IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.7.2022
COM(2022) 360 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
“Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022DC0360
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS "Save gas for a safe winter"
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”
COM/2022/360 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.7.2022
COM(2022) 360 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
“Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
“Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”
Il-gwerra tal-aggressjoni Russa mhux provokata u mhux ġustifikata fl-Ukrajna qalbet is-swieq tal-enerġija ta’ taħt fuq, u kkawżat volatilità fil-prezzijiet u insigurtà fl-enerġija mad-dinja kollha, b’impatt partikolari fuq l-UE u l-viċinat immedjat tagħha.
Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ressqet il-Pjan REPowerEU biex ittemm id-dipendenza tagħna fuq il-gass Russu mill-aktar fis possibbli. Filwaqt li qed ssegwi dawn l-azzjonijiet u tibqa’ impenjata bis-sħiħ għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Ewropa jeħtieġ tħaffef it-tħejjijiet tagħha għall-impatt immedjat ta’ interruzzjonijiet potenzjali ulterjuri – inkluż il-qtugħ sħiħ – tal-provvisti tal-gass Russi. Il-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-31 ta’ Mejju u tat-23 ta’ Ġunju 2022 talab li din it-tħejjija tkun kwistjoni urġenti, u b’hekk tkun tista’ ssir koordinazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri u bejniethom.
L-Ewropa jeħtieġ tkun ippreparata għal interruzzjonijiet ulterjuri fil-provvista u għal qtugħ sħiħ. Bi spirtu ta’ solidarjetà u kooperazzjoni Ewropej, l-UE jeħtieġ tiżgura li l-gass jasal fejn ikun l-aktar meħtieġ, ħalli jitħarsu l-klijenti domestiċi tagħna daqskemm l-impjiegi u l-ekonomija kollha kemm hi.
Din hija r-raġuni għalfejn fl-aħħar xhur l-UE kienet qed tħejji għal interruzzjonijiet bħal dawn. B’mod partikolari, il-Kummissjoni, permezz tal-Pjattaforma tal-UE għall-Enerġija, u l-Istati Membri, ħadmu ma’ fornituri tal-gass alternattivi biex jiżguraw il-provvisti. Filwaqt li jibni fuq il-proposti tal-Patt Ekoloġiku, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jħaffu l-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli madwar l-UE, u t-twettiq tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri wettqu rieżami ta’ tħejjija dettaljat. Il-koleġiżlaturi tal-UE adottaw Regolament tal-UE dwar il-Ħżin biex jistabbilixxu rekwiżit legali għar-riforniment tal-ħażniet qabel ix-xitwa.
Il-Kummissjoni ħadmet b’mod diliġenti biex tiżgura provvisti alternattivi addizzjonali u qed tissokta b’din il-ħidma. Din il-Komunikazzjoni tikkumplimenta dan l-approċċ billi tiffoka fuq in-naħa tad-domanda. Tirrieżamina s-sitwazzjoni attwali u l-passi diġà meħuda, u tiddeskrivi l-għodod disponibbli għall-UE biex tirreaġixxi. Barra minn hekk, tipproponi azzjonijiet addizzjonali għal tnaqqis ikkoordinat fid-domanda, u żieda fl-isforzi konġunti tal-UE fejn tidħol il-provvista. Dan hu kruċjali biex jonqsu kemm jista’ jkun iċ-ċans u l-kost ta’ interruzzjonijiet aktar tard matul is-sena u biex fil-futur ikun żgurat l-aċċess meħtieġ għall-gass lill-konsumaturi u lilll-industriji Ewropej billi jiġi ingranat il-piż tal-Unjoni.
Għal dak il-għan, il-Komunikazzjoni tipproponi Pjan Ewropew ġdid għal Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass, abbażi tal-aqwa prattiki minn madwar l-Unjoni, flimkien ma’ Regolament tal-Kunsill li jipprevedi rakkomandazzjoni immedjata għal tnaqqis volontarju tad-domanda għall-gass ta’ 15% fl-Istati Membri kollha matul mill-anqas it-tmien xhur li ġejjin, u l-introduzzjoni ta’ proċess biex tiġi skattata mira vinkolanti għal tnaqqis tad-domanda jekk din tkun meħtieġa minn ħin għall-ieħor fil-ġimgħat jew fix-xhur li ġejjin.
Il-gass sostitwit bi fjuwils oħra u l-enerġija ffrankata mill-utenti kollha matul dan is-sajf huma enerġija li se tgħinna matul ix-xitwa. Azzjoni konġunta issa tkun inqas fixkiela u għalja, tiffaċilita s-solidarjetà u tevita l-ħtieġa ta’ azzjonijiet mhux ippjanati u mhux ikkoordinati aktar tard jekk tinqala’ xi sitwazzjoni ta’ kriżi meta r-riżervi tal-gass jibdew jonqsu. Aħna se nimxu b’pass mgħaġġel ukoll għal xiri koordinat u, fuq kollox, konġunt tal-gass u, fil-futur, tal-idroġenu rinnovabbli biex il-ħtiġijiet futuri tal-enerġija jkunu żgurati bi provvisti alternattivi. Fl-aħħar mill-aħħar, l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan għal tnaqqis tad-domanda għall-gass se toħloq il-kundizzjonijiet għal waqfien gradwali aktar malajr u sħiħ tal-importazzjonijiet tal-gass Russi, f’konformità mal-objettivi tal-pjan REPowerEU, u ttejjeb is-sigurtà u l-awtonomija tal-enerġija tal-UE.
1.Inħejju ruħna għax-xitwa
Is-sitwazzjoni llum
Id-domanda għall-gass tirrappreżenta 24% tal-konsum intern totali kumplessiv ta’ enerġija fl-Ewropa. Għal ħafna snin, ir-Russja kienet il-fornitur ewlieni tal-gass tal-UE. Is-sena l-oħra stess, l-UE kienet tiddependi fuq ir-Russja għal aktar minn 40% tal-provvisti tal-gass tagħha, jiġifieri għal madwar 10% tal-ħtiġijiet ġenerali tal-enerġija tagħha.
Mis-sena l-oħra, il-provvisti tal-gass Russu lejn l-UE bdew jonqsu ġmielu, bħala tentattiv deliberat biex l-enerġija tintuża bħala arma. B’mod ġenerali, f’Ġunju 2022, il-flussi tal-gass mir-Russja lejn l-UE kienu anqas minn 30% tal-medja mill-2016 sal-2021. L-UE ġarrbet sensiela ta’ azzjonijiet għal għarrieda, bla ġustifikazzjoni u unilaterali min-naħa tar-Russja biex tnaqqas jew twaqqaf il-konsenji lill-klijenti Ewropej, u dawn fixklu l-attività ekonomika u għollew il-prezzijiet. Il-flussi tal-gass Russu li jgħaddu mill-piplines fil-Belarussja waqfu, u dawk li jgħaddu mill-Ukrajna naqsu b’mod kostanti. Waqfet ukoll il-provvista lill-Istati Baltiċi, lill-Polonja, lill-Bulgarija u lill-Finlandja. U tnaqqset il-provvista lil diversi pajjiżi, fosthom lill-Polonja, il-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka, is-Slovakkja, in-Netherlands u l-Italja. Minn nofs Ġunju 2022 ’l hawn, il-flussi minn Nord Stream 1, waħda mill-akbar rotot tal-importazzjoni lejn l-UE, tnaqqsu b’60%.
Tabella: Il-flussi tal-gass Russu fl-2022 meta mqabbla mas-snin preċedenti
Din is-sekwenza ta’ tnaqqis tal-provvista kkawżat prezzijiet tal-enerġija storikament għaljin u volatili, u dawn qed jikkontribwixxu għall-inflazzjoni, iżidu r-riskju ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-Ewropa, jikkawżaw effetti negattivi sinifikanti fuq l-impjiegi, u jħallu impatti distributtivi. Dawn aktarx jikkawżaw żieda fil-faqar enerġetiku u joħolqu r-riskju wkoll li jkompli jgħarrqu l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni.
Ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li se jkun hemm xi bidliet f’din ix-xejra tal-imġiba, li tant qed toħloq inċertezzi fil-provvista u żidiet qawwijin fil-prezzijiet. Minflok, hemm bosta sinjali li qed jindikaw li l-prospettiva tal-provvista tal-gass aktarx li se tmur għall-agħar.
Filwaqt li qed tantiċipa dan ir-riskju, l-UE diġà bdiet tħejji għal tnaqqis fit-tul u possibbilment sħiħ tal-gass Russu minn ħin għall-ieħor. Li jkunu żgurati provvisti alternattivi tal-gass u ssir s-sostituzzjoni tal-gass naturali b’enerġija nadifa kull meta jkun possibbli u b’sorsi oħra tal-enerġija meta meħtieġ, huma komponenti essenzjali tal-pjan REPowerEU li adottaw l-Istati Membri, u b’mod partikolari, tal-Pjattaforma tal-UE għall-Enerġija.
Bħala prinċipju fundamentali tal-Unjoni tagħna, it-tħejjija tal-UE trid tkun imsejsa fuq is-solidarjetà. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha huma interkonnessi permezz tas-Suq Uniku, u dan jixpruna t-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investimenti. Biex din is-solidarjetà taħdem fil-prattika, kull min hu involut jenħtieġ li jagħmel ħiltu biex iwettaq il-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu ħalli jevita l-effetti ta’ interruzzjoni sħiħa possibbli tal-gass Russu.
Minħabba din id-dipendenza reċiproka, kriżi sħiħa tħalli impatti negattivi sinifikanti f’kull Stat Membru, kemm direttament u anki indirettament. Filwaqt li xi Stati Membri huma aktar vulnerabbli għall-impatt dirett ta’ interruzzjoni sinifikanti jew sħiħa tal-provvisti Russi, jekk dawn il-pajjiżi jitħallew jerfgħu dan l-impatt waħedhom, dan iħalli effetti sekondarji serji fuq l-ekonomiji l-oħra. Tnaqqis ekonomiku qawwi f’xi Stat Membru jħalli impatt ekonomiku negattiv dirett fuq il-ġirien tiegħu u fuq sħab oħra tal-esportazzjoni. Għaldaqstant huma meħtieġa passi immedjati ħalli jiġu antiċipati azzjonijiet fixkiela ulterjuri u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE.
Din il-Komunikazzjoni, inkluż il-Pjan Ewropew għal Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass ippreżentat fl-Anness, tiffoka fuq l-azzjonijiet meħtieġa min-naħa tad-domanda, u tibni fuq il-pjan REPowerEU u l-Pjan tal-UE għall-Iffrankar tal-Enerġija. Dawn l-azzjonijiet biex tonqos id-domanda jikkumplimentaw il-ħidma li qed issir biex ikunu żgurati provvisti alternattivi kif stabbilit fl-Istrateġija Esterna tal-UE għall-Enerġija, u biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Dawn jenħtieġ li jitwettqu minnufih mill-Istati Membri b’koordinazzjoni mill-qrib bejniethom ħalli jonqsu ferm ir-riskji ta’ żbilanċ eċċessiv bejn il-provvista u d-domanda matul ix-xitwa li ġejja u aktar ’il quddiem. Din is-sensiela ta’ azzjonijiet tista’ tnaqqas ġmielu r-riskji assoċjati mal-iskarsezza tal-gass, inkluż għall-industriji li huma kritiċi għall-ktajjen tal-provvista fl-UE, għall-impjiegi u t-tkabbir, għall-kompetittività ġenerali u għall-ekonomija Ewropea.
Ir-Regolament propost mehmuż miegħu li jipprovdi l-qafas għal dan it-tnaqqis tad-domanda hu deskritt f’aktar dettall fit-Taqsima 3 ta’ din il-Komunikazzjoni.
Azzjoni koordinata soda u kredibbli fil-livell tal-UE se tipprovdi ċertezza akbar f’sitwazzjoni ta’ suq instabbli, iżżid ir-reżiljenza tal-UE, u tillimita l-impatti fuq il-prezzijiet xprunati mill-provvista. Din tgħin biex, meta jkunu hemm il-kapaċitajiet, isir aktar riforniment tal-ħażniet qabel ix-xitwa. L-azzjonijiet unilaterali li jieħdu l-Istati Membri la jkunu ottimali għall-UE kollha kemm hi, u għalhekk lanqas ma jkunu ottimali għall-Istati Membri individwali. L-azzjonijiet ikkoordinati tal-UE jistgħu jgħinu biex jitħarsu l-ktajjen tal-provvista industrijali li qed jiffunzjonaw u l-integrità tas-Suq Uniku f’każ ta’ xokkijiet kbar fil-provvista.
L-għodod diġà disponibbli għall-UE u l-azzjonijiet meħuda qabel il-kriżi attwali
L-ewwel nett, l-UE għandha qafas sod fis-seħħ biex sal-2050 tilħaq in-newtralità klimatika u sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet b’mill-anqas 55%. It-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa u s-sigurtà tal-provvista jimxu id f’id. Bi tneħħija gradwali tad-dipendenza tagħna fuq is-sorsi tal-fjuwils fossili u bi tnaqqis tal-konsum ġenerali tal-enerġija tal-UE permezz ta’ żieda fl-effiċjenza enerġetika, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%” isaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-UE.
It-tieni, l-UE żviluppat qafas regolatorju biex tindirizza ċerti sitwazzjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista abbażi ta’ tagħlimiet minn kriżijiet tal-enerġija preċedenti u abbażi tal-azzjonijiet tagħna meħuda wara l-annessjoni tal-Krimea u ta’ Sevastopol mal-Federazzjoni Russa fl-2014.
Skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass 1 , l-Istati Membri jrid ikollhom pjanijiet nazzjonali ta’ azzjoni preventiva u pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju komuni mwettqa minn gruppi reġjonali organizzati tul ir-rotot tal-provvista. Huma definiti tliet livelli nazzjonali ta’ kriżi: Twissija Bikrija, Allert u Emerġenza. Il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu f’kull wieħed minn dawn il-livelli ġew definiti fil-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Il-prinċipju ġenerali hu li l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fil-flussi tal-gass, razzjonament, u tnaqqis ikunu biss l-aħħar alternattiva, wara li jkunu ġew eżawriti l-alternattivi l-oħra kollha – bħall-alternattiva tal-qlib lejn fjuwils alternattivi.
Il-Kummissjoni tista’ tiddikjara Emerġenza tal-Unjoni jew Emerġenza Reġjonali għal reġjun ġeografiku affettwat speċifikament, meta tintalab minn xi Stat Membru wieħed jew aktar. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati u tista’ taġixxi bħala moderatur jekk jiddaħħlu miżuri li jistgħu jirrestrinġu bla bżonn il-fluss tal-gass lejn Stati Membri oħra u pajjiżi terzi, bħall-membri tal-Komunità tal-Enerġija. Dan jgħin biex ikunu żgurati flussi tal-gass diretti lejn l-aktar pajjiżi u klijenti affettwati f’emerġenza.
Ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ solidarjetà, li jiggarantixxi l-provvista lill-“klijenti protetti” definiti bħala l-unitajiet domestiċi, għal tisħin distrettwali li ma jistax jaqleb lejn fjuwils oħrajn u għal ċerti servizzi soċjali essenzjali, bħall-kura tas-saħħa. F’emerġenza serja, li matulha ma tkun tista’ tibqa’ tiġi garantita l-provvista lill-klijenti protetti f’xi Stat Membru partikolari, l-Istati Membri konnessi direttament obbligati jaġixxu b’solidarjetà u jfornu l-gass fejn ikun meħtieġ l-aktar, anke jekk dan ikun jinvolvi tnaqqis lill-klijenti mhux protetti tagħhom. Dan hu soġġett għal kumpens fil-pront u ġust imfassal b’arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji bilaterali li l-Istati Membri jridu jaqblu dwarhom bil-quddiem.
Il-Grupp Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Gass, jiġifieri grupp ta’ esperti mmexxi mill-Kummissjoni u magħmul minn esperti mill-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet Ewropej rilevanti u s-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, se jkun qed jissorvelja mill-qrib is-sigurtà tal-provvista tal-UE u jikkoordina l-azzjonijiet kif meħtieġ. Il-Grupp hu kruċjali għall-ġestjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista minn mindu bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, b’mod partikolari għax jiskambja informazzjoni u jgħin fil-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ twissija bikrija u ta’ allert 2 .
Madankollu, il-qafas deskritt hawn fuq mhux adattat għalkollox għall-kriżi attwali għax hu maħsub biex jindirizza interruzzjonijiet fuq perjodu qasir minħabba xi partijiet partikolari tal-infrastruttura jew minħabba temp estrem għal żmien qasir, aktar milli għal interruzzjonijiet fil-provvista fuq perjodu twil min-naħa ta’ fornitur ewlieni li jaffettwa diversi rotot fl-istess ħin. Din hija r-raġuni għalfejn dan il-qafas ta’ governanza jeħtieġ jiġi aġġustat, u hu prominenti fil-perspettiva tal-ministeri tal-industrija Ewropej u nazzjonali.
It-tielet, l-UE qed kulma jmur tiżviluppa aktar network ta’ interkonnetturi tal-enerġija u suq intern tal-enerġija li kapaċi jwasslu l-gass u l-elettriku fejn ikun meħtieġ. Din il-politika attiva għenet għal diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass u, daqstant ieħor importanti, tar-rotot tal-gass, permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura transfruntiera tal-gass, bi proġetti ta’ fluss fid-direzzjoni opposta, bħall-kapaċità ta’ fluss fid-direzzjoni opposta fil-pipeline ta’ Yamal bejn il-Ġermanja u l-Polonja u t-terminals tal-LNG fir-reġjun Ewropew tal-Baltiku, tal-Lvant Ċentrali u tax-Xlokk. Ħafna Proġetti ta’ Interess Komuni fil-qafas tan-Network Trans-Ewropew għall-Enerġija bbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju tal-UE permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u tal-Politika ta’ Koeżjoni.
Proġetti ewlenin fl-aħħar għaxar snin
- It-terminals tal-LNG fi Klaipeda, fi Świnoujście u f’Krk, il-BRUA 3 u l-Pajp Baltiku, li naqqsu l-iżolament storiku ta’ reġjuni speċifiċi.
- L-UE fetħet il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar meta lestiet il-pipelines TAP u TANAP li issa qed ifornu l-gass mill-Baħar Kaspju direttament lejn l-Ewropa.
- Proġetti importanti oħra jinkludu l-interkonnettur tal-gass bejn il-Polonja u l-Litwanja (GIPL), il-konnettur Baltiku bejn il-Finlandja u l-Estonja, l-interkonnettur bejn il-Polonja u s-Slovakkja, u l-pipeline bejn il-Greċja u l-Bulgarija (IGB). Dawn il-proġetti huma vitali għas-sostituzzjoni tal-gass Russu.
L-iżviluppi msemmija hawn fuq tejbu jew se jtejbu ferm is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-UE għax jippermettu diversifikazzjoni effettiva tal-fornituri u tar-rotot. L-Istati Membri individwali kollha, inkluż l-aktar pajjiżi storikament esposti, bħall-Bulgarija u l-Finlandja, ma għadhomx dipendenti għalkollox fuq sors wieħed, jiġifieri fuq l-importazzjonijiet tal-gass Russi biss.
Ħidmet l-UE biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tul l-invażjoni Russa fl-Ukrajna
Issa li Russja invadiet lill-Ukrajna, l-UE stabbiliet il-pjan REPowerEU ħalli twaqqaf id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi mill-aktar fis possibbli. Biex jinkiseb dan, il-pjan REPowerEU jistabbilixxi miżuri relatati mad-diversifikazzjoni tal-fornituri tal-enerġija, l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, u jipproponi introduzzjoni malajr tal-enerġija nadifa ħalli tieħu post il-fjuwils fossili fid-djar, fl-industrija u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari permezz tal-elettriku u l-idroġenu rinnovabbli. Barra minn hekk , l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali 4 jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jippromwovu azzjonijiet li jiffrankaw l-enerġija b’mod li jkunu adattati għaċ-ċirkostanzi lokali.
Skont il-pjan REPowerEU, l-UE ħadet miżuri biex issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tagħha, u indirizzat in-naħa tal-provvista daqskemm in-naħa tad-domanda. B’mod partikolari:
·F’Marzu 2022 ġiet proposta leġiżlazzjoni ġdida tal-UE biex ikun żgurat ir-riforniment tal-ħażniet ta’ taħt l-art tal-UE għax-xitwa li ġejja; din ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Mejju u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 5 . Il-livelli tal-ħażna tal-gass kienu baxxi b’mod inkwetanti matul l-aħħar xitwa – 10 punti perċentwali inqas milli kienu mill-2016 sal-2018 – iżda minkejja t-tnaqqis fil-livelli tal-importazzjonijiet Russi u l-prezzijiet għaljin li jnaqqsu l-inċentiv għall-ħażna, issa l-livelli reġgħu laħqu l-medja storika – bħalissa huma iżjed minn 64%, jiġifieri 46 jum ta’ konsum fix-xitwa.
·Fl-ewwel semestru tal-2022, il-Kummissjoni wettqet rieżami dettaljat tal-pjanijiet nazzjonali kollha ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-gass, ħalli l-Istati Membri jkunu jistgħu jsaħħu t-tħejjija tagħhom għal interruzzjonijiet possibbli fuq skala wiesgħa. Il-Kummissjoni wettqet ukollmonitoraġġ profond tas-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista u tal-valutazzjoni tar-riskju, kemm għall-gass kif ukoll għall-elettriku, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-ENTSOG u mal-ENTSOE – l-assoċjazzjoni Ewropea tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għall-gass u l-elettriku.
·Il-Kummissjoni stabbiliet il-Pjattaforma tal-UE għall-Enerġija biex tiġbor flimkien id-domanda għall-enerġija fil-livell reġjonali u tiffaċilita x-xiri konġunt volontarju, biex tiżgura l-aħjar użu tal-infrastruttura ħalli l-flussi tal-gass jiġu direzzjonati fejn ikun meħtieġ l-aktar, u biex jintlaħqu ċerti sħab internazzjonali tal-provvista bħall-Istati Uniti 6 , in-Norveġja, l-Ażerbajġan, il-Qatar, l-Eġittu, l-Iżrael, l-Alġerija u bosta oħrajn. Il-kuntatt issir f’konformità mal-Istrateġija Esterna tal-UE dwar l-Enerġija 7 . Bis-saħħa notevoli ta’ dawn l-azzjonijiet , l-UE rċeviet ammonti bla preċedent ta’ LNG mill-bidu tas-sena u ta’ gass addizzjonali mill-pipelines biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ gass Russu – ara t-tabella ta’ hawn taħt.
·Il-Kummissjoni stabbiliet ħames gruppi reġjonali ta’ Stati Membri fil-Pjattaforma tal-UE għall-Enerġija, biex jissostitwixxu l-provvisti tal-gass Russi u jtejbu s-sigurtà tal-provvista f’kull reġjun, pereżempju billi jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni għal implimentazzjoni malajr – bħas-suċċess kbir li għamel il-grupp reġjonali għall-Ewropa tax-Xlokk. Dawn il-gruppi jikkumplimentaw il-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) reġjonali eżistenti li jiffokaw fuq it-tħaffif tal-interkonnessjonijiet ewlenin tal-enerġija u tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u fuq riformi importanti tas-suq tal-enerġija, bħall-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-CESEC fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk.
·Il-Kummissjoni ħadmet ma’ esperti tal-industrija biex tidentifika l-potenzjal għall-qlib lejn fjuwil ieħor u għal tnaqqis volontarju tad-domanda, u biex tivvaluta r-riperkussjonijiet possibbli ta’ azzjonijiet mhux ikkoordinati ta’ tnaqqis tad-domanda għall-gass min-naħa tal-utenti industrijali.
Diversifikazzjoni mill-bidu tal-2022 ’l hawn
L-UE qed jirnexxilha tiddiversifika b’mod li tiddistakka mill-importazzjonijiet tal-gass Russu, notevolment b’iżjed importazzjonijiet tal-LNG u mill-pipelines. Fl-ewwel nofs tal-2022, bl-isforzi ta’ kuntatt tal-UE mal-produtturi tal-LNG f’ċerti pajjiżi terzi, l-importazzjonijiet tal-LNG mhux Russu żdiedu b’21 bcm meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra. L-importazzjonijiet mill-pipelines mhux Russi żdiedu b’14 bcm min-Norveġja, mill-Baħar Kaspju, mir-Renju Unit u mill-Afrika ta’ fuq.
Min-naħa l-oħra, tul dak il-perjodu, l-importazzjonijiet mill-pipelines Russi naqsu bi 28 bcm għal total ta’ 44,6 bcm, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-LNG Russu żdiedu bi 3 bcm. B’dawn il-provvisti miżjuda, l-UE bħalissa qed tikkumpensa għat-tnaqqis fl-importazzjonijiet totali tal-gass Russu. Tul l-istess perjodu, l-importazzjonijiet tal-LNG mis-sorsi kollha (inkluż mir-Russja) żdiedu b’24,3 bcm (59%) meta mqabbla mal-2021. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet tal-LNG mill-Istati Uniti laħqu t-30 bcm, meta mqabbla mat-total ta’ 22 bcm fl-2021 (u 11,6 bcm biss fl-ewwel nofs tal-2021).
Fil-25 ta’ Marzu 2022, id-dikjarazzjoni konġunta tal-President Von der Leyen u tal-President Biden ħabbret żieda ta’ 15 bcm fl-importazzjonijiet tal-LNG tal-UE mill-Istati Uniti tul l-2022, mira li maż-żmien se tintlaħaq b’żieda fil-provvisti mill-Istati Uniti. F’Ġunju, is-sehem tal-Istati Uniti fl-importazzjonijiet tal-LNG tal-UE kien madwar 46%.
Il-firxa ta’ miżuri meħuda minn Frar ’l hawn, inkluż dawk immirati biex jissaħħaħ il-qafas tas-sigurtà tal-provvista tal-UE, huma mmirati biex jinkiseb waqfien gradwali sħiħ tad-dipendenza fuq il-gass Russu mill-aktar fis possibbli.
Madankollu, l-aħħar interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass Russu juru riskju konsiderevoli li minn din is-sena stess jaf ikun hemm waqfien unilaterali sħiħ u għal għarrieda tal-provvisti tal-gass Russu. L-UE jeħtieġ tkun ippreparata għal dan ix-xenarju u tieħu miżuri addizzjonali li jkunu proporzjonati għal sfida bħal din. Tnaqqis ordnat fil-konsum tal-gass issa, itaffi l-kostijiet futuri għas-soċjetà. It-tranżizzjoni lejn ix-xiri konġunt permezz tal-Pjattaforma tal-Enerġija hija kumpliment meħtieġ biex issir koordinazzjoni aktar soda min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista, u l-Kummissjoni se tħaffef ħidmitha biex il-Pjattaforma tkun qed titħaddem sal-aħħar tas-sena. B’mod paralleli, ix-xiri konġunt tal-gass jista’ pereżempju jagħti rwol aktar sod lill-kumpaniji iżgħar tal-gass u jippermetti ingranaġġ aħjar fix-xiri lill-UE, li hija l-akbar importatur dinji tal-gass naturali, inkluż fil-livell reġjonali, u jtejjeb ir-reżiljenza tal-enerġija tagħna u s-sigurtà tal-enerġija tagħna għal perjodu itwal.
X’inhu mistenni
Minkejja li l-avvanz li sar fir-riforniment tal-ħażniet, is-simulazzjonijiet li għamlu l-Kummissjoni u l-ENTSOG juru li, f’każ ta’ interruzzjoni sħiħa minn Lulju sax-xitwa tal-2023, ir-riforniment tal-ħażniet ma jilħaqx il-mira ta’ 80% għal Novembru stabbilita fir-Regolament il-ġdid tal-UE dwar il-ħżin. Is-simulazzjonijiet jissuġġerixxu li fil-bidu tal-istaġun tat-tisħin, il-ħażniet jaf ikunu biss xi 65% sa 71%.
Sejbiet ewlenin tal-analiżi tax-xenarju mingħajr tħejjija addizzjonali
Fl-ewwel xenarju, id-distakk biex tintlaħaq id-domanda għall-gass matul ix-xitwa hu 30 bcm waqt kundizzjonijiet medji tat-temp u provvista kontinwament għolja tal-LNG, meta mqabbel mal-konsum totali medju tal-UE bejn Awwissu u Marzu ta’ 300 bcm. F’dan ix-xenarju, il-ħażniet jitbattlu kważi kollha fl-aħħar ta’ Marzu 2023, u għalhekk ma jintrefa’ xejn għall-istaġun tal-gass 2023-2024.
Fit-tieni xenarju, il-ħażniet jibqgħu f’livell minimu ta’ 15% fl-aħħar ta’ Marzu 2023, u d-distakk fid-domanda jkun 45 bcm matul ix-xitwa.
Biex l-UE tħejji għall-istaġun tax-xitwa ta’ wara, jekk wieħed jassumi li s-swieq internazzjonali tal-gass jibqgħu ristretti b’mod persistenti, aktarx li r-riforniment tal-ħażniet fis-sajf tal-2023 se jkun sfida kbira. Il-livelli tar-riforniment tal-ħażniet f’Ottubru 2023 jilħqu biss il-41% fl-ewwel xenarju u s-56% fit-tieni xenarju.
Xitwa kiesħa mhux tas-soltu jew inqas importazzjonijiettal-gass minn sorsi oħra (pereżempju minħabba rkupru fit-tkabbir ekonomiku f’suq kbir bħaċ-Ċina), iżidu r-riskju li f’xi punt matul dan il-perjodu jinħoloq il-bżonn ta’ aktar tnaqqis drastiku.
It-tnaqqis f’daqqa jagħmel ħsara lil fergħat speċifiċi ta’ dawk l-industriji li ma jkollhomx wisq lok biex jaqilbu lejn fjuwils oħra – pereżempju meta l-gass ikun jintuża bħala materja prima għall-proċessi industrijali – jew biex inaqqsu l-produzzjoni mingħajr ħsara kbira.
Id-disponibbiltà tal-gass lill-klijenti protetti, notevolment lill-unitajiet domestiċi, li jirrappreżentaw anqas minn 37% tal-konsum totali tal-UE, fil-prinċipju ma tiġix affettwata direttament bl-interruzzjonijiet Russi fuq skala kbira. Iżda dan ix-xenarju qed jassumi li ma jinqalgħux avvenimenti oħra mhux previsti.
Għalhekk jeħtieġ nieħdu passi issa, malajr u b’mod determinat. Mingħajr sforzi sinifikanti ta’ sostituzzjoni u tnaqqis tad-domanda fil-ġimgħat li ġejjin, l-interruzzjonijiet serji tal-gass fix-xitwa 2022/2023 iħallu effetti sinifikanti fuq l-ekonomija Ewropea u fuq s-swieq tax-xogħol, u dan jaffettwa lill-Istati Membri kollha, direttament jew indirettament 8 .
Azzjoni issa tnaqqas il-kost ta’ interruzzjoni f’daqqa tal-provvista
Ikun ferm orħos jekk naħtfu kull potenzjal ta’ sostituzzjoni u nibdew innaqqsu d-domanda tal-gass naturali minn issa u b’ammont moderat matul perjodu ta’ eżekuzzjoni itwal, milli jekk nagħmlu tnaqqis drastiku fid-domanda f’daqqa waqt l-eqqel tal-konsum (jiġifieri fix-xitwa) u mingħajr tħejjija xierqa. B’antiċipazzjoni ta’ tnaqqis tad-domanda, l-operaturi tan-network jistgħu jottimizzaw il-kapaċità tan-network, iġorru aktar gass mill-Punent lejn il-Lvant fil-ħin u jimlew aktar ħażniet meta jkollhom kapaċitajiet disponibbli biex iħejju għax-xitwa li jmiss u għax-xitwa 2023/2024. Dan it-tnaqqis antiċipat u mifrux tad-domanda, b’mod ġenerali, jelimina jew inaqqas kull skarsezza potenzjali matul ix-xitwa b’aktar minn nofs. Jekk nantiċipaw it-tnaqqis minn issa, inkunu nistgħu ninċentivaw b’mod immirat lil dawk l-industriji li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-konsum tagħhom, pereżempju billi jaqilbu lejn il-fjuwils rinnovabbli, jew fi kwalunkwe każ meta possibbli lejn fjuwils bl-anqas kontenut possibbli ta’ emissjonijiet, soġġetti għall-isforzi tal-effiċjenza enerġetika u biex ikunu evitati effetti ta’ saturazzjoni fit-tul.
Rigward l-impatt makroekonomiku ġenerali ta’ interruzzjoni maġġuri possibbli, rispons ikkoordinat tal-UE imsejjes fuq is-solidarjetà qabel ix-xitwa jillimita l-impatt negattiv fuq il-PDG u fuq l-impjiegi.
Jekk nitilqu mill-ħtiġijiet identifikati fix-xenarji tal-ENTSOG, u nieħdu azzjoni bikrija biex tonqos id-domanda, interruzzjoni mir-Russja waqt xitwa medja jista’ jnaqqas il-PDG b’medja ta’ mill-anqas 0,4% għall-UE kollha kemm hi u ta’ 0,6% f’xenarju ta’ xitwa kiesħa.
Iżda jekk l-azzjoni tittieħed biss meta jkun hemm interruzzjoni sħiħa tal-provvista, il-kost jiżdied mill-anqas b’terz, parzjalment minħabba l-opportunità mitlufa ta’ koordinazzjoni u aġġustament aktar faċli, u dan ikompli jżid ma’ din iż-żieda. Fil-każ ta’ xitwa medja, jekk l-azzjoni tittieħed biss meta jkun hemm interruzzjoni sħiħa tal-provvista, din tħalli impatt ta’ bejn 0,6 u 1% fuq il-PDG.
F’każ ta’ xitwa kiesħa, dawn il-kostijiet ikomplu jiżdiedu. Jekk iddum ma tittieħed azzjoni f’każ ta’ xitwa kiesħa, il-kostijiet għall-UE jimmultiplikaw b’mod sinifikanti, b’impatt fuq il-PDG b’medja ta’ 0,9% u 1,5%, u b’mod partikolari għall-aktar Stati Membri affettwati
Biex tkun evitata l-lakunatal-gass fix-xhur li ġejjin, qed jiġi rakkomandat tnaqqis ġenerali ta’ 15% fid-domanda għall-gass bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Marzu 2023 9 .
2. Pjan biex tonqos id-domanda għall-gass u tingħata prijorità lill-klijenti kritiċi
Il-Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass
It-tnaqqis ta’ 15% fid-domanda deskritt hawn fuq jista’ jinkiseb jekk tittieħed azzjoni issa, jitwettaq il-Pjan għall-Iffrankar tal-Enerġija 10 u jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġi ffrankat il-gass f’setturi mhux protetti, permezz tal-prattiki tajbin u l-kriterji ta’ prijoritizzazzjoni intelliġenti identifikati fil-Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass mehmuż. Il-pjan jistabbilixxi l-prinċipji u l-kriterji għal tnaqqis ikkoordinat tad-domanda maħsub mhux biss biex titħares il-provvista tal-gass għall-unitajiet domestiċi u għall-utenti essenzjali bħall-isptarijiet, iżda anki għall-forniment ta’ prodotti u servizzi essenzjali għall-ekonomija, għall-industriji tant deċiżivi fil-ktajjen tal-provvista tal-UE, u għall-kompetittività. Dan hu msejjes fuq il-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza eżistenti, l-aqwa prattiki eżistenti, u fuq konsultazzjonijiet immirati mal-industrija.
Il-ġestjoni tad-domanda trid timmira bħala prijorità lil dawk is-setturi b’possibbiltajiet aħjar ta’ sostituzzjoni u qsim aħjar tal-piż mal-ekonomija kollha, filwaqt li tipproteġi l-PDG u l-impjiegi. Ikun hemm anqas riskji ta’ konġestjonijiet downstream u pressjoni inflazzjonarja u jkun hemm protezzjoni aktar effettiva kontra riskji oħra (eż. xitwa qalila).
Il-prinċipji ewlenin tal-pjan: is-sostituzzjoni, is-solidarjetà u l-iffrankar
Is-sostituzzjoni: nappoġġaw il-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni ħalli niksbu ffrankar ikkoordinat tad-domanda għall-gass
L-isforzi kollha tal-Istati Membri fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, fl-industriji u fl-unitajiet domestiċi jenħtieġ li qabelxejn jiffokaw fuq il-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni biex ikunu jistgħu jnaqqsu l-użu tal-gass naturali, filwaqt li jibqgħu mfakkra il-kompromessi li jaf jimplikaw dawn l-għażliet, bħal pereżempju li jkollu (jerġa’) jibqa’ jintuża l-faħam fit-taħlita tal-enerġija, anki jekk b’mod temporanju. Il-prijorità hi li ssir il-qalba mill-fjuwils għal sorsi tal-enerġija nadifa, kull meta jkun teknikament fattibbli, b’mod tempestiv u kosteffettiv. Jenħtieġ li jissoktaw ukoll l-isforzi tad-diversifikazzjoni billi jitħaffef il-pass ħalli jitlestlew it-terminals tal-LNG jew infrastrutturi oħra tal-gass li huma meħtieġa strettament, b’mod partikolari l-interkonnessjonijiet, u anki l-isforzi tal-UE għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-LNG skont il-Pjattaforma tal-UE għall-Enerġija.
Meta ma jkunux jistgħu jinstabu soluzzjonijiet oħra aktar nodfa, se jkollhom jiġu implimentati b’mod temporanju ċerti possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni tal-gass naturali b’sorsi intensivi iżjed fil-karbonju bħad-diżil jew il-faħam, filwaqt li jitħaddmu l-klawżoli ta’ salvagwardja ambjentali meħtieġa. Għal dan il-għan, fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġati ċerti possibbiltajiet ta’ qlib lejn fjuwils b’limitu taż-żmien.
Is-solidarjetà: nantiċipaw u ntaffu r-riskji ta’ interruzzjoni sħiħa tal-gass Russu
Ix-xokkijiet fil-provvista tal-gass jaffettwaw lill-Istati Membri u lir-reġjuni b’modi differenti. Biex tilqa’ għal dawn il-konsegwenzi, l-UE trid taġixxi b’solidarjetà sħiħa mal-Istati Membri kollha u mal-utenti differenti tal-gass naturali. Minkejja li l-Istati Membri se jintlaqtu b’modi differenti, sforz kollettiv inaqqas is-severità tal-impatt fuq l-aktar Stati Membri affettwati, u min-naħa l-oħra l-Istati Membri kollha jibbenefikaw minn azzjoni konġunta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tibqa’ viġilanti biex tipproteġi s-Suq Uniku, b’mod partikolari biex tevita kull restrizzjoni possibbli fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, u se taħdem biex tiżgura li l-attivitajiet ekonomiċi partikolarment essenzjali u s-servizzi soċjali kritiċi ma jixxekklu bl-ebda mod. Jekk is-sitwazzjoni tkun teżiġi l-previżjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis, dawn jenħtieġ li jitwettqu b’koerenza u b’koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-mitigazzjoni tal-impatt fuq l-impjiegi u l-introjti.
Biex din is-solidarjetà taħdem fil-prattika, l-Istati Membri kollha u l-parteċipanti soċjali u ekonomiċi kollha jeħtieġ ixammru l-kmiem ħalli jħejju, u jibdew jissostitwixxu jew inaqqsu d-domanda għall-gass minn issa kull fejn ikun fattibbli. Dan l-eżerċizzju ta’ koordinazzjoni jeħtieġ l-istabbiliment ta’ sistema ta’ governanza adegwata, li tista’ tuża r-riżorsi tal-Ministeri għall-Enerġija u tal-industrija fl-Istati Membri kollha u tinkludi kuntatt u involviment estensivi tal-gruppi kollha ta’ konsumaturi.
L-iffrankar: kulħadd jista’ jikkontribwixxi
Jenħtieġ li jiġi previst tnaqqis addizzjonali fid-domanda fl-oqsma tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-bini jew tat-tisħin tal-ilma. F’emerġenza, jekk is-sigurtà tal-elettriku tal-provvista tkun f’riskju, ir-regoli tal-UE u nazzjonali dwar is-sigurtà tal-provvista jippermettu li l-provvista tal-gass tiġi prijoritizzata għal ċerti impjanti tal-enerġija kritiċi li jaħdmu bil-gass, u għal ċerti kategoriji ta’ konsumaturi protetti. Madankollu, jenħtieġ li l-fatt li l-provvista tal-gass hija garantita għall-unitajiet domestiċi u għal ċerti impjanti tal-enerġija kritiċi mħaddma bil-gass ma xxekkilx lill-awtoritajiet pubbliċi milli jieħdu azzjonijiet oħra biex inaqqsu l-konsum tal-gass mill-klijenti protetti u fis-settur tal-enerġija, u biex jippromwovu t-tnaqqis volontarju. Dan hu essenzjali biex ikun evitat li jinħolqu ostakli għall-klijenti industrijali li huma kritiċi għas-soċjetà u għall-ekonomija 11 .
Din it-tabella tippreżenta l-aktar valutazzjoni riċenti tal-potenzjal tat-tipi differenti ta’ miżuri biex tonqos id-domanda għall-gass u jixxejnu l-lakuni.
Il-binjiet: Innaqqsu t-tisħin u t-tkessiħ
Il-Pjan għall-Iffrankar tal-Enerġija tat-18 ta’ Mejju permezz ta’ REPowerEU 12 diġà identifika firxa ta’ miżuri potenzjali għal iffrankar fil-bini, u jistma li jistgħu jiġu ffrankati 11 bcm. L-impatt ta’ bidliet sempliċi fl-imġiba bħat-tnaqqis fit-temperatura tad-djar meta ma tkunx diġà baxxa, doċċi iqsar, it-tifi tal-apparati flok jitħallew stand-by, aktar effiċjenza fis-sajran, fir-refriġerazzjoni u fl-iffriżar huma miżuri għaqlin biex jorħsu l-kontijiet tal-enerġija. Aktar ma jsir tnaqqis bl-azzjonijiet volontarji, anqas ikun meħtieġ tnaqqis obbligatorju għall-industrija aktar tard. Tnaqqis fil-konsum tal-gass ovvjament ifisser roħs fil-kontijiet.
Il-gass jista’ jibda jiġi ffrankat matul is-sajf billi jitnaqqas l-eqqel konsum tal-elettriku (u għalhekk direttament il-konsum tal-gass) iġġenerat mit-tkessiħ. Fix-“xitwa tal-gass” (Ottubru sa Marzu), jista’ jinkiseb iffrankar qawwi bis-sorsi alternattivi tas-sħana għat-tisħin distrettwali, bil-pompi tas-sħana, bis-sistemi intelliġenti tal-immaniġġjar tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi, u b’kampanji għall-iffrankar tal-gass, pereżempju biex it-termostat jitbaxxa bi grad wieħed (għajr għal min diġà ma jistax isaħħan daru b’mod adegwat) jew biex il-misħun ikun inqas sħun. Sistemi tal-ipprezzar bonus malus imfassla tajjeb jistgħu jrawmu wkoll ċertu bidliet fl-imġiba u jiksbu ffrankar addizzjonali. L-iffrankar jista’ jinkiseb ukoll bi tnaqqis obbligatorju tat-tisħin fil-bini pubbliku, fl-uffiċċji, fil-bini kummerċjali u fl-ispazji miftuħa bħat-terrazzini fuq barra, meta dan ikun teknikament fattibbli u infurzabbli. Hu kruċjali li l-awtoritajiet pubbliċi jmexxu bl-eżempju f’dan ir-rigward.
Il-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana: niffrankaw il-gass mhux kritiku
Hemm potenzjal importanti li jiġi ffrankat il-gass fil-produzzjoni tal-elettriku u tat-tisħin bi tnaqqis fil-konsum tal-elettriku, bi qlib tas-sorsi tal-enerġija u tat-tisħin, u bl-importazzjoni tal-elettriku. Il-Kummissjoni talbet lill-ENTSOE biex tistma l-impatt tal-iskarsezzi possibbli tal-gass fuq il-produzzjoni tal-elettriku. Skont l-ewwel stima, nofs il-gass ikkonsmat fis-settur tal-elettriku biss jitqies kritiku biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Qed issir analiżi ulterjuri dwar it-tħejjija tal-elettriku għax-xitwa, li jenħtieġ li tqis id-disponibbiltà tal-impjanti nukleari u tar-riżervi tal-enerġija idroelettrika li potenzjalment se jiġu affettwati aktar din is-sena. Iżda din l-ewwel stima tindika l-possibbiltà li jiġi ffrankat ammont sinifikanti ta’ gass. Pereżempju mill-bidu tas-sena, l-UE użat kapaċità ġdida ta’ mill-anqas 20GW ta’ enerġija rinnovabbli. Il-qlib lejn il-fjuwils alternattivi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija jista’ jiffranka ammont ġmielu fit-tmien xhur li ġejjin (ara t-tabella fil-paġna 11), minbarra l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda biex tonqos id-domanda massima.
L-għażla tas-sorsi tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana fl-aħħar mill-aħħar hija f’idejn kull Stat Membru individwali, filwaqt li jqisu l-mira klimatika tal-UE għall-2030, l-għan fit-tul tan-newtralità klimatika, il-politiki tal-UE dwar l-arja nadifa, u l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq Stati Membri oħra u s-sigurtà kollettiva tal-provvista. Fil-ħidma attwali biex tissaħħaħ it-tħejjija nazzjonali u jsir rieżami tal-ippjanar tal-introduzzjoni u tat-tneħħija gradwali tal-impjanti tal-enerġija, l-impatt Ewropew jenħtieġ li jitqies fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali l-ġodda, inkluż ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista u l-prezzijiet tal-fjuwils alternattivi fis-swieq dinjin tal-enerġija. Dan hu aspett ewlieni tal-pjanijiet nazzjonali tat-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku skont ir-Regolament dwar it-Tħejjija għar-Riskju fis-settur tal-elettriku 13 li l-Kummissjoni qed tirrieżamina.
Il-qlib lejn fjuwils oħra, sew dawk intensivi iżjed jew inqas fil-karbonju u sew dawk niġġiesa iżjed jew inqas mill-gass naturali, normalment isir b’mod awtomatiku minħabba l-prezzijiet għaljin tal-gass. Madankollu, biex mill-fjuwils naqilbu għall-bijomassa jew għad-diżil jeħtieġ tkun żgurata d-disponibbiltà ta’ kwantitajiet biżżejjed ta’ dawk il-fjuwils alternattivi fis-siti li jużawhom, u miżuri xierqa għal ħażna u għal monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista ta’ dawn il-fjuwils alternattivi. Xi Stati Membri pposponew it-tneħħija gradwali tal-impjanti tal-enerġija nukleari. Oħrajn ippermettew li jerġgħu jitħaddmu l-impjanti tal-faħam/linjite jew li dawn iżidu l-produzzjoni.
Il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet tal-faħam u taż-żejt mir-Russja bħala parti mill-ħames u s-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE jenħtieġ li titqies mill-Istati Membri fil-kuntest tal-qlib tal-fjuwils, għax din jaf taffettwa d-disponibbiltà tas-sorsi preċedenti tal-provvista. Fil-każ taż-żejt, il-ġestjoni ottimali tal-ħażniet eżistenti ta’ emerġenza hija element essenzjali. Il-ħażniet eżistenti taż-żejt ta’ emerġenza jipprovdu lqugħ ta’ sikurezza li jeħtieġ jintuża f’konformità mar-regoli tal-UE u mal-pjanijiet nazzjonali ta’ kontinġenza.
Il-qlib tal-fjuwils jaf iħalli impatt ukoll fuq it-tniġġis tal-arja, u b’hekk fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ekosistemi, u fuq il-konsum tal-ilma. Skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, l-impjanti tal-kombustjoni li jaħdmu bil-gass u li se jaqilbu għaż-żejt jistgħu jingħataw deroga mil-limiti tal-emissjonijiet tagħha f’ċerti kundizzjonijiet, bħal meta jkun hemm ħtieġa prevalenti li tinżamm il-provvista tal-enerġija. Din id-deroga hija possibbli sakemm tissokta l-ħtieġa, diment li l-Kummissjoni tkun informata kif xieraq. Kif iċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ma jkunx hemm xogħlijiet jew interventi li jinvolvu alternattivi għal installazzjonijiet eżistenti, dan ma jikkwalifikax bħala proġett li jeħtieġ awtorizzazzjoni ġdida, skont it-tifsira tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali 14 . B’analoġija, il-qlib tal-fjuwils f’impjant tal-enerġija ma jikkwalifikax bħala proġett jekk ma jkun jinvolvi l-ebda xogħol jew intervent. F’konformità ma’ REPowerEU, l-emenda għall-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet tirreferi għall-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-qlib tal-fjuwils bi prijorità lis-sorsi tal-enerġija nadifa.
Il-miżuri għall-qlib tal-fjuwils jenħtieġ li jitfasslu b’mod li ma jikkompromettix l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni fi żmien medju u l-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun iż-żieda fit-tniġġis, u jenħtieġ li ma jikkompromettux l-impenji ġenerali fit-tul li ħadu l-Istati Membri għal tneħħija gradwali tal-faħam. Għalhekk, hu kruċjali li jkun żgurat li fil-futur dawn ma jikkawżawx intrappolament tal-karbonju.
Fl-aħħar nett, l-UE qed taħdem mal-Ukrajna u l-ENTSO-E biex iżżid il-kummerċ tal-elettriku bejn l-Ukrajna u l-UE, kemm biex tappoġġa lill-Ukrajna u anki biex tipprovdi alternattiva b’livell inqas ta’ emissjonijiet tal-karbonju lill-Istati Membri ġirien.
L-industrija: il-qlib tal-fjuwils, miżuri oħra bbażati fuq is-suq, u kriterji ta’ prijoritizzazzjoni intelliġenti
L-industrija diġà qed taffaċċja prezzijiet tal-enerġija ogħla u minħabba f’hekk xi industriji diġà qed ikollhom rati għoljin ta’ għeluq. Fl-ewwel nofs tal-2022, il-prezzijiet għaljin tal-gass kienu responsabbli parzjalment għal tnaqqis b’5% fid-domanda għall-gass tal-UE, meta mqabbla mas-snin preċedenti. Din ix-xejra aktarx li tibqa’ għaddejja sakemm il-prezzijiet jibqgħu għaljin. Deskrizzjoni aktar dettaljata tal-miżuri dwar l-iffrankar tal-gass u l-qlib tal-fjuwils tinsabfl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni.
Fis-settur tal-industrija, ir-rispons li jmiss jenħtieġ li jiffoka fuq il-miżuri bbażati fuq is-suq li jinċentivaw it-tnaqqis tad-domanda u jillimitaw id-danni għas-soċjetà u għall-ekonomija. Il-gass jintuża bħala materja prima u sors ta’ enerġija minn industriji li l-potenzjal tekniku tagħhom u l-kost għall-qlib tal-fjuwils jew għal tnaqqis fil-konsum ivarjaw drastikament minn settur għall-ieħor. L-istrumenti tas-suq huma mod effettiv biex jiġu proposti l-aktar alternattivi favorevoli ta’ tnaqqis.
Il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ il-prattiki tajbin, bħall-irkanti nazzjonali, reġjonali jew konġunti, jew is-sistemi tas-sejħiet għall-offerti li jinċentivaw it-tnaqqis fil-konsum mill-konsumaturi industrijali billi tħalli lill-industriji joffru tnaqqis fil-konsum tal-gass. Dan jikkawża tnaqqis fil-konsum tal-gass aggregat attwali, u b’hekk tiżdied id-disponibbiltà tal-gass, pereżempju għar-riforniment tal-ħażniet. Dawn l-irkanti jew is-sejħiet għall-offerti jistgħu jiġu organizzati fil-livell transfruntier biex jinħatfu kemm jista’ jkun il-possibbiltajiet ta’ tnaqqis tad-domanda b’mod partikolari mill-klijenti transfruntiera kbar li joperaw f’diversi Stati Membri. F’dan ir-rigward, kif stabbilit ukoll fil-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet, ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu lill-Istati Membri jinċentivaw tnaqqis volontarju fid-domanda għall-gass, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, bħal pereżempju billi jinċentivaw il-qlib lejn sorsi tal-enerġija aktar nodfa 15 .
Il-Kummissjoni se tesplora malajr l-idea ta’ irkanti tal-UE b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.
Fost miżuri simili oħra bbażati fuq is-suq li diġà huma previsti fil-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza hemm l-hekk imsejħa “kuntratti interrompibbli”, jiġifieri miżura ta’ flessibbiltà li tipprovdi kumpens finanzjarju predeterminat għal livell predeterminat ta’ tnaqqis fil-volum tal-gass għall-perjodu ta’ skonnessjoni.
F’sitwazzjoni ta’ emerġenza, wara li jkunu ġew eżawriti l-miżuri kollha tas-suq u dawk mhux ibbażati fuq is-suq, l-Istati Membri jaf ikollhom jibdew jagħmlu tnaqqis parzjali jew sħiħ lil gruppi ta’ konsumaturi speċifiċi li jkunu identifikaw f’ordni predefinita fil-pjanijiet ta’ emerġenza tagħhom. L-approċċi għal din il-prijoritizzazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, u jaf ikunu jew ma jkunux jikkunsidraw impatt usa’ fuq segmenti kritiċi tal-ekonomija tal-UE jew dinjija. F’każ ta’ deċiżjonijiet mhux ikkoordinati, hemm riskju sinifikanti ta’ frammentazzjoni tas-Suq Uniku, u li xi deċiżjonijiet nazzjonali jħallu impatt mhux intenzjonat fuq pajjiżi oħra tal-UE kif ġara fil-kriżi tal-COVID-19. Il-koordinazzjoni hi kruċjali biex titħares għalkollox l-integrità tas-Suq Uniku. Il-Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda mehmuż jipprovdi linji gwida lill-Istati Membri biex jirrieżaminaw u jtejbu l-ordni tal-prijoritajiet tagħhom billi jużaw prinċipji u kriterji komuni ħalli jikkoordinaw u jimminimizzaw l-impatt soċjoekonomiku f’kuntest usa’ tal-UE, filwaqt li jibqgħu jħaddmu s-solidarjetà Ewropea.
Fil-każ ta’ tnaqqis immirat, se jkun essenzjali li jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tiegħu. Dawn il-linji gwida jenħtieġ li jiġu riflessi b’mod ċar mill-Istati Membri meta jaġġornaw il-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza tagħhom. Dawn se jiffaċilitaw l-eżerċizzji ta’ koordinazzjoni futuri meta jkun meħtieġ. Kif imsemmi fil-Komunikazzjoni 16 dwar l-intervent fis-suq għall-immedjat, mehmuża mal-pjan REPowerEU, f’sitwazzjoni ta’ emerġenza reġjonali jew tal-Unjoni skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, jaf ikun jeħtieġ ukoll li jiġi stabbilit prezz amministrattiv għall-gass li jkopri l-perjodu ta’ emerġenza ddikjarata tal-Unjoni.
Jistgħu jiġu żviluppati strumenti ġodda għall-industriji li jaqdu rwol strateġiku għall-funzjonament tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE, ħalli jkomplu jħeġġuhom iwettqu sostituzzjoni, diversifikazzjoni, u sforzi tal-iffrankar, hekk kif il-mekkaniżmi tal-prezzijiet tas-suq jilħqu l-potenzjal tagħhom u l-alternattivi bbażati fuq is-suq jiġu eżawriti.
Governanza msaħħa għas-solidarjetà u l-mekkaniżmi li jgħinu fil-kooperazzjoni
Is-sitwazzjoni teħtieġ mekkaniżmu biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom ħalli jindirizzaw aspetti differenti tal-kriżi hekk kif tiżviluppa, u jipproteġu lis-suq intern. Il-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Gass eżistenti jista’ jindirizza dan ir-rekwiżit billi jiltaqa’ regolarment u, meta meħtieġ, fil-livell tad-Direttur Ġenerali u ma’ rappreżentanti mill-Ministeri għall-Industrija. Dan se jaqdi rwol kritiku fil-monitoraġġ tal-impatt tat-tnaqqis tad-domanda fuq is-setturi kritiċi u l-ktajjen tal-valur tal-UE kollha, u se jippermetti l-iskambju meħtieġ tal-informazzjoni, filwaqt li jlaqqa’ flimkien lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, sħab soċjali u fora ta’ politika meta xieraq.
F’sitwazzjoni ta’ emerġenza, is-solidarjetà effettiva u fil-pront tiġi ffaċilitata permezz tal-ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà previsti fir-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass fis-seħħ, li jkunu jiċċaraw l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji għall-forniment tal-gass lill-klijenti protetti legalment tal-pajjiżi ġirien f’każ ta’ kriżi. Hu urġenti li l-Istati Membri kollha li għadhom ma wettqux dan, jiffinalizzaw it-tħejjija tal-ftehimiet ta’ solidarjetà meħtieġa. Madankollu, il-ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà waħedhom jaf ma jkunux biżżejjed. Il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE se tibqa’ indispensabbli.
3. Għodda komuni tal-UE għal koordinazzjoni tat-tnaqqis tad-domanda għall-gass
It-tnaqqis meħtieġ fid-domanda jista’ jnaqqas ir-riskji għax-xitwa li jmiss biss jekk ikun ibbażat fuq impenn sod min-naħa tal-Istati Membri kollha li jilħqu l-għan kollettiv tagħna. Barra minn hekk, minħabba n-natura bla preċedent tal-kriżi tal-provvista tal-gass u l-effetti transfruntieri tagħha, l-ebda Stat Membru waħdu ma jista’ jindirizza biżżejjed jew b’mod effettiv ir-riskju ta’ diffikultajiet ekonomiċi serji li jinħolqu biż-żidiet fil-prezzijiet jew b’interruzzjonijiet sinifikanti tal-provvista. Biex tkun effettiva għalkollox, it-tħejjija komuni tal-UE għax-xitwa jeħtieġ tkun sostnuta b’qafas regolatorju sod li jiżgura azzjoni koordinata u malajr. Iċ-ċirkostanzi attwali jiġġustifikaw ir-rikors għas-setgħat regolatorji ta’ emerġenza stabbiliti fl-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament tal-Kunsill li jippermetti azzjoni effettiva li tindirizza r-riskju ta’ żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq Ewropew tal-gass, inkluż bil-qafas ta’ governanza meħtieġ. Bħala l-ewwel pass, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw it-tnaqqis meħtieġ b’mod volontarju. Jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar u jkun jeħtieġ jiskatta allert tal-UE, skont il-qafas stabbilit fil-proposta ta’ emerġenza, se tiġi implimentata mira vinkolanti għal tnaqqis tad-domanda għall-gass. Kull Stat Membru jiddetermina l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda, b’konsultazzjoni mal-pajjiżi ġirien. Għaldaqstant, l-abbozz tar-Regolament:
·Jitlob lill-Istati Membri kollha biex itejbu l-isforzi tagħhom għal aktar investimenti fl-alternattivi għall-gass Russu u biex jilħqu l-mira mhux vinkolanti ta’ tnaqqis ta’ 15% fid-domanda tagħhom, mill-anqas għat-tmien xhur li ġejjin, meta mqabbla mad-domanda medja tal-aħħar ħames snin (2016-2021). B’hekk, l-Ewropa kollha tkun tista’ tiffranka 45 bcm ta’ gass tul dak il-perjodu. L-isforzi ta’ tnaqqis korrispondenti jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-linji gwida tal-Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda.
·Jitlob lill-Istati Membri biex sal-aħħar ta’ Settembru jaġġornaw il-pjanijiet nazzjonali eżistenti tagħhom ta’ emerġenza ħalli jidentifikaw il-miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tad-domanda li beħsiebhom jimplimentaw kif xieraq.
·Jistabbilixxi qafas ta’ governanza biex jiffaċilita l-valutazzjoni tal-isforzi tal-Istati Membri kollha għal investimenti fl-alternattivi għall-gass Russu, inaqqas id-domanda għall-gass, u dan filwaqt li jikkunsidra t-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista tal-UE minħabba l-miżuri nazzjonali.
·Jintroduċi proċess biex fi kwalunkwe mument fil-ġimgħat jew fix-xhur li ġejjin ikun jista’ jiġi ddikjarat allert tal-UE jekk is-sitwazzjoni u l-prospettiva jevolvu b’mod negattiv fejn jidħol il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda b’riskji ta’ skarsezza serja tal-gass u deterjorament sinifikanti tas-sigurtà tal-provvista. Jekk dan ikun il-każ, il-Kummissjoni tista’ tattiva tnaqqis vinkolanti ta’ 15% biex tiżgura t-tnaqqis ġenerali meħtieġ tal-UE għal xitwa aktar sikura għal kulħadd.
4. Konklużjoni u l-passi li jmiss
Wasal iż-żmien li l-UE tantiċipa r-riskji u żżid b’mod proattiv it-tħejjija tagħha fejn tidħol is-sigurtà tal-provvista tal-gass. B’hekk qed tibgħat sinjal lill-korpi pubbliċi, lill-konsumaturi, lill-unitajiet domestiċi, lis-sidien tal-bini pubbliku, lill-fornituri tal-enerġija kollha, li issa jridu jieħdu miżuri straordinarji u malajr, minn issa, ħalli jiffrankaw il-gass u jnaqqsu l-konsegwenzi tal-interruzzjonijiet possibbli fix-xhur li ġejjin fuq l-ekonomija tal-UE.
It-tħejjija għal interruzzjonijiet maġġuri possibbli qabel jew tul ix-xitwa li jmiss hi vitali għar-reżiljenza tal-UE u għall-kredibbiltà tar-rispons tagħha għall-avvenimenti li qed iseħħu fix-xenarju ġeopolitiku. Dan kollu jirnexxi biss jekk ikollu l-appoġġ taċ-ċittadini u ta’ konsumaturi oħra miksub bl-involviment tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Indipendentement minn interruzzjoni sħiħa tal-flussi Russi għal perjodu qasir, azzjoni konġunta bikrija fil-livell tal-UE f’dan il-mument kritiku tal-proċess tar-riforniment tal-ħażniet se tnaqqas il-ħtieġa għal tnaqqis possibbli u aktar diffiċli fid-domanda aktar tard fix-xitwa.
Jekk tħaffef id-diversifikazzjoni u timplimenta tnaqqis kredibbli tad-domanda b’mod koordinat fl-Istati Membri kollha, l-UE tista’ tibgħat sinjal qawwi lis-suq li l-Ewropa hija ppreparata għal aktar interruzzjonijiet. Hija aktar reżiljenti, kapaċi tindirizza aħjar l-iżviluppi mhux previsti, u tista’ tgħin biex jittaffew l-impatti tagħhom fuq il-prezzijiet u l-ekonomiji.
L-UE jenħtieġ li tkun kunfidenti fil-kapaċità tagħha li tindirizza l-konsegwenzi ta’ interruzzjonijiet maġġuri fil-provvista u li żżid drastikament l-isforzi tagħha biex ittemm id-dipendenza tagħha fuq il-gass Russu. Ir-Regolament tal-Kunsill propost mehmuż u l-Pjan Ewropew ta’ Tħejjija għax-Xitwa jipprovdu għodda u linji gwida regolatorji komuni lill-Istati Membri biex inaqqsu d-domanda malajr u b’mod kosteffettiv għal livell adegwat ħalli jaffrontaw ix-xitwa li ġejja u jħejju ruħhom b’mod sikur għall-passi li jmiss. L-objettiv hu li jitfasslu miżuri u kriterji koordinati min-naħa tad-domanda madwar l-UE kollha, bi spirtu ta’ solidarjetà u responsabbiltà, kif mitlub mill-mexxejja tal-UE. Jenħtieġ li jitqiesu l-aħjar prattiki b’mod urġenti, fosthom l-irkanti konġunti, ħalli jitnaqqsu l-konsum u t-tisħin tal-bini pubbliku.
Il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment lill-Kunsill. Impenn politiku kontinwu se jiżgura koordinazzjoni proattiva u effettiva tal-UE li tkun proporzjonata mal-isfidi fix-xefaq.
B’mod paralleli, hu kruċjali li titħaffef l-adozzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass proposta fir-reviżjoni ta’ Diċembru 2021 tar-Regolament dwar is-Suq tal-Gass, għax din se tintroduċi klawżoli ta’ solidarjetà awtomatiċi u armonizzati bejn l-Istati Membri ħalli tkun żgurata l-provvista lill-klijenti protetti anke waqt kriżi estrema.
L-avvanz u l-implimentazzjoni immedjata ta’ dan il-pjan se jnaqqsu l-inċertezza, se jillimitaw il-primjums tar-riskju fis-swieq tal-enerġija, se jgħinu fir-riforniment ta’ aktar ħażniet u se jagħtu prijorità lill-konsum tal-gass fejn ikun meħtieġ l-aktar. Fl-aħħar mill-aħħar, dan se jagħti iżjed saħħa lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaffaċċjaw interruzzjonijiet maġġuri possibbli fil-provvista tal-gass qabel u matul ix-xitwa li jmiss.
Ir-Regolament (UE) 2017/1938.
Ħdax-il (11) Stat Membru ħarġu twissija bikrija u wieħed, il-Ġermanja, iddikjara livell ta’ allert.
L-interkonnettur tal-gass li jforni lill-Bulgarija, lir-Rumanija, lill-Ungerija u lill-Awstrija.
Ir-Regolament (UE) 2022/1032 dwar il-ħżin tal-gass
Fl-aħħar ta’ Marzu 2022, l-UE u l-Istati Uniti qablu f’dikjarazzjoni konġunta li jipprevedu żieda ta’ 15 bcm fl-importazzjonijiet tal-LNG tal-UE mill-Istati Uniti fl-2022. L-importazzjonijiet tal-LNG mill-Istati Uniti laħqu t-30 bcm fl-ewwel nofs tal-2022, meta mqabbla mat-total ta’ 22 bcm fl-2021. F’Ġunju, is-sehem tal-Istati Uniti fl-importazzjonijiet tal-LNG tal-UE kien madwar 46%.
Impenn estern tal-UE dwar l-enerġija f’dinja li qiegħda tinbidel {SWD(2022) 152 final}
L-impatt f’kull Stat Membru jiddependi fuq il-livell attwali tal-importazzjonijiet tal-gass Russu, il-potenzjal ta’ diversifikazzjoni tas-sorsi fi żmien qasir, ir-rwol tal-gass fit-taħlita tal-enerġija, u t-tessut industrijali.
Meta mqabbla mad-domanda medja tal-UE għall-gass bejn l-2017 u l-2021 – medda użata biex ikunu jistgħu jitqiesu l-bosta gradi tat-temp xitwi fl-aħħar snin.
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52022DC0240&from=MT
Skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament 2017/1938, il-klijenti protetti jinkludu wkoll it-tisħin distrettwali u ċerti servizzi soċjali essenzjali bħall-kura tas-saħħa, u b’ċerti limiti lill-impriżi żgħar u medji.
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52022DC0240&from=MT
C-275/09, C-121/11, C-411/17, C-254/19.
Barra minn hekk, il-politika fiskali jenħtieġ li tkun immirata lejn l-iffrankar enerġetiku, kemm billi tappoġġa l-effiċjenza enerġetika u anki billi tinċentiva t-tnaqqis tad-domanda. L-Istati Membri jenħtieġ li jaġġustaw il-politiki dwar l-affordabbiltà ħalli jżidu t-tnaqqis tad-domanda. L-Istati Membri jenħtieġ li jutilizzaw il-qafas legali tal-VAT u jimxu lejn tneħħija tar-rati tal-VAT fuq l-installazzjonijiet tal-pannelli solari, inaqqsu r-rati fuq l-installazzjoni tas-sistemi tat-tisħin b’emissjonijiet baxxi u miżuri oħra tal-ipprezzar tal-enerġija, u jħeġġu l-qlib lejn il-pompi tas-sħana u x-xiri ta’ apparati aktar effiċjenti. Is-solliev mit-taxxa jista’ jiġi kumplimentat b’sussidji għal investimenti fl-effiċjenza enerġetika maħsuba għall-unitajiet domestiċi bi dħul baxx u għall-mikrointrapriżi vulnerabbli.
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52022DC0236&from=MT
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.7.2022
COM(2022) 360 final
ANNESS
tal-
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
“Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”
Werrej
Linji Gwida dwar il-Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass
Introduzzjoni
1. Miżuri volontarji tal-iffrankar u prattiki tajbin
a) Miżuri tal-qlib tal-fjuwils
b) Strumenti bbażati fuq is-suq
Sistemi ta’ rkanti jew ta’ sejħiet għall-offerti
Kuntratti tat-tpartit bejn il-klijenti kbar
Kuntratti interrompibbli
c) Iffrankar fit-tisħin u t-tkessiħ
Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni
Obbligu mmirat li jonqsu t-tisħin u t-tkessiħ
2. Kriterji għall-prijoritizzazzjoni tal-klijenti kritiċi mhux protetti
a) Kriterji biex tonqos id-domanda f’każ ta’ preemerġenza jew emerġenza
Kritikalità soċjetali
Kritikalità tal-katina tal-valur transfruntiera
Ħsara potenzjali lill-installazzjonijiet
Potenzjal ta’ sostituzzjoni u tnaqqis
L-aspetti ekonomiċi
b) Kooperazzjoni transfruntiera biex jintużaw il-kriterji
3. Governanza u l-istadji tar-rispons għall-kriżijiet
Linji Gwida dwar il-Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass
Introduzzjoni
Dan il-pjan tal-UE ta’ tħejjija għax-xitwa għandu l-għan li jkompli jappoġġa lill-Istati Membri fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin, u li jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq intern f’każ ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Dan il-pjan jikkumplimenta l-isforzi preċedenti biex tiżdied it-tħejjija tal-Unjoni, bħall-involviment tas-sħab internazzjonali biex tiżdied il-provvista, u miżuri oħra mħabbra fil-pjan REPowerEU. It-tnaqqis fid-domanda jenħtieġ li jiġi antiċipat kemm jista’ jkun u l-iffrankar jenħtieġ li jkun iffokat fuq is-setturi u l-attivitajiet li għalihom ikun inqas għali. Kulħadd jista’ jiffranka l-gass, anki l-klijenti protetti bħall-unitajiet domestiċi, il-binjiet tal-entitajiet pubbliċi u privati, l-industriji b’potenzjal għall-qlib tal-fjuwils u, jiddependi mill-kuntest nazzjonali, anke s-settur tal-elettriku.
Il-pjan hu bbażat fuq ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u l-industriji dipendenti fuq il-gass naturali.
Il-Kapitolu 1 jidentifika prattiki tajbin għall-miżuri bbażati fuq is-suq u l-miżuri mhux ibbażati fuq is-suq li jistgħu jitwettqu minnufih biex jiġu liberati l-volumi tal-gass. Il-Kapitolu 2 jipprovdi linji gwida dwar il-kriterji biex jiġu identifikati setturi kritiċi tal-ekonomija u installazzjonijiet industrijali. Il-Kapitolu 3 jiġbor fil-qosor it-tliet stadji gradwali tar-rispons tal-UE għal theddida ta’ interruzzjoni maġġuri fil-provvista tal-gass fil-livell Ewropew, b’segwitu għad-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista, u l-miżuri l-ġodda stabbiliti fir-Regolament propost.
1. Miżuri volontarji tal-iffrankar u prattiki tajbin
Hemm firxa wiesgħa ta’ miżuri disponibbli għall-Istati Membri biex inaqqsu d-domanda għall-gass fis-setturi kollha. Qabel ma jimplimentaw it-tnaqqis lill-klijenti mhux protetti bħall-industrija, l-Istati Membri jenħtieġ li, flimkien mal-partijiet ikkonċernati, jużaw il-possibbiltajiet kollha ta’ sostituzzjoni, skemi nonobbligatorji tal-iffrankar, u użi tas-sorsi alternattivi tal-enerġija eżistenti. Dawn jenħtieġ li jingħataw prijorità sakemm jibqgħu ekonomikament, soċjalment u ambjentalment preferibbli għal alternattivi ta’ tnaqqis obbligatorju tad-domanda. Meta possibbli, jenħtieġ li tingħata prijorità, biex issir qlib malajr u deċiżiv lejn sorsi rinnovabbli jew alternattivi aktar nodfa u inqas intensivi fil-karbonju. L-attivazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq u ta’ miżuri mhux ibbażati fuq is-suq biex tkompli tonqos id-domanda għall-gass tista’ tkun kruċjali biex jiġu antiċipati u mmitigati r-riskji marbuta ma’ nuqqasijiet possibbli ta’ gass għas-soċjetà u għall-ekonomija.
a)Miżuri tal-qlib tal-fjuwils
L-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità u jħaffu l-miżuri tal-qlib tal-fjuwils fl-industrija u fil-produzzjoni tal-elettriku ħalli jiffrankaw il-gass b’mod preventiv u jtejbu t-tħejjija, u jżewġuhom mal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika. Fl-Istati Membri jeżistu diversi alternattivi għall-miżuri tal-qlib tal-fjuwils:
·Jiġu inċentivati l-kapaċitajiet tal-qlib tal-fjuwils mill-industriji u mill-qasam tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana (deċiżjoni tas-suq), inkluż il-qlib lejn il-bijomassa solari derivata b’mod sostenibbli, il-bijometan mill-iskart u r-residwi, sorsi solari u sorsi oħra tal-enerġija rinnovabbli.
·Jintuża l-ossiġnu flok il-gass naturali f’ċerti installazzjonijiet industrijali, u d-drives tal-fwar li jużaw il-gass jinbidlu bi drives elettriċi.
·Ikompli jiżdied l-użu tal-oġġetti tar-ruttam u tal-iskart li jipproduċu l-enerġija fl-industrija biex jonqos l-użu tal-gass.
·Jitħaddmu miżuri aktar elaborati tal-qlib tal-fjuwils, pereżempju, fl-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass, biex issr il-qalba lejn iż-żejt tal-gass, skont l-evoluzzjoni tad-disponibbiltà tal-volumi fis-swieq tal-gass.
·L-operaturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija termali li għandhom ġeneraturi ta’ riżerva li jaħdmu bid-diżil ikunu obbligati jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex l-unitajiet tagħhom jitħaddmu mingħajr skossi jekk ikollhom jaqilbu għad-diżil.
Il-qlib tal-fjuwils hu għażla ta’ prijorità, iżda bla dubju l-kostijiet, il-fattibbiltà teknika u d-disponibbiltà ta’ fjuwils alternattivi affordabbli jaf joħolqu xi restrizzjonijiet, u l-impatti potenzjali fuq is-saħħa u l-ambjent iridu jiġu vvalutati bir-reqqa. L-intrappolament tal-karbonju fit-tul jenħtieġ li jkun evitat, u l-qlib tal-fjuwils, għajr tal-fjuwils rinnovabbli, irid ikollu l-inqas kontenut possibbli ta’ emissjonijiet u jkun limitat fiż-żmien biex jikkontribwixxi għad-disponibbiltà tal-gass fil-perjodu tax-xitwa li jmiss. Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtieġ jimmonitorjaw l-iskarsezza tal-fjuwils alternattivi kkawżata mill-qlib tal-fjuwils fuq skala kbira, u anki l-effetti fuq il-prezzijiet.
Il-kriterji biex jiġu identifikati l-klijenti mhux protetti u l-ktajjen tal-provvista essenzjali fil-Kapitolu 2 huma kruċjali ħalli l-Istati Membri jiġu megħjuna jiddeċiedu dwar il-mekkaniżmi ta’ appoġġ, l-aktar għax il-mekkaniżmi tal-prezzijiet tas-suq jaf ma jkunux biżżejjed biex jiggwidaw biss dan il-qlib tal-fjuwils. Għalhekk, il-Kummissjoni se tanalizza, każ b’każ, l-iskemi tal-għajnuna mill-Istat li jagħtu appoġġ meħtieġ, proporzjonat, xieraq u maħsub biex tissaħħaħ il-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn l-operazzjonijiet fis-setturi meqjusa kritiċi. Barra minn hekk, il-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet rivedut jippermetti l-għoti ta’ inċentivi għall-qlib tal-fjuwils lejn sorsi rinnovabbli bħala kwistjoni ta’ prijorità, u jappoġġa wkoll il-qlib tal-fjuwils lejn sorsi oħra tal-enerġija f’każ ta’ ħtieġa assoluta.
Il-qlib tal-fjuwils jista’ jżid l-emissjonijiet, li xi drabi jkunu permessi skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED). In-natura eċċezzjonali u temporanja ta’ din id-deroga teħtieġ monitoraġġ u notifiki kontinwi lill-Kummissjoni.
Uħud mill-Istati Membri estendew l-użu tal-impjanti tal-enerġija eżistenti li jaħdmu bil-faħam, u ssospendew temporanjament ir-restrizzjonijiet legali fuqhom. Iżda dawn jenħtieġ li dejjem jitqiesu bħala miżuri temporanji għall-immedjat u riversibbli, ħalli ma jinħoloqx intrappolament tal-karbonju fit-tul, bi qbil mal-objettiv ta’ Tranżizzjoni Ġusta tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jenħtieġ li jkunu konformi mal-qafas regolatorju tal-UE. L-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kull illaxkar tar-regoli dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa li jiġi kkunsidrat bħala parti mill-pjanijiet għall-qlib tal-fjuwils. Dan l-illaxkar jenħtieġ li jkun l-aħħar alternattiva u jiġi kkunsidrat biss wara li jkunu ġew eżawriti l-miżuri l-oħra kollha ta’ ġestjoni tad-domanda u l-possibbiltajiet ta’ qlib lejn fjuwils aktar nodfa. Dan jenħtieġ li jnaqqas kemm jista’ jkun l-iskala u t-tul ta’ kull żieda fl-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa. Il-Kummissjoni se taħdem skont dawn il-kriterji mal-Istati Membri kollha li jagħmlu notifiki bħal dawn u se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jiżguraw ir-ritorn lejn konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa.
Xi Stati Membri pposponew l-għeluq tal-impjanti tal-enerġija nukleari.
Id-deċiżjoni rigward posponiment possibbli ta’ tneħħija gradwali tal-impjanti nukleari meta jkun teknikament fattibbli hija għażla ta’ politika għall-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, l-istandards tas-sikurezza tat-Trattat Euratom u tal-qafas regolatorju applikabbli tal-UE japplikaw u jipprevalu.
Fl-aħħar nett, fis-settur tal-enerġija, l-azzjonijiet li jnaqqsu l-konsum tal-gass jenħtieġ li jiġu vvalutati kif xieraq fil-pjanijiet nazzjonali ta’ tħejjija għar-riskji li jridu jiġu stabbiliti skont ir-Regolament dwar it-tħejjija għar-riskji għall-elettriku.
|
Il-qlib tal-fjuwils ·Nippromwovu l-qlib tal-fjuwils fl-industriji ·Nippromwovu l-qlib tal-fjuwils fis-setturi tal-enerġija u tat-tisħin kull meta jkun possibbli, filwaqt li nagħtu prijorità lill-qlib tal-fjuwils lejn fjuwils rinnovabbli u aktar nodfa ·L-objettivi ta’ Tranżizzjoni Ġusta jibqgħu fis-seħħ ·Ir-riskju tal-iskarsessi tal-gass nintegrawh fil-pjanijiet nazzjonali ta’ tħejjija għar-riskji għall-elettriku |
b)Strumenti bbażati fuq is-suq
Sistemi ta’ rkanti jew ta’ sejħiet għall-offerti
Waħda mill-miżuri rakkomandati tinkludi rkanti nazzjonali jew konġunti, jew sistemi ta’ sejħiet għall-offerti biex l-Istati Membri jinċentivaw it-tnaqqis fil-konsum mill-konsumaturi kbar (l-aktar, l-industriji). L-industriji li jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex inaqqsu d-domanda volontarjament joffru li jagħmlu dan. Jiddependi mill-mod kif jitfasslu, dawn jistgħu jirċievu kumpens finanzjarju talli jwettqu ffrankar addizzjonali. Il-konsumaturi industrijali jistgħu jiddefinixxu huma stess meta jkun sensibbli li jwaqqfu jew inaqqsu temporanjament id-domanda, skont il-karatteristiċi individwali tagħhom u wara li jqisu l-impatt fuq l-impjiegi. Sistema bħal din tista’ tħeġġeġ ukoll iffrankar tal-gass mill-kumpaniji li jkun beħsiebhom jagħlqu biex jagħmlu xi manutenzjoni jew modernizzazzjoni.
Meta miżura bħal din tkun tinvolvi għajnuna mill-Istat, u bħalma tiċċara l-emenda tal-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet, l-Istati Membri jistgħu jinċentivaw tnaqqis volontarju tad-domanda għall-gass fil-kuntest tal-kriżi attwali, li l-Kummissjoni mbagħad tivvaluta direttament skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE 1 .
L-idea tal-irkanti jew tas-sejħiet għall-offerti tal-UE tista’ tiġi esplorata wkoll bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-klijenti transfruntieri kbar li għandhom proċessi tal-produzzjoni f’diversi Stati Membri jibbenefikaw minn proċedura bħal din. Id-domanda titnaqqas fejn b’mod ġenerali t-tnaqqis ikun l-inqas għali biex isir (mhux biss l-inqas għali fi Stat Membru partikolari), inkluż mil-lat ta’ impatti ekonomiċi negattivi potenzjali u telf tal-impjiegi.
Kuntratti tat-tpartit bejn il-klijenti kbar
Possibbiltà oħra għall-klijenti industrijali hija li jiftiehmu bil-quddiem fuq tpartit kuntrattwali tal-produzzjoni tagħhom minn reġjun espost għall-interruzzjonijiet lejn reġjun inqas espost f’każ ta’ skarsezza kbira. Jekk il-livell ta’ kriżi jkun “allert tal-UE” jew “emerġenza tal-UE”, il-produttur fir-reġjun inqas affettwat minn skarsezza tal-gass jiżgura l-provvista tal-produzzjoni lill-produttur li kellu jieqaf minħabba skarsezza tal-gass fir-reġjun affettwat. Min-naħa l-oħra, dan it-tpartit iħares is-sit u r-reġjun affettwat minn tnaqqis sfurzat mhux ippjanat.
Din il-kooperazzjoni bejn l-impriżi, fil-prinċipju, ma titqiesx problematika skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE diment li (i) tkun imfassla u oġġettivament meħtieġa biex tindirizza l-iskarsezza tal-gass relatata mal-“allert tal-UE” jew mal-“emerġenza tal-UE” iddikjarata f’suq tal-gass Ewropew wieħed jew aktar, (ii) ikollha natura temporanja (jiġifieri applikata biss sakemm tippersisti s-sitwazzjoni ta’ allert jew emerġenza) u (iii) ma tkunx tisboq lil dak strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-gass relatata mal-“allert tal-UE” jew mal-“emerġenza tal-UE” iddikjarata f’suq tal-gass Ewropew wieħed jew aktar 2 .
Kuntratti interrompibbli
L-użu tal-kuntratti interrompibbli għall-konsum tal-gass, bħala miżura volontarja bbażata fuq is-suq, hu mħeġġeġ kull meta jkun possibbli għax dan jirrappreżenta sors importanti ta’ flessibbiltà. Miżuri bħal dawn huma fis-seħħ fil-livell ta’ “allert bikri” jew “allert” (jiġifieri l-livelli ta’ kriżi ta’ qabel emerġenza) f’diversi Stati Membri. L-attivazzjoni tal-interruzzjoni tiġi b’kumpens finanzjarju determinat minn qabel, li jkun jikkorrispondi għal livell determinat minn qabel ta’ tnaqqis fil-volum jew ta’ perjodu ta’ skonnessjoni. Għalkemm fil-prinċipju, il-kumpens u l-volumi mhumiex imfassla għal interruzzjonijiet fit-tul u sħaħ tal-provvista tal-gass Russu, tnaqqisiet fid-domanda għall-gass mal-UE kollha, minħabba kuntratti interrompibbli, jista’ jkollhom impatt kumulattiv sinifikanti biex jiġu liberati l-volumi tal-gass, eż. għar-riforniment tal-ħażniet. L-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu ż-żieda tal-użu ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti mill-aktar fis possibbli biex jiżdied l-iffrankar saħansitra minn din ix-xitwa.
Flessibbiltà min-naħa tad-domanda fil-qasam tal-elettriku
B’mod aktar ġenerali, ir-rispons għad-domanda fis-suq tal-elettriku jista’ jgħin biex jonqos il-konsum tal-gass. Dan jista’ jiġi awtomatizzat b’teknoloġiji u servizzi intelliġenti ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda li jnaqqsu d-domanda b’mod dipendenti fuq il-ħin meta l-elettriku jkun iġġenerat bil-gass, fl-eqqel waqtiet. Dan hu ffrankar dinamiku tal-enerġija mill-fjuwils fossili li jenħtiep li jikkumplimenta ffrankar aktar statiku kkawżat minn miżuri tal-effiċjenza enerġetika jew, pereżempju, minn irkant fit-tul kif deskritt hawn fuq. Dan ir-rispons għad-domanda jista’ jkun immirat għall-konsum tal-elettriku mill-industriji, ir-residenzi, l-offiċini u l-bini kummerċjali, u fis-setturi tat-trasport. Biex jinħataf il-potenzjal tar-rispons għad-domanda saħansitra mix-xitwa li jmiss, l-Istati Membri jenħtieġ li jiftħu s-swieq kollha għar-riżorsi flessibbli min-naħa tad-domanda biex jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom. Abbażi tal-istimi tal-industrija 3 , jekk tiġi sfruttata u attivata għalkollox fis-swieq kollha, il-kapaċità flessibbli fis-sistema tal-elettriku tista’ tnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass Russu fl-UE b’5%.
|
Strumenti bbażati fuq is-suq li jnaqqsu d-domanda u jħejju għall-iskarsezzi: ·Sistemi ta’ rkanti jew sejħiet għall-offerti ·Kuntratti interrompibbli ·Kuntratti tat-tpartit bejn il-konsumaturi industrijali ·Flessibbiltà min-naħa tad-domanda fl-elettriku |
c)Iffrankar fit-tisħin u t-tkessiħ
Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni
Kulħadd jista’ jiffranka l-gass, anki l-klijenti protetti. Kampanji informattivi biex il-konsumaturi jsiru konxji li meta possibbli, jenħtieġ li jibdew jiffrankaw il-gass, u l-elettriku li spiss jiddependi fuq il-gass, ħalli b’hekk ikun jista’ jonqos ġmielu il-konsum tal-gass. Din il-miżura hija stabbilita fil-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass ta’ ħafna Stati Membri fl-istadju ta’ allert bikri. L-idea ta’ sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi, l-industriji, in-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi kollha, u l-unitajiet domestiċi bl-istess mod, u kif ukoll li jingħataw eżempji konkreti u operazzjonali ta’ kif jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-gass, pereżempju, jbiddlu l-komportament tagħhom. Barra minn hekk, hu rakkomandat li jsiru miżuri ta’ kampanji li jħeġġu liċ-ċittadini jnaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom, pereżempju billi jbaxxu t-termostat jew it-temperatura tal-ilma fl-istaġun tat-tisħin, għax dan jista’ joħloq iffrankar ġmielu tal-gass. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan biex jimplimentaw dawn il-miżuri għaqlin, u tappoġġa lill-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli u foqra fl-enerġija li f’xi pajjiżi diġà kienu qed jillimitaw il-konsum tal-enerġija tagħhom inqas mil-livelli ta’ kumdità.
Bħala parti mill-pjan REPowerEU, il-Kummissjoni ressqet il-“Pjan għall-Iffrankar tal-Enerġija” tal-UE 4 li jistabbilixxi wkoll firxa wiesgħa ta’ miżuri għall-immedjat li l-Istati Membri jistgħu jwettqu biex jinċentivaw azzjonijiet li jiġġeneraw ukoll iffrankar immedjat tal-gass (fosthom it-tnaqqis tat-tisħin, il-manutenzjoni, u t-tnaqqis tat-temperatura tal-bojlers). Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mal-atturi lokali biex jixterdu dawn il-messaġġi, pereżempju bil-kampanja “Energy Saving Sprint” flimkien mal-Patt tas-Sindki. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati wkoll mill-bliet, fosthom permezz tal-100 Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima.
Hu essenzjali li l-Istati Membri kollha jibdew jimplimentaw dawn il-miżuri minnufih, anke dawk li għadhom ma ddikjarawx allert bikri. Fil-fatt, ħafna Stati Membri rrapportaw li kienu qed jintroduċu miżuri ta’ sensibilizzazzjoni flimkien ma’ skemi ta’ sussidju għall-unitajiet domestiċi u għall-intrapriżi b’enfasi fuq ir-rinnovazzjoni tal-bini, l-użu tal-pompi tas-sħana u l-qlib lejn fjuwils oħra, u s-sostituzzjoni ta’ apparat u tagħmir eżistenti b’oħrajn aktar effiċjenti.
Preferibbilment, l-Istati Membri ibiddlu dejjem aktar il-politiki ta’ kumpens tagħhom għal miżuri ta’ introjtu li jipprovdu xi forma ta’ kumpens monetarju lill-konsumaturi tal-enerġija. Bit-testijiet tal-mezzi, dawn jenħtieġ li jkunu mmirati lejn il-gruppi vulnerabbli.
Obbligu mmirat li jonqsu t-tisħin u t-tkessiħ
Fil-livell ta’ “allert”, fost il-miżuri fil-pjanijiet nazzjonali jista’ jkun hemm tnaqqis nazzjonali obbligatorju tal-konsum fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ. Meta jkunu mmirati, miżuri bħal dawn ma jkunux idgħajfu l-prinċipju li l-unitajiet domestiċi, it-tisħin distrettwali u ċerti servizzi essenzjali huma klijenti protetti u li l-provvista tagħhom hija garantita. Aktarx li ż-żieda fil-prezzijiet diġà kkawżat parzjalment tnaqqis fl-użu tal-gass fost il-konsumaturi iżda meta l-prezzijiet waħedhom ma jkunux biżżejjed biex jonqsu t-tisħin u t-tkessiħ, jaf ikun hemm bżonn jiddaħħlu ċerti obbligi. Se jkun importanti li jiġi żgurat servizz distribwit b’mod ġust u aċċess għas-servizzi essenzjali lill-klijenti kollha, b’mod partikolari lill-klijenti vulnerabbli konnessi man-networks tal-provvista tal-enerġija. Mod effettiv u infurzabbli hu jiġi obbligat tnaqqis immirat tat-tisħin u tat-tkessiħ tat-temperatura u tal-ilma, fil-binjiet li huma proprjetà jew operati mill-awtoritajiet pubbliċi jew f’isimhom, fiċ-ċentri kummerċjali, fl-offiċini jew fl-ispazji pubbliċi. Jistgħu jitqiesu wkoll l-esperjenzi passati ta’ suċċess b’rabta mas-sistemi tal-ipprezzar bonus malus biex jiżdied l-iffrankar, u li dawn jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istati Membri 5 .
|
Innaqqsu t-tisħin u t-tkessiħ ·Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika fil-livell nazzjonali ·Tnaqqis obbligatorju fil-binjiet operati f’isem l-awtoritajiet pubbliċi ·Skemi tal-ipprezzar bonus malus ·Innaqqsu l-konsum fiċ-ċentri kummerċjali, fl-offiċini u fl-ispazji pubbliċi ·L-awtoritajiet pubbliċi jridu jistabbilixxu limiti ġodda tat-temperatura u/jew ta’ kull siegħa għat-tisħin u/jew għat-tisħin distrettwali fis-settur domestiku li juża l-gass |
2. Kriterji għall-prijoritizzazzjoni tal-klijenti kritiċi mhux protetti
Il-prinċipju sottostanti tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass hu li jitħarsu gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi li ma għandhomx il-mezzi biex jiżguraw il-provvista tagħhom stess f’każ ta’ kriżi fil-provvista u li ma jkollhom l-ebda alternattiva vijabbli biex isibu tarf din is-sitwazzjoni (il-klijenti protetti). Dawn jistgħu jinkludu lill-unitajiet domestiċi, lit-tisħin distrettwali għall-unitajiet domestiċi (dawk biss li ma jistgħu jaqilbu l-fjuwils), u b’mod fakultattiv u skont ċerti kundizzjonijiet, lis-servizzi soċjali essenzjali u l-SMEs. Ir-Regolament jippermetti wkoll li l-Istati Membri jipprijoritizzaw ċerti impjanti tal-enerġija kritiċi li jaħdmu bil-gass, fuq ċerti gruppi ta’ klijenti protetti.
Dan il-Pjan jipprovdi linja gwida lill-Istati Membri dwar kif iridu jikkumplimentaw b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass għall-gruppi tal-konsumaturi mhux protetti b’mod ikkoordinat u abbażi ta’ kriterji u prinċipji komuni biex tinżamm l-integrità tas-suq intern u tissaħħaħ ir-reżiljenza tiegħu. Dan jenħtieġ li jgħin lill-Istati Membri jidentifikaw u jipprijoritizzaw, skont il-gruppi tal-konsumaturi “mhux protetti” tagħhom, l-aktar klijenti jew installazzjonijiet kritiċi, prinċipalment fost l-industrija, ħalli dawn il-gruppi jkunu l-aħħar li jiġu ristretti, qabel il-klijenti protetti. Din il-prijoritizzazzjoni jenħtieġ li tqis il-kritikalità tagħhom għall-UE kollha kemm hi, u r-rabtiet kritiċi tal-katina tal-provvista mas-sħab kummerċjali internazzjonali tagħha. Jenħtieġ li tqis ukoll l-importanza ekonomika u l-valur miżjud tagħhom għall-impjiegi. Meta jkunu previsti kumpensi finanzjarji, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jikkontribwixxi biex ikun żgurat li dawn il-miżuri jkunu kompatibbli mas-suq intern.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jibnu fuq il-linji gwida li ġejjin meta jaġġornaw l-ordnijiet ta’ prijoritizzazzjoni tagħhom u l-miżuri relatati fil-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass sal-aħħar ta’ Settembru 2022.
a)Kriterji biex tonqos id-domanda f’każ ta’ preemerġenza jew emerġenza
F’każ ta’ interruzzjonijiet serji, jenħtieġ li jitqiesu l-kriterji li ġejjin (flimkien) għall-prijoritizzazzjoni fost il-klijenti mhux protetti:
Minbarra dawn l-erba’ kriterji, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi jenħtieġ li jitqiesu wkoll mill-Istati Membri bħala kunsiderazzjoni addizzjonali fit-test tal-ibbilanċjar.
Kritikalità soċjetali
Hu rakkomandat li l-industriji meqjusa kritiċi jew strateġiċi minn perspettiva soċjetali jingħataw prijorità, jekk interruzzjoni tħalli effetti negattivi fuq il-ktajjen tal-provvista li jimpattaw is-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent, is-sigurtà, id-difiża u setturi kritiċi oħra, bħall-ikel u r-raffineriji. Pereżempju, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jistgħu jintlaqtu bin-nuqqas ta’ trattament tal-iskart u tal-ilma, u bin-nuqqas ta’ protezzjoni tas-sikurezza, pereżempju tal-impjanti kimiċi. L-identifikazzjoni bir-reqqa ta’ prodotti, installazzjonijiet u elementi tal-katina tal-valur speċifiċi li jħallu impatt fuq is-servizzi soċjali kritiċi jeħtieġ tiġi kkunsidrata bir-reqqa.
Filwaqt li kull Stat Membru jaf ikun irid jiddefinixxi t-tifsira ta’ kritikalità soċjetali fil-kuntest nazzjonali rispettiv tiegħu, il-Kummissjoni tirrakkomanda li tal-anqas tiġi inkluża analiżi mhux eżawrjenti tal-impatt fuq is-saħħa, l-ikel, is-sikurezza u l-ambjent, is-sigurtà u d-difiża fil-prijoritizzazzjoni nazzjonali tagħhom.
|
Eżempji ta’ setturi u attivitajiet kritiċi mil-lat soċjetali: ·Saħħa u farmaċewtika ·Ikel ·Sikurezza u ambjent ·Sigurtà, difiża u raffineriji |
Kritikalità tal-katina tal-valur transfruntiera
Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri biex dejjem jikkunsidraw l-impatt li t-tnaqqis fl-attività ekonomika f’settur wieħed ikollu fuq il-katina tal-valur kollha tal-UE jew fuq il-katina tal-valur dinjija. L-aħħar taqsima ta’ dan il-Kapitolu tittratta kif dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu kkoordinati.
Waqt it-tfassil tal-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass, l-Istati Membri jiffokaw qabelxejn fuq l-impatt nazzjonali ta’ interruzzjoni possibbli fil-provvista tal-gass. Iżda minħabba l-grad ta’ integrazzjoni u interkonnessjoni industrijali fis-Suq Uniku kollu, l-interruzzjonijiet għal setturi (upstream) speċifiċi li jaf ma jitqisux kritiċi f’xi Stat Membru partikolari, jaf ikunu jħallu impatt qawwi fuq setturi kritiċi (downstream) fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-ktajjen tal-valur tal-biċċa l-kbira tal-industriji fihom partijiet Ewropizzati jew internazzjonalizzati, li huma importanti għall-impjiegi u għall-forniment tas-servizzi u l-oġġetti soċjetali kritiċi.
Pereżempju, l-industrija tat-tagħmir mediku u tal-farmaċewtika, partijiet mill-industrija kimika (eż. li jikkontribwixxu għas-sistemi tal-ikel u tas-saħħa) jew partijiet mill-industriji tat-tessuti (li jikkontribwixxu għall-prodotti tal-kura tas-saħħa u tad-difiża), huma parti minn ktajjen tal-valur kritiċi għal setturi essenzjali jew strateġiċi.
Approċċ partikolari li jista’ jitħaddem biex jitqiesu l-effetti transfruntieri hu li ssir enfasi fuq il-livell tal-prodott, aktar milli fuq il-livell tas-settur, ħalli jiġu identifikati l-prodotti essenzjali minflok is-setturi. Xi eżempji jinkludu l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tal-ħġieġ użata direttament mill-industrija tal-ikel u tal-farmaċewtika (kontenituri tal-ikel, vjali u siringi) u fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u fil-manifattura tat-teknoloġija nadifa (fotovoltajċi, enerġija eolika) u fl-applikazzjonijiet għall-iffrankar enerġetiku. Dan ikun jeħtieġ immappjar estensiv tal-ktajjen tal-valur relatati ma’ dawn il-prodotti essenzjali. Pereżempju, mal-ewwel daqqa t’għajn, is-sustanzi kimiċi bażiċi jaf jidhru li mhumiex l-aktar settur soċjetalment kritiku. Iżda l-prodotti ta’ dan is-settur jintużaw b’mod wiesa’ f’setturi oħra differenti, u għalhekk l-impatti tal-katina tal-valur (transfruntiera) tiegħu aktarx ikunu sinifikanti. Eżempju ieħor huma l-fertilizzanti, settur li jiddependi ferm fuq il-gass li jissupplixxi lis-settur agrikolu soċjetalment kritiku madwar al-UE kollha, iżda li għandu produzzjoni kkonċentrata ġeografikament. Għalhekk, minn perspettiva tal-UE, mhuwiex biżżejjed li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet lokali biss.
Fattur ieħor li jrid jitqies hu l-għadd ta’ kumpaniji attivi f’katina tal-valur kritika għall-UE kollha jew globalment, u għalhekk il-possibbiltà jew in-nuqqas ta’ possibbiltà li jintervjenu kumpaniji oħra. Jekk it-tnaqqis fid-domanda ta’ faċilità jkun fisser li prodott essenzjali ma jistax jiġi prodott fl-UE kollha jew b’mod aktar wiesa’, dan jenħtieġ li jitqies. Is-Subkapitolu li ġej jipproponi mekkaniżmu li jgħin lill-Istati Membri jidentifikaw l-impatt tas-setturi tagħhom bejn il-fruntieri.
Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtieġ jinvestigaw il-katina tal-valur, u sa liema punt interruzzjoni fil-provvista tal-gass f’settur partikolari jaf tikkostitwixxi tfixkil ulterjuri fi ktajjen tal-valur partikolari meta mqabbla ma’ oħrajn.
|
Aspetti transfruntieri tal-katina tal-valur li jridu jitqiesu ·L-effetti downstream tat-tnaqqis upstream tal-gass u l-integrazzjoni tal-katina tal-valur ·Il-piż fis-suq tal-kumpanija ·Approċċ ibbażat fuq il-produzzjoni biex jiġu identifikati prodotti essenzjali fis-setturi ·Konsultazzjoni transfruntiera |
Ħsara potenzjali lill-installazzjonijiet
L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw l-impatt dejjiemi li ta’ skonnessjoni pereżempju mil-lat ta’ ħsara potenzjali għall-għodod industrijali u l-ħin potenzjalment meħtieġ u l-kostijiet imġarrba għat-tiswija tal-makkinarju.
Jenħtieġli tingħata attenzjoni partikolari lis-setturi li jridu joperaw kontinwament u li qtugħ f’daqqa fil-provvista tal-gass jaf jikkawżalhom ħsara fl-installazzjonijiet (eż. il-produzzjoni tal-gass, il-mediċina bijoloġika u partijiet oħra tal-industrija medika, xi partijiet tal-inġinerija mekkanika, l-industrija tat-tessuti u b’mod partikolari s-sottosettur tal-irfinar tagħha, il-prodotti farmaċewtiċi, ħafna mill-proċessi kimiċi, il-fertilizzanti, l-azzar, l-aluminju, ir-raffineriji, il-ġir, is-setturi taċ-ċeramika, l-użu tal-gass residwu f’setturi elettrointensivi bħall-aluminju), li min-naħa tagħha tista’ tħalli impatti negattivi fit-tul fuq il-produzzjoni u l-impjiegi. Diversi industriji li jkopru s-setturi intensivi fl-enerġija u s-setturi mhux intensivi fl-enerġija jeħtieġu ammont minimu ta’ gass għall-kontinwità tal-produzzjoni, għax jekk tieqaf il-produzzjoni, din ma tkunx tista’ terġa’ tinbeda faċilment mingħajr dewmien, approvazzjonijiet regolatorji u kostijiet sinifikanti. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jiddeterminaw il-livell minimu tal-konsum tal-gass bħala kritiku u prijoritizzat kif xieraq, anke skont kif imorru dawn l-industriji b’rabta mal-kriterji l-oħra.
|
Ħsara potenzjali fl-installazzjonijiet ·Jitqies l-impatt fit-tul ta’ skonnessjoni jew tnaqqis fil-provvista tal-gass fuq l-għodod industrijali ·Tingħata attenzjoni partikolari lis-setturi li joperaw proċessi kontinwi |
Potenzjal ta’ sostituzzjoni u tnaqqis
Diversi Stati Membri jaffrontaw il-prijoritizzazzjoni billi jidentifikaw prodotti, industriji jew kumpaniji soċjetalment kritiċi u jivvalutaw il-possibbiltajiet tekniċi u ekonomiċi ta’ dawk l-industriji jew kumpaniji għal posponiment jew riskedar tal-produzzjoni. Valutazzjoni bħal din tista’ ssir għal setturi identifikati bħala kritiċi għas-soċjetà iżda anki għas-setturi li ma jaqgħux f’dik il-kategorija, u b’hekk tkun tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri tal-industrija mhux identifikata bħala kritika minn dik il-perspettiva.
Skont dan il-kriterju, tista’ ssir distinzjoni bejn l-industriji li jistgħu jipposponu l-produzzjoni jew li jistgħu jieqfu, eż. fl-eqqel sigħat, u dawk li għall-operazzjonijiet tagħhom jeħtieġu fluss kontinwu ta’ gass naturali. Tista’ teżisti wkoll il-possibbiltà ta’ enfasi fuq ċerti setturi li jippermettu rilokazzjoni tal-produzzjoni fl-UE lejn reġjuni b’disponibbiltà tal-gass (ara l-kuntratti tat-tpartit fil-Kapitolu preċedenti), filwaqt li titqies il-ħtieġa li jkunu żgurati tranżizzjonijiet ġusti fil-livell reġjonali.
L-integrazzjoni tal-industrija Ewropea fil-ktajjen tal-valur dinjija tista’ toffri wkoll alternattivi ta’ sostituzzjoni u ttaffi l-pressjoni f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-gass. Iżda xi drabi, l-importazzjoni temporanja ta’ ċerti prodotti u servizzi (minflok jiġu prodotti fl-Ewropa biex jiġi evitat il-konsum tal-gass) ma tkunx alternattiva għax il-passi bl-akbar ħtiġijiet ta’ input tal-gass jaf ikunu wkoll dawk li jipprovdu l-akbar valur miżjud lill-prodotti finali. Barra minn hekk, f’xi industriji (eż. il-farmaċewtika), is-sostituzzjoni tal-inputs għall-importazzjonijiet hi soġġetta għal approvazzjonijiet regolatorji li mhux faċli jinkisbu fi żmien qasir. L-effetti kollaterali internazzjonali tas-sanzjonijiet dinjin lir-Russja fuq il-ktajjen tal-provvista dinjin, flimkien mal-konġestjonijiet eżistenti fil-provvista internazzjonali, jaf ikomplu jillimitaw l-alternattivi tal-importazzjoni, iżidu l-pressjoni fuq il-prezzijiet jew jikkawżaw dewmien kbir fil-konsenji.
|
Possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni tal-fjuwils u tnaqqis tal-output ·Nipposponu jew nirriskedaw il-produzzjoni ·Inpartu l-produzzjoni fl-UE lejn ir-reġjuni b’disponibbiltà akbar ta’ gass ·Alternattivi ta’ sostituzzjoni fil-ktajjen tal-valur dinjin |
L-aspetti ekonomiċi
L-analiżi tad-data fil-livell tal-Istati Membri tenfasizza d-differenzi fl-ekosistemi industrijali nazzjonali. B’mod partikolari, is-sehem domestiku tal-konsum tal-gass naturali inkorporat fl-output finali juri l-importanza varja ta’ ċerti industriji nazzjonali.
Wara t-testijiet għall-kritikalità soċjetali, l-impatti transfruntieri tal-ktajjen tal-valur u l-limitazzjonijiet tekniċi, ir-riskju ta’ ħsara jew il-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni, l-importanza ekonomika tas-setturi differenti tista’ titqies fid-dawl tal-prijoritizzazzjoni tal-industriji li jifdal. Fost l-indikaturi possibbli li jridu jitqiesu hemm il-valur miżjud (assolut u relattiv għall-użu tal-gass) u l-impjiegi relatati ma’ livell tal-użu tal-gass naturali u l-importanza ta’ settur speċifiku fil-katina tal-valur. Iżda ovvjament ċerti setturi b’valur miżjud baxx meta mqabbla mal-użu tal-gass jaf jipprovdu wkoll inputs essenzjali lil setturi downstream oħra.
Għalhekk, aspett importanti li jrid jitqies hu l-integrazzjoni ta’ industrija partikolari permezz ta’ siti ta’ raggruppament għax dawn huma konnessi sew ma’ bosta proċessi ta’ produzzjoni permezz tas-sħana u intermedji.
L-industriji għandhom gradi differenti ta’ flessibbiltà biex jaqilbu lejn fjuwils oħra. Pereżempju, il-maġġoranza tal-impjanti tas-siment jużaw il-faħam jew l-iskart, u numru żgħir biss jużaw il-gass. Dan ifisser li meta s-settur tas-siment ineħħi l-użu tiegħu kollu tal-gass, ħafna mis-settur tas-siment jibqa’ mhux affettwat. Meta l-kunsiderazzjonijiet dwar l-intensità tal-gass jiżżewġu mal-kunsiderazzjonijiet tal-flessibbiltà, ikunu jistgħu jiġu ddeterminati s-setturi li għalihom it-tnaqqis ikun inqas għali f’kull Stat Membru (qabel l-effetti tal-ktajjen tal-valur upstream-downstream u l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tas-settur).
|
Analiżi tal-Kummissjoni – l-intensità tal-gass meta mqabbla mar-rwol ekonomiku Analiżi mwettqa mill-Kummissjoni wriet li: ·Nofs l-użu industrijali totali tal-gass jikkorrispondi għal 10% tal-valur miżjud industrijali. ·L-inqas setturi intensivi fil-gass jimpjegaw nofs il-forza tax-xogħol tal-manifattura u jikkunsmaw xi 10% tal-użu totali tal-gass industrijali. ·Iżda dawn iċ-ċifri jaħbu aspetti essenzjali. Fil-fatt, toħroġ stampa aktar ċara meta jitqiesu l-inputs tal-gass naturali inkorporati fil-prodotti mibjugħa għall-konsum finali tul il-katina tal-provvista. Dan il-metodu jippermetti t-traċċar tal-inputs primarji tal-gass fis-settur meta dan jintuża direttament (eż. il-gass użat biex jitqabbad tank tat-tidwib għall-produzzjoni tal-ħġieġ) tul il-katina tal-provvista (eż. il-manifattura tat-twieqi), sal-attribuzzjoni ta’ dawk l-inputs tal-enerġija għax-xiri tal-oġġetti għall-output finali (eż. unità ġdida tal-abitazzjoni mibnija mis-settur tal-kostruzzjoni). ·Pereżempju, l-analiżi turi li l-industrija kimika (u sa ċertu punt il-ħadid u l-azzar, il-prodotti minerali nonmetalliċi u l-estrazzjoni minerarja u l-estrazzjoni mill-barrieri) tipprovdi inputs għas-setturi kollha, u s-settur tal-ħadid u tal-azzar hu responsabbli għal madwar 25% tal-użu totali tal-gass fil-manifattura tat-tagħmir tal-makkinarju, u li aktar minn 40% tal-użu totali tal-gass inkorporat fil-prodotti farmaċewtiċi ġej minn materja prima kimika. L-industrija kimika tirrappreżenta medja ta’ 27% tal-użu totali tal-gass inkorporat f’setturi oħra, prodotti minerali nonmetalliċi, u l-ħadid u l-azzar jirrappreżentaw 11% kull wieħed, filwaqt li l-estrazzjoni minerarja u l-estrazzjoni mill-barrieri jirrappreżentaw 6%. Xi setturi huma inqas konnessi mas-setturi downstream, eż. it-tagħmir għat-trasport, it-tagħmir tal-makkinarji, il-produzzjoni tal-għelejjel u tal-annimali, il-kostruzzjoni, jew l-ikel, ix-xorb u t-tabakk. |
b)Kooperazzjoni transfruntiera biex jintużaw il-kriterji
Minħabba l-livell kbir ta’ integrazzjoni transfruntiera tal-ktajjen tal-valur fis-Suq Uniku tal-Ewropa u l-ħtieġa li jitħarsu l-ekonomija u l-kompetittività b’mod partikolari f’każ ta’ interruzzjoni mifruxa tal-gass, il-kooperazzjoni transfruntiera hi essenzjali biex l-Istati Membri jfasslu kriterji ottimali ta’ prijoritizzazzjoni ħalli jnaqqsu l-effetti sekondarji bejn il-fruntieri u fis-suq intern tal-UE kollu. Din il-kooperazzjoni tista’ ssir b’mod strutturat għall-Istati Membri meta jkunu qed ifasslu jew jaġġornaw l-ordni ta’ prijoritizzazzjoni tagħhom fil-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Il-mekkaniżmi ta’ governanza għal din il-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni, apparti l-kuntatti bilaterali u l-fora reġjonali eżistenti, jistgħu jkunu ċċentrati fuq il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, u estiżi għal rappreżentanti mill-Ministeri tal-Industrija jekk ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta wkoll lill-fora eżistenti, bħall-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività u t-Tkabbir tal-Kunsill jew il-Forum Industrijali tal-UE ġestit mill-Kummissjoni.
Kull Stat Membru jenħtieġ li qabelxejn jagħmel analiżi indipendenti tax-xenarju industrijali nazzjonali u tal-kritikalità tiegħu – li tkun tinvolvi direttament lill-partijiet ikkonċernati industrijali u lis-sħab soċjali – u mbagħad, abbażi ta’ din, juża l-istrutturi msemmija hawn fuq biex jidentifika l-konnessjonijiet kritiċi potenzjali mal-Istati Membri l-oħra, fejn ikunu jinsabu l-flussi tal-provvista.
F’dan il-kuntest, wara l-identifikazzjoni tas-setturi ta’ prijorità li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterju tal-kritikalità soċjetali msemmi hawn fuq, u biex il-kontinwità tal-attività ekonomika tissokta kemm jista’ jkun mingħajr xkiel, l-Istati Membri jistgħu jipproċedu b’mod konġunt bl-immappjar tal-ktajjen tal-valur transfruntieri u jivverifikaw ir-riskju ta’ interruzzjonijiet konkreti fil-provvista. Għaldaqstant, id-detezzjoni tas-sensittività transfruntiera hija l-bażi għal aktar irfinar tal-lista ta’ prijorità tal-Istati Membri. Dan jista’ jkun sforz kbir, b’mod partikolari għal Stati Membri akbar li għandhom ekosistemi kumplessi li jikkonsmaw il-gass u li jipparteċipaw ġmielu fil-ktajjen tal-valur internazzjonali. Il-Kummissjoni lesta tappoġġa lil dan l-eżerċizzju.
3. Governanza u l-istadji tar-rispons għall-kriżijiet
L-istadji mmappjati hawn taħt juru kif il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE tar-rispons għad-domanda titħaddem bid-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, u bil-miżuri l-ġodda ta’ dan il-Pjan.
Fażi 1: Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura – qabel l-allert tal-UE
|
Meta: L-adozzjoni tar-Regolament dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis tad-domanda għall-gass propost f’“Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” Skattatur: L-adozzjoni tar-Regolament dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis tad-domanda għall-gass, mehmuż mal-Komunikazzjoni “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” u dan il-Pjan Ewropew għat-Tnaqqis tad-Domanda. Fil-livell tal-UE: ·L-aqwa sforzi biex id-domanda għall-gass tonqos bi 15% fl-Istati Membri kollha. ·Jissaħħu l-monitoraġġ u l-iskambju reċiproku tal-informazzjoni b’mod partikolari biex jitħares is-Suq Uniku. ·Jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ governanza u koordinazzjoni. ·Tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ rkanti konġunti/reġjonali Fil-livell tal-Istati Membri: ·Jitħaffu l-miżuri ta’ implimentazzjoni li jipprovdu alternattivi għall-gass naturali fis-setturi kollha, b’mod partikolari lejn sorsi tal-enerġija nadifa. ·Irkanti jew sejħiet għal offerti volontarji biex jonqos il-konsum. ·Jiġu promossi u, jekk rilevanti, attivati kuntratti interrompibbli. ·Jitwettqu miżuri għall-qlib tal-fjuwils fl-industrija u fl-elettriku. ·Jiġu aġġornati l-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass, u jiġu kkomunikati lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass ·Obbligu li l-bini pubbliku jillimita t-temperaturi tat-tisħin u tat-tkessiħ meta jkun fattibbli teknikament. ·Jiġu attivati miżuri oħra min-naħa tad-domanda pprovduti fil-livell ta’ allert fil-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass. ·Miżuri li jnaqqsu l-konsum tal-gass minn impjanti tal-enerġija mhux kritiċi li jaħdmu bil-gass. Impatt ekonomiku: alternattivi għaqlin li jridu jiġu sfruttati, l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi minħabba l-għoti ta’ kumpensi bi rkant għal tnaqqis fid-domanda, u għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli meta jkun meħtieġ. Il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat. Rwol tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass: jissaħħaħ il-monitoraġġ u jiġi estiż għall-kunsiderazzjonijiet industrijali, inkluż it-tnaqqis fid-domanda, jiġi promoss l-iskambju tal-prattiki tajbin li jistabbilixxu d-dettalji tal-miżuri. |
Fażi 2: Allert tal-UE
|
Meta: Dikjarazzjoni ta’ allert tal-UE Skattatur: skont l-Artikolu 4 tar-Regolament propost dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis tad-domanda għall-gass, meta riskju sostanzjali ta’ nuqqas serju tal-gass jikkawża deterjorament sinifikanti tal-provvista tal-gass fl-Unjoni Strumenti: Fil-livell tal-UE: ·Tnaqqis obbligatorju ta’ 15% fid-domanda ·Jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-iskambju reċiproku tal-informazzjoni, l-aktar biex jitħares is-Suq Uniku. ·Jiżdiedu l-monitoraġġ u l-informazzjoni ta’ kuljum mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Fil-livell tal-Istati Membri: ·Irkanti jew sejħiet għal offerti volontarji biex jonqos il-konsum. ·Jiġu aġġornati l-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass. ·Jiġu promossi u, jekk meħtieġ, attivati kuntratti interrompibbli. ·Jitwettqu miżuri għall-qlib tal-fjuwils fl-industrija u fl-elettriku. ·Obbligu li l-bini pubbliku jillimita t-temperaturi tat-tisħin u tat-tkessiħ meta jkun fattibbli teknikament. ·Jiġu attivati miżuri oħra min-naħa tad-domanda pprovduti fil-livell ta’ allert fil-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass. ·Miżuri li jnaqqsu l-konsum tal-gass minn impjanti tal-enerġija mhux kritiċi li jaħdmu bil-gass. ·Isir monitoraġġ tal-impatt tat-tnaqqis tad-domanda fuq setturi kritiċi fl-UE kollha, u skambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-impatt ekonomiku: appoġġ lil investimenti fl-alternattivi għall-gass Russu, mitigazzjoni tal-impatti negattivi possibbli f’każ ta’ interruzzjoni (fosthom fuq l-impjiegi u l-impatti distributtivi), il-ħtieġa probabbli ta’ għajnuna mill-Istat u intervent mill-UE primarjament iżda mhux esklużivament permezz ta’ strumenti tas-suq. Rwol tal-Kummissjoni: Il-monitoraġġ tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass jiġi estiż għall-esperti industrijali kif xieraq biex id-domanda tonqos kif xieraq għall-Istati Membri kollha u għal kull settur. Ikun żgurat approċċ ta’ solidarjetà, u li l-isforzi jiġu kkoordinati kif meħtieġ. Rwol tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass: Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass hu forum ta’ skambju tal-informazzjoni dwar il-limitazzjoni, il-miżuri disponibbli u l-impatt tat-tnaqqis tad-domanda fuq is-setturi kritiċi, inkluż l-industrija, bejn il-fruntieri biex jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ livell ogħla dwar it-tnaqqis tad-domanda. |
Fażi 3: Koordinazzjoni mill-UE tal-miżuri ta’ emerġenza waqt emerġenza tal-Unjoni/Reġjonali
|
Meta: Meta jintalab minn Stat Membru wieħed jew aktar li ddikjaraw emerġenzi nazzjonali (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass) meta l-istrumenti tas-suq ma jkunux jistgħu jibqgħu jissalvagwardjaw il-provvista. Skattatur: ·Marbuta ma’ emerġenza reġjonali jew tal-Unjoni skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass ·Il-Kummissjoni tista’ tiddikjara emerġenza tal-Unjoni jew emerġenza reġjonali għal reġjun ġeografiku affettwat speċifikament, meta tintalab minn Stat Membru. ·Jekk it-talba jagħmluha mill-anqas żewġ awtoritajiet kompetenti li ddikjaraw allert nazzjonali, il-Kummissjoni trid tiddikjara emerġenza tal-Unjoni jew reġjonali jekk ikun xieraq. Strumenti u rwol tal-Kummissjoni: Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, il-Kummissjoni trid: ·tiżgura l-iskambju tal-informazzjoni, ·tiżgura l-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni fil-livell tal-Istat Membru u fil-livell reġjonali b’rabta mal-livell tal-Unjoni, ·tikkoordina l-azzjonijiet rigward il-pajjiżi terzi, ·jekk ikun meħtieġ, tlaqqa’ lil grupp tal-ġestjoni tal-kriżijiet kompost mill-maniġers tal-kriżijiet maħtura mill-Istati Membri kkonċernati, ·Il-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza għas-sigurtà tal-provvista tal-gass jispeċifikaw f’aktar dettall il-miżuri ppjanati mill-Istat Membru għal kull livell ta’ kriżi, bħar-rilaxx tal-gass minn ħażna strateġika. |
Dawn huma elementi rilevanti għal valutazzjoni mill-Kummissjoni: (1) l-użu ta’ proċess kompetittiv u trasparenti, (2) in-nuqqas ta’ restrizzjonijiet transfruntieri, (3) il-limitazzjoni tal-kumpens għal tnaqqis futur tad-domanda u (4) tnaqqis fil-konsum aggregat tal-gass li jżid id-disponibbiltà tal-gass fil-ħażniet u jevita t-trasferiment tad-domanda mill-parteċipanti għan-nonparteċipanti.
Is-servizzi tal-Kummissjoni lesti jipprovdu gwida informali lill-kumpaniji li jikkunsidraw din il-kooperazzjoni, meta dawn ma jkunux ċerti dwar il-konformità ta’ ċerti elementi tal-kooperazzjoni ppjanata tagħhom mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.
SmartEN
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52022DC0240
Analysis of behaviour change due to electricity crisis: Japanese household electricity consumer behaviour since the earthquake; Murakoshi et al, 2013. Can Rationing Affect Long Run Behavior? Evidence from Brazil; Costa, 2012. Ara wkoll Policies for energy conservation and sufficiency: Review of existing policies and recommendations for new and effective policies in OECD countries: Bertoldi, 2022 ( https://doi.org/10.1016/j.enbuild.2022.112075 ).