EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0223(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2021/C 63/11

C/2021/1148

ĠU C 63, 23.2.2021, p. 27–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/27


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2021/C 63/11)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

“Balatoni hal”

Nru tal-UE: PGI-HU-0247025.5.2018

DOP ( ) IĠP (X )

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Balatoni hal”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Ungerija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.7: Ħut frisk, molluski, krustaċji u prodotti derivati minnhom

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Balatoni hal” [ħut tal-Balaton] huwa l-isem esklussiv tal-karpjun (Cyprinus carpio L. 1758) u tal-lizz-perċa (Sander lucioperca L. 1758) li jgħix, jiġi ppropagat u mrobbi fil-Lag Balaton jew fiż-żona ta’ qbid tal-Lag Balaton (li se tiġi spjegata fid-dettall fil-punt 4), u li jinbiegħ ħaj jew ipproċessat (frisk, imkessaħ jew iffriżat; normalment f’biċċiet, rari fi fletti).

a)   “Balatoni hal”: Lizz-perċa

Il-lizz-perċa “Balatoni hal” huwa ħuta li tappartjeni għall-ispeċi żander (Sander lucioperca L.) fil-ġeneru tal-lizz, li tgħix u/jew li tiġi mrobbija esklużivament fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4 (iż-żona ta’ qbid tal-Lag Balaton). Hija speċi ta’ ħuta mill-aktar imfittxa u ta’ valur tal-Ungerija. Il-laħam tal-lizz-perċa huwa abjad, dgħif, mingħajr xewk u ta’ togħma tajba, għandu kontenut baxx ta’ xaħam u huwa rikk fil-proteini. Il-laħam tal-lizz-perċa “Balatoni hal” huwa kkunsidrat bħala aktar abjad u ta’ togħma aħjar mil-laħam tal-lizz-perċa tax-xmajjar.

Il-parametri tal-kwalità tal-laħam tal-lizz-perċa “Balatoni al”:

kontenut ta’ ilma: 78,0–79,5%,

proteini: 19–20%,

xaħam: 0,5–1,0%,

“Balatoni hal”: Id-daqs minimu li fih jinbiegħ il-lizz-perċa “Balatoni hal” (ħaj, frisk, imkessaħ jew iffriżat) huwa ta’ 0,5 kg.

b)   “Balatoni hal”: Karpjun

Il-karpjun “Balatoni hal” huwa ħuta li tappartjeni għall-ispeċi tal-karpjun (Cyprinus carpio L.) fi ħdan il-familja taċ-ċiprinidi, imrobbija esklużivament fiż-żona ta’ qbid tal-Lag Balaton, u li tinkludi esklużivament il-varjetajiet lokali rikonoxxuti mill-Istat “Balatoni sudár” u “Varászlói tükrös”, li huma mrobbija fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.

Il-parametri tal-kwalità tipiċi tal-laħam tal-karpjun “Balatoni hal”“Balatoni sudár ponty” huma (OMMI [l-Istitut Nazzjonali għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Agrikoltura] 2004 MgSzH [Uffiċċju Agrikolu] 2011, Gorda u Borbély 2013):

kontenut ta’ ilma: 74,1-77,4%,

proteini: 16,6-17,6%,

xaħam: 4,2-8,0%,

Il-parametri tal-kwalità tipiċi tal-laħam tal-karpjun “Balatoni hal”“Varászlói tükrös ponty” huma:

kontenut ta’ ilma: 73,9-78,3%,

proteini: 16,8-17,7%,

xaħam: 3,5-7,7%,

Il-laħam tal-karpjun “Balatoni hal” huwa sod u teneru.

Id-daqs minimu li fih jinbiegħ il-karpjun “Balatoni hal” (ħaj, frisk, imkessaħ jew iffriżat) huwa ta’ 1,5 kg (idealment, bejn 1,5-3 kg).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-użu tal-fertilizzanti biex jittejjeb ir-rendiment tal-produzzjoni huwa pprojbit fiż-żona ġeografika. In-nutrizzjoni tal-lizz-perċa “Balatoni hal” hija speċjali peress li l-frieħ tal-ħut jaqilbu milli jieklu ż-żooplankton għal li jieklu l-ħut wara li jilħqu tul tal-ġisem ta’ 12-15-il cm, li huwa relattivament tard meta mqabbel ma’ ħut predatorju ieħor. Is-sorsi tal-għalf disponibbli huma wkoll speċjali fiż-żona ta’ qbid tal-Lag Balton, fejn il-karpjun ta’ Al Bura komuni (Alburnus alburnus), l-abramida komuni (Abramis brama) u ż-ziege (Pelecus cultratus) huma abbundanti fid-dieta tal-lizz-perċa (Specziár 2010). Il-provvista u l-kompożizzjoni tal-għalf huma simili fiż-żona ta’ qbid kollha tal-Lag Balaton. Il-lizz-perċa “Balatoni hal” ma jingħata l-ebda suppliment tal-għalf, u t-trobbija hija bbażata kompletament fuq l-għalf naturali tal-ħut li primarjament joriġina mit-tributarji tal-vaski tal-ħut, jiġifieri x-xmajriet fiż-żona ta’ qbid tal-Lag Balaton.

Il-karpjun “Balatoni hal” jingħata għalf naturali u supplimenti tal-għalf, li jinkludu żewġ komponenti prinċipali. L-ewwel wieħed jinkludi taħlitiet nutrittivi (qamħ, tritikal u qamħirrum); it-tieni l-ispeċi aljena tal-maskla żebra (Dreissena polymorpha u Dreissena bugensis). Dawk li jrabbu l-ħut (id-detenturi ta’ permess tas-sajd ekoloġiku u selettiv) jaħsdu l-bijomassa tal-maskli użata għall-għalf minn ċattri mobbli installati f’diversi postijiet fuq il-Lag Balaton (in-naħat tan-Nofsinhar tat-tliet baċiri kollha, primarjament postijiet fil-viċinanza tal-farms tal-ħut). Il-bijomassa tal-maskli, li tikber f’bejn 8 u 12-il xahar, tinħasad miċ-ċattri u tintuża għall-għalf fil-farms tal-karpjuni, filwaqt li jiġi żgurat li t-tipi ta’ maskli jibqgħu fil-farm tal-ħut.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-erba’ passi kollha tal-produzzjoni tal-“Balatoni hal” iridu jitwettqu fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4. Dawn jinkludu r-riproduzzjoni naturali, it-tnissil artifiċjali (f’inkubatur), it-tkabbir fl-ilmijiet naturali u t-trobbija fil-farm tal-ħut. Skont il-leġiżlazzjoni attwali, is-sajd pelaġiku fil-Lag Balaton ilu pprojbit mill-5 ta’ Diċembru 2013. Bħala eċċezzjoni, huwa permess sajd selettiv għal skopijiet ekoloġiċi u ta’ dimostrazzjoni (3 000 kg ta’ karpjun u 500 kg ta’ lizz-perċa kull sena, bin-nases tas-sallura). Għalhekk, il-“Balatoni hal” huwa primarjament imrobbi, iżda l-kampjuni li jikbru f’ambjent naturali huma wkoll disponibbli kultant bħala prodott sekondarju tas-sajd selettiv tas-sallura għal skopijiet ekoloġiċi.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

It-trobbija tal-“Balatoni hal” fl-Ungerija ssir fil-postijiet li ġejjin taż-żona ta’ qbid tal-Lag Balaton.

1.

Il-Lag Balaton u s-sistema tal-ilma tiegħu (ilmijiet inklużi fit-trobbija tal-ħut: 61 139 ha)

Korpi tal-ilma speċifiċi tal-Lag Balaton u s-sistema tal-ilma tiegħu:

iż-żona kollha tal-Lag Balaton,

il-medda tax-Xmara Zala li testendi mill-bokka għall-pont ferrovjarju ta’ Fenékpuszta,

il-medda tal-Kanal ta’ Hévíz mill-bokka sa 50 metru min-naħa tad-diga fid-direzzjoni tax-xmara fil-Lag Hévíz,

il-medda tal-Kanal ta’ Páhok mill-bokka sal-Kanal ta’ Hévíz,

il-medda tal-Kanal tal-Faxxa Magħquda (Egyesített-övcsatorna) mill-Pont tad-Dgħajjes (Bárkázó híd) sa minn fejn tidħol in-Nixxiegħa Gyöngyös,

il-medda tal-Kanal ta’ Fenyves (Fenyvesi-nyomócsatorna) mill-bokka sal-istazzjon tal-ippumpjar f’Balatonfenyves,

il-medda tal-Kanal tal-Faxxa tal-Punent (Nugati-övcsatorna) li testendi mill-bokka sal-pont ferrovjarju ta’ Pálmajor,

il-medda tal-Kanal tal-Lvant (Keleti-Bozót-csatorna) mill-bokka sal-pont tat-triq li tagħti għall-istazzjon tal-ferrovija ta’ Pusztaberény,

il-medda tan-Nixxiegħa Jama mill-bokka sax-xatbiet fil-Vaska tal-Ħut ta’ Bugaszeg,

il-medda tan-Nixxiegħa Tetves mill-bokka sax-xatbiet fil-Vaski tal-Ħut ta’ Balatonlelle,

il-medda tal-Kismetszés mill-bokka sat-triq Nru 70,

il-medda ta’ Nagymetszés mill-bokka għall-pont tal-injam f’Szólád,

in-Nixxigħat Lesence, Kétöles, Tapolca, Egervíz u Burnót u l-medda tal-Kanal ta’ Egermalom mill-bokka sat-triq Nru 71,

il-meded tal-kanali interni ta’ tgħarriq ta’ Sár u ta’ Cigány mit-triq ta’ aċċess għas-Somogyszentpál sal-Kanal tal-Faxxa tal-Punent (Nyugati-övcsatorna),

il-medda tal-Kanal tal-Faxxa tal-Punent (Nyugati-övcsatorna) mill-pont ferrovjarju ta’ Pálmajor sal-Kanal ta’ Határ-Külvíz,

il-medda tal-kanal ta’ Határ-Külvíz mill-bokka sat-triq prinċipali bejn Marcali u Öreglak,

il-Kanal ta’ Cigány u

il-Kanal tal-Lvant (il-Kanal ta’ Keleti Bozót).

2.

Is-Sistema ta’ Protezzjoni tal-ilma tal-Balaton iż-Żgħira, Stadju I (il-Lag Hídvég; erja: 2 000 ha)

3.

Is-Sistema ta’ Protezzjoni tal-ilma tal-Balaton iż-Żgħira, Stadju II (il-Lag Fenéki; erja: 5 110 ha)

4.

Ir-Riżerva ta’ Marcali (erja: 407 ha)

5.

Il-Vaski tal-Ħut ta’ Fonyód-Zardavár (erja: 135 ha)

6.

Il-Vaski tal-Ħut ta’ Balatonlelle-Irmapuszta (erja: 275 ha)

7.

Il-Vaski tal-Ħut ta’ Buzsáki-Ciframalom (erja: 138 ha)

8.

Il-Vaska tal-Ħut ta’ Balatonszárszó-Nádfedeles (erja: 15 ha)

9.

Il-Vaska tal-Ħut ta’ Balatonföldvár (erja: 23 ha)

10.

Il-Vaski tal-Ħut ta’ Somogyvár-Tölös (erja: 26 ha)

11.

Il-Vaski tal-Ħut ta’ Varászló (erja: 174 ha)

12.

Il-Vaski tal-Ħut ta’ Siófok-Törek (erja: 36 ha)

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn il-“Balatoni hal” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott.

Il-post tal-produzzjoni tal-“Balatoni hal” huwa primarjament iż-żona ta’ qbid tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ tal-Lag Balaton. Illum il-ġurnata, il-vaski tal-ħut jinsabu f’żoni li fil-passat kienu bajjiet fil-Lag Balaton qabel ma ġie skulat, jiġifieri, il-qiegħ tal-lag ta’ qabel. Għaldaqstant, is-sottoswol tagħhom huwa simili għal dak tal-Lag Balaton.

Iż-żona għandha klima kontinentali umda, b’effetti sub-Mediterranji. L-effett sub-Mediterranju jirreferi primarjament għad-distribuzzjoni temporali tax-xita, li fi snin medji għandha żewġ perjodi fejn tilħaq l-ogħla livelli (Ġunju u Settembru) u hija kruċjali għat-trobbija tal-ħut. Fiż-żona tagħmel aktar xita mill-medja Ungeriża (620 mm fis-sena). Il-biċċa l-kbira tax-xita tinżel fix-xhur tas-sajf, li huwa aħjar għat-trobbija tal-ħut, għax jiżgura kwantitajiet u kwalità adegwati ta’ riforniment tal-ilma. It-tributarji tal-vaski tal-ħut fiż-żona ta’ qbid tipikament huma qosra (30-40 km), u huma ħielsa minn żbokki ta’ drenaġġ mhux ittrattat (Ferincz et al. 2017). Bis-saħħa ta’ dan u n-nuqqas ta’ użu ta’ fertilizzanti organiċi, l-ilma u s-sedimenti tal-vaski tal-ħut mhumiex anaerobiċi. Konsegwentement, il-laħam tal-ħut prodott hemmhekk huwa ħieles minn togħmiet barranin. It-temperatura annwali medja (11,2) hija wkoll ogħla mill-medja nazzjonali, li ttejjeb it-tkabbir tal-ħut. Il-kompożizzjoni tal-laħam tal-ħut hija influwenzata minn għadd ta’ fatturi ambjentali u ta’ produzzjoni, inklużi l-età, l-ispeċi, l-għalf jew l-għalf naturali (Trenovszki, 2013); l-aktar kruċjali huma l-kwantità u l-kwalità tal-għalf.

B’mod kruċjali, ukoll, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-kwalità tal-ilma, l-użu ta’ fertilizzanti organiċi biex jittejjeb ir-rendiment tal-produzzjoni (prattika ta’ rutina f’żoni oħra) huwa pprojbit fil-vaski tal-ħut ġewwa ż-żona ta’ qbid tal-Lag Balaton. Konsegwentement, il-ħut imrobbi hemmhekk ma jiġix f’kuntatt mas-sustanzi barranin li jibdlu t-togħma li jinstabu b’mod invarjabbli fil-fertilizzanti organiċi. Il-laħam tal-lizz-perċa “Balatoni hal” jieħu l-kwalità karatteristika tiegħu mill-ilma tal-vaska tal-ħut ta’ kwantità u kwalità adegwati (il-qigħan tal-vaski ramlija u bil-loess; il-kontenut organiku baxx ta’ ilma li jidħol), is-sedimenti aerobiċi tal-qiegħ tal-lag, u l-kwantità u l-proporzjon kbar tal-karpjun ta’ Al Bura u tal-laska tal-laħam abjad prinċipalment indiġeni u karatteristiċi taż-żona. Minħabba l-kwalità tajba tal-ilma u l-għalf naturali tal-ħut, il-laħam tal-lizz-perċa “Balatoni hal” huwa abjad silġ, mingħajr togħma sekondarja. Għandu struttura tenera minħabba s-superfiċje kbira tal-ilma (aktar moviment fit-tiftix għall-ikel).

Skont Specziár (2010) in-nutrizzjoni tal-lizz-perċa “Balatoni hal” hija speċjali peress li l-frieħ tal-ħut jaqilbu milli jieklu ż-żooplankton għal li jieklu l-ħut wara li jilħqu tul tal-ġisem ta’ 12-15-il cm, li huwa relattivament tard meta mqabbel ma’ ħut predatorju ieħor. Is-sorsi tal-għalf disponibbli huma wkoll speċjali fiż-żona ta’ qbid tal-Lag Balton, fejn il-karpjun ta’ Al Bura komuni (Alburnus alburnus), l-abramida komuni (Abramis brama) u z-ziege (Pelecus cultratus) huma abbundanti fid-dieta tal-lizz-perċa (Specziár 2010). Il-kwalità speċjali tal-laħam tal-lizz-perċa “Balatoni hal” hi dovuta għal dawn il-fatturi. Il-laħam tal-karpjun “Balatoni hal” huwa iebes. Il-konsistenza flessibbli tiegħu ġejja mill-għalf naturali rikk fil-proteini u l-għalf tal-frott tal-baħar bil-qoxra naturali kumplimentari, minħabba li n-nutrijenti naturali rikki fil-proteini għandhom effett pożittiv fuq il-kwalità tal-laħam tal-karpjun (Balogh, 2015).

Il-“Balatoni hal” huwa wieħed mill-pedamenti tal-kċina lokali. Il-karpjun “Balatoni hal” huwa ingredjent essenzjali tas-soppa tal-ħut “Balatoni halászlé”, li r-riċetta tagħha hija unika u tipika taż-żona ta’ qbid.

Ir-reputazzjoni tal-“Balatoni hal” illum

Ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-Lag Balaton u l-karpjun “Balatoni hal” hija evidenti wkoll mill-fatt li t-Tazza Internazzjonali tal-Karpjun tal-Balaton ġiet organizzata għall-ħames darba fl-2019.

Il-Festival tal-Ħut u tal-Inbid tal-Balaton ilu jsir regolarment mill-belt ta’ Balatonfüred mill-2015. L-għan tal-avveniment huwa li jżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-ħut tal-Balaton u li jgħaqqad il-konsum tal-ħut u tal-inbejjed lokali, u b’hekk joħloq suq għall-farms tal-ħut lokali u għall-produtturi tal-inbid.

Magħmula kif xieraq mill-“Balatoni hal”, is-soppa tal-ħut tal-Balaton (“balatoni halászlé”) saret isem kulinari familjari (eż.: http://itthonotthonvan.hu/cikkek/2687482/a_balatoni_halaszle_titka)

L-artiklu li ġej jiddiskuti t-togħma speċjali u l-metodi tas-sajd tradizzjonali tal-“Balatoni hal”: http://magyarkonyhaonline.hu/magyar-izek/a-balatoni-halak

Il-ktieb “A halfőzés fortélyai a Balaton mentén” [Strateġiji għat-tisjir tal-ħut mill-Balaton] huwa ġabra ta’ 400 platt tal-ħut minn 40 belt u raħal madwar il-Lag Balaton (Szabó Zoltán 2014, ISBN 978-963-08-8628-4)

Ir-ristoranti Michelin-star, inkluż ir-ristorant Stand f’Budapest (ix-chefs Tamás Szél u Szabina Szulló), jużaw il-“Balatoni sudár ponty” bħala ingredjent, li huwa indikat fuq il-menù (https://diningguide.hu/szell-tamas-cikke-halaszlevita-szell-tamas-halaszle-receptjevel/)

L-isfond storiku tar-reputazzjoni tal-lizz-perċa “Balatoni hal”

Fid-diskussjoni dwar is-sajd Franċiż fil-ħarġa 44 tal-Fischerei Zeitung fl-1917, ix-xjenzat minn Brussell Waldmann irrimarka kif “qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-“fogasch” kien imfittex ħafna f’Pariġi. Dan huwa l-isem taż-żander fil-Lag Balaton tal-Ungerija.”

Fl-1933, Neresheimer, espert tas-sajd tal-Gvern Awstrijak, kiteb fl-Österreichisches Nahrungsmittelbuch (il-Kodiċi tal-Ikel Awstrijak) li “L-isem “Fogasch” jista’ jiġi applikat b’mod korrett biss għaż-żander li joriġina mil-Lag Balaton”. Huwa żied jgħid li meta wieħed isejjaħ lill-ħut b’dan l-isem ikun qed jissuġġerixxi lill-konsumaturi li dan ġie mil-Lag Balaton. Fl-opinjoni tiegħu, iż-żander mil-Lag Balaton biss jista’ jissejjaħ “Fogasch” [lizz-perċa] b’mod korrett.

Fil-Kungress Internazzjonali dwar is-Sajd li sar f’Pariġi f’Lulju 1931, Károly Lukács iddikjara ż-żander tal-Balaton bħala varjetà lokali speċjali tal-lizz-perċa u ppropona li d-denominazzjoni tassonomika tiegħu tkun “Lucioperca sandra varietas Fogas balatonica” (Szári, 1988).

Fis-snin tletin, il-Balaton Halászati Részvénytársaság (il-Kumpanija b’Ishma tas-Sajd tal-Balaton) akkwistat drittijiet esklużivi għall-isem “fogas” [lizz-perċa], li kien japplika biss għaż-żander maqbud fil-Lag Balaton. Il-kunsinni kienu meħtieġa li jkunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ oriġini mil-Lag Balaton. Fl-1931, ġie rreġistrat siġill żgħir konvess tal-metall mal-Uffiċċju Internazzjonali tal-Privattivi f’Bern, li sussegwentement twaħħal bħala trademark mal-operkula (l-għotjien tal-garġi) tal-lizz-perċa esportat. (Héjjas u Punk, 2010).

L-isfond storiku tar-reputazzjoni tal-karpjun “Balatoni hal”

Fir-rigward tal-importanza tal-karpjun, pubblikazzjoni bl-isem “A Balaton halai” [Ħut tal-Lag Balaton] tiddikjara li qabel il-karpjun hemm biss il-lizz-perċa (Lukács, 1936).

Il-karpjun kien l-ispeċi l-oħra, flimkien mal-lizz-perċa, li l-farms tal-ħut tal-Balaton fittxew li jżidu l-istokkijiet tagħhom permezz ta’ trobbija konxja mis-snin għoxrin ’il quddiem.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://gi.kormany.hu/foldrajzi-arujelzok


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top