EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022JC0023

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Impenn estern tal-UE dwar l-enerġija f'dinja li qed tinbidel

JOIN/2022/23 final

Brussell, 18.5.2022

JOIN(2022) 23 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Impenn estern tal-UE dwar l-enerġija f'dinja li qed tinbidel

{SWD(2022) 152 final}


1.Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea u d-dinja qed jiffaċċjaw it-theddida eżistenzjali tat-tibdil fil-klima u kriżi tal-enerġija li qed tikber. Jekk ma nħaffux il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jekk ma niġġildux it-telf tal-bijodiversità, il-miri miftiehma f’Pariġi ma jintlaħqux u, b’hekk, tintilef il-possibbiltà li tiġi evitata kriżi klimatika mimlija b’konsegwenzi devastanti għan-nies u għall-ambjent madwar id-dinja.

Is-sitt Rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima jikkonkludi li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra jridu jitnaqqsu bi 43 % sal-2030 sabiex jibqgħu fit-triq it-tajba sabiex jintlaħaq l-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 C. Peress li s-settur tal-enerġija huwa ċentrali sabiex iwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dan se jkun fil-qalba ta’ din it-tranżizzjoni.

Fl-istess ħin, ir-Russja kisret ir-regoli internazzjonali permezz tal-gwerra mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Din fixklet is-swieq tal-enerġija u tal-ikel, u wasslet għal volatilità akbar fil-prezzijiet u għal nuqqas ta’ sigurtà fl-enerġija, filwaqt li kellha impatt mhux biss fuq il-viċinat immedjat tagħha, iżda fuq id-dinja kollha. Dan jeħtieġ rispons li jindirizza kemm il-ħtiġijiet għal żmien qasir kif ukoll l-implikazzjonijiet fit-tul tal-UE u tas-sħab tagħha. L-UE tinsab f’solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna u tkompli tappoġġa s-sistema tal-enerġija tagħha.

It-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika hija l-uniku mod sabiex tiġi żgurata simultanjament enerġija sostenibbli, sigura u affordabbli madwar id-dinja. Għalhekk, l-UE hija determinata li żżomm ir-rotta u li tinvolvi ruħha ma’ sħab minn madwar id-dinja sabiex tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab itejbu l-ambizzjoni klimatika tagħhom u jiddefinixxu l-mogħdijiet tagħhom għan-newtralità klimatika, iżda wkoll sabiex jistabbilixxu relazzjonijiet fit-tul li huma ta’ benefiċċju reċiproku, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija.

L-UE se tkompli u se żżid l-involviment tagħha madwar id-dinja permezz ta’ sħubijiet iddedikati. Dan jista’ jsir permezz ta’ appoġġ finanzjarju, assistenza, trasferimenti teknoloġiċi, u/jew relazzjonijiet kummerċjali mtejba.

Hemm ukoll ħtieġa Ewropea li jinbeda dan il-perkors. Minkejja d-diversifikazzjoni u l-miżuri interni għas-sigurtà tal-enerġija meħuda mill-kriżi tal-gass tal-2009, l-Ewropa għadha tiddependi wisq fuq fornitur li huwa lest li juża l-enerġija bħala arma. Sabiex tingħeleb din il-vulnerabbiltà, fit-8 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat komunikazzjoni tar-REPowerEU, fejn ipprovdiet pjan sabiex jintemmu l-importazzjonijiet tal-enerġija fossili mir-Russja ferm qabel l-2030. Dan jeħtieġ diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, żieda fl-iffrankar u fl-effiċjenza tal-enerġija u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika.

Dan kollu jwieġeb għall-isfidi ta’ dinja u pajsaġġ tal-enerġija li qed jinbidlu malajr. Fis-snin u fid-deċenni li ġejjin, se jfeġġu opportunitajiet ġodda għall-produzzjoni tal-enerġija, flimkien ma’ xejriet kummerċjali ġodda u ħtiġijiet tat-trasport ġodda. Filwaqt li l-kummerċ fil-komoditajiet tal-enerġija konvenzjonali se jonqos gradwalment, se jibdew jiġu nnegozjati komoditajiet ġodda bħall-idroġenu u l-ammonijaka fuq livell internazzjonali u se tikber id-domanda għal teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi. Se jkunu meħtieġa standards u arranġamenti ta’ governanza ġodda sabiex jinbnew sħubijiet aktar affidabbli u ta’ benefiċċju reċiproku permezz ta’ approċċ ibbażat fuq ir-regoli.

L-Unjoni Ewropea trid tkun lesta taġixxi u ssawwar dan l-ambjent ġdid u li qiegħed jinbidel. Se jkun hemm opportunitajiet ġodda għall-Ewropa sabiex tibni fuq it-tmexxija teknoloġika ekoloġika tagħha, u sabiex tippromwovi żvilupp aktar ġust u sostenibbli madwar id-dinja, iżda wkoll sfidi ġodda għas-sigurtà tal-enerġija tagħha u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tagħha, b’mod partikolari l-materja prima kritika, li hija kruċjali għat-tranżizzjoni enerġetika.

Bl-istess mod, il-kriżi hija opportunità għal ħafna pajjiżi sabiex jagħmlu qabża fl-iżvilupp intensiv fil-karbonju u jibbenefikaw minn ekonomija aktar ekoloġika u aktar ugwali li tipprovdi aċċess għall-enerġija lil miljuni ta’ persuni. F’konformità mal-SDG 7, l-UE se taħdem sabiex tiżgura tranżizzjoni ġusta u inklużiva tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli se jissieħbu u se jappoġġaw lil dawk li se jibdew jaħdmu fuq it-tranżizzjoni ekoloġika, jiffaċilitaw investiment sostenibbli fit-tul, inkluż permezz tal-Global Gateway, li huwa l-pjan tal-Unjoni Ewropea u l-proposta bbażata fuq il-valur għal investiment kbir fl-iżvilupp tal-infrastruttura madwar id-dinja.

Dawn l-aspetti kollha jeħtieġu lill-UE taġġorna l-istrateġija esterna tagħha dwar l-enerġija, aktar minn għaxar snin wara l-adozzjoni ta’ dik preċedenti, filwaqt li ssaħħaħ l-involviment tagħha mas-sħab u ssaħħaħ id-diplomazija tagħha dwar il-klima u l-enerġija, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-25 ta’ Jannar 2021.

Sabiex jinkiseb dan, il-politika esterna tal-UE dwar l-enerġija se jkollha l-għan li:

·issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha billi tiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-UE u tagħti spinta lill-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija;

·taċċellera t-tranżizzjoni globali tal-enerġija ekoloġika u ġusta sabiex tiġi żgurata enerġija sostenibbli, sigura u affordabbli għall-UE u għad-dinja;

·tappoġġa lill-Ukrajna u lil pajjiżi oħrajn li huma affettwati direttament jew indirettament mill-aggressjoni Russa;

·tibni sħubijiet internazzjonali fit-tul u tippromwovi l-industriji tal-enerġija nadifa tal-UE madwar id-dinja.

2.Politika esterna tal-UE dwar l-enerġija għar-REPowerEU

Kif stabbilit fil-pjan ta’ REPowerEU tat-18 ta’ Mejju 2022, ippubblikat b’mod parallel ma’ din l-istrateġija, is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa se żżid l-effiċjenza tagħha u se timxi lejn sorsi tal-enerġija ekoloġiċi b’pass aktar mgħaġġel milli mistenni qabel il-bidu tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Filwaqt li t-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika hija fil-qalba tal-isforz tal-UE għall-indipendenza tal-enerġija, il-qlib mill-fjuwils fossili Russi se teħtieġ li xi wħud minnhom jiġu ssostitwiti bi fjuwils fossili minn fornituri internazzjonali oħrajn, meta jitqies li l-produzzjoni domestika taż-żejt u tal-gass tal-UE hija mnaqqsa ħafna: aħna nimportaw 90 % tal-konsum tagħna tal-gass, 97 % taż-żejt tagħna u 70 % tal-ħtiġijiet tagħna tal-faħam. Peress li d-domanda għall-gass tal-UE se tonqos b’pass aktar mgħaġġel milli mistenni qabel u sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ investimenti u assi mhux rekuperabbli, l-UE se tiffavorixxi strateġiji ta’ diversifikazzjoni li jinkludu kemm l-investimenti tal-gass kif ukoll dawk tal-idroġenu ekoloġiku.

2.1.Id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass tal-UE

Illum, ir-Russja hija l-akbar fornitur tal-gass tal-Ewropa. 1  Il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jtemm id-dipendenza tagħna fuq il-gass Russu kemm jista’ jkun malajr. Il-biċċa l-kbira ta’ din id-domanda għall-gass se tiġi ssostitwita b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, effiċjenza u ffrankar tal-enerġija. Il-ħtieġa li jifdal għall-gass naturali se tkun koperta bid-diversifikazzjoni tal-fornituri.

Sabiex tipprovdi l-provvisti tal-gass meħtieġa fis-snin li ġejjin, l-UE trid iżżid l-importazzjonijiet tal-gass tagħha minn sorsi mhux Russi: l-aktar tal-gass naturali likwifikat (LNG) (+50 biljun metru kubu (bcm)), iżda wkoll gass tal-pipeline (+10 bcm jew aktar). Għal dan il-għan, l-UE nediet il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE – sabiex tiġbor flimkien id-domanda, tikkoordina l-użu tal-infrastruttura u tinnegozja mas-sħab internazzjonali sabiex tiffaċilita x-xiri konġunt tal-gass u tal-idroġenu, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni Chapeau tar-REPowerEU.

Dan jibni fuq il-ħidma li saret mill-Kummissjoni Ewropea mill-ħarifa li għaddiet, li laħqet il-fornituri ewlenin tal-gass LNG u tal-pipeline tagħna. Dawn l-isforzi rriżultaw f’konsenji rekord ta’ kull xahar tal-LNG ta’ 12,5 bcm f’April tal-2022 u ta’ 42 bcm minn Jannar sa April tal-2022. Il-Pjattaforma se tintegra l-isforzi ta’ diversifikazzjoni li għaddejjin mill-Istati Membri tal-UE u se tkun miftuħa għall-Ukrajna, għall-Moldova u għall-Georgia, kif ukoll għall-Balkani tal-Punent.

Sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta’ diversifikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Uniti qablu 2 li jaħdmu għal konsenja ta’ LNG addizzjonali lill-UE (mill-anqas 15-il bcm fl-2022 u madwar 50 bcm fis-sena sa mill-anqas l-2030), permezz tal-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti iżda wkoll f’kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali oħrajn. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll grupp ta’ ħidma ddedikat mal-Kanada sabiex teżamina konsenji possibbli ta’ LNG u ta’ idroġenu fis-snin li ġejjin. 3

Qabel dan is-sajf, l-UE għandha l-għan li tikkonkludi ftehim trilaterali mal-Eġittu u l-Iżrael dwar il-provvista ta’ LNG lill-Ewropa. Il-Ġappun u l-Korea diġà rridirezzjonaw numru ta’ tagħbijiet ta’ LNG lejn l-Ewropa u l-ħidma qiegħda tkompli sabiex din l-għażla tintuża fil-futur. Il-Qatar jinsab lest sabiex jiffaċilita l-iswaps ma’ pajjiżi Asjatiċi. F’termini ta’ gass tal-pipeline, in-Norveġja diġà żiedet il-konsenji tagħha lejn l-Ewropa u kemm l-Alġerija kif ukoll l-Ażerbajġan esprimew ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan ukoll. L-UE se jkollha l-għan li terġa’ tibda d-djalogu dwar l-enerġija mal-Alġerija u se tintensifika l-kooperazzjoni mal-Ażerbajġan fid-dawl tal-importanza strateġika tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Iż-żieda tal-kapaċità tal-Pipeline Trans Adrijatiku (TAP) għandha żżid il-provvista tal-gass lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Il-pajjiżi fl-Afrika sub-Saħarjana, u b’mod partikolari fl-Afrika tal-Punent bħan-Niġerja (li diġà jfornu 15 % tal-importazzjonijiet tal-UE 2021), is-Senegal u l-Angola wkoll joffru potenzjal ta’ LNG mhux sfruttat. Implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt tiffaċilita riflessjoni ddedikata dwar il-potenzjal li l-Iran isir fornitur affidabbli tal-gass għall-Ewropa.

L-UE se jkollha l-għan li tiżgura li provvisti addizzjonali tal-gass minn fornituri tal-gass eżistenti u ġodda jkunu akkumpanjati minn azzjonijiet immirati sabiex jindirizzaw it-tnixxijiet tal-metan u sabiex jindirizzaw l-ivventjar u l-ivvampjar, u b’hekk tinħoloq likwidità addizzjonali fis-swieq globali, filwaqt li jiġu żgurati benefiċċji klimatiċi sinifikanti. Għal dak il-għan, l-UE se tikkoopera mas-sħab tagħha tal-provvista tal-fjuwils fossili sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan. Tal-anqas 46 bcm ta’ gass naturali jintilef 4 fis-sena minħabba l-ivventjar u l-ivvampjar fil-pajjiżi li jistgħu jkunu qegħdin jipprovduh lill-UE. Teżisti t-teknoloġija sabiex taqbad il-biċċa l-kbira ta’ dan il-metan (il-komponent ewlieni tal-gass naturali) b’mod sostenibbli u ekonomiku. L-UE tinsab lesta li tipprovdi assistenza teknika lis-sħab sabiex jiġu stabbiliti skemi “You collect/we buy” ta’ benefiċċju reċiproku bħal dawn.

L-UE se tlaqqa’ wkoll sħab bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-Bank Dinji sabiex jinħolqu inċentivi għall-ġbir rapidu ta’ gassijiet fossili skartati, inkluż il-metan, filwaqt li jgħaqqdu dak it-telf fi prodotti sinifikanti li jistgħu jinbiegħu lil xerrejja internazzjonali.

L-isforz ta’ diversifikazzjoni tal-UE jseħħ fl-isfond ta’ domanda globali li dejjem qiegħda tikber u prezzijiet għoljin tal-LNG. Dawn l-azzjonijiet iridu jqisu l-interessi tas-sħab globali.

Meta titqies l-evoluzzjoni fuq perjodu medju ta’ żmien tat-taħlita tal-enerġija fl-UE u f’pajjiżi sħab, l-UE se tippromwovi sħubijiet usa’ tal-enerġija, li jikkombinaw il-kooperazzjoni dwar il-gass ma’ kooperazzjoni fit-tul dwar l-idroġenu, il-gassijiet rinnovabbli (inkluż il-bijometan) u sorsi oħrajn tal-enerġija ekoloġika sabiex jiġu evitati assi mhux rekuperabbli u sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-politika tal-UE dwar l-enerġija se jkollha wkoll l-għan li tiżgura swieq globali tal-LNG li huma miftuħa, flessibbli, likwidi u li jiffunzjonaw tajjeb, filwaqt li se tinvolvi ruħha kemm mal-produtturi ewlenin (l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Qatar, in-Niġerja, l-Eġittu eċċ.) kif ukoll mal-pajjiżi konsumaturi (iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea). Il-G7, il-G20, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) u fora internazzjonali oħrajn jipprovdu opportunitajiet għal dan.

Azzjonijiet ewlenin

·l-iżgurar tal-operazzjonalizzazzjoni rapida tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE u tal-pjattaformi reġjonali tagħha;

·l-implimentazzjoni sħiħa tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti mal-Istati Uniti u mal-Kanada;

·in-negozjar ta’ impenji politiċi ma’ fornituri tal-gass eżistenti jew ġodda sabiex jiżdiedu l-konsenji tal-gass lejn l-Ewropa;

·l-istabbiliment ta’ skemi “You collect/we buy” ta’ qbid u kummerċ tal-gass naturali u tal-metan.

2.2.It-tħejjija tal-UE għall-kummerċ tal-idroġenu rinnovabbli

Il-pjan REPowerEU jistabbilixxi li 15-il miljun tunnellata (mt) addizzjonali ta’ idroġenu rinnovabbli – minbarra l-5,6 mt diġà previsti taħt l-inizjattiva Lesti għall-mira ta’ 55 % – jistgħu jissostitwixxu madwar 27 bcm ta’ gass Russu importat sal-2030. Dan jinkludi 10 mt ta’ idroġenu importat.

Il-kapaċità li jiġi prodott l-idroġenu rinnovabbli hija distribwita ħafna aktar b’mod ugwali madwar id-dinja mir-riżervi taż-żejt u tal-gass meta jitqiesu r-riżorsi globali tar-riħ u dawk solari. Madankollu, dan is-suq għad irid jiġi żviluppat u jeħtieġ, globalment, espansjoni sinifikanti tal-produzzjoni rinnovabbli u d-disponibbiltà tal-ilma.

Sabiex tiffaċilita importazzjonijiet ta’ 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu fl-UE, il-Kummissjoni Ewropea timmira li tikkonkludi sħubijiet tal-idroġenu ma’ pajjiżi sħab affidabbli sabiex tiżgura relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment miftuħa u mingħajr distorsjoni għall-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Hija tipprevedi tliet kurituri ewlenin tal-importazzjoni tal-idroġenu mir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana (in-Norveġja u r-Renju Unit), min-Nofsinhar tal-Mediterran u mill-Ukrajna, hekk kif il-kundizzjonijiet jippermettu.

Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA): Potenzjal tekniku għall-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku taħt USD 1,5/kg sal-2050, f’EJ

Reġjun b’potenzjal partikolarment qawwi għall-ġenerazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli huwa n-Nofsinhar tal-Mediterran. Sabiex toħloq opportunitajiet ta’ benefiċċju reċiproku kemm għar-reġjun kif ukoll għall-UE, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem fuq Sħubija Mediterranja dwar l-Idroġenu Ekoloġiku bejn l-UE u l-pajjiżi fin-nofsinhar tal-Mediterran. Din il-ħidma tibni fuq l-Aġenda l-ġdida eżistenti għall-Mediterran u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment tagħha u se tibda bis-Sħubija dwar l-Idroġenu bejn l-UE u l-Eġittu. Din tkun l-ewwel pass għal kooperazzjoni usa’ dwar l-idroġenu rinnovabbli bejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Golf, żona oħra ta’ riżorsi abbundanti għall-produzzjoni tal-idroġenu.

Meta tiġi implimentata b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali lokali, il-kooperazzjoni f’dan il-qasam tippromwovi l-produzzjoni u l-konsum lokali tal-elettriku rinnovabbli u tal-idroġenu rinnovabbli u l-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ valur ekoloġiċi tal-industrija fil-pajjiżi sħab. Il-qafas regolatorju tal-UE għall-idroġenu jenħtieġ jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-idroġenu importat u prodott domestikament.

Fl-Afrika sub-Saħarjana, fl-Afrika t’Isfel u fin-Namibja diġà qegħdin javvanzaw fl-iżvilupp tas-settur tal-idroġenu rinnovabbli tagħhom u attiraw l-interess tal-industrija tal-UE. Il-kooperazzjoni msaħħa dwar l-idroġenu rinnovabbli hija wkoll parti mill-involviment bilaterali tal-UE ma’ pajjiżi bħall-Eġittu u l-Marokk, fejn il-Kummissjoni Ewropea nediet ħidma dwar Sħubija Ekoloġika bejn l-UE u l-Marokk.

Għaddejja wkoll ħidma fuq sħubija strateġika mal-Ukrajna dwar il-gassijiet rinnovabbli, inkluż l-idroġenu u l-bijometan, bil-għan li din tiżdied b’mod sinifikanti ladarba l-kundizzjonijiet jippermettu.

Fil-viċinat immedjat tagħna, l-UE tinsab lesta li tappoġġa l-iżvilupp tan-network permezz tar-Regolament rieżaminat dwar in-Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E) 5 . Proġetti ma’ pajjiżi mhux tal-UE li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-objettivi tat-TEN-E jistgħu jiksbu l-istatus ta’ Proġetti ta’ Interess Reċiproku, tikketta li tindika proġetti konġunti fit-trażmissjoni tal-elettriku, it-trasport tal-idroġenu u faċilitajiet ta’ network u ta’ ħażna tas-CO2 li jissodisfaw standards eżiġenti ta’ sikurezza tal-UE. B’mod parallel, se jkunu meħtieġa investimenti biex tiġi żgurata l-kapaċità tat-trasport u l-loġistika għat-trasport ta’ din il-komodità.

Is-suq globali tal-idroġenu li għadu kif inħoloq irid ikun ibbażat fuq regoli komuni, b’mod partikolari għall-istandards, iċ-ċertifikazzjoni u l-prattika regolatorja tajba f’termini ta’ aċċess għall-infrastruttura u l-kummerċ. Il-qafas regolatorju tal-UE għall-idroġenu huwa l-aktar avvanzat fid-dinja. Abbażi ta’ din l-esperjenza, l-UE jenħtieġ tmexxi l-isforzi għall-iżvilupp ta’ qafas solidu għal suq globali tal-idroġenu bbażat fuq ir-regoli u trasparenti. Dan il-proċess jenħtieġ iqis it-tagħlimiet meħuda fis-swieq tal-gass u taż-żejt sabiex dawn l-oġġetti tal-enerġija ġodda jkunu jistgħu jiċċirkolaw liberament minn naħa għal oħra tal-fruntieri, u b’hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tagħna hekk kif nitbiegħdu mill-fjuwils fossili. Biex tagħti bidu għas-suq globali tal-idroġenu rinnovabbli, l-UE tqis l-iżvilupp ta’ Faċilità tal-Idroġenu Ewropea Globali, kif rifless fil-Komunikazzjoni Chapeau ta’ REPowerEU.

Azzjonijiet ewlenin:

·il-konklużjoni ta’ sħubijiet tal-idroġenu, b’mod partikolari fil-viċinat tal-UE u fl-Afrika, sabiex tiġi ffaċilitata l-importazzjoni ta’ 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu sal-2030 u l-iżvilupp ta’ swieq tal-idroġenu lokali;

·l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Kooperazzjoni dwar l-Idroġenu mal-Ġappun sa tmiem l-2022;

·il-promozzjoni ta’ suq globali tal-idroġenu bbażat fuq ir-regoli u trasparenti u bbażat fuq l-esperjenza tal-UE; 

·il-bidu tal-ewwel ċentri kummerċjali għall-idroġenu rinnovabbli fl-Ewropa u l-istabbiliment tiegħu bħala l-punt ta’ riferiment għal tranżazzjonijiet denominati f’Euro fl-idroġenu;

·l-istabbiliment ta’ Sħubija Strateġika mal-Ukrajna dwar il-gassijiet rinnovabbli fl-2022;

·l-iżvilupp ta’ Faċilità Ewropea Globali tal-Idroġenu.

2.3.It-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija Russi minbarra l-gass

Ir-Russja hija l-akbar esportatur taż-żejt fid-dinja u tittrasporta 8 miljun barmil kuljum. Għalhekk, l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna ħolqot taqlib u inċertezza fis-suq globali taż-żejt, bil-prezzijiet li xi kultant jaslu qrib l-ogħla prezz li qatt ġie rreġistrat, ta’ USD 150 kull barmil.

B’riżultat tal-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna, il-volatilità u l-issikkar tas-suq x’aktarx li jkomplu u dan iħalli impatt mhux biss fuq l-UE, iżda fuq il-konsumaturi kollha taż-żejt madwar id-dinja, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli. L-UE qiegħda taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha sabiex tiżgura li provvisti suffiċjenti taż-żejt jibqgħu disponibbli globalment u bi prezzijiet affordabbli. Flimkien mal-grupp G7 tal-ministri tal-enerġija, l-UE tappella lill-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt sabiex iżidu l-konsenji lejn is-suq globali bl-użu sħiħ tal-kapaċità ta’ riżerva disponibbli.

F’dan il-kuntest, l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt tiffaċilita d-dħul fis-suq tal-provvisti taż-żejt disponibbli tal-Iran u b’hekk tnaqqas il-pressjoni tal-provvista u l-volatilità tal-prezzijiet. Il-Komunikazzjoni dwar is-Sħubija Strateġika mal-Golf, ippubblikata b’mod parallel ma’ din l-istrateġija, tistabbilixxi l-approċċ tal-UE għat-tisħiħ tar-relazzjoni tagħha mal-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf li huma għonja fir-riżorsi taż-żejt.

Fl-istess ħin, il-membri tal-AIE qablu b’mod unanimu li jużaw il-ħażniet ta’ emerġenza sabiex jirrilaxxaw 120 miljun barmil, l-akbar rilaxx tal-istokk fl-istorja tal-AIE. Dan wera l-importanza tal-istokkijiet ta’ emerġenza bħala ammortizzatur. Filwaqt li d-deċiżjonijiet dwar ir-rilaxx tal-istokkijiet huma kompetenza għall-Istati Membri, l-esperjenza bil-proċess kollettiv tal-AIE turi l-utilità li l-UE tassumi rwol ta’ koordinazzjoni, jekk isiru meħtieġa rilaxxi addizzjonali.

L-UE ddeċidiet li twaqqaf l-importazzjonijiet kollha tal-faħam mir-Russja, bħala parti mill-ħames pakkett ta’ sanzjonijiet tagħha f’April 2022. Sabiex tiġi indirizzata l-kriżi fuq terminu qasir, dan ifisser li 44 sa 56 miljun tunnellata ta’ faħam fis-sena jiġu ssostitwiti l-aktar billi jiġu importati. Fit-tul, fl-UE, il-faħam se jitneħħa gradwalment, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sal-2030. Bl-adozzjoni tal-embargo tal-UE fuq il-faħam Russu, il-prezzijiet fl-UE żdiedu b’madwar 15 % għal EUR 325 għal kull tunnellata, iżda ma humiex mistennija diffikultajiet kbar bil-provvista tal-faħam u l-prezzijiet tal-aħħar ta’ April reġgħu lura għal-livell ta’ qabel l-embargo.

Id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-fjuwil għall-impjanti tal-enerġija nukleari hija linja importanti ta’ ħidma peress li xi Stati Membri tal-UE għadhom jiddependu bis-sħiħ fuq il-fjuwil nukleari Russu. L-UE se tgħin lill-utilitajiet nukleari sabiex iħaffu l-proċess ta’ liċenzjar ta’ fjuwil alternattiv għar-reatturi VVER ta’ diżinn Russu 6 u se taħdem ma’ organizzazzjonijiet nukleari internazzjonali bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u l-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari (NEA) taħt l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) sabiex tinbena kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista. Il-ħidma ma’ sħab bħall-Kanada diġà għaddejja.

Azzjonijiet ewlenin:

·ħidma mal-G7, mal-G20 u ma’ fora internazzjonali oħrajn kif ukoll b’mod bilaterali ma’ pajjiżi rilevanti sabiex jiġu żgurati swieq taż-żejt fornuti tajjeb u li jiffunzjonaw tajjeb;

·it-tkomplija tad-djalogu mal-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi li Jesportaw iż-Żejt (OPEC) sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-affordabbiltà taż-żejt fis-suq;

·il-koordinazzjoni tar-rispons tal-UE għall-pressjoni fuq is-swieq taż-żejt, inklużi rilaxxi potenzjali ta’ ħażniet taż-żejt bħala parti mill-azzjoni konġunta tal-AIE jew ir-reazzjoni tal-UE għat-tfixkil fil-provvista;

·l-aċċellerazzjoni tad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-fjuwil għall-impjanti tal-enerġija nukleari, inkluż f’kooperazzjoni mal-EURATOM 7 .

2.4.Il-prijoritizzazzjoni tal-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija

Hekk kif l-UE titbiegħed mill-provvista tal-enerġija Russa, se tipprijoritizza l-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija, bil-għan li tikseb tnaqqis ta’ 5 % fid-domanda għaż-żejt u l-gass fuq perjodu ta’ żmien qasir. Dan se jnaqqas il-pressjoni fuq il-prezzijiet u d-domanda fis-swieq globali. L-UE se taħdem ukoll mas-sħab internazzjonali sabiex l-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija jsiru prijorità globali. Flimkien ma’ ekonomiji żviluppati oħrajn, l-UE se tiffoka b’mod partikolari fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, u fost affarijiet oħra se tibni fuq il-kampanja Playing My Part tal-AIE.

L-effiċjenza enerġetika għandha bosta benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Fix-xenarju żero nett tal-AIE, l-ekonomija globali tikber b’40 % sal-2030, iżda tuża 7 % anqas enerġija primarja u s-soluzzjonijiet għal dan diġà huma teknikament lesti, kosteffiċjenti u disponibbli għas-setturi kollha. L-ogħla potenzjali ta’ ffrankar jistgħu jiġu realizzati fit-tisħin u t-tkessiħ ta’ bini pubbliku u privat. Jista’ jinkiseb iffrankar kbir addizzjonali tal-enerġija minn proċessi aktar effiċjenti, mit-tranżizzjoni tal-ekonomija ċirkolari u mit-trasport, kif ukoll minn apparat aktar effiċjenti, kemm fid-djar (bħall-pompi tas-sħana) kif ukoll fl-industrija.

  AIE: L-irduppjar tar-rata tat-titjib fl-intensità tal-enerġija matul l-għaxar snin li ġejjin jgħin sabiex titnaqqas id-domanda għall-enerġija b’95 EJ

L-UE żviluppat esperjenza regolatorja, leġiżlattiva, tal-iffissar tal-istandards u tat-tikkettar li tista’ tkun sors ta’ ispirazzjoni għal ħafna pajjiżi. L-UE se tippromwovi dawn l-istandards u l-prattiki fuq livell internazzjonali, filwaqt li tirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-sħab tagħha. Il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti kapitali kbar kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat hija kruċjali wkoll. L-aħjar prattiki tal-UE dwar il-finanzjament tal-effiċjenza enerġetika jistgħu jiġu kondiviżi u jiżdiedu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji u mas-sħab internazzjonali.

Il-każ tat-twaqqif tat-tnixxijiet tal-metan juri li l-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija jistgħu jiġu b’kostijiet ta’ tnaqqis negattivi: sa 70 % tal-emissjonijiet tal-metan mis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam jistgħu jitwaqqfu bl-użu tat-teknoloġija tal-lum, u kważi nofshom bi profitt jew mingħajr ebda kost 8 .

Il-Kummissjoni Ewropea diġà adottat Strateġija tal-UE dwar il-Metan 9 u proposta leġiżlattiva sabiex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-metan li għandhom dimensjoni internazzjonali ċara. Fuq livell internazzjonali, l-UE stabbiliet b’mod konġunt mal-Istati Uniti l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan 10 . Il-pajjiżi parteċipanti jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet kollettivi tagħhom tal-metan b’mill-anqas 30 % mil-livelli tal-2020 sal-2030. Aktar minn 110 pajjiż diġà ngħaqdu ma’ din il-wegħda, li jirrappreżentaw madwar nofs l-emissjonijiet globali tal-metan mill-bniedem.

·Azzjonijiet ewlenin:ħidma mas-sħab sabiex l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija jsiru prijorità globali;

·appoġġ għat-tranżizzjoni globali għal ekonomija aktar ċirkolari sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija;

·l-iffaċilitar tad-disponibbiltà u l-aċċess għall-finanzjament għal investimenti fl-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija;

·l-implimentazzjoni tal-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan (GMP) u d-dimensjoni esterna tal-istrateġija tal-UE dwar il-metan.

3.Appoġġ lis-sħab affettwati mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna

L-aggressjoni militari Russa fid-dimensjonijiet kollha tagħha qiegħda tipproduċi effetti sistemiċi u indiretti inkwetanti fuq l-ekonomija globali li diġà hija mdgħajfa mill-pandemija tal-COVID-19 u mit-tibdil fil-klima, b’impatti partikolarment severi fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Il-projezzjonijiet reċenti mill-UNCTAD 11 jistmaw li l-ekonomija globali se tkun punt perċentwali sħiħ tat-tkabbir tal-PDG aktar baxx milli mistenni minħabba l-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna li qiegħda tfixkel b’mod serju s-swieq tal-ikel, tal-enerġija u dawk finanzjarji li huma diġà stretti. 12 Il-prezzijiet tal-komoditajiet qegħdin jilħqu livelli rekord: il-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum żdiedu b’madwar 60 %, il-gass u l-fertilizzanti żdiedu b’aktar mid-doppju, u l-prezzijiet tal-ikel huma 34 % ogħla minn dan iż-żmien is-sena l-oħra.

Valutazzjonijiet riċenti tan-Nazzjonijiet Uniti jindikaw li terz minn 1,7 biljun persuna li diġà jgħixu fil-faqar huma mistennija li jkunu esposti għal interruzzjonijiet fis-sistemi tal-ikel, tal-enerġija u tal-finanzi 13 . B’riżultat ta’ dan, ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw se jitilfu aktar bażi ekonomika, filwaqt li l-vulnerabbiltà tagħhom hija msaħħa minn tensjonijiet ġeopolitiċi li qegħdin jiżdiedu u minn inċertezza ekonomika aktar profonda.

Filwaqt li tirrikonoxxi dan l-impatt, l-Unjoni Ewropea se tagħmel użu mill-istrumenti eżistenti kollha sabiex tkompli tappoġġa l-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw, b’mod partikolari fl-Afrika u fil-viċinat tal-UE, sabiex dawn jirkupraw mill-pandemija tal-COVID-19 u jiksbu tkabbir inklużiv u sostenibbli, filwaqt li tinbena reżiljenza ekonomika li hija meħtieġa sabiex jiġu indirizzati dawn ix-xokkijiet u l-kriżi tat-tibdil fil-klima. L-isforzi tal-UE sabiex tappoġġa tranżizzjoni globali ġusta u ekoloġika tal-enerġija, deskritti fil-Kapitolu 4, huma ċentrali għal din il-ħidma. L-UE se timmonitorja u se tindirizza l-impatt tal-aggressjoni tar-Russja fuq is-sħab permezz ta’ involviment bilaterali u multilaterali u se taħdem lejn rispons globali unit.

3.1.Ir-repowering tas-sistema tal-enerġija tal-Ukrajna u l-kooperazzjoni ma’ viċinat qrib

Mill-bidu tal-aggressjoni militari tar-Russja, l-għajnuna lill-Ukrajna u lil nazzjonijiet oħrajn affettwati direttament mill-gwerra kienet parti ċentrali mill-politika tal-enerġija tal-UE. Il-ħidma tal-UE ffokat fuq l-iżgurar ta’ provvista tal-enerġija mingħajr interruzzjoni u s-sikurezza nukleari fl-Ukrajna. Is-sinkronizzazzjoni tal-grilja elettrika ta’ emerġenza mal-Ukrajna u mal-Moldova hija pass ewlieni lejn l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista. Il-prijorità politika li jmiss hija li jiġi permess il-kummerċ tal-elettriku mal-UE abbażi ta' żidiet gradwali tal-kapaċità kummerċjabbli.

Il-flussi fid-direzzjoni opposta llum diġà jippermettu li l-gass mis-Slovakkja u mill-Ungerija jitwassal fl-Ukrajna. Il-ftuħ tal-pjattaforma tal-UE għax-xiri komuni ta’ gass, LNG u idroġenu lill-Ukrajna, il-Moldova, il-Georgia u l-Balkani tal-Punent huwa wkoll sinjal ċar ta’ appoġġ. It-tagħmir tal-enerġija danneġġat fl-Ukrajna jiġi msewwi permezz tal-ġarr ta’ tagħmir tal-enerġija speċjalizzat mill-Istati Membri lejn l-Ukrajna permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Oġġetti li l-Istati Membri ma jistgħux iwasslu jinkisbu permezz tal-Fond ta’ Appoġġ għall-Enerġija għall-Ukrajna stabbilit mill-Komunità tal-Enerġija.

Sabiex tippermetti integrazzjoni sħiħa futura tas-suq tal-enerġija tal-Ukrajna, l-UE qiegħda tipprovdi appoġġ tekniku sabiex tiżgura r-riformi tas-suq. Ir-riformi se jippermettu wkoll integrazzjoni aħjar tal-enerġija rinnovabbli u allinjament mal-ambizzjoni klimatika tal-UE. Din il-ħidma qiegħda ssir fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u taħt is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ukrajna. Il-Komunità tal-Enerġija u t-Task Force għall-Enerġija tal-Ukrajna li għadha kif ġiet stabbilita għandhom rwol importanti f’din il-ħidma.

Is-sikurezza nukleari tibqa’ prijorità ewlenija, b’mod partikolari wara l-imġiba imprudenti tar-Russja fis-siti nukleari tal-Ukrajna. L-UE hija allinjata bis-sħiħ mal-isforz tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika sabiex tiżgura s-sikurezza tal-faċilitajiet nukleari tal-Ukrajna f’kull ħin. L-UE timmobilizza l-Istrument Ewropew tagħha għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza Nukleari sabiex tindirizza ħtiġijiet urġenti u terġa’ tistabbilixxi s-sikurezza nukleari sabiex tikkonforma mal-qafas legali internazzjonali u ssegwi l-appoġġ fit-tul lill-awtorità regolatorja tal-Ukrajna. Hija tinsab lesta li tassisti fir-rikostruzzjoni tal-kapaċità ta’ sikurezza nukleari meħtieġa.

B’ħarsa lejn il-futur, l-UE stabbiliet l-approċċ tagħha għal qafas ta’ rikostruzzjoni fit-tul fil-Komunikazzjoni dwar is-Sokkors u r-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna. 14  L-UE se taħdem mal-Ukrajna sabiex tħejji l-inizjattiva REPowerUkraine, sabiex “tibni aħjar mill-ġdid” is-sistema tal-enerġija tal-Ukrajna, bil-għan li tiddekarbonizza s-settur tal-enerġija tal-Ukrajna u b’hekk tiżgura l-indipendenza enerġetika tal-Ukrajna. L-enfażi jenħtieġ tkun fuq l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-idroġenu rinnovabbli, il-bijometan u l-infrastruttura reżistenti għall-futur. L-UE se tappoġġa dan il-proċess kemm finanzjarjament kif ukoll teknikament.

Mal-Balkani tal-Punent, l-UE se tkompli tappoġġa l-Aġenda Ekoloġika tar-reġjun u l-indipendenza tal-enerġija, billi tippromwovi riformi li jmexxu r-reġjun ’il quddiem fit-triq Ewropea tagħhom. Il-Komunità tal-Enerġija, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, qiegħda taħdem sabiex tiddetermina l-miri tal-enerġija u tal-klima għall-2030. Dan se jibgħat is-sinjali ta’ investiment it-tajbin u jiżgura impenn politiku għat-tneħħija gradwali tal-faħam u t-tranżizzjoni tal-enerġija b’mod ġenerali. L-implimentazzjoni tal-atti legali ewlenin adottati mill-Komunità tal-Enerġija f’Novembru tal-2021 se tippermetti integrazzjoni aħjar tal-enerġija rinnovabbli, tal-ħżin u tar-rispons min-naħa tad-domanda.

L-UE se tipproponi li tintegra bis-sħiħ il-Balkani tal-Punent fis-suq intern tal-elettriku tal-UE sabiex tippermetti l-bidla fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u d-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija fix-Xlokk tal-Ewropa. L-introduzzjoni progressiva tal-ipprezzar tal-karbonju tista’ tikkontribwixxi għal allinjament akbar mal-UE.

Azzjonijiet ewlenin:

·appoġġ għat-tiswija u r-rikostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna;

·żieda fil-kapaċità transfruntiera sabiex in-negozjar tal-elettriku jsir possibbli;

·l-iffaċilitar tal-fluss fid-direzzjoni opposta tal-gass lejn l-Ukrajna mir-Repubblika Slovakka, l-Ungerija u l-Polonja u lejn il-Moldova u l-Ukrajna mir-Rumanija (il-pipeline Trans Balkan);

·stedina lill-Ukrajna, lill-Moldova, lill-Georgia u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jipparteċipaw fl-iskema tax-xiri tal-gass volontarju tal-UE;

·l-aċċellerazzjoni tar-riformi domestiċi u l-punti ewlenin tal-enerġija tal-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent u s-Sħubija tal-Lvant, aġġustati għas-sitwazzjoni attwali, biex jitħaffef l-użu tas-sorsi rinnovabbli, tiġi żgurata tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika u tgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-gass Russu;

·jittieħed vantaġġ mill-qafas tal-Komunità tal-Enerġija sabiex jiġu mħeġġa miri ambizzjużi dwar l-enerġija u l-klima u riformi tas-suq, kif ukoll sabiex tingħata spinta lill-enerġija rinnovabbli u lill-effiċjenza enerġetika;

·it-tnedija tal-inizjattiva REPowerUkraine sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija u l-bini mill-ġdid tas-settur tal-enerġija tal-Ukrajna wara l-gwerra.

4.It-tmexxija u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni globali tal-enerġija ekoloġika u ġusta

It-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika hija kruċjali sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 gradi, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir, jiġu pprovduti opportunitajiet u jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien madwar id-dinja, kif ukoll sabiex jittaffew ir-riskji tal-prezzijiet u tas-sigurtà tal-enerġija. Is-segwiment tax-xenarju ta’ 1,5 gradi jfisser 2,3 % aktar tkabbir tal-PDG sal-2030 milli biż-żamma tal-istatus quo u 85 miljun impjieg ġdid relatat mat-tranżizzjoni enerġetika. 15  

L-UE hija impenjata li tmexxi u tħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika globali u tappoġġa lis-sħab internazzjonali tagħha fil-proċess. Dan jinkludi ħidma flimkien dwar l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, dwar l-ekonomija ċirkolari, it-tkabbir ekoloġiku, il-protezzjoni tar-riżorsi naturali, il-materja prima kritika, teknoloġiji nodfa u infrastruttura valida għall-futur.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-UE nedew il-Global Gateway, strateġija Ewropea ġdida sabiex tingħata spinta lir-rabtiet intelliġenti, nodfa u siguri fis-setturi diġitali, tal-enerġija u tat-trasport u sabiex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja, f’konformità mal-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Global Gateway – inkluża spinta qawwija għat-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika – se titwettaq permezz ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa, li jlaqqa’ flimkien lill-UE u lill-Istati Membri tagħha mal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-iżvilupp tagħhom, inklużi l-BEI u l-BERŻ sabiex jiġu ingranati sa EUR 300 biljun ta’ investimenti bejn l-2021 u l-2027.

L-UE tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika globali wkoll permezz tal-finanzjament tagħha għall-klima. 30 % tal-pakkett tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp jiġi mgħoddi lejn l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, inkluż fis-settur tal-enerġija. L-UE hija probabbilment l-akbar kontributur għall-impenn globali tal-aktar nazzjonijiet żviluppati se tipprovdi USD 100 biljun kull sena għall-finanzjament klimatiku u se tkompli tinvolvi sħab oħrajn sabiex dawn jagħmlu l-istess.

Sabiex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika trid tkun ġusta u ma tiddiskriminax soċjalment. Speċjalment fil-kuntest ta’ rkupru bil-mod, turbolenza ekonomika u l-konsegwenzi globali tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-aspetti soċjali tat-tiswir mill-ġdid tas-sistemi tal-enerġija jridu jkunu ċentrali għat-tranżizzjoni. Din hija prijorità għall-UE u parti integrali mill-politika esterna tagħna dwar l-enerġija. Minn naħa waħda, dan ifisser li jitnaqqas l-impatt soċjali u ekonomiku tat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili (b’mod partikolari l-faħam) u min-naħa l-oħra, jiġu offruti opportunitajiet ġodda permezz ta’ teknoloġiji ekoloġiċi (il-Kapitolu 4.1), filwaqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-aċċess għall-enerġija, is-sussidji għall-fjuwils fossili, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-effetti distributtivi tat-tranżizzjoni.

Filwaqt li l-faħam ma huwiex l-uniku fjuwil fossili, huwa l-aktar wieħed li jniġġes u huwa responsabbli għal 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tad-dinja. Għalhekk huwa fil-qalba tal-isforzi ta’ tranżizzjoni ġusta tal-UE li jiffokaw b’mod partikolari fuq l-akbar pajjiżi li jikkunsmaw il-faħam.

B’segwitu għall-COP26, l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, Franza u l-Ġermanja, kif ukoll is-sħab internazzjonali tagħha, l-Istati Uniti u r-Renju Unit, qiegħda timplimenta sħubija għal tranżizzjoni ġusta mal-Afrika t’Isfel b’baġit ta’ USD 8,5 biljun sabiex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija bl-enfażi fuq it-tneħħija gradwali tal-faħam u t-tnaqqis tal-kostijiet tal-adattament soċjali tal-pajjiż. L-UE qiegħda tesplora l-possibbiltà li tikkonkludi sħubijiet għal tranżizzjoni ġusta ma’ sħab oħrajn bħall-Vjetnam, l-Indoneżja u l-Indja.

F’konformità mal-ambizzjonijiet iddikjarati taċ-Ċina sabiex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-faħam u tagħmel progress lejn l-għan tagħha tan-newtralità karbonika sal-2060, il-Pjattaforma ta’ Kooperazzjoni għall-Enerġija bejn l-UE u ċ-Ċina (ECECP) u d-Djalogu annwali ta’ livell għoli dwar l-Enerġija bejn l-UE u ċ-Ċina jiffokaw fuq is-swieq tal-karbonju, is-sistemi tal-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-kooperazzjoni kummerċjali. L-UE stabbiliet ukoll djalogi dwar ix-xogħol u l-politika soċjali mal-Indja, maċ-Ċina u mal-viċinat tan-Nofsinhar fi ħdan l-Unjoni għal Pjattaforma Reġjonali Mediterranja dwar l-Impjiegi u x-Xogħol. L-UE tipprovdi wkoll appoġġ għat-tneħħija gradwali tal-faħam fil-Balkani tal-Punent u fl-Ukrajna permezz tal-inizjattiva tagħha “Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni”.

Azzjonijiet ewlenin:

·taċċellera t-tranżizzjoni globali tal-enerġija ekoloġika billi tiffaċilita l-investimenti sostenibbli u l-konnettività permezz tal-Global Gateway;

·kollaborazzjoni dwar tranżizzjoni ġusta u tneħħija gradwali tal-faħam mal-pajjiżi sħab tal-UE, inkluż fil-viċinat tal-UE;

·ħidma sabiex jiġi żgurat l-impenn globali ta’ USD 100 biljun fis-sena għall-finanzjament tal-klima u l-użu tal-kontribuzzjoni tal-UE sabiex tiġi appoġġata tranżizzjoni ekoloġika u ġusta;

·l-implimentazzjoni tas-sħubija konġunta għal tranżizzjoni enerġetika mal-Afrika t’Isfel u l-esplorazzjoni tal-possibbiltà li jiġu ffurmati aktar sħubijiet globali skont dan il-mudell;

·l-implimentazzjoni tal-inizjattiva “Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni” fl-Ukrajna u fil-Balkani tal-Punent;

·l-allinjament u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi globali sabiex jintemmu s-sussidji għall-fjuwils fossili u l-involviment ma’ pajjiżi li jiddependu ħafna fuq l-enerġija mill-faħam sabiex jinkiseb dan;

·ħidma mal-IEA, IRENA u l-ILO biex titkompla tranżizzjoni ġusta u inklużiva globalment.

4.1.Il-promozzjoni tat-teknoloġiji rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika fil-pajjiżi sħab

L-elettriku bbażat fuq ir-riħ u x-xemx issa huwa l-orħos għażla tal-enerġija fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni tad-dinja. F’dinja ta’ 1,5 gradi, l-enerġija rinnovabbli tista’ tirrappreżenta 90 % tal-produzzjoni globali tal-enerġija sal-2050. Is-swieq globali se jiswew madwar EUR 24 triljun għall-enerġija rinnovabbli u EUR 33 triljun għall-effiċjenza enerġetika sal-2050 16 . Dan jirrappreżenta opportunità kbira għall-ekonomija tad-dinja.

Iż-żieda tal-enerġija rinnovabbli se tbiddel id-dinamika tas-sistema globali tal-enerġija. Filwaqt li r-riżorsi tal-idrokarbur kienu kkonċentrati fi ftit pajjiżi, kull nazzjon għandu l-potenzjal li jiżviluppa sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jipparteċipa fil-kummerċ tal-enerġija. Illum, madwar 80 % tal-popolazzjoni dinjija tgħix f’pajjiżi li huma importaturi netti tal-enerġija. Dan huwa mistenni li jinbidel.

L-UE, li tirrappreżenta 9 % tal-emissjonijiet globali, għandha interess qawwi li twassal għall-użu tal-enerġija rinnovabbli u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika madwar id-dinja. Sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-fotovoltajċi, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippubblika Strateġija Solari Ewropea 17  flimkien mal-istrateġija attwali.

It-tnedija effiċjenti ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika jirrikjedu “approċċ tas-sistema” usa’ li jqis il-produzzjoni, it-trażmissjoni u l-konsum tal-elettriku b’mod ġenerali. L-installazzjoni tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli hija l-aktar effettiva meta tkun integrata fi swieq reġjonali miftuħa u flessibbli. L-UE kienet l-ewwel attur fil-ħolqien ta’ suq tal-enerġija integrat kbir u l-esperjenza tagħna tista’ tgħin lis-sħab internazzjonali jaċċelleraw it-tranżizzjoni tagħhom.

Ħafna pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, fis-Sħubija tal-Lvant u fil-Viċinat tan-Nofsinhar qegħdin iżidu gradwalment l-użu tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun tagħhom. Pajjiżi bħall-Indja u l-Marokk diġà stabbilew miri ambizzjużi għalihom infushom għall-użu tal-enerġija rinnovabbli, implimentati u msaħħa aktar skont is-Sħubija dwar l-Enerġija Nadifa u l-Klima bejn l-UE u l-Indja u s-Sħubija Ekoloġika bejn l-UE u l-Marokk. Għaddejja ħidma simili fis-sħubija tagħna maċ-Ċina (inkluż dwar Sistemi ta’ Skambju tal-Emissjonijiet ibbażati fuq is-sistema tal-UE).

Il-kooperazzjoni fl-enerġija ġusta u reċiproka mal-Afrika hija prijorità importanti, kemm sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-enerġija għal 570 miljun persuna li bħalissa ma għandhomx elettriku fl-Afrika sub-Saħarjana, kif ukoll sabiex jiġu appoġġati investimenti f’sistemi tal-enerġija sostenibbli u kummerċ tal-idroġenu rinnovabbli, ladarba jiġu koperti l-ħtiġijiet lokali. Sal-2030, l-Inizjattiva Afrikana dwar l-Enerġija Ekoloġika għandha l-għan li tappoġġa l-użu ta’ mill-anqas 50 GW ta’ elettriku rinnovabbli, li jipprovdi mill-anqas 100 miljun persuna b’aċċess għall-elettriku. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-ingranaġġ tal-investimenti tas-settur privat se jkun kruċjali.

Taħt l-inizjattiva Global Gateway, l-UE se timmobilizza EUR 2,4 biljun f’għotjiet għall-Afrika sub-Saħarjana u EUR 1,08 biljun għall-Afrika ta’ Fuq sabiex tappoġġa l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-tranżizzjoni ġusta u l-ekoloġizzazzjoni tal-ktajjen tal-valur lokali. Dan se jappoġġa wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Irkupru Ekoloġiku tal-Unjoni Afrikana li jfittex li jżid il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli b’mill-anqas 300 GW addizzjonali sal-2030.

L-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli madwar id-dinja tippreżenta wkoll opportunità sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali. Sabiex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom ta’ enerġija rinnovabbli prodotta fil-pajjiż stess, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja jeħtieġu aċċess għal teknoloġiji innovattivi, għarfien u kapital u l-industrija tat-teknoloġija ekoloġika tal-UE tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex tkun sieħeb f’dawk l-isforzi. Nofs l-enerġija eolika tad-dinja ġejja minn turbini manifatturati fl-Ewropa. Il-kumpaniji tal-UE huma minn ta' quddiem nett f’segmenti importanti tal-industriji tal-fotovoltajċi, tal-idroġenu u tal-pompi tas-sħana u qegħdin ilaħħqu mal-Asja fit-teknoloġiji tal-batteriji, bis-saħħa tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji.

Sabiex tirnexxi u tikber aktar, l-industrija tat-teknoloġija ekoloġika jeħtieġ li tkun tista’ tibbaża fuq qafas regolatorju stabbli, kompetizzjoni ġusta, investimenti suffiċjenti, u kundizzjonijiet fiskali ekwi – dan huwa daqstant importanti u ta’ benefiċċju għall-UE u għall-atturi lokali. Il-politika esterna dwar l-enerġija trid taħdem id f’id mal-politika industrijali u kummerċjali tal-UE, filwaqt li tiżgura l-aċċess għas-suq għall-industrija tagħna u tindirizza l-isfidi permezz tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u azzjoni ta’ infurzar.

L-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bejn in-negozji jeħtieġ attenzjoni kostanti: l-avvenimenti tan-networking tan-negozju organizzati taħt il-Kunsill tal-Enerġija tal-UE u tal-Istati Uniti, l-aktar reċentement dwar it-teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta, huma mudell li għandu jiġi rreplikat. Madwar l-Asja (pereżempju fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan) ġew stabbiliti sabiex joffru opportunitajiet ġodda ta’ negozju lill-kumpaniji tat-teknoloġija ekoloġika tal-UE.

L-istrumenti ta’ tneħħija tar-riskji u ta’ esportazzjoni ta’ kreditu huma wkoll kruċjali sabiex jippermettu d-dħul fi swieq ġodda. Il-kumpaniji tal-UE tat-teknoloġija nadifa jikkompetu dejjem aktar ma’ kumpaniji barranin li jirċievu appoġġ finanzjarju dirett mill-gvernijiet tagħhom. Il-Kummissjoni se tiżviluppa strateġija tal-UE għal krediti għall-esportazzjoni li hija ta’ benefiċċju għall-kumpaniji tat-teknoloġija ekoloġika sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE fis-swieq ta’ pajjiżi mhux tal-UE. Il-Kummissjoni qed tfittex ukoll li temenda r-regoli tal-OECD biex tipprovdi aktar inċentiv għall-appoġġ tal-kreditu għall-esportazzjoni għal teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima.

Azzjonijiet ewlenin:

·l-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika madwar id-dinja, inkluż fil-Balkani tal-Punent, fl-Afrika, fil-Mediterran u fl-Indo-Paċifiku;

·l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Enerġija Ekoloġika bejn l-UE u l-Afrika ta’ benefiċċju reċiproku;

·l-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika fl-Asja Ċentrali permezz tal-Inizjattiva Tim Reġjonali Ewropa dwar l-ambjent/l-enerġija/l-ilma;

·żieda fl-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-ibliet u fil-muniċipalitajiet rurali, pereżempju permezz tal-missjoni ta’ Tranżizzjoni Urbana tal-Innovazzjoni tal-Missjoni;

·l-avvanz ta’ teknoloġiji nodfa fil-kuntest tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (TTC) mal-Istati Uniti;

·l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE għall-kreditu għall-esportazzjoni.

4.2.Kooperazzjoni dwar ir-riċerka u t-teknoloġija

Ħafna mit-teknoloġiji meħtieġa sabiex tinkiseb dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija globali għadhom ma humiex maturi jew kompetittivi mas-sħana u l-enerġija bbażati fuq il-fjuwils fossili. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali sabiex tiżdied il-veloċità tal-innovazzjoni u l-użu tal-enerġija ekoloġika, filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet tagħhom, b’mod partikolari għall-enerġija rinnovabbli u l-idroġenu rinnovabbli. Oqsma oħra ta’ riċerka ewlenin għal tranżizzjoni xprunati mill-innovazzjoni jinkludu l-iżvilupp ta’ grids tal-enerġija intelliġenti, ċibersigurtà u flessibbli, ħażna ta’ enerġija fit-tul, materja prima sostenibbli, reatturi modulari żgħar u fjuwils sostenibbli għall-industrija u t-trasport.

Billi l-enerġija rinnovabbli u l-idroġenu mhux se jkunu jistgħu jissostitwixxu l-fjuwils fossili kollha fit-taħlita tal-enerġija, it-tneħħija tal-karbonju se tkun meħtieġa wkoll, b’mod partikolari f’setturi industrijali fejn l-elettrifikazzjoni jew l-għażliet ibbażati fuq l-idroġenu ma humiex kosteffettivi. L-UE se tikkoopera mal-ġirien tagħha u ma’ pajjiżi oħrajn biex iġġib fis-swieq globali soluzzjonijiet innovattivi ta’ effiċjenza enerġetika b'konsum żero, kif ukoll teknoloġiji bħall-użu u l-ħżin tal-qbid tal-karbonju (CCUS).

L-UE se tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali u l-inizjattivi multilaterali f’konformità mal-approċċ globali tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni. 18 Il-Kummissjoni se tipprovdi riżorsi għall-kooperazzjoni internazzjonali minn Orizzont Ewropa, il-programm ta’ finanzjament pubbliku tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-UE se ssaħħaħ ukoll l-involviment ma’ inizjattivi internazzjonali ewlenin, bħall-Missjoni Innovazzjoni u l-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa, sabiex flimkien jiġu żviluppati s-soluzzjonijiet tal-enerġija ekoloġika tal-futur.

Azzjonijiet ewlenin:

·l-iżvilupp ta’ tekniki ta’ sekwestru u ħżin tas-CO2 sal-maturità tas-suq, inkluż f’kooperazzjoni man-Norveġja;

·it-tkomplija tas-Sħubija Konġunta fit-Tul bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-estensjoni tal-ambitu tagħha għall-idroġenu rinnovabbli.

4.3.Niżguraw l-aċċess għall-materja prima kritika

Filwaqt li l-UE hija determinata li ttemm id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija Russa, hija daqstant ieħor determinata li tevita dipendenzi ġodda fil-futur. Hekk kif id-domanda għall-fjuwils fossili qiegħda tonqos, id-domanda akbar għall-materja prima, inkluż elementi tal-materjali tal-art rari u metalli rari tista’ twassal għal sfidi ġodda fil-provvista matul it-tranżizzjoni enerġetika. Skont l-istudju ta’ prospettiva dwar il-materja prima kritika fit-teknoloġiji u s-setturi, id-domanda għall-materja prima kritika meħtieġa fis-settur tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-kostijiet tagħhom se jiżdiedu b’mod sinifikanti sal-2050. L-UE tiddependi f’dan is-settur primarjament fuq l-elementi tal-materjali tal-art rari, il-litju, il-manjeżju, in-nijobju, il-ġermanju, il-borati u l-iskandju li wħud minnhom ma jistgħux jiġu akkwistati domestikament. 19  

Sabiex ikomplu javvanzaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħha, il-kumpaniji tal-UE se jkollhom jakkwistaw dawn il-materjali fi swieq ristretti tal-komoditajiet jew jissostitwixxuhom fit-tul permezz ta’ proċessi industrijali ġodda. Rimedji potenzjali sabiex tiġi mminimizzata d-dipendenza futura tal-UE f’dan il-qasam strateġiku jinkludu aktar diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista globali, filwaqt li jiġu prijoritizzati l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, l-inċentivazzjoni ta’ investimenti fit-tul f’attivitajiet ġodda ta’ estrazzjoni u raffinar fl-UE kif ukoll żieda fl-isforzi taċ-ċirkolarità sabiex jiġi żgurat li l-materjali jinżammu fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli u li l-iskart jiġi riċiklat.

Il-Kummissjoni se tintensifika l-ħidma fuq il-provvista ta’ materja prima kritika u se tħejji proposta leġiżlattiva. Din l-inizjattiva se timmira li ssaħħaħ il-katina tal-valur Ewropea permezz tal-identifikazzjoni ta’ riżorsi minerali u ta’ proġetti ta’ materja prima fl-interess strateġiku Ewropew, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. 20

L-UE diġà stabbiliet sħubijiet sostenibbli dwar il-katina tal-valur tal-materja prima mal-Kanada u l-Ukrajna. Sabiex tkompli tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tagħha, il-Kummissjoni qiegħda taħdem sabiex tistabbilixxi sħubijiet addizzjonali tal-katina tal-valur tal-materja prima ta’ benefiċċju reċiproku fl-Afrika (eż. in-Namibja), l-Amerika Latina, il-Balkani tal-Punent u fl-Awstralja, permezz ta’ ftehimiet kummerċjali jew Memoranda ta’ Qbil.

Mill-anqas fuq terminu medju, l-aċċess għal provvisti diversifikati sew mis-swieq internazzjonali se jkun kruċjali sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza. Il-politika kummerċjali tal-UE għandha rwol ewlieni f’dan ir-rigward, billi tiżgura aċċess miftuħ għall-provvisti u billi tevita distorsjonijiet tas-suq permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali. Il-Kapitoli dwar l-Enerġija u l-Materja Prima dwar il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles(FTAs) tal-UE għandhom rwol ċentrali f’dan.

Azzjonijiet ewlenin:

·l-istabbiliment ta’ sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku tal-katina tal-valur tal-materja prima, lil hinn mill-Ukrajna u l-Kanada;

·it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-ktajjen tal-valur tal-materja prima man-Norveġja taħt l-Alleanza Ekoloġika bejn l-UE u n-Norveġja;

·it-tisħiħ tal-użu tal-għodod tal-politika ekonomika u kummerċjali tal-UE sabiex jiġi żgurat l-aċċess mhux imfixkel għas-swieq internazzjonali;

·il-promozzjoni tal-effiċjenza u ċ-ċirkolarità tar-riżorsi globali, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ diżinn tal-prodott 21 ;

·ħidma ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD, l-AIE u IRENA dwar il-ktajjen tal-provvista għall-materja prima kritika użata fit-tranżizzjoni tal-enerġija.

5.L-istabbiliment tal-pedamenti tas-sistema globali tal-enerġija l-ġdida

5.1.It-tisħiħ ta’ alleanzi stabbiliti, il-bini ta’ sħubijiet ġodda

Is-sistema globali l-ġdida tal-enerġija ma tfissirx sempliċiment li l-fjuwils fossili jiġu ssostitwiti bl-enerġija rinnovabbli, se tkun fundamentalment u strutturalment differenti minn dik tal-lum. Il-kollaborazzjoni u s-sħubijiet se jkunu kruċjali għall-mod kif tiffunzjona. Hekk kif l-UE tistinka sabiex tagħmel it-tranżizzjoni ekoloġika globali realtà, se tilħaq, tisma’ u taħdem mad-dinja kollha.

IRENA: Bidliet fil-valur tal-kummerċ fil-prodotti tal-enerġija, mill-2020 sal-2050

L-UE se tkompli taħdem flimkien mal-Istati Uniti, li magħhom il-prijoritajiet huma allinjati sew fl-ispettru sħiħ tal-politika tal-enerġija. Permezz tal-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti u f’fora internazzjonali, l-UE se tagħmel ħilitha sabiex taffettwa l-bidla pożittiva fix-xenarju globali tal-enerġija. Ir-relazzjoni tal-enerġija mal-Kanada aċċellerat b’mod sinifikanti, billi tibni fuq id-Djalogu ta’ Livell Għoli eżistenti dwar l-Enerġija.

Kemm il-Viċinat tal-Lvant kif ukoll dak tan-Nofsinhar se jkomplu jkunu kruċjali għall-UE. Ir-relazzjonijiet tal-enerġija mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant se jkollhom bżonn jissaħħu u jiġu rieżaminati, filwaqt li jibqgħu ffokati fuq is-sigurtà tal-enerġija sostenibbli u t-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika, wara l-impenji fis-sitt Summit tas-Sħubija tal-Lvant f’Diċembru tal-2021. Ir-reżiljenza, is-sigurtà tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika tal-Ukrajna, tal-Moldova u tal-Balkani tal-Punent huma marbuta mal-UE u għalhekk huma prijorità ċentrali. Il-kooperazzjoni mat-Turkija jenħtieġ tkompli fuq id-dekarbonizzazzjoni, biex jiġi żgurat l-allinjament tal-qafas legali Tork mal-acquis tal-UE, inkluż permezz tal-Pjattaforma tal-Investiment Torka.

Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, jenħtieġ tiġi żviluppata politika komuni dwar l-enerġija fil-Mediterran ibbażata fuq id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran adottata f’Ġunju tal-2021. L-UE se tappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali fir-reġjun tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Mediterran dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija u biex toħroġ il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli. L-UE se tkompli ssegwi l-kooperazzjoni dwar id-dekarbonizzazzjoni inkluż dwar l-emissjonijiet tal-metan mal-fornituri kollha tal-fjuwils fossili fir-reġjun, bħall-Eġittu, l-Iżrael u l-Alġerija.

L-Afrika hija sieħba ewlenija għall-UE. Minbarra l-objettivi tal-politika ta’ kooperazzjoni, huwa mistenni impenn kummerċjali u ta’ investiment aktar b’saħħtu mal-pajjiżi Afrikani peress li dawn qegħdin isiru dejjem aktar swieq li qegħdin jikbru malajr għat-teknoloġiji tal-enerġija ekoloġika. Il-pajjiżi Afrikani jistgħu jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE, illum bil-provvisti taż-żejt u tal-LNG, u fil-futur permezz ta’ idroġenu ekoloġiku u fjuwils rinnovabbli kif ukoll materja prima kritika għat-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika.

L-UE se tkompli taħdem ma’ sħab bħan-Norveġja, il-Ġappun, l-Awstralja, iċ-Ċilì, ir-Renju Unit u oħrajn dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-prijoritajiet rilevanti b’mod reċiproku. L-UE bħalissa qiegħda tinnegozja FTA mal-Awstralja. Bħala produttur futur sinifikanti tal-idroġenu ekoloġiku, it-tisħiħ tar-rabtiet tal-enerġija jenħtieġ ikun prijorità. Iċ-Ċilì wkoll huwa mistenni li jsir produttur kbir tal-idroġenu ekoloġiku fil-futur, kif ukoll li jipprovdi materja prima kritika bħal-litju.

Bħala parti mis-Sħubija dwar l-Enerġija Nadifa u l-Klima bejn l-UE u l-Indja, l-UE se tintensifika l-kooperazzjoni enerġetika tagħha mal-Indja b’appoġġ għall-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli u d-dekarbonizzazzjoni rapida tal-industrija tagħha. L-UE se tappoġġa attivitajiet konġunti fl-oqsma tat-teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta u l-enerġija solari u l-integrazzjoni tagħhom permezz ta’ grilji intelliġenti.

L-UE qiegħda tkompli taħdem maċ-Ċina fuq id-dekarbonizzazzjoni, ir-riforma tas-suq tal-enerġija u sabiex tagħmel is-sistema tal-enerġija aktar effettiva u effiċjenti. Il-kooperazzjoni se tiffoka fuq is-sistemi ta’ negozjar tal-emissjonijiet, is-sistemi tal-elettriku, l-immudellar tal-grilja, il-finanzjament tal-effiċjenza enerġetika u l-kooperazzjoni kummerċjali.

Kif stipulat fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Golf 22 , l-UE se taħdem mill-qrib mal-pajjiżi tal-Golf biex tippromwovi t-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika, inkluż investimenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Sabiex il-kooperazzjoni tagħha mal-Golf tiġi strutturata aħjar, il-Kummissjoni pproponiet li torganizza laqgħat ministerjali annwali dwar it-tranżizzjoni ekoloġika kkomplementati minn inizjattivi relatati tas-settur privat.

L-Asja Ċentrali huwa reġjun ewlieni rikk fir-riżorsi. Filwaqt li tibni fuq il-potenzjal tar-reġjun fl-enerġija solari, eolika u idroelettrika, l-UE se tħeġġeġ ir-riformi tal-Asja Ċentrali fis-settur tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll kooperazzjoni dwar materja prima kritika ma’ pajjiżi bħall-Każakistan.

5.2.Il-ġeopolitika u l-arkitettura globali tal-enerġija

L-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna hija tfakkira qawwija li d-dinja hija mmarkata minn rivalitajiet ewlenin tas-setgħa ġeopolitika u ekonomika. Jekk ma jkunux kontrobilanċjati, ir-relazzjonijiet bejn is-setgħat ewlenin jistgħu jsiru dejjem aktar konfrontattivi u unilateralisti, u jwasslu għal viżjonijiet u aġendi li jikkompetu.

It-tranżizzjoni globali tal-enerġija ekoloġika tista’ tappoġġa lill-UE fl-ilħuq tal-objettivi ġeopolitiċi usa’ tagħha sabiex issaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa. Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli se jippromwovu l-objettivi tal-enerġija tal-UE billi jsaħħu r-rwol tad-diplomazija dwar l-enerġija fil-politika barranija u tas-sigurtà. Dan se jirrikjedi t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, prospettiva u valutazzjoni tal-implikazzjonijiet strateġiċi tat-tranżizzjoni globali tal-enerġija fuq il-pajjiżi sħab.

L-indirizzar effettiv tal-isfidi tat-tranżizzjoni tal-enerġija globali jeħtieġ fiduċja u kooperazzjoni fi ħdan il-komunità internazzjonali. L-UE se ssaħħaħ l-azzjoni multilaterali tagħha b’appoġġ għall-objettivi tal-UE u l-impenji globali bbażati fuq il-prinċipji ta’ multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli u effettiv stabbiliti fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-2021 dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għal multilateraliżmu ibbażat fuq ir-regoli 23 . Huma meħtieġa sħubijiet imsaħħa fi ħdan in-NU, il-G20 u l-G7, u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istituzzjonijiet Internazzjonali ta’ Finanzjament.

L-organizzazzjonijiet u l-fora multilaterali tal-enerġija bħall-IRENA, l-AIE, il-Komunità tal-Enerġija, l-Alleanza Solari Internazzjonali, il-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa u Missjoni Innovazzjoni, il-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, kollha għandhom responsabbiltà ewlenija fil-promozzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika globalment. Xi organizzazzjonijiet, bħall-Karta tal-Enerġija, għandhom bżonn urġenti ta’ modernizzazzjoni profonda sabiex jiġu allinjati mal-għanijiet tal-2050, u l-UE qiegħda tindirizza dan b’mod attiv. Jekk ma tkunx tista’ tinkiseb riforma suffiċjenti tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, l-UE se tikkunsidra li tirtira s-sħubija tagħha.

L-UE se tkompli tappoġġa rappreżentanza aktar inklużiva tal-ekonomiji emerġenti u li qegħdin jiżviluppaw fl-istituzzjonijiet internazzjonali. L-UE flimkien mal-Istati Membri tagħha bħala parti minn approċċ ta’ Tim Ewropa se tikkontribwixxi dejjem aktar għat-tmexxija u għat-tfassil ta’ deċiżjonijiet inklużivi permezz ta’ parteċipazzjoni akbar fil-korpi governattivi tal-organizzazzjonijiet rilevanti. L-UE jenħtieġ ukoll tiżen il-benefiċċji li taġġorna l-preżenza kollettiva tagħha għal sħubija sħiħa fil-fora tal-enerġija kkunsidrati bħala ewlenin u strateġiċi għall-avvanz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u ta’ din l-Istrateġija.

Barra minn hekk, l-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan organizzazzjonijiet multilaterali u reġjonali u se tfittex involviment aktar mill-qrib mal-Unjoni għall-Mediterran, mal-Unjoni Afrikana u mal-aġenziji tagħha, mal-Organizzazzjoni Latino-Amerikana tal-Enerġija (OLADE) jew mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) sabiex tindirizza sfidi komuni u taħdem flimkien fil-livell internazzjonali.

Azzjonijiet ewlenin:

·monitoraġġ regolari tal-impatt ġeopolitiku tat-tranżizzjoni ekoloġika;

·it-tnedija ta’ rieżami tal-involviment tal-UE f’fora internazzjonali tal-enerġija ewlenin għat-tranżizzjoni globali tal-enerġija;

·iż-żieda tad-diplomazija tal-enerġija fil-politika barranija tal-UE u tal-Istati Membri.

6.Konklużjoni

Dan huwa żmien kritiku għall-politika globali dwar l-enerġija. It-tibdil fil-klima, iċ-ċaqliq ġeopolitiku, l-iżviluppi teknoloġiċi u ż-żieda fid-domanda globali għall-enerġija joħolqu ambjent ta’ sfida u li jinbidel malajr li jirrikjedi li s-sistemi tal-enerġija u r-relazzjonijiet tagħna jiġu adattati.

Barra minn hekk, l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna għandha konsegwenzi estensivi għas-sigurtà tal-enerġija mhux biss tal-UE, iżda tad-dinja kollha. L-azzjonijiet tar-Russja wasslu għal volatilità bla preċedent tal-prezzijiet fis-swieq tal-enerġija u enfasizzaw il-ħtieġa għal sħubijiet ibbażati fuq il-fiduċja u fuq għanijiet kondiviżi fit-tul.

It-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika hija l-uniku mod kif tiġi żgurata simultanjament enerġija sostenibbli, sigura u affordabbli madwar id-dinja. Sabiex tirnexxi, dik it-tranżizzjoni trid tkun ġusta u ma tiddiskriminax soċjalment, u ma teskludi lil ħadd. Dan ifisser mhux biss it-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili u tal-prattiki skaduti, iżda l-introduzzjoni gradwali tal-enerġija ekoloġika, tat-teknoloġija innovattiva, ta’ swieq aħjar u ta’ ekonomija ċirkolari. Dan jeħtieġ li jiġu indirizzati diġà minn issa r-riskji u d-dipendenzi futuri potenzjali.

It-tranżizzjoni hija opportunità għall-UE u għas-sħab tagħha sabiex jibnu flimkien sistema ġdida tal-enerġija li tkun aktar sostenibbli, aktar ugwali u aktar kollaborattiva. Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-istrateġija tal-UE sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(1)

 Fl-2021, aktar minn 40 % tal-konsum totali tal-gass tal-UE ġie mir-Russja: dan huwa ekwivalenti għal madwar 155 biljun metru kubu (bcm) li minnhom 15-il bcm huwa fil-forma ta’ gass naturali likwifikat (LNG).

(2)

  Joint Statement between the European Commission and the United States on European Energy Security

(3)

  Joint Statement by President von der Leyen and Prime Minister Trudeau

(4)

 46 bcm/a hija l-istima bażi tal-AIE bbażata fuq suppożizzjonijiet tal-aħjar prattika.

(5)

  Ir-Regolament dwar in-Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija

(6)

 L-abbrevjazzjoni Russa VVER tirrappreżenta “reattur enerġetiku ilma-ilma”.

(7)

 Se tiġi inkluża azzjoni ġdida fl-emenda tal-programm ta’ ħidma tal-EURATOM 2021-2022 sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-UE permezz tar-riċerka ta’ fjuwil alternattiv miksub minn barra r-Russja għal reatturi ddiżinjati mir-Russja fl-UE u fl-Ukrajna.

(8)

L- AIE tistma li “huwa teknikament possibbli li jiġu evitati madwar tliet kwarti tal-emissjonijiet tal-metan tal-lum mill-operazzjonijiet globali taż-żejt u tal-gass. B’mod aktar sinifikanti, madwar 40 % tal-emissjonijiet attwali tal-metan jistgħu jiġu evitati mingħajr kost nett”.

(9)

   Strateġija tal-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan, COM/2020/663

(10)

  Global Methane Pledge

(11)

  United Nations Conference on Trade and Development (2022) Trade and Development Report 2021, aġġornament ta’ Marzu

(12)

   Nazzjonijiet Uniti - Global impact of war in Ukraine on food, energy and finance systems , April 2022

(13)

  Nazzjonijiet Uniti - Global Crisis Response Group

(14)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: l-Għajnuna lill-Ukrajna u r-Rikostruzzjoni tagħha, COM/2022/233.

(15)

  World Energy Transitions Outlook: 1.5 °C Pathway

(16)

  IRENA, Global energy transformation: a roadmap to 2050, 2019

(17)

Strateġija Solari Ewropea, COM/2022/221

(18)

 Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni , COM/2021/252 final

(19)

  Critical Raw Materials in Technologies and Sectors foresight, 2020

(20)

 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: REPowerEU Plan, COM/2022/230.

(21)

Ħarsa globali lejn il-miżuri tal-UE biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma fl-UE

(22)

 Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Sħubija Strateġika mal-Golf, (JOIN/ 13/02/2022)

(23)

  Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli , (JOIN/2021/3 final)

Top