EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0805

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942

COM/2021/805 final

Brussell, 15.12.2021

COM(2021) 805 final

2021/0423(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2021) 432 final} - {SWD(2021) 459 final} - {SWD(2021) 460 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew iqiegħed lill-Unjoni fit-triq lejn in-newtralità klimatika sal-2050 permezz tad-dekarbonizzazzjoni profonda tas-setturi kollha tal-ekonomija. Għandu l-għan ukoll li jipproteġi, jippreżerva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-UE, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Il-metan huwa gass serra qawwi, it-tieni biss wara d-diossidu tal-karbonju fil-kontribut ġenerali tiegħu għat-tibdil fil-klima u huwa responsabbli għal madwar terz tat-tisħin attwali tal-klima. Għalkemm jibqa’ fl-atmosfera għal perjodu iqsar mid-diossidu tal-karbonju (bejn 10 u 12-il sena qabel isseħħ l-ossidazzjoni f’diossidu tal-karbonju li jkompli jżomm is-sħana), fuq livell molekulari, il-metan huwa sustanza inkwinanti ħafna aktar b’saħħitha (b’potenzjal ta’ tisħin globali 28 darba aktar minn dak tad-diossidu tal-karbonju fuq perjodu ta’ 100 sena u ta’ 86 darba fuq perjodu ta’ 20 sena). Barra minn hekk, il-metan jikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-ożonu, li huwa sustanza niġġiesa qawwija tal-arja li tikkawża problemi serji tas-saħħa.

Madwar 60 % tal-emissjonijiet globali tal-metan huma antropoġeniċi, li minnhom l-akbar sorsi, ibbażati fuq stimi, huma l-produzzjoni u l-użu tal-fjuwils fossili (bejn kwart u terz), l-iskart (madwar kwart) u l-agrikoltura (madwar nofs l-emissjonijiet totali tal-metan), b’mod partikolari dik marbuta mal-produzzjoni intensiva.

Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jinnota li jrid jinkiseb tnaqqis profond fl-emissjonijiet tal-metan sal-2030 sabiex id-dinja tibqa’ taħt il-mira tat-temperatura globali ta’ 1,5 °C (jew saħansitra ta’ 2 °C) għall-2050 1 . L-aktar rapport reċenti tal-IPCC jenfasizza r-rwol tal-metan bħala wieħed mill-gassijiet serra ewlenin responsabbli għat-tibdil fil-klima. Ir-rapport jiddeskrivi li l-livelli tal-metan huma għoljin aktar minn qatt qabel u ferm ogħla mil-livelli ta’ emissjonijiet kompatibbli mal-limitazzjoni tat-tisħin għal 1,5 °C. Għalhekk hemm bżonn ta’ tnaqqis qawwi, rapidu u sostnut fl-emissjonijiet tal-metan sabiex jitnaqqas it-tisħin globali u tittejjeb il-kwalità tal-arja. Huwa importanti li jiġi nnotat li r-rapport jikkonkludi li ż-żieda tal-metan fl-atmosfera hija r-riżultat tal-attività tal-bniedem u li l-fjuwils fossili kienu kontributur kbir għat-tkabbir fl-emissjonijiet tal-metan mill-anqas mill-2007, flimkien mal-agrikoltura (prinċipalment il-bhejjem) u l-ilma mormi.

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 tindika li fl-UE l-aktar iffrankar kosteffettiv tal-emissjonijiet tal-metan jista’ jinkiseb fis-settur tal-enerġija. Dawn l-emissjonijiet huma problema transkonfinali u trattament regolatorju mhux ikkoordinat fl-Istati Membri u fis-setturi joħloq lakuni u ineffiċjenzi u jista’ jfixkel il-funzjonament tas-suq uniku tal-Unjoni għall-enerġija. Peress li l-maġġoranza tal-emissjonijiet tal-metan marbuta mal-enerġija fossili kkonsmata fl-Unjoni jseħħu barra mill-fruntieri tagħha, azzjoni konġunta biss mill-Istati Membri tista’ tippreżenta riżultati f’dan il-qasam.

F’Settembru tal-2021, l-Unjoni u l-Istati Uniti ħabbru l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan li tirrappreżenta impenn politiku sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-metan fis-setturi kollha li jemettu l-metan bi 30 % sal-2030 (mil-livelli tal-2020), imnedija fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 26) f’Novembru tal-2021 fi Glasgow. Aktar minn mitt pajjiż impenjaw ruħhom li jappoġġaw il-Wegħda, li jirrappreżentaw kważi nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi globali tal-metan. Il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan tinkludi impenn sabiex isir progress lejn l-użu tal-aqwa inventarji ta’ metodoloġiji disponibbli għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan, b’enfasi partikolari fuq sorsi ta’ emissjonijiet għoljin.

L-objettiv ġenerali tar-Regolament, fil-kuntest tal-funzjonament tas-suq intern għall-enerġija u filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni, huwa li jippreżerva u jtejjeb l-ambjent billi jnaqqas l-emissjonijiet tal-metan mill-enerġija fossili prodotta jew ikkonsmata fl-Unjoni.

L-objettivi speċifiċi huma dawn li ġejjin:

(i) It-titjib tal-akkuratezza tal-informazzjoni dwar is-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-enerġija prodotta u kkonsmata fl-UE. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data fil-livell tal-assi u kwantifikazzjoni robusta tal-emissjonijiet, u b’hekk tiżdied l-akkuratezza tal-kejl – inkluż ir-rapportar ta’ data dwar l-inventarji tal-gassijiet serra (“GHG”) lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“UNFCCC”) – kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni għal miżuri xierqa għall-mitigazzjoni.

(ii)L-iżgurar ta’ aktar tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet tal-metan fil-katina tal-provvista tal-enerġija fl-UE. Dan l-objettiv speċifiku jindirizza n-nuqqasijiet tas-suq li jwasslu għal mitigazzjoni insuffiċjenti tal-emissjonijiet tal-metan mill-kumpaniji.

(iii)It-titjib tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni sabiex jiġu pprovduti inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija fossili importata fl-UE. Peress li l-maġġoranza tal-emissjonijiet tal-metan marbuta mal-enerġija fossili kkonsmata fl-UE jseħħu barra mill-UE, dan l-objettiv speċifiku jfittex li jistabbilixxi inċentivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fil-pajjiżi sħab billi joħloq trasparenza fis-suq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Fir-Regolament (UE) 2021/1119 (il-“Liġi Ewropea dwar il-Klima”), l-Unjoni stabbiliet fil-leġiżlazzjoni l-mira tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050 u stabbiliet ukoll impenn vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-anqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030.

Il-proposta tibni fuq il-Pjan tal-Unjoni dwar il-Mira Klimatika għall-2030 u l-valutazzjoni tal-impatt tiegħu. Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika wera, abbażi ta’ xenarji mmudellati, li l-kisba ta’ mira klimatika akbar ta’ tnaqqis nett ta’ mill-anqas 55 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2030 hija fattibbli u tippermetti trajettorja bla xkiel għan-newtralità klimatika fl-2050. Dan jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiżdied it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku mmirati lejn il-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050. Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 tindika li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass se tiġi ffaċilitata, inkluż billi tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija. F’Ottubru tal-2020, il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan (“l-Istrateġija dwar il-Metan”) li tistabbilixxi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fl-UE, inkluż fis-settur tal-enerġija, u internazzjonalment.

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 (ir-Regolament dwar il-Governanza) jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ inventarju nazzjonali sabiex jistmaw l-emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet serra u sabiex jirrapportaw dawk il-projezzjonijiet nazzjonali. Dan ir-rapportar isir bl-użu tal-linji gwida tal-IPCC, u spiss ikun ibbażat fuq fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti aktar milli fuq kejl dirett fil-livell tas-sors, li jimplika inċertezzi dwar l-oriġini, il-frekwenza u d-daqs preċiżi tal-emissjonijiet.

L-emissjonijiet tal-metan li jseħħu fil-livell tal-esplorazzjoni u tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass fossili, il-ġbir u l-ipproċessar tal-gass fossili, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin taħt l-art u t-terminali tal-gass fossili likwidu (LNG), kif ukoll il-minjieri tal-faħam operattivi, magħluqa jew abbandunati mhumiex regolati speċifikament fil-livell tal-Unjoni.

Id-Direttiva 2010/75/UE (id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, IED), li bħalissa qiegħda tiġi riveduta, tirregola l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn installazzjonijiet industrijali, b’mod partikolari billi tistabbilixxi valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet ibbażati fuq l-aħjar tekniki disponibbli bħala kundizzjonijiet għall-permessi. L-IED tkopri r-raffinar taż-żejt minerali u tal-gass iżda mhux tal-gass fossili upstream, mid u downstream (LNG, ħżin tal-gass taħt l-art, trażmissjoni, distribuzzjoni) jew tal-estrazzjoni tal-faħam.

B’rabta mill-qrib mal-IED, ir-Regolament (KE) 166/2006 3 (ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti, PRTR Ewropew), jirrikjedi li l-“Estrazzjoni taħt l-art u operazzjonijiet relatati” tirrapporta r-rilaxxi ta’ inkwinanti, inkluż tal-metan meta jinqabeż il-limitu ta’ rapportar ta’ 100 000 kg/sena. Għall-kejl tar-rilaxxi tal-metan, l-Appendiċi 3 tal-gwida tal-PRTR Ewropew 4 jirreferi għal standard tal-ISO li għadu qed jitħejja (mill-ISP/TC 146/SC 1/WG 22). Il-PRTR Ewropew bħalissa qiegħed jiġi rivedut ukoll. Ir-reviżjoni tal-IED u tal-PRTR Ewropew se tqis il-ħtieġa li tiġi evitata regolamentazzjoni doppja. Għalhekk, din il-proposta hija komplementarja għal dawn iż-żewġ atti minħabba li tindirizza l-emissjonijiet tal-metan tul il-katina kollha tal-provvista tal-enerġija fossili.

Fl-14 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat sensiela ta’ proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu kif beħsiebha tikseb in-newtralità klimatika fl-UE sal-2050, inkluża l-mira intermedja ta’ tnaqqis nett ta’ mill-anqas 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030. F’dan il-kuntest, l-inizjattivi li ġejjin għandhom rabtiet rilevanti mal-kejl u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan:

Ir-Regolament (UE) 2018/842 (ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, ESR) fih miri annwali vinkolanti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-livell tal-pajjiżi għall-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal setturi inkluż it-trasport (mingħajr l-avjazzjoni), il-binjiet, l-agrikoltura, l-iskart, l-industrija u l-partijiet tas-settur tal-enerġija mhux koperti mill-iskema eżistenti tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS). Jinkludi l-metan fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u dan jinżamm fil-proposta għal reviżjoni adottata fl-14 ta’ Lulju 2021. Din l-inizjattiva tikkomplementa l-ESR peress li tintroduċi miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, peress li l-ESR ma jippreskrivix miżuri bħal dawn u jħalli xi marġni lill-Istati Membri dwar kif l-aħjar jiksbu t-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dawk il-miżuri se jikkontribwixxu sabiex l-Istati Membri jissodisfaw il-miri tagħhom u jistgħu jikkontribwixxu wkoll sabiex iżidu l-kosteffettività tal-ilħuq tal-miri tal-ESR minħabba l-potenzjal kummerċjali fl-ESR bejn l-Istati Membri.

Il-proposta sabiex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2018/841 (ir-Regolament LULUCF) bħala parti mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” tistabbilixxi mira ġenerali tal-UE għall-assorbimenti tal-karbonju minn bjar naturali, il-miri nazzjonali se jirrikjedu li l-Istati Membri jieħdu ħsieb u jespandu l-bjar tal-karbonju tagħhom. Il-proposta tiddetermina wkoll il-mira tal-Unjoni tan-newtralità klimatika għall-2035 fis-setturi tal-użu tal-art, tal-forestrija u tal-agrikoltura, inklużi wkoll l-emissjonijiet agrikoli mhux tas-CO2, jiġifieri l-metan.

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, REDII) hija l-istrument ewlieni tal-UE li jittratta l-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u se tiffaċilita s-sostituzzjoni gradwali ta’ sorsi ta’ enerġija fossili b’sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, fiha valuri prestabbiliti ta’ ffrankar tal-gassijiet serra inklużi stimi tat-telf tal-metan fil-produzzjoni tal-bijogass u tal-bijometan, li jistgħu jkunu rilevanti għas-sostenibbiltà tal-bijogass u tal-bijometan. Dawn il-valuri prestabbiliti jistgħu jintużaw mill-produtturi fir-rapportar tagħhom dwar l-iffrankar tal-gassijiet serra tal-produzzjoni tagħhom sabiex juru li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà tar-REDII u jipprovdu indirettament inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan.

L-emissjonijiet tal-metan li jseħħu f’apparat tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-ispazju huma koperti f’diversi regolamenti dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija, li jipprovdu regoli għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, bħal apparat domestiku, teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jew l-inġinerija.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi wkoll li tirrevedi d-Direttiva 2009/73/KE u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 sabiex tiffaċilita l-ħolqien ta’ swieq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzati, billi tistabbilixxi disinn ġdid tas-suq, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għal gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għal pipelines sabiex, minn naħa, toħloq il-kundizzjonijiet għal suq tal-idroġenu u, min-naħa l-oħra, tneħħi l-ostakli għad-dekarbonizzazzjoni tal-grilja tal-gass naturali eżistenti. Il-proposta hija komplementari peress li se ttejjeb il-prestazzjoni klimatika tal-gass fossili matul il-perjodu li fih se tiġi ssostitwita gradwalment b’gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta tikkomplementa l-azzjoni meħuda fl-oqsma tal-agrikoltura u l-iskart sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.

Fir-rigward tas-settur agrikolu, diversi sfidi huma indirizzati fl-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” 5 . Il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ esperti sabiex janalizza l-metrika tal-emissjonijiet tal-metan tul iċ-ċiklu tal-ħajja. F’kooperazzjoni mal-esperti settorjali u mal-Istati Membri, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa inventarju tal-aħjar prattiki u t-teknoloġiji disponibbli sabiex tesplora u tippromwovi l-użu usa’ ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni innovattivi. Sabiex tħeġġeġ kalkoli tal-bilanċ tal-karbonju fil-livell tal-azjendi agrikoli, sal-2022 il-Kummissjoni se tipprovdi mudell ta’ navigatur tal-karbonju diġitali u linji gwida dwar mogħdijiet komuni għall-kalkolu kwantitattiv tal-emissjonijiet u l-assorbiment tal-gassijiet serra. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ mitigazzjoni permezz tal-użu usa’ tas-“sekwestru tal-karbonju f’art agrikola” fl-Istati Membri u fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni tagħhom, mill-2021. Fil-pjan strateġiku Orizzont Ewropa mill-2021 sal-2024, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi riċerka mmirata dwar il-fatturi differenti li effettivament iwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, filwaqt li tiffoka fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija u n-natura kif ukoll fuq il-fatturi li jwasslu għal bidla fid-dieta. Il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra wkoll li ddaħħal parti mit-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IED, li jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan tas-settur.

L-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-iskart huma koperti mir-rieżamijiet pjanati eżistenti u li ġejjin tal-leġiżlazzjoni ambjentali. Id-Direttiva (UE) 2018/850 (id-Direttiva dwar il-Landfills) tesiġi li l-operaturi tal-landfills jimmaniġġjaw il-gass tal-landfills billi jew jużawh sabiex jiġġeneraw l-enerġija jew jivvampjawh. Fir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Landfills prevista għall-2024, il-Kummissjoni se tikkunsidra azzjonijiet ulterjuri sabiex tittejjeb il-ġestjoni tal-gass tal-landfills, jiġu mminimizzati l-effetti klimatiċi dannużi tiegħu, u jiġi sfruttat kwalunkwe wieħed mill-gwadanji potenzjali tal-enerġija tiegħu. Barra minn hekk, ir-rieżami li għaddej tal-IED qiegħed iqis ukoll l-adozzjoni ta’ konklużjonijiet dwar il-BAT għar-rimi f’landfills li fost l-oħrajn jindirizzaw l-emissjonijiet tal-metan. Bidliet reċenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart (2018) introduċew obbligu li l-iskart bijodegradabbli jinġabar separatament sal-2024, u stabbilew mira ġdida ta’ massimu ta’ 10 % rimi fil-landfills tal-iskart sal-2035. B’riżultat ta’ dawn il-bidliet, huwa mistenni li l-emissjonijiet tal-metan mil-landfills se jkomplu jonqsu. Fir-rigward tat-trattament u l-użu tal-ilma mormi u l-ħama tad-drenaġġ skont il-qafas regolatorju attwali, jiġifieri d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi 6 u d-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ 7 , l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mhumiex indirizzati speċifikament. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, madankollu, għenet sabiex jiġu evitati emissjonijiet sinifikanti tal-metan minħabba l-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi f’faċilitajiet ċentralizzati ineffiċjenti. Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi bħalissa qiegħda tiġi rieżaminata. Id-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ tirregola l-użu tal-ħama tad-drenaġġ sabiex jitħares l-ambjent, u b’mod partikolari l-ħamrija, kontra l-effetti dannużi tal-ħama kontaminat meta jintuża fl-agrikoltura.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ din l-inizjattiva hija l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jagħti s-setgħa lill-Unjoni li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija. Il-proposta tikkonċerna s-settur tal-enerġija biss u tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni kif deskritti fl-Artikolu 194(1), b’mod partikolari l-funzjonament tas-suq tal-enerġija billi tarmonizza r-regoli dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u t-tnaqqis tal-metan, li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni u t-titjib tal-ambjent.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija huma problema transkonfinali u jvarjaw fil-livelli nazzjonali u reġjonali tal-Unjoni. Dawn huma rilevanti fl-Istati Membri kollha sa ċertu punt, skont it-taħlita tal-enerġija u d-dotazzjonijiet naturali tagħhom, eż. kemm jitħaddmu jew jiġu ssiġillati minjieri tal-faħam taħt l-art, kemm jiġi prodott jew ittrasportat gass fossili. L-iskala tal-infrastruttura tal-gass turi l-aspett tal-Unjoni kollha, b’madwar 190 000 km ta’ pipelines għat-trażmissjoni fl-Istati Membri kollha.

Il-livell ta’ rapportar tal-emissjonijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni jvarjaw skont l-Istat Membru u s-sottosettur. Hemm diversi inizjattivi privati u volontarji, iżda dawn mhumiex biżżejjed minħabba limitazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni, fil-parteċipazzjoni u fl-infurzabbiltà. Approċċi nazzjonali differenti jistgħu jwasslu għal inkonsistenzi fit-trattament regolatorju fl-Istati Membri, filwaqt li jżidu l-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed, potenzjalment jimpedixxu l-funzjonament tas-suq intern permezz tal-ħolqien ta’ ostakli għall-operaturi, kif ukoll jikkumplikaw l-ġbir ta’ data komparabbli fl-Unjoni.

Barra minn hekk, peress li l-maġġoranza tal-emissjonijiet tal-metan marbuta mal-enerġija fossili kkonsmata fl-Unjoni jseħħu barra mill-fruntieri tagħha, azzjoni konġunta mill-Istati Membri tkun aktar probabbli li twassal riżultati għal dawk il-partijiet tal-katina tal-provvista u tippreserva l-integrità tas-suq intern tal-enerġija.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-Unjoni jibbenefika minn approċċ ta’ politika omoġenju fil-livell tal-Unjoni. L-impatti tal-miżuri mmirati lejn il-kejl u l-mitigazzjoni tal-metan u l-effetti relatati fuq l-innovazzjoni, il-kosteffettività, u kundizzjonijiet ekwi fiż-żamma ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb jeħtieġu koordinazzjoni bejn il-fruntieri tal-Istati Membri. Il-politiki koordinati tal-Unjoni għandhom ċans ferm ogħla li jwasslu għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija milli sforzi nazzjonali frammentati. Barra minn hekk, l-azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni tiffaċilita l-kunsiderazzjoni sħiħa tal-kapaċitajiet differenti sabiex tittieħed azzjoni fost l-Istati Membri u l-entitajiet privati. Din tagħti wkoll lill-operaturi l-benefiċċji ta’ reġim regolatorju uniku, li jiffaċilita l-aderenza u jnaqqas il-piż amministrattiv relatat mal-applikazzjoni ta’ regoli frammentati fl-Istati Membri.

Politika dwar il-metan fil-livell tal-Unjoni żżid valur sinifikanti għall-azzjoni internazzjonali dwar il-klima. Bl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni sabiex jiġu mminimizzati l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, l-Unjoni qiegħda tibgħat sinjal politiku qawwi lill-atturi esterni, filwaqt li żżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-effetti dannużi tal-emissjonijiet tal-metan fuq il-klima. Dan is-sinjal mhux biss se jħeġġeġ lis-sħab tal-Unjoni jindirizzaw il-problema tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, iżda jwassal ukoll għall-ħolqien ta’ sħubija internazzjonali u b’hekk jagħti lill-Unjoni rwol ta’ tmexxija fl-indirizzar tal-emissjonijiet tal-metan.

Bħala konklużjoni, l-isfidi fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għalhekk jeħtieġu approċċ armonizzat u koordinat u ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effiċjenti mill-Istati Membri individwali. Għalhekk, l-azzjoni tal-Unjoni hija ġustifikata għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà f’konformità mal-Artikolu 194 tat-TFUE.

Proporzjonalità

Il-proposta toħloq bilanċ bir-reqqa bejn, minn naħa, l-awtonomija regolatorja li l-Istati Membri għandhom għal azzjonijiet korrettivi nazzjonali, l-istabbiliment ta’ inċentivi għall-innovazzjoni teknoloġika jew it-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-livell ta’ riżorsi dedikati u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-problemi li jikkonċernaw l-emissjonijiet tal-metan li jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni.

Kif deskritt fil-Kapitolu 6 tal-Valutazzjoni tal-Impatt, il-kostijiet u l-piżijiet regolatorji assoċjati ma’ din il-proposta nżammu limitati kemm jista’ jkun. Il-miżuri previsti f’din il-proposta ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu solvuti l-problemi identifikati u sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Il-kostijiet previsti għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri jitqiesu aċċettabbli, b’kont meħud ukoll tal-impatti ekonomiċi netti pożittivi marbuta ma’ livell ta’ tnaqqis kosteffettiv mil-lat ambjentali u soċjali.

Għażla tal-istrument

Regolament huwa l-istrument legali xieraq għal din il-proposta leġiżlattiva peress li jimponi regoli ċari u dettaljati li ma jagħtux lok għal traspożizzjoni diverġenti mill-Istati Membri. Regolament jiżgura li r-rekwiżiti legali jkunu applikabbli fl-istess ħin fl-Unjoni, u għalhekk jevita l-ineffiċjenzi u l-kostijiet/il-piżijiet regolatorji relatati ma’ implimentazzjoni inkonsistenti tad-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-Unjoni kollha.

Barra minn hekk, Regolament huwa l-istrument adegwat sabiex jiġu imposti obbligi diretti fuq l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet nazzjonali. Dan ikun meħtieġ sabiex ikun hemm obbligi ċari biex jiġi kkwantifikat ir-rapportar u tiġi vverifikata d-data, kif ukoll biex jintużaw miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, inkluża t-tneħħija gradwali ta’ prattiki dannużi tal-industrija bħall-ivventjar u l-ivvampjar.

Sabiex ikun hemm data konsistenti u komparabbli, huwa kruċjali li jkun hemm rekwiżiti armonizzati ta’ kejl u rapportar. Dan jista’ jsir l-aħjar permezz ta’ Regolament, kif muri minn atti legali relatati tal-UE, bħar-Regolament (UE) 2015/757 8 , ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 jew ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 9 . Dwar dan is-suġġett, il-livell ta’ diskrezzjoni li jitħalla f’idejn l-Istati Membri f’Direttiva jkun inkompatibbli mal-ħtieġa ta’ data komparabbli u għalhekk armonizzata.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-prattiki industrijali, ir-Regolament huwa l-istrument adegwat sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet jimmiraw direttament lill-kumpaniji u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi minimi f’dawk il-prattiki.

Fl-aħħar nett, Regolament jippermetti l-urġenza li jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-metan b’mod aktar dirett u li jwassal, fil-kuntest tal-emerġenza klimatika u l-mira tal-Unjoni għan-newtralità klimatika, kif spjegat fit-Taqsima 1 hawn fuq.

L-għażla ta’ Regolament tiżgura li l-problemi u l-objettivi identifikati jiġu indirizzati bl-aktar mod effettiv, effiċjenti u proporzjonat. Dan jiżgura bilanċ bir-reqqa bejn, minn naħa, l-awtonomija regolatorja li l-Istati Membri għandhom għal azzjonijiet korrettivi nazzjonali, l-istabbiliment ta’ inċentivi għall-innovazzjoni teknoloġika, jew deċiżjonijiet dwar il-livell ta’ riżorsi dedikati u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-problemi li jikkonċernaw l-emissjonijiet tal-metan li jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar għal evalwazzjonijiet tal-impatt, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni komprensiva mal-parti ikkonċernata bbażata fuq strateġija ta’ konsultazzjoni li kienet tinkludi firxa ta’ metodi u ta’ għodod. L-istrateġija ta’ konsultazzjoni kellha l-għan li tiżgura li tiġi kkunsidrata l-evidenza rilevanti kollha, li tinkludi d-data dwar il-kostijiet, l-impatt fuq is-soċjetà, u l-benefiċċji potenzjali tal-inizjattiva. L-istrateġija kienet imfassla f’konformità mal-loġika ta’ intervent u kkombinat elementi li jħarsu kemm lura kif ukoll ’il quddiem. Intużaw diversi għodod ta’ konsultazzjoni: konsultazzjoni pubblika online, konsultazzjoni mmirata dwar il-kostijiet tal-implimentazzjoni tar-regolament dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika (MRV) abbażi tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass 10 , intervisti fil-fond u (tliet) webinars online tal-partijiet ikkonċernati.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa (OPC) irċeviet 131 tweġiba, u minn dawk 126 ġew sottomessi permezz ta’ mill-anqas tlestija parzjali tal-kwestjonarju online u ħames kontribuzzjonijiet addizzjonali waslu fil-forma ta’ sottomissjonijiet bil-posta elettronika.

B’mod partikolari, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u l-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER) ippreżentaw stħarriġ fost il-membri tagħhom bħala kontribut informali għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa, filwaqt li esprimew il-fehma li “l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jappoġġaw b’mod wiesa’ approċċ armonizzat fil-livell tal-UE għall-monitoraġġ u d-detezzjoni tal-emissjonijiet tal-metan, ibbażat b’mod partikolari fuq il-monitoraġġ obbligatorju tal-emissjonijiet tal-metan.”

Il-partijiet ikkonċernati esprimew appoġġ mifrux għall-iżvilupp ta’ standard ta’ MRV robust għall-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija. Fl-OPC, 78 % tat-tweġibiet appoġġaw li l-parti taż-żejt u tal-gass tal-proposta dwar l-MRV tkun ibbażata fuq il-metodoloġija tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass, li kienet appoġġata wkoll mill-assoċjazzjonijiet kollha tal-kummerċ taż-żejt u tal-gass tal-UE. Kien hemm ukoll appoġġ wiesa’, inkluż mill-industrija tal-faħam, għall-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet tal-MRV għall-faħam (96 % tat-tweġibiet tal-OPC). Dawk l-aspetti huma inklużi f’din il-proposta.

Kien hemm appoġġ wiesa’ għal miżuri leġiżlattivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi taż-żejt, tal-gass fossili u tal-faħam. L-assoċjazzjonijiet kollha tal-industrija taż-żejt u tal-gass li pprovdew tweġiba għall-OPC esprimew appoġġ sabiex fid-dritt tal-Unjoni jiddaħħal obbligu dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet (LDAR). L-NGOs ukoll appoġġaw b’mod wiesa’ obbligu bħal dan. L-NGOs u r-rispondenti tal-industrija kollha tal-OPC kienu tal-fehma li t-tneħħija gradwali tal-ivventjar u tal-ivvampjar ta’ rutina assoċjati mal-enerġija prodotta u kkonsmata fl-UE hija fattibbli. Fir-rigward tal-inklużjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-metan mill-minjieri tal-faħam, il-konsultazzjoni pubblika tat appoġġ qawwi (80 % tat-tweġibiet). Dawk l-aspetti huma inklużi f’din il-proposta.

Tnejn u disgħin fil-mija tat-tweġibiet għall-OPC appoġġaw leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija li tkopri ż-żejt u l-gass imqiegħda fis-suq tal-Unjoni. B’mod speċifiku, 96 % tat-tweġibiet appoġġaw l-iżvilupp ta’ għodda għat-trasparenza tal-metan fil-livelli tal-Unjoni u internazzjonali. Dan l-element huwa inkluż f’din il-proposta.

72 % tat-tweġibiet qiesu li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija għandha testendi l-obbligi għall-kumpaniji li jimportaw l-enerġija fossili fl-Unjoni. 65 % tat-tweġibiet qiesu li huwa fattibbli li jiġu imposti l-istess obbligi fir-rigward tal-MRV, l-LDAR u l-ivventjar u l-ivvampjar fuq l-atturi kollha tal-katina tal-valur taż-żejt u tal-gass għaż-żejt u għall-gass ikkonsmati fl-Unjoni. Sabiex twieġeb għal dan, il-proposta tinkludi klawsola ta’ rieżami li tirreferi b’mod espliċitu għall-prerogattiva tal-Kummissjoni li tissottometti proposti leġiżlattivi ta’ emenda sabiex timponi miżuri aktar stretti fuq l-importaturi ladarba tkun disponibbli data globali aħjar dwar l-emissjonijiet tal-metan.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-proposta u l-valutazzjoni tal-impatt sottostanti tagħha huma bbażati fuq evidenza mill-kontribut tal-partijiet ikkonċernati għall-konsultazzjonijiet estensivi mwettqa f’dan ir-rigward, workshops speċifiċi, kif ukoll rieżami tal-letteratura, analiżi u mmudellar. Ir-rieżami tal-letteratura inkluda r-riżultati ta’ sensiela ta’ studji topiċi dwar elementi ewlenin tar-regolamenti dwar l-emissjonijiet tal-metan f’pajjiżi differenti u fl-Istati Membri tal-UE, li jillimitaw l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, kif ukoll evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet imwettqa fil-qafas ta’ inizjattivi rilevanti oħrajn tal-Kummissjoni.

Valutazzjoni tal-impatt

Matul il-ħidma tal-valutazzjoni tal-impatt, ġew ikkunsidrati diversi miżuri fl-oqsma kollha sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati u l-fatturi ewlenin tal-problema bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva. L-oqsma ta’ politika kollha kienu jinkludu għażla ta’ żamma tal-istatus quo. Ġew identifikati għażliet preferuti għal tliet oqsma ta’ politika. Wara valutazzjoni tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza u tal-proporzjonalità tagħhom, instab li pakkett ta’ għażliet preferuti huwa l-aktar adattat sabiex jikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti. Il-pakkett ta’ għażliet preferuti jinkludi d-dispożizzjonijiet ewlenin li ġejjin:

Il-qasam ta’ politika 1 iqis għażliet għat-titjib tal-akkuratezza tal-kejl u tar-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija billi l-operaturi jiġu obbligati jwettqu kejl fil-livell tal-assi u jirrapportaw l-emissjonijiet diretti tal-metan għall-attivitajiet ekonomiċi fit-territorju tal-UE. Dan jinkludi monitoraġġ, rapportar u verifika obbligatorji għaż-żejt u l-gass, monitoraġġ obbligatorju, rapportar u verifika għaż-żejt, għall-gass u għall-faħam, u monitoraġġ, rapportar u verifika obbligatorji għaż-żejt, għall-gass u għall-faħam li jkopri wkoll l-emissjonijiet indiretti.

L-għażla preferuta għall-qasam ta’ politika 1 hija li jiġi impost obbligu ta’ kejl u rapportar dettaljati (fil-livell tal-assi) dwar l-emissjonijiet tal-metan miż-żejt, mill-gass u mill-faħam fis-settur tal-enerġija tal-UE. Il-benefiċċju ewlieni huwa li dan se jtejjeb il-livell ta’ rapportar ta’ emissjonijiet bħal dawn u se jżid il-fehim tas-sorsi u d-daqs ta’ dawk l-emissjonijiet li jwassal għal tnaqqis aktar effettiv tal-emissjonijiet assoċjati.

Il-qasam ta’ politika 2 fih għażliet għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fl-UE, permezz ta’ miżuri ta’ detezzjoni u ta’ tiswija tat-tnixxijiet u limiti fuq l-ivventjar u l-ivvampjar. Dawn għandhom l-għan li jiżguraw mitigazzjoni aktar effettiva tal-emissjonijiet tal-metan fil-katina tal-provvista tal-enerġija. L-għażliet jinkludu gwida tal-Kummissjoni jew miżuri obbligatorji dwar il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt u tal-gass fossili, miżuri obbligatorji dwar il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt, tal-gass fossili u tal-faħam kif ukoll emissjonijiet indiretti u miżura leġiżlattiva sabiex jinkiseb ċertu tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan permezz ta’ rekwiżit ta’ prestazzjoni.

L-għażla preferuta għall-qasam ta’ politika 2 hija li jiġu imposti obbligi sabiex jiġu mmitigati l-emissjonijiet tal-metan miż-żejt, mill-gass u mill-faħam fis-settur tal-enerġija tal-UE, f’termini ta’ miżuri ta’ detezzjoni u ta’ tiswija ta’ tnixxijiet u sabiex jiġu pprojbiti l-ivventjar u l-ivvampjar. Dawn iwasslu għal tnaqqis akbar tal-emissjonijiet tal-metan meta mqabbla ma’ xenarju ta’ żamma tal-istatus quo, b’benefiċċji ambjentali u soċjali assoċjati f’termini ta’ tnaqqis fit-tibdil fil-klima u tnaqqis fit-tniġġis tal-arja.

Il-qasam ta’ politika 3 fih għażliet li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija fossili importata. Dan jinkludi għażliet dwar il-kejl, ir-rapportar u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan marbuta mal-konsum tal-fjuwils fossili tal-UE iżda li jseħħu barra mill-UE, inkluż l-użu ta’ azzjoni diplomatika u għodod ta’ trasparenza, kejl, rapportar u mitigazzjoni obbligatorji li japplikaw għall-emissjonijiet kollha tal-metan mill-enerġija fossili kkonsmata fl-UE li jkopru l-katina tal-valur, l-istabbiliment ta’ bażi tad-data tat-trasparenza dwar l-emissjonijiet tal-metan u għodda globali ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet għoljin tal-metan, kif ukoll obbligu li jinkiseb ċertu ammont ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan li japplika għall-enerġija fossili kollha kkonsmata fl-UE li tkopri l-katina tal-valur.

L-għażla preferuta għall-qasam ta’ politika 3 hija li jiġu ppreżentati diversi strumenti sabiex tittejjeb l-informazzjoni dwar is-sorsi tal-emissjonijiet tal-metan minn kumpaniji li jesportaw l-enerġija fossili lejn l-UE kif ukoll inċentivi għall-pajjiżi sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom. B’mod simili għall-qasam ta’ politika 2, it-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-metan se jkollu benefiċċji ambjentali u soċjali, b’mod partikolari għall-UE f’termini ta’ tnaqqis fit-tibdil fil-klima.

Drittijiet fundamentali

L-inizjattiva hija konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li teżiġi li fil-politiki tal-Unjoni jridu jiġu integrati livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u titjib fil-kwalità tal-ambjent, filwaqt li dawn jiġu żgurati f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta tinkludi numru ta’ rekwiżiti b’implikazzjonijiet baġitarji. L-ewwel nett, ir-rekwiżit li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tistabbilixxi u tagħmel disponibbli għall-pubbliku sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet ta’ unità tal-investiment marbuta mal-kejl, ir-rapportar u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għal proġetti komparabbli, darba kull tliet snin. Filwaqt li s’issa l-ACER ma ttrattatx il-kostijiet tal-operaturi tan-network minħabba l-kejl, ir-rapportar u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, il-kompiti addizzjonali u l-ammont ta’ xogħol tagħhom għall-ACER huma stmati li huma koperti biżżejjed minn FTE wieħed addizzjonali.

It-tieni, ir-rekwiżit għall-Unjoni li tistabbilixxi u żżomm pjattaforma ta’ trasparenza tal-metan inkluża informazzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-enerġija fossili fl-Unjoni, b’aġġornamenti li għandhom jiġu pprovduti kull tliet xhur, kif ukoll li tistabbilixxi għodda globali ta’ monitoraġġ tal-metan li tippubblika regolarment ir-riżultati tal-monitoraġġ mill-ajru ta’ emittenti kbar tal-metan minn sorsi tal-enerġija, b’aġġornamenti li għandhom jiġu pprovduti kull xahar. Il-kompiti addizzjonali u l-ammont ta’ xogħol tagħhom għall-Kummissjoni huma stmati li jeħtieġu żewġ uffiċjali full-time addizzjonali.

It-Taqsima 3 tad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva tiddeskrivi l-implikazzjonijiet baġitarji tal-proposta u r-riżorsi umani u amministrattivi meħtieġa.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija tipprovdi qafas komprensiv sabiex jinkiseb progress lejn il-miri tal-UE, u sabiex jiġi segwit dak il-progress, li għalih se tikkontribwixxi din il-proposta. Il-qafas ġenerali huwa provdut mil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u qafas dettaljat integrat ta’ monitoraġġ u rapportar huwa provdut mir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika. Id-data miġbura fil-kuntest ta’ dak ir-Regolament għandha ssir aċċessibbli għall-pubbliku fuq pjattaforma elettronika, inklużi indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-objettivi tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima.

Il-politiki u l-miżuri nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jilħqu l-miri tagħhom skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi jiġu vverifikati mill-Kummissjoni kull ħames snin. Għalhekk, l-implimentazzjoni u l-effettività tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-proposta se jiġu segwiti wkoll skont il-kisba fil-mira skont l-ESR. Il-mekkaniżmi ta’ kontroll stabbiliti għall-kwalità tas-sottomissjonijiet nazzjonali se jippermettu wkoll evalwazzjoni tal-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta fil-kisba ta’ titjib fl-akkuratezza tad-data. F’dan il-kuntest, ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika jistabbilixxi r-rekwiżiti għas-sistemi ta’ inventarju nazzjonali u tal-Unjoni għall-emissjonijiet, il-politiki, il-miżuri u l-projezzjonijiet ta’ gassijiet serra, filwaqt li jappella għat-titjib kontinwu tagħhom. L-istabbiliment ta’ sistemi bħal dawn huwa meħtieġ fuq livell internazzjonali u huwa maħsub sabiex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima fir-rigward tad-dimensjoni tad-dekarbonizzazzjoni.

L-emissjonijiet tal-metan huma dejjem aktar soġġetti għall-attenzjoni pubblika, inklużi kampanji xjentifiċi u tal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu identifikati u kkwantifikati l-emissjonijiet. Appoġġat minn riżoluzzjoni spazjali u temporali dejjem akbar tad-data satellitari, tali skrutinju pubbliku huwa riżorsa siewja fil-monitoraġġ tal-impatt tal-proposta u fl-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni.

Fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-obbligi stabbiliti f’din il-proposta, ir-responsabbiltà ewlenija sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet se tkun tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fir-rigward tal-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet, din il-proposta tipprevedi r-rwol ta’ verifikaturi akkreditati indipendenti. L-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan 11 se jipprovdi skrutinju addizzjonali tad-data preżentata dwar l-emissjonijiet tal-metan, inkluża l-possibbiltà li dawn jiġu kontroreferenzjati ma’ sorsi oħrajn bħal immaġni satellitari u prodotti tas-satellita.

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-att legali, permezz tal-verifika tal-applikazzjoni korretta tal-miżuri mill-partijiet obbligati u jekk ikun meħtieġ tieħu azzjoni ta’ infurzar. Din il-proposta tinkludi klawsola ta’ rieżami li biha l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami tar-Regolament.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-regolament propost jikkonsisti minn sitt kapitoli li jinkludu 35 artikolu.

Kapitolu 1 - Dispożizzjonijiet ġenerali

Dan il-kapitolu jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u t-termini ewlenin użati fir-regolament propost. Jinkludi wkoll dispożizzjoni li tirrikonoxxi l-kostijiet tal-operaturi tan-network fl-implimentazzjoni tar-Regolament.

Kapitolu 2 – Awtoritajiet kompetenti u verifika indipendenti

Dan il-kapitolu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ta’ konformità tar-Regolament, minbarra d-dispożizzjonijiet dwar il-penali fil-Kapitolu 6. Jistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari r-regoli dwar l-ispezzjonijiet u l-ilmenti, kif ukoll ir-rwol u l-proċeduri għal verifikaturi akkreditati indipendenti fir-rigward tal-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan rapportata mill-operaturi.

Kapitolu 3 – Emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt u tal-gass

Dan il-kapitolu jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi u tal-Istati Membri fir-rigward tal-kejl u tar-rapportar tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan, kif ukoll l-obbligi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-siti rilevanti.

Kapitolu 4 – Emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-faħam

Dan il-kapitolu huwa maqsum fi tliet taqsimiet sabiex ikopri dan li ġej: il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan fil-minjieri operattivi; il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fil-minjieri operattivi ta’ taħt l-art u emissjonijiet tal-metan f’minjieri ta’ taħt l-art magħluqa u abbandunati.

Kull taqsima tistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi u tal-Istati Membri fir-rigward tal-kejl u tar-rapportar tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan, kif ukoll l-obbligi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-siti rilevanti.

Kapitolu 5 – Emissjonijiet tal-metan li jseħħu barra mill-Unjoni

Dan il-kapitolu jintroduċi għodod ta’ trasparenza għall-emissjonijiet tal-metan li jseħħu barra mill-Unjoni: obbligu ta’ informazzjoni mill-importaturi tal-fjuwils fossili fir-rigward tal-emissjonijiet tal-metan, lista ta’ trasparenza tal-kumpaniji u l-pajjiżi tal-Unjoni u tal-kumpaniji li jesportaw l-enerġija fossili lejn l-Unjoni, inkluża informazzjoni dwar l-obbligi ta’ rapportar internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-emissjonijiet tal-metan u għodda ta’ monitoraġġ globali sabiex jiġi żvelat id-daqs, ir-rikorrenza u l-post tal-emittenti tal-metan globalment.

Barra minn hekk, sabiex jitqiesu l-importazzjonijiet tal-enerġija fossili lejn l-Unjoni, il-kapitolu jistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-importatur, kif ukoll il-prerogattiva tal-Kummissjoni li jiġu sottomessi proposti leġiżlattivi emendatorji sabiex jiġu imposti miżuri aktar stretti fuq l-importaturi ladarba tkun disponibbli data globali aħjar dwar l-emissjonijiet tal-metan u tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi internazzjonali applikabbli tal-Unjoni.

Kapitolu 6 – Dispożizzjonijiet finali

Dan il-kapitolu jipprevedi b’mod partikolari sistema ta’ penali: filwaqt li jirrikonoxxi li l-istabbiliment ta’ penali huwa kompetenza nazzjonali, huwa jistabbilixxi prinċipji gwida għall-penali, b’mod partikolari kriterji għall-istabbiliment ta’ penali, it-tipi ta’ ksur li għandhom jiġu ppenalizzati, kriterji dwar il-limiti massimi, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu imposti pagamenti perjodiċi ta’ penali.

Fih ukoll dispożizzjonijiet ta’ awtonomizzazzjoni għall-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni, kif ukoll klawsola ta’ rieżami.

2021/0423 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Il-metan, il-komponent ewlieni tal-gass naturali, huwa t-tieni biss wara d-diossidu tal-karbonju fil-kontribut ġenerali tiegħu għat-tibdil fil-klima u huwa responsabbli għal madwar terz tat-tisħin attwali.

(2)Fuq livell molekulari, għalkemm il-metan jibqa’ fl-atmosfera għal perjodu iqsar (minn 10 snin sa 12-il sena) mid-diossidu tal-karbonju (mijiet ta’ snin), l-effett serra tiegħu fuq il-klima huwa aktar sinifikanti u jikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-ożonu li hija sustanza niġġiesa qawwija tal-arja li tikkawża problemi serji tas-saħħa. L-ammont ta’ metan fl-atmosfera globalment żdied drastikament matul l-aħħar għaxar snin.

(3)Skont stimi reċenti mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u mill-Koalizzjoni għall-Klima u l-Arja Nadifa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan b’45 % sal-2030, abbażi ta’ miżuri mmirati disponibbli u miżuri addizzjonali f’konformità mal-għanijiet ta’ żvilupp prijoritarju tan-Nazzjonijiet Uniti (“NU”), jista’ jevita 0,3 °C ta’ tisħin globali sal-2045.

(4)Skont id-data tal-inventarji tal-Unjoni dwar il-gassijiet serra (“GHG”), is-settur tal-enerġija huwa stmat li huwa responsabbli għal 19 % tal-emissjonijiet tal-metan fl-Unjoni. Dan ma jinkludix l-emissjonijiet tal-metan marbuta mal-konsum tal-enerġija fossili tal-Unjoni li qegħdin iseħħu barra mill-Unjoni.

(5)Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku mmirati lejn il-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050. Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 14 tindika li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass se tiġi ffaċilitata, inkluż billi tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija. F’Ottubru tal-2020, il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan (“l-Istrateġija dwar il-Metan”) li tistabbilixxi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fl-UE, inkluż fis-settur tal-enerġija, u internazzjonalment. Fir-Regolament (UE) 2021/1119 15 (il-“Liġi Ewropea dwar il-Klima”), l-Unjoni stabbiliet fil-leġiżlazzjoni l-mira tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050 u stabbiliet ukoll impenn vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-anqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. Sabiex jinkiseb dak il-livell ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ GHG, l-emissjonijiet tal-metan mis-settur tal-enerġija għandhom jonqsu b’madwar 58 % sal-2030 meta mqabbla mal-2020.

(6)L-emissjonijiet tal-metan huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miri tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030 stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-miri nazzjonali vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2018/842 16 . Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda qafas legali fil-livell tal-Unjoni li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan fis-settur tal-enerġija. Barra minn hekk, filwaqt li d-Direttiva 2010/75 17 dwar l-emissjonijiet industrijali tkopri l-emissjonijiet tal-metan mir-raffinar taż-żejt minerali u tal-gass, din ma tkoprix attivitajiet oħrajn fis-settur tal-enerġija.

(7)F’dan il-kuntest, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni upstream taż-żejt u tal-gass fossili, il-ġbir u l-ipproċessar tal-gass fossili, it-trażmissjoni tal-gass, id-distribuzzjoni, il-ħżin taħt l-art u t-terminali tal-gass fossili likwidu (LNG), kif ukoll għall-minjieri tal-faħam taħt l-art, dawk magħluqa u dawk abbandunati.

(8)Ir-regoli għal kejl, rapportar u verifika akkurati tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, kif ukoll għat-tnaqqis ta’ dawk l-emissjonijiet, inkluż permezz ta’ stħarriġiet dwar id-detezzjoni tat-tnixxijiet u t-tiswija, u restrizzjonijiet fuq l-ivventjar u l-ivvampjar, jenħtieġ li jiġu indirizzati minn qafas legali xieraq tal-Unjoni. Tali qafas jenħtieġ li jkun fih regoli sabiex tittejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-enerġija fossili fl-Unjoni, u b’hekk jittejbu l-inċentivi għal użu usa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ mitigazzjoni tal-metan fid-dinja kollha.

(9)Il-konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament x’aktarx li tkun teħtieġ investimenti minn operaturi regolati u l-kostijiet assoċjati ma’ investimenti bħal dawn jenħtieġ li jitqiesu fl-iffissar tat-tariffi, soġġett għal prinċipji ta’ effiċjenza.

(10)Kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtar mill-anqas awtorità kompetenti waħda sabiex tissorvelja li l-operaturi effettivament jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u jenħtieġ li jinnotifika lill-Kummissjoni dwar tali ħatra u kwalunkwe bidla fiha. L-awtoritajiet kompetenti maħtura jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Filwaqt li jqisu l-karattru transfruntier tal-operazzjonijiet tas-settur tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-metan, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jifformaw flimkien network ta’ awtoritajiet pubbliċi li japplikaw dan ir-Regolament sabiex irawmu kooperazzjoni mill-qrib, bl-arranġamenti meħtieġa għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki u li jippermettu konsultazzjonijiet.

(11)Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel u effettiva tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 18 li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, inklużi dawk li jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija. L-appoġġ tekniku, pereżempju, jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki rilevanti.

(12)Sabiex jiżguraw it-twettiq tal-kompiti tagħhom, l-operaturi jenħtieġ li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-assistenza kollha meħtieġa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-operaturi jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa identifikati mill-awtoritajiet kompetenti fil-perjodu determinat mill-awtoritajiet kompetenti jew kwalunkwe perjodu ieħor miftiehem mal-awtoritajiet kompetenti.

(13)Il-mekkaniżmu ewlieni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu l-ispezzjonijiet, inkluż l-eżami tad-dokumentazzjoni u r-rekords, il-kejl tal-emissjonijiet u l-kontrolli fuq il-post. L-ispezzjonijiet jenħtieġ li jsiru regolarment, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju ambjentali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitwettqu spezzjonijiet sabiex jiġu investigati lmenti u okkorrenzi sostanzjati ta’ nuqqas ta’ konformità u sabiex jiġi żgurat li t-tiswijiet jew is-sostituzzjonijiet tal-komponenti jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Meta jidentifikaw ksur serju tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti joħorġu avviż ta’ azzjonijiet ta’ rimedju li għandhom jittieħdu mill-operatur. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jżommu rekords tal-ispezzjonijiet u l-informazzjoni rilevanti jenħtieġ li ssir disponibbli f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 .

(14)Fid-dawl tal-prossimità ta’ xi sorsi ta’ emissjonijiet tal-metan għal żoni urbani jew residenzjali, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li saritilhom ħsara minħabba ksur ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu jistgħu jippreżentaw ilmenti debitament sostanzjati lill-awtoritajiet kompetenti. L-ilmentaturi jenħtieġ li jinżammu informati dwar il-proċedura u d-deċiżjonijiet meħuda u jenħtieġ li jirċievu deċiżjoni finali fi żmien raġonevoli mill-preżentazzjoni tal-ilment.

(15)Qafas ta’ verifika robust jista’ jtejjeb il-kredibbiltà tad-data rapportata. Barra minn hekk, il-livell ta’ dettall u l-kumplessità teknika tal-kejl tal-emissjonijiet tal-metan jeħtieġu verifika xierqa tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan rapportata mill-operaturi u mill-operaturi tal-minjieri. Filwaqt li l-awtoverifika hija possibbli, il-verifika minn parti terza tiżgura indipendenza u trasparenza akbar. Barra minn hekk, tippermetti sett armonizzat ta’ kompetenzi u livell ta’ għarfien espert li jista’ ma jkunx disponibbli għall-entitajiet pubbliċi kollha. Jenħtieġ li l-verifikaturi jiġu akkreditati minn korpi ta’ akkreditament f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 . Għalhekk, il-verifikaturi akkreditati indipendenti jenħtieġ li jiżguraw li r-rapporti dwar l-emissjonijiet imħejjija mill-operaturi u mill-operaturi tal-minjieri jkunu korretti u f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li huma jirrieżaminaw id-data fir-rapporti dwar l-emissjonijiet sabiex jivvalutaw l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-akkuratezza tagħhom kontra standards Ewropej jew internazzjonali bla ħlas u disponibbli għall-pubbliku żviluppati minn korpi indipendenti u magħmula applikabbli mill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati bil-għan li tinkorpora u tistabbilixxi l-applikabbiltà ta’ tali standards Ewropej jew internazzjonali. Il-verifikaturi huma separati mill-awtoritajiet kompetenti u jenħtieġ li jkunu indipendenti mill-operaturi u mill-operaturi tal-minjieri, li jenħtieġ li jipprovduhom bl-assistenza kollha meħtieġa sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw it-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-bini u l-preżentazzjoni ta’ dokumentazzjoni jew rekords.

(16)L-informazzjoni fir-rapporti dwar l-emissjonijiet ippreżentati lill-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li tiġi pprovduta lill-Kummissjoni fid-dawl ta’ rwol ta’ verifika li għandu jiġi attribwit lill-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan (IMEO), b’mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġiji għall-aggregazzjoni u l-analiżi tad-data u l-verifika tal-metodoloġiji u tal-proċessi statistiċi użati mill-kumpaniji sabiex jikkwantifikaw id-data rapportata tagħhom dwar l-emissjonijiet. Il-kriterji ta’ referenza f’dak ir-rigward jistgħu jinkludu l-istandards tal-OGMP u d-dokumenti ta’ gwida. Jenħtieġ li l-informazzjoni prodotta mill-IMEO tkun disponibbli għall-pubbliku u jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża tali informazzjoni sabiex tindirizza kwalunkwe nuqqas identifikat fir-rigward tal-kejl, ir-rapportar u l-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan.

(17)L-IMEO ġie stabbilit f’Ottubru tal-2020 mis-sħubija tal-Unjoni mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, mal-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa u mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, u tnieda fis-Summit tal-G20 f’Ottubru tal-2021. L-IMEO ingħata l-kompitu li jiġbor, jirrikonċilja, jivverifika u jippubblika data antropoġenika dwar l-emissjonijiet tal-metan fil-livell globali. L-IMEO huwa parti mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, li kkonkluda Memorandum ta’ Qbil mal-Unjoni Ewropea. Ir-rwol tiegħu huwa kruċjali għall-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u jenħtieġ li jiġu stabbiliti relazzjonijiet xierqa sabiex l-inkarigu tal-kompiti ta’ verifika jiġi implimentat. Peress li l-IMEO mhuwiex korp tal-Unjoni u mhuwiex soġġett għad-dritt tal-Unjoni, huwa essenzjali li jiġi previst li l-IMEO jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

(18)Bħala parti mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Pariġi, l-Unjoni hija meħtieġa tipprovdi kull sena rapport ta’ inventarju tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra li jikkostitwixxi aggregat tal-inventarji nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-gassijiet serra, imħejji bl-użu ta’ metodoloġiji ta’ prattika tajba aċċettati mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC).

(19)Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw data dwar l-inventarju tal-gassijiet serra lill-Kummissjoni u jirrapportaw il-projezzjonijiet nazzjonali tagħhom. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 ir-rapportar għandu jsir bl-użu tal-linji gwida ta’ rapportar tal-UNFCCC, u ta’ spiss ikun ibbażat fuq fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti minflok fuq kejl dirett fil-livell tas-sors, li jimplika inċertezzi dwar l-oriġini, il-frekwenza u d-daqs tal-emissjonijiet.

(20)Id-data tal-pajjiżi rapportata skont id-dispożizzjonijiet ta’ rapportar tal-UNFCCC tiġi sottomessa lis-segretarjat tal-UNFCCC skont gradi differenti ta’ rapportar f’konformità mal-linji gwida tal-IPCC. F’dan il-kuntest, l-IPCC ġeneralment jissuġġerixxi l-użu ta’ metodi ta’ grad ogħla għal dawk is-sorsi ta’ emissjonijiet li għandhom influwenza sinifikanti fuq l-inventarju totali ta’ gassijiet serra ta’ pajjiż f’termini ta’ livell assolut, xejra jew inċertezza.

(21)Grad jirrappreżenta livell ta’ kumplessità metodoloġika. Hemm tliet gradi disponibbli. Il-metodi tal-grad 1 tipikament jużaw il-fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti tal-IPCC u jeħtieġu d-data tal-attività l-aktar bażika, u l-anqas diżaggregata. Gradi ogħla normalment jużaw metodi aktar elaborati u fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għas-sors, speċifiċi għat-teknoloġija, speċifiċi għar-reġjun jew speċifiċi għall-pajjiż, li spiss ikunu bbażati fuq il-kejl, u normalment jeħtieġu aktar data tal-attività diżaggregata ħafna. B’mod speċifiku, il-grad 2 jeħtieġ li jintużaw fatturi tal-emissjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, minflok dawk prestabbiliti, filwaqt li l-grad 3 jeħtieġ data jew kejl minn impjant għal ieħor u jinkludi l-applikazzjoni ta’ valutazzjoni rigoruża minn isfel għal fuq skont it-tip ta’ sors fil-livell ta’ faċilità individwali. Il-progress mill-grad 1 għall-grad 3 jirrappreżenta żieda fiċ-ċertezza tal-kejl tal-emissjonijiet relatati mal-metan 22 .

(22)L-Istati Membri għandhom prattiki differenti fir-rigward tal-livell tal-grad li fih jirrapportaw l-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija tagħhom lill-UNFCCC. Ir-rapportar fil-grad 2 għal sorsi kbar ta’ emissjonijiet huwa konformi mal-linji gwida tar-rapportar tal-IPCC peress li l-grad 2 huwa meqjus bħala metodu ta’ grad ogħla. Konsegwentement, il-metodoloġiji ta’ stima u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija jvarjaw fl-Istati Membri, u r-rapportar fl-aktar livell baxx, il-grad 1, għadu komuni ħafna f’diversi Stati Membri għall-emissjonijiet tal-metan mill-faħam, mill-gass u miż-żejt.

(23)Bħalissa, inizjattivi volontarji mmexxija mill-industrija jibqgħu l-kors ewlieni ta’ azzjoni għall-kwantifikazzjoni u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan f’ħafna pajjiżi. Inizjattiva ewlenija mmexxija mis-settur tal-enerġija hija s-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (“OGMP”), inizjattiva volontarja dwar il-kejl u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan maħluqa fl-2014 mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC), fejn il-Kummissjoni hija rappreżentata fuq il-bord. L-OGMP tiffoka fuq l-istabbiliment tal-aħjar prattiki sabiex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni globali dwar il-kwantifikazzjoni u l-ġestjoni tal-emissjonijiet tal-metan u sabiex jiġu xprunati azzjonijiet ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan. Sal-lum, aktar minn 60 kumpanija ngħaqdu mal-OGMP, li jkopru 30 % tal-produzzjoni u l-assi globali taż-żejt u tal-gass f’ħames kontinenti. Il-ħidma tal-OGMP dwar l-iżvilupp ta’ standards u metodoloġiji tinvolvi l-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u n-negozju. Il-qafas OGMP 2.0 huwa l-aħħar iterazzjoni ta’ standard dinamiku tal-emissjonijiet tal-metan u jista’ jipprovdi bażi xierqa għall-istandards tal-emissjonijiet tal-metan, abbażi ta’ normi xjentifiċi sodi.

(24)F’dan l-isfond, huwa meħtieġ li jittejbu l-kejl u l-kwalità tad-data rapportata tal-emissjonijiet tal-metan, inkluż dwar is-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-enerġija prodotta u kkonsmata fl-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data fil-livell tas-sors u l-kwantifikazzjoni robusta tal-emissjonijiet, u b’hekk tiżdied l-affidabbiltà tar-rapportar kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni għal miżuri xierqa għall-mitigazzjoni.

(25)Sabiex il-kejl u r-rapportar ikunu effettivi, jenħtieġ li l-kumpaniji taż-żejt u tal-gass ikunu meħtieġa jkejlu u jirrapportaw l-emissjonijiet tal-metan skont is-sors, u li jagħmlu d-data aggregata disponibbli għall-Istati Membri sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jtejbu l-akkuratezza tar-rapportar tal-inventarji tagħhom. Barra minn hekk, hija meħtieġa verifika effettiva tad-data rapportata mill-kumpaniji u, sabiex jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv għall-operaturi, ir-rapportar jenħtieġ li jiġi organizzat fuq bażi annwali.

(26)Dan ir-Regolament jibni fuq il-qafas OGMP 2.0 sa fejn jissodisfa l-kriterji msemmija fil-Premessi 24 u 25, sabiex jikkontribwixxi għal ġbir ta’ data affidabbli u robusta li tifforma bażi suffiċjenti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-metan u jekk ikun meħtieġ sabiex tinbena azzjoni addizzjonali sabiex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-metan.

(27)Il-qafas OGMP 2.0 għandu ħames livelli ta’ rapportar. Ir-rapportar fil-livell tas-sors jibda fil-livell 3, li huwa meqjus komparabbli mal-grad 3 tal-UNFCCC. Dan jippermetti li jintużaw fatturi ġeneriċi ta’ emissjoni. Ir-rapportar tal-livell 4 tal-OGMP 2.0 jeħtieġ kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors. Dan jippermetti l-użu ta’ fatturi speċifiċi ta’ emissjoni. Ir-rapportar tal-livell 5 tal-OGMP 2.0 jeħtieġ iż-żieda ta’ kejl komplementari fil-livell tas-sit. Barra minn hekk, il-qafas OGMP 2.0 jirrikjedi li l-kumpaniji jirrapportaw kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fi żmien tliet snin minn meta jissieħbu fl-OGMP 2.0 għall-assi operattivi u fi żmien ħames snin għall-assi mhux operattivi. Filwaqt li jibnu fuq l-approċċ tal-OGMP 2.0 fir-rigward tar-rapportar fil-livell tas-sors u filwaqt li jqisu li numru kbir ta’ kumpaniji tal-Unjoni kienu diġà ingħaqdu mal-OGMP 2.0 fl-2021, l-operaturi tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu kejl dirett fil-livell tas-sors tal-emissjonijiet tagħhom fi żmien 24 xahar għall-assi operattivi u fi żmien 36 xahar għall-assi mhux operattivi. Minbarra l-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors, il-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sit tippermetti valutazzjoni, verifika u rikonċiljazzjoni tal-istimi fil-livell tas-sors aggregati skont is-sit, u b’hekk tipprovdi fiduċja mtejba fl-emissjonijiet rapportati. Bħal fl-OGMP 2.0, dan ir-Regolament jeħtieġ kejl fil-livell tas-sit għar-rikonċiljazzjoni tal-kejl fil-livell tas-sors.

(28)Skont id-data mill-inventarju tal-GHG tal-Unjoni, aktar minn nofs l-emissjonijiet diretti kollha tal-metan fis-settur tal-enerġija huma dovuti għar-rilaxx mhux intenzjonat tal-emissjonijiet fl-atmosfera. Fil-każ taż-żejt u tal-gass, dan jirrappreżenta l-akbar sehem tal-emissjonijiet tal-metan.

(29)It-tnixxijiet mhux intenzjonati tal-metan fl-atmosfera jistgħu jseħħu matul it-tħaffir, l-estrazzjoni kif ukoll matul l-ipproċessar, il-ħżin, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni lill-konsumaturi tal-użu aħħari. Dawn jistgħu jseħħu fi bjar taż-żejt u tal-gass inattivi. Xi emissjonijiet jirriżultaw minn imperfezzjonijiet f’komponenti tekniċi bħal ġonot, flanġi u valvi, jew mit-tkagħbir bl-użu normali tagħhom, jew minn komponenti danneġġati, pereżempju fil-każ ta’ aċċidenti. Il-korrużjoni jew id-danni jistgħu jikkawżaw ukoll tnixxijiet mill-ħitan tat-tagħmir taħt pressjoni.

(30)Filwaqt li l-ivventjar tal-metan huwa tipikament intenzjonat, u jirriżulta minn proċessi jew attivitajiet u apparati ddiżinjati għal dak il-għan, dan jista’ wkoll ma jkunx intenzjonat, bħal fil-każ ta’ funzjonament ħażin.

(31)Sabiex jitnaqqsu dawk l-emissjonijiet, l-operaturi jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha disponibbli għalihom sabiex jimminimizzaw l-emissjonijiet tal-metan fl-operazzjonijiet tagħhom.

(32)B’mod aktar speċifiku, l-emissjonijiet tal-metan minn tnixxijiet jitnaqqsu l-aktar b’mod komuni minn stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet tal-metan (“LDAR”), imwettaq sabiex jiġu identifikati t-tnixxijiet u segwit mit-tiswija ta’ tali tnixxijiet. Għalhekk, l-operaturi jenħtieġ li jwettqu mill-anqas stħarriġ perjodiku tal-LDAR u dan jenħtieġ li jkopri wkoll l-istħarriġ tal-komponenti li jivventjaw il-metan, sabiex jagħmlu stħarriġ għall-ivventjar mhux intenzjonat tal-metan.

(33)Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit approċċ armonizzat sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha fl-Unjoni. Dan l-approċċ jenħtieġ li jinkludi rekwiżiti minimi għall-istħarriġiet tal-LDAR, filwaqt li jħalli grad adegwat ta’ flessibbiltà lill-Istati Membri u lill-operaturi. Dan huwa essenzjali sabiex jippermetti l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u metodi ġodda tal-LDAR, u b’hekk jiġi evitat il-lock-in tat-teknoloġija, għad-detriment tal-protezzjoni ambjentali. Teknoloġiji u metodi ta’ detezzjoni ġodda jkomplu jiġu żviluppati u l-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni f’dan is-settur, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati l-aktar metodi akkurati u kosteffettivi.

(34)L-obbligi fuq l-istħarriġiet tal-LDAR jenħtieġ li jirriflettu numru ta’ prattiki tajbin. L-istħarriġ tal-LDAR jenħtieġ li jkun primarjament immirat lejn is-sejba u t-tiswija ta’ tnixxijiet, aktar milli lejn il-kwantifikazzjoni tagħhom, u dawk iż-żoni b’riskju ogħla ta’ tnixxijiet jenħtieġ li jiġu kkontrollati aktar ta’ spiss; il-frekwenza tal-istħarriġ jenħtieġ li tkun iggwidata mhux biss mill-ħtieġa li jiġu msewwija l-komponenti li minnhom il-metan ikun qiegħed joħroġ ’il fuq mil-limitu tal-emissjonijiet tal-metan iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet operazzjonali, filwaqt li jitqiesu r-riskji għas-sikurezza. Għalhekk, fejn jiġi identifikat riskju ogħla għas-sikurezza jew riskju ogħla ta’ telf ta’ metan, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jitħallew jirrakkomandaw frekwenza ogħla ta’ stħarriġ għall-komponenti rilevanti; it-tnixxijiet kollha irrispettivament mid-daqs jenħtieġ li jiġu rreġistrati u mmonitorjati, peress li t-tnixxijiet żgħar jistgħu jiżviluppaw fi tnixxijiet akbar; tiswijiet tat-tnixxijiet jenħtieġ li jiġu segwiti minn konferma li dawn kienu effettivi; sabiex ikunu jistgħu jintużaw teknoloġiji futuri ta’ detezzjoni tal-emissjonijiet tal-metan aktar avvanzati, jenħtieġ li jiġi speċifikat id-daqs ta’ telf tal-metan li fih jew ’il fuq minnu tkun meħtieġa tiswija, filwaqt li l-operaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-apparat ta’ detezzjoni. Fejn xieraq, jista’ jintuża monitoraġġ kontinwu fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

(35)L-ivventjar jikkonsisti fir-rilaxx ta’ metan mhux maħruq fl-atmosfera jew intenzjonalment minn proċessi jew attivitajiet jew apparat iddiżinjati sabiex jagħmlu dan, jew b’mod mhux intenzjonat fil-każ ta’ funzjonament ħażin. Fid-dawl tal-effett qawwi tiegħu fuq l-emissjonijiet tal-GHG, l-ivventjar jenħtieġ li jiġi pprojbit ħlief fil-każ ta’ emerġenzi, funzjonament ħażin jew matul ċerti avvenimenti speċifiċi fejn xi ivventjar ma jkunx jista’ jiġi evitat.

(36)L-ivvampjar huwa l-kombustjoni kontrollata tal-metan għall-finijiet tar-rimi f’apparat iddiżinjat għall-kombustjoni msemmija. Meta jitwettaq matul il-produzzjoni normali taż-żejt jew tal-gass fossili u bħala riżultat ta’ faċilitajiet insuffiċjenti jew ta’ ġeoloġija amenabbli għall-injezzjoni mill-ġdid tal-metan, jintuża fuq il-post, jew jintbagħat lejn suq, dan jitqies bħala vvampjar ta’ rutina. L-ivvampjar ta’ rutina jenħtieġ li jiġi pprojbit. L-ivvampjar jenħtieġ li jkun permissibbli biss meta jkun l-unika alternattiva għall-ivventjar u fejn l-ivventjar ma jkunx ipprojbit. L-ivventjar huwa aktar ta’ ħsara għall-ambjent mill-ivvampjar peress li l-gass rilaxxat tipikament fih livelli għoljin ta’ metan, filwaqt li l-ivvampjar jossida l-metan fid-diossidu tal-karbonju.

(37)L-użu tal-ivvampjar bħala alternattiva għall-ivventjar jeħtieġ li l-apparati tal-ivvampjar ikunu effiċjenti fil-kombustjoni tal-metan. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li jiġi inkluż ukoll rekwiżit ta’ effiċjenza tal-kombustjoni għall-każijiet li fihom l-ivvampjar ikun ammissibbli. Jenħtieġ li jkun meħtieġ ukoll l-użu ta’ berners pilota, li jqabbdu b’mod aktar affidabbli peress li mhumiex affettwati mir-riħ.

(38)L-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq jenħtieġ li dejjem ikunu preferibbli għall-ivvampjar - u għalhekk għall-ivventjar - tal-metan. Jenħtieġ li l-operaturi li jivventjaw jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kompetenti li la l-injezzjoni mill-ġdid, la l-użu fuq il-post jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq u lanqas l-ivvampjar ma kienu possibbli, u l-operaturi li jivvampjaw jenħtieġ li jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kompetenti li l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq ma kienx possibbli.

(39)L-operaturi jenħtieġ li jinnotifikaw avvenimenti kbar ta’ ivventjar u ta’ ivvampjar mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti u jippreżentaw rapporti aktar komprensivi dwar l-avvenimenti kollha ta’ ivventjar u ta’ ivvampjar. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll li t-tagħmir u l-apparati jikkonformaw mal-istandards stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.

(40)Emissjonijiet tal-metan minn bjar inattivi taż-żejt u tal-gass joħolqu riskji għas-saħħa pubblika, għas-sikurezza u għall-ambjent. Għalhekk, l-obbligi ta’ monitoraġġ u rapportar jenħtieġ li jibqgħu japplikaw u dawk il-bjar u s-siti tal-bjar jenħtieġ li jiġu reklamati u rimedjati. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom rwol predominanti, b’mod partikolari sabiex jistabbilixxu inventarji u pjanijiet ta’ mitigazzjoni.

(41)Id-data tal-inventarju tal-gassijiet serra tal-UE turi li l-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam huma l-akbar sors uniku ta’ emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija tal-Unjoni. Fl-2019, l-emissjonijiet diretti mis-settur tal-faħam kienu jirrappreżentaw 31 % tal-emissjonijiet tal-metan, kważi daqs il-perċentwal tal-emissjonijiet diretti tal-metan mill-gass fossili u miż-żejt flimkien, ta’ 33 %.

(42)Bħalissa, ma hemm l-ebda Regolament speċifiku għall-Unjoni kollha li jillimita l-emissjonijiet tal-metan mis-settur tal-faħam, minkejja d-disponibbiltà ta’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji ta’ mitigazzjoni. Ma hemm l-ebda standard tal-Unjoni jew internazzjonali ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika speċifiku għall-faħam. Fl-Unjoni, ir-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan mill-industrija tal-faħam huwa parti mir-rapportar dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri u d-data minn minjieri ta’ taħt l-art hija inkluża wkoll fir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 23 .

(43)L-emissjonijiet tal-metan huma primarjament marbuta ma’ attivitajiet ta’ estrazzjoni taħt l-art, kemm f’minjieri attivi kif ukoll f’dawk abbandunati 24 . F’minjieri attivi taħt l-art, il-konċentrazzjoni tal-metan fl-arja hija kkontrollata kontinwament, peress li tikkostitwixxi periklu għas-saħħa u għas-sikurezza. Fil-każ ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art, il-maġġoranza l-kbira tal-emissjonijiet tal-metan iseħħu permezz ta’ sistemi ta’ ventilazzjoni u drenaġġ jew tneħħija tal-gass, li jirrappreżentaw iż-żewġ modi ewlenin kif jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-metan fil-passaġġi tal-arja ta’ minjiera.

(44)Ladarba l-produzzjoni titwaqqaf u minjiera tingħalaq, din tkompli tirrilaxxa l-metan, imsejjaħ metan tal-minjieri abbandunati (AMM). Dawn l-emissjonijiet tipikament iseħħu f’sorsi lokalizzati definiti sew, bħal xaftijiet tal-ventilazzjoni jew ventijiet għat-tnaqqis tal-pressjoni. B’żieda fl-ambizzjoni klimatika u t-trasferiment tal-produzzjoni tal-enerġija għal sorsi tal-enerġija b’użu anqas intensiv tal-karbonju, l-emissjonijiet tal-AMM x’aktarx li jiżdiedu fl-Unjoni. Huwa stmat li anke 10 snin wara li tintemm l-estrazzjoni, il-metan minn minjieri mhux mgħargħra jkompli jiġi rilaxxat f’livelli li jilħqu madwar 40 % tal-emissjonijiet reġistrati fiż-żmien tal-għeluq 25 . Barra minn hekk, it-trattament tal-AMM għadu frammentat minħabba drittijiet differenti ta’ sjieda u sfruttament fl-UE. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu inventarji ta’ assi tal-faħam magħluqa u abbandunati u, jew huma jew il-parti responsabbli identifikata, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jinstallaw apparati għall-kejl tal-emissjonijiet tal-metan.

(45)Minjieri tal-faħam tas-superfiċe operattivi fl-Unjoni jipproduċu l-linjite u jarmu anqas metan mill-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art. Skont l-inventarju tal-GHG tal-Unjoni, fl-2019, il-minjieri tas-superfiċe operattivi emettew 166 kilotunnellata meta mqabbla ma’ 828 kilotunnellata għall-minjieri tal-faħam taħt l-art 26 . Il-kejl tal-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċe huwa ta’ sfida minħabba n-natura mifruxa tagħhom fuq żona wiesgħa. Għalhekk, u minkejja t-teknoloġija disponibbli 27 , l-emissjonijiet mill-minjieri tas-superfiċe rarament jitkejlu. L-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tas-superfiċe jistgħu jiġu dderivati bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni tal-faħam speċifiċi għall-baċin 28 u, bi preċiżjoni akbar, bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għall-minjieri jew għad-depożiti, peress li l-baċini tal-faħam għandhom depożiti b’kapaċità differenti li jġorru l-metan 29 . Il-fatturi tal-emissjonijiet jistgħu jiġu dderivati mill-kejl tal-kontenut ta’ gass ta’ kampjuni tas-saffi li jittieħdu mill-qalba ta’ spieri ta’ esplorazzjoni 30 . Għalhekk jenħtieġ li l-operaturi tal-minjieri jwettqu kejl tal-emissjonijiet tal-metan fil-minjieri tal-faħam tas-superfiċe bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni bħal dawn.

(46)Għalhekk, l-operaturi tal-minjieri jenħtieġ li jwettqu kejl u kwantifikazzjoni kontinwi tal-emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni fil-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art, kejl kontinwu ta’ metan ivventjat u vvampjat fl-istazzjonijiet tad-drenaġġ u jużaw fatturi speċifiċi ta’ emissjoni fir-rigward tal-minjieri tal-faħam tas-superfiċe. Jenħtieġ li jirrapportaw dik id-data lill-awtoritajiet kompetenti.

(47)Bħalissa, il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan tista’ tinkiseb l-aħjar f’minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art operattivi u magħluqa jew abbandunati. Il-mitigazzjoni effettiva tal-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tas-superfiċe operattivi u magħluqa jew abbandunati bħalissa hija limitata mit-teknoloġija. Madankollu, sabiex jiġu appoġġati r-riċerka u l-iżvilupp dwar it-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni ta’ tali emissjonijiet fil-futur, jenħtieġ li jkun hemm monitoraġġ, rapportar u verifika effettivi u dettaljati tal-iskala ta’ dawk l-emissjonijiet.

(48)Il-minjieri ta’ taħt l-art huma minjieri tal-faħam termali jew tal-kokk. Il-faħam termali jintuża primarjament bħala sors tal-enerġija u l-faħam tal-kokk jintuża bħala fjuwil u bħala sustanza reattiva fil-proċess tal-produzzjoni tal-azzar. Kemm il-minjieri tal-faħam tal-kokk kif ukoll il-minjieri tal-faħam termali jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kejl, għar-rapportar u għall-verifika tal-emissjonijiet tal-metan.

(49)Għal minjieri tal-faħam taħt l-art operattivi, il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan jenħtieġ li tiġi implimentata permezz ta’ eliminazzjoni gradwali tal-ivventjar u tal-ivvampjar. Għal minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa jew abbandunati, filwaqt li l-għargħar tal-minjiera jista’ jipprevjeni l-emissjonijiet tal-metan, dan ma jsirx sistematikament u għandu riskji ambjentali. L-ivventjar u l-ivvampjar f’dawn il-minjieri jenħtieġ li jitneħħew gradwalment ukoll. Peress li r-restrizzjonijiet ġeoloġiċi u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali jipprevjenu approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd sabiex jiġu mmitigati l-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati 31 , l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-pjan ta’ mitigazzjoni tagħhom stess, filwaqt li jqisu dawk ir-restrizzjonijiet u l-fattibbiltà teknika tal-mitigazzjoni tal-AMM.

(50)Wara proposta tal-Kummissjoni, fit-28 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill adotta l-bażi ġuridika l-ġdida tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar 32 li tipprevedi appoġġ għal riċerka u innovazzjoni għall-adattament tal-minjieri tal-faħam operattivi jew tal-minjieri tal-faħam li se jagħlqu u l-infrastruttura relatata f’konformità mal-objettiv ġenerali ta’ tbegħid mill-faħam u mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta. F’dan il-kuntest, wieħed mill-objettivi ewlenin għall-programm il-ġdid tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għas-snin li ġejjin se jkun li jiġu mminimizzati l-impatti ambjentali tal-minjieri tal-faħam fi tranżizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet tal-metan.

(51)L-Unjoni tiddependi fuq l-importazzjonijiet għal 70 % tal-konsum tal-faħam iebes tagħha, 97 % tal-konsum taż-żejt tagħha, u 90 % tal-konsum tal-gass fossili tagħha. Ma hemm l-ebda għarfien preċiż dwar id-daqs, l-oriġini jew in-natura tal-emissjonijiet tal-metan marbuta mal-enerġija fossili kkonsmata fl-Unjoni iżda li jseħħu f’pajjiżi terzi.

(52)L-effetti tat-tisħin globali kkawżati mill-emissjonijiet tal-metan huma transfruntiera. Għalkemm xi pajjiżi li jipproduċu l-enerġija fossili qegħdin jibdew jaġixxu domestikament sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan mis-setturi tal-enerġija tagħhom, ħafna esportaturi mhumiex soġġetti għal regolamenti fis-swieq domestiċi rispettivi tagħhom. Dawn l-operaturi jeħtieġu inċentivi ċari sabiex jaġixxu fuq l-emissjonijiet tal-metan tagħhom, u għalhekk jenħtieġ li informazzjoni trasparenti dwar l-emissjonijiet tal-metan tkun disponibbli għas-swieq.

(53)Bħalissa hemm data akkurata limitata (Grad 3 tal-UNFCCC jew ekwivalenti) dwar l-emissjonijiet internazzjonali tal-metan. S’issa, ħafna pajjiżi li jesportaw il-fossili ma ssottomettewx data sħiħa tal-inventarju lill-UNFCCC. Fl-istess ħin, hemm evidenza ta’ żidiet kbar fl-emissjonijiet tal-metan mill-attivitajiet tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass globalment minn 65 għal 80 Mt/sena fl-aħħar 20 sena 33 .

(54)Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-metan 34 , l-Unjoni hija impenjata li taħdem f’kooperazzjoni mas-sħab tal-enerġija tagħha u ma’ pajjiżi importaturi ewlenin oħrajn tal-enerġija fossili sabiex tindirizza l-emissjonijiet tal-metan globalment. Id-diplomazija dwar l-enerġija dwar l-emissjonijiet tal-metan diġà tat riżultati importanti. F’Settembru tal-2021, l-Unjoni u l-Istati Uniti ħabbru l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan, li tirrappreżenta impenn politiku sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-metan bi 30 % sal-2030 (mil-livelli tal-2020), imnedija fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 26) f’Novembru tal-2021 fi Glasgow. Aktar minn mitt pajjiż, li jirrappreżentaw kważi nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi globali tal-metan, impenjaw l-appoġġ tagħhom. Il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan tinkludi impenn sabiex isir progress lejn l-użu tal-aqwa inventarji ta’ metodoloġiji disponibbli għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan, b’enfasi partikolari fuq sorsi ta’ emissjonijiet għoljin.

(55)Barra minn hekk, l-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan (IMEO) se jkollu rwol importanti u ewlieni sabiex iżid it-trasparenza dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija globali. L-appoġġ għall-istabbiliment tal-IMEO ġie pprovdut mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Jannar tal-2021 dwar id-Diplomazija dwar il-Klima u l-Enerġija 35 .

(56)Il-Kummissjoni se taħdem mal-IMEO sabiex tistabbilixxi “Indiċi tal-Provvista tal-Metan”, kif imsemmi b’mod espliċitu fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Metan 36 . Dan jipprovdi data dwar l-emissjonijiet tal-metan minn sorsi differenti ta’ enerġija fossili mid-dinja kollha - inkluż minn stimi u kejl fil-livell tas-sors kif ukoll minn monitoraġġ mill-ajru/bis-satellita - u b’hekk jagħti s-setgħa lix-xerrejja tal-enerġija fossili sabiex jieħdu deċiżjonijiet informati dwar ix-xiri abbażi tal-emissjonijiet tal-metan ta’ sorsi ta’ enerġija fossili.

(57)B’mod parallel għat-tkomplija tal-ħidma diplomatika ta’ suċċess tagħha sabiex jintlaħqu tali impenji globali, l-Unjoni qiegħda tkompli tħeġġeġ tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tal-metan globalment, u b’mod partikolari fil-pajjiżi li jfornu l-enerġija fossili lill-Unjoni.

(58)Għalhekk, jenħtieġ li l-importaturi tal-enerġija fossili lejn l-Unjoni jkunu meħtieġa jipprovdu lill-Istati Membri b’informazzjoni dwar miżuri relatati mal-kejl, ir-rapportar u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan imwettqa mill-esportaturi, b’mod partikolari l-applikazzjoni ta’ miżuri regolatorji jew volontarji għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-metan tagħhom, inklużi miżuri bħal stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija ta’ tnixxijiet jew miżuri sabiex jiġu kkontrollati u ristretti l-ivventjar u l-ivvampjar tal-metan. Il-livelli ta’ kejl u rapportar stabbiliti fir-rekwiżiti ta’ informazzjoni applikati għall-importaturi jikkorrispondu għal dawk li għandhom ikunu meħtieġa mill-operaturi tal-Unjoni f’dan ir-Regolament, kif deskritt fil-Premessi 24 sa 26 u 46. L-informazzjoni dwar il-miżuri għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-metan mhijiex aktar ta’ piż minn dik meħtieġa mill-operaturi tal-Unjoni.

(59)L-Istati Membri jenħtieġ li jgħaddu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi u timmaniġġja bażi tad-data dwar it-trasparenza għall-importazzjonijiet tal-enerġija fossili fl-Unjoni, li tagħti dettalji dwar jekk il-kumpaniji esportaturi ngħaqdux mal-OGMP għall-kumpaniji taż-żejt u tal-gass u, sa fejn dan ikun stabbilit, standard ekwivalenti, rikonoxxut internazzjonalment jew mill-Unjoni għall-kumpaniji tal-faħam. Tali informazzjoni jenħtieġ li turi l-grad ta’ impenn tal-kumpaniji fil-pajjiżi esportaturi sabiex ikejlu, jirrapportaw u jivverifikaw l-emissjonijiet tal-metan tagħhom skont il-metodi tal-grad 3 tar-rapportar tal-UNFCCC. Tali bażi tad-data dwar it-trasparenza sservi bħala sors ta’ informazzjoni għad-deċiżjonijiet dwar ix-xiri tal-importaturi tal-enerġija fossili lejn l-Unjoni kif ukoll għal partijiet ikkonċernati oħrajn u għall-pubbliku. Il-bażi tad-data dwar it-trasparenza jenħtieġ li tirrifletti wkoll l-isforzi mwettqa mill-kumpaniji fl-Unjoni u mill-kumpaniji li jesportaw l-enerġija fossili lejn l-Unjoni sabiex ikejlu u jirrapportaw kif ukoll inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom. Jenħtieġ li din tinkludi wkoll informazzjoni dwar l-azzjonijiet regolatorji tal-kejl, tar-rapportar u tal-mitigazzjoni minn pajjiżi fejn tiġi prodotta l-enerġija fossili.

(60)Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi għodda ta’ monitoraġġ globali tal-emittenti tal-metan, li tipprovdi informazzjoni dwar id-daqs, ir-rikorrenza u l-post ta’ sorsi b’emissjonijiet għoljin ta’ metan. Dan jenħtieġ li jkompli jinkoraġġixxi riżultati reali u dimostrabbli mill-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar il-metan u azzjonijiet effettivi ta’ mitigazzjoni mill-kumpaniji fl-Unjoni u mill-kumpaniji li jipprovdu enerġija fossili lill-Unjoni. L-għodda jenħtieġ li tiġbor data minn diversi fornituri u servizzi tad-data ċertifikati, inkluż il-komponent Copernicus tal-Programm Spazjali tal-UE u l-IMEO. L-għodda jenħtieġ li tinforma d-djalogi bilaterali tal-Kummissjoni mal-pajjiżi kkonċernati sabiex jiġu diskussi x-xenarji differenti previsti għall-politiki u l-miżuri dwar l-emissjonijiet tal-metan.

(61)Flimkien, il-miżuri msemmija fil-Premessi 58 sa 60 jenħtieġ li jtejbu t-trasparenza għax-xerrejja, u b’hekk ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-akkwist u jtejbu l-possibbiltà ta’ użu usa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ mitigazzjoni tal-metan fid-dinja kollha. Barra minn hekk, jenħtieġ li huma jinċentivaw aktar lill-kumpaniji internazzjonali sabiex jissieħbu ma’ standards internazzjonali ta’ kejl u rapportar tal-metan bħall-OGMP jew sabiex jadottaw miżuri effettivi ta’ kejl, rapportar u mitigazzjoni. Dawn il-miżuri huma mfassla bħala l-bażi għal approċċ gradwali sabiex jiżdied il-livell ta’ strettezza tal-miżuri applikabbli għall-importazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li temenda jew iżżid mar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-importaturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri u, jekk tqis xieraq, tippreżenta proposti għal rieżami sabiex timponi miżuri aktar stretti fuq l-importaturi u sabiex tiżgura livell komparabbli ta’ effettività tal-miżuri applikabbli f’pajjiżi terzi għall-monitoraġġ, ir-rapportar, il-verifika u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tqis il-ħidma mwettqa mill-IMEO, inkluż l-Indiċi tal-Provvista tal-Metan, il-bażi tad-data dwar it-trasparenza u l-għodda ta’ monitoraġġ globali tal-emittenti tal-metan. Jekk il-Kummissjoni ssib li jkun xieraq li jiżdied il-livell ta’ strettezza tal-miżuri applikabbli għall-importazzjonijiet, huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha inkluż billi tikkonsulta ma’ pajjiżi terzi rilevanti.

(62)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li każijiet ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament jiġu ssanzjonati b’penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jistgħu jinkludu multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali , u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Sabiex ikollhom effett ta’ deterrent sinifikanti, jenħtieġ li l-penali jkunu adegwati għat-tip ta’ ksur, għall-vantaġġ possibbli għall-operatur u għat-tip u l-gravità tad-dannu ambjentali. Meta jiġu imposti penali, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni dovuta lin-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur inkwistjoni. L-impożizzjoni ta’ penali jenħtieġ li tkun proporzjonata u jenħtieġ li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, inkluż ma’ salvagwardji proċedurali applikabbli u mal-prinċipji tal-Karta tad-drittijiet fundamentali.

(63)Sabiex tiġi żgurata aktar konsistenza, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ dawk it-tipi ta’ ksur li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal penali. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni aktar konsistenti tal-penali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komuni mhux eżawrjenti u indikattivi għall-applikazzjoni tal-penali. L-effett deterrenti tal-penali jenħtieġ li jissaħħaħ bil-possibbiltà li tiġi ppubblikata l-informazzjoni relatata mal-penali imposti mill-Istati Membri, f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2016/679 37 u (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 .

(64)Bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet li jeħtieġu li l-investimenti minn operaturi regolati jitqiesu fl-iffissar tat-tariffi, ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex l-ACER tiġi fdata bil-kompitu li tagħmel disponibbli sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza għat-tqabbil tal-kostijiet ta’ unità ta’ investiment marbuta mal-kejl, ir-rapportar u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għal proġetti komparabbli.

(65)Sabiex jiġu ddefiniti l-elementi tat-tneħħija gradwali tal-ivventjar u tal-ivvampjar fil-minjieri tal-faħam tal-kokk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-ivventjar tal-metan mix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni għall-minjieri tal-faħam tal-kokk. Barra minn hekk, sabiex tkun tista’ teżiġi aktar informazzjoni mill-importaturi, kif irriżulta meħtieġ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi temenda jew iżżid mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-importaturi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(66)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tadotta regoli dettaljati fir-rigward ta’ formati komuni għar-rapportar, f’konformità mal-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 .

(67)L-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jingħataw perjodu raġonevoli sabiex iwettqu l-azzjonijiet ta’ tħejjija meħtieġa sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(68)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-kejl, ir-rapportar, il-verifika akkurati u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri individwalment u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imsemmi f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-kejl, ir-rapportar u l-verifika akkurati tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija fl-Unjoni, kif ukoll għat-tnaqqis ta’ dawk l-emissjonijiet, inkluż permezz ta’ stħarriġiet dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet u restrizzjonijiet fuq l-ivventjar u l-ivvampjar. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar għodod li jiżguraw it-trasparenza tal-emissjonijiet tal-metan mill-importazzjonijiet tal-enerġija fossili fl-Unjoni.

2.    Dan ir-Regolament japplika għal:

(a) l-esplorazzjoni u l-produzzjoni upstream taż-żejt u tal-gass fossili, il-ġbir u l-ipproċessar tal-gass fossili;

(b) it-terminals tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni, tal-ħżin taħt l-art u tal-gass likwidu (LNG) li joperaw b’metan (bijo jew sintetiku) fossili u/jew rinnovabbli;

(c) it-tħaddim ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art u tas-superfiċe, minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u abbandunati.

3.    Dan ir-Regolament japplika għall-emissjonijiet tal-metan li jseħħu barra mill-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-importatur, mal-bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan u mal-għodda ta’ monitoraġġ tal-emittenti tal-metan.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)    “emissjonijiet tal-metan” tfisser l-emissjonijiet diretti kollha li jseħħu mill-komponenti kollha li huma sorsi potenzjali ta’ emissjonijiet tal-metan, kemm jekk bħala riżultat ta’ ivventjar intenzjonat kif ukoll jekk mhux intenzjonat, kombustjoni mhux kompluta f’apparat tal-ivvampjar jew minn komponenti oħrajn u tnixxijiet mhux intenzjonati;

(2)    “operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni” għandha t-tifsira attribwita lilha mill-[Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 ] [għandha tiġi adattata skont ir-riformulazzjoni tal-proposta li għaddejja];

(3)    “operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” għandha t-tifsira attribwita lilha mill-[Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2009/73/KE] [għandha tiġi adattata skont ir-riformulazzjoni tal-proposta li għaddejja];

(4)    “operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla assi jew, fejn dan huwa previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, lil min ġiet iddelegata setgħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku ta’ assi;

(5)    “operatur tal-minjiera” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla minjiera tal-faħam jew, fejn dan huwa previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, lil min ġiet iddelegata setgħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku tal-minjiera tal-faħam;

(6)    “verifika” tfisser l-attivitajiet imwettqa minn verifikatur sabiex jivvaluta l-konformità tar-rapporti trażmessi mill-operaturi u mill-operaturi tal-minjieri;

(7)    “verifikatur” tfisser persuna ġuridika differenti mill-awtoritajiet kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament li twettaq attivitajiet ta’ verifika u li hija akkreditata minn korp nazzjonali ta’ akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew persuna fiżika awtorizzata mod ieħor, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament, fiż-żmien meta tinħareġ dikjarazzjoni ta’ verifika;

(8)    “sors” tfisser komponent jew struttura ġeoloġika li tirrilaxxa l-metan fl-atmosfera kemm jekk intenzjonalment kif ukoll jekk le, b’mod intermittenti jew b’mod persistenti;

(9)    “assi” tfisser unità tan-negozju jew operattiva, li tista’ tkun magħmula minn diversi faċilitajiet jew siti, inklużi assi taħt il-kontroll operazzjonali tal-operatur (assi operattivi) u assi li mhumiex taħt il-kontroll operazzjonali tal-operatur (assi mhux operattivi);

(10)    “fattur ta’ emissjoni” tfisser koeffiċjent li jikkwantifika l-emissjonijiet jew l-assorbimenti ta’ gass għal kull unità ta’ attività, li spiss ikun ibbażat fuq kampjun ta’ data tal-kejl, fuq medja sabiex tiġi żviluppata rata rappreżentattiva ta’ emissjoni għal livell ta’ attività partikolari taħt sett partikolari ta’ kundizzjonijiet operattivi;

(11)    “fattur ta’ emissjoni ġeneriku” tfisser fattur ta’ emissjoni standardizzat għal kull tip ta’ sors ta’ emissjoni li huwa derivat minn inventarji jew minn bażijiet tad-data, iżda fi kwalunkwe każ mhux ivverifikat permezz ta’ kejl dirett;

(12)    “fattur speċifiku ta’ emissjoni” tfisser fattur ta’ emissjoni derivat minn kejl dirett;

(13)    “kejl dirett” tfisser kwantifikazzjoni diretta tal-emissjoni tal-metan fil-livell tas-sors b’apparat tal-kejl tal-metan;

(14)    “emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sit” tfisser is-sorsi kollha ta’ emissjonijiet fi ħdan assi;

(15)    “kejl fil-livell tas-sit” tfisser kejl minn fuq għal isfel u tipikament jinvolvi l-użu ta’ sensuri mmuntati fuq pjattaforma mobbli, bħal vetturi, droni, inġenji tal-ajru, dgħajjes u satelliti jew mezzi oħrajn sabiex tinkiseb ħarsa ġenerali sħiħa lejn l-emissjonijiet f’sit sħiħ;

(16)    “impriża” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq għall-anqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: l-isfruttament, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass fossili upstream, il-ġbir u l-ipproċessar tal-gass fossili u t-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin taħt l-art tal-gass, inkluż l-LNG;

(17)    “stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija ta’ tnixxijiet” tfisser stħarriġ sabiex jiġu identifikati s-sorsi tal-emissjonijiet tal-metan, inklużi t-tnixxijiet u l-ivventjar mhux intenzjonat;

(18)    “ivventjar” tfisser ir-rilaxx ta’ metan mhux maħruq fl-atmosfera jew intenzjonalment minn proċessi, attivitajiet jew apparat iddiżinjati għal dan il-għan, jew b’mod mhux intenzjonat fil-każ ta’ funzjonament ħażin jew restrizzjonijiet ġeoloġiċi;

(19)    “ivvampjar” tfisser il-kombustjoni kkontrollata tal-metan għall-finijiet tar-rimi f’apparat iddiżinjat għall-kombustjoni msemmija;

(20)    “emerġenza” tfisser sitwazzjoni temporanja, mhux mistennija u mhux frekwenti li fiha l-emissjoni tal-metan tkun inevitabbli u meħtieġa sabiex jiġi evitat impatt negattiv immedjat u sostanzjali fuq is-sikurezza tal-bniedem, is-saħħa pubblika jew l-ambjent, iżda ma tinkludix sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn jew relatati mal-avvenimenti li ġejjin:

(a) in-nuqqas tal-operatur li jinstalla tagħmir xieraq ta’ kapaċità suffiċjenti għar-rata u l-pressjoni tal-produzzjoni mistennija jew attwali;

(b) in-nuqqas tal-operatur li jillimita l-produzzjoni meta r-rata tal-produzzjoni taqbeż il-kapaċità tat-tagħmir relatat jew tas-sistema ta’ ġbir, ħlief meta l-produzzjoni żejda tkun dovuta għal emerġenza downstream, funzjonament ħażin, jew tiswija mhux skedata u ddum għal mhux aktar minn tmien sigħat mill-ħin tan-notifika tal-kwistjoni tal-kapaċità downstream;

(c) manutenzjoni skedata;

(d) negliġenza min-naħa tal-operatur;

(e) ħsara ripetuta, jiġifieri erba’ ħsarat jew aktar fit-30 jum preċedenti, tal-istess biċċa ta’ tagħmir;

(21)    “funzjonament ħażin” tfisser ħsara jew waqfien tat-tagħmir f’daqqa u inevitabbli lil hinn mill-kontroll raġonevoli tal-operatur li tfixkel b’mod sostanzjali l-operazzjonijiet iżda ma tinkludix ħsara jew waqfien li huma kawżati kompletament jew parzjalment minn manutenzjoni ħażina, operazzjoni traskurata jew ħsara jew waqfien oħra fit-tagħmir li tista’ tiġi evitata;

(22)    “ivvampjar ta’ rutina” tfisser l-ivvampjar matul il-produzzjoni normali taż-żejt jew tal-gass fossili u fin-nuqqas ta’ faċilitajiet suffiċjenti jew ġeoloġija li tista’ tiġi adattata sabiex il-metan jiġi injettat mill-ġdid, jintuża fuq il-post, jew jintbagħat lejn suq;

(23)    “torri tal-ivvampjar” tfisser apparat mgħammar b’berner li jintuża għall-ivvampjar tal-metan;

(24)    “bir inattiv” tfisser bir taż-żejt jew tal-gass jew sit tal-bir fejn l-operazzjonijiet għall-esplorazzjoni jew għall-produzzjoni jkunu waqfu għal mill-anqas sena;

(25)    “rimedjazzjoni” tfisser il-proċess tat-tindif tal-ilma u tal-ħamrija kontaminati;

(26)    “reklamazzjoni” tfisser il-proċess li bih bir jew sit ta’ bir jerġa’ lura għall-kundizzjonijiet ta’ ħamrija u ta’ veġetazzjoni simili għal dawk li kienu jeżistu qabel ma ġie disturbat;

(27)    “minjiera tal-faħam” tfisser sit fejn isseħħ jew tkun seħħet estrazzjoni tal-faħam, inklużi artijiet, skavi, passaġġi taħt l-art, xaftijiet, inklinazzjonijiet, mini u xogħlijiet, strutturi, faċilitajiet, tagħmir, magni u għodod li jinsabu fuq is-superfiċe jew taħt l-art u li jintużaw fi, jew li jirriżultaw mix-xogħol tal-estrazzjoni tal-linjite, tal-faħam subbituminuż, tal-faħam bituminuż, jew tal-antraċit mid-depożiti naturali tiegħu fl-art bi kwalunkwe mezz jew metodu, inkluż ix-xogħol tat-tħejjija tal-faħam li għandu jiġi estratt;

(28)    “minjiera tal-faħam operattiva” tfisser minjiera tal-faħam fejn il-maġġoranza tad-dħul tagħha jiġi mix-xogħol tal-estrazzjoni tal-linjite, tal-faħam subbituminuż, tal-faħam bituminuż jew tal-antraċiti, u fejn japplikaw mill-anqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-iżvilupp tal-minjiera għaddej.

(b) il-faħam ġie prodott fl-aħħar 90 jum.

(c) il-fannijiet għall-ventilazzjoni tal-minjiera jkunu operattivi.

(29)    “minjiera tal-faħam ta’ taħt l-art” tfisser minjiera tal-faħam fejn il-faħam jiġi prodott permezz ta’ tħaffir ta’ mini fl-art sas-saff tal-faħam, li mbagħad jiġi estratt b’tagħmir tal-estrazzjoni ta’ taħt l-art bħal magni tat-tqattigħ u magni tal-estrazzjoni kontinwa, tal-estrazzjoni fit-tul u tal-estrazzjoni fil-qosor, u ttrasportat lejn is-superfiċje;

(30)    “minjiera tal-faħam tas-superfiċe” tfisser minjiera tal-faħam fejn il-faħam jinsab qrib is-superfiċe u jista’ jiġi estratt billi jitneħħew is-saffi ta’ kopertura tal-blat u tal-ħamrija;

(31)    “xaft ta’ ventilazzjoni” tfisser passaġġ vertikali użat sabiex l-arja friska tiċċaqlaq taħt l-art jew sabiex jitneħħew il-metan u gassijiet oħrajn minn minjiera tal-faħam taħt l-art;

(32)    “stazzjon tad-drenaġġ” tfisser stazzjon li jiġbor il-metan minn sistema tad-drenaġġ tal-gass mill-minjieri tal-faħam;

(33)    “sistema tad-drenaġġ” tfisser sistema, li tista’ tinkludi diversi sorsi tal-metan u li tarmi gass rikk fil-metan minn saffi tal-faħam jew minn saffi tal-blat tal-madwar u tittrasportah lejn stazzjon tad-drenaġġ;

(34)    “attivitajiet ta’ wara l-estrazzjoni” huma attivitajiet imwettqa wara li l-faħam ikun ġie estratt mill-minjieri u jinġieb fis-superfiċe, inklużi l-immaniġġjar, l-ipproċessar, il-ħżin, u t-trasport tal-faħam;

(35)    “kejl kontinwu” tfisser kejl fejn il-qari jittieħed mill-anqas kull minuta;

(36)    “metan tal-arja tal-ventilazzjoni” tfisser metan rilaxxat minn saffi tal-faħam u minn strati oħrajn li fihom il-gass u li jidħol fl-arja tal-ventilazzjoni u li jiġi eżawrit mix-xaft tal-ventilazzjoni;

(37)    “depożitu tal-faħam” huwa żona tal-art li fiha kwantitajiet ferm ta’ faħam li jistgħu jiġu estratti, definita skont il-metodoloġija tal-Istat Membru dwar id-dokumentazzjoni tad-depożiti minerali ġeoloġiċi;

(38)    “minjiera magħluqa tal-faħam” tfisser minjiera tal-faħam b’operatur, sid jew detentur ta’ liċenzja identifikat u magħluqa skont ir-rekwiżiti ta’ liċenzjar applikabbli jew regolamenti oħrajn;

(39)    “minjiera tal-faħam abbandunata” tfisser minjiera tal-faħam fejn operatur, sid jew detentur ta’ liċenzja ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, jew li ma tkunx ingħalqet b’mod regolat;

(40)    “minjiera tal-faħam tal-kokk” tfisser minjiera fejn mill-anqas 50 % tal-output tal-produzzjoni medju matul l-aħħar tliet snin disponibbli huwa l-faħam tal-kokk, kif definit fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 ;

(41)    “importatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li, matul attività kummerċjali, tqiegħed l-enerġija fossili minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni.

Artikolu 3

Kostijiet tal-operaturi regolati

1.    Meta jistabbilixxu jew japprovaw tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji li għandhom jintużaw mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, mill-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, mill-operaturi tat-terminali tal-LNG jew minn kumpaniji regolati oħrajn, inklużi, fejn applikabbli, l-operaturi tal-ħżin tal-gass, l-awtoritajiet regolatorji għandhom iqisu l-kostijiet imġarrba u l-investimenti magħmula sabiex jikkonformaw mal-obbligi skont dan ir-Regolament, sa fejn dawn jikkorrispondu ma’ dawk ta’ operatur regolat effiċjenti u strutturalment komparabbli.

2.    Kull tliet snin, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandha tistabbilixxi u tagħmel disponibbli għall-pubbliku sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet ta’ unità ta’ investiment marbuta mal-kejl, ir-rapportar u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għal proġetti komparabbli.

Kapitolu 2

Awtoritajiet kompetenti u verifika indipendenti

Artikolu 4

Awtoritajiet kompetenti

1.    Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti waħda jew aktar sabiex tkun responsabbli għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti sa …[3 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew fid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti.

2.    Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista tal-awtoritajiet kompetenti disponibbli għall-pubbliku u għandha taġġorna dik il-lista regolarment.

3.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat u riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Kompiti tal-awtoritajiet kompetenti

1.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.    L-operaturi u l-operaturi tal-minjieri għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti l-assistenza kollha meħtieġa sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-bini u l-preżentazzjoni ta’ dokumentazzjoni jew rekords.

3.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni u kif meħtieġ mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi network ta’ awtoritajiet kompetenti sabiex trawwem il-kooperazzjoni, bl-arranġamenti meħtieġa għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki u sabiex tippermetti konsultazzjonijiet.

4.    Meta r-rapporti għandhom isiru pubbliċi f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas, fuq sit web apposta u f’format aċċessibbli, li jista’ jitniżżel u jiġi editjat liberament.

Meta l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw it-tip ta’ informazzjoni li tkun ġiet miżmuma u r-raġuni għal dan.

Artikolu 6

Spezzjonijiet

1.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu spezzjonijiet perjodiċi sabiex jivverifikaw il-konformità tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-ewwel spezzjoni għandha titlesta sa …[18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

2.    L-ispezzjonijiet għandhom jinkludu, fejn rilevanti, kontrolli fuq il-post jew eżami tal-awditjar fuq il-post tad-dokumentazzjoni u r-rekords li juru l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, kejl tad-detezzjoni u tal-konċentrazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu mwettqa mill-awtorità kompetenti jew f’isimha sabiex tivverifika u tippromwovi l-konformità tas-siti jew tal-faċilitajiet mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Meta spezzjoni tkun identifikat ksur serju tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu avviż ta’ azzjonijiet ta’ rimedju li għandhom jitwettqu mill-operatur jew mill-operatur tal-minjieri, bħala parti mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5.

3.    Wara l-ewwel spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu programmi għall-ispezzjonijiet ta’ rutina. Il-perjodu bejn l-ispezzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq stima tar-riskju ambjentali u ma għandux jaqbeż is-sentejn. Meta spezzjoni tkun identifikat ksur serju tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-ispezzjoni sussegwenti għandha ssir fi żmien sena.

4.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu spezzjonijiet mhux ta’ rutina:

(a) sabiex jinvestigaw ilmenti sostanzjati msemmija fl-Artikolu 7 u okkorrenzi ta’ nuqqas ta’ konformità mill-aktar fis possibbli wara d-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jsiru konxji ta’ tali lmenti jew nuqqas ta’ konformità;

(b) sabiex jiġi żgurat li t-tiswijiet tat-tnixxijiet jew is-sostituzzjonijiet tal-komponenti jkunu saru f’konformità mal-Artikolu 14.

5.     Wara kull spezzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iħejju rapport li jiddeskrivi l-bażi ġuridika għall-ispezzjoni, il-passi proċedurali segwiti, is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-azzjoni ulterjuri mill-operatur jew mill-operatur tal-minjieri.

Ir-rapport għandu jiġi nnotifikat lill-operatur ikkonċernat u jkun disponibbli għall-pubbliku fi żmien xahrejn mid-data tal-ispezzjoni. Meta r-rapport ikun ġie skattat minn ilment magħmul f’konformità mal-Artikolu 7, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ilmentatur ladarba r-rapport ikun disponibbli għall-pubbliku.

Ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-pubbliku mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE. Meta l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE, fir-rapport l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw it-tip ta’ informazzjoni li tkun ġiet miżmuma u r-raġuni tagħha.

6.    L-operaturi u l-operaturi tal-minjieri għandhom jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa stabbiliti fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5 fil-perjodu determinat mill-awtoritajiet kompetenti jew fi kwalunkwe perjodu ieħor miftiehem mal-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 7

Ilmenti preżentati lill-awtoritajiet kompetenti

1.    Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tqis li ġarrbet dannu bħala riżultat ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament mill-operaturi jew mill-operaturi tal-minjieri, tista’ tippreżenta lment bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti.

2.    L-ilmenti għandhom jiġu ssostanzjati kif xieraq u jkun fihom biżżejjed evidenza tal-allegat ksur u tad-dannu li jirriżulta minnu.

3.    Fejn jidher li l-ilment ma jipprovdix biżżejjed evidenza sabiex jiġġustifika t-twettiq ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-ilmentatur bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom li ma jwettqux investigazzjoni.

4.    Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli skont il-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu lill-ilmentatur informat dwar il-passi meħuda fil-proċedura u, fejn applikabbli, jinformahom dwar forom alternattivi xierqa ta’ rimedju, bħal rikors għall-qrati nazzjonali jew kwalunkwe proċedura oħra ta’ lmenti nazzjonali jew internazzjonali.

5.    Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli skont il-liġi nazzjonali u abbażi ta’ proċeduri komparabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku perjodi indikattivi sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ilmenti.

Artikolu 8

Attivitajiet ta’ verifika u dikjarazzjoni ta’ verifika

1.    Il-verifikaturi għandhom jivvalutaw il-konformità tar-rapporti dwar l-emissjonijiet sottomessi lilhom mill-operaturi jew mill-operaturi tal-minjieri f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Huma għandhom jivvalutaw il-konformità tar-rapporti mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u jirrieżaminaw is-sorsi u l-metodoloġiji kollha tad-data użati sabiex jivvalutaw l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-akkuratezza tagħhom, b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

(a) l-għażla u l-impjieg tal-fatturi tal-emissjonijiet;

(b) il-metodoloġiji, il-kalkoli, it-teħid ta’ kampjuni, id-distribuzzjonijiet statistiċi u l-livelli ta’ materjalità li jwasslu għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan;

(c) kwalunkwe riskju ta’ kejl jew rapportar mhux xieraq;

(d) kwalunkwe sistema ta’ kontroll tal-kwalità jew ta’ garanzija tal-kwalità applikata mill-operaturi jew mill-operaturi tal-minjieri.

2.    Fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikaturi għandhom jużaw standards Ewropej jew internazzjonali bla ħlas u disponibbli għall-pubbliku għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan kif magħmula applikabbli mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 5. Sa tali data meta l-applikabbiltà ta’ dawk l-istandards tiġi ddeterminata mill-Kummissjoni, il-verifikaturi għandhom jużaw standards Ewropej jew internazzjonali eżistenti għall-kwantifikazzjoni u l-verifika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Il-verifikaturi jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post sabiex jiddeterminaw l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-akkuratezza tas-sorsi tad-data u tal-metodoloġiji użati.

3.    Il-verifikaturi għandhom joħorġu dikjarazzjoni ta’ verifika li tivverifika l-konformità tar-rapport dwar l-emissjonijiet u li tispeċifika x-xogħol ta’ verifika mwettaq, ladarba l-valutazzjoni tagħhom tikkonkludi b’assigurazzjoni raġonevoli li r-rapport dwar l-emissjonijiet jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Il-verifikaturi għandhom joħorġu biss id-dikjarazzjoni ta’ verifika fejn data u informazzjoni affidabbli, kredibbli u akkurati jippermettu li l-emissjonijiet tal-metan jiġu ddeterminati bi grad raġonevoli ta’ ċertezza u dment li d-data rapportata tkun koerenti mad-data stmata, kompluta u ħielsa mill-inkonsistenzi.

Meta l-valutazzjoni tikkonkludi li r-rapport dwar l-emissjonijiet ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-verifikaturi għandhom jinformaw lill-operatur jew lill-operatur tal-minjieri b’dan u l-operatur jew l-operatur tal-minjieri għandu jissottometti rapport rivedut dwar l-emissjonijiet lill-verifikatur mingħajr dewmien.

4.    L-operaturi u l-operaturi tal-minjieri għandhom jipprovdu lill-verifikaturi bl-assistenza kollha meħtieġa sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw it-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-bini u l-preżentazzjoni ta’ dokumentazzjoni jew rekords.

5.    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 31 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tinkorpora u tistabbilixxi l-applikabbiltà ta’ standards Ewropej jew internazzjonali dwar il-kwantifikazzjoni u l-kejl tal-emissjonijiet tal-metan għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Indipendenza u akkreditament tal-verifikaturi

1.    Il-verifikaturi għandhom ikunu indipendenti mill-operaturi u mill-operaturi tal-minjieri u għandhom iwettqu l-attivitajiet meħtieġa skont dan ir-Regolament fl-interess pubbliku. Għal dak il-għan, la l-verifikaturi u lanqas kwalunkwe parti mill-istess entità ġuridika ma għandhom ikunu operatur jew operatur ta’ minjieri, is-sid ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ minjieri, jew ikunu proprjetà tagħhom, u l-verifikaturi lanqas ma għandu jkollhom relazzjonijiet ma’ operaturi jew ma’ operaturi ta’ minjieri li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.

2.    Il-verifikaturi għandhom jiġu akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

3.    Fejn ma hemm stipulata l-ebda dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna l-akkreditament tal-verifikaturi f’dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 10

Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan

1.    Sakemm l-interess tal-Unjoni jkun protett, l-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan għandu jingħata rwol ta’ verifika fir-rigward tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti li ġejjin:

(a)    l-aggregazzjoni tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan f’konformità mal-metodi statistiċi xierqa;

(b)    il-verifika tal-metodoloġiji u tal-proċessi statistiċi użati mill-kumpaniji sabiex jikkwantifikaw id-data dwar l-emissjonijiet tal-metan;

(c)    l-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-aggregazzjoni u tal-analiżi tad-data f’konformità ma’ prattika tajba xjentifika u statistika sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ akkuratezza tal-istimi tal-emissjonijiet, b’karatterizzazzjoni xierqa tal-inċertezza;

(d)    il-pubblikazzjoni ta’ data rapportata aggregata tal-kumpanija skont is-sors ewlieni u skont il-livell ta’ rapportar, klassifikata minn assi operattivi u mhux operattivi, f’konformità mar-rekwiżiti tal-kompetizzjoni u tal-kunfidenzjalità;

(e)    ir-rapportar ta’ sejbiet dwar diskrepanzi kbar bejn is-sorsi tad-data.

2.    Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta data dwar l-emissjonijiet tal-metan lill-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan, kif magħmula disponibbli lilha mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.    L-informazzjoni prodotta mill-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni.

Kapitolu 3

Emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt u tal-gass

Artikolu 11

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika għall-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(2).

Artikolu 12

Monitoraġġ u rapportar

1.    Sa … [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-operaturi għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih l-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors stmati bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni ġeneriċi iżda speċifiċi għas-sors għas-sorsi kollha.

2.    Sa … [24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-operaturi għandhom jissottomettu wkoll rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors għall-assi operattivi. Ir-rapportar f’tali livell jista’ jinvolvi l-użu ta’ kejl u kampjunar fil-livell tas-sors bħala l-bażi għall-istabbiliment ta’ fatturi speċifiċi tal-emissjonijiet użati għall-istima tal-emissjonijiet.

3.    Sa … [36 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u sat-30 ta’ Marzu ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem, l-operaturi għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors għall-assi operattivi msemmija fil-paragrafu 2, ikkumplimentat minn kejl tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sit, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu vvalutati u vverifikati l-istimi fil-livell tas-sors aggregati skont is-sit.

Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi għandhom jiżguraw li r-rapporti stabbiliti f’dan il-paragrafu jiġu vvalutati minn verifikatur u jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 9.

4.    Sa … [36 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-impriżi stabbiliti fl-Unjoni għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors għal assi mhux operattivi. Ir-rapportar f’tali livell jista’ jinvolvi l-użu ta’ kejl u kampjunar fil-livell tas-sors bħala l-bażi għall-istabbiliment ta’ fatturi speċifiċi tal-emissjonijiet użati għall-istima tal-emissjonijiet.

5.    Sa … [48 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u sat-30 ta’ Marzu ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem, l-impriżi stabbiliti fl-Unjoni għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors għal assi mhux operattivi kif stabbilit fil-paragrafu 4, ikkumplimentat minn kejl tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sit, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu vvalutati u vverifikati l-istimi fil-livell tas-sors aggregati skont is-sit.

Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, l-impriżi għandhom jiżguraw li r-rapporti stabbiliti f’dan il-paragrafu jiġu vvalutati minn verifikatur u jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 9.

6.    Ir-rapporti previsti f’dan l-Artikolu għandhom ikopru l-aħħar perjodu ta’ sena kalendarja disponibbli u jinkludu mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) it-tip u l-post tas-sors tal-emissjoni;

(b) data għal kull tip ta’ sors ta’ emissjoni dettaljat, individwali;

(c) informazzjoni dettaljata dwar il-metodoloġiji ta’ kwantifikazzjoni użati għall-kejl tal-emissjonijiet tal-metan;

(d) l-emissjonijiet kollha tal-metan għall-assi operattivi;

(e) is-sehem tas-sjieda u l-emissjonijiet tal-metan minn assi mhux operattivi multiplikati bis-sehem tas-sjieda;

(f) lista tal-entitajiet bil-kontroll operazzjonali tal-assi mhux operattivi.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi mudell ta’ rapportar għar-rapporti skont il-paragrafi 2, 3, 4 u 5. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 32(2).

7.    Għall-kejl fil-livell tas-sit imsemmi fil-paragrafi 3 u 5, għandhom jintużaw teknoloġiji xierqa ta’ kwantifikazzjoni li jistgħu jipprovdu dan il-kejl.

8.    Fil-każ ta’ diskrepanzi sinifikanti bejn l-emissjonijiet kwantifikati bl-użu ta’ metodi fil-livell tas-sors u dawk li jirriżultaw mill-kejl fil-livell tas-sit, għandu jsir kejl addizzjonali fi żmien l-istess perjodu ta’ rapportar.

9.    Il-kejl tal-emissjonijiet tal-metan għall-infrastruttura tal-gass għandu jsir skont l-istandards Ewropej (CEN) jew internazzjonali (ISO) għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan.

10.    Meta l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 , l-operaturi għandhom jindikaw fir-rapport it-tip ta’ informazzjoni li tkun ġiet miżmuma u r-raġuni tagħha.

11.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu r-rapporti stabbiliti f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni mill-operaturi u f’konformità mal-Artikolu 5(4).

Artikolu 13

Obbligu ġenerali ta’ mitigazzjoni

L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha disponibbli għalihom sabiex jipprevjenu u jimminimizzaw l-emissjonijiet tal-metan fl-operazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 14

Detezzjoni u tiswija tat-tnixxijiet

1.    Sa … [3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-operaturi għandhom jissottomettu programm ta’ detezzjoni u tiswija ta’ tnixxijiet lill-awtoritajiet kompetenti li għandu jagħti dettalji dwar il-kontenut tal-istħarriġ li għandu jitwettaq f’konformità mar-rekwiżiti f’dan l-Artikolu.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operatur jemenda l-programm filwaqt li jqis ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2.    Sa … [6 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-operaturi għandhom iwettqu stħarriġ tal-komponenti rilevanti kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’konformità mal-programm ta’ detezzjoni u tiswija ta’ tnixxijiet imsemmi fil-paragrafu 1.

Minn hemm ’il quddiem, l-istħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija ta’ tnixxijiet għandu jiġi repetut kull tliet xhur.

3.    Fit-twettiq tal-istħarriġ, l-operaturi għandhom jużaw apparati li jippermettu d-detezzjoni tat-telf tal-metan minn komponenti ta’ 500 parti għal kull miljun jew aktar.

4.    L-operaturi għandhom isewwu jew jissostitwixxu l-komponenti kollha li jinstabu li qegħdin jarmu 500 parti għal kull miljun jew aktar ta’ metan.

It-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-komponenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom isiru immedjatament wara d-detezzjoni, jew mill-aktar fis possibbli wara dan iżda mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara d-detezzjoni, dment li l-operaturi jkunu jistgħu juru li l-kunsiderazzjonijiet tekniċi jew ta’ sikurezza ma jippermettux azzjoni immedjata u dment li l-operaturi jistabbilixxu skeda ta’ tiswija u monitoraġġ.

Il-kunsiderazzjonijiet tekniċi u ta’ sikurezza li ma jippermettux azzjoni immedjata, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu, għandhom ikunu limitati għal kunsiderazzjoni dwar is-sikurezza tal-persunal u tal-bnedmin fil-qrib, l-impatti ambjentali, il-konċentrazzjoni tat-telf tal-metan, l-aċċessibbiltà għall-komponent, id-disponibbiltà tas-sostituzzjoni tal-komponent. Il-kunsiderazzjonijiet tal-impatt ambjentali jistgħu jinkludu każijiet fejn it-tiswija tista’ twassal għal livell ogħla ta’ emissjonijiet tal-metan milli fin-nuqqas tat-tiswija.

Meta jkun meħtieġ għeluq tas-sistema qabel ma tkun tista’ ssir it-tiswija jew is-sostituzzjoni, l-operaturi għandhom jimminimizzaw it-tnixxija fi żmien jum mid-detezzjoni u għandhom isewwu t-tnixxija sa tmiem l-għeluq tas-sistema skedat li jmiss jew fi żmien sena, skont liema jiġi l-ewwel.

5.    Minkejja l-paragrafu 2, l-operaturi għandhom jistħarrġu l-komponenti li nstabu li qegħdin jemettu 500 parti għal kull miljun jew aktar ta’ metan matul kwalunkwe wieħed mill-istħarriġiet preċedenti mill-aktar fis possibbli wara t-tiswija mwettqa skont il-paragrafu 4, u mhux aktar tard minn 15-il jum wara dan sabiex jiġi żgurat li t-tiswija kienet ta’ suċċess.

Minkejja l-paragrafu 2, l-operaturi għandhom jistħarrġu l-komponenti li nstabu li kienu qegħdin jemettu anqas minn 500 parti għal kull miljun ta’ metan, mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jkunu ġew identifikati l-emissjonijiet, sabiex jivverifikaw jekk id-daqs tat-telf tal-metan inbidel.

Meta jiġi identifikat riskju ogħla għas-sikurezza jew riskju ogħla ta’ telf ta’ metan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrakkomandaw li l-istħarriġiet tal-komponenti rilevanti jsiru aktar ta’ spiss.

6.    Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rapportar skont il-paragrafu 7, l-operaturi għandhom jirreġistraw it-tnixxijiet identifikati kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, u għandhom jistħarrġuhom kontinwament sabiex jiżguraw li jissewwew f’konformità mal-paragrafu 4.

L-operaturi għandhom iżommu r-rekord għal mill-anqas għaxar snin u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

7.    Fi żmien xahar wara kull stħarriġ, l-operaturi għandhom jissottomettu rapport bir-riżultati tal-istħarriġ u skeda ta’ tiswija u monitoraġġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu l-assi rilevanti. Ir-rapport għandu jinkludi mill-anqas l-elementi stabbiliti fl-Anness I.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operatur jemenda r-rapport jew l-iskeda ta’ tiswija u monitoraġġ filwaqt li jqis ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

8.    L-operaturi jistgħu jiddelegaw kwalunkwe wieħed mill-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu. Il-kompiti delegati ma għandhomx jaffettwaw ir-responsabbiltà tal-operaturi u ma għandhomx ikollhom impatt fuq l-effettività tas-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

9.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni, akkreditament jew skemi ta’ kwalifika ekwivalenti, inklużi programmi ta’ taħriġ xierqa, ikunu disponibbli għall-fornituri tas-servizzi fir-rigward tal-istħarriġ.

Artikolu 15

Limiti għall-ivventjar u għall-ivvampjar

1.    L-ivventjar għandu jkun ipprojbit ħlief fiċ-ċirkostanzi previsti f’dan l-Artikolu. L-ivvampjar ta’ rutina għandu jkun ipprojbit.

2.    L-ivventjar għandu jkun permess biss fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) f’każ ta’ emerġenza jew funzjonament ħażin; u

(b) fejn ikun inevitabbli u strettament meħtieġ għat-tħaddim, għat-tiswija, għall-manutenzjoni jew għall-ittestjar ta’ komponenti jew ta’ tagħmir u soġġett għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 16.

3.    L-ivventjar skont il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jinkludi s-sitwazzjonijiet speċifiċi li ġejjin fejn l-ivventjar ma jistax jiġi eliminat kompletament:

(a) matul l-operazzjonijiet normali ta’ ċerti komponenti, dment li t-tagħmir jissodisfa l-istandards tat-tagħmir speċifikati kollha u jinżamm kif xieraq u jiġi spezzjonat regolarment sabiex jiġi mminimizzat it-telf tal-metan;

(b) fil-ħatt jew it-tindif ta’ akkumulazzjoni ta’ likwidu f’bir għall-pressjoni atmosferika;

(c) matul il-kejl jew il-kampjunar ta’ tank tal-ħżin jew reċipjent ieħor bi pressjoni baxxa;

(d) waqt it-tagħbija ta’ likwidi minn tank tal-ħżin jew minn reċipjent ieħor bi pressjoni baxxa għal vettura tat-trasport f’konformità ma’ standards applikabbli;

(e) matul it-tiswija u l-manutenzjoni, inkluż l-użu tal-arja kompressata u t-tnaqqis tal-pressjoni tat-tagħmir għat-twettiq tat-tiswija u l-manutenzjoni;

(f) matul test ta’ Bradenhead;

(g) matul test tat-tnixxija tal-packer;

(h) matul test tal-produzzjoni li jdum anqas minn 24 siegħa;

(i) meta l-metan ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tal-pipeline tal-ġbir, dment li l-operatur janalizza l-kampjuni tal-metan darbtejn fil-ġimgħa sabiex jiddetermina jekk l-ispeċifikazzjonijiet ikunux inkisbu u jidderieġi l-metan f’pipeline tal-ġbir malli jiġu ssodisfati l-ispeċifikazzjonijiet tal-pipeline;

(j) matul l-ikkummissjonar ta’ pipelines, tagħmir jew faċilitajiet, biss sakemm dan ikun meħtieġ għat-tindif tal-impuritajiet introdotti mill-pipeline jew mit-tagħmir;

(k) waqt il-pigging, il-blowdown għat-tiswija jew it-tindif ta’ pipeline tal-ġbir għat-tiswija jew għall-manutenzjoni, u biss meta l-gass ma jkunx jista’ jiġi kontenut jew ridirezzjonat f’porzjon mhux affettwat tal-pipeline.

4.    Meta l-ivventjar ikun permess skont il-paragrafi 2 u 3, l-operaturi għandhom jivventjaw biss meta l-ivvampjar ma jkunx teknikament fattibbli jew ikun ta’ riskju li jipperikola s-sikurezza tal-operazzjonijiet jew tal-persunal. F’sitwazzjoni bħal din, bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 16, l-operaturi għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti l-ħtieġa li jagħżlu l-ivventjar minflok l-ivvampjar.

5.    L-ivvampjar għandu jkun permess biss meta l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq ma jkunux fattibbli għal raġunijiet għajr kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. F’sitwazzjoni bħal din, bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 16, l-operaturi għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti l-ħtieġa li jagħżlu l-ivvampjar minflok l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq.

Artikolu 16

Rapportar ta’ avvenimenti ta’ ivventjar u ta’ ivvampjar

1.    L-operaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti b’avvenimenti ta’ ivventjar u ta’ ivvampjar:

(a) ikkawżati minn emerġenza jew funzjonament ħażin;

(b) li jdumu total ta’ 8 sigħat jew aktar f’perjodu ta’ 24 siegħa minn avveniment wieħed.

In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssir mingħajr dewmien wara l-avveniment u mhux aktar tard minn 48 siegħa mill-bidu tal-avveniment jew mill-mument li fih l-operatur ikun sar konxju minnu.

2.    L-operaturi għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti rapporti trimestrali dwar l-ivventjar u l-ivvampjar kollu msemmi fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 15 f’konformità mal-elementi stabbiliti fl-Anness II.

3.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu r-rapporti stabbiliti f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni kull sena u f’konformità mal-Artikolu 5(4).

Artikolu 17

Rekwiżiti għall-istandards tal-ivvampjar

1.    Meta tinbena, tiġi ssostitwita jew rinnovata faċilità, jew meta jiġu installati torrijiet tal-ivvampjar jew apparati oħrajn ta’ kombustjoni ġodda, l-operaturi għandhom jinstallaw biss apparati ta’ kombustjoni awtofjammabbli jew b’pilota kontinwu u b’effiċjenza sħiħa tat-tneħħija tal-qerda għall-idrokarburi.

2.     L-operaturi għandhom jiżguraw li t-torrijiet kollha tal-ivvampjar jew apparati oħrajn ta’ kombustjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1 sa … [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.    L-operaturi għandhom iwettqu spezzjonijiet ta’ kull ġimgħa tat-torrijiet tal-ivvampjar f’konformità mal-elementi stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 18

Bjar inattivi

1.    Sa … [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku inventarju tal-bjar inattivi kollha fit-territorju tagħhom jew taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, inklużi mill-anqas l-elementi stabbiliti fl-Anness IV.

2.    Sa … [18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], għandu jiġi installat tagħmir għall-kejl tal-emissjonijiet tal-metan fuq il-bjar inattivi kollha.

3.    Ir-rapporti li jkun fihom il-kejl imsemmi fil-paragrafu 2 għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti sa … [24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u sat-30 ta’ Marzu ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem u jkopru l-aħħar sena kalendarja disponibbli. Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, ir-rapporti stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom jiġu vvalutati minn verifikatur u jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 9.

4.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu r-rapporti stabbiliti f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni mill-operaturi u f’konformità mal-Artikolu 5(4).

5.    L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli sabiex jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, ħlief meta tkun tista’ tiġi identifikata parti responsabbli, f’liema każ dik il-parti għandu jkollha r-responsabbiltà.

6.    L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ mitigazzjoni sabiex jirrimedjaw, jirreklamaw u jimlew b’mod permanenti bjar inattivi li jinsabu fit-territorju tagħhom.

Il-pjanijiet ta’ mitigazzjoni għandhom jużaw l-inventarji msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jiddeterminaw il-prijorità għall-attivitajiet, inklużi:

   (a) ir-rimedjazzjoni, ir-reklamazzjoni u l-mili permanenti tal-bjar;

   (b) ir-reklamazzjoni ta’ toroq ta’ aċċess relatati;

   (c) ir-restawr tal-art, tal-ilma u tal-ħabitat affettwati mill-bjar u mill-operazzjonijiet preċedenti;

   (d) il-kontrolli annwali sabiex jiġi żgurat li l-bjar mimlija ma jibqgħux sors ta’ emissjonijiet tal-metan.

Kapitolu 4

Emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-faħam

Taqsima I

Il-monitoraġġ u r-rapportar fil-minjieri operattivi

Artikolu 19

Kamp ta’ applikazzjoni

1.    Din it-Taqsima tapplika għall-minjieri tal-faħam taħt l-art u tas-superfiċe operattivi.

2.    L-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam taħt l-art operattivi jinkludu l-emissjonijiet li ġejjin:

(a)    l-emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet tal-ventilazzjoni kollha li jintużaw mill-operatur tal-minjieri;

(b)    l-emissjonijiet tal-metan mill-istazzjonijiet tad-drenaġġ u mis-sistema tad-drenaġġ tal-metan, kemm jekk iseħħu bħala riżultat ta’ ivventjar intenzjonat jew mhux intenzjonat, jew ta’ kombustjoni mhux kompluta fl-ivvampjar;

(c)    l-emissjonijiet tal-metan li jseħħu matul l-attivitajiet ta’ wara l-estrazzjoni.

3.    L-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċe operattivi jinkludu l-emissjonijiet li ġejjin:

(a)    l-emissjonijiet tal-metan li jseħħu fil-minjiera tal-faħam matul il-proċess tal-estrazzjoni;

(b)    l-emissjonijiet tal-metan li jseħħu matul l-attivitajiet ta’ wara l-estrazzjoni.

Artikolu 20

Monitoraġġ u rapportar

1.    Għall-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art, l-operaturi tal-minjieri għandhom iwettqu kejl u kwantifikazzjoni kontinwi tal-emissjonijiet tal-metan fl-arja tal-ventilazzjoni fuq ix-xaftijiet kollha tal-ventilazzjoni tal-egżost użati mill-operatur tal-minjieri, bl-użu ta’ apparat b’limitu ta’ sensittività tal-konċentrazzjoni tal-metan ta’ mill-anqas 100 parti għal kull miljun. Għandhom jieħdu wkoll kejl ta’ kull xahar ibbażat fuq kampjuni.

2.    L-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom iwettqu kejl kontinwu tal-volumi ta’ metan ivventjat u vvampjat, irrispettivament mir-raġunijiet għal tali attività ta’ ivventjar u ivvampjar.

3.    Fir-rigward tal-minjieri tal-faħam tas-superfiċe, l-operaturi tal-minjieri għandhom jużaw fatturi ta’ emissjoni tal-metan tal-minjieri tal-faħam speċifiċi għad-depożitu sabiex jikkwantifikaw l-emissjonijiet li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ estrazzjoni. L-operaturi tal-minjieri għandhom jistabbilixxu dawk il-fatturi ta’ emissjoni fuq bażi trimestrali, f’konformità ma’ istandards xjentifiċi xierqa u jqisu l-emissjonijiet tal-metan mill-istrati tal-madwar.

4.    Il-kejl u l-kwantifikazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom isiru f’konformità ma’ standards Ewropej jew internazzjonali xierqa.

Fir-rigward tal-kejl kontinwu msemmi fil-paragrafi 1 u 2, fejn parti mit-tagħmir tal-kejl ma tkunx qiegħda topera għal perjodu, il-qari meħud matul il-perjodi meta t-tagħmir kien qiegħed jopera jista’ jintuża sabiex tiġi stmata d-data fuq bażi pro rata għall-perjodu li fih it-tagħmir ma kienx qiegħed jopera.

It-tagħmir użat għall-kejl kontinwu msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jopera għal aktar minn 90 % tal-perjodu li għalih jintuża għall-monitoraġġ ta’ emissjoni, eskluż il-perjodu ta’ qtugħ għar-rikalibrar.

5.    L-operaturi tal-minjieri għandhom jistmaw l-emissjonijiet ta’ wara l-estrazzjoni tal-faħam bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni ta’ wara l-estrazzjoni tal-faħam, aġġornati kull sena, abbażi ta’ kampjuni tal-faħam speċifiċi għad-depożiti u f’konformità ma’ standards xjentifiċi xierqa.

6.    Minn… [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u sat-30 ta’ Marzu ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem, l-operaturi tal-minjieri u l-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih data annwali dwar l-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Ir-rapport għandu jkopri l-aħħar perjodu tas-sena kalendarja disponibbli u jinkludi l-elementi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness V għall-minjieri operattivi tal-faħam taħt l-art, il-Parti 2 tal-Anness V għall-minjieri operattivi tal-faħam tas-superfiċe u l-Parti 3 tal-Anness V għall-istazzjonijiet tad-drenaġġ.

Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi tal-minjieri u l-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jiżguraw li r-rapporti stabbiliti f’dan il-paragrafu jiġu vvalutati minn verifikatur u jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 9.

7.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu r-rapporti stabbiliti f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni mill-operaturi u f’konformità mal-Artikolu 5(4).

Taqsima II

il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan minn minjieri operattivi tal-faħam taħt l-art

Artikolu 21

Kamp ta’ applikazzjoni

Din it-Taqsima tapplika għall-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 22

Miżuri ta’ mitigazzjoni

1.    L-ivventjar u l-ivvampjar tal-metan mill-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom ikunu pprojbiti mill-[1 ta’ Jannar 2025], ħlief fil-każ ta’ emerġenza, funzjonament ħażin jew fejn ma jkunx jista’ jiġi evitat u strettament meħtieġ għall-manutenzjoni. F’każijiet bħal dawn, l-operaturi tal-istazzjonijiet tal-iskular għandhom jivventjaw biss jekk l-ivvampjar ma jkunx teknikament fattibbli jew ikun ta’ riskju li jipperikola s-sikurezza tal-operazzjonijiet jew tal-persunal. F’sitwazzjoni bħal din, bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 23, l-operaturi tal-istazzjonijiet tal-iskular għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti l-ħtieġa li jagħżlu l-ivventjar minflok l-ivvampjar.

2.    L-ivventjar tal-metan permezz ta’ xaftijiet ta’ ventilazzjoni f’minjieri tal-faħam li jarmu aktar minn 0,5 tunnellata ta’ metan/kilotunnellata ta’ faħam mill-minjieri, minbarra l-minjieri tal-faħam tal-kokk, għandu jkun ipprojbit mill-1 ta’ Jannar 2027.

3.    Sa … [tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 31 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-ivventjar tal-metan mix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni għall-minjieri tal-faħam tal-kokk.

Artikolu 23

Rapportar ta’ avvenimenti ta’ ivventjar u ta’ ivvampjar

1.    Mill-[1 ta’ Jannar 2025], l-operaturi tal-istazzjonijiet tal-iskular għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-avvenimenti kollha ta’ ivventjar u ivvampjar:

(a) ikkawżati minn emerġenza jew funzjonament ħażin,

(b) li jseħħu b’mod inevitabbli minħabba l-manutenzjoni tas-sistema tad-drenaġġ.

Dik in-notifika għandha ssir mingħajr dewmien wara l-avveniment u mhux aktar tard minn 48 siegħa mill-bidu tal-avveniment jew mill-mument li fih l-operatur ikun sar konxju minnu, f’konformità mal-elementi stabbiliti fl-Anness VI.

2.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu l-informazzjoni sottomessa lilhom skont dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni kull sena u f’konformità mal-Artikolu 5(4).

Taqsima III

emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u abbandunati

Artikolu 24

Kamp ta’ applikazzjoni

Din it-Taqsima tapplika għall-emissjonijiet tal-metan li ġejjin minn minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati u magħluqa fejn il-produzzjoni tal-faħam ma tkomplietx:

(a) emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet kollha tal-ventilazzjoni li jkomplu jarmu l-metan;

(b) emissjonijiet tal-metan mit-tagħmir tal-estrazzjoni tal-faħam, li l-użu tiegħu ma tkompliex;

(c) emissjonijiet tal-metan minn sorsi oħrajn ta’ emissjonijiet ta’ punti definiti sew kif deskritti fil-Parti 1 tal-Anness VII.

Artikolu 25

Monitoraġġ u rapportar

1.    Sa … [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku inventarju tal-minjieri tal-faħam magħluqa kollha u tal-minjieri tal-faħam abbandunati fit-territorju tagħhom jew taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, f’konformità mal-metodoloġija u inklużi mill-anqas l-elementi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness VII.

2.    Il-kejl tal-konċentrazzjoni tal-metan għandu jittieħed f’konformità ma’ standards xjentifiċi xierqa u tal-anqas fuq bażi ta’ kull siegħa mill-elementi kollha elenkati fil-parti 1(vi) tal-Anness VII li nstabu li jarmu l-metan.

Minn … [18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], it-tagħmir tal-kejl għandu jiġi installat fuq l-elementi kollha elenkati fil-punt (v) tal-Parti 1 tal-Anness VII għall-minjieri tal-faħam magħluqa u għall-minjieri tal-faħam abbandunati fejn l-operazzjonijiet ikunu waqfu minn …[50 snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Il-limitu tas-sensittività tat-tagħmir tal-kejl użat għall-kejl imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun tal-anqas 10 000 parti għal kull miljun.

It-tagħmir tal-kejl irid jopera għal aktar minn 90 % tal-perjodu li għalih jintuża għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet, minbarra l-perjodu ta’ qtugħ għar-rikalibrar.

3.    Rapporti li jkun fihom stimi tad-data annwali dwar l-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti sa …[24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u sat-30 ta’ Marzu ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem.

Ir-rapporti għandhom ikopru l-aħħar sena kalendarja disponibbli u jinkludu l-elementi stabbiliti fil-Parti 3 tal-Anness VII.

Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, ir-rapporti stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom jiġu vvalutati minn verifikatur u jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 9.

4.    L-operaturi tal-minjieri għandhom ikunu responsabbli għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 fir-rigward tal-minjieri magħluqa. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 fir-rigward tal-minjieri abbandunati.

5.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu r-rapporti stabbiliti f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni mill-operaturi u f’konformità mal-Artikolu 5(4).

Artikolu 26

Miżuri ta’ mitigazzjoni

1.    Abbażi tal-inventarju msemmi fl-Artikolu 25, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ mitigazzjoni sabiex jindirizzaw l-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam abbandunati.

Il-pjan ta’ mitigazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti sa … [36 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u jinkludi mill-anqas l-elementi stabbiliti fil-Parti 4 tal-Anness VII.

2.    L-ivventjar u l-ivvampjar mit-tagħmir imsemmi fl-Artikolu 25(2) għandhom ikunu pprojbiti mill-1 ta’ Jannar 2030, sakemm l-użu jew il-mitigazzjoni ma jkunux teknikament fattibbli jew ma jkunux ta’ riskju li jipperikolaw is-sikurezza ambjentali jew is-sikurezza tal-operazzjonijiet jew tal-persunal. F’sitwazzjoni bħal din, bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 25, l-operaturi tal-minjieri jew l-Istati Membri għandhom juru l-ħtieġa li jagħżlu l-ivventjar jew l-ivvampjar minflok l-użu jew il-mitigazzjoni.

Kapitolu 5

Emissjonijiet tal-metan li jseħħu barra mill-Unjoni

Artikolu 27

Rekwiżiti tal-importaturi

1.    Sa …[9 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament] u sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem, l-importaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness VIII lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru importatur.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 31 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi temenda jew iżżid mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-importaturi.

2.    Sa …[12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament] u sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni provduta lilhom mill-importaturi.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28.

3.    Sal-31 ta’ Diċembru 2025, jew qabel jekk il-Kummissjoni tqis li hemm evidenza biżżejjed disponibbli, il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tikkunsidra b’mod partikolari:

(a)    ir-rapportar tad-data disponibbli dwar l-emissjonijiet tal-metan miġbura fil-kuntest tal-għodda globali ta’ monitoraġġ tal-metan imsemmija fl-Artikolu 29;

(b)    analiżi tad-data dwar l-emissjonijiet tal-metan mill-IMEO;

(c)    informazzjoni dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar, il-verifika u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-operaturi li jinsabu barra mill-Unjoni u li mingħandhom tiġi importata l-enerġija fl-Unjoni; u

(d)    is-sigurtà tal-provvista u l-implikazzjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi f’każ ta’ obbligi addizzjonali possibbli, inklużi miżuri obbligatorji bħall-istandards jew il-miri tal-emissjonijiet tal-metan, filwaqt li jitqiesu s-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam separatament.

Fejn xieraq u abbażi tal-evidenza neċessarja biex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali applikabbli tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex jissaħħu r-rekwiżiti applikabbli għall-importaturi bil-għan li jiġi żgurat livell komparabbli ta’ effettività fir-rigward tal-kejl, ir-rapportar u l-verifika u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija.

Artikolu 28

Bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan

1.    Sa …[18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan li jkun fiha l-informazzjoni sottomessa lilha skont l-Artikolu 27 u l-Artikoli 12(11), 16(3), 18(4), 20(7), 23(2) u 25(5).

2.    Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-bażi tad-data għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)    lista ta’ pajjiżi fejn l-enerġija fossili tiġi prodotta u esportata lejn l-Unjoni;

(b)    għal kull pajjiż imsemmi fil-punt (a) informazzjoni dwar il-punti li ġejjin:

(i) jekk għandux miżuri regolatorji obbligatorji fis-seħħ dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, li jkopru l-elementi stabbiliti f’dan ir-Regolament rigward il-kejl, ir-rapportar u l-verifika u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija;

(ii) jekk iffirmax il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima;

(iii) jekk huwiex qiegħed iwassal inventarji nazzjonali f’konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, fejn applikabbli;

(iv) jekk l-inventarji nazzjonali sottomessi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima jinkludux ir-rapportar tal-livell 3 tal-emissjonijiet tal-metan fl-enerġija, fejn applikabbli;

(v) l-ammont ta’ emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija skont l-inventarji nazzjonali sottomessi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, fejn applikabbli, u jekk id-data kinitx soġġetta għal verifika indipendenti.

(vi) il-lista ta’ kumpaniji li jesportaw l-enerġija fossili fl-Unjoni

(vii) lista ta’ importaturi tal-enerġija fossili fl-Unjoni

2.    Il-bażi tad-data dwar it-trasparenza għandha tkun disponibbli għall-pubbliku online, mingħajr ħlas u tal-anqas bl-Ingliż.

3.    Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/943.

Artikolu 29

Għodda ta’ monitoraġġ globali għall-emittenti tal-metan

1.    Sa …[sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi għodda globali ta’ monitoraġġ tal-metan ibbażata fuq data satellitari u input minn diversi fornituri u servizzi tad-data ċertifikati, inkluż il-komponent Copernicus tal-Programm Spazjali tal-UE.

L-għodda għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u tipprovdi aġġornamenti regolari tal-anqas dwar id-daqs, ir-rikorrenza u l-post ta’ sorsi tal-enerġija b’emissjonijiet għoljin ta’ metan.

2.    L-għodda għandha tinforma d-djalogi bilaterali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-politiki u l-miżuri dwar l-emissjonijiet tal-metan. Fejn l-għodda tidentifika sors ewlieni ġdid ta’ emissjonijiet, il-Kummissjoni għandha twissi lill-pajjiż rilevanti bil-għan li tippromwovi azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ rimedju.

3.    Dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/943.

Kapitolu 6

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 30

Penali

1.    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha li jkunu meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

2.    Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jistgħu jinkludu:

(a)    multi proporzjonati għad-danni ambjentali, billi jiġi kkalkolat il-livell ta’ tali multi b’tali mod li jiġi żgurat li dawn effettivament iċaħħdu lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi derivati mill-ksur tagħhom u gradwalment iżidu l-livell ta’ tali multi għal ksur serju ripetut;

(b)    pagamenti perjodiċi ta’ penali sabiex l-operaturi jiġu mġiegħla jwaqqfu ksur, jikkonformaw ma’ deċiżjoni li tordna azzjonijiet ta’ rimedju jew miżuri korrettivi, jipprovdu informazzjoni jew jissottomettu ruħhom għal spezzjoni, kif applikabbli.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli dwar il-penali lill-Kummissjoni sa [3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament]. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa tali regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

3.    Tal-anqas il-ksur li ġej għandu jkun soġġett għal penali:

(a)    in-nuqqas tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-verifikaturi bl-assistenza meħtieġa sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)    in-nuqqas tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li jwettqu l-azzjonijiet stabbiliti fir-rapport tal-ispezzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 6;

(c)    in-nuqqas tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li jissottomettu r-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-metan kif meħtieġ minn dan ir-Regolament, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa minn verifikaturi indipendenti f’konformità mal-Artikoli 8 u 9;

(d)    in-nuqqas tal-operaturi li jwettqu stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija ta’ tnixxijiet f’konformità mal-Artikolu 14;

(e)    in-nuqqas tal-operaturi li jsewwu jew jissostitwixxu l-komponenti, li jistħarrġu l-komponenti kontinwament u li jirreġistraw it-tnixxijiet f’konformità mal-Artikolu 14;

(f)    in-nuqqas tal-operaturi li jissottomettu rapport f’konformità mal-Artikolu 14;

(g)    l-ivventjar jew l-ivvampjar mill-operaturi jew mill-operaturi tal-minjieri lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikoli 15, 22 u 26, kif applikabbli;

(h)    ivvampjar ta’ rutina mill-operaturi;

(i)    in-nuqqas tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li juru l-ħtieġa li jagħżlu l-ivventjar minflok l-ivvampjar u li juru l-ħtieġa li jagħżlu l-ivvampjar minflok jew l-injezzjoni mill-ġdid, jew l-użu fuq il-post jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq, fil-każ tal-operaturi, jew l-użu jew il-mitigazzjoni, fil-każ tal-operaturi tal-minjieri, f’konformità mal-Artikoli 15, 22 u 26;

(j)    in-nuqqas tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li jinnotifikaw jew jirrapportaw dwar avvenimenti ta’ ivventjar u ivvampjar f’konformità mal-Artikoli 16, 23 u 26, kif applikabbli;

(k)    l-użu ta’ torri tal-ivvampjar jew ta’ apparat ta’ kombustjoni bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17;

(l)    in-nuqqas tal-importaturi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 27 u l-Anness VIII.

4.    L-Istati Membri għandhom iqisu tal-anqas il-kriterji indikattivi li ġejjin għall-impożizzjoni ta’ penali, kif xieraq:

(a)    id-durata jew l-effetti temporali, in-natura u l-gravità tal-ksur;

(b)    kwalunkwe azzjoni meħuda mill-impriża, mill-operatur jew mill-operatur tal-minjieri sabiex id-dannu jittaffa jew jiġi rimedjat fil-ħin;

(c)    il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(d)    kwalunkwe ksur preċedenti mill-impriża, mill-operatur jew mill-operatur tal-minjieri;

(e)    il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew telf evitat direttament jew indirettament mill-impriża, mill-operatur jew mill-operatur tal-minjieri minħabba l-ksur, jekk id-data rilevanti tkun disponibbli;

(f)    id-daqs tal-impriża, tal-operatur jew tal-operatur tal-minjieri;

(g)    il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtorità;

(h)    il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità, b’mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, l-operatur innotifika l-ksur fil-ħin;

(i)    kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ.

5.    L-Istati Membri għandhom jippubblikaw kull sena informazzjoni dwar it-tip u d-daqs tal-penali imposti skont dan ir-Regolament, il-każijiet ta’ ksur u l-operaturi li fuqhom ikunu ġew imposti penali.

Artikolu 31

Eżerċizzju tad-delega

1.    Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.    Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 8(5), 22(3) u 27(1) għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn ... [id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament].

3.    Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 8(5), 22(3) u 27(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.    Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.    Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.    Att delegat adottat skont l-Artikoli 8(5), 22(3) u 27(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 32

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Unjoni tal-Enerġija stabbilit bl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

2.    Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 33

Rieżami

1.    Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposti leġiżlattivi sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

2.    Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet kompetenti u għandha tqis b’mod partikolari l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-Enerġija u l-Klima, l-aġġornamenti tagħhom u fir-rapporti nazzjonali tagħhom dwar il-Progress fl-Enerġija u fil-Klima skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 34

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/942

Fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. Kull tliet snin, l-ACER għandha tistabbilixxi u tagħmel disponibbli għall-pubbliku sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet ta’ unità ta’ investiment marbuta mal-kejl, ir-rapportar u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għal proġetti komparabbli. Hija għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar l-indikaturi u l-valuri ta’ referenza għall-kostijiet ta’ unità tal-investiment għall-konformità mal-obbligi skont [dan ir-Regolament] skont l-Artikolu 3 ta’ [dan ir-Regolament]”.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    IPCC, 2021: Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika. Fi: It-Tibdil fil-Klima 2021: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika. Kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma I għas-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, Cambridge University Press. In Press.
(2)    COM(2019) 640 final.
(3)    Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006)
(4)    Dokument ta’ gwida għall-implimentazzjoni tal-PRTR Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea (2006)
(5)    COM/2020/381 final
(6)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi
(7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura
(8)    Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55
(9)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1.
(10)    Is-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP), imnedija fl-2014, inħolqot mill-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC) u mill-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP) bħala inizjattiva volontarja sabiex tgħin lill-kumpaniji fir-rigward tal-kejl u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-metan. L-OGMP tiffoka fuq l-istabbiliment tal-aħjar prattiki sabiex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni globali dwar il-kwantifikazzjoni u l-ġestjoni tal-emissjonijiet tal-metan u sabiex jiġu xprunati azzjonijiet ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan. Sal-lum, aktar minn 60 kumpanija ngħaqdu mal-OGMP, li jkopru 30 % tal-produzzjoni u l-assi globali taż-żejt u tal-gass f’ħames kontinenti.
(11)    https://www.unep.org/explore-topics/energy/what-we-do/international-methane-emissions-observatory
(12)    ĠU C , , p. .
(13)    ĠU C , , p. .
(14)    COM(2019) 640 final.
(15)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (il-“Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021).
(16)    Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018).
(17)    Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010).
(18)    Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021).
(19)    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003).
(20)    Ir-Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008).
(21)    Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
(22)    IPCC (2019) 2019 Refinement to the 2006 IPCC guidelines for national greenhouse gas inventories.
(23)    Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwaril-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006)
(24)    (2020) N. Kholod et al Global methane emissions from coal mining to continue growing even with declining coal production, Journal of Cleaner Production, Volum 256, 120489
(25)    (2020) N. Kholod et al Global methane emissions from coal mining to continue growing even with declining coal production, Journal of Cleaner Production, Volum 256, 120489
(26)    L-emissjonijiet tal-metan għas-settur tal-enerġija f’Kilotunnellati, diżaggregati skont is-sors tal-kategorija tal-emissjonijiet, kif irrapportat lill-UNFCC f’April tal-2021 miż-ŻEE f’isem l-UE
(27)    Best Practice Guidance for Effective Management of Coal Mine Methane at National Level: Monitoring, Reporting, Verification and Mitigation, ECE Energy Series No. 71, UNECE 2021 (Imminenti)
(28)    Linji gwida tal-2006 tal-IPCC għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra.
(29)    Bilans Zasobow Zloz Kopalin, stan na 31.12.2020’, State Geological Surowce mineralne (pgi.gov.pl)
(30)    Best Practice Guidance for Effective Management of Coal Mine Methane at National Level: Monitoring, Reporting, Verification and Mitigation, ECE Energy Series No. 71, UNECE 2021 (Imminenti)
(31)    Best Practice Guidance for Effective Methane Recovery and Use from Abandoned Mines (UNECE, 2019)
(32)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1094 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2008/376/KE dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm, ĠU L 236/69. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1207 tad-19 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1208 tad-19 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar, ĠU L 261/54.
(33)    Global Assessment of Oil and Gas Methane 1 Ultra-Emitters; T. Lauvaux, C. Giron, M. Mazzolini, A. d’Aspremont, R. Duren, D. Cusworth, D. Shindell, P. Ciais; April 2021.
(34)    COM(2020) 663 final
(35)    5263/21 TI/eb 1 RELEX.1.C
(36)    COM(2020) 663 final
(37)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(38)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(39)    Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019).
(40)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(41)    Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).
(42)    Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1)
(43)    Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016)
Top

Brussell, 15.12.2021

COM(2021) 805 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942

{SEC(2021) 432 final} - {SWD(2021) 459 final} - {SWD(2021) 460 final}


ANNESS I

Skedi tat-tiswija u ta’ monitoraġġ tad-detezzjoni tat-tnixxijiet

Skeda tat-tiswija

L-iskeda tat-tiswija msemmija fl-Artikolu 14 trid tinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(i)    L-inventarju u l-identifikazzjoni tal-komponenti kollha li ġew ivverifikati

(ii)    Ir-riżultat tal-ispezzjoni f’termini ta’ jekk ġiex identifikat telf tal-metan u, jekk iva, id-daqs tat-telf

(iii)    Għall-komponenti li nstabu li qed jemettu 500 parti għal kull miljun jew aktar ta’ metan, indikazzjoni ta’ jekk twettqitx tiswija matul l-istħarriġ tal-LDAR u jekk le għaliex, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti fir-rigward ta’ liem elementi jistgħu jitqiesu għal tiswija tardiva, skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 4.

(iv)    Għall-komponenti li nstabu li qed jemettu 500 parti għal kull miljun jew aktar ta’ metan, l-iskeda tat-tiswija ppjanata li tindika d-data tat-tiswija ppjanata,

(v)    Għall-komponenti li nstabu li qed jemettu inqas minn 500 parti għal kull miljun fl-istħarriġ preċedenti tal-LDAR, iżda li nstabu li qed jemettu 500 parti għal kull miljun jew aktar ta’ metan waqt il-monitoraġġ ta’ wara l-LDAR biex jiġi vverifikat jekk id-daqs tat-telf tal-metan ikunx inbidel, indikazzjoni dwar jekk twettqitx tiswija immedjatament u jekk le, għaliex (skont iii), u l-iskeda tat-tiswija ppjanata li tindika d-data tat-tiswija ppjanata.

Dan għandu jiġi segwit minn skeda ta’ wara t-tiswija biex jiġi indikat meta realment twettqu t-tiswijiet.

Skeda ta’ monitoraġġ

L-iskeda ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 14 trid tinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(i)    L-inventarju u l-identifikazzjoni tal-komponenti kollha li ġew ivverifikati

(ii)    Ir-riżultat tal-ispezzjoni f’termini ta’ jekk ġiex identifikat telf tal-metan u, jekk iva, id-daqs tat-telf

(iii)    Għall-komponenti li nstabu li qed jemettu 500 parti għal kull miljun jew aktar ta’ metan, ir-riżultati tal-monitoraġġ wara t-tiswija biex jiġi vverifikat jekk it-tiswija rnexxietx

(iv)    Għall-komponenti li nstabu li qed jemettu inqas minn 500 parti għal kull miljun jew aktar ta’ metan, ir-riżultati tal-monitoraġġ ta’ wara l-LDAR biex jiġi vverifikat jekk id-daqs tat-telf tal-metan inbidilx u rakkomandazzjoni fuq il-bażi tas-sejba.

ANNESS II

Rapportar tal-avvenimenti tal-vventjar u l-ivvampjar

Skont l-Artikolu 16, l-operaturi jridu jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti mill-inqas l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-metan ivvampjat jew ivventjat:

(i)    isem l-operatur;

(ii)    l-isem u t-tip tal-assi;

(iii)    it-tagħmir involut;

(iv)    id-data/i u l-ħin(ijiet) li fihom ġie skopert jew mibdi u mwaqqaf l-ivventjar jew l-ivvampjar;

(v)    il-volum imkejjel jew stmat tal-gass naturali ivventjat jew ivvampjat;

(vi)    il-kawża u n-natura tal-ivventjar u l-ivvampjar;

(vii)    il-passi meħuda biex jiġu llimitati t-tul ta’ żmien u d-daqs tal-ivventjar u l-ivvampjar;

(viii)    l-azzjonijiet korrettivi meħuda biex jiġu eliminati l-kawża u r-rikorrenza tal-ivventjar u l-ivvampjar;

(ix)    ir-riżultati tal-ispezzjonijiet ta’ kull ġimgħa tat-torrijiet tal-ivvampjar imwettqa f’konformità mal-Artikolu 17

 



ANNESS III

Spezzjonijiet tat-torrijiet tal-ivvampjar

L-ispezzjonijiet ta’ kull ġimgħa tat-torrijiet tal-ivvampjar iridu jinkludu spezzjoni Akustika, Viżwali u Olfattiva (AVO) komprensiva (li tinkludi spezzjoni viżwali esterna tat-torrijiet tal-ivvampjar, is-smigħ għall-pressjoni u għat-tnixxijiet ta’ likwidu u x-xamm għal irwejjaħ mhux tas-soltu jew qawwija).

Waqt l-ispezzjoni, l-operatur irid jispezzjona l-komponenti kollha, inkluż it-torrijiet tal-ivvampjar, il-bokkaporti tal-kampjunar, is-sistemi ta’ ventijiet magħluqa, il-pompi, il-kompressuri, l-apparati għat-tnaqqis tal-pressjoni, il-valvi, il-linji, il-flanġijiet, il-konnetturi, u l-pajpijiet assoċjati biex jidentifika d-difetti, it-tnixxijiet u r-rilaxxi.

Fir-rapport iridu jiġu inklużi l-osservazzjonijiet li ġejjin:

(i)    Fil-każ tal-apparati tal-ivvampjar imqabbda: jekk il-kombustjoni hijiex meqjusa adegwata jew inadegwata. Kombustjoni inadegwata hija ddefinita bħala apparat tal-ivvampjar b’emissjonijiet viżibbli li jaqbżu total ta’ ħames minuti matul kwalunkwe sagħtejn konsekuttivi.

(ii)    Fil-każ tal-apparati tal-ivvampjar mhux imqabbda: jekk l-apparat tal-ivvampjar mhux imqabbad għandux fetħa tal-gass jew le. Jekk ikollu fetħa tal-gass, għandu jseħħ intervent biex jiġi rrimedjat fi żmien 6 sigħat jew fi żmien 24 siegħa fil-każ ta’ maltemp jew ta’ kundizzjonijiet estremi oħra.

 

ANNESS IV

Inventarji ta’ bjar inattivi

Skont l-Artikolu 18, l-inventarji ta’ bjar inattivi jridu jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)    l-isem u l-indirizz tal-operatur, tas-sid jew tal-liċenzjatarju, fejn applikabbli;

(ii)    l-isem, it-tip u l-indirizz tal-bir jew tas-sit tal-bir;

(iii)    mappa li turi l-fruntieri tal-bir jew tas-sit tal-bir;

(iv)    ir-riżultati ta’ kwalunkwe kejl tal-konċentrazzjoni tal-metan.

ANNESS V

Rapportar għall-operazzjoni tal-minjieri tal-faħam

Parti 1

Skont l-Artikoli 19 u 20, ir-rapporti għall-operazzjoni tal-minjieri ta’ taħt l-art iridu jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)    l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-minjiera;

(ii)    l-indirizz tal-minjiera;

(iii)    it-tunnellaġġ ta’ kull tip ta’ faħam prodott mill-minjiera;

(iv)    għax-xaftijiet tal-ventilazzjoni kollha użati mill-minjiera

   1) l-isem (jekk ikun hemm);

   2) il-perjodu tal-użu, jekk ikun differenti mill-perjodu tar-rapportar;

   3) il-koordinati;

   4) l-iskop (dħul, egżost);

5) l-ispeċifikazzjoni teknika tal-apparat għall-kejl użat għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan u l-kundizzjonijiet operattivi ottimali speċifikati mill-produttur;

   6) il-proporzjon ta’ żmien li fih kien qed jopera l-apparat għall-kejl kontinwu;

   7) l-għażla tal-istandard Ewropew jew internazzjonali għal:

       - il-pożizzjoni tal-kampjunar għall-apparat għall-kejl tal-metan;

       - il-kejl tar-rati tal-fluss;

       - il-kejl tal-konċentrazzjonijiet tal-metan;

   8) l-emissjonijiet tal-metan irreġistrati mill-apparat għall-kejl kontinwu (f’tunnellati);

9) l-emissjonijiet tal-metan irreġistrati permezz tal-kampjunar fix-xahar (f’tunnellati/siegħa) li jkopri l-informazzjoni dwar;

       - id-data tal-kampjunar;

- it-teknika tal-kampjunar;

   - il-qari tal-kundizzjonijiet atmosferiċi (il-pressjoni, it-temperatura, l-umdità), meħuda minn distanza xierqa biex jiġu riflessi l-kundizzjonijiet li fihom ikun qed jopera l-apparat għall-kejl kontinwu;

11) jekk il-minjiera tkun magħquda ma’ minjiera oħra bi kwalunkwe mezz li jippermetti fluss tal-arja bejn il-minjieri, l-isem tal-minjiera;

(v)    il-fatturi tal-emissjoni ta’ wara l-estrazzjoni u deskrizzjoni tal-metodu użat biex jiġu kkalkulati;

(vi)    l-emissjonijiet ta’ wara l-estrazzjoni (f’tunnellati).

Parti 2

Skont l-Artikoli 19 u 20, ir-rapporti għall-operazzjoni tal-minjieri tas-superfiċe jridu jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)    l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-minjiera;

(ii)    l-indirizz tal-minjiera;

(iii)    it-tunnellaġġ ta’ kull tip ta’ faħam prodott mill-minjiera;

(iv)    mappa tad-depożiti kollha użati mill-minjiera, li tindika l-fruntieri ta’ dawn id-depożiti;

(v)    għal kull depożitu tal-faħam:

   1) l-isem (jekk ikun hemm)

   2) il-perjodu tal-użu, jekk ikun differenti mill-perjodu tar-rapportar

3) deskrizzjoni tal-metodu sperimentali użat biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tal-metan ikkawżati mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni, inkluż l-għażla tal-metodoloġija biex jittieħed kont tal-emissjonijiet l-metan mill-istrata tal-madwar

(vi)    il-fatturi tal-emissjoni ta’ wara l-estrazzjoni u deskrizzjoni tal-metodu użat biex jiġu kkalkulati;

(vii)    l-emissjonijiet ta’ wara l-estrazzjoni.

Parti 3

Skont l-Artikolu 19 u 20, ir-rapporti għall-istazzjonijiet tad-drenaġġ iridu jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)    l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-minjiera;

(ii)    it-tunnellaġġ ta’ metan fornut minn minjiera/sistema tad-drenaġġ ta’ minjiera, għal kull mina;

(iii)    it-tunnellaġġ ta’ metan ivventjat;

(iv)    it-tunnellaġġ ta’ metan ivvampjat;

(v)    l-effiċjenza tal-apparat tal-ivvampjar;

(vi)    l-użu tal-metan maqbud.

ANNESS VI

Rapportar tal-avvenimenti tal-vventjar u l-ivvampjar fl-istazzjonijiet tad-drenaġġ

Skont l-Artikolu 23, l-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ iridu jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti mill-inqas l-informazzjoni li ġejja rigward il-metan ivvampjat jew ivventjat:

(i)    l-isem u l-indirizz tal-operatur;

(ii)    il-ħin li fih l-avveniment ġie identifikat għall-ewwel darba;

(iii)    il-kawża tal-avveniment tal-vventjar u/jew l-ivvampjar;

(iv)    it-tunnellaġġ ta’ metan ivventjat u vvampjat (jew stima jekk il-kwantifikazzjoni ma tkunx possibbli).



ANNESS VII

Minjieri magħluqa u abbandunati

Parti 1

Skont l-Artikolu 24 u 25, għal kull sit, l-inventarju tal-minjieri tal-faħam magħluqa u abbandunati jrid jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)    l-isem u l-indirizz tal-operatur, tas-sid jew tal-liċenzjatarju, fejn applikabbli;

(ii)    l-indirizz tal-post;

(iii)    mappa li turi l-fruntieri tal-minjiera;

(iv)    l-iskemi tax-xogħlijiet tal-minjiera u l-istatus tagħhom

(v)    ir-riżultati tal-kejl tal-konċentrazzjoni tal-metan fl-elementi li ġejjin:

   1) ix-xaftijiet tal-ventilazzjoni kollha użati mill-minjiera waqt li tkun qed topera, akkumpanjati minn:

       - il-koordinati tax-xaft

       - l-isem tax-xaft (jekk ikun hemm)

       - l-istatus tal-issiġillar u l-metodu tal-issiġillar, jekk ikun magħruf

   2) il-pajpijiet tal-fetħiet mhux użati

   3) il-bjar tal-gass tad-drenaġġ mhux użati

   4) il-promontorji tal-blat;

5) il-fratturi tal-istrata identifikabbli fit-territorju tal-minjiera jew li huma marbuta mad-depożitu tal-faħam preċedenti tagħha;

   6) emissjonijiet oħra mill-punti ta’ sors potenzjali rreġistrati.

Parti 2

Il-kejl imsemmi fil-punt (v) tal-Parti 1 irid jitwettaq f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(i)    il-kejl irid jitwettaq fi pressjoni atmosferika li tippermetti id-detezzjoni ta’ tnixxija tal-metan potenzjali, u skont l-istandards xjentifiċi xierqa.

(ii)    il-kejl irid jitwettaq bl-użu ta’ apparat b’livell limitu ta’ sensittività ta’ mill-inqas 10 000 ppm, fl-eqreb distanza disponibbli għall-emittent imkejjel.

(iii)    il-kejl irid jiġi akkumpanjat minn informazzjoni dwar:

   1) id-data tal-kejl

   2) il-pressjoni atmosferika

   3) id-dettalji tekniċi tal-apparat użat għall-kejl

(iv)    ix-xaftijiet tal-ventilazzjoni użati b’mod storiku minn żewġ minjieri jew iktar iridu jiġu assenjati lil minjiera waħda biss, biex jiġi evitat l-għadd doppju

Parti 3

Ir-rapport stabbilit fl-Artikolu 25(3) irid jinkludi l-elementi li ġejjin:

(i)    l-isem u l-indirizz tal-operatur, tas-sid jew tal-liċenzjatarju, fejn applikabbli;

(ii)    l-indirizz tal-post;

(iii)    l-emissjonijiet tal-metan mill-elementi kollha deskritti fl-Artikolu 25(3) inkluż:

   1) it-tip ta’ element

2) id-dettalji tekniċi tal-apparat għall-kejl użat għall-kejl inkluż is-sensittività

   3) il-proporzjon ta’ żmien li fih kien qed jopera l-apparat għall-kejl

   4) il-konċentrazzjoni tal-metan irreġistrata mill-apparat għall-kejl

   5) l-istimi tal-emissjonijiet tal-metan mill-element

Parti 4

Il-pjan ta’ mitigazzjoni stabbilit fl-Artikolu 26(1) irid jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)    lista tal-elementi kollha koperti fl-Artikolu 25(3);

(ii)    il-fattibbiltà teknika tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan mill-elementi deskritti fl-Artikolu 25(3);

(iii)    l-iskeda ta’ żmien tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan mill-elementi deskritti fl-Artikolu 25(3).

 



ANNESS VIII

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-importaturi

Għall-iskopijiet ta’ dan l-Anness, “esportatur” tfisser il-kontroparti kuntrattwali f’kull kuntratt ta’ provvista konkluż mill-importatur għat-twassil tal-enerġija fossili fl-Unjoni.

Skont l-Artikolu 27, l-importaturi jridu jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(i)    l-isem u l-indirizz tal-esportatur u, jekk ikunu differenti mill-esportatur, l-isem u l-indirizz tal-produttur;

(ii)    il-pajjiżi u r-reġjuni li jikkorrispondu għal-livell 1 tal-klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) tal-Unjoni fejn ġiet prodotta l-enerġija u l-pajjiżi u li jikkorrispondu għal-livell 1 tal-klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) tal-Unjoni li permezz tagħhom l-enerġija ġiet ittrasportata sakemm tqiegħdet fis-suq tal-Unjoni;

(iii)    fir-rigward taż-żejt u l-gass fossili, jekk l-esportatur ikunx qed iwettaq kejl u rapportar tal-emissjonijiet tal-metan tiegħu, jew b’mod indipendenti jew bħala parti mill-impenji ta’ rapportar dwar l-inventarji nazzjonali tal-GHG f’konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), u jekk huwiex f’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-UNFCCC jew f’konformità mal-istandards tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass 2.0. Dan irid jiġi akkumpanjat minn kopja tal-aħħar rapport dwar l-emissjonijiet tal-metan, inkluż, fejn disponibbli, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(6). Il-metodu tal-kwantifikazzjoni (bħall-gradi tal-UNFCCC jew il-livelli tal-OGMP) użati fir-rapportar iridu jkunu speċifikati għal kull tip ta’ emissjoni;

(iv)    fir-rigward taż-żejt u l-gass, jekk l-esportatur japplikax miżuri regolatorji jew volontarji biex jikkontrolla l-emissjonijiet tal-metan tiegħu, inkluż miżuri bħal stħarriġiet tad-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet jew miżuri biex jikkontrolla u jillimita l-ivventjar u l-ivvampjar tal-metan. Dan irid jiġi akkumpanjat minn deskrizzjoni ta’ dawn il-miżuri, inkluż, fejn disponibbli, rapporti mill-istħarriġiet tad-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet mill-avvenimenti tal-ivventjar u l-ivvampjar fir-rigward tal-aħħar sena kalendarja disponibbli;

(v)    fir-rigward tal-faħam, jekk l-esportatur ikunx qed iwettaq kejl u rapportar tal-emissjonijiet tal-metan tiegħu, jew b’mod indipendenti jew bħala parti mill-impenji ta’ rapportar dwar l-inventarji nazzjonali tal-GHG f’konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), u jekk huwiex f’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-UNFCCC jew f’konformità ma’ standard internazzjonali jew Ewropew għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-metan. Dan irid jiġi akkumpanjat minn kopja tal-aħħar rapport dwar l-emissjonijiet tal-metan, inkluż, fejn disponibbli, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(6). Il-metodu tal-kwantifikazzjoni (bħall-gradi tal-UNFCCC jew il-livelli tal-OGMP) użati fir-rapportar iridu jkunu speċifikati għal kull tip ta’ emissjoni;

(vi)    fir-rigward tal-faħam, jekk l-esportatur japplikax miżuri regolatorji jew volontarji biex jikkontrolla l-emissjonijiet tal-metan tiegħu, inkluż miżuri biex jikkontrolla u jillimita l-ivventjar u l-ivvampjar tal-metan. Dan irid jiġi akkumpanjat minn deskrizzjoni ta’ dawn il-miżuri, inkluż, fejn disponibbli, rapporti mill-avvenimenti tal-ivventjar u l-ivvampjar fir-rigward tal-aħħar sena kalendarja disponibbli;

(vii)    l-isem tal-entità li wettqet il-verifika indipendenti tar-rapporti msemmija fil-punti (iii) u (v), jekk ikun hemm.

Top