Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0120

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna (2022/2618(RSP))

    ĠU C 434, 15.11.2022, p. 50–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 434, 15.11.2022, p. 34–42 (GA)

    15.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 434/50


    P9_TA(2022)0120

    Protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna (2022/2618(RSP))

    (2022/C 434/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-Protokolli addizzjonali tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta' Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (1),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021)0142),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tat-13 ta' Diċembru 2006,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 dwar il-Garanzija Ewropea għat-Tfal (2),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta' Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (3),

    wara li kkunsidra l-Istudju Globali tan-NU dwar it-Tfal Imċaħħda mil-Libertà ta' Lulju 2019,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tat-30 ta' Awwissu 1961,

    wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU dwar ir-Rifuġjati tal-2018,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (4),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 38 tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tas-6 ta' Novembru 2020 dwar it-traffikar ta' nisa u bniet fil-kuntest tal-migrazzjoni globali,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (5),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2022 bit-titolu “Nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna: Inħejju l-Ewropa biex tkun tista' tissodisfa l-ħtiġijiet” (COM(2022)0131),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa u l-immirar tal-popolazzjoni tal-Ukraina kkawżaw għadd kbir ta' nies u familji biex jaħarbu mill-Ukrajna, u kellhom impatt enormi, speċjalment fuq it-tfal u ż-żgħażagħ fir-reġjun usa';

    B.

    billi, skont l-aħħar rapport tal-UNICEF (6), fid-data tal-25 ta' Marzu 2022, aktar minn 3,7 miljun rifuġjat ħarbu mill-Ukrajna sa mill-bidu tal-gwerra; billi din iċ-ċifra hija mistennija li tkompli tiżdied fil-ġimgħat li ġejjin; billi n-NU tistma wkoll li issa hemm kważi 6,5 miljun persuna li ġew spostati internament mill-bidu tal-gwerra, u 12,65 miljun persuna oħra affettwati direttament mill-kunflitt;

    C.

    billi, skont l-aħħar rapport tal-UNICEF (7), in-nisa u t-tfal jirrappreżentaw 90 % tar-rifuġjati kollha li qed jaħarbu mill-Ukrajna; billi kważi nofs ir-rifuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna huma tal-età tal-iskola (8); billi l-UNICEF tistma wkoll li aktar minn 2,5 miljun tifel u tifla ġew spostati internament mill-bidu tal-kunflitt;

    D.

    billi mill-25 ta' Marzu 2022, il-pajjiżi ġirien kienu qed ilaħħqu ma' influss enormi ta' rifuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna, b'aktar minn 2,2 miljun imorru l-Polonja, aktar minn 579 000 ir-Rumanija, aktar minn 379 000 il-Moldova, kważi 343 000 l-Ungerija, u aktar minn 545 000 lejn pajjiżi oħra (9);

    E.

    billi b'tali ċifri għoljin, it-tfal, speċjalment meta ma jkunux akkumpanjati, jinsabu f'riskju akbar ta' vjolenza, abbuż u sfruttament u hemm riskju akbar li t-tfal jgħibu u jisfaw vittmi tat-traffikar, speċjalment huma u jaqsmu l-fruntieri;

    F.

    billi aktar minn 100 000 tifel u tifla, nofshom b'diżabilità, jgħixu f'kura istituzzjonali u f'boarding schools fl-Ukrajna (10) u aktar minn 90 % ta' dawk it-tfal għandhom il-ġenituri; billi skont ċifri uffiċjali, bejn l-24 ta' Frar u l-bidu ta' Marzu twieldu 4 311-il tarbija fl-Ukrajna, u billi huwa stmat li kien hemm 265 000 mara tqila fil-bidu tal-kriżi, li madwar 80 000 minnhom huma mistennija jwelldu matul il-tliet xhur li ġejjin;

    G.

    billi skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), fl-2021 kien hemm mill-inqas 35 875 persuna apolida u persuni ta' nazzjonalità mhux determinata fl-Ukrajna; billi madwar 10-20 % tal-400 000 persuna Rom li jgħixu fl-Ukrajna huma apolidi jew f'riskju ta' apolidija; billi 55 % tat-tfal imwielda f'Donetsk u Luhansk u 88 % tat-tfal imwielda fil-Krimea ġew irrappurtati li ma għandhomx ċertifikati tat-twelid jew dokumenti personali Ukreni, li jpoġġuhom f'riskju ta' apolidija (11); billi t-tfal f'migrazzjoni sfurzata jinsabu f'riskju akbar ta' apolidija minħabba kwistjonijiet marbuta ma' ostakli għar-reġistrazzjoni tat-twelid fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew matul l-ispostament u nuqqas ta' rikonoxximent tal-apolidija tal-ġenituri tagħhom; billi dan ir-riskju huwa aggravat għat-tfal mhux akkumpanjati fid-dawl tal-ostakli għad-dokumentazzjoni u r-reġistrazzjoni, inkluż in-nuqqas ta' prova ta' rabtiet familjari;

    H.

    billi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal hija strument tal-UE maħsub biex jipprevjeni u jiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali billi jiggarantixxi li t-tfal fil-bżonn ikollhom aċċess bla ħlas u effettiv għal servizzi ewlenin bħall-edukazzjoni u l-indukrar bikrin tat-tfal, attivitajiet edukattivi u bbażati fl-iskejjel, il-kura tas-saħħa u mill-inqas ikla waħda sana għal kull ġurnata tal-iskola, u li t-tfal kollha fil-bżonn ikollhom aċċess effettiv għal nutrizzjoni sana u akkomodazzjoni adegwata; billi l-objettivi tal-Garanzija għat-Tfal għandhom japplikaw għat-tfal kollha fl-Unjoni;

    I.

    billi t-tfal tal-migranti u tar-rifuġjati spiss isibu ruħhom f'sitwazzjoni mhux definita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u minħabba f'hekk it-tfal jitħallew lura, u dan jista' jaggrava s-sottożvilupp soċjali tagħhom u jwassal għall-prekarjetà, kif ukoll għal riskju akbar li jiġu emarġinati, ittrattati ħażin u abbużati;

    J.

    billi t-tfal li jikbru fi skarsezza ta' riżorsi u f'sitwazzjonijiet prekarji tal-familja huma aktar suxxettibbli li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'impatti estensivi fuq l-iżvilupp tagħhom u aktar tard fuq il-ħajja tagħhom ta' adulti, li jipperpetwa ċirku vizzjuż ta' faqar interġenerazzjonali; billi l-aħjar li jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali huwa permezz ta' politiki komprensivi b'applikazzjoni ristretta iżda b'kamp ta' applikazzjoni wiesa' li jkunu mmirati mhux biss lejn it-tfal iżda wkoll lejn il-familji u l-komunitajiet tagħhom, u billi tingħata prijorità lill-investimenti fil-ħolqien ta' opportunitajiet u soluzzjonijiet ġodda; billi s-setturi kollha tas-soċjetà jeħtiġilhom ikunu involuti fis-soluzzjoni ta' dawn il-problemi, mill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej sas-soċjetà ċivili;

    K.

    billi l-faqar fost it-tfal ġie identifikat minn organizzazzjonijiet internazzjonali kemm bħala kawża potenzjali kif ukoll bħala konsegwenza potenzjali tal-ksur tad-drittijiet tat-tfal, minħabba l-impatt li għandu fuq il-kapaċità tat-tfal li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u minħabba n-nuqqas ta' difiża ta' dawk id-drittijiet;

    L.

    billi s'issa 378 istituzzjoni tal-edukazzjoni sekondarja u għolja nqerdu fl-Ukrajna minħabba l-bumbardamenti Russi (12);

    M.

    billi l-iżgurar tal-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fi strutturi ta' kura u tagħlim għandu jibqa' prijorità għall-UE u l-Istati Membri tagħha;

    N.

    billi hemm ksur serju kontra t-tfal fil-kuntest tal-kunflitt, inklużi dawk miżmuma f'kustodja; billi l-impatt qasir, medju u twil tal-kunflitt armat fuq it-tfal għandu jiġi indirizzat b'mod effettiv u komprensiv bl-użu ta' varjetà ta' għodod disponibbli għall-UE, inklużi linji gwida tal-UE ġodda u msaħħa dwar it-tfal u l-kunflitt armat;

    O.

    billi l-bniet huma partikolarment f'riskju matul il-kriżi umanitarja u ta' spostament, peress li, b'mod sproporzjonat, ikomplu jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-normi tal-ġeneru u l-vjolenza sessista;

    P.

    billi fil-Moldova t-tfal jirrappreżentaw nofs l-għadd ta' rifuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna;

    1.

    Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2022 bit-titolu “Nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna: Inħejju l-Ewropa biex tkun tista' tissodisfa l-ħtiġijiet”, il-linji gwida operazzjonali għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (13) u l-pjan b'10 punti għal koordinazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha biex jintlaqgħu r-rifuġjati mill-Ukrajna;

    2.

    Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u għaldaqstant għandhom l-obbligu li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet stabbiliti fiha; jisħaq li, skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw it-tfal;

    3.

    Jistieden lill-Istati Membri jittrattaw kull tifel u tifla li qed ifittxu rifuġju, l-ewwel u qabel kollox, bħala tfal, irrispettivament mill-isfond soċjali jew etniku tagħhom, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-kapaċità, in-nazzjonalità jew l-istatus tal-migrazzjoni;

    4.

    Jitlob li jinħolqu passaġġi sikuri u kurituri umanitarji għat-tfal li jkunu qed jaħarbu mill-kunflitt, kemm dawk li ma jkunux akkumpanjati kif ukoll dawk mal-familji, u li tingħata l-għajnuna urġenti meħtieġa mit-tfal li huma spostati internament, maqbuda jew li ma jistgħux jitilqu minn żoni mdawra;

    5.

    Ifakkar li l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Garanzija għat-Tfal, l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, l-Istrateġija tal-UE għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità 2021-2030, kif ukoll l-istrumenti ġuridiċi eżistenti kollha tal-UE, inkluża d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (14) huma importanti biex jappoġġjaw lill-Istati Membri u jgħinuhom jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal li qed jaħarbu mill-gwerra;

    6.

    Jisħaq li huwa importanti li l-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni bejniethom f'konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u li jirrikonoxxu b'mod reċiproku r-reġistrazzjoni magħmula minn wieħed minnhom;

    7.

    Jenfasizza li t-tfal kollha għandhom id-dritt li jkunu protetti mill-vjolenza, mill-isfruttament u mill-abbuż u li l-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jiżguraw miżuri preventivi, b'mod partikolari għat-tfal f'riskju ta' traffikar u ta' ħtif, kif ukoll appoġġ għat-tfal li jkunu ġew esposti għall-vjolenza u t-trawmi; ifakkar li t-tfal f'ambjenti tal-familja huma ġeneralment aktar sikuri u jingħataw kura aħjar u jitlob, għalhekk, appoġġ akbar għall-familji u għall-isforzi ta' riunifikazzjoni tal-familja; ifakkar li fi kwalunkwe każ għandu dejjem ikun hemm valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal; jitlob, barra minn hekk, li jingħata appoġġ lis-superstiti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi ġirien jistabbilixxu spazji adegwati u sikuri adatti għat-tfal b'uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal immedjatament wara l-fruntiera, bħaċ-ċentri Blue Dot li qed jiġu stabbiliti mill-UNICEF u l-UNHCR;

    9.

    Jirrakkomanda bil-qawwa li l-uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal u servizzi kritiċi oħra jkunu preżenti u disponibbli fil-fruntiera sabiex jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet ta' dawn it-tfal, b'mod partikolari billi jidentifikaw u jirreġistraw b'mod preċiż in-nazzjonalità, l-apolidija jew ir-riskju ta' apolidija tat-tfal mal-wasla tagħhom, u jirreferuhom għas-servizzi adegwati, inklużi l-appoġġ psikosoċjali, l-appoġġ għas-saħħa tal-ommijiet, il-protezzjoni kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, it-traċċar tal-familja u l-appoġġ għar-riunifikazzjoni tal-familja, u sabiex jiżguraw trasferiment xieraq għas-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni tat-tfal, ħalli t-tfal jingħataw aċċess sħiħ għas-servizzi bażiċi kollha u kura xierqa f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-protezzjoni tat-tfal;

    10.

    Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet Ukreni biex iħaffu l-evakwazzjoni tat-tfal li jinsabu fl-istituzzjonijiet u t-tfal li jeħtieġu kura medika u jiżguraw li dawn jiġu ttrasferiti f'ambjenti ta' kura bbażati fil-komunità jew fil-familja xierqa fl-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jirċievu l-kura xierqa;

    11.

    Jisħaq li l-evakwazzjonijiet għandhom dejjem isiru b'rispett ta' miżuri speċjali li jqisu l-aħjar interessi tat-tfal, u li għandu jingħata l-kunsens tal-ġenituri tagħhom jew tal-persuni responsabbli għall-kura tagħhom;

    12.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi stabbilita strateġija tal-UE biex issaħħaħ l-azzjoni umanitarja fuq il-post bil-għan li ssalva l-familji u t-tfal, b'mod partikolari t-tfal vulnerabbli, inklużi dawk li jkunu ġejjin minn kuntesti soċjoekonomiċi żvantaġġati, dawk li qegħdin f'kura istituzzjonali u foster care, dawk li jinsabu l-isptar, kif ukoll it-tfal b'diżabilità, l-orfni u t-tfal mhux akkumpanjati, speċjalment f'żoni ta' ġlied;

    13.

    Jesprimi tħassib dwar rapporti ta' żgħażagħ li għadhom qed jinżammu fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-immigrazzjoni fl-Ukrajna, li jinsabu f'riskju akbar fost l-ostilitajiet; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-awtoritajiet Ukreni biex migranti żgħażagħ u persuni żgħażagħ li jfittxu l-ażil miżmuma fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-immigrazzjoni fl-Ukrajna jkunu jistgħu jinħelsu, u tiffaċilita l-evakwazzjoni sikura tagħhom;

    14.

    Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Solidarjetà għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta' akkoljenza tal-Istati Membri u n-numru ta' persuni li qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fit-territorji tagħhom;

    15.

    Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Ukreni u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi rilevanti biex jiġu rreġistrati u identifikati t-tfal li jidħlu fl-UE mill-kura istituzzjonali fl-Ukrajna sabiex jiġu evitati t-traffikar tat-tfal, l-adozzjoni illegali u abbużi possibbli oħra, b'rispett sħiħ għall-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jisħaq fuq l-importanza tal-monitoraġġ tal-benesseri u tal-post fejn ikunu jinsabu dawn it-tfal wara l-wasla tagħhom fl-UE;

    16.

    Jitlob li t-tfal mhux akkumpanjati u separati u t-tfal minn ambjenti ta' kura istituzzjonali fl-Ukrajna jiġu inklużi minnufih fis-sistemi ta' monitoraġġ għas-servizzi soċjali u tal-protezzjoni tat-tfal fl-Istati Membri ta' akkoljenza sabiex tiġi ffaċilitata r-riunifikazzjoni tal-familja meta dan ikun fl-aħjar interessi tagħhom fil-futur u biex jiġi ssorveljat l-għoti tal-kura tagħhom sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u l-protezzjoni tagħhom;

    17.

    Jisħaq fuq l-importanza li tinġabar data diżaggregata, bi qbil mal-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, sabiex jiġu identifikati l-gruppi vulnerabbli li ġejjin mill-Ukrajna, inklużi, iżda mhux biss: it-tfal f'kura istituzzjonali, it-tfal b'diżabilità, it-tfal minn komunitajiet Rom, it-tfal mingħajr dokumenti u tfal oħra mhux Ukreni, it-tfal apolidi u t-tfal f'riskju ta' apolidija, bil-ħsieb li jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta' gruppi partikolari u jingħata appoġġ għat-traċċar u r-riunifikazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati, nisa u vittmi tat-traffikar;

    18.

    Jinnota l-pjattaforma tal-UE għar-reġistrazzjoni, li għandha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni biex jiżguraw li l-persuni li jkunu qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja jew adegwata skont il-liġi nazzjonali jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod effettiv mid-drittijiet tagħhom fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jillimitaw l-abbużi possibbli;

    19.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri ġirien jipprovdu lit-tfal b'informazzjoni adatta għat-tfal, f'lingwa li jistgħu jifhmu, dwar is-sitwazzjoni u d-drittijiet tagħhom u r-riskju li jistgħu jiffaċċjaw ta' traffikar u forom oħra ta' sfruttament; jenfasizza li l-informazzjoni pprovduta lill-adulti għandha tinkludi taqsimiet speċjali dwar it-traffikar tat-tfal sabiex dawk li jieħdu ħsiebhom ikunu avżati u jiġi ffaċilitat appoġġ imfassal apposta;

    Kundizzjonijiet ta' akkoljenza u tfal vulnerabbli

    20.

    Jenfasizza li t-tfal għandhom id-dritt u ħtieġa innata li jkunu qrib il-ġenituri tagħhom jew persuna li tieħu ħsiebhom b'mod kostanti; jisħaq fuq l-importanza li l-aħwa ma jiġux separati u għalhekk fuq l-importanza li t-tfal mhux akkumpanjati jiġu ospitati f'kollokamenti bbażati fil-familja u fil-komunità biex it-tfal kollha jkunu jistgħu jikbru mhux fl-istituzzjonijiet iżda fil-familji u fil-komunitajiet, b'mod li jimpedixxi s-separazzjoni bla bżonn tal-familji; jisħaq li meta t-tfal ma jkunux akkumpanjati, għandha tingħata prijorità lill-foster care jew lil kura oħra bbażata fil-komunità, u li meta dan ma jkunx possibbli, it-tfal għandhom jitqiegħdu f'faċilitajiet separati mill-adulti;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jinħatar malajr tutur għat-tfal kollha mhux akkumpanjati mal-wasla tagħhom fl-ewwel pajjiż tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom, u li l-informazzjoni kollha pprovduta mit-tutur tingħata b'mod adatt għat-tfal; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri ġirien għandhom jagħmlu użu sħiħ min-Network Ewropew tal-Kustodja eżistenti u, meta t-tuturi ma jkunux disponibbli fil-pajjiżi ospitanti, jirrakkomanda bil-qawwa l-ħatra ta' tuturi temporanji fil-kuntest tal-fruntiera sabiex jiġi żgurat trasferiment xieraq tar-responsabbiltajiet lis-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni tat-tfal;

    22.

    Jitlob li jkun hemm finanzjament disponibbli biex jingħataw servizzi essenzjali u vitali tas-saħħa sesswali u riproduttiva u servizzi immedjati għal superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, f'konformità mal-pakkett ta' servizzi inizjali minimi (Minimum Initial Service Package, MISP), bil-għan li jiġu evitati u ġestiti l-konsegwenzi tal-vjolenza sesswali, titnaqqas it-trażmissjoni tal-HIV, jiġu evitati morbożità u mortalità eċċessivi tal-ommijiet u tat-trabi tat-twelid, u ppjanar għal servizzi komprensivi fil-qasam tas-saħħa riproduttiva; jitlob għall-faċilitazzjoni immedjata tal-aċċess transfruntier għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u/jew għal tranżitu lejn Stati Membri oħra tal-UE fejn meħtieġ, sabiex jingħelbu r-restrizzjonijiet severi fl-Istati Membri ta' tranżitu u f'dawk li qed jospitaw lir-rifuġjati u jiġi żgurat li t-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-Ukrajna jkollhom aċċess għal servizzi komprensivi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u għal prodotti sanitarji;

    23.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-komunitajiet u l-muniċipalitajiet lokali kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jinsabu fuq quddiem nett għall-akkoljenza, l-akkomodazzjoni u l-għoti ta' aċċess għall-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tħaffef l-aċċess tagħhom għall-fondi eżistenti tal-UE;

    24.

    Ifaħħar u jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili fl-akkoljenza, l-akkomodazzjoni, l-għoti ta' assistenza umanitarja u assistenza legali u l-inklużjoni soċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-gwerra; ifakkar li l-awtoritajiet ma jistgħux jiddependu fuq iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili waħedhom biex jorganizzaw l-akkoljenza u l-protezzjoni tat-tfal li qed jaħarbu mill-Ukrajna; jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-akkoljenza tat-tfal mhux akkumpanjati;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni tgħin fit-tisħiħ tas-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal fil-pajjiżi ospitanti sabiex ittejjeb l-appoġġ psikoloġiku u l-aċċess għas-servizzi bażiċi, bħall-edukazzjoni u s-saħħa, għat-tfal li qed jaħarbu mill-Ukrajna, fuq livell ugwali bħat-tfal tal-pajjiżi ospitanti, u tistabbilixxi mekkaniżmi ta' rilokazzjoni li jipprijoritizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja u r-rilokazzjoni tat-tfal vulnerabbli u oħrajn biex titnaqqas il-pressjoni minn fuq il-pajjiżi ġirien;

    26.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi ospitanti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kura għat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-Ukrajna, b'mod partikolari billi tiġi pprovduta mediċina essenzjali, bħal pereżempju għall-pazjenti bl-HIV, bil-kanċer u b'mard rari; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi mal-UNICEF u mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jipprovdu tilqim kontra mard bażiku lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-Ukrajna, inklużi l-poljo, il-ħosba u l-COVID-19;

    27.

    Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u għaldaqstant għandhom l-obbligu li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet stabbiliti fiha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw b'mod adegwat il-ħtiġijiet tat-tfal b'diżabilità, inklużi faċilitajiet adegwati u kura kostanti minn persuni li jieħdu ħsiebhom li jkunu għaddew minn proċess ta' għażla;

    28.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li jitqiesu l-ħtiġijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ LGBTIQ+, b'mod partikolari billi jiġu pprovduti arranġamenti sikuri u xierqa ta' akkoljenza jew kura u jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fil-punti ta' qsim tal-fruntieri; jenfasizza d-diffikultà speċifika li jiffaċċjaw in-nisa trans u l-familji qawsalla meta jaqsmu l-fruntieri; jisħaq li t-tfal ta' koppji tal-istess sess jissograw li jiġu separati minn ġenitur wieħed jew mit-tnejn li huma; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-familji u s-sħubijiet de facto fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja;

    29.

    Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' solidarjetà għat-trasferimenti mediċi intra-UE ta' rifuġjati u persuni spostati mill-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna, inklużi tfal u żgħażagħ li jeħtieġu trattamenti u terapiji vitali immedjati;

    30.

    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-hotline Ewropew uniku eżistenti għat-tfal neqsin (116 000) u l-linja għall-għajnuna Ewropea li tipprovdi assistenza psikoloġika bla ħlas lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-Ukrajna (116 111); jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-hotline 116 000 u fuq it-tisħiħ tal-azzjoni transkonfinali mmirata lejn l-identifikazzjoni u s-sejbien ta' tfal neqsin;

    Riunifikazzjoni tal-familja

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri jimmaniġġjaw il-każijiet tat-tfal kollha li ħarbu mill-Ukrajna u li jinsabu temporanjament fil-kura tagħhom, bil-għan aħħari li jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja, inkluż billi jiżguraw li l-awtoritajiet jivverifikaw il-bażijiet tad-data eżistenti b'mod regolari u f'konformità sħiħa mal-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi dawk li jiġbru informazzjoni dwar it-tfal neqsin; jisħaq li meta r-riunifikazzjoni fiżika ma tkunx immedjatament possibbli, il-kuntatt għandu jinżamm jew jiġi stabbilit mill-ġdid mill-aktar fis possibbli, inkluż mal-aħwa jew mal-familja estiża; huwa tal-fehma li dawn il-miżuri għandhom jinkludu mekkaniżmi robusti ta' protezzjoni u rappurtar, inkluża gwida dwar servizzi u riferimenti u talbiet b'rabta mas-sistemi nazzjonali ta' ġestjoni tal-każijiet ta' protezzjoni tat-tfal;

    32.

    Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu l-adozzjonijiet tat-tfal sabiex jevitaw is-separazzjoni ulterjuri jew permanenti tat-tfal mill-ġenituri u l-familji tagħhom kontra l-aħjar interessi tagħhom;

    Rilokazzjoni

    33.

    Jappella għall-promozzjoni ta' mekkaniżmi ta' rilokazzjoni inkluż trasport sikur, rapidu u koordinat fl-Istati Membri kollha għat-tfal u għall-familji tagħhom li diġà jinsabu fl-Istati Membri ġirien, speċjalment għal tfal mhux akkumpanjati u tfal b'diżabilità, li jeħtieġu kura speċifika, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Ukreni u s-servizzi konsulari Ukreni fl-UE, meta dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' saħħa;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri ġirien iwettqu valutazzjonijiet individwali tal-aħjar interessi għat-tfal u, meta jkunu akkumpanjati minn adult, kemm jekk ikun membru tal-familja, kif ukoll qarib jew sponsor privat, tiżgura li jkun hemm fis-seħħ sistema ta' skrutinju xierqa tal-familji ospitanti biex tipprovdi protezzjoni għat-tfal u tiżgura li dawn jiġu trasferiti b'mod sikur għand il-familji ospitanti tagħhom;

    Integrazzjoni

    35.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw approċċ koordinat fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE u jiżguraw li l-finanzjament tal-UE jipprovdi rispons rapidu u dirett lill-fornituri ta' servizzi ta' appoġġ fil-pajjiżi l-aktar milquta, inklużi s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, iħaffu l-implimentazzjoni ta' tali miżuri u jiddedikaw ir-riżorsi nazzjonali kollha possibbli, ikkomplementati mill-fondi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus, l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, InvestEU, Erasmus +, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u EU4Health, sabiex jiġi żgurat li r-rifuġjati jgawdu integrazzjoni soċjoekonomika, aċċess ugwali għal impjiegi ta' kwalità, edukazzjoni, taħriġ u kura, u jkunu protetti kontra l-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali; ifakkar li l-Istati Membri jeħtiġilhom jinkludu miżuri apposta biex jinvestu fit-tfal u ż-żgħażagħ fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex ikollhom aċċess għall-fond, skont il-pilastru Next Generation tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Rifuġjati fl-Ewropa (CARE); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipprovdu riżorsi addizzjonali jekk ikun meħtieġ;

    36.

    Jirrikonoxxi l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri fl-integrazzjoni tal-istudenti fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw malajr lill-istudenti ta' kull età fl-istrutturi ġenerali tat-tagħlim formali, informali u mhux formali, u jipprovdu appoġġ edukattiv speċjalizzat lil dawk bi ħtiġijiet addizzjonali, inklużi tfal minn komunitajiet emarġinati bħar-Rom, biex jiġi limitat it-tluq bikri mill-iskola u tiġi evitata s-segregazzjoni fl-edukazzjoni, li twassal għall-esklużjoni soċjali u għad-diskriminazzjoni; jirrikonoxxi li l-ostakli lingwistiċi jistgħu jfixklu r-reġistrazzjoni u l-prestazzjoni fl-iskola tat-tfal li qed jaħarbu mill-Ukrajna; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex jiżguraw interpretazzjoni bla ħlas, korsijiet tal-lingwa speċjali u programmi speċjali oħra għar-reklutaġġ ta' għalliema Ukreni kif ukoll ta' għalliema li jitkellmu bl-Ukren u/jew b'lingwi minoritarji rilevanti;

    37.

    Jirrikonoxxi li l-għodod diġitali jistgħu jikkostitwixxu miżuri utli ħafna, flessibbli u adattati biex jipprovdu kontinwità edukattiva f'waqtha u appoġġ addizzjonali lit-tfal u liż-żgħażagħ f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u għandhom ikunu kompletament konformi mal-istandards dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tuża bl-aħjar mod l-għodod u t-tagħmir edukattivi diġitali eżistenti, speċjalment dawk żviluppati fl-Ukrajna, biex tiżgura li t-tfal kollha jkunu jistgħu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom; itenni, madankollu, li dawn għandhom ikunu komplementari għall-istrutturi fiżiċi u jissottolinja l-fatt li l-edukazzjoni wiċċ imb wiċċ hija kruċjali, b'mod partikolari fil-kuntest attwali, fejn dawn it-tfal u ż-żgħażagħ jeħtieġu appoġġ psikosoċjali addizzjonali; jappella biex il-pajjiżi ospitanti jingħataw appoġġ koordinat biex isaħħu l-aċċess għal kura psikoloġika adegwata minn esperti kapaċi jittrattaw it-trawma relatata mal-gwerra; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jappoġġjaw lill-għalliema, lil min iħarreġ u l-membri l-oħra tal-persunal edukattiv li jaħdmu mat-tfal trawmatizzati;

    38.

    Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li twessa' l-pjattaforma School Education Gateway biex tgħin tlaqqa' flimkien lill-Istati Membri biex jibdew jaqsmu l-esperjenzi u jidentifikaw dak li hu meħtieġ biex titkompla l-edukazzjoni tat-tfal spostati, bħala punt uniku ta' servizz għall-koordinament tal-materjal edukattiv bejn l-Ukrajna u l-Istati Membri fil-lingwa tal-istudent; jisħaq fuq il-ħtieġa li jintużaw il-kapaċitajiet ta' għalliema Ukreni minn fost dawk li waslu ġodda fl-Ewropa;

    39.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti d-diplomi, il-kwalifiki u l-perjodi ta' apprendiment, inkluż għall-edukaturi u għall-ħaddiema tas-saħħa, peress li dawn huma strumentali għall-integrazzjoni bla xkiel fl-ambjent il-ġdid tagħhom tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-Ukrajna; iħeġġeġ lill-Istati Membri, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, juru flessibbiltà f'każijiet fejn id-dokumenti amministrattivi jkunu neqsin u jiżviluppaw modi innovattivi u prammatiċi, għall-avvanz ta' tali każijiet, li jikkombinaw kemm l-għażliet diġitali kif ukoll dawk stampati;

    40.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-miżuri li ttieħdu b'rispons għall-ħtiġijiet edukattivi u soċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu mill-Ukrajna, filwaqt li tuża bl-aħjar mod il-ġbir ta' data aggregata u tiżgura konformità sħiħa mal-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

    41.

    Jilqa' l-ewwel tentattivi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-adattament tal-programmi ta' finanzjament eżistenti tal-UE bil-ħsieb li jappoġġjaw liż-żgħażagħ, b'mod partikolari Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u jħeġġeġ biex dawn l-isforzi jinżammu jew jissaħħu skont l-iżviluppi u sakemm ikun meħtieġ; jenfasizza li, fl-ambitu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, iż-żgħażagħ kollha, mill-età ta' 15-il sena, għandhom jirċievu offerta ta' impjieg, edukazzjoni, traineeship jew apprendistat fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jieqfu mill-edukazzjoni formali; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa biex jiżguraw offerti ta' kwalità għolja, inkluż l-għoti ta' remunerazzjoni ġusta u aċċess għall-protezzjoni soċjali, filwaqt li jipprojbixxu l-abbuż ta' kuntratti atipiċi, u jiżguraw ambjenti tax-xogħol li huma adattati għall-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità;

    42.

    Jenfasizza r-rwol tal-isport fil-proċess ta' integrazzjoni għar-rifuġjati, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ, u jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għal attivitajiet u interventi sportivi għat-tfal u għaż-żgħażagħ, li jgħinuhom itejbu l-benesseri mentali tagħhom, jegħlbu t-trawma, jadattaw għall-ambjent il-ġdid tagħhom u joħolqu rabtiet mal-komunitajiet ospitanti;

    43.

    Jilqa' l-isforzi minn xi pajjiżi biex jagħmlu disponibbli fondi apposta għal boroż ta' studju għall-istudenti Ukreni u jappella għal sforzi Ewropej komuni f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza għall-istudenti kollha li qed jaħarbu mill-Ukrajna, inklużi l-istudenti internazzjonali, li jkunu jistgħu jagħmlu użu minn tali fondi u jlestu l-lawrji tagħhom, peress li huma wkoll jinsabu f'sitwazzjoni ta' emerġenza; jinsisti fuq l-importanza li jiġu appoġġjati t-tfal u ż-żgħażagħ kollha;

    44.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jsegwu u jadottaw approċċ konsistenti biex jiffaċċjaw l-isfidi attwali u futuri maħluqa mill-gwerra kontra l-Ukrajna, u ma jinsewx it-tagħlimiet miksuba mir-rispons għal din il-gwerra, anzi jaġixxu fuqhom, inkluż billi japplikaw u jimplimentaw id-Direttiva dwar Protezzjoni Temporanja biex jiġi żgurat l-aċċess għall-protezzjoni tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu l-ażil ta' kwalunkwe oriġini;

    45.

    Jistieden lill-Istati Membri u, b'mod partikolari, lill-koordinaturi nazzjonali tal-UE fl-ambitu tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal jiżguraw aċċess għal servizzi bla ħlas, effettivi u ta' kwalità tajba għat-tfal li qed jaħarbu mill-Ukrajna, li jkunu tal-istess livell tas-servizzi li jingħataw lit-tfal l-oħra fil-pajjiżi ospitanti, f'konformità mar-rakkomandazzjoni biex jiġu żgurati miżuri nazzjonali integrati u jitqiesu l-iżvantaġġi speċifiċi; jenfasizza li l-kriżi tal-COVID-19 u l-wasla tar-rifuġjati wara l-gwerra fl-Ukrajna jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni tat-tfal f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali jew tat-tfal li jeħtieġu aċċess għal kura ta' kwalità tajba; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, għalhekk, iżidu b'mod urġenti l-finanzjament tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal b'baġit apposta ta' mill-inqas EUR 20 biljun għall-ġlieda kontra l-faqar li qed jaffettwa lit-tfal u lill-familji tagħhom u biex jikkontribwixxu għall-għan li l-faqar jitnaqqas mill-inqas bi 15-il miljun ruħ sal-2030 – liema għan ikun jinkludi mill-inqas 5 miljun tifel u tifla fl-Istati Membri kollha sal-2030; jistieden lill-Istati Membri kollha, f'dan ir-rigward, jallokaw aktar mill-minimu ta' 5 % tar-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus taħt ġestjoni kondiviża biex jappoġġjaw attivitajiet fl-ambitu tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal;

    46.

    Jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jagħtu spinta lill-investiment f'impjiegi sostenibbli u ta' kwalità u fl-appoġġ soċjali għaż-żgħażagħ u għall-ġenituri, u jimplimentaw politiki ta' impjieg speċifiċi li jiżguraw standard tal-għajxien deċenti, pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, suq tax-xogħol inklużiv u impjegabbiltà ogħla, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; jenfasizza li l-indukrar tat-tfal bikri bla ħlas għandu jiġi stabbilit biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari tan-nisa, u biex jappoġġja l-iżvilupp soċjali tat-tfal; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ħidma mill-qrib mat-trade unions nazzjonali u Ewropej biex il-persuni kollha li qed jaħarbu mill-Ukrajna jiġu appoġġjati jeżerċitaw id-drittijiet soċjali u ta' impjieg tagħhom fl-Istati Membri;

    47.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw akkomodazzjoni adegwata u sikura għall-persuni kollha li qed jaħarbu mill-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-għoti ta' akkomodazzjoni permanenti lit-tfal u lill-familji tagħhom li jkunu f'riskju li jispiċċaw mingħajr dar, u jinkludu soluzzjonijiet ta' akkomodazzjoni, għal tfal li jkunu qed jesperjenzaw il-problema li jsibu ruħhom mingħajr dar u esklużjoni severa mill-akkomodazzjoni, fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom fl-ambitu tal-Garanzija għat-Tfal; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li kull tifel u tifla, u żagħżugħ u żagħżugħa, li qed jaħarbu mill-Ukrajna jkollhom aċċess għall-ilma ġieri, għas-sanitazzjoni u għal faċilitajiet ta' iġjene personali, kemm id-dar kif ukoll l-iskola;

    o

    o o

    48.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14.

    (2)  ĠU C 506, 15.12.2021, p. 94.

    (3)  ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1.

    (4)  ĠU C 41, 6.2.2020, p. 41.

    (5)  ĠU C 285, 29.8.2017, p. 78.

    (6)  UNICEF, Ukraine Situation: Refugee Response in Neighbouring Countries – Humanitarian Situation Report No 3, (Is-Sitwazzjoni fl-Ukrajna: ir-Rispons tal-Pajjiżi Ġirien għar-Rifuġjati – Rapport dwar is-Sitwazzjoni Umanitarja Nru 3),23 ta' Marzu 2022.

    (7)  UNICEF, Ukraine Situation: Refugee Response in Neighbouring Countries – Humanitarian Situation Report No 3, (Is-Sitwazzjoni fl-Ukrajna: ir-Rispons tal-Pajjiżi Ġirien għar-Rifuġjati – Rapport dwar is-Sitwazzjoni Umanitarja Nru 3),23 ta' Marzu 2022.

    (8)  Il-Kummissjoni Ewropea, “Ħrib mill-Ukrajna: appoġġ għall-edukazzjoni”, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/stronger-europe-world/eu-solidarity-ukraine/eu-assistance-ukraine/information-people-fleeing-war-ukraine/fleeing-ukraine-support-education_mt

    (9)  UNICEF, Ukraine Situation: Refugee Response in Neighbouring Countries – Humanitarian Situation Report No 3, (Is-Sitwazzjoni fl-Ukrajna: ir-Rispons tal-Pajjiżi Ġirien għar-Rifuġjati – Rapport dwar is-Sitwazzjoni Umanitarja Nru 3),23 ta' Marzu 2022.

    (10)  Ara UNICEF, “Unaccompanied and separated children fleeing escalating conflict in Ukraine must be protected” (It-tfal mhux akkumpanjati u mifrudin li qed jaħarbu minn kunflitt li qed jikber fl-Ukrajna jeħtiġilhom jiġu protetti), Dikjarazzjoni konġunta mid-Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF Catherine Russell u l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati Filippo Grandi, 7 ta' Marzu 2022, u Hope and Homes for Children, The Illusion of Protection: An Analytical Report Based on the Findings of a Comprehensive Study of the Child Protection System in Ukraine (L-Illużjoni ta' Protezzjoni: Rapport Analitiku Bbażat fuq is-Sejbiet ta' Studju Komprensiv tas-Sistema ta' Protezzjoni tat-Tfal fl-Ukrajna), 2017, aċċessat minn: http://www.openingdoors.eu/the-illusion-of-protection-national-audit-of-the-child-protection-system-in-ukraine

    (11)  Ara l-briefing tan-Network Ewropew dwar l-Apolidija, “Stateless people and people at risk of statelessness forcibly displaced from Ukraine” (Persuni apolidi u persuni f'riskju ta' apolidija spostati bil-forza mill-Ukrajna), 10 ta' Marzu 2022, u l-UNHCR, “Stateless Persons” (Persuni Apolidi), disponibbli fuq https://www.unhcr.org/ua/en/stateless-persons

    (12)  Skola tal-Ekonomija ta' Kiev, “Direct damage caused to Ukraine's infrastructure during the war has already reached almost $63 billion. Global economic losses are about $543-600 billion” ("Il-ħsara diretta kkawżata lill-infrastruttura tal-Ukrajna matul il-gwerra diġà laħqet kważi $63 biljun. It-telf ekonomiku globali jammonta għal madwar $543-600 biljun), aċċessat online minn https://kse.ua/about-the-school/news/zbitki-naneseni-infrastrukturi-ukrayini-v-hodi-viyni-skladayut-mayzhe-63-mlrd/

    (13)  ĠU C 126 I, 21.3.2022, p. 1.

    (14)  ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.


    Top