Kull argument jew grupp ta’ argumenti għandu ġeneralment ikun ippreċedut minn dikjarazzjoni fil-qosor.

    Kapitolu IV

    Aċċess għall-fajl amministrattiv u trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali

    Artikolu 19

    Kontenut tal-fajl amministrattiv

    1.Il-fajl amministrattiv f’investigazzjoni dwar ksur allegat tar-Regolament (UE) 2016/679 jikkonsisti fid-dokumenti kollha li nkisbu, ġew prodotti u/jew immuntati mill-awtorità superviżorja ewlenija matul l-investigazzjoni.

    2.Matul l-investigazzjoni ta’ ksur allegat tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tirritorna lill-parti li mingħandha jkunu nkisbu, dokumenti li wara eżami aktar dettaljat jirriżulta li ma jkunux relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni. Mar-ritorn, dawn id-dokumenti ma għandhomx jibqgħu jikkostitwixxu parti mill-fajl amministrattiv.

    3.Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv ma għandux jestendi għall-korrispondenza u għall-iskambju ta’ fehmiet bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. L-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet superviżorji għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ każ individwali hija dokumenti interni u ma għandhiex tkun aċċessibbli għall-partijiet investigati jew għall-ilmentatur.

    4.L-aċċess għal oġġezzjonijiet rilevanti u motivati skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu jiġi pprovdut f’konformità mal-Artikolu 24. 

    Artikolu 20

    Aċċess għall-fajl amministrattiv u użu tad-dokumenti

    1.L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tagħti aċċess għall-fajl amministrattiv lill-partijiet investigati, biex b’hekk tippermettilhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu. L-aċċess għall-fajl amministrattiv għandu jingħata wara li l-awtorità superviżorja ewlenija tinnotifika s-sejbiet preliminari lill-partijiet investigati.

    2.Il-fajl amministrattiv għandu jinkludi d-dokumenti kollha, inkriminanti u li jiskaġunaw, inklużi l-fatti u d-dokumenti li huma magħrufa mill-partijiet investigati.

    3.Il-konklużjonijiet tal-awtorità superviżorja ewlenija fl-abbozz tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 u d-deċiżjoni finali skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 jistgħu jiddependu biss fuq id-dokumenti ċitati fis-sejbiet preliminari jew li fuqhom il-partijiet investigati kellhom l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa.

    4.Id-dokumenti miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl amministrattiv skont dan l-Artikolu għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-każ speċifiku li għalih ikunu ġew ipprovduti dawn id-dokumenti.

    Artikolu 21

    Identifikazzjoni u protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali

    1.Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, l-informazzjoni miġbura jew miksuba minn awtorità superviżorja f’każijiet transfruntieri fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż kwalunkwe dokument li jkun fih din l-informazzjoni, ma għandhiex tiġi kkomunikata jew issir aċċessibbli mill-awtorità superviżorja inkwantu jkun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe persuna.

    2.Kwalunkwe informazzjoni miġbura jew miksuba minn awtorità superviżorja f’każijiet transfruntieri fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż kwalunkwe dokument li jkun fih din l-informazzjoni, hija eskluża mit-talbiet għal aċċess fl-ambitu tal-liġijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali sakemm il-proċedimenti jkunu għadhom għaddejjin.

    3.Meta jikkomunikaw is-sejbiet preliminari lill-partijiet investigati u jipprovdu aċċess għall-fajl amministrattiv abbażi tal-Artikolu 20, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiżgura li l-partijiet investigati li għalihom qed jingħata aċċess għal informazzjoni li jkun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jittrattaw din l-informazzjoni bl-akbar rispett għall-kunfidenzjalità tagħha u li din l-informazzjoni ma tintużax għad-detriment tal-fornitur tal-informazzjoni. Skont il-grad ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta arranġamenti xierqa biex tagħti effett sħiħ lid-drittijiet tad-difiża tal-partijiet investigati b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

    4.Entità li tippreżenta informazzjoni li hija tqis bħala kunfidenzjali għandha tidentifika b’mod ċar l-informazzjoni li hija tqis bħala kunfidenzjali, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għall-kunfidenzjalità ddikjarata. L-entità għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali separata tas-sottomissjoni.

    5.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tirrikjedi lill-partijiet investigati, jew lil kwalunkwe parti oħra li tipproduċi dokumenti skont ir-Regolament (UE) 2016/679, biex tidentifika d-dokumenti jew il-partijiet tad-dokumenti li huma jqisu li fihom sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tappartjeni għalihom u biex tidentifika l-partijiet li għalihom dawn id-dokumenti jitqiesu kunfidenzjali.

    6.L-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-partijiet investigati u kwalunkwe parti oħra li tqajjem talba għall-kunfidenzjalità biex:

    (a)jissostanzjaw it-talbiet tagħhom għal sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għal kull dokument individwali jew parti minn dokument, dikjarazzjoni, jew parti minn dikjarazzjoni;

    (b)jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti u tad-dikjarazzjonijiet, li fihom jitneħħew is-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra;

    (c)jipprovdu deskrizzjoni konċiża, mhux kunfidenzjali ta’ kull biċċa informazzjoni li tneħħiet.

    7.Jekk il-partijiet investigati jew kwalunkwe parti oħra tonqos milli tikkonforma mal-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tassumi li d-dokumenti jew id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati ma fihomx sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

    Kapitolu V

    Soluzzjoni tat-tilwim

    Artikolu 22

    Riferiment għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679

    1.Jekk l-awtorità superviżorja ewlenija ma tikkonformax mal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjonijiet ma humiex rilevanti jew motivati, hija għandha tippreżenta s-suġġett lill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilit fl-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679.

    2.Meta tirreferi s-suġġett għas-soluzzjoni tat-tilwim, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tipprovdi lill-Bord id-dokumenti kollha li ġejjin:

    (a)l-abbozz ta’ deċiżjoni jew l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni soġġett għall-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati;

    (b)sommarju tal-fatti rilevanti;

    (c)is-sejbiet preliminari;

    (d)sottomissjoni bil-miktub mill-partijiet investigati, skont il-każ, skont l-Artikoli 14 u 17;

    (e)sottomissjonijiet bil-miktub mill-ilmentaturi, skont il-każ, skont l-Artikoli 11, 12, u 15;

    (f)l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati li ma kinux segwiti mill-awtorità superviżorja ewlenija;

    (g)ir-raġunijiet li abbażi tagħhom l-awtorità superviżorja ewlenija ma segwietx l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati jew qieset li l-oġġezzjonijiet ma kinux rilevanti jew motivati.

    3.Il-Bord għandu fi żmien 4 ġimgħat minn meta jirċievi d-dokumenti elenkati fil-paragrafu 2 jidentifika l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati miżmuma.

    Artikolu 23

    Reġistrazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679

    Il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-riferiment ta’ suġġett għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679 mhux aktar tard minn ġimgħa wara li jkun irċieva d-dokumenti kollha li ġejjin:

    (a)l-abbozz ta’ deċiżjoni jew l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni soġġett għall-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati;

    (b)sommarju tal-fatti rilevanti;

    (c)sottomissjoni bil-miktub mill-partijiet investigati, skont il-każ, skont l-Artikoli 14 u 17;

    (d)sottomissjonijiet bil-miktub mill-ilmentaturi, skont il-każ, skont l-Artikoli 11, 12 u 15;

    (e)l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati miżmuma;

    (f)ir-raġunijiet li abbażi tagħhom l-awtorità superviżorja ewlenija ma segwietx l-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati miżmuma.

    Artikolu 24

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679

    1.Qabel ma jadotta d-deċiżjoni vinkolanti skont l-Artikolu 65(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/679, il-President tal-Bord għandu, permezz tal-awtorità superviżorja ewlenija, jipprovdi lill-partijiet investigati u/jew, fil-każ ta’ rifjut sħiħ jew parzjali ta’ lment, lill-ilmentatur, dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega r-raġunament li l-Bord beħsiebu jadotta fid-deċiżjoni tiegħu. Meta l-Bord ikollu l-ħsieb li jadotta deċiżjoni vinkolanti li tirrikjedi li l-awtorità superviżorja ewlenija temenda l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha jew l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni, il-Bord għandu jiddeċiedi jekk din id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għandhiex tkun akkumpanjata mill-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati miżmuma li abbażi tagħhom il-Bord ikun beħsiebu jadotta d-deċiżjoni tiegħu.

    2.Il-partijiet investigati u/jew, fil-każ ta’ rifjut sħiħ jew parzjali ta’ lment, l-ilmentatur, għandu jkollhom ġimgħa minn meta jirċievu d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 biex jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa.

    3.L-iskadenza fil-paragrafu 2 għandha tiġi estiża b’ġimgħa meta l-Bord jestendi l-perjodu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni vinkolanti f’konformità mal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    4.Il-perjodu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni vinkolanti tal-Bord previst fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 ma għandux jibqa’ għaddej matul il-perjodi previsti fil-paragrafi 2 u 3.

    Artikolu 25

    Proċedura fir-rigward ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679

    1.Meta tirreferi suġġett lill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (b), tar-Regolament 2016/679, l-awtorità superviżorja li tirreferi s-suġġett rigward il-kompetenza għall-istabbiliment ewlieni għandha tipprovdi lill-Bord bid-dokumenti kollha li ġejjin:

    (a)sommarju tal-fatti rilevanti;

    (b)il-valutazzjoni ta’ dawn il-fatti f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 56(1) tar-Regolament (UE) 2016/679;

    (c)il-fehmiet magħmula mill-kontrollur jew mill-proċessur li l-istabbiliment ewlieni tiegħu huwa s-suġġett tar-riferiment;

    (d)il-fehmiet ta’ awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati mir-riferiment;

    (e)kwalunkwe dokument jew informazzjoni oħra li l-awtorità superviżorja ta’ referenza tqis rilevanti u meħtieġa sabiex issib riżoluzzjoni dwar is-suġġett.

    2.Il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-riferiment mhux aktar tard minn ġimgħa wara li jkun irċieva d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 26

    Proċedura fir-rigward ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 65(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679

    1.Meta tirreferi suġġett lill-Bord skont l-Artikolu 65(1), il-punt (c), tar-Regolament 2016/679, l-awtorità superviżorja li tirreferi s-suġġett jew il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord bid-dokumenti kollha li ġejjin:

    (a)sommarju tal-fatti rilevanti;

    (b)l-opinjoni, skont il-każ, tista’ tinħareġ mill-Bord skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/679;

    (c)il-fehmiet tal-awtorità superviżorja li jirreferu s-suġġett jew il-Kummissjoni dwar jekk, skont il-każ, kienx meħtieġ li awtorità superviżorja tikkomunika l-abbozz tad-deċiżjoni lill-Bord skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, jew awtorità superviżorja ma segwietx opinjoni tal-Bord maħruġa skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/679.

    2.Il-President tal-Bord għandu jitlob id-dokumenti li ġejjin:

    (a)Il-fehmiet tal-awtorità superviżorja allegata li kisret ir-rekwiżit li tikkomunika abbozz ta’ deċiżjoni lill-Bord jew li naqset milli ssegwi l-opinjoni tal-Bord;

    (b)kwalunkwe dokument jew informazzjoni oħra li l-awtorità superviżorja tqis rilevanti u meħtieġa sabiex issib riżoluzzjoni dwar is-suġġett.

    Jekk xi awtorità superviżorja tiddikjara l-ħtieġa li tippreżenta l-fehmiet tagħha dwar is-suġġett imsemmi, din għandha tippreżenta dawk il-fehmiet fi żmien ġimagħtejn mir-riferiment imsemmi fil-paragrafu 1.

    3.Il-President tal-Bord għandu jirreġistra r-riferiment mhux aktar tard minn ġimgħa wara li jkun irċieva d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    Kapitolu VI

    Proċedura ta’ urġenza

    Artikolu 27

    Opinjonijiet urġenti skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679

    1.Talba għal opinjoni urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandha ssir mhux aktar tard minn 3 ġimgħat qabel l-iskadenza tal-miżuri provviżorji adottati skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u għandu jkun fiha l-punti kollha li ġejjin:

    (a)sommarju tal-fatti rilevanti;

    (b)deskrizzjoni tal-miżura provviżorja adottata fit-territorju tiegħu stess, id-durata tagħha u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħha, inkluża l-ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;

    (c)ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri finali fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja rikjedenti, inkluża spjegazzjoni tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi li jirrikjedu l-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati.

    2.L-opinjoni urġenti tal-Bord għandha tiġi indirizzata lill-awtorità superviżorja li ppreżentat it-talba. Din għandha tkun simili għal opinjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u għandha tabilita lill-awtorità rikjedenti żżomm jew temenda l-miżura provviżorja tagħha f’konformità mal-obbligi tal-Artikolu 64(7) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Artikolu 28

    Deċiżjonijiet urġenti skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679

    1.Talba għal deċiżjoni urġenti tal-Bord skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandha ssir mhux aktar tard minn 3 ġimgħat qabel l-iskadenza tal-miżuri provviżorji adottati skont l-Artikoli 61(8), 62(7) jew 66(1) tar-Regolament (UE) 2016/679. Dik it-talba għandu jkollu l-elementi kollha li ġejjin:

    (a)sommarju tal-fatti rilevanti;

    (b)il-miżura provviżorja adottata fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li titlob id-deċiżjoni, id-durata tagħha u r-raġunijiet għall-adozzjoni tal-miżuri provviżorji, b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;

    (c)informazzjoni dwar kwalunkwe miżura investigattiva meħuda fit-territorju tiegħu stess u tweġibiet riċevuti mill-istabbiliment lokali tal-partijiet investigati jew kwalunkwe informazzjoni oħra fil-pussess tal-awtorità superviżorja rikjedenti;

    (d)ġustifikazzjoni tal-ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri finali fit-territorju tal-awtorità superviżorja rikjedenti, filwaqt li titqies in-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi li jirrikjedu l-adozzjoni tal-miżura finali, jew prova li awtorità superviżorja naqset milli twieġeb għal talba skont l-Artikolu 61(3) jew 62(2) tar-Regolament (UE) 2016/679;

    (e)meta l-awtorità rikjedenti ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, il-fehmiet tal-awtorità superviżorja ewlenija;

    (f)fejn applikabbli, il-fehmiet tal-istabbiliment lokali tal-partijiet investigati li kontrihom ittieħdu miżuri provviżorji skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    2.Id-deċiżjoni urġenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi indirizzata lill-awtorità superviżorja li tkun ippreżentat it-talba u għandha tippermetti lill-awtorità rikjedenti żżomm jew temenda l-miżura provviżorja tagħha.

    3.Meta l-Bord jadotta deċiżjoni vinkolanti urġenti li tindika li għandhom jiġu adottati miżuri finali, l-awtorità superviżorja li lilha tkun indirizzata d-deċiżjoni għandha tadotta dawn il-miżuri qabel l-iskadenza tal-miżuri provviżorji adottati skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

    4.L-awtorità superviżorja li tkun ippreżentat it-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha dwar il-miżuri finali għall-istabbiliment tal-kontrollur jew tal-proċessur fit-territorju tal-Istat Membru tagħha u tinforma lill-Bord. Meta l-awtorità superviżorja ewlenija ma tkunx l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjedenti għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija bil-miżura finali.

    5.Meta d-deċiżjoni vinkolanti urġenti tindika li l-miżuri finali ma jeħtiġux li jiġu adottati b’mod urġenti, l-awtoritajiet ewlenin u superviżorji kkonċernati għandhom isegwu l-proċedura fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/679.

    Kapitolu VII

    Dispożizzjonijet ġenerali u finali

    Artikolu 29

    Bidu tal-perjodi ta’ żmien u d-definizzjoni tal-jum tax-xogħol

    1.Il-limiti ta’ żmien previsti fl-awtoritajiet superviżorji jew stabbiliti minnhom skont ir-Regolament (UE) 2016/679 għandhom jiġu kkalkolati f’konformità mar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill 17 .

    2.Il-perjodi ta’ żmien għandhom jibdew fil-jum tax-xogħol wara l-avveniment li għalih tirreferi d-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament (UE) 2016/679 jew dan ir-Regolament.

    Artikolu 30

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    Il-Kapitoli III u IV għandhom japplikaw għal investigazzjonijiet ex officio miftuħa wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għal investigazzjonijiet ibbażati fuq l-ilmenti fejn l-ilment ikun ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Il-Kapitolu V għandu japplika għall-każijiet kollha sottomessi għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679 wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 31

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1-88.
    (2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Il-protezzjoni tad-data bħala pilastru tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u tal-approċċ tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali - sentejn ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (COM/2020/264 final).
    (3)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data sentejn wara l-applikazzjoni tiegħu (2020/2717(RSP)).
    (4)     https://edpb.europa.eu/our-work-tools/our-documents/guidelines/guidelines-022022-application-article-60-gdpr_mt  
    (5)     https://edpb.europa.eu/system/files/2022-10/edpb_letter_out2022-0069_to_the_eu_commission_on_procedural_aspects_en_0.pdf  
    (6)     https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&do=groupDetail.groupDetail&groupID=3537  
    (7)     https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&do=groupDetail.groupDetail&groupID=3461  
    (8)     https://commission.europa.eu/strategy-documents/commission-work-programme/commission-work-programme-2023_en  
    (9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Il-protezzjoni tad-data bħala pilastru tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u tal-approċċ tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali - sentejn ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (COM/2020/264 final).
    (10)    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Il-protezzjoni tad-data bħala pilastru tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u tal-approċċ tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali - sentejn ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (SWD(2020) 115 final).
    (11)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data sentejn wara l-applikazzjoni tiegħu (2020/2717(RSP)).
    (12)     https://edpb.europa.eu/our-work-tools/our-documents/guidelines/guidelines-022022-application-article-60-gdpr_mt  
    (13)     https://edpb.europa.eu/system/files/2022-10/edpb_letter_out2022-0069_to_the_eu_commission_on_procedural_aspects_en_0.pdf  
    (14)    ĠU C , , p. .
    (15)    ĠU C , , p. .
    (16)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (17)    Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).
    Top

    Brussell, 4.7.2023

    COM(2023) 348 final

    ANNESS

    tal-Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi regoli proċedurali addizzjonali relatati mal-infurzar tar-Regolament (UE) 2016/679




    ANNESS

    Ilment imressaq abbażi tal-Artikolu 3 1

    Parti A: Informazzjoni Mandatorja

    1.Identifikazzjoni tal-persuna jew tal-entità li tressaq l-ilment

    Meta l-ilmentatur ikun persuna fiżika, ippreżenta formola ta’ identifikazzjoni 2 .

    Meta l-ilment jiġi ppreżentat minn korp imsemmi fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2016/679, ippreżenta evidenza li l-korp ġie kostitwit kif suppost skont il-liġi ta’ Stat Membru.

    Meta l-ilment jiġi ppreżentat abbażi tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament 2016/679, ippreżenta evidenza li l-korp li jressaq l-ilment ikun qed jaġixxi abbażi tal-mandat tas-suġġett tad-data.

    2.Dettalji ta’ kuntatt 3

    Meta l-ilment jiġi ppreżentat b’mod elettroniku, l-indirizz tal-posta elettronika.

    Meta l-ilment jiġi ppreżentat bil-posta, l-indirizz postali.

    Numru tat-telefown.

    3.Entità li l-ipproċessar tad-data personali tiegħek minnha jikser ir-Regolament (UE) 2016/679

    Ipprovdi l-informazzjoni kollha fil-pussess tiegħek biex tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-entità li hija s-suġġett tal-ilment tiegħek.

    4.Suġġett tal-ilment

    Jekk jogħġbok niżżel il-fatti li minnhom, fl-opinjoni tiegħek, jirriżulta li hemm jew kien hemm ipproċessar tad-data personali tiegħek li jikser ir-Regolament (UE) 2016/679 (il-GDPR). Indika b’mod partikolari l-kuntest li fih ġiet ipproċessata d-data personali tiegħek.

    Parti B: Informazzjoni supplimentari

    Jekk possibbli, indika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 (il-GDPR) li tqis li nkisru mill-entità bl-ipproċessar tad-data personali tiegħek.

    Jekk jogħġbok speċifika jekk ikkuntattjajtx lill-entità msemmija fil-punt 3 tal-Parti A qabel l-ilment tiegħek u ddeskrivi r-riżultat ta’ kwalunkwe tali azzjoni. Jekk possibbli, jekk jogħġbok ehmeż kwalunkwe korrispondenza rilevanti bejnek u l-entità.

    Jekk jogħġbok speċifika jekk bdejtx proċedimenti amministrattivi u/jew ġudizzjarji oħra rigward is-suġġett tal-ilment tiegħek. Jekk iva, jekk jogħġbok ipprovdi spjegazzjoni tal-istatus, u, fejn rilevanti, l-eżitu ta’ tali azzjonijiet.

    Ippreżenta d-dokumentazzjoni kollha fil-pussess tiegħek relatata mal-fatti stabbiliti fl-ilment (pereżempju, kopja tad-dokumenti li jiċċertifikaw ir-relazzjoni mal-kontrollur tad-data (eż. fatturi, kuntratti); kopja ta’ kwalunkwe messaġġ ta’ kummerċjalizzazzjoni jew posta elettronika; stampi, ritratti jew ritratti tal-iskrin; rapporti ta’ esperti; rapporti tax-xhieda; rapporti ta’ spezzjoni).

    Parti C: Dikjarazzjoni u firma

    Jekk jogħġbok ikkonferma li l-informazzjoni mogħtija f’din il-formola qed tingħata kompletament in bona fede.

    Data u firma.

    (1)    L-ilment jenħtieġ li jimtela u jiġi ppreżentat b’mod elettroniku jew komplut u ppreżentat lill-awtorità superviżorja bil-posta.
    (2)    Pereżempju, passaport, liċenzja tas-sewqan, ID nazzjonali.
    (3)    Fil-każ li jitressaq ilment minn korp imsemmi fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha fil-punt 2.
    Top