Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0770

    Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà

    COM/2021/770 final

    Brussell, 10.12.2021

    COM(2021) 770 final

    2021/0402(NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà

    {SWD(2021) 367 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni 1 , il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, tiddikjara l-ħtieġa li “negħlbu l-ostakoli għat-tagħlim u ntejbu l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità”, filwaqt li tappella għar-rilevanza tal-inklużjoni u l-kwalità fit-tagħlim tul il-ħajja kif ipproklamat fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 2 . Sussegwentement, il-Kummissjoni pproponiet strateġija sabiex tgħin lin-nies jiżviluppaw ħiliet f’suq tax-xogħol li qiegħed jinbidel malajr u ħabbret inizjattiva ġdida dwar il-mikrokredenzjali fl-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet 3 (Lulju tal-2020). Fil-Komunikazzjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 4 (Settembru tal-2020), il-Kummissjoni ħabbret proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill sabiex tappoġġa l-bini tal-fiduċja fil-mikrokredenzjali madwar l-Ewropa. Il-Komunikazzjoni qalet li r-rakkomandazzjoni se jkollha l-għan li tiżgura li l-passi kollha meħtieġa għall-mikrokredenzjali jkunu stabbiliti sal-2025. Għalhekk, azzjoni dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali hija inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 5 taħt l-ambizzjoni ewlenija “Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna” 6 . Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali hija ppreżentata flimkien mal-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Kontijiet Individwali tal-Apprendiment.

    (1)L-isfidi li għandhom jiġu indirizzati mir-rakkomandazzjoni proposta:

    Fl-Ewropa, jeħtieġ li n-nies jaġġornaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom kontinwament sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u d-domandi ta’ suq tax-xogħol li qiegħed jinbidel malajr.

    Il-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal tkabbir rapidu fid-domanda għal opportunitajiet ta’ apprendiment qosra u mfassla apposta 7 . Din id-domanda għal forom ġodda ta’ apprendiment wasslet għal żieda korrispondenti fl-interess fil-“mikrokredenzjali” li jiċċertifikaw l-eżiti ta’ dawn l-esperjenzi żgħar ta’ apprendiment.

    Din id-domanda hija mistennija li tkompli matul l-irkupru mill-pandemija u fis-snin ta’ wara. It-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, iffaċilitati mill-programm ta’ finanzjament Next Generation EU, ħolqu wkoll domanda ġdida minn studenti, ħaddiema u persuni li qegħdin ifittxu impjieg biex itejbu u jġeddu l-ħiliet tagħhom. Dawn l-istudenti, ħaddiema u persuni li qegħdin ifittxu impjieg jixtiequ jiżguraw l-impjegabbiltà u l-progressjoni tal-karriera tagħhom. Jixtiequ wkoll jaċċessaw aktar studji u jitgħallmu għall-iżvilupp personali tagħhom.

    L-opportunitajiet ta’ apprendiment ta’ volum iżgħar milli dak għal kwalifiki tradizzjonali qegħdin jiġu żviluppati malajr madwar l-Ewropa u d-dinja minn varjetà wiesgħa ta’ fornituri pubbliċi u privati b’reazzjoni għal domanda għal forom ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar flessibbli u ċċentrati fuq l-istudent. Tali edukazzjoni u taħriġ jistgħu jiġu deskritti kemm bħala tul il-ħajja kif ukoll “li jħaddnu l-aspetti kollha tal-ħajja” u jsiru f’kuntesti differenti (fuq il-post tax-xogħol, fid-dar, fost persuni li diġà huma impjegati, u fost dawk li bħalissa ma humiex impjegati 8 ). Il-mikrokredenzjali jippermettu l-akkwist immirat u flessibbli u r-rikonoxximent tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ġodda u emerġenti fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Huwa importanti li l-mikrokredenzjali ma jissostitwixxux il-kwalifiki tradizzjonali. Minflok, dawn jistgħu jikkomplementaw il-kwalifiki tradizzjonali u jservu bħala opportunità ta’ apprendiment tul il-ħajja għal kulħadd. Minħabba l-flessibbiltà tagħhom, il-mikrokredenzjali jistgħu jitfasslu u jiġu pprovduti minn varjetà ta’ fornituri f’ħafna ambjenti differenti ta’ apprendiment formali, mhux formali u informali.

    Sal-lum, ma hemm l-ebda definizzjoni komuni ta’ mikrokredenzjali u hemm nuqqas ta’ standards sabiex dawn jiġu deskritti u rikonoxxuti. Dan jikkawża tħassib dwar il-valur, il-kwalità, ir-rikonoxximent, it-trasparenza u l-“portabbiltà” tagħhom (portabbiltà bejn u fi ħdan is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-portabbiltà fis-suq tax-xogħol u l-portabbiltà bejn pajjiżi differenti) 9 . Dan jillimita l-fiduċja, il-fehim, u l-aċċettazzjoni u l-adozzjoni usa’ li min-naħa tagħhom jillimitaw il-potenzjal tal-mikrokredenzjali sabiex jappoġġaw l-apprendiment flessibbli u l-perkorsi tal-karriera.

    Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw ukoll bħala parti minn miżuri mmirati sabiex jappoġġaw l-inklużjoni u jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ u għall-opportunitajiet ta’ karriera għal firxa usa’ ta’ studenti. Din il-firxa usa’ ta’ studenti tinkludi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli (bħal persuni b’diżabilità, anzjani, persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki/ħiliet, minoranzi, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, refuġjati u persuni b’anqas opportunitajiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u/jew is-sitwazzjoni soċjoekonomika żvantaġġjata tagħhom). Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw ukoll b’modi mmirati sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fi ħdan is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-swieq tax-xogħol, inklużi l-isterjotipi marbuta mal-ġeneru u sterjotipi diskriminatorji oħrajn (eż. dwar l-għażliet ta’ studju u fi ħdan il-prattiki u l-materjali tal-edukazzjoni), sabiex jiġu appoġġati tranżizzjonijiet bla xkiel mill-iskola għax-xogħol.

    Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta:

    B’mod ġenerali, il-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji 1 u 4 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali billi twessa’ l-opportunitajiet ta’ apprendiment għal kulħadd u tiffaċilita perkorsi ta’ apprendiment aktar flessibbli tul il-ħajja, kif ukoll tappoġġa d-dritt għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta sabiex jittejbu l-prospetti ta’ impjieg jew ta’ impjieg indipendenti, inkluż id-dritt li persuna tirċievi appoġġ għat-taħriġ u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid.

    B’mod speċifiku, il-proposta għandha l-għan li:

    ·tippermetti lin-nies jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu sabiex jirnexxu f’suq tax-xogħol u f’soċjetà li qegħdin jinbidlu, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ kemm minn irkupru soċjalment ġust mill-COVID-19 kif ukoll minn tranżizzjonijiet ġusti għall-ekonomija ekoloġika u diġitali;

    ·tappoġġa t-tħejjija tal-fornituri tal-mikrokredenzjali sabiex tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-offerta ta’ apprendiment sabiex in-nies jingħataw is-setgħa li jsawru apprendiment personalizzat u perkorsi tal-karriera;

    ·trawwem l-inklużività u l-opportunitajiet indaqs, filwaqt li tikkontribwixxi għall-kisba tar-reżiljenza, tal-ġustizzja soċjali u tal-prosperità għal kulħadd, f’kuntest ta’ bidla demografika u matul il-fażijiet kollha taċ-ċikli ekonomiċi.

    Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistabbilixxi approċċ Ewropew li jirrakkomanda lill-Istati Membri:

    ·japplikaw definizzjoni komuni tal-UE, standards u prinċipji ewlenin għat-tfassil, il-ħruġ u l-portabbiltà tal-mikrokredenzjali;

    ·jiżviluppaw l-ekosistema għall-mikrokredenzjali;

    ·jwettqu l-potenzjal tal-mikrokredenzjali sabiex jiġu appoġġati l-apprendiment tul il-ħajja u l-impjegabbiltà.

    L-għan huwa li l-mikrokredenzjali jiġu żviluppati, użati u mqabbla b’mod koerenti fost l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati, u l-fornituri differenti (minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal kumpaniji privati) f’setturi, f'oqsma u f'pajjiżi differenti.

    Il-proposta għandha l-għan li tappoġġa l-ħidma li għaddejja dwar il-mikrokredenzjali mill-Istati Membri, mill-partijiet ikkonċernati u minn gruppi diversi ta’ fornituri fl-UE. Il-proposta toffri riżorsi u gwida ewlenin għal dawk il-fornituri, u għal oħrajn interessati fl-esplorazzjoni tal-mikrokredenzjali. Dawn ir-riżorsi u gwida ewlenin se jappoġġaw il-valur, il-kwalità, ir-rikonoxximent, it-trasparenza, il-portabbiltà u l-adozzjoni tal-mikrokredenzjali b’mod konsistenti u koerenti. Għalhekk dawn se jikkontribwixxu għal kultura ta’ apprendiment tul il-ħajja u se jżidu l-impjegabbiltà tan-nies.

    Il-proposta tħares bis-sħiħ id-diversità u l-flessibbiltà tal-mikrokredenzjali. Għal din ir-raġuni, il-proposta ma tissuġġerixxix li jinħolqu sistemi jew tipi ġodda ta’ mikrokredenzjali. Hija tfittex li tappoġġa t-tħejjija tal-Istati Membri u tal-fornituri sabiex: (i) jiksbu l-potenzjal tal-mikrokredenzjali sabiex itejbu l-apprendiment tul il-ħajja u (ii) jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod eżistenti għall-iżvilupp tal-mikrokredenzjali.

    Il-proposta ma għandhiex l-għan li tissostitwixxi l-proċessi nazzjonali eżistenti fl-organizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi, jew is-swieq tax-xogħol. Il-mikrokredenzjali jikkomplementawhom. Barra minn hekk, il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tibni fuq (u, fejn meħtieġ, tirrakkomanda l-adattament ta’) ir-regoli eżistenti dwar il-proċessi amministrattivi u l-mekkaniżmi ta’ governanza fil-livelli nazzjonali u istituzzjonali (eż. f’termini ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta' proċessi ta’ rikonoxximent).

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta hija allinjata ma’ inizjattivi oħrajn tal-Unjoni li jindirizzaw l-apprendiment tul il-ħajja u l-impjegabbiltà u tikkomplementahom.

    B’segwitu għall-Komunikazzjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 10 , għall-aġenda Ewropea għall-Ħiliet 11 u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 12 , adottat fl-4 ta’ Marzu 2021. Dan il-pjan ta’ azzjoni jirreferi għall-mikrokredenzjali bħala strument innovattiv li jista’ “jiffaċilita perkorsi ta’ apprendiment flessibbli u jappoġġa lill-ħaddiema fl-impjieg tagħhom jew matul tranżizzjonijiet professjonali”. Il-mikrokredenzjali se jaqdu wkoll ir-rwol ewlieni li jgħinu sabiex tintlaħaq il-mira tal-2030 li 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena. Din hija waħda mit-tliet miri ewlenin tal-UE li ntlaqgħu mill-mexxejja tal-UE fis-Summit Soċjali ta’ Porto 13 fid-Dikjarazzjoni ta’ Porto 14 tat-8 ta’ Mejju 2021 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew 15 tal-25 ta’ Ġunju 2021.

    Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali se tiġi adottata simultanjament mal-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kontijiet Individwali tal-Apprendiment. L-objettiv taż-żewġ azzjonijiet huwa li l-individwi jingħataw is-setgħa li jiżviluppaw il-ħiliet u jirċievu rikonoxximent tagħhom matul ħajjithom kollha.

    Il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni “Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19” (ir-Rakkomandazzjoni “EASE”) 16 . Din ir-Rakkomandazzjoni fittxet li tiffaċilita t-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor u rkupru mill-COVID-19 rikk fl-impjiegi, b’mod partikolari billi tappoġġa l-opportunitajiet għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet. F’dan il-kuntest, korsijiet qosra ta’ taħriġ, b’mod partikolari dawk ċertifikati bil-mikrokredenzjali, jista’ jkollhom rwol importanti fiż-żieda tal-impjegabbiltà tal-ħaddiema.

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Frar 2021 dwar “qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030)” 17 , il-Kunsill jappella għal:

    “it-tisħiħ tar-rwol ewlieni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja u tal-VET fl-appoġġ tat-tagħlim tul il-ħajja u fl-ilħuq ta’ korp tal-istudenti aktar divers. L-esplorazzjoni tal-kunċett u l-użu tal-mikrokredenzjali tista’ tgħin biex jitwessgħu l-opportunitajiet ta’ tagħlim u tista’ ssaħħaħ ir-rwol tal-edukazzjoni għolja u l-VET fit-tagħlim tul il-ħajja billi tipprovdi opportunitajiet ta’ tagħlim aktar flessibbli u modulari, u toffri mogħdijiet ta’ tagħlim aktar inklużivi”.

    Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tiegħu dwar l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi promoss is-suċċess edukattiv għal kulħadd 18 , il-Kunsill jistieden lill-Istati Membri:

    “jinkoraġġixxu l-għoti ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim għall-istudenti kollha biex jinvolvu ruħhom f’perkorsi flessibbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, inkluż permezz tal-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti, inkluż f’kuntesti mhux formali u informali u approċċi flessibbli, inkluż billi jiġi esplorat il-kunċett u l-użu ta’ Approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, filwaqt li ma jiddgħajjifx il-prinċipju ewlieni ta’ programmi ta’ lawrji sħaħ fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali”.

    Jenfasizza wkoll li “l-edukazzjoni għolja […] tista’ tinvolvi wkoll aktar lill-adulti, tippromwovi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, u taqdi rwol fit-tagħlim tul il-ħajja permezz ta’ alternattivi flessibbli għal programmi sħaħ, billi tesplora l-kunċett u l-użu ta’ Approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali”.

    Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-universitajiet Ewropej 19 , il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri “jesploraw b’mod konġunt il-passi meħtieġa biex jiffaċilitaw l-ittestjar tal-użu tal-mikrokredenzjali fl-edukazzjoni għolja sabiex jgħinu jwessgħu l-opportunitajiet ta’ apprendiment u biex isaħħu r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-apprendiment tul il-ħajja”.

    Adottata fl-24 ta’ Novembru 2020, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza 20 titlob lill-Kummissjoni “tesplora l-kunċett u l-użu tal-mikrokredenzjali, inkluż fil-VET, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż fil-kuntest tal-Grupp Konsultattiv tal-QEK, kif propost fl-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet”.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta hija f'konformità mal-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 21 .

    L-Artikolu 165(1) tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha “tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”. L-Artikolu 165(2) tat-TFUE jispeċifika wkoll li l-azzjoni tal-Unjoni fl-edukazzjoni se tkun immirata, parzjalment lejn “l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju”.

    L-Artikolu 166(1) tat-TFUE jgħid li l-Unjoni għandha “timplimenta politika ta’ formazzjoni vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tal-formazzjoni vokazzjonali”.

    L-Artikolu 149 flimkien mal-Artikolu 292 tat-TFUE jistabbilixxi l-bażi ġuridika għal strateġija koordinata dwar l-impjiegi u għall-promozzjoni ta’ ħaddiema kwalifikati, imħarrġa u flessibbli. L-Artikolu 149 jipprevedi l-adozzjoni ta’ “miżuri ta’ inċentiva li jkunu mmirati sabiex jinkoraġġixxu l-koperazzjoni bejn Stati Membri u sabiex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-impjiegi permezz ta’ inizjattivi li jkollhom l-għan li jkun żviluppat l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiċi, li tkun ipprovduta l-analiżi kumparattiva u pariri kif ukoll li ssir promozzjoni ta’ atteġġjamenti innovattivi u l-valutazzjoni tal-esperjenzi, partikolarment billi wieħed jirrikorri għall-proġetti pilota”.

    Din il-proposta tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tagħhom stess (inkluż il-kontenut tat-tagħlim, u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom) u l-organizzazzjoni tas-swieq tal-impjiegi u tax-xogħol. Din il-proposta tirrifletti r-rwol supplimentari u ta’ appoġġ tal-UE, u n-natura volontarja tal-kooperazzjoni Ewropea f’dawn is-sistemi. L-inizjattiva tħares bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Unjoni.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Din il-proposta tfittex li tappoġġa u ttejjeb l-esplorazzjoni u l-iżvilupp kontinwi tal-mikrokredenzjali fl-Istati Membri, b’rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif previst fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), billi tħalli d-deċiżjonijiet fuq skala u forma ta’ implimentazzjoni lill-Istati Membri.

    L-Istati Membri huma kompletament u primarjament responsabbli għall-kontenut tat-tagħlim u għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol tagħhom. Madankollu, il-mikrokredenzjali jvarjaw ħafna bejn il-fruntieri nazzjonali u settorjali b’approċċi differenti għad-definizzjoni, għall-format u għal karatteristiċi oħrajn tagħhom. Approċċi komuni għall-iżvilupp u għall-użu tal-mikrokredenzjali fil-livell tal-UE jistgħu jappoġġaw u jtejbu l-isforzi nazzjonali. Dawn l-approċċi komuni jistgħu wkoll jibnu fiduċja fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati. Għalhekk huwa importanti li dawn l-approċċi komuni jiġu miftiehma, u b’hekk tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ definizzjonijiet u standards għall-mikrokredenzjali li jkunu jxekklu l-kwalità, it-trasparenza, il-komparabbiltà transfruntiera, ir-rikonoxximent u l-portabbiltà tagħhom fis-suq uniku tal-UE.

    Inizjattiva tal-UE f’dan il-qasam hija ġġustifikata wkoll sabiex tippermetti konverġenza soċjoekonomika f’livelli ogħla fl-unjoni ekonomika u monetarja kollha u fl-UE b’mod usa’. Minħabba li d-domanda għall-ħiliet tinbidel malajr fi ħdan u bejn is-setturi, xi wħud minnhom jiġu affettwati b’mod sinifikanti mit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, iż-żieda fl-aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ tista’ ttejjeb ukoll ir-reżiljenza tas-swieq tax-xogħol għal xokkijiet bħal dak ikkawżat mill-COVID-19.

    Proporzjonalità

    Din il-proposta hija f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 5(4) tat-TUE.

    La l-kontenut u lanqas il-forma ta’ din ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta ma jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha. L-azzjonijiet proposti huma proporzjonali għall-objettivi segwiti minħabba li jirrispettaw il-prattiki tal-Istati Membri u d-diversità tas-sistemi nazzjonali. Barra minn hekk, kwalunkwe impenn mill-Istati Membri huwa ta’ natura volontarja u kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddeċiedi liema approċċ għandu jieħu. Il-proposta tappoġġa l-esplorazzjoni tal-mikrokredenzjali li diġà għaddejjin f’għadd ta’ Stati Membri. Il-proposta takkomoda approċċ differenzjat li jirrifletti s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali differenti tal-Istati Membri u s-sistemi differenti tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol tagħhom.

    Għażla tal-istrument

    Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq, it-TFUE, b’mod partikolari l-Artikoli 165(4), 166(4), 149 flimkien mal-Artikolu 292 tagħha, jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ rakkomandazzjonijiet, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija strument xieraq fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-impjiegi u tas-swieq tax-xogħol, fejn l-UE għandha responsabbiltà ta’ appoġġ. Hija strument li ta’ spiss intuża għal azzjoni tal-UE f’dawn l-oqsma. Bħala strument legali, rakkomandazzjoni tal-Kunsill tindika l-impenn tal-Istati Membri għall-miżuri inklużi u tipprovdi bażi politika b’saħħitha għall-kooperazzjoni f’dawn l-oqsma, filwaqt li tħares bis-sħiħ l-awtorità tal-Istati Membri.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-Kummissjoni Ewropea wettqet eżerċizzju estensiv ta’ konsultazzjoni matul l-2020 u l-2021 sabiex tiġbor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati. Wara l-ġbir ta’ feedback inizjali mill-esperti fil-qasam, fl-2020 u fl-2021 saru 53 avveniment ta’ konsultazzjoni mmirati sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati interessati kollha u tal-membri tal-pubbliku.

    Fażi importanti f’dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni kienet il-konsultazzjoni pubblika miftuħa minn April sa Lulju tal-2021, li rċeviet aktar minn 500 kontribuzzjoni minn 43 pajjiż, u aktar minn 90 dokument ta’ pożizzjoni.

    Matul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tivvaluta l-isforzi nazzjonali u tal-UE sabiex jiġu żviluppati l-mikrokredenzjali.

    B’mod ġenerali, fil-kategoriji kollha tal-partijiet ikkonċernati kien hemm ftehim ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali. Madankollu, dehru interessi u perspettivi kunfliġġenti fir-rigward ta’ varjetà ta’ aspetti bħal: (i) id-definizzjoni operattiva tal-mikrokredenzjali; (ii) l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-flessibbiltà; u (iii) ir-rwol tal-mikrokredenzjali.

    Id-definizzjoni tal-mikrokredenzjali li l-Kummissjoni ppreżentat għall-konsultazzjoni kienet appoġġata minn maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati. Xi suġġerimenti kienu jinkludu referenza għall-mikrokredenzjali bħala “volumi żgħar ta’ apprendiment” minflok “esperjenzi qosra ta’ apprendiment” sabiex id-definizzjoni tkun libera minn kwalunkwe rabta ma’ perjodu ta’ żmien. Il-komponent standard propost għad-deskrizzjoni ta’ mikrokredenzjal ġie wkoll riċevut tajjeb mill-biċċa l-kbira tar-rispondenti, li qiesu kull standard propost bħala wieħed essenzjali jew rakkomandat.

    Il-partijiet ikkonċernati qiesu li l-proposta ta’ approċċ koerenti għall-mikrokredenzjali fil-livell tal-UE kienet ir-rwol primarju tal-Unjoni f’dan il-kuntest. Il-partijiet ikkonċernati qiesu wkoll li huwa partikolarment xieraq għall-UE li tiżgura proċessi ta’ rikonoxximent ġusti u trasparenti u li tipprovdi definizzjoni ċara tal-mikrokredenzjali.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Il-proposta hija bbażata fuq firxa wiesgħa ta’ rapporti u ta' studji dwar it-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet. Il-proposta tqis ukoll l-impatt tal-COVID-19 u tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjegabbiltà. Ġie pprovdut kontribut speċifiku għal din l-inizjattiva minn: (i) l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi; (ii) iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali; (iii) il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ; (iv) proġetti rilevanti tal-Erasmus+; (v) rapport imħejji min-Network ta’ Esperti li jaħdmu fuq id-dimensjoni Soċjali tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ (NESET) u (vi) rapport ta’ grupp ta’ konsultazzjoni dwar ir-rwol tal-mikrokredenzjali fl-edukazzjoni għolja. Din l-informazzjoni hija inkluża fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt minħabba: (i) li l-attivitajiet jikkomplementaw l-inizjattivi tal-Istati Membri; (ii) in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti; u (iii) l-ambitu tal-impatti mistennija. L-iżvilupp tal-proposta ġie informat bi studji dedikati, konsultazzjoni mal-Istati Membri, konsultazzjoni pubblika u ħafna konsultazzjonijiet dedikati mal-partijiet ikkonċernati.

    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah jiddeskrivi firxa wiesgħa ta’ evidenza ta’ riċerka riċenti flimkien ma’ opinjonijiet u esperjenzi tal-partijiet ikkonċernati Ewropej sabiex jappoġġaw ir-rakkomandazzjoni proposta. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal jipprovdi wkoll eżempji ta’ politiki u proġetti eżistenti f’dan il-qasam li qiegħed jiżviluppa malajr.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Drittijiet fundamentali

    Din ir-rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill tħares id-drittijiet fundamentali. Hija tippromwovi l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 22 , jiġifieri d-dritt għall-edukazzjoni, id-dritt għal aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa (l-Artikolu 14), u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8).

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din l-inizjattiva ma hijiex se teħtieġ riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, materjal ta’ gwida speċifiku, manwali u riżultati konkreti oħrajn. Dan se jkun ibbażat fuq evidenza, attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari u prattika tajba identifikata. Se jiġi rrakkomandat lill-Istati Membri li jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti fir-rakkomandazzjoni mill-aktar fis possibbli u li jippreżentaw pjan li jistabbilixxi l-miżuri korrispondenti li se jieħdu fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni beħsiebha tirrapporta dwar l-użu tar-rakkomandazzjoni permezz ta’ oqfsa rilevanti ta’ monitoraġġ u rapportar tal-Unjoni.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Ir-rakkomandazzjoni tipproponi gwida u azzjonijiet li jistgħu jiġu segwiti mill-Istati Membri sabiex itejbu l-kwalità, it-trasparenza u l-adozzjoni ta’ esperjenzi żgħar ta’ apprendiment li jwasslu għall-mikrokredenzjali. Il-proposta tiddeskrivi sett ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, skont il-prijoritajiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-proposta tistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tappoġġa lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari billi tiffaċilita l-kooperazzjoni u tiżviluppa gwida u għodod prattiċi sabiex tappoġġa l-iżvilupp u l-użu tal-mikrokredenzjali. Ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi wkoll l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tikkomplementa u tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

    Il-punti 1 sa 2 jirrakkomandaw li l-Istati Membri jadottaw approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali sabiex: (i) iwessgħu l-opportunitajiet ta’ apprendiment għan-nies; (ii) jappoġġaw it-tħejjija tal-fornituri tal-mikrokredenzjali; u (iii) jrawmu l-inklużività u l-opportunitajiet indaqs. Il-mikrokredenzjali se jgħinu wkoll sabiex tintlaħaq il-mira li 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena, kif stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u li ntlaqgħet tajjeb mill-mexxejja tal-UE.

    Il-punti 3 sa 4 jagħmluha ċara li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta huwa li jiġi stabbilit approċċ Ewropew komuni sabiex jiġu pprovduti l-mikrokredenzjali. Dan l-approċċ komuni se jinvolvi definizzjoni ta’ mikrokredenzjali u gwida dwar kif għandhom jitfasslu, jinħarġu u jiġu deskritti l-mikrokredenzjali.

    Il-punt 5 jinkludi definizzjonijiet għall-finijiet tar-rakkomandazzjoni.

    Il-punt 6 jirrakkomanda li l-Istati Membri jadottaw elementi “standard tal-Unjoni” sabiex jiddeskrivu mikrokredenzjal u prinċipji tal-Unjoni għad-disinn u l-ħruġ ta’ mikrokredenzjali kif stabbilit fl-Annessi I u II.

    Il-punti 7 sa 10 jistabbilixxu azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ “ekosistemi għall-mikrokredenzjali” fi ħdan sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, swieq tax-xogħol u soċjetà li qegħdin jevolvu.

    Il-punti 11 sa 15 jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar l-użi tal-mikrokredenzjali fi ħdan is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-politiki tal-ħiliet u tal-impjiegi u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ studenti, ta' ħaddiema, ta' persuni li qegħdin ifittxu impjieg u ta' oħrajn sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ kemm minn irkupru soċjalment ġust mill-COVID-19 kif ukoll mit-tranżizzjonijiet ġusti għall-ekonomija ekoloġika u diġitali.

    Barra minn hekk, il-proposta tissuġġerixxi l-promozzjoni tal-użu tal-mikrokredenzjali sabiex jiġu megħjuna ċerti gruppi fil-mira sabiex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari r-riċevituri ta’ introjtu minimu, il-persuni qiegħda fit-tul; u dawk b’livell baxx ta’ kwalifiki. Tissuġġerixxi wkoll il-promozzjoni tal-użu tal-mikrokredenzjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema tal-pjattaformi li possibbilment ma jkunux jistgħu jaċċessaw l-edukazzjoni u t-taħriġ tradizzjonali, iżda li jeħtieġu appoġġ immirat sabiex javvanzaw fil-karrieri tagħhom. Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġu rikonoxxuti l-eżiti tat-taħriġ obbligatorju jew meħtieġ għal ċerti impjiegi u professjonijiet, eż. l-ewwel għajnuna, l-immaniġġjar manwali, u t-tħaddim ta’ makkinarju għal impjiegi u professjonijiet speċifiċi 23 .

    Il-punti 16 sa 19 jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġa l-iżvilupp u l-użu tal-mikrokredenzjali billi: (i) jiżviluppaw u jadattaw l-għodod u s-servizzi tal-UE; (ii) jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati; (iii) jiżviluppaw il-pjattaforma tal-Europass; u (iv) jappoġġaw aktar riċerka dwar l-adozzjoni tal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali.

    L-implimentazzjoni se tintrifed minn għodod eżistenti tal-UE li jappoġġaw il-ħtiġijiet tal-individwi u tal-organizzazzjonijiet, inklużi l-Europass u l-kredenzjali diġitali tal-Europass għall-apprendiment sabiex jiġu appoġġati l-portabbiltà u l-awtentiċità tal-mikrokredenzjali. L-implimentazzjoni se tintrifed ukoll mill--inizjattiva tal-Karta Ewropea tal-Istudenti li se tippermetti lill-istudenti jaqsmu r-riżultati tal-mikrokredenzjali b'mod elettroniku u sigur ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Fl-aħħar nett, il-programmi u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE se jgħinu sabiex jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ esperjenzi qosra ta’ apprendiment li jwasslu għall-mikrokredenzjali.

    Il-punti 20 sa 22 jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ rapportar għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni.

    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah jiddeskrivi firxa wiesgħa ta’ evidenza ta’ riċerka riċenti flimkien ma’ opinjonijiet u esperjenzi tal-partijiet ikkonċernati Ewropej sabiex jappoġġaw ir-rakkomandazzjoni proposta. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal jipprovdi wkoll eżempji ta’ politiki u proġetti eżistenti f’dan il-qasam li qiegħed jiżviluppa malajr.

    2021/0402 (NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 149 u 292, 165 u 166 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Fl-Ewropa hemm għadd dejjem akbar ta’ nies li jridu jaġġornaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-edukazzjoni formali tagħhom u l-ħtiġijiet ta’ soċjetà u s-suq tax-xogħol li qegħdin jinbidlu b’rata mgħaġġla. L-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u t-tranżizzjonijiet ekoloġiki u diġitali ħaffew il-pass tal-bidla fil-mod kif ngħixu, nitgħallmu u naħdmu. Il-pandemija għamlet ħsara lill-prospetti tal-karriera kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-adulti. Żiedet ukoll il-qgħad u għamlet ħsara lill-benesseri fiżiku, mentali u emozzjonali ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ persuni fl-Ewropa.

    (2)Waħda mill-isfidi ewlenin li qegħdin jiffaċċjaw in-negozji u l-impjegaturi Ewropej hija provvista insuffiċjenti tal-ħiliet it-tajba fis-suq tax-xogħol tal-UE. Fl-istess waqt, il-ħaddiema jiffaċċjaw bidliet mingħajr preċedent fil-mod kif jiġi organizzat ix-xogħol. Barra minn hekk, il-profili tal-kompiti u r-rekwiżiti tal-ħiliet qegħdin jinbidlu b’mod fundamentali minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Kif deskritt fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi 24 , l-Istati Membri “jenħtieġ li jippermettu lil kulħadd jantiċipa aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jadatta għalihom, b’mod partikolari permezz ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid kontinwi”. Dan huwa essenzjali għall-ħaddiema sabiex jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-impjieg attwali tagħhom jew għat-tranżizzjoni għal impjiegi ġodda u setturi li qegħdin jespandu, bħas-setturi ekoloġiċi u diġitali, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tixjiħ demografiku.

    (3)In-nies iridu aċċess għal tagħlim u apprendiment ta’ kwalità pprovduti b’modi u f’ambjenti differenti, sabiex jiżviluppaw il-kompetenzi personali, soċjali, kulturali u professjonali tagħhom. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ġew mitluba jsiru aktar flessibbli u jsibu soluzzjonijiet sabiex iwasslu apprendiment aktar iċċentrat fuq l-istudent, aċċessibbli u inklużiv għal firxa usa’ ta’ profili. Il-fornituri mhux formali tal-edukazzjoni u t-taħriġ qegħdin jindirizzaw ukoll din il-ħtieġa billi jipprovdu opportunitajiet ġodda u innovattivi għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet.

    (4)Kultura effettiva ta’ apprendiment tul il-ħajja hija kruċjali sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikollu l-ħiliet li jeħtieġ sabiex jirnexxi fis-soċjetà, fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja personali tiegħu. Huwa essenzjali li n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw edukazzjoni u taħriġ rilevanti u ta’ kwalità, titjib u tiġdid tal-ħiliet matul ħajjithom. L-opportunitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja għandhom ikunu parti mill-istrateġija fit-tul tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex itejbu r-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet tal-impjegaturi u tal-istudenti li jinbidlu b’rata mgħaġġla. Dan se jippermetti lil korp aktar divers ta’ studenti (inklużi l-gradwati ta’ dawn l-istituzzjonijiet u studenti adulti oħrajn) itejbu u jġeddu l-ħiliet. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-istituzzjonijiet tal-VET, u fornituri oħrajn ta’ mikrokredenzjali jridu jikkooperaw sabiex japplikaw malajr l-aħħar sejbiet tar-riċerka fit-tfassil u fl-aġġornament tal-opportunitajiet ta’ apprendiment.

    (5)Il-mikrokredenzjali jistgħu jgħinu sabiex jiġu ċċertifikati l-eżiti ta’ dawn l-esperjenzi żgħar ta’ apprendiment imfassla apposta. Dawn jagħmlu possibbli l-kisba mmirata u flessibbli tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi sabiex jiġu ssodisfati ħtiġijiet ġodda u emerġenti fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, filwaqt li ma jiġux sostitwiti l-kwalifiki tradizzjonali. Il-mikrokredenzjali jistgħu jitfasslu u jiġu pprovduti minn varjetà ta’ fornituri f’ambjenti ta’ apprendiment differenti (kemm jekk dawn l-ambjenti jkunu formali, mhux formali jew informali).

    (6)Minkejja l-użu dejjem usa’ tagħhom, ma hemm l-ebda definizzjoni jew standard komuni għall-mikrokredenzjali fl-Ewropa. Dan jillimita l-fehim u l-adozzjoni tal-mikrokredenzjali, u b’hekk jimmina l-potenzjal tal-mikrokredenzjali li jiffaċilitaw apprendiment u perkorsi tal-karriera flessibbli.

    (7)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 25 jiddikjara bħala l-ewwel prinċipju tiegħu li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jikseb ħiliet li jippermettu parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u tranżizzjonijiet b’suċċess fis-suq tax-xogħol, madwar l-Unjoni Ewropea. Ir-raba’ prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta sabiex itejjeb il-prospetti tal-impjieg jew tal-impjieg indipendenti. Dan id-dritt għall-assistenza jinkludi d-dritt li jingħata appoġġ għat-taħriġ u għall-kwalifikazzjoni mill-ġdid. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirreferi għall-mikrokredenzjali bħala strument innovattiv li “jista’ jiffaċilita perkorsi ta’ apprendiment flessibbli u jappoġġa lill-ħaddiema fuq l-impjieg tagħhom jew matul tranżizzjonijiet professjonali”. Il-mikrokredenzjali jista’ jkollhom rwol fit-twettiq tal-miri ewlenin tal-UE li għandhom jintlaħqu sal-2030, inkluża mira li 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena u rata ta’ impjieg ta’ mill-anqas 78 %. Dawn iż-żewġ miri ntlaqgħu tajjeb mill-mexxejja tal-UE, mis-sħab soċjali u mis-soċjetà ċivili, fis-Summit Soċjali ta’ Porto u mbagħad mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Ġunju 2021 26 .

    (8)B’mod parallel mal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar “Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19” (ir-Rakkomandazzjoni “EASE”) 27 . Din ir-Rakkomandazzjoni toffri gwida politika konkreta lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw pakketti ta’ politika koerenti sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor u jrawmu rkupru mill-COVID-19 rikk fl-impjiegi . Il-gwida ta’ politika tkopri opportunitajiet għat-titjib u għat-tiġdid tal-ħiliet u miżuri ta’ appoġġ.

    (9)L-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet 28 , fost it-12-il azzjoni ewlenija tagħha, ħabbret inizjattiva ġdida dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali. Din l-inizjattiva ġdida għandha l-għan li tappoġġa l-kwalità, it-trasparenza u l-adozzjoni tal-mikrokredenzjali fl-UE. L-aġenda għall-ħiliet ħabbret ukoll inizjattiva dwar kontijiet individwali tal-apprendiment sabiex tgħin fit-tnaqqis ta’ distakki eżistenti fl-aċċess għat-taħriġ għall-adulti fl-età tax-xogħol u tippermetti lin-nies jimmaniġġjaw b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw bħala parti mit-taħriġ magħmul disponibbli għan-nies sabiex isostnu t-tħaddim ta’ dawn il-kontijiet individwali tal-apprendiment.

    (10)Il-Komunikazzjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 29 ħabbret li l-Kummissjoni se taħdem lejn l-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, biex tgħin twessa’ l-opportunitajiet ta’ tagħlim u ssaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fit-tagħlim tul il-ħajja.

    (11)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza titlob lill-Kummissjoni sabiex “tesplora l-kunċett u l-użu tal-mikrokredenzjali”.

    (12)Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej - Inqarrbu l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-soċjetà: inwittu t-triq għal dimensjoni ġdida fl-edukazzjoni għolja Ewropea 30 jisħqu li “l-mikrokredenzjali jistgħu jgħinu jwessgħu l-opportunitajiet ta’ apprendiment biex jakkomodaw studenti mhux tradizzjonali u d-domanda għal ħiliet ġodda fis-suq tax-xogħol; jagħmlu l-esperjenza ta’ apprendiment aktar flessibbli u modulari; jappoġġaw l-aċċess għall-edukazzjoni għolja; u jinvolvu lill-istudenti, irrispettivament mill-kwalifiki preċedenti jew mill-kuntest tagħhom, filwaqt li jippromwovu opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet u jiżguraw edukazzjoni ta’ kwalità”.

    (13)Il-Ministri għall-Edukazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja impenjaw ruħhom fil-Komunikat ta’ Ruma dwar il-proċess intergovernattiv ta’ Bolonja 31 sabiex jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tagħhom: (i) jiddiversifikaw l-offerta ta’ apprendiment tagħhom; u (ii) jinnovaw fil-kontenut edukattiv u l-modi ta’ provvediment. Minbarra l-programmi ta’ lawrja sħiħa, ħafna istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja joffru jew qegħdin jippjanaw li joffru unitajiet iżgħar ta’ apprendiment. Dawn l-unitajiet iżgħar se jippermettu lill-istudenti jiżviluppaw jew jaġġornaw il-ħiliet u l-kompetenzi kulturali, professjonali u trasversali tagħhom f’diversi stadji f’ħajjithom. Il-kooperazzjoni fi ħdan il-proċess ta’ Bolonja se tesplora kif dawn l-unitajiet iżgħar u flessibbli ta’ apprendiment - inklużi dawk li jwasslu għall-mikrokredenzjali - jistgħu jiġu definiti, żviluppati, implimentati u rikonoxxuti bl-użu ta’ għodod komuni u sa liema punt.

    (14)Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jipprevedu l-ħtiġijiet, l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet individwali differenti tal-istudenti kollha. Għandhom joffru wkoll opportunitajiet ta’ apprendiment lil kulħadd, inkluż f’ambjenti mhux formali u informali kif enfasizzat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ 32 . Il-mikrokredenzjali mfassla tajjeb jistgħu jintużaw bħala parti minn miżuri mmirati sabiex jappoġġaw l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal firxa usa’ ta’ studenti. Din il-firxa usa’ ta’ studenti tinkludi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli (bħal persuni b’diżabilità, anzjani, persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki/ħiliet, minoranzi, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, refuġjati u persuni b’anqas opportunitajiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u/jew is-sitwazzjoni soċjoekonomika żvantaġġjata tagħhom). Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġi evitat it-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ u sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol. It-tkabbir mistenni fl-għadd ta’ refuġjati u applikanti għall-ażil se jirrikjedi l-iżvilupp ta’ strateġiji sabiex dawn il-gruppi jiġu integrati b’mod effettiv fis-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tax-xogħol. Il-gwida u l-apprendiment reċiproku fl-UE fit-tfassil tal-mikrokredenzjali jistgħu jrawmu l-inklużjoni u jiżguraw li l-istudenti mill-gruppi kollha tas-soċjetà jkunu jistgħu jaċċessaw il-benefiċċji tagħhom.

    (15)Il-mikrokredenzjali jistgħu jappoġġaw ukoll l-iżvilupp professjonali u l-mobbiltà ta’ persuni f’forom ta’ xogħol mhux standard, bħal dawk fl-ekonomija tal-pjattaformi 33 . Il-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi ftit li xejn għandhom aċċess għal taħriġ minħabba l-istatus tagħhom ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

    (16)Il-mikrokredenzjali jista’ jkollhom rwol attiv fit-twettiq ta’ inizjattivi ta’ politika tal-UE sabiex jippromwovu t-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika. Il-mikrokredenzjali jistgħu: (i) isostnu l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 34 aġġornat sabiex jgħinu fl-għoti ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment flessibbli u aċċessibbli għall-ħiliet diġitali; u (ii) jilħqu l-miri tal-pjan “Kumpass Diġitali 2030” tal-Kummissjoni sabiex sal-2030 tiġi żviluppata popolazzjoni b’ħiliet diġitali kif ukoll professjonisti diġitali b’ħiliet għolja fl-Ewropa. Il-mikrokredenzjali jista’ jaqdu wkoll rwol fit-twettiq tal-“Patt Ekoloġiku Ewropew” 35 li huwa l-istrateġija ta’ tkabbir tal-Ewropa li għandu l-għan li jittrasforma l-ekonomija u s-soċjetà tagħha u jpoġġihom fi triq aktar sostenibbli.

    (17)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) għall-Apprendiment Tul il-Ħajja 36 tipprovdi qafas ta’ referenza komuni sabiex jgħin lin-nies u lill-organizzazzjonijiet iqabblu kemm is-sistemi ta’ kwalifiki differenti kif ukoll il-livelli ta’ kwalifiki minn dawk is-sistemi. Bħala qafas Ewropew ta’ Referenza, il-QEK huwa miftuħ għat-tipi u għal-livelli kollha ta’ kwalifiki. Il-QEK huwa miftuħ ukoll għall-mikrokredenzjali li huma inklużi fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki.

    (18)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali 37 stiednet lill-Istati Membri jistabbilixxu sal-2018 - skont iċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u kif iqisu xieraq - arranġamenti sabiex jivvalidaw it-tagħlim mhux formali u informali. Dawn l-arranġamenti għall-validazzjoni jfissru li n-nies jista’ jkollhom l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi, li jkunu kisbu permezz ta’ apprendiment mhux formali u informali vvalidati. Dawn l-arranġamenti għall-validazzjoni jippermettu wkoll lin-nies jiksbu kwalifika sħiħa - jew, fejn applikabbli, kwalifika parzjali. L-evalwazzjoni tal-2020 tar-Rakkomandazzjoni 38 talbet għal aktar żvilupp tar-rabtiet bejn il-validazzjoni u l-mikrokredenzjali.

    (19)Id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) 39 tistabbilixxi l-bażi għall-għoti ta’ għodod online għan-nies sabiex jimmaniġġjaw il-karriera u l-apprendiment tul il-ħajja tagħhom b’servizzi ta’ awtentikazzjoni għall-kredenzjali li jagħmlu l-mikrokredenzjali portabbli.

    (20)Ir-rilevanza, l-iżvilupp u l-aġġornament tal-mikrokredenzjali jiddependu fuq: (i) il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ; u (ii) djalogu soċjali settorjali u transindustrijali (dan id-djalogu soċjali għandu jinvolvi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lill-impjegaturi kemm mis-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku; intrapriżi żgħar u medji (SMEs); u persunal professjonali u maniġerjali).

    (21)Din ir-Rakkomandazzjoni tħares bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    Objettivi

    1.L-Istati Membri huma rrakkomandati jadottaw approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali bl-objettiv li:

    (a)l-individwi jkunu permessi jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu sabiex jirnexxu f’suq tax-xogħol u f’soċjetà li qegħdin jevolvu, sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ minn irkupru soċjalment ġust u minn tranżizzjonijiet ġusti għall-ekonomija ekoloġika u diġitali;

    (b)tiġi appoġġata t-tħejjija tal-fornituri tal-mikrokredenzjali sabiex itejbu t-trasparenza u l-flessibbiltà tal-offerta ta’ apprendiment sabiex l-individwi jingħataw is-setgħa li jsawru perkorsi personalizzati ta’ apprendiment u tal-karriera;

    (c)jitrawmu l-inklużività u l-opportunitajiet indaqs u li jsir kontribut għall-kisba tar-reżiljenza, tal-ġustizzja soċjali u tal-prosperità għal kulħadd, f’kuntest ta’ bidla demografika u matul il-fażijiet kollha taċ-ċikli ekonomiċi.

    2.L-Istati Membri għandhom jużaw il-mikrokredenzjali bħala għodda sabiex jgħinu fl-ilħuq tal-mira li 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u li ntlaqgħet tajjeb mill-mexxejja tal-UE.

    Kamp ta’ applikazzjoni

    3.Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-mikrokredenzjali, kif ukoll il-politiki li jistgħu jappoġġaw id-disinn u l-użu effettiv tagħhom.

    4.Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw sabiex jikkomplementaw u jtejbu l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-apprendiment tul il-ħajja u l-ekosistemi tal-impjegabbiltà. Il-miżuri deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni ma jfittxux li jissostitwixxu jew ifixklu, l-edukazzjoni inizjali, għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), jew il-kwalifiki tradizzjonali. Il-proposta tistabbilixxi approċċ Ewropew komuni għall-għoti kontinwu u emerġenti ta’ mikrokredenzjali fl-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi definizzjoni u gwida għad-disinn, għall-ħruġ u għad-deskrizzjoni tal-mikrokredenzjali sabiex jiġu ffaċilitati l-kwalità, it-trasparenza u l-adozzjoni tagħhom.

    Definizzjonijiet

    5.Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    (a)“Mikrokredenzjal” tfisser ir-rekord tal-eżiti tal-apprendiment li student ikun kiseb wara volum żgħir ta’ apprendiment. Dawn l-eżiti tal-apprendiment ġew ivvalutati skont standards trasparenti u ddefiniti b’mod ċar. Il-korsijiet li jwasslu għall-mikrokredenzjali huma mfassla sabiex jipprovdu lill-istudent b’għarfien, b’ħiliet u b’kompetenzi speċifiċi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, personali, kulturali jew tas-suq tax-xogħol. Il-mikrokredenzjali huma proprjetà tal-istudent, jistgħu jiġu kondiviżi u huma portabbli. Dawn jistgħu jkunu indipendenti jew ikkombinati fi kredenzjali akbar. Dawn huma sostnuti b’assigurazzjoni tal-kwalità skont standards miftiehma fis-settur jew fil-qasam ta’ attività rilevanti.

    (b)“Fornituri ta’ mikrokredenzjali” tfisser kwalunkwe attur, inklużi istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, sħab soċjali (jiġifieri organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lill-impjegaturi), impjegaturi u industrija, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet nazzjonali, li jfasslu, jipprovdu u joħorġu l-mikrokredenzjali għal apprendiment formali, mhux formali u informali.

    (c)“Ambjenti ta’ apprendiment” tfisser il-postijiet, il-kuntesti, u l-kulturi differenti fiżiċi, online, imħallta 40 , virtwali u diġitali, li fihom in-nies jitgħallmu, li jinkludu l-kuntesti kollha li fihom jista’ jseħħ apprendiment formali, mhux formali u informali.

    (d)Apprendiment formali” tfisser apprendiment li jsir f’ambjent organizzat u strutturat, speċifikament dedikat għall-apprendiment u tipikament iwassal għall-għoti ta’ kwalifika, ġeneralment f’forma ta’ ċertifikat jew ta' diploma; dan jinkludi sistemi tal-edukazzjoni ġenerali, it-taħriġ vokazzjonali tal-bidu u terzjarju u l-edukazzjoni għolja. 41  

    (e)“Apprendiment mhux formali” tfisser apprendiment li jsir barra mill-edukazzjoni u mit-taħriġ formali permezz ta’ attivitajiet pjanati f’termini tal-objettivi tal-apprendiment u ż-żmien tal-apprendiment u fejn ikun hemm xi forma ta’ appoġġ għall-apprendiment.  42

    (f)“Apprendiment informali” tfisser apprendiment li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kuljum u esperjenzi li m humiex organizzati jew strutturati f’termini ta’ objettivi, ta’ żmien jew ta’ appoġġ għall-apprendiment; jista’ jkun mhux intenzjonat mill-perspettiva tal-istudent. 43  

    (g)“Portabbiltà” tfisser il-kapaċità li detentur ta’ kredenzjali jaħżen il-mikrokredenzjal tiegħu f’sistema tal-għażla tiegħu, li jaqsam il-kredenzjal ma’ parti tal-għażla tiegħu (kemm jekk nazzjonali kif ukoll jekk transfruntier) u sabiex il-partijiet kollha fl-iskambju jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tal-kredenzjal u jivverifikaw l-awtentiċità tiegħu.

    (h)“Kumulabbiltà” tfisser il-possibbiltà li jiġu kkombinati mikrokredenzjali differenti u li wieħed jibnihom b’mod loġiku fuq xulxin.

    (i)“Valutazzjoni” tfisser il-proċess jew il-metodu użat għall-evalwazzjoni, għall-kejl u eventwalment għad-deskrizzjoni tal-ħiliet tal-individwi miksuba permezz ta’ ambjenti formali, mhux formali jew informali. Il-valutazzjoni tista’ tiġi ċċertifikata minn parti terza, mill-istudent innifsu (awtovalutazzjoni), jew mit-tnejn.

    Definizzjoni u Elementi Standard tal-Unjoni sabiex jiddeskrivu mikrokredenzjal

    6. L-Istati Membri għandhom jadottaw:

    (a)id-definizzjoni ta’ mikrokredenzjali kif stabbilita fil-paragrafu 5(a);

    (b)l-elementi standard tal-Unjoni sabiex jiddeskrivu mikrokredenzjal (kif deskritti fl-Anness I) inklużi l-elementi obbligatorji li ġejjin:

    (1)l-identifikazzjoni tal-istudent

    (2)it-titolu tal-mikrokredenzjal

    (3)il-pajjiż/ir-Reġjun tal-emittent

    (4)il-korp li jagħti l-kwalifika

    (5)id-data tal-ħruġ

    (6)l-eżiti tal-apprendiment

    (7)l-ammont ta’ xogħol nozzjonali meħtieġ sabiex jinkisbu l-eżiti tal-apprendiment (fis-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti, fejn possibbli)

    (8)il-livell (u ċ-ċiklu, jekk applikabbli) tal-esperjenza tal-apprendiment li twassal għall-mikrokredenzjal (il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, l-Oqfsa tal-Kwalifiki fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja), jekk applikabbli

    (9)it-tip ta’ valutazzjoni

    (10)il-forma ta’ parteċipazzjoni fl-attività ta’ apprendiment

    (11)it-tip ta’ assigurazzjoni tal-kwalità użata sabiex issostni l-mikrokredenzjal

    (c)il-prinċipji tal-Unjoni għad-disinn u l-ħruġ tal-mikrokredenzjali (kif deskritti fl-Anness II).

    Żvilupp tal-ekosistema għall-mikrokredenzjali

    7.L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp kontinwu u emerġenti tal-mikrokredenzjali f’ambjenti ta’ apprendiment formali, inkluż billi:

    (a)jappoġġaw l-esplorazzjoni minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tar-rwol tal-mikrokredenzjali sabiex joffru opportunitajiet ta’ apprendiment lil diversi studenti, b’mod partikolari billi titwessa’ offerta ta’ attivitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja attraenti, inklużivi u ċċentrati fuq l-istudent, inkluż permezz tal-attivitajiet tal-Alleanzi tal-universitajiet Ewropej 44 ;

    (b)jappoġġaw l-esplorazzjoni mill-fornituri tal-VET tar-rwol tal-mikrokredenzjali fit-tkomplija tal-VET sabiex jiġi appoġġat it-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-adulti, inkluż permezz tal-attivitajiet taċ-Ċentri tal-VET ta’ Eċċellenza Vokazzjonali;

    (c)jiżguraw id-disponibbiltà tal-finanzjament pubbliku għall-iżvilupp u għall-għoti ta’ programmi żgħar ta’ edukazzjoni u taħriġ li jwasslu għall-mikrokredenzjali, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li titqies l-awtonomija istituzzjonali li tippermetti d-diversità u l-kreattività.

    8.L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-iżvilupp kontinwu u emerġenti tal-mikrokredenzjali f’ambjenti ta’ apprendiment mhux formali u informali, inkluż billi:

    (a)jappoġġaw il-provvediment u t-tfassil tal-mikrokredenzjali, inkluż permezz tad-disponibbiltà ta’ finanzjament pubbliku, minn fornituri għajr dawk taħt il-paragrafu 7, (dawn il-fornituri jinkludu: kumpaniji, sħab soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali u fornituri privati);

    (b)jippromwovu l-iżvilupp ta’ mikrokredenzjali mfassla u approvati mir-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema permezz ta’ djalogu soċjali;

    (c)jadattaw il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-apprendiment minn qabel u l-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali sabiex jippermettu l-għoti ta’ mikrokredenzjali.

    9.L-Istati Membri huma mħeġġin jappoġġaw il-kwalità u t-trasparenza tal-mikrokredenzjali, inkluż billi:

    (a)japplikaw, jadattaw u jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għall-mikrokredenzjali maħruġa minn tipi differenti ta’ fornituri;

    (b)jappoġġaw l-użu ta’ sistemi ta’ “informazzjoni dwar il-ħiliet” sabiex jiġu analizzati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-bidliet demografiċi sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw kwalunkwe ħtieġa għall-iżvilupp jew għall-aġġornament tal-mikrokredenzjali;

    (c)jiżguraw li l-fornituri jippubblikaw katalogi tal-mikrokredenzjali li huma joffru, li jinkludu, fejn rilevanti, il-politika tagħhom dwar ir-rikonoxximent tal-mikrokredenzjali maħruġa minn fornituri oħrajn;

    (d)jintegraw il-mikrokredenzjali fl-oqfsa u fis-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki, fejn rilevanti.

    10.L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jappoġġaw kooperazzjoni, governanza u sħubijiet effettivi bejn: (i) l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ; (ii) is-sħab soċjali; (iii) l-impjegaturi u l-industrija; (iv) l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; u (v) l-awtoritajiet nazzjonali. Din il-kooperazzjoni kif ukoll il-governanza u s-sħubija għandhom jidentifikaw il-ħtiġijiet għall-mikrokredenzjali, jiżviluppaw b’mod konġunt il-mikrokredenzjali, u jaġġornaw il-mikrokredenzjali.

    Twettiq tal-potenzjal tal-mikrokredenzjali

    11.L-Istati Membri għandhom jintegraw il-mikrokredenzjali kemm fis-sistemi tal-edukazzjoni kif ukoll f’dawk tat-taħriġ u fil-politiki dwar il-ħiliet, inkluż billi:

    (a)jinkludu l-mikrokredenzjali fil-katalogi nazzjonali tal-korsijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ li qegħdin jiġu offruti;

    (b)jużaw il-mikrokredenzjali sabiex jittejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-istudenti kollha, inklużi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli (bħal persuni b’diżabilità, anzjani, persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki/b’ħiliet, minoranzi, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, refuġjati u persuni b’anqas opportunitajiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u/jew is-sitwazzjoni soċjoekonomika żvantaġġata tagħhom);

    (c)jużaw il-mikrokredenzjali sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni sekondarja għolja jew mill-VET għall-edukazzjoni terzjarja u t-tlestija ta’ programmi ta’ lawrja;

    (d)jużaw il-mikrokredenzjali bħala mezz ieħor sabiex jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali bażiċi u avvanzati ta’ firxa usa’ ta’ studenti, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

    (e)jużaw il-mikrokredenzjali sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-provvista ta’ apprendiment fis-sostenibbiltà ambjentali, bħala parti mill-implimentazzjoni nazzjonali tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment għas-sostenibbiltà ambjentali;

    (f)jippromwovu l-użu ta’ mikrokredenzjali minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u minn fornituri oħrajn - f’kooperazzjoni mal-ekosistema tal-għarfien u tal-innovazzjoni tal-madwar tagħhom - sabiex tingħata spinta lir-rilevanza u jiżdied l-impatt pożittiv tal-mikrokredenzjali fuq l-ekonomija tal-bliet u r-reġjuni tagħhom;

    (g)jippromwovu l-fehim u l-użu tal-mikrokredenzjali permezz ta’ żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema u għal min iħarreġ (eż. fil-kuntest tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+), kif ukoll għall-akkademiċi u r-riċerkaturi;

    (h)jippromwovu l-użu tal-mikrokredenzjali għat-trasferiment fil-pront tal-aktar sejbiet riċenti tar-riċerka f’opportunitajiet ta’ apprendiment, u jsaħħu s-sinerġiji bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

    (i)jesploraw l-użu tal-mikrokredenzjali fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sabiex jiġu sfidati l-ġeneru u l-isterjotipi diskriminatorji oħrajn li jikkonċernaw l-għażliet ta’ studju u li huma fi ħdan il-prattiki u l-materjali edukattivi.

    12.L-Istati Membri għandhom jintegraw il-mikrokredenzjali fil-politiki tal-impjieg tagħhom u fil-Politiki Attivi tas-Suq tax-Xogħol (jiġifieri s-servizzi għall-impjiegi, l-appoġġ għat-taħriġ u l-inċentivi għall-impjiegi), b’mod partikolari billi:

    (a)jużaw il-mikrokredenzjali sabiex: (i) jindirizzaw l-ispariġġ fil-ħiliet u l-konġestjonijiet f’setturi u f'reġjuni ekonomiċi partikolari; u (ii) jtejbu u jġeddu l-ħiliet tal-ħaddiema għal ħiliet u impjiegi li huma mfittxija fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;

    (b)jinkludu korsijiet ta’ taħriġ li jwasslu għal mikrokredenzjali fir-reġistri nazzjonali ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ rikonoxxuti li jistgħu jkunu marbuta ma’ kontijiet individwali tal-apprendiment u ma’ sistemi oħrajn għall-appoġġ tat-taħriġ;

    (c)jippromwovu l-użu tal-mikrokredenzjali bħala mezz sabiex jiġu aġġornati u mtejba l-ħiliet tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u tal-ħaddiema mhux standard, inklużi l-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi;

    (d)jesploraw l-użu tal-mikrokredenzjali f’inizjattivi mmirati sabiex jappoġġaw u jimmotivaw gruppi żvantaġġati u vulnerabbli (bħal riċevituri ta’ introjtu minimu, persuni qiegħda fit-tul u persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki) sabiex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol;

    (e)jesploraw ir-rwol tal-mikrokredenzjali fi ħdan is-sistemi sabiex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ sabiex jiġu appoġġati ż-żgħażagħ, inkluż fit-taħriġ preparatorju u l-offerti ta’ kwalità tajba ta’ edukazzjoni jew taħriġ kontinwu;

    (f)jesploraw ir-rwol tal-mikrokredenzjali bħala parti mill-implimentazzjoni nazzjonali tar-Rakkomandazzjoni dwar Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE);

    (g)jesploraw l-użu tal-mikrokredenzjali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti regolatorji għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet f’ċerti impjiegi u tipi ta’ xogħol (eż. għal-liċenzji, għat-taħriġ obbligatorju u għall-permessi).

    13.L-Istati Membri għandhom jappoġġaw in-network taċ-Ċentru ta’ Informazzjoni fir-Reġjun Ewropew (ENIC-NARIC) sabiex jiżviluppaw proċeduri ta’ rikonoxximent għall-mikrokredenzjali maħruġa minn tipi differenti ta’ fornituri, inkluż permezz tal-esplorazzjoni tal-possibbiltà ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-mikrokredenzjali 45 .

    14.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-pariri dwar l-identifikazzjoni u l-għażla tal-mikrokredenzjali jiġu inkorporati fi ħdan is-servizzi ta’ gwida għall-apprendiment tul il-ħajja, fejn rilevanti. Dan jinkludi servizzi ta’ gwida f’ċentri tal-karriera universitarji, f'servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES), f'servizzi privati tal-impjiegi, f'servizzi soċjali u f'servizzi oħrajn ta’ gwida (impjiegi, karriera, edukazzjoni u taħriġ, ikkowċjar). L-inkorporazzjoni ta’ gwida dwar il-mikrokredenzjali f’dawn is-servizzi għandha taqdi l-ħtiġijiet tal-istudenti kollha, inklużi l-istudenti żvantaġġati u vulnerabbli.

    15.L-Istati Membri għandhom:

    (a)jiddefinixxu miżuri billi jibnu fuq l-arranġamenti nazzjonali u l-oqfsa finanzjarji rilevanti sabiex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni. Dan għandu jinkludi miżuri kemm b’allokazzjonijiet nazzjonali tar-riżorsi kif xieraq kif ukoll b’rabtiet ma’ kontijiet individwali tal-apprendiment (b’kunsiderazzjoni dovuta għar-responsabbiltà u l-awtonomija tal-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tas-suq tax-xogħol fil-kuntest nazzjonali).

    (b)jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi u mill-istrumenti tal-Unjoni sabiex jappoġġaw ir-riformi meħtieġa, mill-qafas ta’ abilitazzjoni għall-iżvilupp u l-użu tal-mikrokredenzjali. Dan jinkludi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (“REACT-EU”), il-Fond Soċjali Ewropew Plus, l-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-InvestEU, Orizzont Ewropa, Interreg Europe, il-programm Ewropa Diġitali, il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond għall-Modernizzazzjoni u jitolbu għarfien espert imfassal apposta permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku;

    Appoġġ mill-Kummissjoni

    Il-Kunsill sodisfatt bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li:

    16.Tiżviluppa u tadatta, fejn rilevanti, l-għodod u s-servizzi eżistenti tal-Unjoni sabiex tappoġġa l-iżvilupp ta’ mikrokredenzjali mit-tipi kollha ta’ fornituri, inkluż billi:

    (a)tappoġġa l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar kif tista’ titrawwem it-trasparenza u jiġu applikati l-istrumenti attwali tal-UE u ta’ Bolonja fil-qasam tal-edukazzjoni għolja għall-assigurazzjoni tal-kwalità interna u esterna tal-mikrokredenzjali;

    (b)jesploraw kif tista’ tiġi adattata l-gwida tal-utenti tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti fil-qasam tal-edukazzjoni għolja sabiex jiġu integrati l-mikrokredenzjali;

    (c)tesplora kif jistgħu jiġu adattati u żviluppati l-għodod tal-UE għall-ħiliet u għall-kwalifiki sabiex jiġu integrati l-mikrokredenzjali fis-sistemi tal-VET;

    (d)trawwem ir-rwol tal-ENIC-NARICs fir-rikonoxximent tal-mikrokredenzjali għal aktar studji u/jew għal finijiet ta’ impjieg inkluż bl-iżvilupp ta’ gwida u taħriġ;

    (e)tiżviluppa noti ta’ gwida dwar kif jistgħu jiġu inklużi l-mikrokredenzjali fl-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK).

    (f)tappoġġa l-iżvilupp tal-inizjattiva tal-Karta Ewropea tal-Istudenti sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jaqsmu l-eżiti tal-mikrokredenzjali elettronikament b’mod sigur ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    17.Tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati inkluż billi:

    (a)tippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-mikrokredenzjali;

    (b)tinċentiva l-użu tal-mikrokredenzjali mill-alleanzi tal-universitajiet Ewropej u miċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-VET sabiex jippromwovu u jħeġġu l-użu tal-mikrokredenzjali mill-komunità usa’ tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    (c)tippromwovi l-involviment tal-mikrokredenzjali fl-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ u fornituri oħrajn tal-edukazzjoni għall-għalliema u tat-taħriġ għall-għalliema sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-għalliema għal żvilupp professjonali kontinwu;

    (d)tippromwovi l-involviment dwar il-mikrokredenzjali fi ħdan il-patt għall-ħiliet u inizjattivi ta’ kooperazzjoni marbuta inkluż il-pjan ta’ azzjoni għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati msaħħa u l-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali;

    (e)tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-PES u l-impjegaturi dwar kif għandhom jintużaw il-mikrokredenzjali sabiex tiġi appoġġata l-impjegabbiltà fil-kuntest tan-Network tal-PES;

    (f)tiffaċilita proġetti ta’ kooperazzjoni fost is-sħab soċjali dwar kif għandhom jintużaw u jiġu implimentati l-mikrokredenzjali sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u reġjonali, u f’setturi differenti.

    18.Tappoġġa l-implimentazzjoni teknika tar-Rakkomandazzjoni billi tesplora aktar żviluppi fil-pjattaforma tal-Europass sabiex tipprovdi:

    (a)informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ apprendiment li jwasslu għall-mikrokredenzjali u fornituri li jirrispettaw l-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali;

    (b)appoġġ għall-awtentikazzjoni tal-mikrokredenzjali permezz ta’ kredenzjali diġitali Ewropej għall-apprendiment;

    (c)appoġġ għall-portabbiltà, il-kumulabbiltà, l-interoperabbiltà, l-iskambju u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-mikrokredenzjali permezz ta’ standard miftuħ Ewropew li jispeċifika format komuni għall-mikrokredenzjali.

    19.Tappoġġa aktar riċerka dwar: (i) l-adozzjoni tal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, inkluż dwar l-użu tagħhom mill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mill-impjegaturi u mis-sħab soċjali; (ii) eżiti u benefiċċji partikolari għall-istudenti; u (iii) il-valur miżjud tagħhom meta mqabbel mal-forniment tradizzjonali u li jikkumplimenta dan.

    20.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu b’mod konġunt sabiex itejbu l-għan u r-rilevanza tal-ġbir kontinwu tad-data dwar il-mikrokredenzjali fil-livell tal-Unjoni. Din il-ħidma għandha tiffoka fuq: (i) l-investimenti fl-apprendiment għall-adulti fil-kontijiet u fil-baġits nazzjonali; u (ii) aktar evidenza dwar il-fatturi li jinfluwenzaw l-inċentivi u l-motivazzjoni tan-nies sabiex jibdew it-taħriġ.

    Rapportar

    21.L-Istati Membri għandhom jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni mill-aktar fis possibbli u jissottomettu pjan sa (daħħal id-data ta' 12-il xahar minn wara l-adozzjoni mill-Kunsill) li jistabbilixxi l-miżuri korrispondenti li jridu jittieħdu fil-livell nazzjonali sabiex jappoġġaw il-kisba tal-objettivi tar-Rakkomandazzjoni sal-2025.

    22.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tevalwa l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz ta’ oqfsa rilevanti ta’ monitoraġġ u rapportar tal-Unjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, u tirrapporta lill-Kunsill fi żmien ħames snin mid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                   Għall-Kunsill

                   Il-President

    (1)     https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/political-guidelines-next-commission_mt_0.pdf    
    (2)     https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/social-summit-european-pillar-social-rights-booklet_mt.pdf
    (3)     https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223&langId=mt
    (4)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0625
    (5)     https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:91ce5c0f-12b6-11eb-9a54-01aa75ed71a1.0004.02/DOC_1&format=PDF
    (6)     https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:91ce5c0f-12b6-11eb-9a54-01aa75ed71a1.0004.02/DOC_1&format=PDF
    (7)    Cedefop, 2020. Coronavirus boosts interest in online learning
    (8)    OECD (2021), “Micro-credential innovations in higher education: Who, What and Why?” , OECD Education Policy Perspectives, No. 39, OECD Publishing, Paris
    (9)    Il-Kummissjoni Ewropea. (2020). Final report: A European approach to micro-credentials . Output of the Micro-credentials Higher Education Consultation Group
    (10)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0625
    (11)     https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223&langId=mt
    (12)    C(2021) 102 https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/economy-works-people/jobs-growth-and-investment/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-action-plan_mt
    (13)    Id-Dikjarazzjoni ta’ Porto, Stqarrija għall-Istampa: https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/05/08/the-porto-declaration/  
    (14)     https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/05/08/the-porto-declaration/
    (15)     https://www.consilium.europa.eu/media/50763/2425-06-21-euco-conclusions-en.pdf
    (16)    C(2021) 1372 final  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32021H0402&from=MT
    (17)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32021G0226(01)&qid=1640580872170&from=MT
    (18)    ĠU C 221, 10.6.2021 https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52021XG0610%2801%29
    (19)    ĠU C 221, 10.6.2021 https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021XG0610(02)&from=MT
    (20)    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1      https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32020H1202%2801%29
    (21)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A12012E%2FTXT
    (22)    ĠU C 326, 26.10.2012 https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A12012P%2FTXT  
    (23)    Din il-proposta ma tindirizzax ir-rikonoxximent ta’ professjonijiet regolati kif stabbilit fid-Direttiva 2005/36/KE.
    (24)    ĠU L 344, 19.10.2020, p. 4
    (25)    ĠU C 428, 13.12.2017, p. 3.
    (26)    “Il-Kunsill Ewropew jilqa’ l-miri ewlenin tal-UE tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto”, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2021), il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, l-24 u l-25 ta’ Ġunju 2021. EUCO 7/21.
    (27)    C(2021) 1372 final.
    (28)    C(2020) 274 final.
    (29)    C(2020) 625 final.
    (30)    ĠU C 221, 10.6.2021, p. 9.
    (31)    Rome Ministerial Communiqué tad-19.11.2020
    (32)    ĠU C 221, 10.6.2021, p. 8
    (33)    “Il-kunċett tal-ekonomija tal-pjattaformi online jenħtieġ li jinftiehem li jkopri l-attività ekonomika kollha li tirriżulta minn tranżazzjonijiet kummerċjali attwali jew maħsuba fis-suq intern u ffaċilitata direttament jew indirettament minn pjattaformi online, b’mod partikolari servizzi tal-intermedjazzjoni online u magni tat-tiftix online” C(2018) 2393 final, 26.4.2018, p. 1
    (34)    C(2020) 624 final
    (35)    C(2019) 640 final
    (36)    ĠU C 189, 15.6.2017
    (37)    ĠU C 398, 22.12.2012
    (38)    SWD(2020) 121 final
    (39)    ĠU L 112, 2.5.2018
    (40)    “Apprendiment imħallat” fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali huwa t-terminu użat sabiex jiddeskrivi skola, edukatur jew student li jadotta aktar minn approċċ wieħed għall-proċess ta’ apprendiment.
    (41)    Id-definizzjoni meħuda mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, ĠU C 398, 22.12.2012
    (42)    Id-definizzjoni meħuda mir-Regolament tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport, ĠU L 189, 28.05.2021
    (43)    Id-definizzjoni meħuda mir-Regolament tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport, ĠU L 189, 28.05.2021
    (44)    ĠU C 221, 10.6.2021
    (45)    Kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż
    Top

    Brussell, 10.12.2021

    COM(2021) 770 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà

    {SWD(2021) 367 final}


    ANNESS I

    Elementi standard tal-Unjoni li jiddeskrivu mikrokredenzjal

    Dan l-anness jinkludi lista ta’ elementi standard tal-Unjoni li jiddeskrivu l-mikrokredenzjali li jistgħu jintużaw bħala riżors li jappoġġa l-implimentazzjoni.

    Elementi obbligatorji:

    Identifikazzjoni tal-istudent

    Titolu tal-mikrokredenzjal

    Pajjiż/Reġjun tal-emittent

    Korp li jagħti l-kwalifika

    Data tal-ħruġ

    Eżiti tal-apprendiment

    L-ammont ta’ xogħol nozzjonali meħtieġ biex jinkisbu l-eżiti ta’ apprendiment (espress fi krediti tal-ECTS, kull fejn possibbli)

    Livell (u ċiklu, jekk applikabbli) tal-esperjenza ta’ apprendiment li twassal għall-mikrokredenzjal (QEK, QF-EHEA), jekk applikabbli

    Tip ta’ valutazzjoni

    Forma ta’ parteċipazzjoni fl-attività ta’ apprendiment

    Tip ta’ assigurazzjoni tal-kwalità użata biex tirfed il-mikrokredenzjal

    Elementi fakultattivi, fejn rilevanti (lista mhux eżawrjenti)

    Prerekwiżiti meħtieġa biex wieħed jirreġistra fl-attività ta’ apprendiment

    Superviżjoni u verifika tal-identità matul il-valutazzjoni (mingħajr superviżjoni u mingħajr verifika tal-identità, bis-superviżjoni mingħajr verifika tal-identità, bis-superviżjoni online jew fuq il-post, b’verifika tal-identità)

    Grad miksub

    Opzjonijiet ta’ integrazzjoni/ ta’ kumulabbiltà (mikrokredenzjal awtonomu, indipendenti/integrat, kumulabbli għal ma’ kredenzjal ieħor)

    Aktar informazzjoni

    Dawn l-elementi standard se jiddaħħlu f’mudell tad-data tal-Unjoni 1 li jispeċifika format komuni għad-deskrizzjoni tal-mikrokredenzjali. Il-mudell tad-data se jkun disponibbli bħala standard miftuħ li jrid jintuża mill-fornituri tal-mikrokredenzjali u li se jappoġġa l-interoperabbiltà u skambju eħfef tad-data dwar il-mikrokredenzjali.

    Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-mudell tad-data msejjes fuq l-elementi ta’ standard komuni elenkati hawn taħt. Se tiżviluppa dan il-mudell tad-data: (i) b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati; (ii) bi qbil mal-ħtiġijiet tal-utenti u l-avvanzi teknoloġiċi; (iii) bi qbil mal-bidliet fis-swieq tax-xogħol; u (iv) bi qbil mal-approċċi eżistenti għall-għoti ta’ edukazzjoni u taħriġ. Dan il-mudell tad-data jrid jappoġġa l-konsistenza tal-informazzjoni u juri valur miżjud ċar. Il-mudell tad-data għall-mikrokredenzjali se jiġi ggervnat skont id-Deċiżjoni Europass, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1)(b), 6(1)(d), u 6(2)(b), li diġà jirrikjedi li l-Kummissjoni tiżviluppa, tittestja u taġġorna l-istandards miftuħa.

    (1)    Il-mudelli tad-data huma rappreżentazzjonijiet grafiċi u/jew lessiċi tad-data, li jispeċifikaw il-proprjetajiet, l-istruttura u l-interrelazzjonijiet tagħhom. Jintużaw bħala standards miftuħa, bla ħlas, trasparenti, u mibnija abbażi ta’ kunsens.
    Top

    Brussell, 10.12.2021

    COM(2021) 770 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà

    {SWD(2021) 367 final}


    ANNESS II

    Prinċipji tal-Unjoni għat-tfassil u għall-ħruġ tal-mikrokredenzjali

    L-10 prinċipji ppreżentati hawn taħt jispeċifikaw in-natura tal-mikrokredenzjali u joffru gwida lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri dwar it-tfassil u l-ħruġ tal-mikrokredenzjali u tas-sistemi għall-mikrokredenzjali. Il-prinċipji jenfasizzaw il-karatteristiċi ewlenin tal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali li jistgħu jippermettu l-fiduċja fil-mikrokredenzjali u l-kwalità tagħhom. Il-prinċipji huma universali u jistgħu jiġu applikati f’kwalunkwe qasam jew settur.

    1

    Kwalità

    Il-mikrokredenzjali huma suġġetti għall-assigurazzjoni tal-kwalità interna u esterna mis-sistema li tipproduċihom (eż il-kuntest tal-edukazzjoni, tat-taħriġ jew tas-suq tax-xogħol li fih jiġi żviluppat u pprovdut il-mikrokredenzjal). Il-proċessi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jridu jkunu adegwati għall-użu, dokumentati b’mod ċar u aċċessibbli u jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-istudenti u tal-partijiet ikkonċernati.

    Fornituri: L-assigurazzjoni tal-kwalità esterna tissejjes primarjament fuq il-valutazzjoni tal-fornituri (aktar milli fuq il-korsijiet individwali) u fuq l-effettività tal-proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità interni tagħhom.

    Il-fornituri għandhom jiżguraw li l-assigurazzjoni tal-kwalità interna tkopri l-elementi kollha li ġejjin:

    ·il-kwalità ġenerali tal-mikrokredenzjal innifsu, imsejjes fuq l-istandards imsemmija hawn taħt

    ·il-kwalità tal-kors, fejn applikabbli, li jwassal għall-mikrokredenzjal

    ·il-feedback tal-istudenti dwar l-esperjenza tal-apprendiment li twassal għall-mikrokredenzjal; kif ukoll

    ·il-feedback mill-pari, inkluż minn fornituri u minn partijiet ikkonċernati oħra, dwar l-esperjenza tal-apprendiment li twassal għall-mikrokredenzjal

    Standards: L-assigurazzjoni tal-kwalità esterna titwettaq f’konformità ma’:

    ·l-Anness IV tar-Rakkomandazzjoni tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki, fejn applikabbli;

    ·l-Istandards u l-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja, fejn applikabbli;

    ·il-il-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (il-qafas EQAVET), fejn applikabbli;

    ·strumenti oħra ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, inkluż reġistri u tikketti, biex tinbena l-fiduċja pubblika fil-mikrokredenzjali, fejn applikabbli.

    2

    Trasparenza

    Il-mikrokredenzjali jistgħu jitkejlu, jitqabblu u jinftiehmu b’informazzjoni ċara dwar l-eżiti tal-apprendiment, dwar l-ammont ta’ xogħol, il-kontenut, il-livell u l-offerta tal-apprendiment, skont dak li jkun rilevanti.

    Ammont ta’ xogħol

    ·L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jużaw is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) u jikkonformaw mal-prinċipji fl-Anness V tar-Rakkomandazzjoni tal-QEK, fejn possibbli, biex juru l-ammont ta’ xogħol nozzjonali meħtieġ biex jinkisbu l-eżiti tal-apprendiment tal-mikrokredenzjal.

    ·Il-fornituri li ma jużawx l-ECTS jistgħu jużaw sistemi jew tipi oħra ta’ informazzjoni li jistgħu jiddeskrivu b’mod effettiv l-eżiti tal-apprendiment u l-ammont ta’ xogħol, f’konformità mal-prinċipji fl-Anness V tar-Rakkomandazzjoni tal-QEK.

    Qafas/Sistemi tal-kwalifiki

    ·Il-mikrokredenzjali jistgħu jiġu inklużi fl-oqfsa/sistemi nazzjonali tal-kwalifiki, fejn rilevanti u fejn ikun konformi mal-prijoritajiet u mad-deċiżjonijiet nazzjonali. L-oqfsa/is-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki huma msemmija fil-qafas Ewropew tal-kwalifiki u, għall-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja, awtoċertifikati fil-qafas tal-kwalifiki taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja, u dan jista’ jkompli jappoġġa t-trasparenza tal-mikrokredenzjali u l-fiduċja fihom.

    Informazzjoni dwar l-offerta tal-mikrokredenzjali

    Is-sistemi għall-mikrokredenzjali għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti u ċara, biex jirfdu s-sistemi ta’ gwida għall-istudenti, f’konformità mal-prattiki nazzjonali u mal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati:

    ·L-informazzjoni dwar il-fornituri tal-mikrokredenzjali għandha tiġi ppubblikata fir-reġistri, jew inkorporata f’reġistri eżistenti. Fejn hu possibbli l-fornituri tal-edukazzjoni għolja (u fornituri rilevanti oħra) għandhom jiddaħħlu fil-Bażi tad-data tar-Riżultati tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità Esterna (Database of External Quality Assurance Results - DEQAR), imsejsa fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità bi qbil mal-Istandards u mal-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (ESGQA);

    ·L-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ apprendiment li jwasslu għall-mikrokredenzjali għandha tkun aċċessibbli u tingħadda faċilment permezz tal-pjattaformi rilevanti, fosthom il-Europass.

    3

    Rilevanza

    Il-mikrokredenzjali għandhom jitfasslu bħala kisbiet ta’ apprendiment immirati u distinti, u l-opportunitajiet ta’ apprendiment li jwasslu għall-mikrokredenzjali għandhom jiġu aġġornati skont il-ħtieġa, biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ apprendiment li jkunu ġew identifikati.

    Titħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjegaturi, is-sħab soċjali, il-fornituri l-oħra u l-utenti tal-mikrokredenzjali, biex tiżdied ir-rilevanza tal-mikrokredenzjali għas-suq tax-xogħol.

    4

    Valutazzjoni valida

    L-eżiti tal-apprendiment tal-mikrokredenzjali huma vvalutati skont standards trasparenti.

    5

    Perkorsi ta’ apprendiment

    Il-mikrokredenzjali huma maħsuba biex jappoġġaw perkorsi ta’ apprendiment flessibbli, inkluż il-possibbiltà li l-mikrokredenzjali jiġu “kumulati”, ivvalidati u rikonoxxuti minn sistemi diversi.

    Kumulabbiltà

    Il-mikrokredenzjali huma maħsuba biex ikunu modulari sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu mikrokredenzjali oħra biex jinħolqu kredenzjali akbar. Id-deċiżjonijiet dwar kif se jiġu “kumulati” jew kombinati l-kredenzjali huma f’idejn l-organizzazzjoni li tilqa’ (pereżempju l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjegaturi eċċ) bi qbil mal-prattiki tagħhom, u għandhom jappoġġaw il-miri u l-ħtiġijiet tal-istudent.

    Validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali

    Il-kisba ta’ mikrokredenzjali hija possibbli wara valutazzjoni tal-eżiti ta’ apprendiment, miksuba permezz ta’ kors speċifiku li jwassal għal mikrokredenzjal, jew abbażi tal-valutazzjoni tal-eżiti ta’ apprendiment li jirriżultaw minn apprendiment mhux formali u informali.

    6

    Rikonoxximent

    Ir-rikonoxximent għandu valur ta’ sinjalazzjoni ċar tal-eżiti tal-apprendiment għall-moduli ż-żgħar ta’ apprendiment, u jwitti t-triq għal offerta usa’ ta’ dawn l-esperjenzi ta’ apprendiment b’mod komparabbli madwar l-UE.

    Il-mikrokredenzjali huma rikonoxxuti għal skopijiet akkademiċi jew ta’ impjieg, imsejsa fuq proċeduri ta’ rikonoxximent standard użati fir-rikonoxximent ta’ kwalifiki barranin u ta’ perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, fir-rigward ta’ mikrokredenzjali maħruġa minn fornituri tal-edukazzjoni formali.

    7

    Portabbiltà

    Il-mikrokredenzjali huma l-proprjetà tad-detentur tal-kredenzjali (l-istudent) u jistgħu jinħażnu u jitqassmu faċilment mid-detentur tal-kredenzjal, inkluż permezz ta’ kartieri diġitali siguri (eż il-Europass), f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-infrastruttura għall-ħżin tad-data tissejjes fuq standards miftuħa u mudelli tad-data. Dan jiżgura l-interoperabbiltà u l-iskambju bla xkiel tad-data, u jippermetti kontrolli bla xkiel tal-awtentiċità tad-data.

    8

    Ffokati fuq l-istudent

    Il-mikrokredenzjali jitfasslu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-grupp tal-istudenti fil-mira. L-istudenti huma involuti fil-proċessi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità interni u esterni u l-feedback tagħhom jitqies bħala parti mit-titjib kontinwu tal-mikrokredenzjal.

    9

    Awtentiċità

    Il-mikrokredenzjali fihom biżżejjed informazzjoni biex jiġu vverifikati l-identità tad-detentur tal-kredenzjal (l-istudent), l-identità legali tal-emittent, id-data u l-post tal-ħruġ tal-mikrokredenzjal.

    10

    Informazzjoni u gwida

    L-informazzjoni u l-pariri dwar il-mikrokredenzjali għandhom jiġu inkorporati fis-servizzi ta’ gwida għall-apprendiment tul il-ħajja u għandhom jilħqu l-akbar grupp ta’ studenti possibbli, b’mod inklużiv, u jappoġġaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-għażliet tal-karriera.

    Top