Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IE1399

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-appoġġ u l-finanzjament tas-soċjetà ċivili fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2023/01399

    ĠU C, C/2023/861, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/861/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/861/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2023/861

    8.12.2023

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-appoġġ u l-finanzjament tas-soċjetà ċivili fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (C/2023/861)

    Relatur:

    Cristian PÎRVULESCU

    Korelatur:

    Ozlem YILDIRIM

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    23.1.2023

    Bażi legali

    Regola 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    5.9.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    21.9.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    581

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    152/3/9

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Bħala Unjoni ta’ demokraziji, l-UE tirrikonoxxi r-rwol ewlieni li għandha s-soċjetà ċivili fiż-żamma ta’ gvern rappreżentattiv u pluralist sod. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu wkoll rwol ewlieni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-formulazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, abbażi tal-għarfien u l-esperjenza tagħhom dwar kwistjonijiet speċifiċi u billi jgħinu lill-iżjed membri vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna jkollhom vuċi fil-proċess.

    1.2.

    L-appoġġ tal-UE għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bl-ebda mod ma jirrifletti ċ-ċentralità tar-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom previsti f’diversi pakketti ta’ riforma. Minkejja t-tamiet investiti fihom biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet demokratiċi u jiġu evitati distakki awtoritarji, dawn m’għandhomx l-appoġġ adatt meħtieġ biex iwettqu l-missjoni kritika tagħhom. Huwa inkwetanti ħafna li l-baġit tal-UE għandu daqstant ftit riżorsi ddedikati għall-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), dan mhuwiex aċċettabbli u għandu jiġi indirizzat minnufih.

    1.3.

    Il-KESE jappoġġja t-twaqqif ta’ strument finanzjarju ddedikat speċifikament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bbażati fl-UE li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, ekwivalenti għall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li huwa disponibbli għal attivitajiet barra mill-UE. L-UE tgħin ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem barra mill-pajjiż permezz tal-pjattaforma ta’ protezzjoni tagħha “Protect Defenders”, u għandha tistabbilixxi pjattaforma bħal din għal dawk li jaħdmu fl-Istati Membri tal-UE.

    1.4.

    Sfida ewlenija fl-aċċess għall-finanzjament hija l-ħolqien ta’ sistema b’diversi livelli ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li fiha dawk li jaħdmu fuq l-aktar kwistjonijiet soċjali u politiċi diffiċli, bħall-organizzazzjonijiet ta’ sorveljanza jew dawk li jippromovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, għandhom it-tendenza li jkollhom l-aktar problemi serji ta’ finanzjament.

    1.5.

    Minħabba limitazzjonijiet fl-aċċess għall-finanzjament u l-appoġġ, tinħass firxa wiesgħa ta’ effetti detrimentali fis-settur tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Waħda minnhom hija li l-persuni involuti fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ spiss qed jaħdmu taħt pressjoni kbira, b’riskji enormi għas-saħħa mentali tagħhom (sitwazzjoni li tista’ tiġi aggravata minn attakki minn dawk fil-poter, inkluż permezz ta’ kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, SLAPPs). Il-limitazzjonijiet fl-aċċess għall-finanzjament jistgħu jwasslu għal introjtu baxx u/jew inċert għal dawk li jaħdmu fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jwassal għal telf ta’ għarfien espert u impenn siewi. Il-memorja organizzattiva u r-riżorsi jintilfu. L-impatt fuq is-soċjetà u t-teħid tad-deċiżjonijiet jista’ jonqos ukoll.

    1.6.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu kkunsidrati metodi adatti biex tiġi indirizzata l-prekarjetà tax-xogħol fis-settur tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi fil-qasam tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Filwaqt li l-persuni li jaħdmu fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala impjegati huma soġġetti għar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-kuntratti ta’ impjieg, in-nuqqas ta’ finanzjament u l-inċertezzi assoċjati spiss jillimitaw il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joffru prospetti fit-tul għal impjieg adegwat u ta’ kwalità u l-inklużjoni tal-benefiċċji u l-infiq soċjali kollha meħtieġa fis-sistema tal-pagi. Minħabba f’hekk, is-sigurtà tal-impjiegi u l-benesseri ġenerali tal-ħaddiema tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istabbiltà finanzjarja assoċjata tal-organizzazzjonijiet tagħhom, xorta jistgħu ma jkunux biżżejjed u għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet.

    1.7.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi mekkaniżmu permanenti ta’ twissija u monitoraġġ biex jiġu indirizzati l-isfidi u t-theddid għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha toħloq punt ta’ kuntatt uniku għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex il-funzjonament tal-mekkaniżmu isir operattiv u biex jippermetti ħidma strutturata li tinvolvi l-KESE, istituzzjonijiet oħra tal-UE u aġenziji speċjalizzati bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).

    1.8.

    Il-KESE jipproponi li tiġi aġġornata l-metodoloġija tar-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istat tad-Dritt biex jiġi enfasizzat ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-salvagwardja tal-istat tad-dritt, u biex jitressqu b’mod aktar prominenti kemm l-ostakli tagħhom kif ukoll ir-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jindirizzawhom.

    1.9.

    Fl-2018, il-Grupp tal-KESE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt beda jorganizza żjarat fil-pajjiżi fl-Istati Membri kollha tal-UE, li matulhom l-aspetti kollha tal-organizzazzjoni u l-operazzjoni tas-soċjetà ċivili jiġu diskussi mal-atturi tas-soċjetà ċivili. Ir-rapporti li ħarġu minn dawn iż-żjarat jiġu abbozzati bl-użu ta’ metodu parteċipattiv u bejn il-pari. Dawn jistgħu jintużaw bħala riżorsa addizzjonali biex talimenta l-valutazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiffunzjonaw fil-livell nazzjonali u lokali.

    1.10.

    Minkejja li l-KESE jilqa’ l-istrutturar tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV), u l-flessibbiltà tal-finanzjament biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet eżistenti, l-allokazzjoni tal-fondi għadha insuffiċjenti u mhijiex immirata biex toffri l-appoġġ li jistħoqqilhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dawn iż-żminijiet kritiċi. Ir-rekwiżiti ta’ kofinanzjament tal-programm CERV jistgħu jillimitaw b’mod sever l-aċċess għall-finanzjament, u jeħtieġ li jiġu vvalutati mill-ġdid u mnaqqsa.

    1.11.

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu f’oqsma kritiċi għad-demokrazija li jsegwu funzjonijiet ta’ sorveljanza, peress li l-funzjonament tagħhom huwa inqas adatt għall-funzjonament ibbażat fuq il-proġetti. F’dan ir-rigward, il-finanzjament tal-ispejjeż operattivi u tal-iżvilupp (għotjiet operattivi) għandhom ikunu prijorità, ikunu disponibbli aktar malajr u jinvolvu inqas burokrazija. Abbażi ta’ valutazzjoni kkalibrata, u li jkun hemm disponibbli finanzjament ibbażat fuq il-ħtiġijiet aktar faċilment aċċessibbli, il-Kummissjoni tista’ tikkomunika aħjar l-opportunitajiet disponibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    1.12.

    L-ispejjeż operazzjonali u l-finanzjament għall-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu kkonfigurati mill-ġdid biex jaqdu l-ħtiġijiet reali u urġenti tagħhom. Tali finanzjament għandu jneħħi mill-prekarjetà l-ħaddiema ewlenin tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jippermettilhom jibbenefikaw minn paga deċenti u prevedibbli. Fil-każ ta’ attakki legali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw fondi biex ikopru diversi proċedimenti legali. Ħtiġijiet speċifiċi oħra għandhom jiġu kkunsidrati, fuq bażi aktar flessibbli.

    1.13.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-aċċess għall-fondi tal-UE huwa partikolarment diffiċli għal organizzazzjonijiet iżgħar li joperaw lokalment u f’żoni aktar remoti. Minbarra l-kumplessità eċċessiva tar-rekwiżiti amministrattivi u l-kompetenzi lingwistiċi limitati, dawn huma mxekkla milli japplikaw minħabba livell baxx wisq ta’ spejjeż indiretti li ma jirriflettux in-nefqa reali. Barra minn hekk, ta’ spiss għadhom ikunu meħtieġa jkollhom il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom stess. Dawn l-ostakli u l-piżijiet għandhom jiġu indirizzati direttament mill-Kummissjoni.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.   Valuri u istituzzjonijiet demokratiċi. Sfidi attwali

    2.1.1.

    Kif indikat fl-Artikolu 11(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.

    2.1.2.

    Hemm realizzazzjoni dejjem akbar li l-UE għandha tkun aktar attiva u effettiva fl-oqsma interrelatati kollha tal-valuri u l-istituzzjonijiet demokratiċi. L-impenn imġedded mill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tavvanza l-protezzjoni tad-demokrazija (Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea) (1), id-drittijiet fundamentali (Strateġija għall-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (2), l-ugwaljanza (Unjoni ta’ Ugwaljanza (3) u nondiskriminazzjoni (4)), u l-istat tad-dritt (Rapporti dwar l-Istat tad-Dritt), huwa milqugħ u meħtieġ. Il-Kunsill tal-UE reċentement irrikonoxxa r-rwol tal-ispazju ċiviku fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fil-konklużjonijiet tiegħu (5).

    2.1.3.

    Il-KE se tniedi “pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija” taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (6). Fl-aħħar Rapport dwar l-Istat tad-Dritt fl-2022, il-KE qalet li “l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom rwol essenzjali bħala gwardjani kontra ksur tal-istat tad-dritt u jikkontribwixxu b’mod attiv għat-trawwim tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali fil-prattika (7).” Fid-dokument tagħha dwar “Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE”, il-KE tressaq erba’ linji ewlenin, waħda minnhom hija “l-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet u l-prattikanti tal-ġustizzja (8).”

    2.1.4.

    F’dawn l-oqsma kollha, il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar taż-żamma ta’ sistema robusta ta’ kontrolli u bilanċi, il-monitoraġġ tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-politika u l-gvern, u l-protezzjoni u l-inklużjoni ta’ diversi gruppi soċjali.

    2.1.5.

    Madankollu, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment dawk li jaħdmu fil-qasam tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt, qed jiffaċċjaw żewġ sfidi ewlenin li jsaħħu lil xulxin. L-ewwel nett, għadd dejjem jikber ta’ atturi soċjali, politiċi u governattivi jaħdmu direttament kontra l-valuri u l-istandards demokratiċi tal-UE. It-tieni, l-ispazju u l-opportunitajiet biex jiġu kkontestati dawn ix-xejriet qed jonqsu b’mod kostanti. Fid-dawl ta’ aktar ostilità mill-gvern u atturi oħrajn, diffikultajiet biex jiffinanzjaw attivitajiet oħra u trazzjoni limitata fil-media tal-massa u s-soċjetà, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jitgħabbew iżżejjed u huma eżawriti.

    2.1.6.

    Il-pressjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu wkoll mir-rwol tagħhom fir-rispons għall-kriżijiet, pereżempju, matul il-pandemija tal-COVID-19, matul diversi kriżijiet umanitarji fil-fruntieri tal-UE jew matul aktar migrazzjoni b’riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna. Huma l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li kienu l-ewwel li rreaġixxew, billi għenu lill-iżjed membri vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna, u min-naħa tagħhom, mill-inqas xi wħud minnhom iffaċċjaw impedimenti għall-attivitajiet normali tagħhom, il-fastidju u l-irtirar tal-fondi pubbliċi.

    2.1.7.

    Aħna u nirrikonoxxu l-isfidi serji u li qed jiżdiedu fl-oqsma tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, irridu nitgħallmu mill-isforzi ta’ suċċess tal-UE. L-aktar appoġġ dirett, aċċessibbli u effettiv għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija bħalissa jingħata barra mill-UE.

    2.2.   It-tnaqqis kontinwu tal-ispazju ċiviku

    2.2.1.

    F’Opinjoni preċedenti adottata fl-2017, il-KESE esprima t-tħassib serju tiegħu dwar l-ispazju ċiviku li qed jiċkien innutat f’xi Stati Membri tal-UE, u l-ħtieġa li jiġu indirizzati direttament kemm id-diffikultajiet li qed jiżdiedu fl-aċċess għall-finanzjament pubbliku kif ukoll ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-funzjonament tad-demokrazija Ewropea. Dak iż-żmien u issa, “għandu jiġi stabbilit qafas politiku u legali fil-livell Ewropew u nazzjonali sabiex irawwem l-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili Ewropea, li tinkorpora l-attività tagħha fil-qafas tal-valuri li jirriflettu d-drittijiet fundamentali (9)”.

    2.2.2.

    Skont in-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-ispazju ċiviku huwa l-ambjent li jippermetti lil nies u gruppi – jew “atturi tal-ispazju ċiviku” – jipparteċipaw b’mod sinifikanti fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali fis-soċjetajiet tagħhom (10).

    2.2.3.

    Studju reċenti jindika li l-ispazju ċiviku li qed jiċkien huwa riżultat ta’ diversi pressjonijiet, minn fuq għal isfel – il-partiti u l-gvernijiet jisfidaw lis-soċjetà ċivili demokratika permezz ta’ leġiżlazzjoni, politiki u prattiki li għandhom l-għan li jżarmaw il-kontrolli u l-bilanċi fil-pajjiżi tagħhom, u minn isfel għal fuq – organizzazzjonijiet ċiviċi konservattivi quasi-GONGOs (“organizzazzjonijiet mhux governattivi organizzati mill-gvern”) u movimenti tal-lemin estrem isiru attivi ħafna. Il-pressjoni tista’ tirriżulta wkoll mis-settur korporattiv, pereżempju, permezz ta’ kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) (11).

    2.2.4.

    Il-vulnerabbiltajiet tas-soċjetà ċivili ġew aggravati wkoll mill-pandemija tal-COVID-19 (12). Skont studju tal-KESE, ħafna entitajiet, speċjalment dawk iżgħar u dawk li joperaw barra l-bliet il-kbar, jew li jlaqqgħu flimkien gruppi soċjali speċifiċi bi proporzjon ogħla ta’ persuni esklużi diġitalment – pereżempju, l-anzjani jew il-persuni b’diżabilità ssospendew l-attivitajiet tagħhom u li proporzjon sinifikanti ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn s’issa ma reġgħux lura għall-attività tagħhom (13). L-imsieħba soċjali u t-trade unions ġew affettwati b’mod speċjali mill-pressjoni dejjem akbar biex jitnaqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema – eż. id-dritt tal-istrajkjar, jew bħala riżultat ta’ opportunitajiet miżjuda biex l-impjegati jiġu kkontrollati matul ix-xogħol mill-bogħod, li jaffettwa d-drittijiet tal-privatezza tagħhom.

    2.2.5.

    Fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, hemm raġunijiet addizzjonali għal tħassib. Il-Kummissjoni Ewropea tinnota li “f’dawn l-aħħar snin, l-OSĊ u d-difensuri tad-drittijiet kienu qegħdin ukoll dejjem jiffaċċjaw aktar sfidi marbutin mat-tnaqqis tal-ispazju ċiviku” u li “[d]iversi miżuri legali, amministrattivi u politiċi gradwalment illimitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, u affettwaw il-kapaċità tagħhom li jwettqu attivitajiet li jappoġġaw id-drittijiet fundamentali bħala sħab strateġiċi għall-UE u għall-Istati Membri” (14).

    2.3.   Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili L-isfidi u l-ostakli attwali

    2.3.1.

    Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa, fl-istess ħin, kawża, sintomu u effett tat-tnaqqis tal-ispazji ċiviċi. L-aċċess limitat għall-finanzjament mhuwiex biss fenomenu fl-aktar Stati Membri ġodda iżda fl-UE kollha. L-aċċess limitat jista’ jiġi definit b’mod kwantitattiv, bħala t-tnaqqis assolut jew relattiv tal-finanzjament iżda wkoll kwalitattivament, bħala r-riorjentazzjoni tal-fondi lejn oqsma jew ħidma soċjali u komunitarja oħrajn li mhumiex il-protezzjoni tad-drittijiet, l-istat tad-dritt u d-demokrazija.

    2.3.2.

    L-aċċess limitat għall-finanzjament jista’ jkun riżultat ta’ bidliet leġiżlattivi u proċedurali li jagħmlu l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili aktar diffiċli u inċerta. Din hija mxekkla wkoll minn differenzi legali bejn l-Istati Membri, eż. rigward iċ-ċaqliq/it-twaqqif ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġodda jew l-aċċess tagħhom għal eżenzjonijiet mit-taxxa. Barra minn hekk, id-dħul imnaqqas għall-entitajiet tan-negozju u l-individwi jista’ jkollu wkoll effett negattiv fuq il-filantropija (korporattiva u privata) u jista’ jġib miegħu restrizzjonijiet għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili riċeventi.

    2.3.3.

    Skont il-FRA, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indikaw li l-aktar ostakli komuni li jiffaċċjaw huma: kompetizzjoni ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn għal fondi limitati (52 %), nuqqas ta’ trasparenza u ekwità fl-allokazzjoni tal-fondi (25 %), kapaċità amministrattiva u għarfien speċjalizzat limitati għall-applikazzjoni tal-fondi (24 %), u kriterji ta’ eliġibbiltà restrittivi (23 %). Fil-valutazzjoni tiegħu, il-KESE huwa konxju li l-organizzazzjonijiet ta’ bażi iżgħar jiffaċċjaw l-akbar sfidi ta’ finanzjament.

    2.3.4.

    Skont ir-Rapport tal-Grupp tal-KESE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt (il-Grupp DFID) (15) dwar iż-żjarat tiegħu fir-Rumanija, il-Polonja, l-Ungerija, Franza, l-Awstrija, il-Bulgarija u l-Italja, ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaċċessaw il-finanzjament irrappreżentaw xejra inkwetanti fil-kontinent, u waħda li kienet qed tieħu diversi forom. Fiċ-ċiklu li jmiss ta’ diskussjonijiet organizzati mill-Grupp DFID mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mid-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, iċ-Ċekja, Spanja, Ċipru u l-Litwanja, l-aċċess għall-finanzjament kien ta’ tħassib ġenerali fiż-żjarat fil-pajjiżi kollha (16).

    2.3.5.

    Kif innota r-Rapport tal-KESE dwar l-ewwel żjarat fil-pajjiżi tal-Grupp DFID, ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sostnew li r-restrizzjoni għall-aċċess għall-finanzjament ma kinitx tant riżultat tat-tnaqqis fid-disponibbiltà tal-finanzjament pubbliku iżda bħala konsegwenza tar-ridirezzjonar tal-finanzjament, li kien immirat dejjem aktar lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu servizzi soċjali aktar milli jippromovu jew jimmonitorjaw id-drittijiet tal-bniedem. Ġie nnutat ukoll li donaturi privati kienu dejjem aktar attivi fil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li ma jiddefendux l-interessi tal-ġid komuni (17).

    2.4.   Arkitettura ġdida tal-appoġġ u l-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Protezzjoni reali u aċċess aħjar għall-finanzjament

    2.4.1.

    Billi jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom, u r-riskju akbar li tiġi kompromessa l-missjoni demokratika tagħhom, il-KESE jipproponi arkitettura ġdida ta’ finanzjament, ibbażata fuq ir-riorganizzazzjoni tal-proċeduri u l-programmi attwali.

    2.4.2.

    Fil-qalba tagħha hemm ir-realizzazzjoni li l-futur tal-UE jiddependi wkoll mill-eżistenza ta’ soċjetà ċivili vibranti li tkun kapaċi timmonitorja u tagħmel impatt fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet, speċjalment meta titbiegħed mill-istandards tal-governanza demokratika. It-tieni, il-KESE jipproponi li l-UE tassumi responsabbiltà sħiħa għall-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ħolqien ta’ sistema li tippermettilhom joperaw waqt li jiffaċċjaw l-inċertezza finanzjarja, il-marġinalizzazzjoni u r-ripressjoni, vjolenti jew mhux, mill-gvern. It-tielet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali għandhom jiġu appoġġjati biex jipparteċipaw fil-programmazzjoni u l-monitoraġġ tal-finanzjament tal-UE billi jipprovdulhom appoġġ tekniku (aċċess għall-informazzjoni, għarfien, ħiliet, eċċ.), finanzjament u protezzjoni.

    2.4.3.

    Bħal f’diversi Opinjonijiet oħrajn, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea tabbozza Strateġija tal-UE għas-Soċjetà Ċivili li fiha tiddeskrivi viżjoni komprensiva tal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, ir-rwol tagħha li tiddefendi s-sistemi demokratiċi tagħna u l-mod kif naħdmu fil-livelli kollha għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-komunitajiet.

    2.5.   Protezzjoni reali

    2.5.1.

    Il-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili trid tiġi aġġornata u miżjuda għal livell ferm ogħla ta’ prijorità. L-UE għandha timmonitorja mill-qrib l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi kollha li jwasslu biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiddgħajfu u għal ostakli fit-twettiq tal-missjoni demokratika tagħhom. Dan jirreferi għal diffikultajiet biex jiġu rreġistrati jew biex joperaw, piżijiet amministrattivi mhux raġonevoli assoċjati mal-attivitajiet tagħhom, limitazzjonijiet fl-operazzjonijiet finanzjarji tagħhom jew fl-aċċess għall-finanzjament, fastidju mill-awtoritajiet tal-Istat, prevenzjoni tat-teħid ta’ azzjoni legali, jew nuqqas ta’ protezzjoni fid-dawl ta’ malafama, attakki u diffamazzjoni. Eżempju pożittiv f’dan ir-rigward huwa l-Proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni tal-persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, SLAPPs).

    2.5.2.

    L-objettivi tal-protezzjoni tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu ttrattati bħala kondizzjonalità demokratika ewlenija u għandhom jiġu integrati fl-ippjanar tal-KE, speċjalment tal-iżborż tal-fondi. Il-KESE jqis bħala ġustifikata l-għażla tal-KE li torbot il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza mar-riformi tal-Istati Membri tal-ġudikatura, l-oqfsa kontra l-korruzzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom (18). Jeħtieġ li tinħoloq b’mod konkret ukoll rabta mal-kwalità tal-ispazju ċiviku u l-mod kif is-soċjetà ċivili tiġi ttrattata.

    2.5.3.

    It-Taqsima “L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili bħala atturi essenzjali għall-istat tad-dritt” mir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istat tad-Dritt, għandha tiġi estiża u aktar dettaljata (19). Il-KE għandha tifformula rakkomandazzjonijiet dettaljati ddedikati għal Stati Membri partikolari u ssegwi l-implimentazzjoni tagħhom. L-iskeda ta’ żmien għall-ġbir ta’ inputs għar-rapport u l-pubblikazzjoni tal-verżjoni finali tiegħu għandhom ikunu allinjati aħjar mar-realtajiet tal-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (għandhom jiġu evitati d-dati rispettivi matul il-vaganzi tal-aħħar tas-sena u s-sajf).

    2.5.4.

    Diġà jeżistu dokumenti li jistgħu jiggwidaw il-bini tal-pakkett ta’ protezzjoni propost mill-KESE. Il-Kunsill tal-Ewropa ħareġ żewġ rakkomandazzjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni tas-soċjetà ċivili, li jkopru aspetti ewlenin tal-organizzazzjoni u l-operat tagħhom (20).

    2.5.5.

    Valutazzjonijiet komprensivi u komparattivi huma disponibbli wkoll. L-Indiċi miġbur minn CIVICUS huwa eżempju tajjeb ta’ prattika ta’ monitoraġġ, li jidentifika ħames tipi ta’ spazju ċiviku: miftuħ, ristrett, ostakolat, ripress u magħluq (21). Il-gruppi eċċellenti Ewropej ta’ għarfien espert akkademiku u ta’ politika jistgħu jiġu mobilizzati wkoll biex javvanzaw aktar valutazzjoni dettaljata tal-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li l-funzjonament u l-attività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jsiru qasam ewlieni tar-riċerka fix-xjenzi soċjali, li għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ diversi programmi u azzjonijiet (22).

    2.6.   Aċċess aħjar għall-finanzjament

    2.6.1.

    Fir-rigward tal-finanzjament tal-UE, il-programm attwali dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) huwa pass ’il quddiem fid-direzzjoni t-tajba, wara li ġie allokat baġit ferm akbar minn dak li kien disponibbli qabel f’dal-qasam. Il-provvediment ta’ għotjiet għall-appoġġ tal-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-finanzjament tal-ispejjeż operattivi u l-iżvilupp tagħhom, huwa wkoll aġġustament meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet reali tal-organizzazzjonijiet.

    2.6.2.

    Madankollu, l-allokazzjoni ta’ fondi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taħt il-programm CERV għadha insuffiċjenti u mhijiex immirata biex toffri lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili l-appoġġ li jistħoqqilhom f’dawn iż-żminijiet kritiċi. Jeħtieġ li l-KE timxi lejn approċċ aktar proattiv u kkalibrat. L-ewwel nett, teħtieġ valutazzjoni aktar dettaljata tas-severità tal-ostakli u l-isfidi fil-livell nazzjonali. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi fejn il-pressjonijiet huma ogħla u aktar immedjati għandu jkollhom allokati somom akbar, speċjalment meta jkun hemm tentattiv attiv u koordinat min-naħa tal-gvern biex idgħajjifhom u jimmarġinalizzahom.

    2.6.3.

    Minkejja li l-KESE jilqa’ l-istrutturar tal-programm CERV u l-flessibbiltà tal-finanzjament biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet eżistenti, għadu mħasseb li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi ħafna, speċjalment dawk li għandhom rwol ta’ sorveljanza, jistgħu ma jagħmlux parti minn dawn il-prijoritajiet u ma jaċċessawx il-fondi meħtieġa biex iwettqu r-rwol indispensabbli tagħhom.

    2.6.4.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2023-2024, jindika li l-Kummissjoni se tkompli taġġusta u tinnova biex tissodisfa l-ħtiġijiet fil-prattika, pereżempju billi tagħti appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi, komunement magħrufa wkoll bħala għotjiet kaskata lill-intermedjarji, biex tibni l-kapaċità u terġa’ tikseb fondi għas-soċjetà ċivili lokali jew tiffinanzja l-bini tal-kapaċitajiet u s-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta (23).

    2.6.5.

    Il-KESE jtenni rakkomandazzjoni ewlenija minn Opinjoni preċedenti: sabiex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-iżgħar organizzazzjonijiet u għall-iżjed setturi żvantaġġati tas-soċjetà, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprevedi varjetà ta’ arranġamenti ta’ finanzjament u tkompli tissemplifika l-formalitajiet amministrattivi (inklużi dawk relatati mal-applikazzjoni u r-rappurtar), tirrevedi l-ispejjeż unitarji mhux realistiċi u s-somom f’daqqa (biex jiġu rikonoxxuti wkoll l-effetti tal-inflazzjoni), tipprovdi taħriġ u linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratti u l-obbligi finanzjarji, u fl-istess ħin tiżgura interpretazzjoni konsistenti mid-diversi fergħat tagħha tar-Regolament dwar ir-regoli finanzjarji (24). Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżid il-livelli massimi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jużaw għall-ispejjeż operattivi tagħhom (sa 20 % tal-għotjiet) u biex tillimita r-rati ta’ kofinanzjament għall-intermedjarji. Il-ġestjoni tal-għotjiet tal-fondi għall-proġetti u r-regoli tal-infiq għandhom jiġu evitati fir-rigward tal-finanzjament ewlieni.

    2.6.6.

    Fl-Opinjoni tiegħu tal-2017 dwar “Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-UE”, il-KESE ressaq il-proposta biex il-Kummissjoni Ewropea “tipproponi fond Ewropew għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fi ħdan l-UE, li jkun mgħammar b’baġit ambizzjuż, miftuħ direttament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa u amministrat b’mod indipendenti, bl-istess mod bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED), bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-KESE”. Aħna ntennu l-appoġġ tagħna għal strument bħal dan, u nenfasizzaw il-ħtieġa urġenti għalih u li huwa indispensabbli li l-aċċess għalih mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE jsir iżjed faċli.

    Brussell, il-21 ta’ Settembru 2023.

    Oliver RÖPKE

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea” (COM(2020) 790 final) (ĠU C 341, 24.8.2021, p. 56).

    (2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE” (COM(2020) 711 final) (ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50).

    (3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025” (COM(2020) 565 final) (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 121).

    (4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Intejbu l-ugwaljanza fl-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 56).

    (5)  Drittijiet fundamentali: Il-Kunsill japprova konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-ispazju ċiviku

    (6)  Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2023. Unjoni soda u magħquda Strasburgu, 18.10.2022 (COM(2022) 548 final), p. 12

    (7)  Kummissjoni Ewropea, Ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-DrittIs-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, Lussemburgu, 13.7.2022, (COM(2022) 500 final), p. 25.

    (8)  Kummissjoni Ewropea, Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE, Brussell, 2.12.2020, (COM(2020) 711 final).

    (9)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ‘Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-UE’ (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 9) punti 1.2 u 1.3.

    (10)  In-Nazzjonijiet Uniti, Guidance Note on Protection and Promotion of Civic Space (Nota ta’ Gwida dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tal-Ispazju Ċiviku), Settembru 2020 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (11)  Negri, G. u Pazderski, F. 2021, Mapping shrinking civic space in Europe (L-immappjar tal-ispazju ċiviku li qed jiċkien fl-Ewropa), Civitates (mhux disponibbli bil-Malti).

    (12)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-UE, u l-futur tad-demokrazija” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 11).

    (13)  Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, The implications of the COVID-19 pandemic on fundamental rights and civic space, (L-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-ispazju ċiviku), 2022, p. 3 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (14)  Spazju ċiviku b’saħħtu għaż-żamma tad-drittijiet fundamentali fl-UE Rapport Annwali tal-2022 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (COM/2022/716 final).

    (15)  https://www.eesc.europa.eu/en/sections-other-bodies/other/group-fundamental-rights-and-rule-law/frrl-trends-eu-member-states

    (16)  Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Fundamental Rights and the Rule of Law. National developments from a civil society perspective, 2020-2021, (Id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt. Żviluppi nazzjonali minn perspettiva tas-soċjetà ċivili, 2020-2021) Settembru 2022, p. 11 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (17)  Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Fundamental Rights and the Rule of Law.National developments from a civil society perspective, 2018-2019, (Id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt. Żviluppi nazzjonali minn perspettiva tas-soċjetà ċivili, 2018-2019) Ġunju 2020, p. 11 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (18)  Ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt. Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, Lussemburgu, 13.7.2022, (COM(2022) 500 final), p. 1.

    (19)  Ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-DrittIs-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, Lussemburgu, 13.7.2022, (COM(2022) 500 final), p. 25.

    (20)  Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)14 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar l-istatus legali ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Ewropa; Rakkomandazzjoni CM/Rec(2022)6 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-protezzjoni tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ u taż-żgħażagħ, u l-appoġġ tal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċessi demokratiċi (mhux disponibbli bil-Malti).

    (21)  CIVICUS Monitor. Tracking civic space.

    (22)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 9) Punt 1.12.

    (23)  Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2023-2024, p. 4 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (24)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 9) Punt 1.16.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/861/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top