Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012E/TXT

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 47–390 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 326, 26.10.2012, p. 47–390 (GA)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2012/oj

Verżjonijiet konsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Verżjoni konsolidata) - Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Verżjoni konsolidata) - Protokoll - Annessi - Dikjarazzjonijiet annessi ma' l-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta' Lisbona ffirmat fit- 13 ta' Diċembru 2007 - Tabella ta' korrispondenza

Official Journal C 326 , 26/10/2012 P. 0001 - 0390


Verżjonijiet konsolidati

tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2012/C 326/01

Werrej

TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

PREAMBOLA

L-EWWEL PARTI PRINĊIPJI

TITOLU I KATEGORIJI U OQSMA TA' KOMPETENZA TA' L-UNJONI

TITOLU II DISPOŻIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI

IT-TIENI PARTI NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA TA' L-UNJONI

IT-TIELET PARTI POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI

TITOLU I IS-SUQ INTERN

TITOLU II IL-MOVIMENT LIBERU TAL-MERKANZIJA

Kapitolu 1 Unjoni Doganali

Kapitolu 2 Koperazzjoni Doganali

Kapitolu 3 Projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri

TITOLU III AGRIKOLTURA U SAJD

TITOLU IV MOVIMENT LIBERU TAL-PERSUNI, SERVIZZI U KAPITAL

Kapitolu 1 Il-ħaddiema

Kapitolu 2 Id-dritt ta' stabbiliment

Kapitolu 3 Is-servizzi

Kapitolu 4 Il-kapital u l-pagament

TITOLU V L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

Kapitolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali

Kapitolu 2 Politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni

Kapitolu 3 Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili

Kapitolu 4 Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

Kapitolu 5 Koperazzjoni tal-pulizija

TITOLU VI IT-TRASPORT

TITOLU VII REGOLI KOMUNI FUQ IL-KOMPETIZZJONI, FUQ IT-TASSAZZJONI U L-APPROSSIMAZZJONI TAL-LIĠIJIET

Kapitolu 1 Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni

Taqsima 1 Regoli li japplikaw għal impriżi

Taqsima 2 Għajnuna mill-istati

Kapitolu 2 Dispożizzjonijiet fiskali

Kapitolu 3 Aprossimazzjoni ta' liġijiet

TITOLU VIII POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA

Kapitolu 1 Politika ekonomika

Kapitolu 2 Politika monetarja

Kapitolu 3 Dispożizzjonijiet istituzzjonali

Kapitolu 4 Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

Kapitolu 5 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

TITOLU IX L-IMPJIEG

TITOLU X POLITIKA SOĊJALI

TITOLU XI FOND SOĊJALI EWROPEW

TITOLU XII EDUKAZZJONI, FORMAZZJONI VOKAZZJONALI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT

TITOLU XIII KULTURA

TITOLU XIV IS-SAĦĦA PUBBLIKA

TITOLU XV PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

TITOLU XVI NETWORKS TRANS-EWROPEJ164

TITOLU XVII L-INDUSTRIJA

TITOLU XVIII KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI

TITOLU XIX IR-RIĊERKA, L-IŻVILUPP TEKNOLOĠIKU U L-ISPAZJU

TITOLU XX L-AMBJENT

TITOLU XXI ENERĠIJA

TITOLU XXII TURIŻMU

TITOLU XXIII PROTEZZJONI ĊIVILI

TITOLU XXIV KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

IR-RABA' PARTI ASSOĊJAZZJONI TA' PAJJIŻI U TERRITORJI EXTRA-EWROPEJ

IL-ĦAMES PARTI L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

TITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

TITOLU II IL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

TITOLU III IL-KOPERAZZJONI MAL-PAJJIŻI TERZI U L-GĦAJNUNA UMANITARJA

Kapitolu I Il-koperazzjoni fl-iżvilupp

Kapitolu 2 Koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi

Kapitolu 3 L-għajnuna umanitarja

TITOLU IV IL-MIŻURI RESTRITTIVI

TITOLU V FTEHIM INTERNAZZJONALI

TITOLU VI RELAZZJONIJIET TA' L-UNJONI MA' L-ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI U L-PAJJIŻI TERZI U DELEGAZZJONIJIET TA' L-UNJONI

TITOLU VII KLAWŻOLA TA' SOLIDARJETÀ

IS-SITT PARTI DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI

TITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET

Kapitolu 1 L-istituzzjonijiet

Taqsima 1 Il-Parlament Ewropew

Taqsima 2 Il-Kunsill Ewropew

Taqsima 3 Il-Kunsill

Taqsima 4 Il-kummissjoni

Taqsima 5 Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea

Taqsima 6 Il-Bank Ċentrali Ewropew

Taqsima 7 Il-Qorti ta' l-Awdituri

Kapitolu 2 Atti legali ta' l-Unjoni, proċeduri ta' adozzjoni u dispożizzjonijiet oħrajn

Taqsima 1 L-atti legali ta' l-Unjoni

Taqsima 2 Proċeduri ta' adozzjoni ta' l-atti u dispożizzjonijiet oħra

Kapitolu 3 Korpi konsultattivi ta' l-Unjoni

Taqsima 1 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

Taqsima 2 Il-Kumitat tar-Reġjuni

Kapitolu 4 Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment

TITOLU II DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Kapitolu 1 Ir-riżorsi proprji ta' l-Unjoni

Kapitolu 2 Il-qafas finanzjarju pluriennali

Kapitolu 3 Il-baġit annwali ta' l-Unjoni

Kapitolu 4 L-Implimentazzjoni tal-baġit u l-kwittanza

Kapitolu 5 Dispożizzjonijiet komuni

Kapitolu 6 Il-ġlieda kontra l-frodi

TITOLU III KOPERAZZJONI IMSAĦĦA

IS-SEBA' PARTI DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

PROTOKOLLI

Protokoll (Nru 1) Dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea

Protokoll (Nru 2) Dwar l-applikazzjoni tal-Prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità

Protokoll (Nru 3) Dwar l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea

Protokoll (Nru 4) Dwar l-istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

Protokoll (Nru 5) Dwar l-istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment

Protokoll (Nru 6) Dwar il-lokalità tas-sede ta' l-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti ta' l-Unjoni Ewropea

Protokoll (Nru 7) Dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea

Protokoll (Nru 8) Dwar l-artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

Protokoll (Nru 9) Dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea bejn l- 1 ta' novembru 2014 u l- 31 ta' marzu 2017 minn naħa waħda, u mill- 1 ta' april 2017 min-naħa l-oħra

Protokoll (Nru 10) Dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Protokoll (Nru 11) Dwar l-artikolu 42 tat-trattat dwar l-unjoni ewropea

Protokoll (Nru 12) Dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv

Protokoll (Nru 13) Dwar il-kriterji ta' konverġenza

Protokoll (Nru 14) Dwar il-grupp ta' l-Euro

Protokoll (Nru 15) Dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-irlanda ta' fuq

Protokoll (Nru 16) Dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka

Protokoll (Nru 17) Dwar id-Danimarka

Protokoll (Nru 18) Dwar Franza

Protokoll (Nru 19) Dwar l-Acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

Protokoll (Nru 20) Dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għar-renju Unit u għall-Irlanda

Protokoll (Nru 21) Dwar il-pożizzjoni tar-Renju unit u l-Irlanda fir-rigward ta' l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

Protokoll (Nru 22) Dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka

Protokoll (Nru 23) Dwar ir-relazzjonijiet esterni ta' l-istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-qsim tal-fruntieri esterni

Protokoll (Nru 24) Dwar l-asil għal ċittadini ta' l-istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea

Protokoll (Nru 25) Dwar l-ezerċizzju ta' kompetenzi kondiviz

Protokoll (Nru 26) Dwar is-servizzi ta' interess ġenerali

Protokoll (Nru 27) Dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni

Protokoll (Nru 28) Dwar il- koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Protokoll (Nru 29) Dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri

Protokoll (Nru 30) Dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit

Protokoll (Nru 31) Dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda

Protokoll (Nru 32) Dwar l-akkwist tal-proprjeta immobbli fid-Danimarka

Protokoll (Nru 33) Dwar l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Protokoll (Nru 34) Dwar arrangamenti specjali ghall-Groenlandja

Protokoll (Nru 35) Dwar l-Artikolu 40.3.3 tal-Kostituzzjoni ta' l-Irlanda

Protokoll (Nru 36) Dwar id-dispożizzjonijiet transitorji

Protokoll (Nru 37) Dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta’ l-iskadenza tat-trattat tal-kefa u dwar il-fond tar-ricerka ghall-faham u l-azzar

ANNESSI

ANNESS I Lista prevista fl-Artikolu 38i tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

ANNESS II Pajjizi u territorji extra-Ewropej li ghalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet

DIKJARAZZJONIJIET Annessi ma' l-Att Finali

A. DIKJARAZZJONIJIET DWAR DISPOŻIZZJONIJIET TAT-TRATTATI

1. Dikjarazzjoni dwar il-Karta tad-Drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea

2. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

3. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

4. Dikjarazzjoni dwar il-Kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

5. Dikjarazzjoni dwar il-qbil politiku mill-Kunsill Ewropew fir-rigward ta' l-abbozz ta' Deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

6. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 15(5) u (6), l-Artikolu 17(6) u (7) u l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

7. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

8. Dikjarazzjoni dwar il-miżuri prattiċi li għandhom jittieħdu mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' lisbona

9 Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16(9) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill

10. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

11. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

12. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

13. Dikjarazzjoni dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni

14. Dikjarazzjoni dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni

15. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

16. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 55(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

17. Dikjarazzjoni dwar il-Primat

18. Dikjarazzjoni dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi

19. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

20. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

21. Dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali

22. Dikjarazzjoni dwar l-artikolu 48 u l-artikolu 79 tat-trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

23. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 48, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

24. Dikjarazzjoni dwar il-personalità ġuridika ta' l-Unjoni Ewropea

25. Dikjarazzjoni dwar l-artikolu 75 u l-Artikolu 215 tat-trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

26. Dikjarazzjoni dwar in-non-parteċipazzjoni ta' stat membru f'miżura bbażata fuq it-titolu v tat-tielet parti tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

27. Dikjarazzjoni dwar l-artikolu 85(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

28. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 98 tat-trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

29. Dikjarazzjoni dwar l-artikolu 107(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

30. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

31. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

32. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 168(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

33. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

34. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

35. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

36. Dikjarazzjoni dwar l-artikolu 218 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali mill-istati membridwar spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

37. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

38. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 252 tat-trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar in-numru ta' avukati-ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja

39. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

40. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

41. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

42. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

43. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 355(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

B. DIKJARAZZJONIJIET DWAR PROTOKOLLI ANNESSI GĦAT-TRATTATI

44. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5 tal-protokoll dwar l-acquis ta' schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

45. Dikjarazzjoni dwar l-artikolu 5(2) tal-protokoll dwar l-acquis ta' schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

46. Dikjarazzjoni dwar l-artikolu 5(3) tal-protokoll dwar l-acquis ta' schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

47. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5(3), (4) u (5) tal-protokoll dwar l-acquis ta' schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

48. Dikjarazzjoni dwar il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka

49. Dikjarazzjoni dwar l-Italja

50. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji

C. DIKJARAZZJONIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI

51. Dikjarazzjoni tar-Renju tal-Belġju dwar il-Parlamenti nazzjonali

52 Dikjarazzjoni mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju ta' Spanja, mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika ta' Ċipru, mir-Repubblika tal-Litwanja, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Repubblika ta' L-ungerija, mir-Repubblika ta' Malta, mir-Repubblika ta' l-Awstrija, mir-Repubblika Portugiża, mir-Rumanija, mir-Repubblika Slovena u mir-Repubblika Slovakka dwar is-simboli ta' l-Unjoni Ewropea

53. Dikjarazzjoni tar-repubblika ċeka dwar il-karta tad-drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea

54. Dikjarazzjoni tar-repubblika federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' l-Awstrija u r-Renju ta' l-Isvezja

55. Dikjarazzjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq

56. Dikjarazzjoni mill-irlanda dwar l-artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta' l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

57 Dikjarazzjoni tar-Repubblika Taljana dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

58. Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija

59. Dikjarazzjoni tar-Renju ta' l-Olanda dwar l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

60. Dikjarazzjoni tar-renju ta' l-Olanda dwar l-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

61. Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Karta tad-drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea453

62. Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-protokoll dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea għall-polonja u għar-Renju unit

63. Dikjarazzjoni tar-Renju unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq dwar id-definizzjoni tat-terminu

64. Dikjarazzjoni tar-renju unit tal-gran brittanja u l-Irlanda ta' fuq dwar id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

65. Dikjarazzjoni tar-renju unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq dwar l-Artikolu 75 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni ewropea

Tabella ta' korrispondenza

Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

--------------------------------------------------

Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Verżjoni konsolidata)

PREAMBOLA

IL-MAESTA’ TIEGĦU IR-RE TAL-BELĠJANI, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, L-ALTEZZA TAGĦHA REALI L-GRAN DUKESSA TAL-LUSSEMBURGU, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TA' L-OLANDA [1],

DETERMINATI li jistabbilixxu s-sisien ta’ għaqda dejjem akbar fost il-popli Ewropej,

DEĊIŻI li jassiguraw il-progress ekonomiku u soċjali ta' l-Istati tagħhom b' ħidma komuni fit-tneħħija tal-barrieri li jaqsmu l-Ewropa,

FILWAQT LI JASSENJAW lill-isforzi tagħhom l-għan ewlieni li jtejbu kostantement l-għajxien u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-popli tagħhom,

FILWAQT LI JIFHMU li t-tneħħija ta’ l-ostakoli esiztenti titlob ħidma konċertata sabiex tiggarantixxi kondizzjonijiet stabbli għal espansjoni, kummerċ bilanċjat u kompetizzjoni ġusta,

ANZJUŻI sabiex isaħħu l-unità ta' l-ekonomiji tagħhom u jassiguraw l-iżvilupp tagħhom armonjuż bit-tnaqqis tad-disparità bejn ir-reġjuni differenti u r-ritard ta’ dawk inqas favoriti,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jikkontribwixxu permezz ta’ politika kummerċjali komuni għat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fil-kummerċ internazzjonali,

BIL-ĦSIEB li jikkonfermaw is-solidarjeta li tgħaqqad l-Ewropa u pajjiżi barranin, u bix-xewqa li jassiguraw l-Iżvilupp tal-prosperità tagħhom, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

RIŻOLUTI li jsaħħu il-ħarsien tal-paċi u l-libertà billi jibnu din l-għaqda ta’ rizorsi, u li jsejjħu lill-popli l-oħra ta' l-Ewropa li jaqsmu l-ideal tagħhom sabiex jingħaqdu fl-isforzi tagħhom,

IDDETERMINATI li jippromwovu l-iżvilupp ta’ l-għola livell possibli ta’ konoxxenza għall-popli tagħhom pemezz ta’ aċċess miftuħ għall-edukazzjoni u permezz ta’ aġġornament kontinwu,

INNOMINAW għal dan il-għan bħala l-Plenipotenzjarji tagħhom:

(lista ta' plenipotenzjarji mhux riprodotta)

LI, wara li skambjaw il-plenipoteri tagħhom, misjuba f’forma tajba u xierqa, ftiehmu fuq id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

L-EWWEL PARTI

PRINĊIPJI

Artikolu 1

1. Dan it-Trattat jorganizza l-funzjonament ta' l-Unjoni u jiddetermina l-oqsma, id-delimitazzjoni u l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

2. Dan it-Trattat u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huma t-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Dawn iż-żewġ Trattati, li għandhom l-istess valur legali, huma indikati bil-kliem "it-Trattati".

TITOLU I

KATEGORIJI U OQSMA TA' KOMPETENZA TA' L-UNJONI

Artikolu 2

1. Meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f'qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista' tilleġisla u tadotta atti legalment vinkolanti, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw l-atti ta' l-Unjoni.

2. Meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża ma' l-Istati Membri f'qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġislaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f'dak il-qasam. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid sal-punt fejn l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita tagħha.

3. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-politika ekonomika u ta' l-impjieg tagħhom skond l-arranġamenti previsti f' dan it-Trattat, li l-Unjoni tkun kompetenti li tiddefinixxi.

4. L-Unjoni għandha jkollha l-kompetenza, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża d-definizzjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni.

5. F'ċerti oqsma u skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati, l-Unjoni għandha jkollha l-kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tagħti appoġġ, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri, madankollu mingħajr ma tissostitwihom fil-kompetenza tagħhom f'dawn l-oqsma.

L-atti legalment vinkolanti ta' l-Unjoni adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet fit-Trattati dwar dawn l-oqsma m' għandux ikun fihom l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

6. Il-kamp ta' l-applikazzjoni u l-arranġamenti għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' l-Unjoni għandhom jiġu determinati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati għal kull qasam.

Artikolu 3

1. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin:

a) l-unjoni doganali;

b) l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern;

c) il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

d) il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd;

e) il-politika kummerċjali komuni.

2. L-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f'att leġislattiv ta' l-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista' teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista' tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 4

1. L-Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma' l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6.

2. Il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin:

a) is-suq intern;

b) il-politika soċjali, għall-aspetti definiti f'dan it-Trattat;

ċ) il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

d) l-agrikoltura u s-sajd, eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

e) l-ambjent;

f) il-protezzjoni tal-konsumatur;

g) it-trasport;

h) in-netwerks trans-Ewropej;

i) l-enerġija;

j) l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

k) l-interessi komuni ta' sigurtà f'materji ta' saħħa pubblika, għall-aspetti definiti f'dan it-Trattat.

3. Fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet, b'mod partikolari sabiex tiddefinixxi u timplimenta programmi mingħajr ma' l-eżerċizzju ta' din il-kompetenza ma jkun jista' jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw tagħhom.

4. Fl-oqsma tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u ta' l-għajnuna umanitarja, l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet u tmexxi politika komuni mingħajr ma l-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza jkun jista' jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw tagħhom.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom fi ħdan l-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Kunsill għandu jadotta miżuri, b'mod partikolari linji gwida ġenerali għal din il-politika.

Dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom japplikaw għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2. L-Unjoni għandha tieħu miżuri sabiex tassigura l-koordinazzjoni tal-politika dwar l-impjieg ta' l-Istati Membri, partikolarment billi tiddefinixxi linji gwida għal din il-politika.

3. L-Unjoni tista' tieħu inizjattivi sabiex tassigura l-koordinazzjoni tal-politika soċjali ta' l-Istati Membri.

Artikolu 6

L-Unjoni għandha kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri. Fil-livell Ewropew, l-oqsma ta' dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu:

a) il-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem;

b) l-industrija;

c) il-kultura;

d) it-turiżmu;

e) l-edukazzjoni, il-formazzjoni vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport;

f) il-protezzjoni ċivili;

g) il-koperazzjoni amministrattiva.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI

Artikolu 7

L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud ta' l-objettivi kollha tagħha u skond il-prinċipju ta' l-għoti tal-kompetenzi.

Artikolu 8

(ex Artikolu 3(2) TKE) [2]

Fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa.

Artikolu 9

Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

Artikolu 10

Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Artikolu 11

(ex Artikolu 6 TKE)

Il-ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta' l-Unjoni,partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli.

Artikolu 12

(ex Artikolu 153(2) TKE)

Fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ politika u attivitajiet oħra ta' l-Unjoni għandu jingħata' kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur.

Artikolu 13

Fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiċi ta' l-Unjoni dwar l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u ta' l-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħatu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri ta' l-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali.

Artikolu 14

(ex Artikolu 16 TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 93, 106 u 107 ta' dan it-Trattat, u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta' l-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu ta' l-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet, b'mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu dawn il-prinċipji u jistabbilixxu dawn il-kondizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri skond it-Trattati, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi.

Artikolu 15

(ex Artikolu 255 TKE)

1. Sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ.

2. Il-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kunsill meta jkun qiegħed jikkunsidra u jivvota dwar abbozz ta' att leġislattiv, għandhom jiltaqgħu fil-pubbliku.

3. Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta' l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti permezz ta' regolamenti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja.

Kull istituzzjoni, korp jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu u jelabora fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu d-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, skond ir-regolamenti previst fit-tieni subparagrafu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandhom ikunu suġġetti għal dan il-paragrafu biss meta jeżerċitaw il-kompiti amministrattivi tagħhom.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jassiguraw il-pubblikazzjoni tad-dokumenti dwar il-proċeduri leġislattivi skond il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament imsemmi fit-tieni subparagrafu.

Artikolu 16

(ex Artikolu 286 TKE)

1. Kull persuna għandha jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni, u mal-moviment liberu ta' din id-data. Il-ħarsien ta' dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti.

Ir-regoli adottati abbażi ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi previsti fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

1. L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.

2. L-Unjoni tirrispetta wkoll l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.

3. Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u organizzazzjonijiet.

IT-TIENI PARTI

NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA TA' L-UNJONI

Artikolu 18

(ex Artikolu 12 TKE)

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw regoli intiżi sabiex jiprojbixxu din id-diskriminazzjoni.

Artikolu 19

(ex Artikolu 13 TKE)

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew [***], jista' jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali.

2. B’ deroga għall-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw il-prinċipji bażiċi għal miżuri ta’ inċentiva ta' l-Unjoni, b’esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri, bl-għan li jappoġġja azzjoni ta’ l-Istati Membri meħuda sabiex jikkontribwixxu sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 20

(ex Artikolu 17 TKE)

1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta' l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru hija ċittadina ta' l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2. Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

a) id-dritt ta' moviment liberu u d-dritt ta' residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri;

b) id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

c) id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta' pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta' l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

d) id-dritt li jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew, id-dritt li jirrikorru għall-Ombudsman Ewropew, kif ukoll id-dritt li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi ta' l-Unjoni fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat u d-dritt li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa.

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 21

(ex Artikolu 18 TKE)

1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.

2. Jekk ikun hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni mill-Unjoni sabiex dan il-għan jintlaħaq u t-Trattati ma pprovdewx il-poteri meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3. Għall-istess finijiet previsti fil-paragrafu 1, u biss jekk it-Trattati jkunu pprevedew is-setgħat meħtieġa, il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jadotta miżuri li jikkonċernaw is-sigurtà soċjali jew il-protezzjoni soċjali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 22

(ex Artikolu 19 TKE)

1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.

2. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223 u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.

Artikolu 23

(ex Artikolu 20 TKE)

Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu, fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih m’hemmx rappreżentanza ta’ l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ikun intitolat għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet meħtieġa u jibdew in-negozjati internazzjonali meħtieġa sabiex jiżguraw din il-protezzjoni.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta' koordinazzjoni u ta' koperazzjoni meħtieġa sabiex jiffaċilitaw din il-protezzjoni.

Artikolu 24

(ex Artikolu 21 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta' inizjattiva taċ-ċittadini skond l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż in-numru minimu ta' Stati Membri li minnhom iridu jiġu ċ-ċittadini li jippreżentawha.

Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt li jressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 227.

Kull ċittadin ta’ l-Unjoni jista’ jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skond l-Artikolu 228.

Kull ċittadin ta' l-Unjoni jista' jikteb lil kull waħda mill-istituzzjonijiet, korpi u organi imsemmija f’dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea b'waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 55 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jkollu tweġiba bl-istess lingwa.

Artikolu 25

(ex Artikolu 22 TKE)

Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti. Dan ir-rapport għandu jikkonsidra l-iżvilupp ta’ l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta provvedimenti sabiex isaħħu jew iżidu mad-drittijiet elenkati fl-Artikolu 20(2). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

IT-TIELET PARTI

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI

TITOLU I

IS-SUQ INTERN

Artikolu 26

(ex Artikolu 14 TKE)

1. L-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

2. Is-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

3. Il-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni għandu jistabbilixxi l-linji-gwida u l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jiżguraw progress bilanċjat fis-setturi kollha interessati.

Artikolu 27

(ex Artikolu 15 TKE)

Meta tkun qiegħda tfassal il-proposti tagħha bil-ħsieb li tikseb l-għanijiet dikjarati fl-Artikolu 26, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-kobor ta' l-isforz li ċerti ekonomiji li juru differenzi fl-iżvilupp ikollhom jagħmlu għall-istabbiliment tas-suq intern u tista' tipproponi dispożizzjonijiet xierqa.

Jekk dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu l-forma ta' deroga, dawn għandhom ikunu ta' natura temporanja u għandhom jikkawżaw l-inqas tfixkil possibbli għall-funzjonament tas-suq intern.

TITOLU II

IL-MOVIMENT LIBERU TAL-MERKANZIJA

Artikolu 28

(ex Artikolu 23 TKE)

1. L-Unjoni tinkludi unjoni doganali li tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u tikkomprendi kemm l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b' effett ekwivalenti, kif ukoll l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 u tal-Kapitolu 3 ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw għall-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri kif ukoll għall-prodotti ġejjin minn pajjiżi mhux membri li huma f’ ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri.

Artikolu 29

(ex Artikolu 24 TKE)

Prodotti li ġejjin minn pajjiż mhux membri għandhom jitqiesu li huma f’ ċirkolazzjoni libera fi Stat Membru jekk il-formalitajiet ta’ l-importazzjoni jkunu twettqu u d-dazji doganali jew piżijiet ekwivalenti pagabbli jkunu ġew miġbura fl-Istat Membru in kwistjoni, u li ma kinux ibbenefikaw minn xi rifużjoni totali jew parzjali ta’ dawk id-dazji jew piżijiet.

KAPITOLU 1

UNJONI DOGANALI

Artikolu 30

(ex Artikolu 25 TKE)

Id-Dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali.

Artikolu 31

(ex Artikolu 26 TKE)

Id-dazji tat-Tariffi Doganali Komuni għandhom jkunu stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 32

(ex Artikolu 27 TKE)

Fit-twettieq ta' dak li għandha tagħmel skond dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni għandha tkun gwidata minn:

a) il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-kummerċ bejn Stati Membri u pajjiżi terzi;

b) l-iżvilupp tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, sa fejn dan l-iżvilupp iwassal sabiex iżid il-kapaċità kompetittiva ta' l-impriżi;

c) il-bżonnijiet ta' l-Unjoni f’dak li huwa l-provvista ta' materja prima u prodotti nofshom lesti, filwaqt li tassigura li l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn l-Istati Membri dwar prodotti lesti ma’ jiġux distorti;

d) il-bżonn li jiġu evitati disturbi serji fil-ħajja ekonomika ta’ l-Istati Membri u li jiġi assigurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni u l-espansjoni tal-konsum fi ħdan l-Unjoni.

KAPITOLU 2

KOPERAZZJONI DOGANALI

Artikolu 33

(ex Artikolu 135 TKE)

Fil-limiti ta' l-applikazzjoni tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jieħdu miżuri sabiex isaħħu l-koperazzjoni doganali bejn Stati Membri u bejn dawn u l-Kummissjoni.

KAPITOLU 3

PROJBIZZJONI TA' RESTRIZZJONIJIET KWANTITATTIVI BEJN STATI MEMBRI

Artikolu 34

(ex Artikolu 28 TKE)

Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.

Artikolu 35

(ex Artikolu 29 TKE)

Restrizzjonijiet kwantitattiva fuq l-esportazzjoni u kull miżura li ghandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.

Artikolu 36

(ex Artikolu 30 TKE)

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 inklużi m’għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġustifikati abbażi ta' moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preservazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Artikolu 37

(ex Artikolu 31 TKE)

1. L-Istati Membri għandhom jintroduċu fir-rigward ta’ monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali, dawk l-adattamenti li jassiguraw l-esklużjoni ta’ kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta’ provvista jew marketing ta' prodotti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw għal kull korp li permezz tiegħu Stat Membru, de jure jew de facto, direttament jew indirettament, jikkontrolla, jmexxi jew jinfluenza sew l-importazzjoni jew l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-monopolji delegati mill-Istat għal oħrajn.

2. L-Istati Membri m’għandhomx jieħdu miżuri ġodda li jmorru kontra il-prinċipji stipulati fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq, jew li jillimitaw il-portata ta’ l-Artikoli li jirrigwardaw il-projbizzjoni tad-dazji tad-dwana u r-restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri.

3. Fil-każ ta’ monopolju ta' l-Istat ta’ natura kummerċjali li jkun akkumpanjat b’regoli intiżi li jiffaċilitaw il-bejgħ u ż-żamma ta’ livelli ta’ prezzijiet ta' prodotti agrikoli, ir-regoli stipulati f’dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati b’tali mod li jkun hemm garanziji ekwivalenti fir-rigward ta' l-impjiegi u l-livell ta’ l-għijxien tal-produtturi konċernati.

TITOLU III

AGRIKOLTURA U SAJD

Artikolu 38

(ex Artikolu 32 TKE)

1. L-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta politika komuni ta' l-agrikoltura u s-sajd.

Is-suq intern jikkomprendi l-agrikoltura u l-kummerċ fi prodotti agrikoli u tas-sajd. "Prodotti agrikoli" għandhom ifissru l-prodotti ta' l-art, tat-trobbija ta' l-annimali u tas-sajd kif ukoll ta' l-ewwel proċessar konness direttament ma’ dawn il-prodotti. Ir-referenzi għall-politika agrikola komuni jew għall-agrikoltura u l-użu tat-terminu "agrikola", għandhom jinftiehmu bħala li jirriferu wkoll għas-sajd, b'kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi ta' dan is-settur.

2. Ħlief fejn hemm dispożizzjonijiet kuntrarji fl-Artikoli 39 sa 44, ir-regoli li hemm għall-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern japplikaw għal prodotti agrikoli.

3. Il-Prodotti suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 39 sa 44 huma elenkati fl-Anness I.

4. Il-funzjonament u l-iżvilupp tas-suq intern għall-prodotti agrikoli għandhom jiġu akkompanjati mill-istabbiliment ta’ politika agrikola komuni.

Artikolu 39

(ex Artikolu 33 TKE)

1. L-għan tal-politika agrikola komuni għandu jkun:

a) li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol,

b) li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura,

c) li tagħmel is-swieq stabbli,

d) li tiggarantixxi d-disponibilita' tal-provvisti,

e) li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur.

2. Fit-tfassil tal-politika agrikola komuni u l-metodi speċjali li tista’ tinvolvi, kunsiderazzjoni xierqa għandha tingħata lil dan li ġej:

a) il-karattru partikolari ta' l-attivita agrikola, li joħroġ mill-istruttura soċjali agrikola u mid-disparità strutturali u naturali ta' bejn id-diversi reġjuni agrikoli,

b) il-bżonn li jsiru gradwalment il-bidliet xierqa,

c) il-fatt li fl-Istati Membri l-agrikoltura tikkostitwixxi settur marbut mill-qrib mal-bqija ta' l-ekonomija.

Artikolu 40

(ex Artikolu 34 TKE)

1. Sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 39, għandha tiġi stabbilita organizazzjoni komuni għal swieq agrikoli.

Din l-organizazzjoni għandha tieħu waħda minn dawn il-forom skond il-prodotti konċernati:

a) regoli komuni dwar il-kompetizzjoni;

b) il-koordinament obbligatorju tad-diversi organizzazzjonijiet nazzjonali tas-suq;

c) Organizzazzjoni tas-suq Ewropea.

2. L-Organizzazjoni komuni f’waħda mill-forom imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ tikkomprendi l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 39, b’mod partikolari, kontrolli tal-prezzijiet, sussidji lill-produzzjoni u l-marketing ta’ diversi prodotti, arranġamenti dwar twarrib ta' prodotti u dwar riporti, u mekkaniżmu sabiex jistabbliżżaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni.

L-organizzazzjoni komuni għandha tillimita ruħha sabiex issegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39 u għandha teskludi kull diskrimnazzjoni bejn il-produtturi jew konsumaturi ta' l-Unjoni.

Kull politika komuni tal-prezzijiet għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni u metodi uniformi ta’ kalkolu.

3. Sabiex l-organizzazzjoni komuni msemmija fil-paragrafu 1 tkun tista’ tikseb l-għanijiet tagħha, jistgħu jiġu stabbiliti fond wieħed jew aktar agrikoli ta' gwida u ta' garanzija.

Artikolu 41

(ex Artikolu 35 TKE)

Sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 39, fi ħdan l-istruttura tal-politika agrikola komuni jista’ jiġi provdut partikolarment:

a) il-koordinament effettiv ta’ sforzi rigward taħriġ fl-agrikoltura, ir-riċerka u l-popolarizzazzjoni ta’ l-agronomija, li jista’ jinvolvi proġetti jew istituzzjonijiet finanzjati in komun,

b) miżuri konġunti sabiex tippromwovi l-konsum ta’ ċerti prodotti.

Artikolu 42

(ex Artikolu 36 TKE)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu li jirriferi għar-regoli tal-kompetizzjoni għandhom japplikaw għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli biss safejn jista’ jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tad-dispożizzjonijiet u skond il-proċedura li hemm fl-Artikolu 43(2), u meħud kont xieraq ta' l-objettivi imsemmija fl-Artikolu 39.

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza l-għoti ta’ għajnuna:

a) biex jipproteġi impriżi żvantaġġati minħabba kondizzjonijiet strutturali jew naturali,

b) fil-qafas ta' programmi ta’ żvilupp ekonomiku.

Artikolu 43

(ex Artikolu 37 TKE)

1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti sabiex telabora u timplimenta l-politika agrikola komuni, inkluża s-sostituzzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet nazzjonali b’waħda mill-forom ta’ l-organizzazzjoni komuni previsti fl-Artikolu 40(1), u l-implimentazzjoni tal-miżuri speċifikati f'dan it-Titolu tat-Trattati.

Dawn il-proposti għandhom jieħdu konsiderazzjoni xierqa ta' l-interdipendenza tal-kwistjonijiet agrikoli mqajjma f' dan it-Titolu tat-Trattat.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba ta' l-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd.

3. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd.

4. L-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-suq jistgħu jiġu ssostitwiti bl-organizzazzjoni komuni prevista fl-Artikolu 40(1) taħt il-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2:

a) jekk l-organizzazzjoni komuni toffri lill-Istati Membri li jopponu din il-misura u li jippossjedu huma stess organizzazzjoni nazzjonali għall-prodotti in kwistjoni, garanziji ekwivalenti dwar l-impjieg u l-livell ta’ għijxien tal-produtturi interessati, waqt li jittieħed kont xieraq tar-ritmu ta' l-adattamenti li jkunu possibbli u ta’ gradi ta’ speċjalizzazzjoni meħtieġa; u

b) jekk dik l-organizzazzjoni tkun tista’ tassigura għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni kondizzjonijiet simili għal dawk li jipprevalu fi swieq nazzjonali.

5. Jekk organizzazzjoni komuni tiġi stabbilita għal ċerta materja prima, waqt li tkun għadha ma teżistix għal prodotti korrispondenti proċessati, il-materja prima in kwistjoni wżata għall-prodotti proċessati intizi għall-esportazzjoni f’pajjiżi mhux membri tista' tiġi importata minn barra l-Unjoni.

Artikolu 44

(ex Artikolu 38 TKE)

Meta fi Stat Membru prodott ikun suġġett għal organizzazzjoni nazzjonali tas-suq jew għal regoli interni li jkollhom effett ekwivalenti li jolqtu l-kompetizzjoni ta' produzzjoni simili fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri japplikaw fuq il-prodott in kwistjoni li jkun ġej mill-Istat Membru fejn ikunu l-organizzazzjoni jew ir-regoli fuq imsemmija ħlas ta' kumpens fl-importazzjoni, sakemm dan l-Istat ma japplikax ħlas ta' kumpens fl-esportazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet safejn huwa meħtieġ sabiex jerġa’ jintlaħaq il-bilanċ; tista’ wkoll tawtoriżża l-użu ta’ miżuri oħra, waqt li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tagħhom.

TITOLU IV

MOVIMENT LIBERU TAL-PERSUNI, SERVIZZI U KAPITAL

KAPITOLU 1

IL-ĦADDIEMA

Artikolu 45

(ex Artikolu 39 TKE)

1. Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

2. Dan jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

3. Għandu jinkludi d-dritt, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika:

a) li jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru,

b) li jispostja ruħu liberament għal dan l-għan fit-territorju ta' l-Istati Membri,

c) li joqgħod f'kull Stat Membru sabiex jaħdem f'impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,

d) li jibqa' fit-territorju ta' Stat Membru wara li jkun okkupa impjieg hemm, suġġett għal kondizzjonijiet f' regolamenti implimentattivi li għandhom jitħejjew mill-Kummissjoni.

4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għal impjieg fl-amministrazzjoni pubblika.

Artikolu 46

(ex Artikolu 40 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom joħorġu direttivi jew jagħmlu regolamenti li jistipulaw l-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex iġibu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, kif definit fl-Artikolu 45, b’mod partikolari:

a) billi tiġi assigurata kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tax-xogħol,

b) billi jiġu aboliti l-proċeduri u l-prattiċi amministrattivi kollha u t-termini għat-teħid ta' impjiegi disponibbli skond leġislazzjoni interna jew skond ftehim milħuqa qabel bejn Stati Membri, li jekk jibqgħu eżistenti ikunu ta' xkiel għal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema,

c) billi jiġu mneħħija t-termini u r-restrizzjonijiet l-oħra kollha kontemplati sew fil-leġislazzjoni interna sew taħt ftehim milħuqa qabel bejn Stati Membri, li għall-għażla ħielsa ta' mpjieg, jimponu fuq ħaddiema ta' Stati Membri oħra kondizzjonijiet differenti minn dawk imposti fuq ħaddiema nazzjonali,

d) billi jinħolqu mekkaniżmi adatti sabiex iġibu flimkien l-offerti tax-xogħol u t-talbiet għax-xogħol, u sabiex dawn jiġu bilanċjati b’tali mod li jiġi evitat theddid serju għal-livell ta’ għajxien u ta' l-impjiegi fid-diversi reġjuni u industriji.

Artikolu 47

(ex Artikolu 41 TKE)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-iskambju ta’ ħaddiema żgħażagħ taħt il-qafas ta' programm konġunt.

Artikolu 48

(ex Artikolu 42 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom jadottaw dawk il-miżuri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema; għal dan l-għan, għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw il-ħaddiema migranti impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom:

a) l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċju u fil-kalkolu ta' l-ammont tal-benefiċċju, tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti;

b) il-pagament tal-benefiċċju lil persuni residenti fit-territorji ta’ l-Istati Membri.

Meta membru tal-Kunsill jiddikjara li abbozz ta' att leġislattiv imsemmi fl-ewwel subparagrafu jkun jaffettwa aspetti importanti tas-sistema ta' sigurtà soċjali tiegħu, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni, l-ispiża jew l-istruttura finanzjarja tagħha, jew ikun jaffettwa l-ekwilibriju finanzjarju ta' dik is-sistema, huwa jista' jitlob li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura leġislattiva ordinarja għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jew:

a) jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill, li għandu jtemm is-sospensjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja, jew

b) ma jieħu l-ebda azzjoni jew jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta ġdida; f'dak il-każ, l-att propost oriġinarjament għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

KAPITOLU 2

ID-DRITT TA' STABBILIMENT

Artikolu 49

(ex Artikolu 43 TKE)

Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta' hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta' l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 54 taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital.

Artikolu 50

(ex Artikolu 44 TKE)

1. Sabiex tinkiseb il-liberta' ta’ l-istabbiliment għal xi attività speċifika, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandhom jaġixxu permezz ta’ direttivi.

2. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeserċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, b’mod partikolari:

a) billi jagħtu prijorità in ġenerali, lil dawk l-attivitajiet li għalihom il-libertà ta’ l-istabbiliment tikkostitwixxi kontribut partikolarment utili għall-iżvilupp tal-produzzjoni u l-kummerċ,

b) billi jiżguraw kollaborazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi nazzjonali kompetenti sabiex tiġi aċċertata s-sitwazzjoni speċjali fl-Unjoni tad-diversi attivitajiet konċernati,

c) billi jabolixxu dawk il-proċeduri u prattiċi amministrattivi, kontemplati f'liġijiet nazzjonali jew fi ftehim konklużi qabel bejn Stati Membri, li jekk jibqgħu eżistenti ikunu ta’ xkiel għal-libertà ta' l-istabbiliment,

d) billi jiżguraw li ħaddiema salarjati ta’ Stat Membru wieħed impjegati fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, ikunu jistgħu jibqgħu f’dak it-territorju għall-fini li jidħlu għal attivitajiet hemmekk bħala persuna li taħdem għal rasa, jekk jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet li kien ikollhom jissodisfaw kieku ġew f’dak l-Istat fiż-żmien li fih huma kien beħsiebhom jibdew dawn l-attivitajiet,

e) billi jagħmluha possibli għal ċittadin ta’ Stat Membru li jakkwista u jisfrutta proprjetà immobbli sitwata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, sakemm ma jkunx hemm ksur tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 39(2),

f) billi japplikaw l-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment, f’kull fergħa ta' l-attività kkunsidrata, kemm għall-kondizzjonijiet ta' l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji fit-territorju ta’ Stat Membru, kif ukoll għall-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ta’ impjegati ta’ l-istabbiliment prinċipali fl-organi amministrattivi u superviżorji ta’ tali aġenziji, fergħat u sussidjarji,

g) billi jikkoordinaw, sa fejn hu neċessarju u bil-ħsieb li jiżguraw l-ekwivalenza tagħhom fl-Unjoni kollha, il-garanziji meħtieġa fi Stati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 54, sabiex jipproteġu l-interessi kemm tal-membri kif ukoll ta' terzi,

h) billi jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta' stabbiliment ta’ negozju ma jiġux evitati permezz ta’ xi forma ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 51

(ex Artikolu 45 TKE)

Attivitajiet li fi kwalunkwe Stat, jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’dan il-Kapitolu sa fejn jirrigwarda dak l-Istat.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jeżentaw xi attivitajiet mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’dan il-Kapitolu.

Artikolu 52

(ex Artikolu 46 TKE)

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, u l-miżuri adottati bis-saħħa tagħhom, ma jippreġudikawx l-implementazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jipprovdu għal trattament speċjali ta' ċittadini barranin u li huma ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom joħorġu direttivi għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Artikolu 53

(ex Artikolu 47 TKE)

1. Bl-għan li jkun eħfef għall-persuni li jridu jibdew u ikomplu attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom joħorġu direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali kif ukoll għall-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-bidu u t-tkomplija ta' l-attivitajiet ta' dawk li jaħdmu għal rashom.

2. Fil-każ tal-professjonijiet mediċi, dawk relatati magħhom u dawk farmaċewtiċi, it-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet tiddependi mill-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom fid-diversi Stati Membri.

Artikolu 54

(ex Artikolu 48 TKE)

Il-kumpanniji jew ditti stabbiliti konformement mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċju reġistrati jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Unjoni, għandhom, għall-fini ta' dan il-Kapitolu ikunu meqjusa bħala persuni fiżiċi ċittadini ta’ l-Istati Membri.

"Kumpanniji jew ditti" ifissru kumpanniji jew ditti stabbiliti skond il-liġijiet ċivili jew kummerċjali, inklużi s-soċjetajiet koperattivi u persuni ġuridiċi oħra regolati bid-dritt pubbliku jew privat, ħlief għal dawk bla skop ta' qligħ.

Artikolu 55

(ex Artikolu 294 TKE)

Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tat-Trattati, l-Istati Membri għandhom jagħtu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra l-istess faċilitajiet rigward il-partiċipazzjoni finanzjarja fil-kapital tal-kumpanniji skond l-Artikolu 54 kif huma jagħtu liċ-ċttadini tagħhom proprji, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati.

KAPITOLU 3

IS-SERVIZZI

Artikolu 56

(ex Artikolu 49 TKE)

Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta' hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jestendu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għal servizzi mogħtija minn ċittadini ta’ Stat terz li jkunu stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 57

(ex Artikolu 50 TKE)

Servizzi fis-sens tat-Trattati għandhom jitqiesu li jinkludu servizzi normalment mogħtija bi ħlas, sa fejn ma jkunux regolati minn dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni.

Is-servizzi jinkludu b'mod partikolari:

a) attivitajiet ta’ natura industrijali,

b) attivitajiet ta’ natura kummerċjali,

c) attivitajiet ta’ sengħa,

d) l-attivitajiet tal-professjonijiet liberi.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu dwar id-dritt ta’ l-istabbiliment, persuna li tagħti servizz tista’, sabiex tagħti dan is-servizz, teżerċita l-attivita tagħha temporanjament fl-Istat Membru fejn ikun qed jingħata s-servizz, bl-istess kondizzjonijiet li huma imposti minn dan l-Istat fuq ċittadini tiegħu.

Artikolu 58

(ex Artikolu 51 TKE)

1. Il-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta' l-intestatura dwar it-trasport.

2. Il-liberalizzazzjoni ta’ l-attivitajiet bankarji u s-servizzi ta’ l-assigurazzjoni marbuta mal-movimenti tal-kapital għandha sseħħ f’armonija mal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital.

Artikolu 59

(ex Artikolu 52 TKE)

1. Għall-finijiet tal-kisba tal-liberalizzazzjoni ta’ servizzi speċifiċi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jaġixxu permezz ta' direttivi.

2. Fir-rigward tad-direttivi msemmija fil-paragrafu 1, jirrelataw, b'mod ġenerali, qabel kollox għas-servizzi li jaffettwaw direttament l-ispejjeż tal-produzzjoni, jew li l-liberalizzazzjoni tagħhom sejra tikkontribwixxi sabiex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ merkanzija.

Artikolu 60

(ex Artikolu 53 TKE)

L-Istati Membri jagħmlu ħilithom sabiex jilliberalizzaw is-servizzi ’l hinn mil-limitu magħmul obbligatorju mid-direttivi maħruġa b'implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 59(1), jekk dan ikun permess mis-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tagħhom u mis-sitwazzjoni tas-settur ikkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet f'dan is-sens lill-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 61

(ex Artikolu 54 TKE)

Sakemm l-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-għoti tas-servizzi ma tiġix effettwata, kull Stat Membru għandu japplika dawn ir-restrizzjonijiet mingħajr distinzjoni minħabba ċittadinanza jew residenza għal dawk kollha li jagħtu servizz msemmija fl-Artikolu 56, l-ewwel subparagrafu.

Artikolu 62

(ex Artikolu 55 TKE)

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 51 sa 54, inklużi, għandhom japplikaw għal ħwejjeġ regolati b’ dan il-Kapitolu.

KAPITOLU 4

IL-KAPITAL U L-PAGAMENT

Artikolu 63

(ex Artikolu 56 TKE)

1. Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.

2. Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita.

Artikolu 64

(ex Artikolu 57 TKE)

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta' xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil- 31 ta’ Diċembru 1993 skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi ta' l-Unjoni dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett - inkluż ukoll investiment f’beni immobbli - l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali. Rigward ir-restrizzjonijiet eżistenti skond il-liġi nazzjonali tal-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija, id-data rilevanti għandha tkun il- 31 ta' Diċembru 1999.

2. Filwaqt li jaħdmu sabiex jiksbu l-mira ta’ moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, sa fejn huwa l-aktar possibbli u mingħajr ħsara għall-Kapitoli l-oħra tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri dwar il-moviment ta’ kapital lejn u minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett - li jinkludi investiment f’beni immobbli - l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali.

3. B'deroga mill-paragrafu 2, il-Kunsill biss, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b'unanimità u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri li jikkostitwixxu pass lura fid-dritt ta' l-Unjoni fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi.

Artikolu 65

(ex Artikolu 58 TKE)

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a) li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.

b) li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal finijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew is-sigurtà pubblika.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ta’ restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment li huma kompatibbli mat-Trattati.

3. Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.

4. Fin-nuqqas ta' miżuri f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 64(3), il-Kummissjoni jew, fin-nuqqas ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mit-talba ta' l-Istat Membru kkonċernat, il-Kunsill, jista' jadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-miżuri fiskali restrittivi adottati minn Stat Membru li jikkonċernaw pajjiż terz wieħed jew aktar, għandhom ikunu kkunsidrati kompatibbli mat-Trattati ġaladarba dawn ikunu ġustifikati minn wieħed mill-objettivi ta' l-Unjoni u jkunu kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq talba minn Stat Membru.

Artikolu 66

(ex Artikolu 59 TKE)

Fejn, f’każijiet eċċezzjonali, il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Bank Ċentrali Ewropew, jista’ jieħu miżuri ta’ salvagwardja rigward il-pajjiżi terzi għal żmien ta’ mhux aktar minn sitt xhur, jekk dawk il-miżuri jkunu strettament meħtieġa.

TITOLU V

L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 67

(ex Artikolu 61 TKE u ex Artikolu 29 TUE)

1. L-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta' l-Istati Membri.

2. L-Unjoni għandha tassigura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l-kontroll fil-fruntieri esterni ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tkun ġusta lejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Għall-finijiet ta' dan it-titolu, persuni apolidi għandhom jiġu trattati bħala ċittadini ta' pajjiżi terzi.

3. L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta' sigurtà permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta' miżuri ta' koordinazzjoni u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz ta' l-approssimazzjoni ta' liġijiet kriminali.

4. L-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f'materji ċivili.

Artikolu 68

Il-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi l-linji gwida strateġiċi għal ippjanar leġislattiv u operazzjonali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Artikolu 69

Il-Parlamenti Nazzjonali għandhom jaraw li l-proposti u l-inizjattivi leġislattivi preżentati taħt il-Kapitoli 4 u 5 iħarsu l-prinċipju tas-sussidjarjetà, skond il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Artikolu 70

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 258, 259 u 260, il-Kunsill jista', fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta miżuri li jistabbilixxu l-arranġamenti li permezz tagħhom l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, jagħmlu valutazzjoni oġġettiva u imparzjali ta' l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni prevista f'dan it-Titolu mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jinżammu informati bil-kontenut u bir-riżultati ta' din il-valutazzjoni.

Artikolu 71

(ex Artikolu 36 TUE)

Għandu jiġi stabbilit kumitat permanenti fil-Kunsill sabiex jassigura li koperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna tiġi promossa u msaħħa fi ħdan l-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni ta' l-azzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Ir-rappreżentanti tal-korpi u l-organi konċernati ta' l-Unjoni jistgħu jkunu involuti fil-proċedimenti ta' dan il-Kumitat. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jinżammu informati bil-proċedimenti.

Artikolu 72

(ex Artikolu 64(1) TKE u ex Artikolu 33 TUE)

Dan it-titolu m'għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri rigward iż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

Artikolu 73

L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jorganizzaw bejniethom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom forom ta' koperazzjoni u ta' koordinazzjoni kif iqisu xieraq bejn id-dipartimenti kompetenti ta' l-amministrazzjonijiet tagħhom responsabbli sabiex jassiguraw is-sigurtà nazzjonali.

Artikolu 74

(ex Artikolu 66 TKE)

Il-Kunsill għandu jadotta miżuri sabiex jassigura l-koperazzjoni amministrattiva bejn is-servizzi kompetenti ta' l-Istati Membri fl-oqsma koperti b'dan it-Titolu, kif ukoll bejn dawk is-servizzi u l-Kummissjoni. Huwa għandu jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, suġġett għall-Artikolu 76, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 75

(ex Artikolu 60 TKE)

Fejn meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fl-Artikolu 67, fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u attivitajiet marbuta ma' dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jiddefinixxu qafas għal miżuri amministrattivi fir-rigward tal-movimenti tal-kapital u tal-pagamenti, bħall-iffriżar ta' fondi, assi finanzjarji jew benefiċċji ekonomiċi li jappartjenu lil, jew li jkunu proprjetà ta', jew miżmuma minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali.

Il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni għandu jadotta miżuri sabiex jimplimenta l-qafas imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-atti previsti f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.

Artikolu 76

L-atti previsti fil-Kapitoli 4 u 5, kif ukoll il-miżuri previsti fl-Artikolu 74 li jassiguraw koperazzjoni amministrattiva fl-oqsma koperti minn dawn il-kapitoli, għandhom jiġu adottati:

a) fuq proposta tal-Kummissjoni, jew

b) fuq l-inizjattiva ta' kwart mill-Istati Membri.

KAPITOLU 2

POLITIKA DWAR KONTROLLI FIL-FRUNTIERI, L-ASIL U L-IMMIGRAZZJONI

Artikolu 77

(ex Artikolu 62 TKE)

1. L-Unjoni għandha tiżviluppa politika bil-għan li:

a) tassigura li ma jkun hemm l-ebda kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni;

b) tassigura li jsiru kontrolli fuq persuni u sorveljanza effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni;

c) iddaħħal b'mod gradwali sistema integrata ta' ġestjoni għall-fruntieri esterni.

2. Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar:

a) il-politika komuni dwar viżi u permessi oħra ta' residenza għal permanenza qasira;

b) il-kontrolli li huma suġġetti għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;

c) il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom il-libertà li jivvjaġġaw fl-Unjoni għal żmien qasir;

d) kwalunkwe miżura meħtieġa għall-istabbiliment gradwali ta' sistema integrata ta' ġestjoni għall-fruntieri esterni;

e) in-nuqqas ta' kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni.

3. Jekk jidher li tkun meħtieġa azzjoni mill-Unjoni sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt, previst fl-Artikolu 20(2)(a) u biss jekk it-Trattati jkunu pprovdew is-setgħat meħtieġa, il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jadotta dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti, il-karti ta' l-identità, il-permessi ta' residenza jew kwalunkwe dokument ieħor relatat. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

4. Dan l-Artikolu m'għandux jolqot il-kompetenza ta' l-Istati Membri dwar id-demarkazzjoni ġeografika tal-fruntieri tagħhom, skond id-dritt internazzjonali.

Artikolu 78

(ex Artikoli 63, punti 1 u 2, u 64(2) TKE)

1. L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta' pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta' non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat- 28 ta' Lulju 1951 u mal-Protokoll tal- 31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif ukoll ma' trattati oħra rilevanti.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta' asil li tinkludi:

a) status uniformi ta' asil għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha;

b) status uniformi ta' protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

c) sistema komuni ta' protezzjoni temporanja, fil-każ ta' dħul massiv, għal persuni maqlugħa minn pajjiżhom;

d) proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus uniformi ta' asil jew ta' protezzjoni sussidjarja;

e) kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni ta' l-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għal asil jew għal protezzjoni sussidjarja;

f) standards dwar il-kondizzjonijiet sabiex jintlaqgħu l-applikanti għal asil jew għal protezzjoni sussidjarja;

g) sħubija u koperazzjoni ma' pajjiżi terzi għall-amministrazzjoni tal-flussi ta' persuni li japplikaw għal asil jew għal protezzjoni sussidjarja jew temporanja.

3. F'każ li Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' emerġenza karatterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta' l-Istat(i) Membru(i) konċernat(i). Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 79

(ex Artikolu 63, punti 3 u 4, TKE)

1. L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta' immigrazzjoni maħsuba sabiex tassigura, fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni, it-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda b' saħħa kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri fl-oqsma li ġejjin:

a) il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza, kif ukoll l-istandards dwar il-ħruġ minn Stati Membri ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil, inklużi dawk sabiex terġa' tingħaqad il-familja;

b) id-definizzjoni tad-drittijiet ta' ċittadin ta' pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta' moviment u ta' residenza fi Stati Membri oħra;

c) l-immigrazzjoni illegali u r-residenza mhux awtorizzata, inkluża t-tkeċċija u r-ripatrijazzjoni ta' persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni;

d) il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal.

3. L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiżi terzi dwar id-dħul mill-ġdid fil-pajjiż ta' l-oriġini jew ta' provenjenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew ma jibqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet għad-dħul, għall-preżenza jew għar-residenza fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri.

4. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu miżuri sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-azzjoni ta' l-Istati Membri bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorju tagħhom, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

5. Dan l-Artikolu m'għandux jolqot id-dritt ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu l-volumi ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ġejjin minn pajjiżi terzi, fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom.

Artikolu 80

Il-politika ta' l-Unjoni prevista f'dan il-Kapitolu u l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha bejn l-Istati Membri. Kull meta jkun meħtieġ, l-atti ta' l-Unjoni adottati skond dan il-Kapitolu għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

KAPITOLU 3

KOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F'MATERJI ĊIVILI

Artikolu 81

(ex Artikolu 65 TKE)

1. L-Unjoni għandha tiżviluppa koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji. Din il-koperazzjoni tista' tinkludi l-adozzjoni ta' miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw, b'mod partikolari fejn dan ikunmeħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, miżuri bil-għan li jassiguraw:

a) ir-rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri u l-infuzar ta' deċiżjonijiet f'każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji;

b) in-notifika transkonfinali ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji;

c) il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġurisdizzjoni;

d) il-koperazzjoni sabiex jinkisbu l-provi;

e) aċċess effettiv għall-ġustizzja;

f) it-tneħħija ta' xkiel għall-funzjonament tajjeb ta' proċedimenti ċivili, jekk meħtieġ billi tkun promossa l-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-proċedura ċivili applikabbli fl-Istati Membri;

g) l-iżvilupp ta' metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim;

h) appoġġ fit-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju.

3. B'deroga mill-paragrafu 2, il-miżuri dwar il-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li skond il-proċedura leġislattiva speċjali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kumissjoni, jista' jadotta deċiżjoni li tiddetermina dawk l-aspetti tal-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali li jistgħu jkunu s-suġġett ta' atti adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Il-proposta prevista fit-tieni subparagrafu għandha tintbagħat lill-Parlamenti nazzjonali. Jekk Parlament nazzjonali jgħarraf l-oppożizzjoni tiegħu fi żmien sitt xhur mid-data ta' tali notifika, id-deċiżjoni m'għandhiex tiġi adottata. Fin-nuqqas ta' oppożizzjoni, il-Kunsill jista' jadotta din id-deċiżjoni.

KAPITOLU 4

KOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F'MATERJI KRIMINALI

Artikolu 82

(ex Artikolu 31 TUE)

1. Il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha tinkludi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri fl-oqsma previsti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 83.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li:

a) jistabbilixxu regoli u proċeduri sabiex jassiguraw ir-rikonoxximent fl-Unjoni kollha tal-forom kollha ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji;

b) jipprevjenu u jsolvu konflitti ta' ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri;

c) jappoġġaw it-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju;

d) jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' proċedimenti f'materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet.

2. Fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli minimi għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali ta' l-Istati Membri.

Dawn għandhom jikkonċernaw:

a) l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri;

b) id-drittijiet ta' l-individwi fil-proċedura kriminali;

c) id-drittijiet ta' vittmi tal-kriminalità;

d) aspetti speċifiċi oħra tal-proċedura kriminali li l-Kunsill ikun identifika minn qabel b'deċiżjoni; għall-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-adozzjoni tar-regoli minimi previsti f'dan il-paragrafu m'għandhiex iżomm lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew idaħħlu livell ogħla ta' protezzjoni għall-individwi.

3. Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' direttiva kif previst fil-paragrafu 2 jkun ta' ħsara għal aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista' jitlob li l-abbozz tad-direttiva jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura leġislattiva ordinarja għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill, li għandu jtemm is-sospensjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja.

Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas 9 Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz tad-direttiva konċernata, dawn għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu bil-koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa.

Artikolu 83

(ex Artikolu 31 TUE)

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi ta' dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta' dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażijiet komuni.

Dawn l-oqsma ta' kriminalità huma li ġejjin: it-terroriżmu, it-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta' droga, it-traffiku illeċitu ta' armi, il-money laundering, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata.

Abbażi ta' l-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta' kriminalità li jissodisfaw il-kriterji indikati f'dan il-paragrafu. Huwa għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2. Jekk l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri f'materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta' politika ta' l-Unjoni f'qasam li kien suġġett għall-miżuri ta' armonizzazzjoni, jistgħu jsiru direttivi li jistabbilixxu r-regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat. Dawn id-direttivi għandhom jiġu adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja jew speċjali bħal dik użata għall-adozzjoni tal-miżuri ta' armonizzazzjoni in kwistjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 76.

3. Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' direttiva kif previst fil-paragrafu 1 jew 2 jolqot xi aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista' jitlob li l-abbozz ta' direttiva jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura leġislattiva ordinarja għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill, li għandu jtemm is-sospensjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja.

Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas disa' Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz tad-direttiva konċernata, huma għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu bil-koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) u tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar koperazzjoni msaħħa.

Artikolu 84

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja jistgħu jistabbilixxu miżuri sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-azzjoni ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

Artikolu 85

(ex Artikolu 31 TUE)

1. Il-missjoni tal-Eurojust għandha tkun li tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni fir-rigward ta' kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar jew li teħtieġ prosekuzzjoni fuq bażi komuni, abbażi ta' operazzjonijiet immexxija u informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u mill-Europol.

F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jiddeterminaw l-istruttura, il-funzjonament, il-qasam ta' l-azzjoni u l-kompiti ta' l-Eurojust. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

a) il-bidu ta' investigazzjonijiet kriminali kif ukoll proposti għall-bidu ta' prosekuzzjonijiet, immexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'mod partikolari dawk relatati ma' reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni;

b) il-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet previsti fil-punt a);

c) it-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja, inkluża bir-riżoluzzjoni tal-kunflitti dwar il-ġurisdizzjoni u b'koperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

Dawn ir-regolamenti għandhom jiddeterminaw ukoll l-arranġamenti ta' assoċjazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali fil-valutazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Eurojust.

2. Fil-prosekuzzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 86, l-atti formali ta' proċedura ġudizzjarja għandhom jitwettqu mill-uffiċjali nazzjonali kompetenti.

Artikolu 86

1. Sabiex jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-Eurojust. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fin-nuqqas ta' unanimità, grupp magħmul minn mill-anqas disa' Stati Membri jista' jitlob li l-abbozz ta' regolament jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura fil-Kunsill għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas disa' Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz ta' regolament konċernat, Dawn għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu b'koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) u tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa.

2. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun kompetenti għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja, fejn xieraq f'kollaborazzjoni ma' l-Europol, ta' l-awturi u l-kompliċi ta' reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni, kif determinat mir-regolament previst fil-paragrafu 1. Huwa għandu jwettaq il-funzjoni ta' prosekutur fil-qrati kompetenti ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' dawn ir-reati.

3. Ir-regolamenti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiddeterminaw ir-regoli ġenerali applikabbli għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, ir-regoli ta' proċedura applikabbli għall-attivitajiet tiegħu, kif ukoll dawk li jirregolaw l-ammissibbiltà tal-provi, u r-regoli applikabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri proċedurali meħuda minnu fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

4. Il-Kunsill Ewropew jista', fl-istess ħin jew wara, jadotta deċiżjoni li temenda l-paragrafu 1 sabiex twessa' l-kompetenzi ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex jinkludu l-ġlieda kontra l-kriminalità serja b'dimensjoni transkonfinali u li konsegwentement temenda l-paragrafu 2 fir-rigward ta' l-awturi u l-kompliċi ta' reati serji li jolqtu lil aktar minn Stat Membru wieħed. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u wara li jikkonsulta l-Kummissjoni.

KAPITOLU 5

KOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA

Artikolu 87

(ex Artikolu 30 TUE)

1. L-Unjoni għandha tistabbilixxi koperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha ta' l-Istati Membri, inkluża l-pulizija, is-servizzi tad-dwana u servizzi oħrajn ta' l-infurzar tal-liġi speċjalizzati fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati kriminali.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu miżuri dwar:

a) il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti;

b) l-appoġġ għat-taħriġ tal-persunal, kif ukoll il-koperazzjoni dwar l-iskambju tal-persunal, dwar tagħmir u dwar ir-riċerka fil-kxif tal-kriminalità;

c) it-tekniċi investigattivi komuni sabiex jinkixfu forom serji ta' kriminalità organizzata.

3. Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jistabbilixxi miżuri dwar il-koperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet imsemmija f'dan l-Artikolu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Fin-nuqqas ta' unanimità, grupp magħmul minn mill-anqas disa' Stati Membri jista' jitlob li l-abbozz ta' miżuri jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura fil-Kunsill għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas disa' Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz tal-miżuri konċernati, dawn għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu b'koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw d-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa.

Il-proċedura speċifika prevista fit-tieni u t-tielet subparagrafu m'għandhiex tapplika għal atti li jkunu żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen.

Artikolu 88

(ex Artikolu 30 TUE)

1. Il-missjoni ta' l-Europol għandha tkun li tappoġġja u ssaħħaħ azzjoni ta' l-awtoritajiet tal-pulizija u servizzi oħrajn ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri kif ukoll il-koperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tolqot lil żewġ Stati Membri jew iktar, it-terroriżmu u l-forom ta' kriminalità li jolqtu interess komuni kopert minn politika ta' l-Unjoni.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jiddeterminaw l-istruttura, il-funzjonament, il-qasam ta' l-azzjoni u l-kompiti ta' l-Europol. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

a) il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta' informazzjoni mgħoddi partikolarment mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi jew korpi terzi;

b) il-koordinazzjoni, l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta' investigazzjonijiet u azzjonijiet operattivi mwettqa flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew fil-qafas ta' gruppi investigattivi konġunti, meta xieraq f'kollaborazzjoni ma' l-Eurojust.

Dawn ir-regolamenti għandhom jiddeterminaw ukoll il-proċeduri għal kontroll ta' l-attivitajiet ta' l-Europol mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-Parlamenti nazzjonali.

3. Kwalunkwe azzjoni operattiva mill-Europol għandha titwettaq flimkien u bi ftehim ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li t-territorju tagħhom huwa konċernat. L-applikazzjoni ta' miżuri koerċitivi għandha tkun ir-responsabbiltà esklużiva ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Artikolu 89

(ex Artikolu 32 TUE)

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-limiti li fihom l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 82 u 87 jistgħu jintervjenu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor flimkien u bi ftehim ma' l-awtoritajiet ta' dan ta' l-aħħar. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

TITOLU VI

IT-TRASPORT

Artikolu 90

(ex Artikolu 70 TKE)

Rigward il-materji f’dan it-Titolu, l-objettivi tat-Trattati għandhom jiġu segwiti fil-kwadru ta’ politika komuni tat-trasport.

Artikolu 91

(ex Artikolu 71 TKE)

1. Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 90, u filwaqt li jitqiesu l-fatturi partikolari tat-trasport, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jistabbilixxu:

a) regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar;

b) il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru;

c) miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport;

d) provvedimenti oħra xierqa.

2. Fl-adozzjoni tal-miżuri previsti fil-paragrafu 1, għandu jittieħed kont tal-każijiet fejn l-applikazzjoni tagħhom taf tolqot b'mod gravi l-livell ta' l-għajxien u l-impjieg f'ċerti reġjuni, kif ukoll it-tħaddim tat-tagħmir tat-trasport.

Artikolu 92

(ex Artikolu 72 TKE)

Sakemm jiġu magħmula d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1), u sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta miżura li tagħti deroga, ebda Stat Membru m’għandu japplika d-diversi dispożizzjonijiet tat-trasport li jirregolaw il-materja fl- 1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni tagħhom, b'mod li jagħmilhom inqas favorevoli, fl-effett dirett jew indirett tagħhom, għat-trasportaturi ta’ Stati Membri oħra meta mqabbla mat-trasportaturi tagħhom nazzjonali.

Artikolu 93

(ex Artikolu 73 TKE)

Miżuri ta’ għajnuna meħtieġa għall-koordinament tat-trasport, jew li jikkorrispondu ma’ rimborżi dwar ċerti piżijiet li jeżistu fil-prinċipju ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati.

Artikolu 94

(ex Artikolu 74 TKE)

Kull miżura dwar prezzijiet u kondizzjonijiet tat-trasport, adottati fil-kwadru tat-Trattati, għandha tqis kif xieraq is-sitwazzjoni ekonomika tat-trasportaturi.

Artikolu 95

(ex Artikolu 75 TKE)

1. Id-diskriminazzjonijiet kollha li jikkonsistu fl-applikazzjoni minn trasportaturi dwar l-istess merkanzija ittrasportata fl-istess rotot, ta’ prezzijiet u kondizzjonijiet tat-trasport li jvarjaw skond il-pajjiż ta’ l-origini jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija li tinġarr, għandhom jiġu projbiti fi ħdan l-Unjoni.

2. Il-Paragrafu 1 ma jeskludix l-adozzjoni ta’ miżuri oħra mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 91(1).

3. Il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu, jagħmel regolamenti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

Il-Kunsill jista’, partikolarment jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ikunu jistgħu jassiguraw li r-regola li hemm fil-paragrafu 1 tiġi osservata u li dawk li jużawha jgawdu l-vantaġġi li tagħti.

4. Il-Kummissjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, teżamina il-każijiet ta’ diskriminazzjoni msemmija f’paragrafu 1, u, wara li tikkonsulta kull Stat Membru interessat, għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa skond ir-regolamenti magħmula skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.

Artikolu 96

(ex Artikolu 76 TKE)

1. Dwar trasport effettwat fi ħdan l-Unjoni, l-applikazzjoni imposta minn Stat Membru ta’ prezzijiet u kondizzjonijiet li jinvolvu element ta’ sostenn jew protezzjoni, għall-benefiċċju ta’ impriża jew industrija waħda jew iktar partikolari, għandha tkun projbita, sakemm ma tkunx awtoriżżata mill-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, teżamina l-prezzijiet u l-kondizzjonijiet imsemmija f’paragrafu 1, b’kunsiderazzjoni partikolari, min-naħa l-waħda, għall-esiġenzi ta’ politika ekonomika reġjonali adegwata, l-bżonnijiet ta’ reġjuni sottożviluppati, u l-problemi ta’ reġjuni milqutin serjament minn ċirkostanzi politiċi u, min-naħa l-oħra, għall-effetti ta’ dawk il-prezzijiet u kondizzjonjiet fuq il-kompetizzjoni bejn il-forom differenti ta’ trasport.

Wara li tikkonsulta kull Stat Membru interessat, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.

3. Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tapplikax għal tariffi ta' kompetizzjoni.

Artikolu 97

(ex Artikolu 77 TKE)

Ħlasijiet jew drittijiet miġbura minn trasportatur, biż-żieda tal-prezzijiet tat-trasport, għat-trasport li jaqsam il-fruntieri, ma għandhomx jeċċedu livell raġonevoli, meħuda kunsiderazzjoni xierqa ta' l-ispejjeż reali ta’ dak it-trasport.

L-Istati Membri għandhom iħabirku sabiex inaqqsu progressivament dawn l-ispejjeż.

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 98

(ex Artikolu 78 TKE)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma għandomx jostakolaw l-applikazzjoni ta' miżuri adottati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, safejn dawn huma meħtieġa sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi ekonomiċi kaġunati mid-divisjoni tal-Ġermanja, għall-ekonomija ta’ ċerti arej tar-Repubblika Federali milquta minn dik id-divisjoni. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni li tirrevoka dan l-Artikolu.

Artikolu 99

(ex Artikolu 79 TKE)

Kumitat konsultattiv, magħmul minn esperti maħtura mill-Gvernijiet ta’ Stati Membri, għandu jiġi anness mal-Kummissjoni, li għandha tikkonsultah fuq kwistjonijiet ta’ trasport kull meta tqis li jkun opportun.

Artikolu 100

(ex Artikolu 80 TKE)

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw għat-trasport bil-ferrovija, fit-triq, u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u ta' l-ajru. Huma għandhom jaġixxu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

TITOLU VII

REGOLI KOMUNI FUQ IL-KOMPETIZZJONI, FUQ IT-TASSAZZJONI U L-APPROSSIMAZZJONI TAL-LIĠIJIET

KAPITOLU 1

REGOLI LI JIRREGOLAW IL-KOMPETIZZJONI

TAQSIMA 1

REGOLI LI JAPPLIKAW GĦAL IMPRIŻI

Artikolu 101

(ex Artikolu 81 TKE)

1. Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta' deċiżjonijiet assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:

a) l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju,

b) il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta' l-iżvilupp tekniku jew ta' l-investiment,

c) it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista,

d) l-applikazzjoni ta' kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b' hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

e) is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawk il-kuntratti.

2. L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti bid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli.

3. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu dikjarati inapplikabbli fil-każ ta’ xi wieħed milli ġejjin, jiġifieri:

- akkordji jew kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi,

- deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi jew kategoriji ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi,

- prattiċi miftiehma jew kategoriji ta’ prattiċi miftiehma

li jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew sabiex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, izda li ma:

a) jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta' l-għanijiet ta’ hawn fuq,

b) jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f'parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

Artikolu 102

(ex Artikolu 82 TKE)

Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a) l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ,

b) il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta' l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi,

c) l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra, l i b' hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

d) is-suġġettar tal-konklużjoni ta' kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta' obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawk il-kuntratti.

Artikolu 103

(ex Artikolu 83 TKE)

1. Ir-regolamenti jew id-direttivi xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

2. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom l-għan, partikolarment:

a) biex jassiguraw l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 101(1) u fl-Artikolu 102, bl-istituzzjoni ta’ multi jew penali perjodiċi,

b) biex jiddeterminaw il-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 101(3), b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtieġa li jassiguraw superviżjoni adegwata flimkien ma’ l-iktar simplifikazzjoni massima possibbli ta’ kontroll amministrattiv,

c) fejn meħtieġ, sabiex jiddefinixxu l-ambitu ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 101 u 102 dwar id-diversi setturi ekonomiċi,

d) biex jispeċifikaw il-kompiti rispettivi tal-Kummissjoni u tal- Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu,

e) biex jispeċifikaw ir-relazzjoni tal-liġijiet nazzjonali mad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima u dawk adottati fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 104

(ex Artikolu 84 TKE)

Sakemm il-miżuri meħuda fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 103 jidħlu fis-seħħ, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu fuq l-ammissibbiltà ta' akkordji u fuq kwistjonijiet dwar kull abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern, skond il-liġijiet tal-pajjiżi tagħhom u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 101, speċjalment il-paragrafu 3, u ta’ l-Artikolu 102.

Artikolu 105

(ex Artikolu 85 TKE)

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 104, il-Kummissjoni għandha, tissorvelja l-applikazzjoni tal-prinċipji li hemm fl-Artikoli 101 u 102. Fuq talba ta’ Stat Membru, jew fuq inizjattiva tagħha stess, hija għandha tinvestiga, flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jipprestaw l-assistenza tagħhom, kull ksur suspettat tal-prinċipji msemmija hawn fuq. Jekk isib li dak il-ksur ikun ġara, hija għandha tipproponi mezzi xierqa sabiex twaqqfu.

2. Jekk dak il-ksur ikompli, il-Kummissjoni għandha toħroġ deċiżjoni motivata li tirreġistra l-ksur tal-prinċipji. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika d-deċiżjoni tagħha u tista’ tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni skond il-kondizzjonijiet u fil-modalitajiet li jiġu preskritti mill-Kummissjoni.

3. Il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti dwar il-kategoriji ta' ftehim li fir-rigward tagħhom il-Kunsill ikun adotta regolament jew direttiva skond l-Artikolu 103(2)(b).

Artikolu 106

(ex Artikolu 86 TKE)

1. Dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli fit-Trattati, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 18 u fl-Artikoli 101 sa 109 inklużi.

2. Kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b' mod kuntrarju għall-interessi ta' l-Unjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tassigura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u għandha, fejn meħtieġ, toħroġ direttivi jew deċiżjonijiet opportuni lill-Istati Membri.

TAQSIMA 2

GĦAJNUNA MILL-ISTATI

Artikolu 107

(ex Artikolu 87 TKE)

1. Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

2. It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin ikunu kompatibbli mas-suq intern:

a) għajnuna ta’ karattru soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, basta dik l-għajnuna tiġi mogħtija mingħajr diskriminazzjoni bażata fuq l-oriġini tal-prodotti konċernati,

b) kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji,

c) l-għajnuna mogħtija lill-ekonomiji ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta bid-diviżjoni tal-Ġermanja, safejn dik l-għajnuna tkun meħtieġa sabiex tikkompensa għall-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati b’dik id-diviżjoni. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni li tħassar dan il-punt.

3. It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern:

a) għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta' l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg, kif ukoll tar-reġjuni msemmija fl-Artikolu 349, b'kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali, ekonomika u soċjali tagħhom,

b) għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru,

c) għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni,

d) għajnuna sabiex tiġi promossa l-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni,

e) dawk il-kategoriji oħra ta’ għajnuna li jistgħu jiġu speċifikati b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

Artikolu 108

(ex Artikolu 88 TKE).

1. Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma' l-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta' l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq intern.

2. Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq intern skond l-Artikolu 107, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

Jekk l-Istat interessat ma joqgħodx għal din id-deċiżjoni fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni jew kull Stat ieħor interessat ikun jista' jippreżenta l-materja direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 258 u 259.

Fuq talba ta’ kull Stat Membru, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, b’vot unanimu, li miżura ta’ għajnuna mogħtija jew li trid tingħata minn dak l-Istat għandha tkun ikkonsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern, b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 107 jew tar-regolamenti previsti fl-Artikolu 109, jekk din id-deċiżjoni tkun ġustifikata b’ċirkostanzi eċċezzjonali. Jekk il-Kummissjoni diġà tkun bdiet il-proċedura preskritta fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, rigward l-għajnuna in kwistjoni, it-talba magħmula lill-Kunsill mill-Istat interessat għandha ġġib is-sospensjoni ta’ dik il-proċedura sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-pożizzjoni tiegħu.

Madankollu, jekk il-Kunsill ma jkunx għarraf il-pożizzjoni tiegħu f’egħluq tliet xhur minn dik it-talba, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq intern skond it-termini ta’ l-Artikolu 107, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.

4. Il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti dwar il-kategoriji ta' għajnuna mill-Istat li l-Kunsill ikun iddetermina skond l-Artikolu 109, li jistgħu jiġu eżentati mill-proċedura prevista fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 109

(ex Artikolu 89 TKE)

Il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista' jagħmel regoli approprijati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 107 u 108 u jista' partikolarment jiffissa l-kondizzjonijiet li fihom l-Artikolu 108(3) għandu japplika u l-kategoriji ta’ għajnuna eżenti minn din il-proċedura.

KAPITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET FISKALI

Artikolu 110

(ex Artikolu 90 TKE)

Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.

Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra.

Artikolu 111

(ex Artikolu 91 TKE)

Il-prodotti esportati għat-territorju ta’ Stat Membru ma jistgħux jibbenefikaw minn rifużjoni ta’ taxxi interni ogħla mit-taxxi li jkunu ġew imposti, direttament jew indirettament, fuqhom.

Artikolu 112

(ex Artikolu 92 TKE)

Rigward il-ħlasijiet ħlief ħlasijiet fuq it-turnover, dazji tas-sisa u miżuri oħra ta’ tassazjoni indiretta, eżenzjonijiet u rifużjonijiet dwar esportazzjonijiet għal Stati Membri oħra ma jistgħux jingħataw, u taxxi li jikkumpensaw fuq importazzjonijiet minn Stati Membri oħra ma jistgħux jiġu imposti, ħlief safejn il-miżuri kontemplati jkunu ġew approvati minn qabel għal perjodu limitat mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

Artikolu 113

(ex Artikolu 93 TKE)

Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta’ leġislazzjoni li tittratta dwar taxxi fuq it-turnover, dazji tas-sisa u forom oħra ta’ tassazzjoni indiretta daqs kemm din l-armonizzazzjoni tkun neċessarja sabiex tiżgura l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

KAPITOLU 3

APROSSIMAZZJONI TA' LIĠIJIET

Artikolu 114

(ex Artikolu 95 TKE)

1. Ħlief fejn provdut xort'oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba ta’l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal dispożizzjonijiet fiskali, għal dawk li għandhom x'jaqsmu mal-moviment liberu ta' persuni u lanqas għal dawk li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet u l-interessi ta' l-impjegati.

3. Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna s-saħħa, s-sigurtà, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv.

4. Jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.

5. Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ibbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali invlouti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le meżż ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m' hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista' tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perijodu msemmi f’dan il-paragrafu jista' jittawwal b’perijodu ieħor sa sitt xhur.

7. Meta, bis-saħħa tal-paragrafu 6, xi Stat Membru jkun awtoriżżat li jżomm jew jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha immedjetament teżamina jekk tipproponix adattament għal dik il-miżura.

8. Meta Stat Membru jqajjem problema speċifika dwar is-saħħa pubblika f’qasam li kien suġġett minn qabel għal miżuri ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni li għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix miżuri xierqa lill-Kunsill.

9. B' deroga mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 258 u 259, il-Kummissjoni u xi Stat Membru jista' jressaq il-materja direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jekk jikkunsidraw li xi Stat Membru ieħor ikun qiegħed jgħamel użu mhux xieraq tal-poteri previsti f’dan l-Artikolu.

10. Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni msemmija hawn fuq għandhom, fil-każi xierqa, jinkludu klawsola ta’ salvagwardja li tawtoriżża lill-Istati Membri li jieħdu għal raġuni waħda jew aktar li m' hijiex ta' natura ekonomika imsemmija fl-Artikolu 36, miżuri provviżorji suġġetti għall-proċedura tal-kontroll mill-Unjoni.

Artikolu 115

(ex Artikolu 94 TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern.

Artikolu 116

(ex Artikolu 96 TKE)

Jekk il-Kummissjomi issib li d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet, regolamenti jew regoli amministrattivi ta’ l-Istati Membri qed twassal għal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni distorti fis-suq intern, u b'hekk iġibu nuqqas ta’ bilanċ li jitlob korrezzjoni, hija għandha tikkonsulta ma’ l-Istati Membri interessati.

Jekk dawk il-konsultazzjonijiet ma jwasslux għal ftehim li bih in-nuqqas ta’ bilanċ imsemmi jiġi korrett, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom joħorġu d-direttivi meħtieġa għal dan il-għan. Kwalunkwe miżura utli oħra prevista fit-Trattati tista' tiġi adottata.

Artikolu 117

(ex Artikolu 97 TKE)

1. Jekk ikollu raġuni għax jibża’ li l-adozzjoni jew emenda ta’ liġi, regolament jew regola amministrattiva tkun se ġġib f’nuqqas ta’ bilanċ fis-sens ta’ l-Artikolu preċedenti, l-Istat Membru li jkun irid jipproċedi għal dan għandu jikkonsulta l-Kummissjoni. Wara li tikkonsulta l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda lill-Istati interessati dawk il-miżuri li jistgħu jkunu xierqa sabiex jevitaw in-nuqqas ta’ bilanċ imsemmi.

2. Jekk l-Istat li jkun jixtieq jintroduċi jew jemenda dispożizzjonijiet nazzjonali ma jwettaqx ir-rakkomandazzjoni magħmula lilu mill-Kummissjoni, Stati Membri oħra ma għandhomx jintalbu, skond it-termini ta’ l-Artikolu 116, sabiex jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom stess sabiex jikkoreġu dak in-nuqqas ta’ bilanċ. Jekk l-Istat Membru li jinjora r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jġib nuqqas ta’ bilanċ bi ħsara tiegħu nnifsu biss, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 116 ma għandhomx japplikaw.

Artikolu 118

Fil-qafas ta' l-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri dwar il-ħolqien ta' drittijiet Ewropej sabiex tiġi assigurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar l-Unjoni u dwar l-istabbiliment ta' sistemi ta' awtorizzazzjoni, ta' koordinazzjoni u ta' kontroll ċentralizzati fil-livell ta' l-Unjoni.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi, permezz ta' regolament, l-arranġamenti lingwistiċi għad-drittijiet Ewropej. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

TITOLU VIII

POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA

Artikolu 119

(ex Artikolu 4 TKE)

1. Għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta’ l- Istati Membri u l-Unjoni għandhom jinkludu, kif provdut fit-Trattati, l-adozzjoni ta’ politika ekonomika li tkun ibbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri, fuq is-suq intern kif ukoll fuq id-definizzjoni ta’għanijiet komuni, u li tkun immexxija skond il-prinċipji ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

2. Fl-istess waqt u bil-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri previsti fit-Trattati, din l-azzjoni għandha tinvolvi munita waħda, l-euro, kif ukoll id-definizzjoni u żvolġiment ta’ politika monetarja waħda u ta’ politika ta’ rata ta’ kambju waħda li l-għan primarju tagħhom għandu jkun dak li tinżamm l-istabbilità fil-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, li tiġi msaħħa kull politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni, skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

3. Dawn l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u ta' l-Unjoni għandhom jeżiġu li jiġu mħarsa dawn il-prinċipji gwida li ġejjin: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli.

KAPITOLU 1

POLITIKA EKONOMIKA

Artikolu 120

(ex Artikolu 98 TKE)

L-Istati Membri għandhom imexxu l-politika ekonomika tagħhom bil-għan li jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Unjoni, kif definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fil-kuntest tal-linji direttivi ġenerali imsemmija fl-Artikolu 121(2). L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaġixxu skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, li jiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi, u konformement mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 119.

Artikolu 121

(ex Artikolu 99 TKE)

1. L-Istati Membri għandhom iqisu il-linji tal-politika ekonomika tagħhom bħala materja ta' interess komuni u għandhom jikkordinawhom fi ħdan il-Kunsill, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 120.

2. Il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jifformola abbozz għal-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni, u għandu jirrapporta r-riżultati lill-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew għandu, jiddiskuti x'konklużjoni għandu jasal għaliha dwar il-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tar-rapport tal-Kunsill.

Fuq il-bażi ta’ din il-konklużjoni, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni li tistipula dawn il-linji direttivi ġenerali. Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni tiegħu.

3. Sabiex jiżgura koordinazzjoni aktar stretta tal-linji ta' politika ekonomika u l-konverġenża kontinwa fl-attività ekonomika ta' l-Istati Membri, il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta’ rapporti preżentati mill-Kummissjoni, jissorvelja l-iżviluppi ekonomiċi f'kull Stat Membru u fl-Unjoni, kif ukoll il-konformità ta’ kull politika ekonomika mal-linji direttivi ġenerali imsemmijja fil-paragrafu 2, kif ukoll jagħmel stima komplessiva regolarment.

Għall-finijiet ta’ din is-sorveljanza multilaterali, l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri importanti li jkunu ttieħdu minnhom fil-qasam tal-politika ekonomika tagħhom kif ukoll kull informazzjoni oħra li jqisu li tista' tkun meħtieġa.

4. Meta jiġi stabbilit, taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 3, li l-politika ekonomika ta' Stat Membru mhijiex konformi mal-linji direttivi ġenerali previsti fil-paragrafu 2 jew li hemm ir-riskju li tipperikola l-funzjonament xieraq ta' l-Unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tista' tindirizza twissija lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jindirizza r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Istat Membru konċernat.Il-Kunsill jista', fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-vot tal-membru tal-Kunsill li jkun qed jirrappreżenta lill-Istat Membru konċernat.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

5. Il-President tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali. Il-President tal-Kunsill jista' jiġi mistieden sabiex jidher quddiem il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, jekk il-Kunsill ikun għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

6. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw ir-regoli dettaljati sabiex jirregolaw il-proċedura tas-sorveljanza multilaterali msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 122

(ex Artikolu 100 TKE)

1. Mingħajr preġudizzju għal proċeduri oħrajn provduti fit-Trattati, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b'mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta' ċerti prodotti, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-enerġija.

2. Meta Stat Membru jsib ruħu f’diffikultajiet jew ikun mhedded b’diffikultajiet serji kkawżati min diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali li fuqhom ma jkollux kontroll, il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’, taħt ċerti kondizzjonijiet, jagħti għajnuna finanzjarja lill-Istat Membru konċernat. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma l-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni li tkun ittieħdet.

Artikolu 123

(ex Artikolu 101TKE)

1. Faċilitajiet ta’ overdraft jew ta’ xi tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali ta' l-Istati Membri (minn hawn 'il quddiem imsejħa "banek ċentrali nazzjonali") favur istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali jew awtoritajiet lokali jew pubbliċi oħra, jew korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta’ Stati Membri, għandhom ikunu pprojbiti kif għandu ukoll ikun pprojbit ix-xiri dirett mingħand dawn ta' strumenti ta' debitu mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali nazzjonali.

2. Il-paragrafu 1 m’għandhux japplikax fil-każ ta’ istituzzjonijiet publiċi ta’ kreditu li, fil-kuntest tal-provvista ta’ riservi mill-banek ċentrali, għandhom jingħataw l-istess trattament mill-banek ċentrali nazzjonali u mill-Bank Ċentrali Ewropew bħal ma jingħataw istituzzjonijiet ta’ kreditu privati.

Artikolu 124

(ex Artikolu 102TKE)

Kull miżura, li mhijiex ibbażata fuq konsiderazzjonijiet prudenzjali u li tistabbilixxi aċċess privileġġat lill-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali, jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew korpi oħra li huma regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta' l-Istati Membri għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 125

(ex Artikolu 103 TKE)

1. L-Unjoni m’għandhiex tkun responsabbli għal, jew tassumi l-obbligazzjonijiet ta' gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali, jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew korpi oħra li huma regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta’ Stat Membru mingħajr preġudizzju għall-għoti ta' garanziji finanzjarji reċiproċi għall-esekuzzjoni konġunta ta' proġett speċifiku. Stat Membru m’għandhux ikun responsabbli jew jassumi l-obbligazzjonjiet ta' gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku jew impriżi pubbliċi ta' Stat Membru ieħor, mingħajr preġudizzju għall-għoti ta' garanziji finanzjarji reċiproċi għall-eżekuzzjoni konġunta ta' xi proġett speċifiku.

2. Jekk ikun meħtieġ, il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jispeċifika d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 123 u 124, kif ukoll f'dan l-Artikolu.

Artikolu 126

(ex Artikolu 104 TKE)

1. L-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessivi tal-Gvern.

2. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' l-estimi u ta' kull stock tad-dejn tal-gvern fl-Istati Membri bl-għan illi tidentifika żbalji kbar. B'mod partikolari għandha teżamina l-konformità mad-dixxipplina ta' l-estimi abbażi taż-żewġ kriterji li ġejjin:

a) jekk il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ippjanat jew attwali għall-prodott domestiku gross ikunx jeċċedi xi valur ta' referenza, ħlief

- jekk il-proporzjon ikun niżel b’mod sostanzjali u kontinwu u laħaq livell qrib tal-valur ta' referenza;

- jew, alternattivament jekk, l-eċċess fuq il-valur ta' referenza jkun biss eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa' viċin tal-valur ta' referenza;

b) jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-prodott domestiku gross ikunx jeċċedi xi valur ta' referenza, ħlief jekk l-proporzjon ikun qiegħed jonqos b’mod suffiċjenti u li joqrob lejn il-valur ta' referenza b’pass sodisfaċenti.

Il-valuri ta' referenza huma speċifikati fil-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati.

3. Jekk Stat Membru ma jwettaqx il-ħtiġijiet taħt xi wieħed jew it-tnejn minn dawn il-kriterji, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis ukoll jekk id-defiċit tal-gvern ikunx jeċċedi n-nefqa tal-gvern f'investiment u jqis il-fatturi l-oħra kollha rilevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u ta' l-estimi għall-futur medju ta' l-Istat Membru.

Il-Kummissjoni tista' wkoll tipprepara rapport jekk, minkejja t-twettiq tal-ħtigijiet taħt il-kriterji, tkun ta’ l-opinjoni li hemm riskju ta’ defiċit eċċessiv ġewwa xi Stat Membru.

4. Il-Kumitat ekonomiku u finanzjarju għandu jagħti opinjoni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni.

5. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżisti jew jista' jinħoloq defiċit eċċessiv fi Stat Membru, din għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkkonċernat u għandha tinforma b'dan lill-Kunsill.

6. Il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru interessat ikun jixtieq jagħmel, jiddeċiedi wara stima komplessiva jekk jeżistix defiċit eċċessiv.

7. Meta l-Kunsill jiddeċiedi, skond il-paragrafu 6, li jeżisti defiċit eċċessiv dan għandu jadotta, mingħajr dewmien inġustifikat, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru konċernat, bil-għan li dik is-sitwazzjoni tiġi mitmuma fi żmien determinat. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8, dawn ir-rakkomandazzjonijiet m’għandhomx jiġu pubblikati.

8. Meta l-Kunsill jistabbilixxi illi ma’ kien hemm ebda azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-perjodu stipulat, huwa jista' jippubblika dawn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

9. Jekk Stat Membru jippersisti li ma jieħux passi sabiex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista' jiddeċiedi illi javża lill-Istat Membru sabiex, fi żmien speċifiku stipulat, jieħu l-miżuri sabiex inaqqas id-deficit kif meqjus neċessarju mill-Kunsill sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

F’dak il-każ, il-Kunsill jista' jitlob lill-Istat Membru interessat sabiex jippreżenta rapporti skond programm speċifiku sabiex jiġi eżaminat kull sforz ta’ aġġustament ta' dak l-Istat Membru.

10. Il-jedd li jinbdew il-proċeduri li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 258 u 259 ma jistax jiġi eżerċitat fil-kuntest ta' dak li hemm fil-paragrafi 1 sa 9 ta’ dan l-Artikolu.

11. Sakemm Stat Membru jibqa' ma jikkonformax ruħu ma' deċiżjoni li tkun ittieħdet skond il-paragrafu 9, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li japplika jew, skond il-każ, jirrinforza xi wieħed jew aktar minn dawn il-miżuri li ġejjin:

- jeżiġi li l-Istat Membru interessat jippubblika informazzjoni addizzjonali, kif speċifikata mill-Kunsill, qabel il-ħruġ ta’ bonds u titoli;

- jistieden lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment sabiex jerġa' jikkonsidra l-politika tas-self tiegħu lejn l-Istat Membru interessat;

- jeżiġi mingħand l-Istat Membru interessat li jagħmel kontijiet ta’ depożitu mingħajr imgħax ta’ ammont xieraq, ma' l-Unjoni sa meta d-defiċit eċċessiv ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett;

- jimponi multi ta’ ammont adattat.

Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

12. Il-Kunsill għandu jirrevoka x'uħud jew id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet tiegħu kollha msemmija fil-paragrafi 6 sa 9 u 11 sa fejn id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru interessat ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett. Jekk il-Kunsill ikun għamel rakkomandazzjonijiet pubbliċi, huwa għandu, hekk kif id-deċiżjoni taħt il-paragrafu 8 tkun ġiet revokata, jagħmel dikjarazzjoni pubblika li d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru interessat ma jkunx għadu jeżisti.

13. Meta jieħu d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 8, 9, 11 u 12, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni.

Meta jadotta l-miżuri msemmija fil-pargarafi 6 sa 9, 11 u 12, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu kont tal-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkkonċernat.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

14. Dispożizzjonijiet ulterjuri rigward l-implimentazzjoni tal-proċedura deskritta f’dan l-Artikolu huma indikati fil-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati.

Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew, jadotta d-dispożizzjonijiet approprijati li mbagħad għandhom jieħdu post il-Protokoll imsemmi.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-paragrafu il-Kunsill għandu, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, joħroġ regoli u definizzjonijiet dettaljati dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Protokoll.

KAPITOLU 2

POLITIKA MONETARJA

Artikolu 127

(ex Artikolu 105 TKE)

1. L-għan primarju tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, minn hawn 'il quddiem imsejħa "SEBĊ" għandu jkun li żżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-għan ta’ stabbiltà fil-prezzijiet, is-SEBĊ għandha tappoġġa l-linji ta' politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-oġġettivi ta' l-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Is-SEBĊ għandha tagixxi skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, li jiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi, u konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 119.

2. Il-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz tas-SEBĊ jkunu:

- li tiġi definita u implimentata l-politika monetarja ta' l-Unjoni;

- li jitwettqu operazzjonijiet ta’ kambju konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 219;

- li jinżammu in depositu u jiġu amministrati r-riżervi barranin uffiċjali ta' l-Istati Membri;

- li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta' sistemi ta’ħlas.

3. It-tielet subinċiż tal-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma in depositu u l-amministrazzjoni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri ta’ bilanċi operattivi ta’ valuta barranija.

4. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat:

- dwar kull att propost mill-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu.

- minn awtoritajiet nazzjonali dwar xi abbozz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu, iżda fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 129(4).

Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jippreżenta opinjonijiet lill-istituzzjonijiet, korpi u organi approprijati ta' l-Unjoni jew lill- awtoritajiet nazzjonali fuq kwistjonijiet fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

5. S-SEBĊ għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija bla ostakoli ta' kull politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti relatata mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

6. Il-Kunsill li jaġixxi b' mod unanimu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jagħti missjonijiet speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew li jirrigwardaw politika relatata mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bl-eċċezzjoni ta' l-impriżi ta' assigurazzjoni.

Artikolu 128

(ex Artikolu 106 TKE)

1. L-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti ta' flus ta' l-euro fl-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu dawn il-karti tal-flus. Il-karti tal-flus li jinħarġu mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali jkunu l-uniċi karti tal-flus bi status ta’ valuta legali fl-Unjoni.

2. L-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti ta' l-euro suġġetti għall-approvazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-volum tal-ħruġ. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jadotta miżuri sabiex jarmonizza d-denominazzjonijiet u i-karatteristiċi tekniċi tal-muniti kollha intiżi għaċ-ċirkolazzjoni safejn dan ikun neċessarju għaċ-ċirkolazzjoni faċli fl-Unjoni.

Artikolu 129

(ex Artikolu 107 TKE)

1. S-SEBĊ għandha tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew li għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

2. L-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE" huwa stipulat fi Protokoll anness mat-Trattati.

3. L-Artikoli 5.1, 5.2, 5.3, 17, 18, 19.1, 22, 23, 24, 26, 32.2, 32.3, 32.4, 32.6, 33.1 a) u 36 ta' l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jistgħu jiġu emendati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja. Dawn għandhom jaġixxu jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew.

4. Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kummisjoni, għandu jadotta id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5.4, 19.2, 20, 28.1, 29.2, 30.4, u 34.3 ta’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

Artikolu 130

(ex Artikolu 108 TKE)

Fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom mgħotija lilhom fit-Trattati u bl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, la l-Bank Ċentrali Ewropew, u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni u tal-gvernijiet ta' Stati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-bank ċentrali nazzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 131

(ex Artikolu 109 TKE)

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inkluż l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, tkun kumpatibbli mat-Trattati u ma' l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

Artikolu 132

(ex Artikolu 110 TKE)

1. Sabiex jiġu eżegwiti l-kompiti fdati lis-SEBĊ, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE:

- jagħmel ir-regolamenti sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġu implimentati l-kompiti definiti fl-Artikolu 3.1, l-ewwel subinċiż, fl-Artikoli 19.1, 22 u 25.2 ta’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE u f’dawk il-każijiet li ser ikunu indikati fl-atti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 129(4);

- jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex jiġu esegwiti l-kompiti fdati lis-SEBĊ taħt it-Trattati u fl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE;

- jagħmel rakkomandazzjonijiet u jagħti opinjonijiet.

2. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu.

3. Fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet adottati mill-Kunsill bil-proċedura stipulata fl-Artikolu 129(4), il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu l-jedd li jimponi multi jew ħlasijiet penali perjodiċi fuq impriżi jekk dawn jonqsu milli jħarsu l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tiegħu.

Artikolu 133

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu ta' l-euro bħala l-munita unika. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew.

KAPITOLU 3

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

Artikolu 134

(ex Artikolu 114 TKE)

1. Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qiegħed jiġi stabbilit sabiex jippromwovi l-koordinazzjoni tal-linji politiċi ta' l-Istati Membri sa fejn hu l-iktar possibbli għall-funzjonament tas-suq intern.

2. Il-Kumitat Ekonomiku u Finazjarju għandu jkollu dawn il-mandati li ġejjin:

- li jagħti opinjonijiet fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tiegħu stess sabiex dawn jiġu ppreżentati lil dawk l-istituzzjonijiet;

- li jżomm taħt sorveljanza s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni u li jirraporta regolarment lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, partikolarment fuq ir-relazzjonijiet finanzjarji ma' pajjiżi terzi u ma' istituzzjonijiet internazzjonali;

- mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, sabiex jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kunsill imsemmija fl-Artikoli 66, 75, 121(2), (3), (4) u (6), 122, 124, 135, 126, 127(6), 128(2), 129(3) u (4), 138, 140(2) u (3), 143, 144(2) u (3), u 219 u li jagħmel xogħol ieħor konsultattiv u preparatorju assenjat lilu mill-Kunsill;

- li jeżamina, għall-inqas darba fis-sena, s-sitwazzjoni tal-moviment ta’ kapital u libertà tat-trasferimenti tal-pagamenti, kif dawn jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-Kunsill; l-eżami għandu jkopri il-miżuri kollha relatati mal-movimenti tal-kapital u ma’ trasferimenti tal-ħlasijiet; il-Kumitat għandu jirraporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fuq l-eżitu ta' dan l-eżami;

L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jaħtru mhux aktar minn żewġ membri tal-Kumitat, kull wieħed.

3. Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Kumitat imsemmi f’dan l-Artikolu, għandu jindika dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bid-deċiżjoni.

4. Minbarra l-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 2, jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b’ deroga bħal dik imsemmija fl-Artikoli 139, il-Kumitat għandu jżomm taħt sorveljanza s-sitwazzjoni monetarja u finanzjarja u s-sistema ta’ ħlasijiet ġenerali ta’ dawk l-Istati Membri u jirrapporta regolarment dwar dan lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 135

(ex Artikolu 115TKE)

Għall-dawk l-affarijiet li jaqgħu taħt l-għan ta’ l-Artikoli 121(4), 126 bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 14, ta’ l-Artikoli 138, 140(1), 140(2), l-ewwel subparagrafu, 140(3) u 219, il-Kunsill jew Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel rakkomandazzjoni jew proposta, skond kif ikun xieraq. Il-Kummissjoni għandha teżamina din it-talba u tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill mingħajr dewmien.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-ISTATI MEMBRI LI L-MUNITA TAGĦHOM HIJA L-EURO

Artikolu 136

1. Sabiex ikun assigurat il-funzjonament tajjeb ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, il-Kunsill għandu, skond il-proċedura rilevanti minn fost dawk previsti fl-Artikoli 121 u 126, bl-eċċezzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 126(14), jadotta miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex:

a) tissaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom;

b) jiġu stabbiliti l-linji gwida ta' politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li dawn ikunu kompatibbli ma' dawk adottati għall-Unjoni kollha u li jinżammu taħt sorveljanza.

2. Għal dawk il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jieħdu sehem fil-vot biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Il-maġġoranza kwalifikata ta' dawn il-membri tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

Artikolu 137

L-arranġamenti għal laqgħat bejn ministri ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiġu stabbiliti fil-Protokoll dwar il-Grupp ta' l-euro.

Artikolu 138

(ex Artikolu 111(4) TKE)

1. Sabiex ikun assigurat il-post ta' l-euro fis-sistema monetarja internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet komuni dwar materji ta' interess partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja fl-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali kompetenti. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew.

2. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta miżuri xierqa sabiex jassigura rappreżentazzjoni magħquda fl-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew.

3. Għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jieħdu sehem fil-vot biss membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Il-maġġoranza kwalifikata ta' dawn il-membri tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

Artikolu 139

1. L-Istati Membri li fir-rigward tagħhom il-Kunsill ma jkunx iddeċieda li jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta' l-euro għandhom jissejħu minn hawn 'il quddiem "Stati Membri b'deroga".

2. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tat-Trattati m'għandhomx japplikaw għall-Istati Membri b'deroga:

a) l-adozzjoni tal-partijiet tal-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika li tikkonċerna ż-żona ta' l-euro in ġenerali (l-Artikolu 121(2));

b) il-mezzi vinkolanti ta' rimedju għal defiċit eċċessiv (Artikolu 126(9) u (11));

c) l-għan u l-ħidmiet tas-SEBĊ (Artikolu 127(1), (2), (3) u (5));

d) il-ħruġ ta' l-euro (Artikolu 128);

e) l-atti tal-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu 132);

f) il-miżuri li jirregolaw l-użu ta' l-euro (Artikolu 133);

g) il-ftehim monetarji u miżuri oħra dwar il-politika tar-rata tal-kambju (Artikolu 219);

h) il-ħatra ta' membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu 283(2));

i) id-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet komuni dwar il-kwistjonijiet ta' interess partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja fl-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali kompetenti (Artikolu 138(1));

j) il-miżuri li jassiguraw rappreżentanza magħquda fl-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali (Artikolu 138(2)).

Fl-Artikoli previsti fil-punti (a) sa (j), "Stati Membri" għandha għalhekk tfisser l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

3. Taħt il-Kapitolu IX ta' l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, Stati Membri b'deroga u l-banek ċentrali nazzjonali tagħhom ikunu esklużi mid-drittijiet u l-obbligi fis-SEBĊ.

4. Id-drittijiet tal-vot ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri b'deroga għandhom jiġu sospiżi għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri previsti fl-Artikoli elenkati fil-paragrafu 2, u fil-każijiet li ġejjin:

a) rakkomandazzjonijiet indirizzati lil dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fil-qafas ta' sorveljanza multilaterali, inklużi dwar il-programmi ta' stabbiltà u twissijiet (Artikolu 121(4));

b) miżuri dwar defiċit eċċessiv li jikkonċernaw lil dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (Artikolu 126(6), (7), (8) (12) u (13)).

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi ddefinita skond l-Artikolu 238(3)(a).

Artikolu 140

(ex Artikoli 121(1), 122(2), it-tieni sentenza, u 123(5) TKE)

1. Mill-inqas kull sentejn, jew fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jirrapportaw lill-Kunsill fuq il-progress magħmul mill-Istati Membri b'deroga fit-twettiq ta' l-obbligi tagħhom dwar it-twettiq ta’ unjoni ekonomika u monetarja. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu eżami tal-kompatibbiltà bejn il-leġislazzjoni nazzjonali ta' kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali tagħhom, u l-Artikoli 130 u 131 u l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Ir-rapporti għandhom jeżaminaw jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli b’ referenza għal jekk kull Stat Membru ikunx issodisfa dawn il-kriterji:

- il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet; dan jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed tkun tixbaħ lil dik tat-tlett Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f'dik li hija l-istabbiltà fil-prezzijiet;

- sostenibbiltà tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern; din tirriżulta minn sitwazzjoni baġitarja li tkun mingħajr defiċit eċċessiv fis-sens tal-Artikolu 126(6);

- osservanza il-marġni ta’ fluttwazzjoni normali li dwarhom hemm provdut bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront ta' l-euro;

- id-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru b' deroga u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju kif jidher fil-livelli tar-rati ta’ mgħax f'perjodi fit-tul.

Il-Protokoll anness mat-Trattati jispjega aħjar l-erba' kriterji msemmija f'dan il-paragrafu u ż-żminijiet rilevanti li fihom għandhom jiġu rispettati u żviluppati. Ir-rapporti tal-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jikkonsidraw ukoll ir-riżultati ta’ l-integrazzjoni tas-swieq, is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-bilanċi tal-pagamenti fuq il-kont kurrenti u eżami ta’ l-iżvilupp tal-kost ta' unità lavorattiva u indiċijiet oħra ta’ prezzijiet.

2. Wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u wara diskussjoni fil-Kunsill Ewropew, il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kondizzjonjiet meħtieġa fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, u jtemm id-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati.

Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jirċievi rakkomandazzjoni minn maġġoranza kwalifikata ta' dawk fost il-membri tiegħu li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Dawn il-membri għandhom jaġixxu fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri msemmija, prevista fit-tieni subparagrafu, għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

3. Jekk jiġi deċiż, skond il-proċedura prevista fil-paragrafu 2, li tiġi mitmuma deroga, il-Kunsill, waqt li jaġixxi bl-unanimità ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Istat Membru interessat, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jistabbilixxi irrevokabilment ir-rata li biha l-euro għandu jissostitwixxi l-munita korrenti ta' l-Istat Membru interessat, u jieħu l-miżuri l-oħra meħtieġa għad-dħul ta' l-euro bħala l-munita kurrenti unika fl-Istat Membru interessat.

Artikolu 141

(ex Artikolu 123(3), 117(2), l-ewwel ħames inċiżi, TKE)

1. Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(1), il-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew riferit fl-Artikolu 44 ta' l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandu jiġi stabbilit bħala t-tielet korp deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2. Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri:

- jsaħħaħ l-koperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali;

- jsaħħaħ l-koordinazzjoni tal-politika monetarja ta' l-Istati Membri, bl-għan li jiżgura stabbiltà fil-prezzijiet.

- jissorvelja l-funzjonament ta' mekkaniżmu tar-rata tal-kambju;

- jagħmel konsultazzjonijiet dwar dawk l-affarjiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali u li jolqtu l-istabbiltà ta' istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq;

- iwettaq il-kompiti li kellu qabel il-Fond Ewropew ta' Koperazzjoni Monetarja, li kienu ttieħdu mill-Istitut Monetarju Ewropew.

Artikolu 142

(ex Artikolu 124(1) TKE)

Kull Stat Membru b'deroga għandu jittratta l-politika tiegħu ta' rata tal-kambju bħala materja ta' interess komuni. Huma u jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jagħtu każ ta' l-esperjenza akkwiżita f'koperazzjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju.

Artikolu 143

(ex Artikolu 119 TKE)

1. Meta Stat Membru b'deroga ikollu diffikultajiet jew ikun mhedded b’mod serju b’diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu bħala riżultat ta' skwilibriju totali fil-bilanċ tal-pagamenti tiegħu, jew bħala riżultat tat-tip ta’ munita li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, u meta dawk id-diffikultajiet x'aktarx li jistgħu b'mod partikolari jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern jew l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, il-Kummissjoni għandha minnufih, tinvestiga il-pożizzjoni ta’ l-Istat partikolari u l-azzjoni li dak l-Istat ikun ħa jew jista' jieħu waqt li juża l-meżżi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Il-Kummissjoni għandha tgħid liema miżuri tkun qegħda tirrakkomanda lil dak l-Istat sabiex jieħu.

Jekk l-azzjoni meħuda minn Stat Membru b'deroga u l-miżuri ssuġġeriti mill-Kummissjoni ma jkunux suffiċjenti sabiex jingħelbu d-diffikultajiet li jkunu qamu jew li jheddu li jqumu, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Kumitat ekonomiku u finanzjarju, tirrakkomanda lill-Kunsill li tiġi mogħtija assistenza reċiproka u l-metodi adattati għaldaqshekk.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill regolarment informat bis-sitwazzjoni u kif din tkun qiegħda tiżviluppa.

2. Il-Kunsill għandu jagħti din l-assistenza reċiproka; huwa għandu jadotta direttivi jew deċiżjonijiet li jiffissaw il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ dik l-assistenza, li tista’ tieħu forom bħal:

a) konċertazzjoni dwar il-mod kif wieħed jittratta ma' jew fi ħdan kull organizzazzjoni internazzjonali li għaliha l-Istati Membri b'deroga jistgħu jirrikorru;

b) miżuri neċessarji li jevitaw tibdil tar-rotta tal-kummerċ meta l-Istat Membru b'deroga li jkun jinsab f’diffikultà iżomm jew jintroduċi mill-ġdid restrizzjonijiet kwantitattivi kontra pajjiżi terzi;

c) l-għoti ta' kreditu limitat minn Stati Membri oħra, suġġett għall-qbil tagħhom ma' dan.

3. Jekk l-assistenza reċiproka rrakomandata mill-Kummissjoni ma tingħatax mill-Kunsill jew jekk dik l-assistenza reċiproka u l-passi li jittieħdu ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istat Membru b'deroga li jkun jinsab f'diffikultà sabiex jieħu miżuri protettivi, li l-kondizzjonijiet u d-dettalji tagħhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

Dik l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrevokata u dawk il-kondizzjonijiet u d-dettalji jistgħu jiġu mibdula mill-Kunsill.

Artikolu 144

(ex Artikolu 120 TKE)

1. Meta tinqala' kriżi f'daqqa fil-bilanċ ta’ pagamenti, u deċizjoni bħalma hemm fl-Artikolu 143(2) ma titteħidx immedjatament, Stat Membru b'deroga jista', bħala prekawzjoni, jadotta l-miżuri protettivi neċessarji. Dawk il-miżuri għandhom jikkawżaw l-inqas disturb possibli fil-funzjonament tas-suq intern u ma għandhomx ikunu aktar wiesa’ mill-għan ta' dak li jkun tabilħaqq meħtieġ sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet li jkunu nqalgħu f'daqqa.

2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu avżati b’dawk il-miżuri protettivi mhux aktar tard minn meta jibdew iseħħu. Il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jagħti l-assistenza reċiproka taħt l-Artikolu 143.

3. Wara li l-Kummissjoni tkun tat rakkomandazzjoni u l-Kumitat ekonomiku u finanzjarju jkun ġie konsultat, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-Istat Membru involut għandu jemenda, jissospendi, jew jabolixxi għal kollox il-miżuri protettivi msemmija hawn qabel.

TITOLU IX

L-IMPJIEG

Artikolu 145

(ex Artikolu 125 TKE)

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom, skond dan it-Titolu, jaħdmu lejn żvilupp ta' strateġija koordinata għall-impjieg u partikolarment sabiex il-ħaddiema jkunu kwalifikati, imħarrġa u flessibbli u sabiex is-suq tax-xogħol jirrispondi għat-tibdil ekonomiku sabiex jistgħu jitwettqu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 146

(ex Artikolu 126 TKE)

1. L-Istati Membri, permezz tal-politika tagħhom għall-impjieg, għandhom jikkontribwixxu sabiex jitwettqu l-objettivi li hemm imsemmija fl-Artikolu 145 b’mod konsistenti ma linji ta’ gwida ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni adottati skond l-Artikolu 121(2).

2. L-Istati Membri, wara li jikkunsidraw il-prattiċi nazzjonali fejn għandhom x'jaqsmu r-responsabbilitajiet ta' min imexxi u tal-ħaddiema, għandhom iqisu l-promozzjoni ta' l-impjiegi bħala materja ta’ interess komuni u għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma' dan fi ħdan il-Kunsill, skond id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 148.

Artikolu 147

(ex Artikolu 127 TKE)

1. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi lejn livell għoli ta’ mpjieg billi tinkoraġixxi koperazzjoni bejn Stati Membri u billi ssostni u, jekk meħtieġ, tikkomplementa l-azzjoni tagħhom. Meta tagħmel dan, il-kompetenzi ta' l-Istati Membri għandhom ikunu rrispettati.

2. Għandu jittieħed kont ta' l-għan ta’ livell għoli ta’ impjiegi fil-formolazzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Artikolu 148

(ex Artikolu 128 TKE)

1. Il-Kunsill Ewropew għandu kull sena jikkonsidra il-qagħda ta' l-impjieg fl-Unjoni u jadotta konklużjonijiet dwarhom, fuq il-bażi ta’ rapport konġunt annwali mill-Kunsill u l-Kummissjoni.

2. Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat ta' l-Impjieg imsemmi fl-Artikolu 150, għandu kull sena jħejji linji ta’ gwida li l-Istati Membri għandhom iqisu fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi. Dawn il-linji ta’ gwida għandhom ikunu konsistenti mal-linji ta’ gwida ġenerali adottati skond l-Artikolu 121(2).

3. Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapport annwali fuq il-miżuri prinċipali meħudha għall-implementazzjoni tal-politika tiegħu għall-impjiegi fid-dawl ta’ linji ta’ gwida għall-impjiegi imsemmija fil-paragrafu 2.

4. Il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapporti imsemmija fil-paragrafu 3 u wara li jkun irċieva il-kummenti mill-Kumitat ta' l-Impjieg, għandu kull sena iwettaq eżami dwar l-implementazzjoni tal-politika ta' l-impjiegi ta' l-Istati Membri fid-dawl tal-linji ta’ gwida għall-impjieg. Il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista, jekk jikkunsidra li jkun xieraq fid-dawl ta’ dak l-eżami, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri.

5. Fuq il-bażi tar-riżultat ta’ dak l-eżami, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu rapport konġunt annwali lill-Kunsill Ewropew dwar il-qagħda ta' l-Impjieg fl-Unjoni u dwar l-implementazzjoni tal-linji ta’ gwida għall-impjieg.

Artikolu 149

(ex Artikolu 129 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu jadottaw miżuri ta’ inċentiva li jkunu mmirati sabiex jinkoraġġixxu l-koperazzjoni bejn Stati Membri u sabiex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam ta' l-impjiegi permezz ta’ inizjattivi li jkollhom l-għan li jkun żviluppat l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ l-aħjar prattiċi, li tkun provduta l-analiżi kumparattiva u pariri kif ukoll li ssir promozzjoni ta' atteġġjamenti innovattivi u l-valutazzjoni ta' l-esperjenzi, partikolarment billi wieħed jirrikorri għall-proġetti pilota.

Dawk il-miżuri m’għandhomx jinkludu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

Artikolu 150

(ex Artikolu 130 TKE)

Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi Kumitat ta' l-Impjieg bi status ta' natura konsultattiva sabiex jipromwovi l-koordinament bejn l-Istati Membri dwar il-politika ta’ l-impjieg u tas-suq tax-xogħol. Il-kompiti tal-Kumitat għandhom ikunu:

- li jissorvelja l-qagħda ta' l-impjieg u l-politika ta' l-impjieg fl-Istati Membri u fl-Unjoni;

- mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, li jifformula opinjonijiet fuq talba jew tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew inkella fuq l-inizjattiva tiegħu stess, u sabiex jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tal-proċedimenti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 148.

Fit-twettiq tal-mandat tiegħu, il-Kumitat għandu jikkonsulta lil min imexxi u lill-ħaddiema.

Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru żewġ membri tal-Kumitat.

TITOLU X

POLITIKA SOĊJALI

Artikolu 151

(ex Artikolu 136 TKE)

L-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit- 18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità ta' l-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira il-promozzjoni ta' l-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijeit tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla it-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ mpjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

B'dan l-għan l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri li jieħdu kont tad-diversi forom ta’ prattiċi nazzjonali, partikolarment fil-qasam ta’ relazzjonijiet kontrattwalli, u l-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività fl-ekonomija ta' l-Unjoni.

Huma jemmnu li żvilupp bħal dan għandu jirriżulta mhux biss mill-funzjonament tas-suq intern, li għandu jiffavorixxi l-armonizzazzjoni ta’ sistemi soċjali, imma wkoll mill-proċeduri previsti fit-Trattati u mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva.

Artikolu 152

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol ta' l-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom.

Is-Summit bi tliet partijiet għat-Tkabbir u l-Impjiegi għandu jikkontribwixxi għad-djalogu soċjali.

Artikolu 153

(ex Artikolu 137 TKE)

1. Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’dawn l-oqsma:

a) it-titjib in partikolari ta’ l-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema;

b) il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

c) is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema;

d) il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt ta’ l-impjieg;

e) l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema;

f) ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva ta’ l-interessi tal-ħaddiema u s-sidien, inkluża it-tmexxija konġunta, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5;

g) il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta' l-Unjoni;

h) l-integrazzjoni ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, bla preġudizzju għall-Artikolu 166;

i) l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa rigward l-opportunitajiet u t-trattament fis-suq tax-xogħol;

j) il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;

k) il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali bla preġudizzju għall-punt c).

2. Għal dan l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

a) jistgħu jadottaw miżuri intiżi sabiex iħajjru koperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta’ inizjattivi mmirati sabiex jameljoraw l-għarfien, jiżviluppaw skambji ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi, jippromwovu affronti innovattivi u jivvalutaw l-esperjenzi, b’esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri;

b) jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, għandhom jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni.

Fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1 c), d), f) u g), il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b' mod unanimu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitati msemmija.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew, jista’ jiddeċiedi li l-proċedura leġislattiva ordinarja tkun applikabbli għall-paragrafu l d), f) u g).

3. Stat Membru jista’ jafda f’idejn il-partijiet soċjali, fuq talba konġunta, l-implimentazzjoni tad-direttivi adottati skond il-paragrafu 2 jew, jekk ikun xieraq, l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill adottata skond l-Artikolu 155.

F’dan il-każ għandu jiżgura li, mhux aktar tard mid-data li fiha d-direttiva jew deċiżjoni għandha tiġi trasposta jew implimentata, il-partijiet soċjali jkunu ntroduċew bi ftehim il-miżuri meħtieġa waqt li l-Istat Membru jkun obbligat jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ f’kull ħin ikun f’pożizzjoni li jiggarantixxi r-riżultati imposti b’dik id-direttiva jew dik id-deċiżjoni.

4. Id-dispożizzjonijiet adottatti skond dan l-Artikolu:

- ma jaffettwawx id-dritt ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-ewilibriju finanzjarju tagħhom.

- ma jipprekludu ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri iktar stretti ta’ protezzjoni kompatibbli mat-Trattati.

5. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi, la għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ l-istrike u lanqas għad dritt li jiġi mpost lock out.

Artikolu 154

(ex Artikolu 138 TKE)

1. Il-Kummissjoni għandha jkollha d-dmir li tippromwovi l-konsultazzjoni ta' min imexxi u tal-ħaddiema fil-livell ta' l-Unjoni u għandha tieħu l-miżuri rilevanti sabiex tiffaċilita id-djalogu ta’ bejniethom billi tassigura sostenn bilanċjat għal dawn il-partijiet.

2. B'dan il-għan, qabel ma tippreżenta proposti fil-qasam tal-politika soċjali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-min imexxi u lill-ħaddiema dwar id-direzzjoni possibli ta’ l-azzjoni mill-Unjoni.

3. Jekk, wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tikkonsidra li azzjoni mill-Unjoni tkun ta' min jirrakomandaha, hi għandha tikkonsulta lill-min imexxi u l-ħaddiema dwar il-kontenut tal-proposta maħsuba. Min imexxi u l-ħaddiema għandhom iwasslu lill-Kummissjoni opinjoni jew, fejn jixraq, rakkomandazzjoni.

4. Fl-okkażjoni ta' konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, min imexxi u l-ħaddiema jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċess previst fl-Artikolu 155. It-tul ta' żmien ta' dan il-proċess m’għandux jeċċedi disa’ xhur, sakemm min imexxi u l-ħaddiema kkonċernati u l-Kummissjoni, flimkien jiddeċiedu li jestenduh.

Artikolu 155

(ex Artikolu 139 TKE)

1. Jekk min imexxi u l-ħaddiema hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell ta' l-Unjoni jista' jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż ftehim.

2. Il-Ftehim konklużi fil-livell ta' l-Unjoni għandhom jkunu implementati skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim in kwistjoni jkun fih dispożizzjoni waħda jew aktar konnessi ma’ wieħed mill-oqsma li għalihom hija meħtieġa l-unanimità skond l-Artikolu 153(2).

Artikolu 156

(ex Artikolu 140 TKE)

Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 151 u mingħajr preġidizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' l-azzjoni tagħhom fl-oqsma tal-politika soċjali skond dan il-kapitolu, partikolarment f’materji li għandhom x’jaqsmu ma':

- l-impjieg;

- il-liġi tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol;

- it-taħriġ professjonali bażiku u avvanzat;

- is-sigurtà soċjali;

- il-prevenzjoni ta' l-inċidenti u l-mard kaġunati mix-xogħol;

- l-iġjene fl-impjieg;

- id-dritt ta' l-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv bejn min iħaddem u l-ħaddiema.

B'dan l-għan, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kuntatt mill-qrib ma' l-Istati Membri billi tagħmel studji, twassal opinjonijiet u tirranġa konsultazzjonijiet kemm fuq il-problemi li jqumu f’livell nazzjonali u wkoll f'dak li jikkonċerna l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw skambju ta' l-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament informat.

Qabel twassal l-opinjonijiet previsti f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu 157

(ex Artikolu 141 TKE)

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jkun applikat.

2 Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, "paga" tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu.

Paga ugwali mingħajr diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess tfisser:

a) dik il-paga għall-istess xogħol bl-imqieta għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi ta’ l-istess unità ta' kejl;

b) dik il-paga għal xogħol li jitħallas bil-ħin tkun l-istess għall-istess xogħol.

3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw miżuri li jassiguraw l-applikazzjoni tal-prinċpju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa f’materji ta’ impjiegi u xogħol, inklużi l-prinċipji ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

4. Bl-għan li tkun assigurata l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta’ trattament indaqs m’għandux ifixkel lil xi Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat sabiex jfittex attività professjonali jew sabiex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali.

Artikolu 158

(ex Artikolu 142 TKE)

L-Istati Membri għandhom jgħamlu ħilithom sabiex jżommu l-ugwaljanza eżistenti bejn skemi ta’ vaganzi bil-ħlas.

Artikolu 159

(ex Artikolu 143 TKE)

Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport kull sena dwar il-progress fir-realizzazzjoni ta' l-objettivi ta’ l-Artikolu 151, inkluża s-sitwazzjoni demografika fl-Unjoni. Hi għandha twassal ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu 160

(ex Artikolu 144 TKE)

Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali ta’ xorta konsultattiva sabiex jippromwovi koperazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Ix-xogħol tal-Kumitat għandu jkun:

- li jissorvelja s-sitwazzjoni soċjali u l-iżvilupp ta’ politika ta’ protezzjoni soċjali fl-Istati Membri u fl-Unjoni.

- biex jippromwovi skambju ta’ informazzjoni, esperjenzi u prattiċi tajbin bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni;

- bla preġudizzju għall-Artikolu 240, li jipprepara rapporti, jifformula opinjonijiet jew jidħol għal attivitajiet oħra fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu, fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

Fit-twettieq tal-mandat tiegħu, il-Kumitat għandu jistabbilixxi kuntatti xierqa mal-partijiet soċjali.

Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru żewġ membri tal-Kumitat.

Artikolu 161

(ex Artikolu 145 TKE)

Fir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tiddedika kapitolu speċjali għall-evoluzzjoni tal-qagħda soċjali fl-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel rapporti dwar problemi speċjali li jirrigwardaw is-sitwazzjoni soċjali.

TITOLU XI

FOND SOĊJALI EWROPEW

Artikolu 162

(ex Artikolu 146 TKE)

Sabiex jittejbu l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema fis-suq intern u sabiex b'hekk ikun hemm kontribut sabiex jogħla il- fil-livell tal-għixien għandu għalhekk jiġi stabbilit Fond Soċjali Ewropew konformement mad-dispożizzjonijiet stipulati iktar 'l isfel; għandu jkollu l-għan li jirrendi eħfef l-impjieg tal-ħaddiema u li jżid il-mobbiltà geografika u fl-impjiegi tagħhom ġewwa l-Unjoni, u li jiffaċilita l-adattament tagħhom għal tibdiliet industrijali u tibdiliet fis-sistemi ta' produzzjoni, partikolarment permezz ta' formazzjoni vokazzjonali u taħriġ mill-ġdid.

Artikolu 163

(ex Artikolu 147 TKE)

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Fond.

F’din il-ħidma l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat ippresedut minn membru tal-Kummissjoni li jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ Gvernijiet, ta’ trade unions u ta' assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem.

Artikolu 164

(ex Artikolu 148 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw regolamenti ta' implimentazzjoni relatati mal-Fond Soċjali Ewropew.

TITOLU XII

EDUKAZZJONI, FORMAZZJONI VOKAZZJONALI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT

Artikolu 165

(ex Artikolu 149 TKE)

1. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta' tagħlim u l-organizzazzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija l-quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej ta' l-Isports, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu ibbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

2. L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tkun immirata lejn:

- l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta' l-Istati Membri;

- l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximnet akkademiku ta' diplomi u perjodi ta' studju;

- il-promozzjoni ta' koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi;

- l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta' edukazzjoni fl-Istati Membri;

- l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta' edukaturi soċjo-edukattivi u l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika ta' l-Ewropa;

- l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta' edukazzjoni mill-bogħod;

- l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta' l-isportivi, speċjalment ta' dawk l-aktar żgħażagħ fosthom.

3. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u l-isport, partikolarment il-Kunsill ta' l-Ewropa.

4. Sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-għanijiet imsemmija f'dan l-Artikolu:

- il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istati Membri;

- il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 166

(ex Artikolu 150 TKE)

1. L-Unjoni għandha timplimenta politika ta' formazzjoni vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissuplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-formazzjoni vokazzjonali.

2. L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha jkollha l-mira li:

- tħaffef l-adattament għal bidliet industrijali, partikolarment permezz ta' formazzjoni vokazzjonali u taħriġ mill-ġdid;

- ittejjeb il-formazzjoni vokazzjonali inizjali u kontinwu sabiex tħaffef l-integrazzjoni u r-re-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

- tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobilità ta' l-edukaturi u ta' min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażagħ;

- tistimula l-koperazzjoni dwar taħriġ bejn istituzzjonijiet edukattivi jew ta' taħriġ ul-impriżi;

- tiżviluppa skambji ta' informazzjoni u ta' esperjenza fuq kwistjonijiet komuni fis-sistemi ta' taħriġ ta' l-Istati Membri.

3. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-formazzjoni vokazzjonali.

4. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw miżuri li jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni ta' l-objettivi msemmija f’dan l-Artikolu, eskluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri u l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjonijiet.

TITOLU XIII

KULTURA

Artikolu 167

(ex Artikolu 151 TKE)

1. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi ta' l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta il-wirt kulturali komuni.

2. L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha jkollha il-mira li tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk jinħtieġ, tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fl-oqsma li ġejjin:

- it-titjib fit-tagħrif u fit-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej,

- il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinifikanti,

- skambji kulturali li mhumiex ta' natura kummerċjali,

- il-kreazzjoni artistika u letterarja, inklużi dawk fis-settur awdjo-viżiv.

3. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura, partikolarment il-Kunsill ta' l-Ewropa.

4. L-Unjoni għandha tagħti każ ta' l-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, partikolarment sabiex tirrispetta u tippromwovi id-diversità tal-kulturi tagħha.

5. Sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-għanijiet indikati f'dan l-Artikolu:

- il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw miżuri ta' inċentiv, eskluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri;

- il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni.

TITOLU XIV

IS-SAĦĦA PUBBLIKA

ARTIKOLU 168

(ex Artikolu 152 TKE)

1. Il-livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

L-Azzjoni ta' l-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jevitaw il-fonti ta' periklu għas-saħħa umana. Din l-azzjoni għandha tkopri il-ġlieda kontra il-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa, kif ukoll il-monitoraġġ ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih.

L-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri fit-tnaqqis ta’ ħsara għas-saħħa li tkun marbuta mad-drogi, inkluża l-informazzjoni u l-prevenzjoni.

2. L-Unjoni għanda tinkoraġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma kollha imsemmija f’dan l-Artikolu u, jekk meħtieġ, tagħti sostenn lill-azzjoni tagħhom. B'mod partikolari għandha tħeġġeġ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex titjieb il-komplementarjetà tas-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-reġjuni ta' fruntiera.

L-Istati Membri għandhom, b ’kuntatt mal-Kummissjoni, jikoordinaw bejniethom l-politiċi tagħhom u l-programmi fl-oqsma imsemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista', b’kuntatt mill-qrib ma' l-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva siewja sabiex tinkoraġixxi dan il-koordinament, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-kontroll u l-valutazzjonijiet perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament informat.

3. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika.

4. B'deroga mill-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 6(a), u skond l-Artikolu 4(2)(k), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni ta’ l-objettivi imsemmija f’dan l-Artikolu, billi jadottaw, sabiex jiġu affrontati l-problemi komuni tas-sigurtà:

a) miżuri li joħolqu parametri għolja ta’ kwalità u sigurtà għar-rigward ta’ organi u sustanzi ta’ oriġini umana, demm u derivati tad-demm; dawn il-miżuri m’għandhom ifixklu lil ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti.

b) miżuri fl-oqsma veterenarji u fito-sanitarji, li jkollhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-ħarsien tas-saħħa pubblika;

c) miżuri li jistabbilixxu standards għolja ta' kwalità u sigurtà għall-prodotti mediċinali u t-tagħmir għall-użu mediku.

5. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu jadottaw ukoll miżuri ta' inċentiva għall-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli transkonfinali għas-saħħa, miżuri li jikkonċernaw il-monitoraġġ ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert fuq dan it-theddid u l-ġlieda kontrih, kif ukoll miżuri li għandhom bħala objettiv dirett il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-rigward tat-tabakk u l-abbuż ta' l-alkoħol, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

6. Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' wkoll jadotta rakkomandazzjonijiet għall-għanijiet kif stabbiliti f’dan l-Artikolu.

7. L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika. Ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri jinkludu l-ġestjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, kif ukoll l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom. Il-miżuri previsti fil-paragrafu 4(a) m'għandhomx jolqtu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-donazzjoni jew l-użu ta' organi u demm għal finijiet mediċi.

TITOLU XV

PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Artikolu 169

(ex Artikolu 153 TKE)

1. Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, s-sigurtà u interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom.

2. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' l-objettivi imsemmija fil-paragrafu 1, permezz ta’:

a) miżuri adottati skond l-Artikolu 114 fil-kuntest tal-kompletament tas-suq intern;

b) miżuri li jgħinu, jissuplimentaw u jissorveljaw l-politika użata mill-Istati Membri.

3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2(b).

4. Il-miżuri adottati skond il-paragrafu 3 m’għandhomx jimpedixxu lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti. Dawn il-miżuri għandhom ikunu kumpattibli mat-Trattati. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħarrfa bihom.

TITOLU XVI

NETWORKS TRANS-EWROPEJ

Artikolu 170

(ex Artikolu 154 TKE)

1. Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 26 u 174 u sabiex iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-Komunitajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu igawdu mill-benefiċċji ta' l-istabbiliment ta’ żona mingħajr fruntieri interni, l-Unjoni għandha tagħti l-kontribut tagħha sabiex jiġu stabbiliti u jiġu żviluppati networks trans-Ewropej fl-oqsma ta’ l-infrastrutturi tat-trasport, telekomunikazzjonijiet u enerġija.

2. Fil-qafas ta’ sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni mill-Unjoni għandha tfittex li tiffaċilita l-interkonnessjoni u l-interoperabiltà ta' networks nazzjonali kif ukoll l-aċċess għal dawk in-networks. Għandha tqis b’mod partikolari il-ħtieġa li jingħaqdu l-gżejjer u r-reġjuni kemm dawk maqtugħa mill-baħar kif ukoll dawk periferiċi mar-reġjuni ċentrali ta' l-Unjoni.

Artikolu 171

(ex Artikolu 155 TKE)

1. Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 170, l-Unjoni:

- għandha tistabbilixxi sensiela ta’ linji gwida dwar il-miri, prioritatjiet u l-linji ġenerali tal-miżuri kontemplati fl-isfera tan-networks trans-Ewropej; dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni;

- għandha timplementa kull miżura li titqies neċessarja sabiex tiżgura l-inter-operabbiltà tan-networks, b’mod partikolari fil qasam ta' l-istandardizzazzjoni teknika;

- jista' jappoġġa proġetti ta’ nteress komuni li jkunu mogħtija sostenn mill-Istati Membri, li huma identifikati fil-qafas tal-linji ta’ gwida imsemmija fl-ewwel inċiż, partikolarment permezz ta’ studji ta' possibiltà, garanziji għal self jew sussidji fuq ir-rati ta’ l-interessi; l-Unjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi, permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit skond l-Artikolu 177, sabiex jiġu finanzjati proġetti speċifiċi fl-Istati Membri fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-trasport.

L-attivitajiet ta' l-Unjoni għandhom jagħtu konsiderazzjoni meħtieġa lill-validità ekonomika potenzjali tal-proġetti.

2. L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-linji politiċi nazzjonali li jista’ jkollhom impatt konsiderevoli fuq il-kisba ta' l-għanijiet msemmija fl-Artikolu 170. Il-Kummissjoni tista', b’ħidma mill-qrib ma’ l-Istati Membri, tieħu kull inizzjattiva utli sabiex tippromwovi dik il-koordinazzjoni.

3. L-Unjoni tista’ tiddeċiedi li tikkopera ma’ pajjiżi terzi sabiex tippromwovi proġetti ta’ interess reċiproku u sabiex tiżgura l-interoperabiltà ta' networks.

Artikolu 172

(ex Artikolu 156 TKE)

Il-linji gwida u l-miżuri l-oħra previsti fl-Artikolu 171(1) għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni;

Il-linji gwida u l-proġetti ta’ interess komuni li jirrigwardaw it-territorju ta’ Stat Membru partikolari għandhom ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni ta' l-Istat Membru interessat.

TITOLU XVII

L-INDUSTRIJA

Artikolu 173

(ex Artikolu 157 TKE)

1. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kondizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività ta' l-industrija ta' l-Unjoni.

Għal dan l-għan, skond is-sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni tagħhom għandha tfittex li:

- tħaffef l-adattament ta’ l-industrija għal bidliet strutturali;

- tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta’ l-impriżi fi ħdan l-Unjoni kollha, partikolarment ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

- tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-koperazzjoni bejn l-impriżi;

- tikkoltiva l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal- politika ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku.

2. L-Istati Membri, għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin, b’konnessjoni mal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi dik il-koordinazzjoni, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perijodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament informat.

3. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet kif stabbiliti fil-paragrafu 1 permezz tal-politika u l-attivitajiet li ssegwi skond dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jistgħu jiddeċiedu dwar miżuri speċifiċi b’appoġġ għall-azzjoni meħuda fl-Istati Membri sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, minbarra kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

Dan it-Titolu m’għandux iservi ta’ bażi għall-introduzzjoni mill-Unjoni ta’ xi miżura li tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li jkun fiha dispożizzjonijiet fiskali jew dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet jew l-interessi ta’ l-impjegati.

TITOLU XVIII

KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI

Artikolu 174

(ex Artikolu 158 TKE)

Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha.

B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti.

Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.

Artikolu 175

(ex Artikolu 159 TKE)

L-Istati Membri għandhom imexxu l-linji politiċi ekonomiċi tagħhom u jikkordinawhom b’tali mod li, jinkisbu wkoll l-għanijiet msemmija fl-Artikolu 174. Il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' kull politika u azzjoni ta' l-Unjoni u l-implimentazzjoni tas-suq intern għandhom jieħdu in konsiderazzjoni l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 u jwasslu għat-twettiq tagħhom. L-Unjoni għandha wkoll tappoġġa t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet imsemmija, bl-azzjoni li tieħu permezz tal-Fondi Strutturali (il-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji fl-Agrikoltura, Sezzjoni tal-Gwida; il-Fond Soċjali Ewropew; il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew), il-Bank Ewropew ta' l-Investiment u tal-bqija ta’ l-istrumenti finanzjarji eżistenti.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, kull tliet snin, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, dwar il-progress li jkun sar sabiex tintlaħaq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u dwar il-mod ta’ kif il-mezzi varji msemmija f’dan l-Artikolu ikunu wasslu għal dan l-għan. Dan ir-rapport għandu, jekk ikun hekk meħtieġ, jinkludi l-proposti xierqa.

Jekk jinħass il-bżonn li jkun hemm azzjonijiet speċifiċi barra l-Fondi u bla preġudizzju għall-miżuri deċiżi fil-qafas tal-politika l-oħra ta' l-Unjoni, dawk l-azzjonijiet jistgħu jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 176

(ex Artikolu 160 TKE)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huwa intiż sabiex jgħin sabiex jitnaqqsu l-iskwilibriji reġjonali prinċipali fi ħdan l-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni fl-iżvilupp u t-tibdil strutturali tar-reġjuni li jkunu għadhom lura kif ukoll fir-rikonverżjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura.

Artikolu 177

(ex Artikolu 161 TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 178, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja kif ukoll wara li jkunu kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u l-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jagħtu definizzjoni tal-kompiti, ta' l-għanijiet prioritarji u ta' l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali, li jistgħu jinvolvu l-istabbiliment tal-Fondi. Ir-regoli ġenerali applikabbli għalihom u l-provvedimenti meħtieġa sabiex jiżguraw l-effettività tagħhom, u l-koordinazzjoni tal-Fondi ma' xulxin kif ukoll mal-bqija ta’ l-istrumenti finanzjari eżistenti għandhom ikunu definiti wkoll mill-istess proċedura.

Permezz ta’ l-istess proċedura, għandu jiġi stabbilit Fond ta’ Koeżjoni sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-proġetti fl-oqsma ta’ l-ambjent u ta' networks trans-Ewropej fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-trasport.

Artikolu 178

(ex Artikolu 162 TKE)

Ir-Regolamenti ta' implimentazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali għandhom isiru mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji fl-Agrikoltura, Sezzjoni tal-Gwida, u mal-Fond Soċjali Ewropew, l-Artikolu 43 u 164 rispettivament għandhom jibqgħu japplikaw.

TITOLU XIX

IR-RIĊERKA, L-IŻVILUPP TEKNOLOĠIKU U L-ISPAZJU

Artikolu 179

(ex Artikolu 163 TKE)

1. L-Unjoni għandha jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta' riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġixxi l-iżvilupp tal-kompetittivita tagħha u ta' l-industrija tagħha, kif ukoll li tippromwovi l-attivitajiet kollha ta' riċerka li huma meqjusa meħtieġa għal Kapitoli oħra tat-Trattati.

2. Għal dan l-għan l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi, fl-Unjoni kollha, lill-impriżi inklużi l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, liċ-ċentri ta’ riċerka u lill-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta’ livell għoli; għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tagħhom li jikkoperaw ma’ xulxin, u timmira fuq kollox li tippermetti lir-riċerkaturi li jikkoperaw liberament lil hinn mill-fruntieri u lill-impriżi li jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-suq intern, speċjalment bill-ftuħ ta’appalti pubbliċi nazzjonali jinfetħu u bid-definizzjoni ta’ standards komuni u bit-tneħħija ta' xkiel legali u fiskali għal dik il-koperazzjoni.

3. L-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni skond it-Trattati fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inklużi proġetti dimostrattivi, għandhom jiġu deċiżi u implimentati skond il-provvedimenti ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 180

(ex Artikolu164 TKE)

Filwaqt li tfittex li tikseb dawn l-għanijiet, l-Unjoni għandha twettaq dawn l-attivitajiet li ġejjin, li jikkomplementaw l-attivitajiet li jsiru fl-Istati Membri:

a) l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, billi ssaħħaħ il-koperazzjoni ma’ u bejn l-impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet;

b) il-promozzjoni ta' koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni ta' l-Unjoni;

c) id-disseminazzjoni u l-valorizzazzjoni tar-riżultati ta’ attivitajiet fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni ta' l-Unjoni;

d) l-istimulazzjoni tat-taħriġ u l-mobilità tar-riċerkaturi fl-Unjoni.

Artikolu 181

(ex Artikolu 165 TKE)

1. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku sabiex jiżguraw li kull politika nazzjonali u dik ta' l-Unjoni ikunu koerenti ma’ xulxin.

2. B’ħidma mill-qrib ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tieħu kull inizjattiva siewja sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perijodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament informat.

Artikolu 182

(ex Artikolu 166 TKE)

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw programm qafas pluriennali, li fih jitqiegħdu l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

Il-programm qafas għandu:

- jistabbilixxi l-għanijiet xjentifiċi u teknologiċi li jridu jinkisbu permezz ta’ l-attivitajiet li hemm previsti fl-Artikolu 180 u jiddetermina l-prioritajiet rilevanti;

- jindika l-linji ġenerali ta’ dawk l-attivitajiet;

- jistabbilixxi l-ammont massimu totali u r-regoli dettaljati applikabbli għall-parteċipazzjoni finanzjarja ta' l-Unjoni fil-programm qafas, kif ukoll id-diversi ishma f’kull attività prevista.

2. Il-programm qafas għandu jiġi adattat jew supplimentat skond kif tinbidel is-sitwazzjoni.

3. Il-programm qafas għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi speċifiċi żviluppati f’kull attività. Kull programm speċifiku għandu jiddefinixxi r-regoli dettaljati sabiex dan jiġi implimentat, sabiex jiġi stabbilit kemm idum, kif ukoll sabiex jiġu provduti il-mezzi li jitqiesu meħtieġa. It-total ta’ l-ammonti li jitqiesu meħtieġa, stabbiliti fil-programmi speċifiċi, ma jistax jeċċedi l-ammont massimu totali stabbilit għall- programm qafas u għal kull attività.

4. Il-Kunsill li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali, għandu jadotta l-programmi speċifiċi.

5. B'mod komplementari għall-attivitajiet imfassla fil-programm qafas pluriennali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' żona ta' riċerka Ewropea.

Artikolu 183

(ex Artikolu 167 TKE)

Sabiex timplimenta il-programm qafas pluriennali, l-Unjoni għandha:

- ddetermina r-regoli applikabbli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet;

- pprovdi regoli dwar id-disseminazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka.

Artikolu 184

(ex Artikolu 168 TKE)

Fl-implimentazzjoni tal-programm ta’qafas pluriennali jistgħu jiġu deċiżi programmi supplimentari li jinvolvu l-parteċipazzjoni biss ta’ ċerti Stati Membri, li jkunu jiffinanzjawhom suġġetti għall-parteċipazzjoni possibli mill-Kommunita.

L-Unjoni għandha tadotta r-regoli applikabli għall-programmi supplimentari, partikolarment dwar it-tixrid ta’ konoxxenzi u aċċess minn Stati Membri oħra.

Artikolu 185

(ex Artikolu 169 TKE)

Fl-implimentazzjoni tal-programm qafas pluriennali, l-Unjoni tista’ bi ftehim mal-Istati Membri involuti, tipprovdi dwar parteċipazzjoni tagħha fi programmi ta’ riċerka w żvilupp mnedija minn diversi Stati Membri, inkluż il-parteċipazzjoni fl-istutturi maħluqa għall-esekuzzjoni ta’ dawn il-programmi.

Artikolu 186

(ex Artikolu 170 TKE)

Fl-implimentazzjoni tal-programm qafas pluriennali, l-Unjoni tista’ tipprovdi għall-koperazzjoni ma' stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tar-riċerka, ta' l-iżvilupp teknoloġiku u tad-dimonstrazzjoni ta' l-Unjoni.

L-arranġamenti dettaljati għal din il-koperazzjoni jistgħu jkunu s-suġġetti ta' ftehim bejn l-Unjoni u l-partijiet terzi involuti.

Artikolu 187

(ex Artikolu 171 TKE)

L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni jew kull struttura oħra neċessarja għall-esekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimonstrazzjoni ta' l-Unjoni.

Artikolu 188

(ex Artikolu 172 TKE)

Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 187.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 183, 184 u 185. L-adozzjoni tal-programmi supplimentari teħtieġ il-ftehim ta' l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 189

1. Sabiex jiġu promossi l-progress xjentifiku u teknoloġiku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politika tagħha, l-Unjoni għandha tfassal politika Ewropea dwar l-ispazju. Għal dan il-għan, tista' tippromwovi inizjattivi konġunti, tagħti appoġġ lir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u tikkoordina l-isforzi meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' l-ispazju.

2. Sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-objettivi previsti fil-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa, li jistgħu jieħdu l-forma ta' programm Ewropew dwar l-ispazju, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti ta' l-Istati Membri.

3. L-Unjoni għandha tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa ma' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ispazju.

4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' dan it-Titolu.

Artikolu 190

(ex Artikolu 173 TKE)

Fil-bidu tal-kull sena l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar ir-riċerka u l-attivitajiet ta’ żvilupp teknoloġiku, u d-disseminazzjoni tar-riżultati matul is-sena ta’ qabel, u l-programm ta’ xogħol għas-sena kurrenti.

TITOLU XX

L-AMBJENT

Artikolu 191

(ex Artikolu 174 TKE)

1. Il-politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

- -salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent;

- -ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

- użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

- -promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

2. Il-politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta' livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta' l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.

F’dan il-kuntest, il-miżuri ta’armonizzazzjoni li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, fejn xieraq, klawsola ta’ salvagwardja li tħalli l-Istati Membri li jieħdu miżuri provviżorji għal raġunijiet ambjentali non-ekonomiċi, suġġett għall-proċedura ta' monitoraġġ mill-Unjoni.

3. Fil-preparazzjoni tagħha tal-politika dwar l-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu in konsiderazzjoni:

- i xjentifiċi u tekniċi eżistenti;

- kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti ta' l-Unjoni;

- vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni;

- iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Unjoni in ġenerali u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni tagħha.

4. Fil-qafas ta' l-isferi ta' kompetenza rispettiva tagħhom tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ pajjizi terzi u mal-organizazzjonijiet internazzjonali kompetenti. L-arranġamenti dwar il-koperazzjoni ta' l-Unjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim bejn l-Unjoni u t-terzi involuti.

Is-subparagrafu preċedenti m’għanduxjippreġudika il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.

Artikolu 192

(ex Artikolu 175 TKE)

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.

2. B’deroga għall-proċedura ta’ deċizjoni prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jadotta:

a) dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali;

b) miżuri li jaffettwaw:

- ippjanar ta' l-art;

- immaniġġjar kwantitattiv tar-riżorsi ta’ l-ilma, jew dak kollu li jaffettwa, direttament jew indirettament, id-disponibbiltà ta’ dawn ir-riżorsi;

- użu ta’ l-art, bl-eċċezzjoni ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart

c) miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jista' jagħmel il-proċedura leġislattiva ordinarja applikabbli għall-oqsma previsti fl-ewwel subparagrafu.

3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw programmi ta' azzjoni ġenerali li jistabbilixxu objettivi prijoritarji li għandhom jitwettqu.

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi għandhom jiġu adottati skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew 2, skond il-każ.

4. Mingħajr preġudizzju għal ċerti miżuri adottati mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiffinanzjaw u jimplimentaw il-politika dwar l-ambjent.

5. Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju li min iniġġes iħallas, jekk miżura li tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tirrekjedi spejjeż li jitqiesu sproporzjonati għall-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru, din il-miżura għandha tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet approprijati fl-għamla ta’:

- derogi temporanji u/jew

- appoġġ finanzjarju mill-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit skond l-Artikolu 177.

Artikolu 193

(ex Artikolu 176 TKE)

Il-miżuri protettivi adottati skond l-Artikolu 192, m’għandhomx jimpedixxu lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar iebsa. Dawn il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati. Dawn għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni.

TITOLU XXI

ENERĠIJA

Artikolu 194

1. Fil-kuntest ta' l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b' kont meħud tal-ħtieġa ta' preservazzjoni u titjib ta' l-ambjent, il-politika ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri:

a) tassigura l-funzjonament tas-suq ta' l-enerġija;

b) tassigura s-sigurtà tal-provvista ta' l-energija fl-Unjoni,

c) tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta' l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli; u

d) tippromwovi l-interkonnessjoni ta' netwerks ta' l-enerġija.

2. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kisba ta' l-objettivi previsti fil-paragrafu 1. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

Dawn m'għandhomx jolqtu d-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c).

3. B'deroga mill-paragrafu 2, il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi l-miżuri li huma previsti fih meta dawn ikunu essenzjalment ta' natura fiskali.

TITOLU XXII

TURIŻMU

Artikolu 195

1. L-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjoni ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu, b'mod partikolari billi tippromwovi l-kompetittività ta' l-impriżi ta' l-Unjoni f'dan is-settur.

Għal dan il-għan, l-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira:

a) li tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' l-impriżi f'dan is-settur;

b) li tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari bl-iskambju ta' prattika tajba.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri partikolari sabiex jikkomplementaw l-azzjonijiet fl-Istati Membri sabiex jitwettqu l-objettivi previsti f'dan l-Artikolu, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

TITOLU XXIII

PROTEZZJONI ĊIVILI

Artikolu 196

1. L-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex issaħħaħ l-effettività ta' sistemi ta' prevenzjoni ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u ta' protezzjoni minnhom.

L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira:

a) li tappoġġa u tikkomplementa l-azzjoni ta' l-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali fil-prevenzjoni ta' riskju, fil-preparazzjoni tal-persunal tagħhom tal-protezzjoni ċivili fl-Istati Membri u fl-intervent f'każ ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem fl-Unjoni;

b) li tippromwovi l-koperazzjoni operazzjonali rapida u effettiva fl-Unjoni bejn servizzi nazzjonali ta' protezzjoni ċivili;

c) li tippromwovi l-koerenza ta' azzjonijiet ta' protezzjoni ċivili fil-livell internazzjonali.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni tal-kisba tal-objettivi previsti fil-paragrafu 1, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

TITOLU XXIV

KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 197

1. L-implimentazzjoni effettiva tad-dritt ta' l-Unjoni mill-Istati Membri, li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb ta' l-Unjoni, għandha titqies bħala kwistjoni ta' interess komuni.

2. L-Unjoni tista' tappoġġja l-isforzi ta' l-Istati Membri sabiex itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom fl-implimentazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni. Din l-azzjoni tista' tinkludi l-iffaċilitar ta' l-iskambju ta' informazzjoni u ta' impjegati fis-servizz ċivili kif ukoll l-appoġġ għal skemi ta' taħriġ. L-ebda Stat Membru m' għandu jkun marbut li jagħmel użu minn dan l-appoġġ. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

3. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri li jimplimentaw id-dritt ta' l-Unjoni kif ukoll għall-prerogattivi u d-dmirijiet tal-Kummissjoni. Għandu jkun wkoll mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati li jipprovdu għal koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri kif ukoll bejnhom u l-Unjoni.

IR-RABA' PARTI

L-ASSOĊJAZZJONI TA' PAJJIŻI U TERRITORJI EXTRA-EWROPEJ

Artikolu 198

(ex Artikolu 182 TKE)

L-Istati Membri jaqblu li jassoċjaw ma' l-Unjoni dawk il-pajjiżi u t-territorji mhux Ewropej u li għandhom relazzjonijiet speċjali mad-Danimarka, Franza, l-Olanda u r-Renju Unit. Dawn il-pajjiżi u territorji (hawn aktar ’l isfel imsejħa bħala "il-pajjizi u t-territorji") huma elenkati fl-Anness II tat-Trattati.

L-għan ta’ din l-assoċjazzjoni huwa li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji, u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi viċini bejnhom u l-Unjoni kollha.

Konformement mal-prinċipji enunzjati fil-Preambolu ta’ dan it-Trattat, din l-assoċjazzjoni għandha, prinċipalment, tippermetti t-titjib ta' l-interessi u tal-prosperità ta' l-abitanti ta' dawn il-pajjizi u territorji sabiex twassalhom għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li għalih jaspiraw.

Artikolu 199

(ex Artikolu 183 TKE)

L-għanijiet ta’ l-assoċjazzjoni huma s-segwenti:

1) Fil-kummerċ tagħhom mal-pajjiżi u t-territorji, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess kondizzjonijiet li jagħtu lil xulxin permezz tat-Trattati.

2) Kull pajjiż jew territorju għandu japplika għall-kummerċ tiegħu ma’ l-Istati Membri u mal-pajjiżi jew territorji oħra l-istess kondizzjonijiet li japplika ma’ l-istat Ewropew li miegħu għandu relazzjonijiet speċjali.

3) L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-investimenti meħtieġa għall-iżvilupp progressiv ta’ dawn il-pajjiżi u t-territorji.

4) Fir-rigward ta’ investimenti iffinanzjati mill-Unjoni, il-parteċipazzjoni f’sejħiet għall-offerti u provvisti tkun miftuħa, b’mod indaqs, għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha, ċittadini ta’ l-Istati Membri jew tal-pajjiżi u t-territorji.

5) Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi u t-territorji, id-dritt ta' l-istabbiliment taċ- ċittadini u kumpanniji għandu jiġi regolat skond id-dispożizzjonijiet, u bl-applikazzjoni tal-proċedura stipulata fil-Kapitolu li jittratta d-dritt ta' l-istabbiliment, u fuq bażi mhux diskriminatorja, mingħajr preġudizzju għall-miżuri speċjali meħuda taħt l-Artikolu 203.

Artikolu 200

(ex Artikolu 184 TKE)

1. Id-dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet fl-Istati Membri ta' merkanzija li toriġina mill-pajjiżi u t-territorji għandhom jiġu projbiti f' konformita ma' l-projbizzjoni tad-dazji tad-dwana bejn l-istati Membri skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

2. Dazji tad-dwana fuq il-merkanzija importata mill-Istati Membri u minn pajjiżi u territorji oħra mad-dħul f’xi wieħed mill-pajjiżi jew territorji għandhom jiġu projbiti skond id-dispozizzjonijiet ta’ l-Artikoli 30.

3. Madankollu, il-pajjiżi u t-territorji jistgħu jiġbru dazji tad-dwana sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-iżvilupp u l-ħtiġijiet ta’ l-industrijalizzazzjoni tagħhom, jew dawk l-imposti, ta' karattru fiskali, maħsuba sabiex isostnu l-finanzi tagħhom.

Id-dazji msemmija fis-subparagrafu ta’ qabel dan, ma jistgħux jeċċedu il-livell ta’ dawk l-imposti fuq l-importazzjoni ta’ prodotti li ġejjin mill-Istat Membru li miegħu kull pajjiż jew territoru jkollu relazzjonijiet speċjali.

4. Il-paragrafu 2 ma japplikax għall-pajjizi u t-territorji li, minħabba l-obbligi internazzjonali partikolari li jorbtuhom, ikunu qegħdin diġà japplikaw tariffa doganali mhux diskriminatorja.

5. L-introduzzjoni jew l-emenda ta’ dazji imposti fuq merkanzija importata fil-pajjizi u t-territorji ma għandhomx, de jure jew de facto, iwasslu għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta bejn merkanzija importata li ġejja mid-diversi Stati Membri.

Artikolu 201

(ex Artikolu 185 TKE)

Jekk il-livell tad-dazji applikabbli fuq merkanzija li tkun ġejja minn pajjiż terz, mad-dħul f' pajjiż jew territorju, aktarx li, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 200(1), l-ewwel paragrafu, iġib devjazzjoni tal-kummerċ b'detriment ta' xi Stat Membru, dan ta' l-aħħar jista' jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi lil Stati Membri oħra sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

Artikolu 202

(ex Artikolu186 TKE)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fuq is-saħħa pubblika, is-sigurta' pubblika u l-ordni pubbliku, il-moviment liberu ta’ ħaddiema mill-pajjiżi u t-territorji fi Stati Membri, u tal-ħaddiema mill-Istati Membri fil-pajjiżi u t-territorji, għandu jiġi regolat b'atti adottati skond l-Artikolu 203.

Artikolu 203

(ex Artikolu 187 TKE)

Il-Kunsill, b' mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu, abbażi ta' l-esperjenza akkwistata taħt l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ma' l-Unjoni u tal-prinċipji stabbiliti fit-Trattati, jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar ir-regoli dettaljati u l-proċedura għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ma' l-Unjoni. Meta d-dispożizzjonijiet imsemmija jiġu adottati mill-Kunsill skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jiddeċiedi b'unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 204

(ex Artikolu 188 TKE)

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 198 sa 203 għandhom japplikaw għall-Groenlandja, suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Groenlandja stabbiliti fil-Protokoll dwar l-arranġamenti speċjali għall-Groenlandja, annessi mat-Trattati.

IL-ĦAMES PARTI

L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

Artikolu 205

L-azzjoni ta' l-Unjoni fix-xena internazzjonali, skond din il-parti, għandha tkun gwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li tikseb l-għanijiet u għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

TITOLU II

IL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Artikolu 206

(ex Artikolu 131 TKE)

Permezz ta' l-istabbiliment ta' unjoni doganali skond l-Artikoli 28 sa 32, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi, fl-interess komuni, għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, għall-abolizzjoni progressiva ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll għat-tnaqqis ta' l-ostakoli doganali u ta' xort' oħra.

Artikolu 207

(ex Artikolu 133 TKE)

1. Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta' bidliet fir-rati tariffarji, il-konklużjoni ta' ftehim tariffarji u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta' merkanzija u ta' servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba ta' l-uniformità fil-miżuri ta' liberalizzazzjoni, il-politika dwar l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta' dumping jew sussidji. Il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

3. Fejn ikun meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu japplika l-Artikolu 218 suġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tressaq rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizzaha sabiex tiftaħ in-negozjati meħtieġa. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli sabiex jassiguraw li l-ftehim negozjati jkunu kompatibbli mal-politika u r-regoli interni ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn in-negozjati b'konsultazzjoni ma' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill sabiex jgħin lill-Kummissjoni f'din il-ħidma u fil-qafas ta' direttivi li l-Kunsill jista' jindirizza lilha. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, dwar il-progress tan-negozjati.

4. Għan-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim previst fil-paragrafu 3, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Għan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim fl-oqsma tal-kummerċ fis-servizzi u ta' l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll ta' l-investiment barrani dirett, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fejn tali ftehim jinkludu dispożizzjonijiet li għalihom tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' regoli interni.

Il-Kunsill għandu wkoll jaġixxi b'mod unanimu għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' ftehim:

a) fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi kulturali u awdjoviżivi, fejn hemm ir-riskju li dawn il-ftehim jippreġudikaw id-diversità kulturali u lingwistika ta' l-Unjoni;

b) fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi soċjali, ta' l-edukazzjoni u tas-saħħa, fejn hemm ir-riskju li dawn il-ftehim jikkawżaw disturb serju għall-organizzazzjoni nazzjonali ta' dawn is-servizzi u jippreġudikaw ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fil-provvista ta' tali servizzi.

5. In-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom ikunu suġġetti għat-Titolu VI tat-Tielet Parti u għall-Artikolu 218.

6. L-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija minn dan l-Artikolu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni m'għandux jolqot id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u m'għandux iwassal għal armonizzazzjoni tal-liġijiet jew regolamenti ta' l-Istati Membri safejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni.

TITOLU III

IL-KOPERAZZJONI MAL-PAJJIŻI TERZI U L-GĦAJNUNA UMANITARJA

KAPITOLU I

IL-KOPERAZZJONI FL-IŻVILUPP

Artikolu 208

(ex Artikolu 177 TKE)

1. Il-politika ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp għandha titwettaq fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Il-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

L-objettiv prinċipali tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jonoraw l-impenji tagħhom u jieħdu in konsiderazzjoni l-għanijiet li jkunu approvaw fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra kompetenti.

Artikolu 209

(ex Artikolu 179 TKE)

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, li jistgħu jinvolvu programmi ta' koperazzjoni pluriennali ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew programmi b' approċċ tematiku.

2. L-Unjoni tista' tikkonkludi kwalunkwe ftehim, ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, li jgħin sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 208 ta' dan it-Trattat.

L-ewwel subparagrafu ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'sedi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim.

3. Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jikkontribwixxi, skond kif provdut fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 210

(ex Artikolu 180 TKE)

1. Sabiex tippromwovi l-komplementarità u l-effikaċja ta' l-azzjoni tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-linji ta' politika tagħhom dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp u għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-programmi tagħhom ta’ għajnuna, ukoll fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u f'konferenzi internazzjonali. Huma jistgħu jieħdu azzjoni konġunta. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna ta' l-Unjoni.

2. Il-Kummissjoni tista’ tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 211

(ex Artikolu 181 TKE)

Fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.

KAPITOLU 2

KOPERAZZJONI EKONOMIKA, FINANZJARJA U TEKNIKA MA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 212

(ex Artikolu 181 A TKE)

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, u b'mod partikolari dawk ta' l-Artikoli 208 sa 211, l-Unjoni għandha twettaq azzjonijiet ta' koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika, inkluża għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja, ma' pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn il-miżuri għandhom ikunu koerenti mal-politika għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u għandhom jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna tagħha. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3. Fil-kwadru tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. Il-modalitajiet ta’ koperazzjoni ta' l-Unjoni jistgħu jkunu l-oġġett ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi involuti.

L-ewwel subparagrafu ma jippregudikax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jinnegozjaw f’sedi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.

Artikolu 213

Meta s-sitwazzjoni f'pajjiż terz teħtieġ għajnuna finanzjarja urġenti mill-Unjoni, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa fuq proposta tal-Kummissjoni.

KAPITOLU 3

L-GĦAJNUNA UMANITARJA

Artikolu 214

1. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-għajnuna umanitarja għandhom jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu maħsuba sabiex jipprovdu assistenza u għajnuna mingħajr dewmien għal popolazzjonijiet f'pajjiżi terzi li jkunu vittma ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, u sabiex jipproteġuhom, sabiex jaffrontaw il-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn is-sitwazzjonijiet differenti. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

2. L-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja għandhom jitwettqu skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' l-imparzjalità, in-newtralità u n-non diskriminazzjoni.

3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas li fih għandhom jiġu implimentati l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni.

4. L-Unjoni tista' tikkonkludi kwalunkwe ftehim, ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, li jgħin sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

L-ewwel subparagrafu ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'sedi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim.

5. Sabiex jiġi stabbilit qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni, għandu jkun stabbilit Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament ta' dan il-korp.

6. Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri, sabiex issaħħaħ l-effiċjenza u l-komplementarità tal-miżuri ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni u dawk nazzjonali.

7. L-Unjoni għandha tassigura li l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tagħha jkunu koordinati u koerenti ma' dawk ta' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

TITOLU IV

IL-MIŻURI RESTRITTIVI

Artikolu 215

(ex Artikolu 301 TKE)

1. Meta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma' pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta' l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta' sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Għandu jinforma b'dan lill-Parlament Ewropew.

2. Meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista' jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.

3. L-atti previsti f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.

TITOLU V

FTEHIM INTERNAZZJONALI

Artikolu 216

1. L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali meta t-Trattati jipprovdu għal danjew meta l-konklużjoni ta' ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta' l-Unjoni, wieħed mill- objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f'att ta' l-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x'aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom.

2. Ftehim konkluż mill-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u lill-Istati Membri.

Artikolu 217

(ex Artikolu 310 TKE)

L-Unjoni tista' tikkonkludi ma' pajjiż terz wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali ftehim li jistabbilixxu assoċjazzjoni li ġġib magħha drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali.

Artikolu 218

(ex Artikolu 300 TKE)

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

2. Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta' negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta' ftehim u jikkonkludihom.

3. Meta l-ftehim in kwistjoni jikkonċerna esklużivament jew prinċipalment il-politika estera u ta' sigurtà komuni, il-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina, skond is-suġġett tal-ftehim previst, in-negozjatur ta' l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta' negozjaturi ta' l-Unjoni.

4. Il-Kunsill jista' jindirizza direttivi lin-negozjatur u jista' jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru f' konsultazzjoni ma' dan il-kumitat.

5. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.

6. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

Minbarra meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-politika estera u ta' sigurtà komuni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:

a) wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

i) ftehim ta' assoċjazzjoni;

ii) ftehim dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

iii) ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz ta' l-organizzazzjoni ta' proċeduri ta' koperazzjoni;

iv) ftehim b'implikazzjonijiet baġitarji importanti għall-Unjoni;

v) ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

F'każ ta' urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiftiehmu fuq limitu ta' żmien għall-approvazzjoni.

b) wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-każijiet l-oħra. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f'limitu ta' żmien li l-Kunsill jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. Fin-nuqqas ta' opinjoni f'dak il-limitu ta' żmien, il-Kunsill jista' jaġixxi.

7. Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista', b'deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9, jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova f' isem l-Unjoni emendi għall-ftehim meta dan jipprovdi li dawn l-emendi għandhom jiġu adottati skond proċedura simplifikata jew minn korp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista' jorbot kondizzjonijiet speċifiċi ma' din l-awtorizzazzjoni.

8. Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha.

Mandankollu, għandu jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unamità għall-adozzjoni ta' att ta' l-Unjoni kif ukoll għal ftehim ta' assoċjazzjoni u l-ftehim previsti fl-Artikolu 212 ma' l-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi wkoll b'mod unanimu għall-ftehim ta' adeżjoni ta' l-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali; id-deċiżjoni li tikkonkludi dan il-ftehim tidħol fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

9. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta' Politika ta' Sigurtà għandu jadotta deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni ta' ftehim u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f' isem l-Unjoni f' sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

10. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.

11. Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati. Meta l-opinjoni tal-Qorti tkun kuntrarja, il-ftehim maħsub ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew it-Trattati ma jiġux riveduti.

Artikolu 219

(ex Artikolu 111 (1) sa (3) u (5), TKE)

1. B' deroga mill-Artikolu 218, il-Kunsill, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, inkella fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew bil-ħsieb li jilħaq konsensus kompatibbli ma' l-objettiv ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, jista' jikkonkludi ftehim formali dwar sistema ta' rati tal-kambju għall-euro fir-rigward tal-valuti ta' Stati terzi. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u skond il-proċedura prevista fil-paragrafu 3.

Il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew jew inkella fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew bil-ħsieb li jilħaq konsensus konformement ma' l-għan ta’ l-istabbiltà fil-prezzijiet, jista' jadotta, jaġġusta jew jabbanduna r-rati ċentrali ta’ l-euro fis-sistema ta' rata ta' kambju. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bl-adozzjoni, l-aġġustament jew l-abbandun tar-rati ċentrali ta’ l-euro.

2. Meta ma jkunx hemm sistema ta' rata ta' kambju in relazzjoni ma' munita waħda jew aktar ta' Stati terzi kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew, jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew, jista’ jifformula orjentazzjonijiet ġenerali għall-politika ta’ rata ta’ kambju ma' dawn il-muniti. Dawn l-orjentazzjonijiet ġenerali m'għandhomx jippreġudikaw l-għan primarju tas-SEBĊ li tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet.

3. B' deroga mill-Artikolu 218, fejn ikun hemm il-bżonn li xi ftehim rigward kwistjonijiet monetari jew tas-sistema ta’ kambju jiġi negozjat mill-Unjoni ma' xi Stat jew Stati terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti għan-negozjati u l-konkluzjoni ta' dan il-ftehim. Dawn l-arranġamenti għandhom jassiguraw li l-Unjoni tesprimi pożizzjoni unika. Il-Kummissjoni għandha tkun għal kollox assoċjata ma' dawn in-negozjati.

4. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Unjoni u għal kull ftehim ta' l-Unjoni dwar l-unjoni ekonomika u monetarja, Stati Membri jistgħu jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u jikkonkludu ftehim internazzjonali.

TITOLU VI

RELAZZJONIJIET TA' L-UNJONI MA' L-ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI U L-PAJJIŻI TERZI U DELEGAZZJONIJIET TA' L-UNJONI

Artikolu 220

(ex Artikoli 302 sa 304 TKE)

1. L-Unjoni għandha tistabbilixxi l-forom kollha xierqa ta' koperazzjoni ma' l-organi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet speċjalizzati tagħha, mal-Kunsill ta' l-Ewropa, ma' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u ma' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku.

L-Unjoni għandha wkoll iżżomm dawk ir-relazzjonijiet li jkunu opportuni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

2. Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 221

1. Id-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni f'pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jirrappreżentaw l-Unjoni.

2. Id-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom jitqiegħdu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Dawn għandhom jaġixxu f'koperazzjoni stretta mal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari ta' l-Istati Membri.

TITOLU VII

KLAWŻOLA TA' SOLIDARJETÀ

Artikolu 222

1. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta' solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem. L-Unjoni għandha tuża l-istrumenti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi r-riżorsi militari magħmula disponibbli mill-Istati Membri, sabiex:

a) - tipprevjeni t-theddida tat-terroriżmu fit-territorju ta' l-Istati Membri,

- tipproteġi l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-popolazzjoni ċivili minn kwalunkwe attakk terroristiku,

- tipprovdi assistenza lil xi Stat Membru fit-territorju tiegħu fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu f'każ ta' attakk terroristiku;

b) tipprovdi assistenza lil Stat Membru fit-territorju tiegħu, fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu, f'każ ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem.

2. Jekk Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem, l-Istati Membri l-oħra għandhom jgħinuh fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw bejniethom fil-Kunsill.

3. L-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni ta' din il-klawżola ta' solidarjetà għandhom ikunu definiti permezz ta' deċiżjoni adottata mill-Kunsill, fuq proposta konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Meta din id-deċiżjoni jkollha implikazzjonijiet ta' difiża l-Kunsill għandu jaġixxi skond l-Artikolu 31(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat.

Fil-kuntest ta' dan il-paragrafu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, il-Kunsill għandu jiġi assistit mill-Kumitat tal-Politika u tas-Sigurtà bl-appoġġ ta' l-istrutturi żviluppati fil-kuntest tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u mill-Kumitat previst fl-Artikolu 71, biż-żewġ kumitati jippreżentaw opinjonijiet konġunti fejn ikun il-każ.

4. Il-Kunsill Ewropew għandu jivvaluta regolarment it-theddid kontra l-Unjoni sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva.

IS-SITT PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET

KAPITOLU 1

L-ISTITUZZJONIJIET

TAQSIMA 1

IL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 223

(ex Artikolu 190(4) sa (5), TKE)

1. Il-Parlament Ewropew għandu jħejji proposta bil-ħsieb li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex il-membri tiegħu jiġu eletti b'vot dirett universali skond il-poċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.

Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu għandu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

2. Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi permezz ta' regolament fuq inizjattiva tiegħu stess skond il-proċedura leġislattiva speċjali, wara li jkun talab l-opinjoni tal-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-Kunsill għandu jifformula r-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-eserċizzju tal-funzjonijiet tad-doveri tal-Membri tiegħu. Ir-regoli u l-kondizzzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tassazzjoni tal-Membri jew tal-Membri ta’ qabel ikunu jeħtieġu l-unanimità fil-Kunsill.

Artikolu 224

(ex Artikolu 191, it-tieni subparagrafu, TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu, permezz ta' Regolament, ir-regoli li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew imsemmija fl-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom.

Artikolu 225

(ex Artikolu 192, it-tieni subparagrafu, TKE)

Il-Parlament Ewropew jista’, b’maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tissottemetti proposti adegwati fuq dawk il-kwistjonijiet li dwarhom ikun iqis li hu neċessarju li jsir att ta' l-Unjoni sabiex jiġu implimentata t-Trattati. Jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-raġunijiet.

Artikolu 226

(ex Artikolu 193 TKE)

Fil-qadi ta’ dmirijietu, l-Parlament Ewropew jista’, fuq talba ta’ kwart tal-Membri komponenti tiegħu, jistabbilixxi Kumitat ta’ Inkjesta temporanju sabiex jinvestiga, mingħajr preġudizzju għall-poteri mogħtija fit-Trattati, allegazzjonijiet ta’ ksur tal-liġi jew ta’ amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni ħlief meta l-fatti allegati jkunu qed jiġu eżaminati minn xi Qorti u sakemm il-każ ikun għadu suġġett għall-proċeduri legali.

L-eżistenza tal-Kumitat ta' Inkjesta temporanju għandha tintemm mal-preżentazzjoni tar-rapport tiegħu.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta għandhom jiġu stabbiliti mill-Parlament Ewropew, li jaġixxi permezz ta' regolament fuq inizjattiva tiegħu stess skond il-proċedura leġislattiva speċjali, wara l-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Artikolu 227

(ex Artikolu 194 TKE)

Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollhom d-dritt li tippreżenta petizzjoni, individwalment jew flimkien ma’ ċittadini jew persuni oħra, lill-Parlament Ewropew dwar kull suġġett li jaqa’ fl-isfera ta’ attività ta' l-Unjoni u li tkun tolqothom direttament.

Artikolu 228

(ex Artikolu 195 TKE)

1. Ombudsman Ewropew, elett mill-Parlament Ewropew, għandu s-setgħa li jilqa' l-ilmenti ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni jew ta' kull persuna, kemm fiżika kif ukoll ġuridika li toqgħod jew ikollha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, li jinvolvu każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. Huwa għandu jinvestiga dawn l-ilmenti u jirrapporta dwarhom.

Konformement mal-missjoni tiegħu, l-Ombudsman għandu jagħmel stħarriġ li jaħseb li jkun ġustifikat, sew fuq inizjattiva tiegħu stess sew abbażi ta' ilmenti li jaslu direttament għandu jew permezz ta’ xi membru tal-Parlament Ewropew, ħlief meta l-fatti allegati mressqa jkunu jew kienu suġġetti għal proċeduri legali. Meta l-Ombudsman jistabbilixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, għandu jirriferi l-każ lill-istituzzjoni, korp jew organu interessat, li għandu jkollu perjodu ta’ tlett xhur sabiex jinformah bir-raġunijiet tiegħu. L-Ombudsman għandu imbagħad iressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill- istituzzjoni, korp jew organu interessat. Il-persuna li tkun ressqet l-ilment, għandha tiġi informata bir-riżultat ta’ dak l-istħarriġ.

L-Ombudsman għandu jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew fuq l-eżitu ta’ kull stħarriġ li jagħmel.

2. L-Ombudsman għandu jiġi elett wara kull elezzjoni tal-Parlament Ewropew għat-tul tal-leġislatura tiegħu. L-Ombudsman jista’ jerga’ jinħatar.

L-Ombudsman jista’ jitneħħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament Ewropew jekk ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet mitluba għall-qadi ta’ dmirijietu jew jekk ikun ħati ta’ mġiba serjament ħażina.

3. L-Ombudsman għandu jkun indipendenti għal kollox fil-qadi ta’ dmirijietu. Fil-qadi ta’ dawk id-dmirijiet, huwa m’għandu la jitlob u lanqas jieħu istruzzjonijiet mingħand l-ebda gvern, istituzzjoni, korp jew organu. L-Ombudsman ma jistax, sakemm idum fil-kariga, jinvolvi ruħu f’attivita professjonali oħra, kemm jekk bi qligħ kif ukoll mingħajr.

4. Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi permezz ta' regolament fuq inizjattiva tiegħu stess skond il-proċedura leġislattiva speċjali, wara li jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-Kunsill għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’ l-Ombudsman.

Artikolu 229

(ex Artikolu 196 TKE)

Il-Parlament Ewropew għandu jżomm sessjoni annwali. Għandu jiltaqa’ awtomatikament fit-tieni nhar ta’ Tlieta ta’ Ottubru.

Fuq talba tal-maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu, jew fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew jista’ jiltaqa’ f'perijodu ta' sessjoni straordinarja.

Artikolu 230

(ex Artikolu 197, it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafu, TKE)

Il-Kummissjoni tista' tattendi għal-laqgħat kollha u għandha tinstema' fuq talba tagħha.

Il-Kummissjoni għandha twieġeb oralment jew bil-miktub il-mistoqsijiet magħmulha lilha mill-Parlament Ewropew jew mill-membri tiegħu.

Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jinstemgħu mill-Parlament Ewropew skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Ewropew u f'dawk tal-Kunsill.

Artikolu 231

(ex Artikolu 198 TKE)

Ħlief fejn provdut xort’oħra fit-Trattati, il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-voti espressi.

In-numru għal quorum għandu jiġi stipulat fir-regoli ta' proċedura.

Artikolu 232

(ex Artikolu 199 TKE)

Il-Parlament Ewropew għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu b’vot tal-maġġoranza tal-membri tiegħu.

L-atti tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu pubblikati skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tar-regoli ta' proċedura.

Artikolu 233

(ex Artikolu 200 TKE)

Il-Parlament Ewropew għandu jiddiskuti f'seduta pubblika r-rapport ġenerali annwali preżentat lilu mill-Kummissjoni.

Artikolu 234

(ex Artikolu 201 TKE)

Jekk mozzjoni ta’ ċensura fuq l-operat tal-Kummissjoni tiġi ppreżentata fil-Parlament Ewropew, il-vot dwarha jista' jittieħed biss wara terminu ta' mhux anqas minn tlett ijiem mill-preżentata tal-mozzjoni u biss b’vot miftuħ.

Jekk il-mozzjoni ta' ċensura tiġi adottata b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament Ewropew, il-membri tal-Kummissjoni għandhom jirriżenjaw kollettivament mill-kariga tagħhom u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jirreżenja mill-kariga li jaqdi fil-Kummissjoni. Huma għandhom jibqgħu fil-kariga u jkomplu jwettqu x-xogħol kurrenti tagħhom sakemm jiġu sostitwiti skond l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'dan il-każ, il-mandat tal-membri tal-Kummissjoni maħtura sabiex jissostitwuhom għandu jiskadi fid-data li kellu jiskadi l-mandat tal-membri tal-Kummissjoni li kienu obbligati jirriżenjaw kollettivament.

TAQSIMA 2

IL-KUNSILL EWROPEW

Artikolu 235

1. Meta jittieħed vot, kull membru tal-Kunsill Ewropew jista' wkoll jaġixxi f' isem membru ieħor biss.

L-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) ta' dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-Kunsill Ewropew meta jkun qed jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Meta l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi permezz ta' vot, il-President tiegħu u l-President tal-Kummissjoni m'għandhomx jieħdu sehem fil-vot.

L-astensjoni ta' minn membri preżenti jew rappreżentati m'għandiex iżomm l-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' atti li jeħtieġu l-unanimità.

2. Il-President tal-Parlament Ewropew jista' jiġi mistieden sabiex jinstema' mill-Kunsill Ewropew.

3. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u għall-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

4. Il-Kunsill Ewropew għandu jkun assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 236

Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'maġġoranza kwalifikata:

a) deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista tal-formazzjonijiet tal-Kunsill minbarra dawk ta' l-affarijiet ġenerali u ta' l-affarijiet barranin, skond l-Artikolu 16(6), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

b) deċiżjoni dwar il-Presidenza tal-formazzjonijiet tal-Kunsill minbarra dik ta' l-affarijiet barranin, skond l-Artikolu 16(9), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

TAQSIMA 3

IL-KUNSILL

Artikolu 237

(ex Artikolu 204 TKE)

Il-Kunsill għandu jiltaqa’ meta jiġi msejjaħ mill-President tiegħu fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni.

Artikolu 238

(ex Artikolu 205 (1) sa (2), TKE)

1. Meta jkun meħtieġ jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

2. B'deroga mill-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mill- 1 ta' Novembru 2014 u suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni.

3. Mill- 1 ta' Novembru 2014, u suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, fil-każijiet fejn, skond it-Trattati, mhux il-membri kollha tal-Kunsill jieħdu sehem fil-vot, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita kif ġej:

a) Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

b) b'deroga minn a), meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

4. L-astensjonijiet minn membri sew jekk presenti personalment sew jekk rappreżentati ma għandhomx jimpedixxu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill li jeħtieġu unanimità.

Artikolu 239

(ex Artikolu 206 TKE)

Meta jittieħed vot, kull membru tal-Kunsill jista’ jaġixxi bħala prokuratur għal mhux iżjed minn membru wieħed ieħor.

Artikolu 240

(ex Artikolu 207 TKE)

1. Kumitat li jikkonsisti mir-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandu jkun responsabbli għall-preparazzjoni tal-ħidma tal-Kunsill u sabiex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu minn dan ta' l-aħħar. Il-Kumitat jista' jadotta deċiżjonijiet ta' proċedura fil-każijiet previsti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.

2. Il-Kunsill għandu jkun assistit minn Segretarjat Ġenerali, taħt ir-responsabbiltà ta' Segretarju Ġenerali maħtur mill-Kunsill.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali b'maġġoranza sempliċi.

3. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u għall-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 241

(ex Artikolu 208 TKE)

Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel l-istudji kollha li l-Kunsill jikkunsidra mixtieqa bl-għan li jinkisbu l-għanjiet komuni, u sabiex jippreżenta quddiemha kull proposta xierqa. Jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Kunsill bir-raġunijiet.

Artikolu 242

(ex Artikolu 209 TKE)

Wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, għandu jippreskrivi r-regoli li jirregolaw il-Kumitati previsti fit-Trattati.

Artikolu 243

(ex Artikolu 210 TKE)

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi s-salarji, l-allowances u l-pensjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew, tal-President tal-Kummissjoni, tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-membri tal-Kummissjoni, tal-Presidenti, il-membri u r-Reġistraturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, u tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill. Għandu jistabbilixxi wkoll kwalunkwe ħlas li għandu jsir minflok remunerazzjoni.

TAQSIMA 4

IL-KUMMISSJONI

Artikolu 244

Skond l-Artikolu 17(5), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu skond sistema ta' rotazzjoni stabbilita b'mod unanimu mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

a) l-Istati Membri għandhom jiġu trattati b'ugwaljanza stretta fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sekwenza, u taż-żmien fil-kariga, taċ-ċittadini tagħhom bħala membri tal-Kummissjoni; għaldaqstant, id-differenza bejn l-għadd totali ta' mandati ta' ċittadini ta' kwalunkwe żewġ Stati Membri partikolari qatt ma tista' tkun ta' aktar minn wieħed;

b) mingħajr preġudizzju għall-punt (a), kull Kummissjoni suċċessiva għandha tkun komposta b'tali mod li tirrifletti b'mod sodisfaċenti l-firxa demografika u ġeografika ta' l-Istati Membri kollha.

Artikolu 245

(ex Artikolu 213 TKE)

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli man-natura ta' dmirijiethom. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-indipendenza tagħhom u m'għandhomx ifittxu li jinfluenzawhom fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

Il-Membri tal-Kummissjoni ma jistgħux, sakemm idumu fil-kariga, jeżerċitaw xi professjoni oħra, kemm bi jew bla qligħ. Meta jidħlu fil-kariga tagħhom, huma jridu jorbtu rwieħhom b’mod solenni li, kemm waqt il-kariga, kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, huma jirrispettaw l-obligazzjonijiet li joħorġu minnha b’mod speċjali id-dmir tagħhom li jġibu rwieħhom b’integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji. F’każ ta’ xi ksur ta' dawn l-obligazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq talba tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jew tal-Kummissjoni, jiddikjara lill-membru involut bħala irtirat mill-funzjoni tiegħu skond l-Artikolu 247 jew jiddikjara revokat id-dritt tiegħu għall-pensjoni jew xi benefiċċju ieħor, skond iċ-ċirkostanzi.

Artikolu 246

(ex Artikolu 215 TKE)

Barra minn b’tiġdid regolari, jew bil-mewt, il-funzjonijiet ta’ Membru tal-Kummissjoni jintemmu individwalment meta dan jirriżenja minn jeddu jew għax imġiegħel.

Post battal ikkawżat b'riżenja, b'irtirar obbligatorju jew b'mewt għandu jimtela għall-bqija tal-mandat tal-membru minn membru ġdid ta' l-istess nazzjonalità maħtur mill-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u skond il-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-President tal-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li dan il-post battal m'hemmx bżonn li jimtela, b'mod partikolari meta ż-żmien li jkun fadal għall-mandat tal-Membru tal-Kummissjoni jkun qasir.

F’każ ta’ riżenja, voluntarja jew imġiegħla, jew f’każ ta’ mewt tal-President, huwa għandu jiġi sostitwit għall-bqija taż-żmien tal-kariga tiegħu. Il-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandha tkun applikabbli għas-sostituzzjoni tal-President.

Fil-każ ta' riżenja volontarja, irtirar obbligatorju jew mewt, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jiġi ssostitwit, għall-bqija tal-mandat tiegħu, skond l-Artikolu 18(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Fil-każ tar-riżenja volontarja tal-Membri kollha tal-Kummissjoni, dawn għandhom jibqgħu fil-kariga u jkomplu jwettqu x-xogħol kurrenti tagħhom sakemm jiġu ssostitwiti, għall-bqija tal-mandat li jkun fadal, skond l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Artikolu 247

(ex Artikolu 216 TKE)

Jekk xi membru tal-Kummissjoni ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet mitluba għall-qadi ta’ dmirijietu jew ikun ħati ta’ mġiba serjament ħażina, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq talba tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jew tal-Kummissjoni, tiddikjarah irtirat.

Artikolu 248

(ex Artikolu 217(2), TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(4), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu organizzati u mqassma fost il-membri tagħha mill-President tagħha, skond l-Artikolu 17(6), ta' dan it-Trattat. Il-President jista’ jqalleb l-allokazzjoni ta’ dawk ir-responsabbiltajiet matul iż-żmien li l-Kummissjoni tkun fil-kariga. Il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom mill-President taħt l-awtorità tiegħu.

Artikolu 249

(ex Artikolu 218(2), u 212 TKE)

1. Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha sabiex tiżgura li kemm hi u kemm id-dipartiment tagħha joperaw. Għandha tiżgura li dawn ir-regoli jiġu ppubblikati.

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika ta' kull sena, mhux aktar tard minn xahar qabel il-ftuħ tas-sessjoni tal-Parlament Ewropew, rapport ġenerali fuq l-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Artikolu 250

(ex Artikolu 219 TKE)

Il-Kummissjoni għandha taġixxi b’maġġoranza tal-Membri tagħha.

Ir-Regoli ta' Proċedura tagħha għandhom jiddeterminaw il-quorum.

TAQSIMA 5

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 251

(ex Artikolu 221 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja iżżomm is-seduti tagħha f’awli jew f' Awla Manja, skond ir-regoli stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Meta jkun hekk provdut fl-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiltaqa’ wkoll f’seduta plenarja.

Artikolu 252

(ex Artikolu 222 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tkun assistita minn tmien Avukati Ġenerali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hekk titlob, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’unanimità, jista jżid in-numru ta’ l-Avukati Ġenerali.

L-Avukat Generali għandu d-dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalita u b’indipendenza sħiha jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skond l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu.

Artikolu 253

(ex Artikolu 223 TKE)

L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu magħżula minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li għandhom il-kwalifiki kollha meħtieġa sabiex fil-pajjiżi rispettivi tagħhom jeżerċitaw l-ogħla funzjonijiet ġudizzjarji, jew li huma ġurikonsulti ta’ kompetenza magħrufa, jiġu maħturin bi qbil komuni għal sitt snin mill-gvernijiet ta l-Istati Membri, wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst bl-Artikolu 255.

Kull tliet snin jiġi magħmul tibdil parzjali ta’ l-Imħallfin u ta’ l-Avukati Ġenerali, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Imħallfin jaħtru minn fosthom il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għal tliet snin. Jista’ jarġa’ jinħatar.

L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali li jirtiraw jistgħu jerġgħu jinħatru.

Il-Qorti tal-Ġustizzja taħtar ir-Reġistratur tagħha u tippreskrivi r-regoli tas-servizz tiegħu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tagħha. Dawn ir-regoli jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Artikolu 254

(ex Artikolu 224 TKE)

In-numru ta’ l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali jiġi stabbilit mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. L-Istatut jista’ jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun assistita minn Avukati Ġenerali.

Il-membri tal-Qorti Ġenerali jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura. Dawn jiġu maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri għal sitt snin, wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst bl-Artikolu 255. Il-kompożizzjoni tal-Qorti tiġġedded parżjalment kull tliet snin. Il-membri li jirtiraw ikunu eliġibbli sabiex jerġgħu jinħatru.

L-Imħallfin jaħtru l-President tal-Qorti Ġenerali minn fosthom għal perjodu ta’ tliet snin. Dan jista’ jerġa’ jinħatar.

Il-Qorti Ġenerali taħtar ir-Reġistratur tagħha u tippreskrivi r-regoli tas-servizz tiegħu.

Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi r-regoli tal-Proċedura tagħha bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regoli jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Sakemm l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ma jipprovdix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu mal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw għall-Qorti Ġenerali.

Artikolu 255

Għandu jiġi stabbilit kumitat sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex jaqdu d-dmirijiet ta' Imħallef u ta' Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali qabel ma l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jagħmlu l-ħatriet skond l-Artikoli 253 u 254.

Il-kumitat għandu jinkludi seba' persuni magħżula minn fost membri preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, membri ta' qrati supremi nazzjonali u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta, li wieħed minnhom għandu jiġi propost mill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli ta' ħidma ta' dan il-kumitat, kif ukoll deċiżjoni għall-ħatra tal-membri tiegħu. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq l-inizjattiva tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja

Artikolu 256

(ex Artikolu 225 TKE)

1. Il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 263, 265, 268, 270 u 272, bl-eċċezzjoni ta’ dawk assenjati lil qorti speċjalizzata stabbilita taħt l-Artikolu 257 u ta' dawk li l-Istatut jirriserva għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istatut jista’ jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun kompetenti għal kategoriji oħra ta’ rikorsi.

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali skond dan il-paragrafu jistgħu ikunu suġġetti għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja limitatament għal punti ta’ dritt, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut.

2. Il-Qorti Ġenerali hija kompetenti tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi magħmula kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati speċjalizzati.

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali skond dan il-paragrafu jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut, fejn ikun hemm periklu serju li l-unità jew il-koerenza tal-liġi ta' l-Unjoni tiġi mittiefsa.

3. Il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 267, f’oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut.

Meta l-Qorti Ġenerali tkun jidhrilha li l-kawża teħtieg deċiżjoni li tista’ tikkomprometti l-unità jew il-koerenza tal-liġi ta' l-Unjoni, tista’ tibgħat il-kawza għal deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti fl-Istatut, fejn hemm periklu serju għall-unita jew għall-koerenza tal-liġi ta' l-Unjoni.

Artikolu 257

(ex Artikolu 225A TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu qrati speċjalizzati annessi mal-Qorti Ġenerali, sabiex jieħdu konjizzjoni fil-Prim' Istanza ta' ċerti kategoriji ta' rikorsi f'oqsma speċifiċi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu permezz ta' regolament jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Ir-Regolament li jistabbilixxi qorti speċjalizzata jistabbilixxi r-regoli dwar il-kompożizzjoni ta' din il-qorti u safejn għandha tasal il-kompetenza tagħha.

Id-deċiżjonijiet tal-qrati speċjalizzati jistgħu jkunu suġġetti għall-appell fuq punti ta’ dritt biss, jew meta jkun hekk provdut fir-regolament li jistabbilixxi l-qorti speċjalizzata ukoll fuq kwistjonijiet ta’ fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali.

Il-membri tal-qrati speċjalizzati jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jippossedu l-kapaċità meħtieġa sabiex jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji. Jiġu maħtura mill-Kunsill waqt li jaġixxi unanimament.

L-qrati speċjalizzati jistabbilixxu r-Regoli ta’ Proċedura tagħhom bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regoli jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Sakemm ir-Regolament li jistabbilixxi l-qorti speċjalizzata ma jipprovdix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu mal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea u d-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea japplikaw għall-qrati speċjalizzati. It-Titolu I ta' l-Istatut u l-Artikolu 64 tiegħu għandhom japplikaw fi kwalunkwe każ għall-qrati speċjalizzati.

Artikolu 258

(ex Artikolu 226 TKE)

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond dan it-Trattat, hija għandha toħroġ opinjoni motivata dwar il-materja wara li tagħti lill-Istat interessat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

Jekk l-Istat in kwistjoni ma jikkonformax ruħu ma’ dik l-opinjoni fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar tista’ ġġib il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 259

(ex Artikolu 227 TKE)

Kull Stat Membru li jikkunsidra li Stat Membru ieħor ikun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond it-Trattati jista’ jġib il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Qabel Stat Membru jibda, kontra Stat Membru ieħor, proċeduri dwar l-allegata vjolazzjoni allegata ta’ l-obbligi li jinkombu lil dak l-Istat Membru l-ieħor bis-saħħa tat-Trattati, għandu jġib il-materja quddiem il-Kummissjoni.

Il-Kummisjoni għandha toħroġ opinjoni motivita wara li l-Istati interessati jkunu ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-risposti għal dawn, kemm verbalment kemm bil-kitba.

Jekk il-Kummissjoni ma tkunx ħarġet din l-opinjoni fi żmien tlett xhur mid-data tat-talbiet, l-assenza tad-dikjarazzjoni tagħha ma timpedix milli l-materja tinġieb quddiem il-Qorti.

Artikolu 260

(ex Artikolu 228 TKE)

1. Jekk lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ssib li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligazzjoni taħt it-Trattati, l-Istat ikun marbut li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimxi mas-sentenza tal-Qorti.

2. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri li jikkonsistu fl-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti, din tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti wara li tagħti lil dak l-Istat l-opportunità li jippreżenta l-oservazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li għandu jħallas l-Istat Membru konċernat li hi tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkostanzi.

Jekk lill-Qorti jirriżultalha li l-Istat Membru involut ma jkunx mexa skond is-sentenza tagħha, din tista' timponi fuqu l-ħlas ta’ somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta’ penali.

Din il-proċedura ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 259.

3. Meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 258, fuq il-bażi li l-Istat Membru konċernat ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva, din tista', meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li għandu jħallas l-Istat Membru konċernat u li hi tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkostanzi.

Jekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta' liġi tista' timponi l-ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha.

Artikolu 261

(ex Artikolu 229 TKE)

Ir-Regolamenti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien, u mill-Kunsill, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, jistgħu jagħtu kompetenza assoluta lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea rigward is-sanzjonijiet li jkunu previsti f'dawn ir-regolamenti.

Artikolu 262

(ex Artikolu 229A TKE)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu, skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament ewropew, jista’ jadotta dispożizzjonijiet li bihom jattribwixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, fil-miżura li huwa stess jistabbilixxi, il-kompetenza li tiddeċiedi dwar tilwim konness ma’ l-applikazzjoni ta’ l-atti adottati taħt it-Trattati li joħolqu drittijiet Ewropej ta' proprjetà industrijali. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 263

(ex Artikolu 230 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġislattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta' terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta' l-atti ta' korpi jew organi ta' l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta' partijiet terzi.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta' kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta' xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti taħt l-istess kondizzjonijiet sabiex tiddeċiedi rikorsi mill-Qorti ta' l-Awdituri, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni bil-għan li jipproteġu l-prerogattivi tagħhom.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista', taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta' implimentazzjoni.

Atti li jistabbilixxu korpi u organi ta' l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta' dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom.

Il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta' dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.

Artikolu 264

(ex Artikolu 231 TKE)

Jekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara d-deċiżjoni in kwistjoni bħala nulla.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta' l-att li ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

Artikolu 265

(ex Artikolu 232 TKE)

Jekk il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-Bank Ċentrali Ewropew, bi ksur tat-Trattati, ma jieħdux azzjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni jistgħu jiftħu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea sabiex dan il-ksur jiġi ikkonstatat. Dan l-Artikolu għandu japplika bl-istess kondizzjonijiet, għal korpi u organi ta' l-Unjoni li jonqsu milli jaġixxu.

Ir-rikors ikun ammissibli biss jekk l-istituzzjoni, korp jew organu involut ikun l-ewwel ġie msejjaħ sabiex jieħu azzjoni. Jekk fi zmien xahrejn minn meta tkun ġie hekk imsejjaħ, l-istituzzjoni, korp jew organu involut ma jkunx spjega l-pożizzjoni tiegħu, ir-rikors jista' jinġieb f'terminu ġdid ta' xahrejn.

Kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet indikati fil-paragrafi ta’ hawn fuq, tilmenta quddiem il-Qorti li xi istituzzjoni jew xi wieħed mill-korpi jew organi ta' l-Unjoni tkun naqset milli tagħmel xi att fir-rigward ta' dik il-persuna barra minn rakkomandazzjoni jew opinjoni.

Artikolu 266

(ex Artikolu 233 TKE)

L-istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie iddikjarat null jew li n-nuqqas tiegħu li jaġixxi jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati għandu jkun marbut li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Din l-obligazzjoni ma tippreġudikax xi obligazzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 340.

Artikolu 267

(ex Artikolu 234 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

a) l-interpretazzjoni tat-Trattati;

b) il-validità u l-interpretazzjoni ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta' l-Unjoni;

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti.

Jekk din il-kwistjoni titressaq f'każ pendenti quddiem ġurisdizzjoni ta' Stat Membru fir-rigward ta' persuna miżmuma f' kustodja, il-Qorti għandha taġixxi mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 268

(ex Artikolu 235 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hi kompetenti li tittratta każijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kumpens għal danni kif previst fit-tieni u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 340.

Artikolu 269

Il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex tkun kompetenti li tiddeċiedi dwar il-legalità ta' att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill skond l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ħlief fuq talba ta' l-Istat Membru suġġett għall-kostatazzjoni tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill, u biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti f'dak l-Artikolu.

Din it-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta' tali kostatazzjoni. Il-Qorti għandha tiddeċiedi fi żmien xahar mid-data ta' dik it-talba.

Artikolu 270

(ex Artikolu 236 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra ta' l-Unjoni.

Artikolu 271

(ex Artikolu 237 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha, fil-limiti indikati aktar 'il quddiem, kompetenza f’kawżi li jirrigwardaw:

a) it-twettiq mill-Istati Membri ta' l-obbligi tagħhom taħt l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' Investiment. F’dan ir-rigward, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank igawdi l-poteri mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 258;

b) miżuri adottati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment. F’dan ir-rigward, kull Stat Membru, il-Kummissjoni jew il-Bord tad-Diretturi tal-Bank jistgħu jippreżentaw rikorsi taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 263;

c) mizuri adottati mill-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment. Ir-rikorsi kontra dawn il-miżuri jistgħu jinbdew biss minn Stati Membri jew mill-Kummissjoni, taħt il-kondizzjonijiet indikati fl-Artikolu 263, u biss abbażi ta’ nonkonformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 19 (2), (5) sa (7) ta’ l-Istatut tal-Bank;

d) it-twettiq minn banek ċentrali nazzjonali ta’ obligazzjonijiet taħt it-Trattati u l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. F’dan ir-rigward il-poteri tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, fir-rigward ta’ banek ċentrali nazzjonali, ikunu l-istess bħal dawk mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Stati Membri bl-Artikolu 258. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ssib li bank ċentrali nazzjonali ikun naqas milli jwettaq xi obbligazzjoni taħt it-Trattati, dak il-bank ikun mitlub jieħu il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti.

Artikolu 272

(ex Artikolu 238 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hi kompetenti li tiddeċiedi bis-saħħa ta' klawżola ta' l-arbitraġġ li jkun hemm f'kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f'isimha.

Artikolu 273

(ex Artikolu 239 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti li tiddeċiedi kull tilwim bejn l-Istati Membri konness ma' l-għanjiet tat-Trattati, jekk dan it-tilwim jitressaq quddiemha skond it-termini ta' ftehim ta' kompromess.

Artikolu 274

(ex Artikolu 240 TKE)

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fit-Trattati, it-tilwim li fih l-Unjoni tkun parti, m’għandhomx għal dik ir-raġuni jkunu esklużi mill-kompetenza ta’ qrati jew tribunali nazzjonali.

Artikolu 275

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea m'għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u lanqas fir-rigward ta' l-atti adottati abbażi tagħhom.

Madankollu, il-Qorti għandha tkun kompetenti sabiex timmonitorja r-rispett taa' l-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 263 ta' dan it-Trattat dwar il-legalità ta' deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 276

Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha dwar il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti, dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea m' għandiex tkun kompetenti sabiex tivverifika l-validità jew il-proporzjonalità ta' operazzjonijiet imwettqa mill-pulizija jew minn servizz ieħor ta' l-infurzar tal-liġi fi Stat Membru jew sabiex tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

Artikolu 277

(ex Artikolu 241 TKE)

Minkejja l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fis-sitt subparagrafu ta' l-Artikolu 263 kwalunkwe parti tista', fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta' applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu ta' l-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta' dak l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 278

(ex Artikolu 242 TKE)

L-azzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ma ikollhomx l-effett ta' sospensjoni. Il-Qorti tista’, b’dana kollu, jekk tikkonsidra li ċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu, tordna s-sospensjoni ta' l-eżekuzjoni ta’ l-att li jkun sar ir-rikors kontra tiegħu.

Artikolu 279

(ex Artikolu 243 TKE)

Fil-kawżi miġjuba quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tista' tordna kull miżura provviżorja.

Artikolu 280

(ex Artikolu 244 TKE)

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkollhom forza eżekuttiva taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 299.

Artikolu 281

(ex Artikolu 245 TKE)

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jiġi stabbilit bi Protokoll separat.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jemendaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut, bl-eċċezzjoni tat-Titolu I u ta' l-Artikolu 64 tiegħu. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja.

TAQSIMA 6

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Artikolu 282

1. Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali(SEBĊ). Il-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Eurosistema, għandhom iwettqu l-politika monetarja ta' l-Unjoni.

2. Is-SEBĊ għandha tkun immexxija mill-organi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-objettiv prinċipali tas-SEBĊ għandu jkun li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal dan l-objettiv, għandha tagħti l-appoġġ tagħha lill-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-għanijiet tagħha.

3. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu personalità ġuridika. Hu biss jista' jawtorizza l-ħruġ ta' l-euro. Dan għandu jkun indipendenti fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu u fl-amministrazzjoni tal-finanzi tiegħu. L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni kif ukoll il-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom jirrispettaw din l-indipendenza.

4. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu skond l-Artikoli 127 sa 133 u 138 u skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Skond dawn l-istess Artikoli, dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, u l-banek ċentrali tagħhom, għandhom iżommu l-kompetenza tagħhom fil-kamp monetarju.

5. Fl-oqsma tal-kompetenzi tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat fuq l-atti kollha proposti ta' l-Unjoni, kif ukoll fuq kull proposta ta' regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali, u jista' jagħti l-opinjoni tiegħu.

Artikolu 283

(ex Artikolu 112 TKE)

1. l-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompost minn President, Viċi President u erba’ membri oħra.

Il-President, il-Viċi-President u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv għandhom jinħatru minn fost persuni ta’ statura rikonoxxuta u esperjenza professjonali fi kwistjonijiet monetarji jew bankarji mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-mandat tagħhom għandu ikun ta' tmien snin u ma jistax jiġi mġedded.

Huma biss il-persuni li jkollhom ċittadinanza ta' l-Istati Membi li jistgħu jkunu membri tal-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 284

(ex Artikolu 113 TKE)

1. Il-President tal-Kunsill u membru tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw, bla dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-President tal-Kunsill jista’ jippreżenta mozzjoni għad-deliberazzjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2. Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden sabiex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill meta l-Kunsill ikun qed jiddiskuti kwistjonijiet relatati ma’ l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ.

3. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jindirizza rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ u dwar il-politika monetarja kemm tas-sena ta’qabel kif ukoll tas-sena korrenti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Kunsill Ewropew. Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jippreżenta dan ir-rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, li jistgħu jkollhom dibattitu ġenerali fuqu.

Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu, fuq talba tal-Parlament Ewropew jew b'inizjattiva tagħhom stess, jinstemgħu mill-Kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

TAQSIMA 7

IL-QORTI TA' L-AWDITURI

Artikolu 285

(ex Artikolu 246 TKE)

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel il-verifika ta' l-Unjoni.

Għandha tkun komposta minn ċittadin wieħed minn kull Stat Membru. Il-membri tagħha għandhom jaqdu dmirijiethom f' indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali ta' l-Unjoni.

Artikolu 286

(ex Artikolu 247 TKE)

1. Il-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom ikunu magħżula minn fost persuni li jagħmlu parti jew kienu jagħmlu parti, fl-Istat rispettiv tagħhom, minn korpi esterni ta’ verifika jew li huma kkwalifikati b'mod speċjali għal din il-kariga. Għandhom joffru kull garanzija ta' indipendenza.

2. Il-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri jinħatru għal perjodu ta’ sitt snin. Il-Kunsill wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, jadotta l-lista tal-Membri magħmula skond il-proposti mressqa minn kull Stat Membru. Il-mandat tal-Membri tal-Qorti ta’ l-Awdituri jista’ jiġġedded.

Huma jaħtru minn fosthom il-Pesident tal-Qorti ta' l-Awdituri għal perjodu ta’ tliet snin. Il-President jista’ jerġa’ jinħatar.

3. Fil-qadi ta’ dawn id-doveri, il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn xi gvern jew xi korp ieħor. Għandhom jastjenu minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-doveri tagħhom.

4. Il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri ma jistgħux, matul iż-żmien tal-kariga tagħhom, jagħmlu xogħol ieħor, sew jekk bi ħlas sew jekk le. Fil-bidu tal-kariga tagħhom għandhom iwegħdu solennement li, kemm matul kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li jiġu minn din il-kariga u b’mod speċjali id-dmir tagħhom li jaġixxu b’integrità u diskrezzjoni rigward l-aċċettazzjoni ta’ xi ħatriet jew benefiċċji, wara li tintemm il-kariga tagħhom.

5. Id-dmirijiet ta’ membru tal-Qorti ta' l-Awdituri jispiċċaw meta huwa jirriżenja, jew ikun imġiegħel jirtira b'xi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skond il-paragrafu 6 kif ukoll bit-tibdil normali jew bil-mewt.

Il-post vakanti li jkun inħoloq għandu jimtela għall-bqija taż-żmien tal-kariga ta’ dak il-membru.

Ħlief fil-każ ta’ rtirar furzat, il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti.

6. Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu jew jittneħħielu d-dritt tiegħu għall-pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Qorti ta' l-Awdituri, ssib li m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa, jew li mhux qieħed jaqdi, l-obbligazzjonijiet tal-kariga tiegħu.

7. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-President u tal-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri u b’mod partikolari s-salarji tagħhom, gratifikazzjonijiet u pensjonijiet. Bl-istess maġġoranza, għandha wkoll tiddetermina kull ħlas li għandu jsir minflok ir-rimunerazzjoni.

8. Il-provvedimenti tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta' l-Unjoni applikabli għall-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għanhom japplikaw ukoll għall-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri.

Artikolu 287

(ex Artikolu 248 TKE)

1. Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollha ta' l-Unjoni. Teżamina wkoll il-kontijiet ta’ kull dħul u ħruġ tal-korpi jew l-organi kollha stabbiliti mill-Unjoni safejn l-att kostitutiv rilevanti ma jipprekludix dan l-eżami.

Il-Qorti ta' l-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità ta' l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, li tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi kompletata b’valutazzjoni speċifika għal kull qasam maġġuri ta’ l-attività ta' l-Unjoni’;.

2. Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u l-ispiża kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u regolari u jekk it-tmexxija finanzjarja kienitx tajba. Meta tagħmel dan, għandha tiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal każijiet ta' irregolarità.

Il-verifika tad-dħul għandha ssir abbażi kemm ta' l-ammonti stabbiliti bħala dovuti kif ukoll ta’ dawk l-ammonti li ġew attwalment imħallsa lill-Unjoni.

Il-verifika tal-ħruġ għandha ssir abbażi kemm ta’ l-obbligi assunti kif ukoll tal-pagamenti magħmula.

Dawn il-verifiki jistgħu jsiru qabel l-għeluq tal-kontijiet għas-sena finanzjarja in kwistjoni.

3. Il-verifika għandha tkun ibbażata fuq dak li jkun irreġistrat u, jekk meħtieġ, imwettqa fuq il-post ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni, fuq il-post ta' kwalunkwe organizzazzjoni li tieħu ħsieb id-dħul jew in-nefqa f’isem l-Unjoni u fl' Istati Membri, inklużi il-post ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit. Fl-Istati Membri l-verifika għandha sseħħ bi ftehim ma' organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika jew, jekk dawn ma jkollhomx il-poteri meħtieġa, mad-dipartimenti kompetenti nazzjonali. Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika ta' l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fi spirtu ta’ fiduċja waqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Dawn l-organizzazzjonijiet jew dipartimenti għandhom jinformaw lill-Qorti ta' l-Awdituri jekk tkunx l-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem fil-verifika.

L-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni, l-organizzazzjonijiet li jirregolaw id-dħul u l-ħruġ f’isem l-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu pagamaneti mill-baġit, u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika jew, jekk dawn ma jkollhomx il-poteri meħtieġa, id-dipartimenti nazzjonali kompetenti, għandhom jgħaddu lill-Qorti ta' l-Awdituri, fuq talba tagħha stess, kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħol tagħha.

F’dak li jirrigwarda l-attività tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment fil-ġestjoni ta' l-ispiża u d-dħul ta' l-Unjoni, id-dritt tal-Qorti għall-aċċess għal informazzjoni miżmuma mill-Bank għandu jkun irregolat bi ftehim bejn il-Qorti, il-Bank u l-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-Qorti għandha xorta waħda jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-verifika ta' l-ispejjeż u d-dħul ta' l-Unjoni ġestiti mill-Bank.

4. Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel rapport annwali wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja. Dan għandu jintbagħat lill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni u jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea flimkien mat-tweġibiet ta' dawn l-istituzzjonijiet għall-osservazzjonijiet tal-Qorti ta’ l-Awdituri.

Il-Qorti ta' l-Awdituri tista’ wkoll, f'kull żmien, tippreżenta osservazzjonijiet, partikolarment fil-forma ta' rapporti speċjali, fuq kwistjonijiet speċifiċi u tagħti opinjonijiet fuq talba ta’ waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni.

Hija tadotta r-rapporti annwali, ir-rapporti speċjali jew opinjonijiet b’maġġoranza tal-Membri tagħha. Madankollu, tista’ tistitwixxi fi ħdanha awli bl-għan li tadotta ċerti kategoriji ta’ rapporti jew ta' opinjonijiet taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tagħha.

Hija tassisti l-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni ta’ l-estimi.

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel ir-Regoli tal-Proċedura tagħha. Dawn ir-regoli jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

KAPITOLU 2

ATTI LEGALI TA' L-UNJONI, PROĊEDURI TA' ADOZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

TAQSIMA 1

L-ATTI LEGALI TA' L-UNJONI

Artikolu 288

(ex Artikolu 249 TKE)

Biex jeżerċitaw il-kompetenzi ta' l-Unjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

Regolament għandu jkollu applikazzjoni ġenerali. Ikun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

Id-deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawn biss.

Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet ma jkunux vinkolanti.

Artikolu 289

1. Il-proċedura leġislattiva ordinarja tikkonsisti fl-adozzjoni ta' regolament, direttiva jew deċiżjoni b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni. Din il-proċedura tiġi definita fl-Artikolu 294.

2. Fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, l-adozzjoni ta' Regolament, Direttiva jew Deċiżjoni mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill jew mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tikkostitwixxi l-proċedura leġislattiva speċjali.

3. L-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva jikkostitwixxu atti leġislattivi.

4. Fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, l-atti leġislattivi jistgħu jiġu adottati fuq inizjattiva ta' grupp ta' Stati Membri jew tal-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

Artikolu 290

1. Att leġislattiv jista' jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġislattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta' l-att leġislattiv.

L-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta' l-applikazzjoni u d-durata tad-delega ta' setgħa għandhom jiġu definiti espressament fl-atti leġislattivi. L-elementi essenzjali ta' qasam għandhom ikunu riservati għall-att leġislattiv u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' delega ta' setgħa.

2. L-atti leġislattivi għandhom jistabbilixxu espressament il-kondizzjonijiet li għalihom tkun suġġetta d-delega, dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jkunu kif ġej:

a) il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jirtira d-delega;

b) l-att iddelegat jista' jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fiż-żmien stabbilit mill-att leġislattiv.

Għall-finijiet ta' punti a) u b), il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, u l-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata.

3. Il-kelma "delega" għandha tiddaħħal fl-intestatura ta' l-atti delegati.

Artikolu 291

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-atti ta' l-Unjoni legalment vinkolanti.

2. Meta jkun hemm bżonn ta' kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' l-atti ta' l-Unjoni legalment vinkolanti, dawk l-atti għandhom jagħtu setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b'mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

4. Il-kelma "implimentazzjoni" għandha tiddaħħal fl-atti ta' l-implimentazzjoni.

Artikolu 292

Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet. Għandu jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni fil-każijiet kollha fejn it-Trattati jipprovdu li għandu jadotta atti fuq proposta tal-Kummissjoni. Għandu jaġixxi b'mod unanimu f'dawk l-oqsma fejn tkun meħtieġa l-unanimità sabiex jiġi adottat att ta' l-Unjoni. Il-Kummissjoni, kif ukoll il-Bank Ċentrali Ewropew fil-każijiet speċifiċi previsti fit-Trattati, għandhom jadottaw rakkomandazzjonijiet.

TAQSIMA 2

PROĊEDURI TA' ADOZZJONI TA' L-ATTI U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 293

(ex Artikolu 250 TKE)

1. Meta, skond it-Trattati, il-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, dan ma jistax jemenda dik il-proposta sakemm ma jiddeċiedix b'mod unanimu, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 294(10) u (13), fl-Artikoli 310, 312, 314 u fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 315.

2. Sakemm il-Kunsill ma jkun ħa l-ebda azzjoni, il-Kummissjoni tista tibdel il-proposta tagħha f’kull ħin tul il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ att ta' l-Unjoni.

Artikolu 294

(ex Artikol 251 TKE)

1. Meta fit-Trattati ikun hemm referenza għall-proċedura leġislattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ att, il-proċedura li ġejja għandha tapplika.

2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-ewwel qari

3. Il-Parlament Ewropew għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Kunsill.

4. Jekk il-Kunsill japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-att in kwistjoni għandu jiġi adottat bil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew.

5. Jekk il-Kunsill ma japprovax il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Parlament Ewropew.

6. Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bir-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bil-pożizzjoni tagħha.

It-tieni qari

7. Jekk, fi żmien tliet xhur minn din il-komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew:

a) japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jew ma jkunx ħa deċiżjoni, l-att konċernat għandu jiġi kkunsidrat adottat bil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

b) jirrifjuta, b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, l-att propost għandu jitqies li ma ġiex adottat;

c) jipproponi, b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, t-test hekk emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li għandha tagħti opinjoni dwar dawk l-emendi.

8. Jekk, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi l-emendi tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata:

a) japprova dawk l-emendi kollha, l-att in kwistjoni għandu jitqies li ġie adottat;

b) ma japprovax l-emendi kollha, il-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament Ewropew, għandu jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fi żmien sitt ġimgħat.

9. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq l-emendi li fuqhom il-Kummissjoni tkun tat opinjoni negattiva.

Konċiljazzjoni

10. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li għandu jkun kompost mill-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom, u numru ugwali ta' membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq ftehim dwar test komuni, b'maġgoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u b'maġġoranza tal-membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni qari.

11. Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fix-xogħol tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

12. Jekk, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma japprovax it-test konġunt, l-att propost għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

It-tielet qari

13. Jekk, f'dak il-perijodu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni japprova test konġunt, il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza tal-voti espressi, u l-Kunsill, li jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta' sitt ġimgħat minn din l-approvazzjoni sabiex fih jadottaw l-att in kwistjoni skond dan it-test. Jekk jonqsu li jagħmlu dan, l-att propost għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

14. Il-perijodi ta' tliet xhur u sitt gimgħat previsti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mtawwla b'massimu ta' xahar u ġimgħatejn rispettivament fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Dispożizzjonijiet speċjali

15. Meta, fil-każijiet previsti mit-Trattati, att leġislattiv ikun suġġett għall-proċedura leġislattiva ordinarja fuq l-inizjattiva ta' grupp ta' Stati Membri, fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew, jew fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-paragrafu 2, it-tieni sentenza tal-paragrafu 6, u l-paragrafu 9 m'għandhomx japplikaw.

F'dawn il-każijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkomunikaw l-abbozz ta' l-att propost lill-Kummissjoni flimkien mal-pożizzjonijiet tagħhom fl-ewwel u fit-tieni qari. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni tul il-proċedura kollha, liema opinjoni tista' tingħata wkoll mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess. Din tista' wkoll, jekk tqis meħtieġ, tipparteċipa fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni skond il-paragrafu 11.

Artikolu 295

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin u għandhom jorganizzaw l-arranġamenti għall-koperazzjoni ta' bejniethom bi ftehim komuni. Għal dan il-għan jistgħu jikkonkludu ftehim interistituzzjonali, f' konformita' mat-Trattati, li jista' jkun ta' natura vinkolanti.

Artikolu 296

(ex Artikolu 253 TKE)

Fejn it-Trattati ma jispeċifikawx it-tip ta' att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b' każ, skond il-proċeduri applikabbli, u skond il-prinċipju tal-proporzjonalità.

L-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom jirriferu għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni prevista fit-Trattati.

Meta jikkunsidraw abbozz ta' att leġislattiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom joqgħodu lura milli jadottaw atti li ma jkunux previsti mill-proċedura leġislattiva applikabbli għall-qasam konċernat.

Artikolu 297

(ex Artikolu 254 TKE)

1. L-atti leġislattivi adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom ikunu ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill.

L-atti leġislattivi adottati skond il-proċedura leġislattiva speċjali għandhom ikunu ffirmati mill-President ta' l-istituzzjoni li tkun adottathom.

L-atti leġislattivi għandhom ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

2. L-atti mhux leġislattivi adottati fl-għamla ta' regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, meta dawn ma jindikawx destinatarju, għandhom ikunu ffirmati mill-Presidenti ta' l-istituzzjoni li tkun adottathom.

Ir-regolamenti, id-direttivi li jkunu indirizzati lill-Istati Membri kollha, kif ukoll id-deċiżjonijiet, meta ma jindikawx destinatarju, għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

Id-direttivi l-oħra, kif ukoll id-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju, għandhom jiġu notifikati lil dawk li lilhom ikunu indirizzati u jkollhom effett minn meta ssir dik in-notifika.

Artikolu 298

1. Fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet għal dan l-għan, konformement mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg adottati abbażi ta' l-Artikolu 336.

Artikolu 299

(ex Artikolu 256 TKE)

L-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati, ikollhom forza eżekuttiva.

L-eżekuzzjoni tiġi regolata bir-regoli tal-proċedura ċivili li sseħħ f'dak l-Istat fejn għandha titwettaq. Id-digriet ta' l-eżekuzzjoni għandu jiġi ffirmat, mingħajr ebda formalità oħra ħlief il-verifika ta' l-awtentiċità tad-dokument, mill-awtorità nazzjonali li l-Gvern ta' kull Stat Membru jaħtar għal dan l-għan u jgħarraf biha lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Wara t-twettiq ta' dawn il-formalitajiet fuq it-talba tal-parti konċernata, din ta' l-aħħar tista' tipproċedi bl-eżekuzzjoni skond il-liġi nazzjonali, billi jressaq il-kwestjoni direttament quddiem l-awtorita kompetenti.

L-Eżekuzzjoni tista' tiġi sospiża biss b' deċiżjoni tal-Qorti. Madankollu, il-verifika tar-regolarità tal-miżuri ta' eżekuzzjoni tkun fil-kompetenza ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

KAPITOLU 3

KORPI KONSULTATTIVI TA' L-UNJONI

Artikolu 300

1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu assistiti minn Kumitat Ekonomiku u Soċjali u minn Kumitat tar-Reġjuni, li jeżerċitaw funzjonijiet konsultattivi.

2. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, ta' impjegati, u ta' partijiet oħra li jirappreżentaw is-soċjetà ċivili, speċjalment fl-oqsma soċjo-ekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali.

3. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-korpi reġjonali u lokali, li jew ikollhom mandat elettorali ta' awtorità reġjonali jew lokali jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta.

4. Il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni m'għandhom ikunu marbuta minn ebda mandat obbligatorju. Għandhom jaqdu dmirijiethom f' indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali ta' l-Unjoni.

5. Ir-regoli previsti fil-paragrafi 2 u 3 dwar in-natura tal-kompożizzjoni ta' dawn il-Kumitati għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari mill-Kunsill sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u demografiċi fi ħdan l-Unjoni. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjonijiet għal dan il-għan.

TAQSIMA 1

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

Artikolu 301

(ex Artikolu 258 TKE)

In-numru tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali m’għandux jaqbeż it-tliet mija u ħamsin.

Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat.

Il-Kunsill jiffissa l-indennizz tal-membri tal-Kumitat.

Artikolu 302

(ex Artikolu 259 TKE)

1. Il-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru għal ħames snin. Il-Kunsill jadotta l-lista tal-membri magħmula skond il-proposti preżentati minn kull wieħed mill-Istati Membri. Il-mandat tal-membri tal-Kumitat jista’ jiġġedded.

2. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Jista' jikseb l-opinjoni tal-korpi Ewropej li jirrapreżentaw is-setturi ekonomiċi u soċjali differenti, u s-soċjetà ċivili konċernati mill-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Artikolu 303

(ex Artikolu 260 TKE)

Il-Kumitat għandu jeleġġi l-president u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ sentejn u nofs.

Dan għandu jadotta r-regolamenti ta’ proċedura tiegħu.

Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ mill-president tiegħu fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Jista’ jitlaqqa’ wkoll b’inizjattiva tiegħu stess.

Artikolu 304

(ex Artikolu 262 TKE)

Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni meta hekk jipprovdu t-Trattati. Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat minn dawn l-istituzzjonijiet kull meta jidhrilhom xieraq. Jista’ joħroġ opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess meta jidhirlu li jkun xieraq li jagħmel hekk.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni għandhom, jekk jaħsbu li jkun hemm bżonn ta’ dan, jagħtu żmien definit lill-Kumitat sabiex jippreżenta l-opinjoni tiegħu, liema terminu m’għandux ikun ta’ anqas minn xahar mid-data meta l-president jirċievi n-notifika f'dan is-sens. Meta jagħlaq it-terminu stabbilit, in-nuqqas ta’ opinjoni m’għandux jimpedixxi azzjoni ulterjuri.

L-opinjoni tal-Kumitat, flimkien ma' reżokont tal-proċeduri, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

TAQSIMA 2

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Artikolu 305

(ex Artikolu 263, it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, TKE)

In-numru ta’ membri tal-Kumitat tar-Reġjuni ma jaqbizx it-tliet mija u ħamsin.

Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Kumitat.

Il-membri tal-Kumitat u numru ndaqs ta’ membri supplenti jinħatru għal ħames snin. Il-perjodu tal-mandat tagħhom jista’ jiġġedded. Il-Kunsill jadotta l-lista tal-membri u tal-membri supplenti li tiġi mfassla skond il-proposti li jsiru minn kull Stat Membru. Meta l-mandat imsemmi fl-Artikolu 300(3) li bis-saħħa tiegħu ikunu ġew proposti jiskadi, il-kariga tal-membri tal-Kumitat tintemm awtomatikament u dawn jiġu sostitwiti għaż-żmien li jkun fadal mill-perijodu msemmi tal-karigi skond l-istess proċedura. Ebda membru tal-Kumitat ma jista’ jkun fl-istess waqt membru tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 306

(ex Artikolu 264 TKE)

Il-Kumitat tar-Regjuni għandu jeleġġi l-president u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ sentejn u nofs.

Għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ mill-president fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jista’ jiltaqa’ wkoll fuq inizjattiva tiegħu stess.

Artikolu 307

(ex Artikolu 265 TKE)

Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun ikkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meta t-Trattati hekk jipprovdu u fil-każijiet l-oħra kollha, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-koperazzjoni transkonfinali, li fihom wieħed minn dawn l-istituzzjonijiet jikkonsidraw li jkun xieraq.

Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill jew il-Kummissjoni għandhom, jekk jaħsbu li jkun hemm bżonn ta’ dan, jagħtu terminu lill-Kumitat sabiex jippreżenta l-opinjoni tiegħu, terminu li żmien m’għandux ikun ta’ anqas minn xahar mid-data li fiha l-president jirċievi n-notifika f'dan is-sens. Meta jagħlaq it-terminu, in-nuqqas ta’ opinjoni m’għandux jimpedixxi azzjoni ulterjuri.

Meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jiġi kkonsultat skond l-Artikolu 304, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jiġi informat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni li tkun saret talba għal opinjoni. Meta jkun jidhirlu li jkun hemm involuti interessi reġjonali speċifiċi, il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jagħti opinjoni fuq il-kwistjoni.

Dan jista’ ukoll jagħti opinjoni fuq inizjattiva tiegħu nnifsu meta jkun jidhirlu li dan ikun xieraq.

L-opinjoni tal-Kumitat, flimkien ma’ l-inkartament tal-proċeduri, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

KAPITOLU 4

IL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

Artikolu 308

(ex Artikolu 266 TKE)

Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu personalità ġuridika.

Il-membri tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment huma l-Istati Membri.

L-Istatut tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment huwa stabbilit fi Prokoll anness mat-Trattati. Il-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità skond il-proċedura leġislattiva speċjali, fuq talba tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, jista’ jemenda l-Istatut tal-Bank.

Artikolu 309

(ex Artikolu 267 TKE)

Il-kompitu tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jkun li jikkontribwixxi, billi jirrikorri għas-suq kapitali u bill jagħmel użu mir-riżorsi tiegħu proprji, għall-iżvillupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interess ta' l-Unjoni. Għal dan l-għan il-Bank, li jopera mingħajr ma jfittex il-profitt, għandu jislef u jagħti garanziji li jiffaċilitaw il-finanzjament ta’ l-proġetti li ġejjin fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija:

a) proġetti għall-iżvilupp tar-reġjuni anqas żviluppati;

b) proġetti għall-modernizzazzjoni u r-rikonverżjoni ta’ impriżi jew għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ġodda li joħorġu mill-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern, meta dawn il-proġetti jkunu ta’ daqs jew xorta li ma jistgħux jiġu finanzjati għal kollox mid-diversi mezzi fl-Istati Membri individwali;

c) proġetti ta’ interess komuni għal diversi Stati Membri li jkollhom ta’ daqs jew xorta li ma jistgħux jiġu finanzjati mid-diversi mezzi disponibbli fl-Istati Membri individwali.

Biex jagħmel dan, il-Bank għandu jiffaċilita l-finanzjament ta’ programmi ta’ investiment konġuntement ma’ assistenza minn Fondi strutturali u strumenti finanzjarji oħra ta' l-Unjoni.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 310

(ex Artikolu 268 TKE)

1. L-entrati fil-kontijiet tad-ddħul u tal-ħruġ kollha ta' l-Unjoni għandhom jiġu nklużi fl-estimi li jsiru ta’ kull sena finanzjarja u għandhom jidhru fl-estimi.

Il-baġit annwali ta' l-Unjoni għandu jkun stabbilit mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skond l-Artikolu 314.

Id-dħul u l-ħruġ murija fl-estimi finanzjarji għandhom ikunu jaqblu.

2. L-infiq li jidher fil-baġit għandu jkun awtorizzat għall-perijodu baġitarju annwali skond ir-regolament previst fl-Artikolu 322.

3. L-implimentazzjoni ta' l-infiq li jidher fil-baġit jeħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta' att ta' l-Unjoni legalment vinkolanti li jipprovdi bażi legali għall-azzjoni tagħha u għall-implimentazzjoni ta' l-infiq korrispondenti skond ir-regolament previst fl-Artikolu 322, ħlief fil-każijiet previsti minn dan ta' l-aħħar.

4. Biex tinżamm id-dixxiplina baġitarja, l-Unjoni m'għandha tadotta l-ebda att li jista' jkollu implikazzjonijiet notevoli fuq il-baġit mingħajr ma tipprovdi assigurazzjoni li n-nefqa li tirriżulta minn dawn l-atti tista' tiġi ffinanzjata fil-limitu tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni u skond il-qafas finanzjarju pluriennali previst fl-Artikolu 312.

5. Il-baġit għandu jkun implimentat skond il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' l-Unjoni sabiex jassiguraw li l-approprazzjonijiet imdaħħla fil-baġit jintużaw skond dan il-prinċipju.

6. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 325, jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni.

KAPITOLU 1

IR-RIŻORSI PROPRJI TA' L-UNJONI

Artikolu 311

(ex Artikolu 269 TKE)

L-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b' suċċess il-politika tagħha.

Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni. F'dan il-kuntest jista' jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti. Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss wara l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni safejn dan ikun previst fid-Deċiżjoni adottata abbażi tat-tielet subparagrafu. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew

KAPITOLU 2

IL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI

Artikolu 312

1. Il-qafas finanzjarju pluriennali għandu jassigura li l-infiq ta' l-Unjoni jiżviluppa b'mod ordnat u fil-limiti tar-riżorsi proprji tagħha.

Dan għandu jiġi stabbilit għall-perijodu ta' mill-inqas ħames snin.

Il-baġit annwali ta' l-Unjoni għandu jirrispetta l-qafas finanzjarju pluriennali.

2. Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali. Dan għandu jaġixxi b'mod unanimu wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

Il-Kunsill Ewropew jista' jadotta, b'mod unanimu, deċiżjoni li tawtorizza l-Kunsill jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata meta jadotta r-regolament previst fl-ewwel subparagrafu.

3. Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi l-ammonti tal-limiti massimi annwali ta' approprjazzjonijiet għal impenji skond il-kategorija ta' l-infiq u tal-limitu massimu annwali ta' approprjazzjonijiet għall-pagamenti. Il-kategoriji ta' l-infiq, ta' numru limitat, għandhom jikkorrispondu għas-setturi prinċipali ta' attività ta' l-Unjoni.

Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit.

4. Meta r-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas finanzjarju ġdid ma jkunx ġie adottat sa l-iskadenza tal-qafas finanzjarju preċedenti, il-limiti massimi u dispożizzjonijiet oħra li jikkorrispondu għall-aħħar sena ta' dak il-qafas għandhom jiġu estiżi sa l-adozzjoni ta' dak l-att.

5. Tul il-proċedura kollha li twassal għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw din l-adozzjoni.

KAPITOLU 3

IL-BAĠIT ANNWALI TA' L-UNJONI

Artikolu 313

(ex Artikolu 272(1), TKE)

Is-sena finanzjarja għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

Artikolu 314

(ex Artikolu 272(2) sa (10) TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandhom jistabbilixxu l-baġit annwali ta' l-Unjoni skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

1. Qabel l-1 ta' Lulju, kull istituzzjoni, minbarra l-Bank Ċentrali Ewropew, għandha tfassal estimi ta' l-infiq tagħha għas-sena finanzjarja ta' wara. Il-Kummissjoni għandha tikkonsolida dawn l-estimi f'abbozz ta' baġit li jista' jkun fih estimi diverġenti.

L-abbozz tal-baġit għandu jkun fih stima tad-dħul u stima ta' l-infiq.

2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta li tinkludi l-abbozz ta' baġit lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux iktar tard mill-1 ta' Settembru tas-sena ta' qabel dik li fiha l-baġit għandu jiġi implimentat.

Il-Kummissjoni tista' temenda l-abbozz tal-baġit tul il-proċedura sa meta jissejjaħ il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, previst fil-paragrafu 5.

3. Il-Kunsill għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' baġit u jgħaddih lill-Parlament Ewropew sa mhux iktar tard mill-1 ta' Ottubru tas-sena ta' qabel dik li fiha l-baġit għandu jiġi implimentat. Dan għandu jinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bir-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu.

4. Jekk, fi żmien tnejn u erbgħin jum wara din il-komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew:

a) japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill, il-baġit għandu jiġi adottat;

b) ma jkunx ħa deċiżjoni, il-baġit għandu jitqies li ġie adottat;

c) jadotta emendi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, l-abbozz emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-President tal-Parlament Ewropew, bi ftehim mal-President tal-Kunsill, għandu isejjaħ minnufih laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Madanakollu, jekk fi żmien għaxart ijiem minn meta jintbagħat l-abbozz, il-Kunsill jinforma lill-Parlament Ewropew li jkun approva l-emendi kollha tiegħu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni m'għandux jiltaqa'.

5. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li għandu jlaqqa' l-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u numru ugwali ta' membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq ftehim fuq test konġunt, b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew tar-rappreżentanti tagħhom u b'maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fi żmien wieħed u għoxrin jum minn meta jissejjaħ, abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-għan li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

6. Jekk, fi żmien il-wieħed u għoxrin jum previsti fil-paragrafu 5, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jilħaq ftehim fuq test konġunt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta' erbatax-il jum mid-data ta' dak il-ftehim sabiex jadottaw it-test konġunt.

7. Jekk fil-perijodu ta' erbatax-il jum previst fil-paragrafu 6:

a) il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn japprovaw it-test konġunt jew jonqsu milli jieħdu deċiżjoni, jew jekk waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tapprova it-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, il-baġit għandu jiġi meqjus li jkun adottat b'mod definittiv skond it-test konġunt, jew

b) kemm il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, kif ukoll il-Kunsill jirrifjutaw it-test konġunt, jew waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, għandu jiġi preżentat abozz ta' baġit ġdid mill-Kummissjoni, jew

c) il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, jirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-Kunsill japprovah, għandu jiġi preżentat abbozz ta' baġit ġdid mill-Kummissjoni, jew

d) il-Parlament Ewropew japprova t-test konġunt filwaqt li l-Kunsill jirrifjutah, il-Parlament Ewropew jista', fi żmien erbatax-il jum mid-data tar-rifjut tal-Kunsill u billi jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħamsa tal-voti espressi, jiddeċiedi li jikkonferma l-emendi kollha imsemmija fil-paragrafu 4(c) jew parti minnhom. Jekk xi emenda tal-Parlament Ewropew ma tiġix ikkonfermata għandha tinżamm il-pożizzjoni miftehma fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni dwar l-intestatura tal-baġit suġġetta għall-emenda. Il-baġit għandu jitqies adottat b'mod definittiv fuq din il-bażi.

8. Jekk, fi żmien il-wieħed u għoxrin jum imsemmija fil-paragrafu 5, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma jaqbilx fuq test konġunt, għandu jiġi preżentat abbozz ta' baġit ġdid mill-Kummissjoni.

9. Meta tintemm il-proċedura prevista f'dan l-Artikolu, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie addottat b'mod definittiv.

10. Kull istituzzjoni għandha teżerċita s-setgħa mogħtija lilha f' dan l-Artikolu skond it-Trattati u l-atti adottati taħthom, b' mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni u tal-bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

Artikolu 315

(ex Artikolu 273 TKE)

Jekk, fil-bidu tas-sena finanzjarja, il-baġit ikun għadu ma ġiex adottat b'mod definittiv, somma ekwivalenti ta’ mhux aktar minn wieħed minn tnax ta’ l-approprazjonijiet għall-kapitolu in kwistjoni tal-baġit tas-sena finanzjarja preċedenti tista' tintnefaq kull xahar fir-rigward ta’ xi kapitolu tal-baġit skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, mingħajr ma din is-somma taqbeż il-wieħed minn tnax ta' l-approprjazzjonijiet previsti fl-istess kapitolu ta' l-abbozz tal-baġit.

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni jista', sakemm il-kundizjonijiet l-oħra stabbiliti fl-ewwel subparagrafu jkunu osservati, jawtorizza nefqa in eċċess ta’ wieħed minn tnax skond ir-regolament stabbilit permezz ta' l-Artikolu 322. Għandu jittrasmetti immedjatament id-deċiżjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew.

Id-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa fir-rigward tar-riżorsi għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, skond l-atti msemmija fl-Artikolu 311.

Din għandha tidħol fis-seħħ tletin jum wara l-adozzjoni tagħha sakemm il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza tal-membri komponenti tiegħu, ma jkunx iddeċieda li jnaqqas dik in-nefqa f' dak il-limitu ta' żmien.

Artikolu 316

(ex Artikolu 271 TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stipulati fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 322, l-approprjazzjonijiet kollha, barra dawk assenjati għall-ispejjeż tal-persunal, li ma jintefqux sa l-aħħar tas-sena finanzjarja, jistgħu jiġu mgħoddija għal wara, iżda mhux għal iktar tard minn tmiem is-sena finanzjarja ta' wara.

L-approprjazzjonijiet għandhom isiru taħt kapijiet differenti, skond it-tip jew l-għan u suddiviżi skond ir-regolamenti adottati taħt l-Artikolu 322.

Għandu jkun hemm sezzjonijiet separati tal-baġit għan-nefqa tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-dħul ta’ ċerti spejjeż komuni taħt kap speċjali.

KAPITOLU 4

L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT U L-KWITTANZA

Artikolu 317

(ex Artikolu 274 TKE)

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti ta' l-approprazzjonijiet, b' konsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprazzjonijiet jkunu wżati skond il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba.

Ir-regolament għandu jistabbilixxi l-obbligi ta' kontroll u ta' verifika ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabbiltajiet li joħorġu minn dan. Għandu jistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet u r-regoli dettaljati li magħhom għandha timxi kull istituzzjoni fl-implimentazzjoni ta' l-infiq tagħha.

Fl-ambitu ta' l-estimi, il-Kummisjoni tista', suġġetta għal-limiti u l-kondizzjonijiet iffissati fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, tittrasferixxi ammonti votati minn kapitolu għall-ieħor jew minn sottodiviżjoni għall-oħra.

Artikolu 318

(ex Artikolu 275 TKE)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kell sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kontijiet tas-sena finanzjarja preċidenti li jirrelataw għall-implementazzjoni tal-baġit. Il-Kummissjoni għandha wkoll twaslilhom dikjarazzjoni finanzjarja ta' l-assi u djun pendenti ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni tal-finanzi ta' l-Unjoni bbażat fuq ir-riżultati miskuba b'mod partikolari fir-rigward ta' l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skond l-Artikolu 319.

Artikolu 319

(ex Artikolu 276 TKE)

1. Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-baġit. Għal dan l-għan, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom wieħed wara l-ieħor jeżaminaw il-kontijiet, id-dikjarazzjoni finanzjarja u r-rapport ta' valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 318, ir-rapport annwali mill-Qorti ta' l-Awdituri flimkien mar-risposti mill-istituzzjonijiet li tkun qiegħda ssirilhom il-verifika għall-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri, l-istqarrija ta’ assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, u kull rapport speċjali relevanti mill-Qorti ta' l-Awdituri.

2. Qabel ma jagħti l-kwittanza tiegħu lill-Kummissjoni, jew għal kull raġuni oħra in konnessjoni ma' l-eżerċizzju tal-poteri tiegħu fuq l-implimentazzjoni ta' l-estimi, il-Parlament Ewropew jista' jitlob li jisma' lill-Kummissjoni tixhed dwar l-eżekuzzjoni tan-nefqa jew l-operat tas-sistemi ta’ kontroll finanzjarju. Il-Kummissjoni għandha tagħti kull informazzjoni neċessarja lill-Parlament Ewropew fuq talba ta’ dan ta' l-aħħar.

3. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha approprijati sabiex taġixxi fuq l-osservazzjonijiet fid-deċiżjonijiet ta’ kwittanza u fuq osservazzjonijiet oħra mill-Parlament Ewropew rigward l-esekuzzjoni tan-nefqa, kif ukoll fuq il-kummenti li jkunu annessi mar-rakkomandazzjoni dwar il-kwittanza adottati mill-Kunsill.

Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-Kummisjoni għandha tirraporta dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u l-kummenti u b’mod partikolari fuq l-istruzzjonijiet mogħtija lid-dipartimenti li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-estimi. Dawn ir-rapporti għandhom jintbagħtu wkoll lill-Qorti ta' l-Awdituri.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 320

(ex Artikolu 277 TKE)

Il-qafas finanzjarju pluriennali u l-baġit annwali għandhom jitfasslu f'euro.

Artikolu 321

(ex Artikolu 278 TKE)

Il-Kummissjoni tista’, basta tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati interessati, tittrasferixxi l-assi monetarji tagħha fil-munita ta' xi wieħed mill-Istati Membri għall-munita ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dan jista’ jkun meħtieġ sabiex dawn il-fondi jkunu jistgħu jiġu użati għall-għanijiet li għalihom huma destinati fit-Trattati. Il-Kummissjoni għandha kemm jista' jkun iżżomm milli tagħmel tali trasferimenti jekk hija tkun tippossjedi flus likwidi jew assi realizzabbli fil-munita li tkun teħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika ma’ kull Stat Membru permezz ta' l-awtorità indikata mill-Istat. Għall-esekuzzjoni ta' l-operazzjonijiet finanzjarji, hija għandha tuża s-servizzi tal-bank ta' l-emissjoni ta' l-Istat Membru interessat, jew ta’ xi istituzzjoni finanzjarja oħra approvata minn dak l-Istat.

Artikolu 322

(ex Artikolu 279 TKE)

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni mal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jadottaw, permezz ta' regolament:

a) ir-regoli finanzjarji li jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet;

b) ir-regoli dwar il-kontroll tar-responsabbiltà ta' l-atturi finanzjarji, u b'mod partikolari ta' l-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni u l-uffiċjali tal-kontijiet

2. Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Qorti ta' l-Awdituri, għandu jiffissa l-modalità u jistabbilixxi l-proċeduri dwar kif id-dħul mill-estimi kif previsti fl-arranġamenti li għandhom x’jaqsmu mar-riżorsi ta' l-Unjoni jkun disponibbli għall-Kummissjoni, u jiddetermina l-miżuri li għandhom jiġu applikati, jekk meħtieġa, sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet finanzjarji.

Artikolu 323

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li jkun hemm disponibbli l-mezzi finanzjarji sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi.

Artikolu 324

Laqgħat regolari bejn il-Presidenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jissejjħu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni taħt il-proċeduri tal-baġit previsti f'dan it-Titolu. Il-Presidenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jippromwovu l-konsultazzjoni kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet li jippresjedu fuqhom, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu.

KAPITOLU 6

IL-ĠLIEDA KONTRA L-FRODI

Artikolu 325

(ex Artikolu 280 TKE)

1. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom li tkun immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan huma għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti.

4. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, wara li jikkonsultaw l-Qorti ta' l-Awdituri, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa fl-oqsma ta’ prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni bl-għan li joffru protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni.

5. Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha kull sena tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-miżuri meħuda għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

TITOLU III

KOPERAZZJONI IMSAĦĦA

Artikolu 326

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

Kull koperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta it-Trattati u d-dritt ta' l-Unjoni.

Din il-koperazzjoni m'għandha tikkomprometti la s-suq intern u lanqas il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. M'għandhiex tkun ta' ostakolu jew ta' diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas m'għandha tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bejniethom.

Artikolu 327

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

Kull koperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha. Dawn l-Istati Membri m'għandhomx ifixklu l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 328

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

1. Meta tkun qed tiġi stabbilita koperazzjoni msaħħa, din għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha, bil-kondizzjoni li jiġu rispettati l-kondizzjonijiet eventwali tal-parteċipazzjoni stabbiliti mid-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni. Il-koperazzjoni msaħħa għandha tkun miftuħa għalihom ukoll fi kwalunkwe ħin ieħor, bil-kondizzjoni li, minbarra l-kondizzjonijiet imsemmija, jiġu rispettati l-atti diġà adottati f'dak il-qafas.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti f'koperazzjoni msaħħa għandhom jassiguraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni mill-ikbar għadd possibbli ta' Stati Membri.

2. Il-Kummissjoni u, fejn hu xieraq, ir-Rappreżentant ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jinformaw regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tal-koperazzjoni msaħħa.

Artikolu 329

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

1. L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom f'wieħed mill-oqsma previsti mit-Trattati, bl-eċċezzjoni ta' l-oqsma ta' kompetenza esklużiva u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, għandhom jindirizzaw talba lill-Kummissjoni, li fiha jispeċifikaw il-kamp ta' l-applikazzjoni u l-objettivi tal-koperazzjoni msaħħa proposta. Il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. Fil-każ li l-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar ir-raġunijiet għal dan.

L-awtorizzazzjoni sabiex titwettaq koperazzjoni msaħħa prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2. It-talba ta' l-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni għandha tkun indirizzata lill-Kunsill. Din għandha tgħaddi għand ir-Rappreżentant ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-koerenza tal-koperazzjoni msaħħa proposta mal-politika estera u ta' sigurtà komuni ta' l-Unjoni, kif ukoll lill-Kummissjoni, li tagħti l-opinjoni tagħha, b'mod partikolari dwar il-koerenza tal-koperazzjoni msaħħa proposta mal- politika l-oħra ta' l-Unjoni. Din għandha tintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni.

L-awtorizzazzjoni għal koperazzjoni msaħħa għandha tingħata b'deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 330

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

Il-membri kollha tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda l-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f'koperazzjoni msaħħa biss għandhom jieħdu sehem fil-vot.

L-unanimità għandha tkun kostitwita mill-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jipparteċipaw biss.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3).

Artikolu 331

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

1. Kull Stat Membru li jixtieq jipparteċipa f'koperazzjoni msaħħa li tkun għaddejja f'waħda mill-oqsma previsti fl-Artikolu 329(1), għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien erba' xhur mid-data li tirċievi n-notifika, tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat. Din għandha tikkonstata, fejn meħtieġ, li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu ġew milħuqa u għandha tadotta l-miżuri transitorji meħtieġa rigward l-applikazzjoni ta' l-atti diġà adottati fil-qafas tal-koperazzjoni msaħħa.

Madankollu, jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ma ġewx milħuqa, din għandha tindika l-arranġamenti li għandhom isiru sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet u għandha tistabbilixxi skadenza sabiex terġa' teżamina t-talba. Meta tiskadi dik l-iskadenza, għandha terġa' teżamina t-talba skond il-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu għadhom ma ntlaħqux, l-Istat Membru konċernat jista' jirriferi l-kwistjoni lill-Kunsill, li għandu jiddeċiedi fuq dik it-talba. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond l-Artikolu 330. Jista' wkoll jadotta l-miżuri transitorji previsti fit-tieni subparagrafu fuq proposta tal-Kummissjoni.

2. Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jipparteċipa f'koperazzjoni msaħħa fil-qafas mal-politika estera u ta' sigurtà komuni għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill, lir-Rappreżentant ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni.

Il-Kunsill għandu jikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru in kwistjoni, wara konsultazzjoni tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta' Sigurtà u wara li jkun ikkonstata, fejn meħtieġ, li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu ntlaħqu. Il-Kunsill, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli, jista' wkoll jadotta l-miżuri transitorji meħtieġa rigward l-applikazzjoni ta' l-atti diġà adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa. Madankollu, jekk il-Kunsill iqis li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ma jkunux ġew milħuqa, dan għandu jindika l-arranġamenti li għandhom isiru sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet u għandu jistabbilixxi skadenza sabiex terġa' tiġi eżaminata t-talba għal parteċipazzjoni.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu u skond l-Artikolu 330.

Artikolu 332

(ex Artikoli 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

In-Nefqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' koperazzjoni msaħħa, minbarra l-ispejjeż amministrattivi magħmula mill-istituzzjonijiet, għandha tkun a karigu ta' l-Istati Membri parteċipanti, sakemm il-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimita' tal-Membri kollha tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċidix mod ieħor.

Artikolu 333

(ex Artikoli 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

1. Fejn dispożizzjoni tat-Trattati li tista' tiġi applikata fil-kuntest ta' koperazzjoni msaħħa tipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 330 jista' jadotta deċiżjoni li tipprovdi li dan ser jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata.

2. Fejn dispożizzjoni tat-Trattati li tista' tiġi applikata fil-kuntest ta' koperazzjoni msaħħa tipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta atti skond il-proċedura leġislattiva speċjali, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skond l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 330 jista' jadotta deċiżjoni li tipprovdi li dan ser jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

3. Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

Artikolu 334

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw il-koerenza ta' l-azzjonijiet imwettqa fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa kif ukoll il-koerenza ta' dawn l-azzjonijiet mal-politika ta' l-Unjoni, u għandhom jikkoperaw għal dak il-għan.

IS-SEBA' PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 335

(ex Artikolu 282 TKE)

F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Unjoni għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa' mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni. Madankollu, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa ta' l-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom.

Artikolu 336

(ex Artikolu 283 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet l-oħra interessati, għandhom jistabbilixxu r-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta' l-Unjoni.

Artikolu 337

(ex Artikolu 284 TKE)

Biex twettaq il-kompiti fdati lilha, il-Kummissjoni tista’ tiġbor kull tagħrif u tagħmel il-verifiki kollha meħtieġa fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

Artikolu 338

(ex Artikolu 285 TKE)

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri għall-produzzjoni ta’ statistiċi fejn meħtieġa għat-twettiq ta' l-attivitajietta' l-Unjoni.

2. L-istatistiċi li jiġu prodotti għandhom jirrispettaw l-imparzjalità, l-affidabbiltà, l-oġġettività, l-indipendenza xjentifika, il-proporzjonalità ta' l-ispiża mar-riżultat u l-konfidenzjalità statistika; m'għandhomx joħolqu piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi.

Artikolu 339

(ex Artikolu 287 TKE)

Il-membri ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra ta' l-Unjoni, ikunu meħtieġa ukoll wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirriferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.

Artikolu 340

(ex Artikolu 288 TKE)

Ir-responsabbiltà kontrattwali ta' l-Unjoni għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni.

Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

B'deroga mit-tieni subparagrafu, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jagħmel tajjeb, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, għad-danni kkawżati minnu jew mill-aġenti tiegħu fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Ir-responsabbiltà personali ta’ l-impjegati tagħha lejn l-Unjoni għandhom jiġu rregolati bil-provvedimenti previsti fir-Regolamenti dwar il-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għalihom.

Artikolu 341

(ex Artikolu 289 TKE)

Is-sedi ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 342

(ex Artikolu 290 TKE)

In-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, jiġu stabbiliti mill-Kunsill, b’mod unanimu permezz ta' regolament.

Artikolu 343

(ex Artikolu 291 TKE)

L-Unjoni għandha tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-pivileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha, skond il-kondizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll tat- 8 ta’April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea. L-istess għandu japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

Artikolu 344

(ex Artikolu 292 TKE)

L-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jippreżentawx kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattati.

Artikolu 345

(ex Artikolu 295 TKE)

It-Trattati għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.

Artikolu 346

(ex Artikolu 296 TKE)

1. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati m'għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

a) l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

b) kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurta’ tiegħu, u li jkollhom x'jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta' l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-għanijiet speċifikament militari.

2. Il-Kunsill jista', waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jagħmel tibdiliet għal-lista, li hu kien ħejja fil- 15 ta’ April 1958, għal prodotti li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(b).

Artikolu 347

(ex Artikolu 297 TKE)

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jieħdu flimkien il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu li l-funzjonament tas-suq intern jiġi milqut minn miżuri li Stat Membru jista’ jkollu jieħu fil-każ ta’ disturb serju intern li jolqot l-ordni pubbliku, fil-każ ta’ gwerra jew tensjoni internazzjonali serja li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra, jew sabiex jesegwixxi obbligi li jkun assuma bil-għan li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Artikolu 348

(ex Artikolu 298 TKE)

Jekk il-miżuri meħuda fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 346 u 347 jirriżultaw f' distorsjoni tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni, li taġixxi flimkien ma’ l-Istat interessat, għandha teżamina kif dawn il-miżuri jistgħu jiġu adattati għar-regoli stabbiliti fit-Trattati.

B’deroga għall-proċedura prevista fl-Artikoli 258 u 259, il-Kummissjoni jew kull Stat Membru jistgħu jirrikorru direttament għall-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li Stat Membru ieħor ikun qiegħed jabbuża mis-setgħat previsti fl-Artikoli 346 u 347. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tisma’ l-kawża in camera.

Artikolu 349

(ex Artikolu 299(2), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, TKE)

Billi jittieħed kont tas-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika tal-Gwadelup, tal-Gujana Franċiża, tal-Martinique, ta' Réunion, ta' Saint Barthélemy, ta' Saint Martin, l-Azores, il-Madejra u l-Gżejjer Kanarji, li hija aktar ikkumplikata bid-distanza u l-insularità tagħhom, bid-daqs żgħir, bit-topografija u l-klima diffiċli, bid-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu bi kbir l-iżvilupp tagħhom, il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jadotta miżuri speċifiċi bl-għan li, partikolarment, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati presenti għal dawk ir-Reġjuni, inklużi l-politiki komuni. Meta jiġu adottati l-miżuri speċifiċi in kwistjoni mill-Kunsill skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jiddeċiedi wkoll fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jikkonċernaw b'mod partikolari oqsma bħalma huma l-politika doganali u tal-kummerċ, il-politika fiskali, iż-żoni liberi, il-politika dwar l-agrikoltura u s-sajd, il-kondizzjonijiet għall-fornitura ta’ materja prima u oġġetti essenzjali għall-konsumatur, l-għajnuniet ta' l-Istat u l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fondi strutturali u għal programmi oriżżontali ta' l-Unjoni.

Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu billi jieħu kont tal-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi mingħajr ma jnaqqas l-integrità u l-koerenza ta' l-ordni legali ta' l-Unjoni, inklużi s-suq intern u l-politika komuni.

Artikolu 350

(ex Artikolu 306 TKE)

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati m'għandhomx ikunu inkompatibbli ma' l-eżistenza jew l-istabbiliment ta' l-unjonijiet reġjonali bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, u bejn il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Olanda, sa fejn l-għanijiet ta' dawn l-unjonijiet reġjonali ma jinkisbux bl-applikazzjoni tat-Trattati.

Artikolu 351

(ex Artikolu 307 TKE)

Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l- 1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

Sa fejn dawn il-ftehim ma' jkunux kompatibbli mat-Trattati, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista' tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni.

Fl-implimentazzjoni tal-ftehim imsemmija fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-vantaġġi mogħtija bit-Trattati minn kull Stat Membru jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment ta' l-Unjoni u huma għalhekk marbuta inseparabbilment mal-kreazzjoni ta' l-istituzzjonijiet komuni, ma' l-għotja lilhom tas-setgħat tagħhom u l-konċessjoni ta' l-istess vantaġġi mill-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 352

(ex Artikolu 308 TKE)

1. Jekk tidher meħtieġa azzjoni ta' l-Unjoni, fil-qafas tal-politika definita fit-Trattati, għall-kisba ta' wieħed mill-objettivi previsti mit-Trattati, u t-Trattati ma jkunux stabbilew is-setgħat meħtieġa għal dan l-għan, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa. Meta l-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet in kwistjoni skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jadottahom ukoll b'unanimità, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Parlamenti nazzjonali għall-proposti bbażati fuq dan l-Artikolu permezz tal-proċedura għall-monitoraġġ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà previst fl-Artikolu 5(3), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,.

3. Il-miżuri bbażati fuq dan l-Artikolu m'għandhomx jinvolvu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti ta' l-Istati Membri fil-każijiet fejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni.

4. Dan l-Artikolu ma jistax iservi bħala bażi sabiex jintlaħaq objettiv tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u kull att adottat skond dan l-Artikolu għandu jirrispetta l-limiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta' Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 353

L-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea m'għandux japplika għall-Artikoli li ġejjin:

- Artikolu 311, it-tielet u r-raba' subparagrafi,

- Artikolu 312(2), l-ewwel subparagrafu

- Artikolu 352, u

- Artikolu 354.

Artikolu 354

(ex Artikolu 309 TKE)

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar is-sospensjoni ta' ċerti drittijiet li jirriżultaw mis-sħubija ma' l-Unjoni, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru konċernat m'għandux jieħu sehem fil-vot u l-Istat Membru konċernat ma jiġix ikkunsidrat fil-kalkolu tat-terz jew ta' erba' minn ħamsa ta' l-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dak l-Artikolu. L-astensjonijiet minn membri preżenti jew rappreżentati m'għandhomx iżommu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu.

Għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 7 (3) u (4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-maġġoranza kwalifikata għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(b) ta' dan it-Trattat.

Meta, wara deċiżjoni ta' sospensjoni tad-drittijiet ta' vot adottata skond l-Artikolu 7(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jaġixxi, b'maġġoranza kwalifikata, abbażi ta' waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati, din il-maġġoranza kwalifikata għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(b) ta' dan it-Trattat, jew, meta l-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, skond l-Artikolu 238(3)(a).

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi bil-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

Artikolu 355

(ex Artikolu 299(2), l-ewwel subparagrafu, u (3) sa (6), TKE)

Barra mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tat-Trattati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw għall-Gwadelup, għall-Gujana Franċiża, għall-Martinique, għal Réunion, għal Saint Barthélemy, għal Saint Martin, għall-Azores, għall-Madejra u għall-Gżejjer Kanarji, skond l-Artikolu 349.

2. L-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni stabbiliti fil-Parti Erbgħa għandhom japplikaw għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej imsemmija fl-Anness II.

It-trattati ma japplikawx għal dawk il-pajjiżi u territorji extra-ewropej li jkollhom relazzjonijiet speċjali mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li m' humiex inklużi fil-lista msemmija hawn fuq.

3. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw għal territorji Ewropej li r-relazzjonijiet barranin tagħhom huma r-responsabbiltà ta' Stat Membru.

4. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati ikunu japplikaw għal Gżejjer Åland skond id-dispożizzjonijiet kif indikati fi Protokoll Nru 2 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja.

5. B'deroga mill-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mill-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu:

a) It-Trattati ma japplikawx għal Gżejjer Faeroe;

b) It-Trattati m'għandhomx japplikaw għall-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit f'Akrotiri u Dhekelia f'Ċipru għajr safejn hu meħtieġ sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti stabbiliti fil-Protokoll dwar l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru annessi ma' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka għall-Unjoni Ewropea u skond it-termini ta' dak il-Protokoll.

c) It-Trattati japplikaw għaċ-Channel Islands u l-Gżira ta' Man sal-limitu biss li hu meħtieg sabiex tiġi aċċertata l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti għal dawk il-gżejjer stipulati fit-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda mal-Komunita' Ekonomika Ewropeja u mal-Komunita' Ewropea ta' l-Enerġija Atomika iffirmat fit- 22 ta' Jannar 1972.

6. Il-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru kkonċernat, jista' jadotta deċiżjoni li temenda l-istatus, fir-rigward ta' l-Unjoni, ta' pajjiż jew territorju Daniż, Franċiż jew Olandiż previst fil-paragrafi 1 u 2. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni.

Artikolu 356

(ex Artikolu 312 TKE)

Dan it-Trattat għandu jiġi konkluż għal żmien indeterminat.

Artikolu 357

(ex Artikolu 313 TKE)

Dan it-Trattat għandu jiġi ratifikat mill-Partijiet Kontraenti Għolja skond ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta' ratifika għandhom jiġu depositati mal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Italja.

Dan it-Trattat jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara li jkun ġie depożitat l-istrument ta' ratifika minn dak l-Istat firmatarju li jkun l-aħħar li jwettaq din il-formalità. Madankollu, jekk dan id-depożitu jsir inqas minn ħmistax-il ġurnata qabel il-bidu tax-xahar li jmiss, dan it-Trattat ma jidħolx fis-seħħ qabel l-ewwel jum tat-tieni xahar li jkun imiss wara d-data ta' dak id-depożitu.

Artikolu 358

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 55 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu applikabbli għal dan it-Trattat.

B'XIEHDA TA' DAN, il-Pjenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw fi tmiem dawn it-Trattati.

Magħmul Ruma fil-ħamsa u għoxrin jum ta' Marzu tas-sena elf disa' mija u sebgħa u ħamsin.

(lista tal-firmatarji mhux riprodotta)

[1] Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta' l-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq saru wkoll membri ta' l-Unjoni Ewropea.

[2] Din ir-referenza hija biss indikattiva. Ara t-Tabella ta' Korrispondenza.

[***] Test suġġett għal rettifika li qiegħda tiġi preparata.

--------------------------------------------------

Protokoll

PROTOKOLL (Nru 1)

DWAR IR-RWOL TAL-PARLAMENTI NAZZJONALI FL-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-mod li bih il-Parlamenti nazzjonali jeżerċitaw il-kontroll fuq il-gvern tagħhom f'dak li jolqot l-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea jiddependi mill-organizzazzjoni u l-prattika kostituzzjonali partikolari ta' kull Stat Membru,

BIX-XEWQA li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni akbar tal-Parlamenti nazzjonali fl-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea u li jkabbru l-kapaċità tagħhom li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar abbozzi ta' atti leġislattivi ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll dwar materji oħra li jistgħu jkunu ta' interess partikolari għalihom,

FTIEHMU dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika:

TITOLU I

INFORMAZZJONI GĦALL-PARLAMENTI NAZZJONALI

Artikolu 1

Id-dokumenti ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni (green papers, white papers u komunikazzjonijiet) għandhom jintbagħtu direttament mill-Kummissjoni lill-Parlamenti nazzjonali hekk kif jiġu pubblikati. Il-Kummissjoni għandha wkoll tibgħat lill-Parlamenti nazzjonali l-programm leġislattiv annwali kif ukoll kwalunkwe strument ieħor ta' ppjanar leġislattiv jew ta' strateġija politika fl-istess ħin li tibgħathom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 2

L-abbozzi ta' atti leġislattivi mibgħuta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jintbagħtu lill-Parlamenti nazzjonali.

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, "abbozz ta' att leġislattiv", għandha tfisser il-proposti mill-Kummissjoni, l-inizjattivi ta' grupp ta' Stati Membri, l-inizjattivi tal-Parlament Ewropew, it-talbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew u t-talbiet mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-adozzjoni ta' att leġislattiv.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali mill-Kummissjoni, fl-istess ħin li jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu mill-Parlament Ewropew għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali mill-Parlament Ewropew.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandhom jintbagħtu lill-Parlamenti nazzjonali mill-Kunsill.

Artikolu 3

Il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jibgħatu opinjoni motivata lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dwar il-konformità ta' abbozz ta' att leġislattiv mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, skond il-proċedura stabbilita fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv jiġi minn grupp ta' Stati Membri, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni jew l-opinjonijiet motivati lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv jiġi mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni jew l-opinjonijiet motivati lill-istituzzjoni jew il-korp konċernat.

Artikolu 4

Għandu jgħaddi perijodu ta' tmien ġimgħat bejn id-data ta' meta abbozz ta' att leġislattiv ikun disponibbli għall-Parlamenti nazzjonali fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni u d-data meta jitpoġġa fuq l-aġenda provviżorja tal-Kunsill sabiex jiġi adottat jew sabiex tiġi adottata pożizzjoni skond proċedura leġislattiva. Għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet f'każijiet ta' urġenza, li r-raġunijiet għalihom għandhom jiġu dikjarati fl-att jew fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Ħlief f'każijiet urġenti li għalihom ikunu ngħataw raġunijiet xierqa, ma jista' jintlaħaq l-ebda ftehim fuq abbozz ta' att leġislattiv matul dawk it-tmien ġimgħat. Ħlief f'każijiet urġenti li għalihom ikunu ngħataw raġunijiet xierqa, għandu jgħaddi perijodu ta' għaxar t' ijiem bejn meta jitpoġġa abbozz ta' att leġislattiv fuq l-aġenda provviżorja tal-Kunsill u l-adozzjoni ta' pożizzjoni.

Artikolu 5

L-aġendi u r-riżultati tal-laqgħat tal-Kunsill, inklużi l-minuti tal-laqgħat li fihom il-Kunsill jiddiskuti abbozzi ta' atti leġislattivi, għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali, fl-istess ħin li jintbagħtu lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 6

Meta l-Kunsill Ewropew ikollu l-intenzjoni li jagħmel użu mill-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati dwar l-inizjattiva tal-Kunsill Ewropew mill-inqas sitt xhur qabel ma tkun adottata deċiżjoni.

Artikolu 7

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tibgħat ir-rapport annwali tagħha lill-Parlamenti nazzjonali għall-informazzjoni, fl-istess ħin li tibagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Fejn is-sistema parlamentari nazzjonali ma tkunx b' kamra waħda, l-Artikoli 1 sa 7 għandhom japplikaw għall-kmamar li jikkomponuha.

TITOLU II

KOPERAZZJONI INTERPARLAMENTARI

Artikolu 9

Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jiddeterminaw flimkien l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' koperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fi ħdan l-Unjoni.

Artikolu 10

Konferenza tal-kumitati parlamentari speċjalizzati fl-affarijiet ta' l-Unjoni tista' tippreżenta kull kontribuzzjoni li jidhrilha xierqa għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Din il-konferenza għandha tippromwovi, fost affarijiet oħra, l-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattika bejn il-Parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, inklużi il-kumitati speċjali tagħhom. Din tista' wkoll torganizza konferenzi interparlamentari fuq suġġetti speċifiċi, partikolarment sabiex tiddibatti dwar il-kwistjonijiet ta' politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni. Il-kontribuzzjonijiet tal-konferenza m'għandhomx jorbtu lill-Parlamenti nazzjonali u m'għandhomx jippreġudikaw il-pożizzjonijiet tagħhom.

PROTOKOLL (Nru 2)

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJI TA' SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JIXTIEQU li jaraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib taċ-ċittadini ta' l-Unjoni,

DETERMINATI li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u kif ukoll li jistabbilixxu sistema għall-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Kull istituzzjoni għandha tassigura r-rispett kontinwu tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Qabel ma tipproponi att leġislattiv, il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, fejn ikun xieraq, iqisu d-dimensjoni reġjonali u lokali ta' l-azzjoni maħsuba. F'każijiet ta' urġenza eċċezzjonali, l-Kummissjoni m'għandhiex tagħmel dawn il-konsultazzjonijiet. Din għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha fil-proposta tagħha.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, "abbozz ta' att leġislattiv", għandha tfisser il-proposti mill-Kummissjoni, l-inizjattivi ta' grupp ta' Stati Membri, l-inizjattivi tal-Parlament Ewropew, it-talbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew jew it-talbiet mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-adozzjoni ta' att leġislattiv.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozzi tagħha ta' atti leġislattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tagħha lill-Parlamenti nazzjonali fl-istess ħin li tibgħathom lil-leġislatur ta' l-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew għandu jibgħat l-abbozzi tiegħu ta' atti leġislattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tiegħu lill-Parlamenti nazzjonali.

Il-Kunsill għandu jibgħat l-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, kif ukoll abbozzi emendati, lill-Parlamenti nazzjonali.

Ir-riżoluzzjonijiet leġislattivi tal-Parlament Ewropew u l-pożizzjonijiet tal-Kunsill għandhom, meta jiġu adottati, jintbagħtu mill-Kunsill lill-Parlamenti nazzjonali.

Artikolu 5

L-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom jiġu ġustifikati fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Kull abbozz ta' att leġislattiv għandu jinkludi fih dikjarazzjoni bl-elementi dettaljati li tippermetti l-valutazzjoni tar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi elementi li jippermettu l-valutazzjoni ta' l-impatt finanzjarju ta' l-abbozz u, fil-każ ta' direttiva, ta' l-implikazzjonijiet tagħha għar-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, inkluż, fejn ikun meħtieġ, il-leġislazzjoni reġjonali. Ir-raġunijiet li jwasslu għall-konklużjoni li objettiv ta' l-Unjoni jista' tintlaħaq aħjar fil-livell ta' l-Unjoni għandhom jiġu sostanzjati b'indikaturi kwalitattivi u, fejn ikun possibbli, kwantitattivi. L-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, ikun minimizzat kemm jista' jkun u jkun proporzjonat ma' l-objettiv li jrid jintlaħaq.

Artikolu 6

Kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu, fi żmien tmien ġimgħat mid-data minn meta jirċievu abbozz ta' att leġislattiv fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni, jibgħatu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz in kwistjoni ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Kull parlament nazzjonali u kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu jikkonsultaw, fejn ikun xieraq, mal-Parlamenti reġjonali li jkollhom setgħat leġislattivi.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej minn grupp ta' Stati Membri, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-istituzzjoni jew il-korp konċernat.

Artikolu 7

1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll, fejn huwa xieraq, il-grupp ta' Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ġej minnhom, għandhom iqisu l-opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali jew ta' kamra ta' parlament nazzjonali.

Kull parlament nazzjonali għandu jkollu żewġ voti, imqassma fuq il-bażi tas-sistema parlamentari nazzjonali. Fil-każ ta' sistema Parlamentari bikamerali, kull waħda miż-żewgt ikmamar għandha jkollha vot wieħed.

2. Meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' abbozz ta' att leġislattiv jirrappreżentaw għall-anqas terz tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-abbozz għandu jiġi rivedut. Dan il-proporzjoni għandu jkun ta' kwart fil-każ ta' abbozz ta' att leġislattiv preżentat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni jew, skond il-każ, il-grupp ta' Stati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej minnhom, jistgħu jiddeċiedu li jżommu, jemendaw jew jirtiraw l-abbozz. Għandhom jingħataw raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

3. Barra minn hekk, fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ordinarja, meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' proposta ta' att leġislattiv jirrappreżentaw għall-anqas maġġoranza sempliċi tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-proposta għandha tiġi riveduta. Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li żżomm, li temenda jew li tirtira l-proposta.

Jekk tagħżel li żżommha, il-Kummissjoni jkollha tiġġustifika għaliex tqis li l-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, permezz ta' opinjoni motivata. Din l-opinjoni motivata kif ukoll l-opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali, iridu jintbagħtu lil-leġislatur ta' l-Unjoni għall-konsiderazzjoni fil-proċedura:

a) qabel jiġi konkluż l-ewwel qari, il-leġislatur (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) għandu jeżamina l-kompatibbiltà tal-proposta leġislattiva mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, b'kont partikolari meħud tar-raġunijiet espressi u kondiviżi mill-maġġoranza tal-Parlamenti nazzjonali kif ukoll ta' l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni;

b) Jekk, permezz ta' maġġoranza ta' 55 % tal-membri tal-Kunsill jew ta' maġġoranza tal-voti espressi fil-Parlament Ewropew, il-leġislatur huwa ta' l-opinjoni li l-proposta ma' tkunx kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta leġislattiva m'għandhiex tiġi kkunsidrata aktar.

Artikolu 8

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi fuq ksur tal-prinċipji tas-sussidjarjetà minn att leġislattiv, li jitressqu skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Istati Membri jew li jiġu notifikati minnhom skond l-ordinament ġuridiku tagħhom f'isem parlament nazzjonali jew kamra minnu.

Skond ir-regoli previsti fl-imsemmi Artikolu, il-Kumitat tar-Reġjuni jista' wkoll jagħmel rikors bħal dan kontra l-atti leġislattivi li għalihom t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jipprevedi l-konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport kull sena lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Parlamenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport annwali għandu jiġi mgħoddi wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

PROTOKOLL (Nru 3)

DWAR L-ISTATUT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JRIDU li jistabbilixxu l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea kif previst fl-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 160 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hija kostitwita u teżerċita l-funzjoni tagħha skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (it-Trattat KEEA) u ta' dan l-Istatut.

TITOLU I

L-IMĦALLFIN U L-AVUKATI ĠENERALI

Artikolu 2

Qabel ma jassumi l-kariga kull Imħallef għandu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mlaqqa' f'seduta pubblika, jaħlef li jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'imparzjalità u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 3

L-Imħallfin igawdu l-immunità minn proċedimenti legali kontrihom. Wara li jkunu spiċċaw mill-kariga, jibqgħu igawdu l-immunità rigward l-atti li jkunu wettqu fil-kariga uffiċjali tagħhom, inklużi l-kliem u l-kitba tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f'seduta plenarja, tista' tneħħi din l-immunità. Jekk id-deċiżjoni tikkonċerna membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-qorti konċernata.

Meta l-immunità tkun tneħħiet u jittieħdu proċeduri kriminali kontra Mħallef, dan ikun jista' jiġi proċessat biss minn qorti kompetenti sabiex tiġġudika l-membri ta' l-ogħla ġudikatura nazzjonali, f'xi wieħed mill-Istati Membri.

L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea japplikaw għall-Imħallfin, għall-Avukati Ġenerali, għar-Registratur u għall-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-immunità ta' l-Imħallfin minn proċedimenti legali, li huma msemmija fil-paragrafi ta' qabel.

Artikolu 4

L-Imħallfin ma' jistgħu ikollhom ebda kariga politika jew amministrattiva.

Ma jistgħu jeżerċitaw ebda attività professjonali, bi ħlas jew mingħajr, ħlief bl-eżenzjoni eċċezzjonali mogħtija mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi.

Meta jassumu d-doveri tagħhom, dawn għandhom jintrabtu solennement li kemm matul il-perjodu tal-kariga tagħhom, kif ukoll wara li din tkun intemmet, jirrispettaw l-obbligi marbuta magħha, b'mod partikolari d-doveri ta' l-onestà u d-diskrezzjoni fir-rigward ta' l-aċċettazzjoni, wara li jkunu temmew il-kariga, ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji.

F'każ ta' dubbju tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk id-deċiżjoni tikkonċerna membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-qorti konċernata.

Artikolu 5

Apparti s-sostituzzjoni normali, jew il-mewt, id-dmirijiet ta' Mħallef jintemmu meta dan jirriżenja.

Meta Mħallef jirriżenja, l-ittra tar-riżenja għandha tiġi indirizzata lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tintbagħat lill-President tal-Kunsill. Din in-notifika iġġib post battal fis-sedja.

Ħlief fejn ikun jgħodd l-Artikolu 6, Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu.

Artikolu 6

L-Imħallfin jistgħu jiġu mneħħija mill-kariga tagħhom jew miċħuda mid-dritt tagħhom għal pensjoni jew minn vantaġġi oħra minflokha, f'każ biss li, fuq ġudizzju unanimu ta' l-Imħallfin u ta' l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jkunux iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew ma jissodisfawx iktar l-obbligi tal-kariga tagħhom. L-Imħallef interessat ma jieħux parti f'deliberazzjoni bħal din. Jekk il-persuna kkonċernata tkun membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-qorti konċernata.

Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jikkomunika din id-deċiżjoni tal-Qorti lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni u għandu jgħarraf ukoll lill-President tal-Kunsill.

F'każ ta' deċiżjoni li jitneħħa Mħallef mill-kariga, in-notifika ġġib post battal fis-sedja.

Artikolu 7

L-Imħallfin li l-funzjoni tagħhom tintemm qabel l-iskadenza tal-mandat tagħhom jiġu sostitwiti għall-bqija taż-żmien tal-mandat.

Artikolu 8

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 sa 7 japplikaw għall-Avukati Ġenerali.

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 9

Meta, kull tliet snin, ikun hemm sostituzzjoni parzjali ta' l-Imħallfin, għandhom jiġu sostitwiti alternattivament erbatax u tlettax-il Imħallef.

Is-sostituzzjoni parzjali ta' l-Avukati Ġenerali, li jseħħ kull tliet snin, imiss erba' Avukati Ġenerali kull darba.

Artikolu 10

Ir-Registratur jieħu ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jaqdi dmirijietu b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

Artikolu 11

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taħseb minn qabel għas-sostituzzjoni tar-Reġistratur f'każ ta' l-impediment ta' dan.

Artikolu 12

Għandhom jiġu addetti uffiċjali u impjegati oħra mal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tkun tista' tiffunzjona. Huma għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur taħt l-awtorità tal-President.

Artikolu 13

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu, skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jipprovdu sabiex jaħtru Assistenti Relaturi u jistabbilixxu r-regoli dwar is-servizz tagħhom. L-Assistenti Relaturi jistgħu jiġu msejħa, skond il-kondizzjonijiet stipulati fir-Regoli tal-Proċedura, sabiex jipparteċipaw fl-istruzzjoni tal-kawzi miġjuba quddiem il-Qorti u sabiex jikkoperaw ma' l-Imħallef Relatur.

L-Assistenti Relaturi, li għandhom jintgħażlu minn persuni li ma jkun hemm l-ebda dubbju mill-indipendenza tagħhom u li jippossedu l-kwalifiki legali meħtieġa, jiġu maħtura mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi. Huma għandhom jaħilfu quddiem il-Qorti li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza u li jħarsu s-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

Artikolu 14

L-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistratur għandhom joqogħdu fil-lokalità fejn tiltaqa' l-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 15

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa' b'mod permanenti. It-tul tal-vaganzi ġudizzjarji jiġi stabbilit mill-Qorti billi tqis il-ħtiġijiet tax-xogħol tagħha.

Artikolu 16

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistitwixxi fi ħdanha awli komposti minn tlieta u ħames Imħallfin. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-Presidenti ta' l-awli. Il-Presidenti ta' l-awli ta' ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti darba biss.

L-Awla Manja tikkonsisti minn tlettax-il Imħallef. Din tkun presjeduta mill-President tal-Qorti. Jagħmlu parti ta' l-Awla Manja l-Presidenti ta' l-awli ta' ħames Imħallfin kif ukoll Imħallfin oħra maħtura skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Il-Qorti tiltaqa' f' Awla Manja meta Stat Membru jew istituzzjoni ta' l-Unjoni li jkunu parti fil-kawża hekk jitolbu.

Il-Qorti tiltaqa' bħala Qorti plenarja meta jinġiebu quddiemha kawżi skond l-Artikolu 228(2), l-Artikolu 245(2), l-Artikolu 247 jew l-Artikolu 286(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, meta jidhrilha li każ pendenti quddiemha jkun ta' importanza eċċezzjonali, il-Qorti tista' tiddeċiedi, wara li tisma' l-Avukat Ġenerali, li tirriferi l-kawża lill-Qorti plenarja.

Artikolu 17

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi validament biss meta tkun komposta bil-fard.

Id-deċiżjonijiet ta' l-awli li jikkonsistu minn tlieta jew minn ħames Imħallfin ikunu validi biss jekk mogħtija minn tliet Imħallfin.

Id-deċiżjonijiet ta' l-Awla Manja jkunu validi biss jekk l-Imħallfin fis-sedja jkunu disgħa.

Id-deċizjonijiet tal-Qorti plenarja jkunu validi biss jekk ikun hemm ħmistax-il Imħallef fis-sedja.

Fil-każ ta' impediment ta' wieħed mill-Imħallfin ta' awla li jattendi, Imħallef ta' awla oħra jista' jissejjaħ sabiex jieħu s-sedja skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 18

Ebda Mħallef jew Avukat Ġenerali ma jista' jieħu parti fit-trattazzjoni ta' kawża li jista' jkun ħa parti fiha qabel bħala aġent jew konsulent jew ikun aġixxa għal waħda mill-partijiet, jew li jkun ġie msejjaħ sabiex jippronunzja ruħu bħala membru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tribunal, ta' Kummissjoni ta' inkjesta jew f'kapaċità oħra.

Jekk, għal xi raġuni speċjali, xi Mħallef jew Avukat Ġenerali jikkonsidra li m'għandux jieħu parti f'ġudizzju jew eżami ta' xi kawża partikolari, hu għandu jinforma lill-President. Jekk il-President jikkonsidra li xi Mħallef jew Avukat Ġenerali għal xi raġuni speċjali m'għandux jisma' jew jippreżenta konklużjonijiet f'kawża partikolari, huwa għandu jgħarraf b'dan lill-persuna interessata.

F'każ ta diffikultà dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu din għandha tiġi deċiża mill-Qorti.

Parti ma tistax titlob il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti jew ta' waħda mill-awli tagħha la għar-raġuni kemm taċ-ċittadinanza ta' Imħallef u l-anqas ta' l-assenza mill-Qorti jew mill-awla ta' Mħallef taċ-ċittadinanza ta' dik il-parti.

TITOLU III

PROĊEDURA QUDDIEM IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 19

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista' jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

Minbarra l-Istati Membri, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u wkoll ta' l-Awtorità għas-Sorveljanza ta' l-EFTA msemmija f'dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod.

Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.

Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista' jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.

Dawn l-aġenti, konsulenti u avukati, meta jidhru quddiem il-qorti, igawdu mid-drittijiet u l-immunitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tad-doveri tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Fir-rigward ta' dawn il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiemha, il-Qorti għandha jkollha s-setgħat li normalment igawdu qrati u tribunali, skond il-kondizzjonijet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Għalliema ta' l-Università li jkunu ċittadini ta' l-Istati Membri li l-liġi tagħhom tagħtihom id-dritt ta' udjenza għandu jkollhom l-istess drittijiet quddiem il-Qorti li dan l-Artikolu jagħti lill-avukati.

Artikolu 20

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonsisti f'żewġ partijiet: dik miktuba u dik orali.

Il-proċedura miktuba tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni li d-deċiżjoni tagħhom tkun qiegħda tiġi mistħarrġa, ta' applikazzjonijiet, stqarrijiet dwar il-każ, difiżi u osservazzjonijiet, u ta' repliki, jekk ikun hemm, kif ukoll ta' skritti u dokumenti miġjuba sabiex isaħħu l-każ jew ta' kopji awtentikati tagħhom.

Il-komunikazzjonijiet isiru permezz ta' Reġistratur fl-ordni u fit-termini stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Il-proċedura orali tkun tikkonsisti fil-qari tar-rapport ippreżentat minn Imħallef li jkun jaġixxi bħala Relatur, fis-smigħ mill-Qorti ta' aġenti, konsultenti u avukati u fil-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, kif ukoll fis-smigħ, jekk ikun il-każ, ta' xhieda u esperti.

Meta l-Qorti tqis li l-kawża ma tqajjimx xi punt ġdid ta' dritt, hija tista' tiddeċiedi, wara li tisma' l-Avukat Ġenerali, illi l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

Artikolu 21

Każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' rikors bil-miktub indirizzat lir-Reġistratur. Fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalita' tal-firmatarju, l-isem tal-parti jew tal-partijiet avversarji, is-suġġett tal-kwistjoni, it-talbiet, u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba.

Ir-rikors għandu jkun akkompanjat, meta ikun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament jew fl-ipotesi kontemplata fl-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, minn dokument li jiċċertifika d-data tat-talba prevista f'dawn l-Artikoli. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux ġew preżentati mar-rikors, ir-Reġistratur għandu jsejjaħ lil parti nteressata sabiex iġġibhom fi żmien raġonevoli, bla ma iżda tkun tista tiġi eċċepita d-dekadenza f'każ li d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors.

Artikolu 22

Il-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 18 tat-Trattat tal-KEEA għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' appell indirizzat lir-Reġistratur. L-appell għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, referenza għad-deċiżjoni li minnha jkun qed isir l-appell, l-ismijiet tal-partijiet avversarji, is-suġġett tal-kawża, it-talbiet, u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba.

Mar-rikors għandu jkun hemm kopja awtentika tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta' l-Arbitraġġ li tkun qed tiġi kontestata.

Jekk il-Qorti tiċħad l-appell, is-sentenza tal-Kumitat ta' l-Abitraġġ tkun definittiva.

Jekk il-Qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' l-Arbitraġġ, il-kwistjoni tista' tarġa' tinfetaħ jekk ikun il-każ, fuq l-inizjattiva ta' waħda mill-partijiet fil-kawża, quddiem il-Kumitat ta' l-Arbitraġġ. Dan ta' l-aħħar għandu jikkonforma ruħu mal-punti ta' dritt deċiżi mill-Qorti.

Artikolu 23

Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali li tissospendi l-proċedimenti u tirriferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi notifikata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti jew tribunal nazzjonali. Din id-deċiżjoni għandha tiġi mbagħad notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti lill-partijiet, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu ta' l-Unjoni li adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata.

Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, il-partijiet, l-Istati Membri, l-Kummisjoni u meta jkun il-każ, l-istituzzjoni, l-korp jew l-organu ta' l-Unjoni li adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata jkollhom id-dritt li jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti.

F'każijiet kontemplati fl-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali għandha tiġi notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti ukoll lill-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, kif ukoll lill-Awtorita' ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dak il-ftehim, li fi żmien xahrejn min-notifika, meta jkollu x' jaqsam wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim, ikunu jistgħu jippreżentaw lill-Qorti, noti jew osservazzjonijiet bil-miktub.

Fejn ftehim relatat ma' suġġett speċifiku, konkluż mill-Kunsill u Stat wieħed jew aktar li mhux membri, jipprovdi li dawk l-Istati jkunu intitolati li jippreżentaw noti jew osservazzjoni bil-miktub meta qorti jew tribunal ta' Stat Membru tirriferi għall-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari kwistjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali li fiha dik il-kwistjoni għandha tkun innotifikata lill-Istati mhux membri kkonċernati. Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, dawk l-Istati jistgħu jippreżentaw lill-Qorti noti jew osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 23a [*]

Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu jipprovdu għal proċedura mħaffa u, fir-rigward ta’ rinviji preliminari li jirrigwardaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, għal proċedura b’urġenza.

Dawn il-proċeduri jistgħu jipprovdu, fir-rigward tal-preżentata ta’ noti jew ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, għal terminu iqsar minn dak previst mill-Artikolu 23, u, b’deroga mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 20, li ma jiġux ippreżentati konklużjonijiet mill-Avukat Ġenerali.

Il-proċedura b’urġenza tista’ wkoll tipprovdi għal-limitazzjoni tal-partijiet u ta’ dawk l-oħrajn interessati msemmija fl-Artikolu 23, awtorizzati li jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub, u, f’każijiet ta’ urġenza estrema, għad-dispensa mill-fażi bil-miktub tal-proċedura.

Artikolu 24

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' titlob lill-partijiet sabiex iġibu d-dokumenti kollha u sabiex jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tkun tixtieq. F' każ ta' rifjut, tieħu nota formali.

Il-Qorti tista' wkoll teħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, korpi jew organi li ma jkunux parti fil-kawża jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tqis meħtieġa għall-fini tal-proċess.

Artikolu 25

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista f'kull żmien tagħti perizja lil kull persuna, korp, uffiċju, kummissjoni jew organu li tagħżel hi.

Artikolu 26

Jistgħu jinstemgħu xhieda skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 27

Rigward xhieda li jonqsu li jidhru, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-poteri li ġeneralment jingħataw lill-qrati u lit-tribunali u tista' timponi pieni ta' flus skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 28

Ix-xhieda u l-periti jistgħu jinstemgħu bil-ġurament li jittieħed skond il-forma stabbilita fir-Regoli tal-Proċedura jew bil-mod kif stabbilit fil-liġijiet tal-pajjiż tax-xhud jew tal-perit.

Artikolu 29

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tordna li xhud jew perit jinstama' mill-awtorità ġudizzjarja tal-post fejn ikun joqgħod.

L-ordni tintbagħat għall-esekuzzjoni lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. L-atti riżultanti mill-esekuzzjoni tar-rogatorji għandhom jiġu rritornati lill-Qorti bl-istess kondizzjonijiet.

Il-Qorti għandha tħallas l-ispejjeż, b'dan li tgħaddihom, jekk ikun il-każ, lill-partijiet.

Artikolu 30

Kull Stat Membru għandu jqis kull vjolazzjoni tal-ġurament minn xhud jew minn perit bħala l-istess reat kommess quddiem Qorti tal-Ġustizzja nazzjonali tiegħu f'materji ċivili. Fuq denunzja tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru konċernat għandu jipproċedi kontra l-awturi ta' dak ir-reat quddiem il-qorti kompetenti nazzjonali.

Artikolu 31

Is-smigħ fil-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun pubbliku, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-partijiet konċernati, ma tiddeċidix mod ieħor għal raġunijiet serji.

Artikolu 32

Waqt is-smigħ il-Qorti tal-Ġustizzja tista' teżamina l-periti, ix-xhieda u l-partijiet infushom. Madanakollu dawn ta' l-aħħar jistgħu jindirizzaw il-Qorti tal-Ġustizzja biss permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

Artikolu 33

Għandhu jinżamm verbal ta' kull smigħ li jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur.

Artikolu 34

Il-lista tal-kawżi għandha tiġi ffissata mill-President.

Artikolu 35

Id-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu u jibqgħu sigrieti.

Artikolu 36

Is-sentenzi għandhom ikunu motivati. Għandu jkollhom l-ismijiet ta' l-Imħallfin li jkunu ħadu parti fid-deliberazzjonijiet.

Artikolu 37

Is-sentenzi għandhom jiġu ffirmati mill-President u mir-Reġistratur. Għandhom jinqraw fil-Qorti bil-miftuħ.

Artikolu 38

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Artikolu 39

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiddeċiedi, skond proċedura sommarja li tkun tista tidderoga safejn meħtieġ minn xi wħud mir-regoli li fih dan l-Istatut u li għandha tiġi stabbilita mir-Regoli tal-Proċedura, fuq talbiet intiżi kemm għas-sospensjonijiet previsti fl-Artikolu 278 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 157 tat-Trattat KEEA, kemm fuq l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji skond l-Artikolu 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq is-sospensjoni ta' l-esekuzzjoni furzata skond ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat KEEA.

F'każ ta impediment tal-President, jiġi sostitwit minn Imħallef ieħor skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Id-deċiżjoni tal-President jew ta' l-Imħallef li jkun issostitwih tkun biss ta' karattru provviżorju u bl-ebda mod ma tippreġudika d-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-meritu.

Artikolu 40

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi li jkunu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

L-istess dritt jappartjeni lill-korpi u lill-organi ta' l-Unjoni u lil kull persuna oħra li tista' turi li għandha interess fir-riżultat ta' xi kawża miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jintervjenu f'kawżi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jew bejn Stati Membri u istituzzjonijiet ta' l-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu, l-Istati, barra mill-Istati Membri, li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Awtorita ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dan il-ftehim, jistgħu jintervjenu fil-kawżi li jkunu quddiem il-Qorti meta dawn jirrigwardaw wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni ta' l-istess Ftehim.

It-talbiet fir-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

Artikolu 41

Meta l-parti konvenuta, regolarment imħarrka, tonqos milli tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub tingħata s-sentenza fil-kontumaċja tagħha. Is-sentenza tkun suġġetta għall-oppożizzjoni fi żmien xahar min-notifika tagħha. Salv deċiżjoni kuntrarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-oppożizzjoni ma twaqqafx l-esekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja.

Artikolu 42

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni u kull persuna oħra fisika jew ġuridika jistgħu, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet li jiġu stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, jibdew proċedimenti ta' terzi kontra sentenzi mogħtija mingħajr ma huma jkunu ġew imsejħa fil-kawża, meta dik is-sentenza tkun ta' preġudizzju għad-drittijiet tagħhom.

Artikolu 43

F' każ ta' dubbju dwar it-tifsir jew il-portata ta' sentenza, ikun imiss lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha fuq talba ta' xi parti jew ta' xi istituzzjoni ta' l-Unjoni li turi li jkollha interess f'dan.

Artikolu 44

Ir-reviżjoni ta' sentenza tista' tintalab lill-Qorti tal-Ġustizzja biss għar-raġuni li jiġi skopert fatt ta' natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel il-għoti tas-sentenza ma kienx magħruf lill-Qorti u lill-parti li titlob ir-reviżjoni.

Il-proċedura tar-reviżjoni tinfetaħ b'sentenza tal-Qorti li tikkonstata espressament l-eżistenza ta' fatt ġdid, tirrikonoxxi li jkun ta' karattru li jgħati lok għar-reviżjoni u tiddikjara li fuq dan il-motiv it-talba tkun ammissibli.

Ebda talba għar-reviżjoni ma tista' ssir wara li jgħaddu għaxar snin mid-data tas-sentenza.

Artikolu 45

Ir-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi perijodi ta' grazzja fuq konsiderazzjonijiet ta' distanza.

Ebda dritt ma jintilef bħala riżultat ta' l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta' każ fortuwitu jew ta' forza maġġuri.

Artikolu 46

L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f' materja ta' responsabbilltà non-kontrattwali jiġu preskritti b'ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista' tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti ta' l-Unjoni. F' dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi preżentat fit-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea; japplikaw meta jkun il-każ, rispettivament id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikoli 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal rikorsi kontra l-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tar-responsabbiltà non-kontrattwali.

TITOLU IV

QORTI ĠENERALI

Artikolu 47

L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 9, l-Artikoli 14 u 15, l-ewwel, it-tieni, ir-raba' u l-ħames subparagrafi ta' l-Artikolu 17, u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Qorti Ġenerali u għall-membri tagħha.

Ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 3 u l-Artikoli 10, 11 u 14 japplikaw mutatis mutandis għar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 48

Il-Qorti Ġenerali għandha tikkonsisti f'sebgħa u għoxrin Imħallef.

Artikolu 49

Il-membri tal-Qorti Ġenerali jistgħu jissejħu sabiex jeżerċitaw il-funzjoni ta' Avukat Ġenerali.

L-Avukat Ġenerali għandu l-funzjoni li jippreżenta pubblikament, bl-imparzjalità kollha u bl-indipendenza kollha, konklużjonijiet motivati fuq ċerti kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali bl-għan li jassisti lilha fix-xogħol tagħha.

Il-kriterji tal-għażla ta' dawn il-kawżi, kif ukoll il-modalitajiet sabiex jiġu nominati l-Avukati Ġenerali, huma stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Membru tal-Qorti Ġenerali li jiġi msejjaħ sabiex jeżerċita l-funzjoni ta' Avukat Ġenerali f'kawża ma jistax jieħu sehem fid-deċizjoni ta' dik il-kawża.

Artikolu 50

Il-Qorti Ġenerali tiltaqa' f'awli komposti minn tlieta jew ħames Imħallfin. L-Imħallfin jeleġġu minn fosthom il-Presidenti ta' l-awli. Il-Presidenti ta' l-awli ta' ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti għal darba oħra.

Il-kompożizzjoni ta' l-awli u t-tqassim tal-kawżi bejniethom isiru skond ir-Regoli tal-Proċedura. F'ċerti każi, determinati mir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista' tiltaqa' f'seduta plenarja jew tkun kostitwita minn Imħallef wieħed.

Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu ukoll jipprovdu li l-Qorti Ġenerali tiltaqa' f'Awla Manja fil-każi u skond il-kondizzjonijiet speċifikati fihom.

Artikolu 51

B'deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 256(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, ġurisdizzjoni għandha tkun riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja fl-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea meta jitressqu minn Stat Membru kontra:

(a) xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, jew minn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet f'azzjoni konġunta, ħlief għal:

- deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

- azzjonijiet tal-Kunsill adottati skond xi regolament tal-Kunsill dwar miżuri sabiex iħarsu l-kummerċ fis-sens ta' l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

- azzjonijiet tal-Kunsill li permezz tagħhom il-Kunsill jeżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

(b) kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Ġurisdizzjoni għandha tkun ukoll riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja fl-azzjonijiet imsemmija fl-istess Artikoli meta dawn jitressqu minn xi istituzzjoni ta' l-Unjoni kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, minn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet f'azzjoni konġunta, jew mill-Kummissjoni, jew jitressqu minn xi istituzzjoni ta' l-Unjoni kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 52

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti Ġenerali għandhom jistabbilixxu, bi qbil bejniethom, il-kondizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra adetti mal-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Qorti Ġenerali sabiex jassiguraw il-funzjonament tagħha. Ċerti uffiċjali jew impjegati oħra jkunu responsabbli lejn ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 53

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi regolata bit-Titolu III.

Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi preċizata u kompletata, safejn ikun meħtieġ, mir-Regoli tal-Proċedura. Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu jidderogaw mir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 40 u mill-Artikolu 41 sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-litigazzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

B’deroga mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 20, l-Avukat Ġenerali jista’ jippreżenta l-konklużjonijiet motivati tiegħu bil-miktub.

Artikolu 54

Jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti Ġenerali jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur ta-Qorti Ġenerali; bl-istess mod, jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta l-Qorti Ġenerali ssib li ma tkunx kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta' rikors li jidħol fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja; bl-istess mod meta l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li rikors jidħol fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, hija tirriferi lil din ta' l-aħħar, li mbagħad ma tkunx tista' tirrifjuta l-kompetenza tagħha.

Meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi fejn tkun qed issir l-istess talba, fejn titqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew jitqanqal dubbju dwar il-validita' ta' l-istess att, il-Qorti Ġenerali tista', wara li tkun semgħet il-partijiet, twaqqaf il-proċedimenti sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat sentenza, jew, fejn l-azzjoni titressaq skond l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, ma taċċettax il-ġurisdizzjoni sabiex hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiddeċiedi dwar dawk l-applikazzjonijiet. Fl-istess ċirkostanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tiddeċiedi li twaqqaf il-proċedimenti li jkun hemm quddiemha; f'dak il-każ il-proċedimenti ta' quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom jitkomplew.

Meta Stat Membru u istituzzjoni ta' l-Unjoni jkunu jirrikużaw l-istess att, il-Qorti Ġenerali m'għandhiex taċċetta ġurisdizzjoni sabiex hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiddeċiedi dawk il-kontestazzjonijiet.

Artikolu 55

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment, deċiżjonijiet li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibbiltà għandhom jiġu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet kollha kif ukoll lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni anke jekk dawn ma kinux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Artikolu 56

Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll mid-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibbiltà.

Dan l-appell jista' jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. B'danakollu dawk li jintervjenu ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komuntajiet, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali taffettwahom direttament.

Ħlief fil-każ ta' kawżi bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħhom, appell jista wkoll jitressaq minn Stati Membri u istituzzjonijiet ta' l-Unjoni li ma kinux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. F'dan il-każ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ikunu fl-istess pożizzjoni bħal dik ta' Stati Membri jew istituzzjonijiet li jkunu intervjenew fi Prim' Istanza.

Artikolu 57

Jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn li jmissu min-notifika tad-deċiżjoni taċ-ċaħda, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija skond l-Artikolu 278 jew l-Artikolu 279 jew ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew skond l-Artikolu 157 jew it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat KEEA fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

L-appell imsemmi fl-ewwel żewġ paragrafi ta' dan l-Artikolu jiġi deċiż skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39.

Artikolu 58

Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta' dritt. Jista' jkun ibbażat fuq motivi ta' l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta' ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta' l-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt ta' l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

L-appell ma jistax isir biss fuq l-ammont ta' l-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom

Artikolu 59

Fil-każ ta' appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tikkonsisti f'parti bil-miktub u parti orali. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tkun tista' tiddeċiedi mingħajr il-proċedura orali.

Artikolu 60

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew għall-Artikolu 157 tat-Trattat KEEA, l-appell ma jkollux effett sospensiv.

B'deroga għall-Artikolu 280 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta' skadenza tat-terminu previst fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 56 ta' dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f'dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda ta' l-appell, mingħajr preġudizzju għall-fakulta ta' parti li tagħmel talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew skond l-Artikolu 157 tat-Trattat KEEA, għas-sospensjoni ta' l-effetti tar-regolament annullat jew għall-adozzjoni ta' kull provvediment ieħor provviżorju.

Artikolu 61

Jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista' allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

F' każ ta' rinviju, fuq punti ta' dritt il-Qorti Ġenerali tkun marbuta bid-deċizjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta appell magħmul minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-Unjoni li ma jkunux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista', jekk ikun jidhrilha meħtieġ, tindika dawk l-effetti tad-deċiżjoni annullata tal-Qorti Ġenerali li jkollhom jiġu konsidrati definittivi di fronti l-partijiet fil-kawża.

Artikolu 62

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 256(2) u (3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista', meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta' preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt ta' l-Unjoni, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

Il-proposta għandha ssir fi żmien xahar mill-għoti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Fi zmien xahar minn meta tirċievi l-proposta magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni.

Artikolu 62a

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjonijiet fuq il-kwistjonijiet li huma suġġetti għal eżami mill-ġdid permezz ta' proċedura b' urġenza abbażi ta' inkartament li jkun intbagħatilha mill-Qorti Ġenerali.

Il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta' dan l-Istatut kif ukoll, fil-każijiet previsti mill-Artikolu 256(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-partijiet fil-proċediment quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom id-dritt li jressqu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, noti jew osservazzjonijiet bil-miktub dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fi żmien stipulat għal dan il-għan.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali qabel ma tieħu deċiżjoni.

Artikolu 62b

Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 256(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-proposta ta' eżami mill-ġdid u d-deċiżjoni ta' ftuħ ta' proċedura ta' eżami mill-ġdid m' għandhomx natura sospensiva. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tipperikola l-unità jew il-koerenza tad-Dritt ta' l-Unjoni, hija għandha tirriferi l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li tkun marbuta bil-punti ta' liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja; il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tindika liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandhom jitqiesu bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet involuti fit-tilwima. Madankollu, jekk, b'konsiderazzjoni tar-riżultat ta' l-eżami mill-ġdid, is-soluzzjoni tal-kwistjoni toħroġ minn konstatazzjonijiet ta' fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjoni li ma tkunx appellabbli.

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 256(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, fin-nuqqas ta' proposta ta' eżami mill-ġdid jew ta' deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura ta' eżami mill-ġdid, ir-risposta jew ir-risposti mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-kwistjonijiet li jkunu ġew imressqa lilha jkollhom effett minn meta jiskadu l-perijodi previsti għal dan il-għan mill-Artikolu 62, it-tieni subparagrafu. F'każ ta' ftuħ ta' proċedura ta' eżami mill-ġdid, ir-risposta jew risposti li jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid għandu jkollhom effett meta tintemm din il-proċedura, ħlief jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mod ieħor. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tipperikola l-unità jew il-koerenza tad-dritt ta' l-Unjoni, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid tieħu post dik tal-Qorti Ġenerali.

TITOLU IVa

QRATI SPEĊJALIZZATI

Artikolu 62c

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenzi, il-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-proċedura ta' l-qrati speċjalizzati stabbiliti bis-saħħa ta' l-Artikoli 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea huma annessi ma' dan l-Istatut.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 63

Ir-regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali għandu jkun fihom id-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġi applikat u, fejn hemm bżonn, kompletat dan l-Istatut.

Artikolu 64

Ir-regoli dwar l-arranġamenti lingwistiċi applikabbli għall-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jiġu stabbiliti b'regolament tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu. Dan ir-Regolament għandu jiġi adottat fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-Parlament Ewropew.

Sakemm dawn ir-regoli jiġu adottati id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali relattivi għal-lingwa għandhom ikomplu japplikaw. B'deroga mill-Artikoli 253 u 254 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu emendati jew revokati biss bl-approvazzjoni unanima tal-Kunsill.

ANNESS

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 1

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku", għandu jeżerċita fl-ewwel istanza l-kompetenza li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħhom skond l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, inklużi dawk il-kwistjonijiet bejn il-korpi jew aġenziji kollha u l-impjegati tagħhom li fir-rigward tagħhom il-kompetenza hija attribwita lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun kompost minn seba' mħallfin. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jżid in-numru ta' mħallfin.

L-imħallfin għandhom jiġu maħtura għal perjodu ta' sitt snin. L-imħallfin li jispiċċaw il-mandat tagħhom jistgħu jiġu maħtura mill-ġdid.

Kull post vakanti għandu jimtela bil-ħatra ta' mħallef ġdid għal perjodu ta' sitt snin.

Artikolu 3

1. L-imħallfin għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill, li jaġixxi skond ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst f'dan l-Artikolu. Fil-ħatra ta' l-imħallfin, il-Kunsill għandu jiżgura li jkun hemm kompożizzjoni ekwilibrata tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost ċittadini ta' l-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali rappreżentati.

2. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u li tissodisfa l-kondizzjonijiet previsti fir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea tista' tippreżenta l-kandidatura tagħha. Il-Kunsill fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiffissa l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tal-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-kandidaturi.

3. Għandu jiġi stabbilit kumitat kompost minn seba' persuni magħżula minn fost ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta. Il-ħatra tal-membri tal-kumitat u r-regoli tal-ħidma tiegħu għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill fuq ir-rakkomandazzjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex jeżerċitaw il-funzjoni ta' mħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-kumitat għandu jannetti ma' din l-opinjoni lista tal-kandidati li għandhom l-esperjenza ta' livell għoli l-aktar adegwata. Tali lista għandha tikkonsisti f'numru ta' kandidati li jikkorrispondi għall-inqas għad-doppju tan-numru ta' mħallfin li għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill.

Artikolu 4

1. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal perjodu ta' tliet snin. Il-mandat tiegħu jista' jiġi mġedded.

2. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun kompost minn awli bi tliet imħallfin. Hu jista', f'ċerti każijiet determinati mir-regoli tiegħu ta' proċedura, jiltaqa' f'seduta plenarja, f'awla ta' ħames imħallfin jew f'awla ta' mħallef wieħed.

3. Il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jippresjedi seduta plenarja u fl-awla ta' ħames imħallfin. Il-Presidenti ta' l-awli ta' tliet imħallfin għandhom jinħatru skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1. Jekk il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi assenjat għal awla ta' tliet imħallfin, għandu jkun hu li jippresjedi f'din l-awla.

4. Il-kompetenzi u l-kworum tas-seduta plenarja kif ukoll il-kompożizzjoni ta' l-awli u l-assenjazzjoni tal-kawżi lil dawn ta' l-aħħar għandhom jkunu stabbiliti mir-regoli ta' proċedura.

Artikolu 5

L-Artikoli 2 sa 6, 14, 15, l-ewwel, it-tieni u l-ħames paragrafi ta' l-Artikolu 17, kif ukoll l-Artikolu 18 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għall-membri tiegħu.

Il-ġurament previst fl-Artikolu 2 ta' l-Istatut għandu jittieħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli tiegħu 3, 4 u 6 għandhom jiġu adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja wara konsultazzjoni mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 6

1. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun appoġġat mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, meta jkun il-każ, il-President tal-Qorti Ġenerali, għandu jistabbilixxi bi qbil komuni mal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-kondizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra, addetti mal-Qorti tal-Ġustizzja jew mal-Qorti Ġenerali, għandhom jagħtu s-servizzi tagħhom lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jassiguraw il-funzjonament tiegħu. Ċerti uffiċjali jew impjegati oħra huma responsabbli lejn ir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku taħt l-awtorità tal-President ta' dan it-Tribunal.

2. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jaħtar ir-Reġistratur tiegħu u jippreskrivi r-regoli tas-servizz tiegħu. Ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 3, l-Artikoli 10, 11 u 14 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw għar-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 7

1. Il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandha tkun iggvernata mit-Titolu III ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, ħlief għall-Artikoli tiegħu 22 u 23. Aktar preċiżjoni u kompletezza, skond il-bżonn, jistgħu jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura tat-Tribunal.

2. Id-dispożizzjonijiet tar-reġim lingwistiku tal-Qorti Ġenerali għandhom ikunu applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

3. L-istadju bil-miktub tal-proċedura għandu jinkludi l-preżentata tat-talba u l-eċċezzjonijiet tal-konvenut, sakemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jiddeċidix li hemm bżonn ta' skambju ieħor ta' skritturi. Fejn isir it-tieni skambju ta' skritturi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista', bil-qbil tal-partijiet, jiddeċiedi li jaqta' l-kawża mingħajr ma ssir il-proċedura orali.

4. F'kull stadju tal-proċedura, inkluża l-preżentata tat-talba, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista' jeżamina l-possibbiltajiet ta' soluzzjoni bi ftehim tal-kwistjoni u jista' jipprova jiffaċilita tali soluzzjoni.

5. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż tal-kawża. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari tar-regoli ta' proċedura, il-parti telliefa għandha tħallas l-ispejjeż jekk hekk ikun deċiż.

Artikolu 8

1. Fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Bl-istess mod, fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali.

2. Fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku isib li mhuwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta' kawża li taqa' fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, huwa għandu jirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali. Bl-istess mod, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jsibu li kawża taqa' fil-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Qorti mitluba għandha tirriferi l-kawża lil dan ta' l-aħħar li ma jistax, f'dak il-każ, jiċħad il-kompetenza tiegħu.

3. Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi li fihom titqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew li fihom jitqanqal dubbju dwar il-validità ta' l-istess att, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li jisma' l-partijiet, jista' jissospendi l-proċedimenti sakemm il-Qorti Ġenerali tagħti d-deċiżjoni tagħha.

Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi li jkollhom l-istess oġġett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża.

Artikolu 9

Appell jista' jsir quddiem il-Qorti Ġenerali, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni impunjata, kontra d-deċiżjonijiet finali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u kontra d-deċiżjonijiet ta' dak it-Tribunal li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibbiltà.

Dan l-appell jista' jitressaq minn kwalunkwe parti li ma tkunx irnexxiet, parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. Madankollu, dawk li jintervjenu, ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tolqothom direttament.

Artikolu 10

1. Jista' jsir appell quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn min-notifika tad-deċiżjoni li tiċħad, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

2. Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti Ġenerali mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 278 jew l-Artikolu 279, jew skond ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew skond l-Artikolu 157 jew it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat KEEA fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

3. Il-President tal-Qorti Ġenerali jista' jiddeċiedi appelli previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Aritkolu, skond proċedura sommarja li tkun tista' tidderoga, safejn meħtieġ, minn xi wħud mir-regoli li fih dan l-Anness u li għandha tiġi stabbilita minn Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 11

1. Appell quddiem il-Qorti Ġenerali jista' jitressaq biss fuq punti ta' liġi. L-appell jista' jitressaq għal motivi ta' l-inkompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ta' ksur tal-proċedura quddiemha li jista' jagħmel ħsara lill-interessi ta' l-appellant kif ukoll ksur tad-dritt ta' l-Unjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2. Ma jistax isir appell fuq il-kap ta' l-ispejjeż biss, dwar min ibagħtihom u l-ammonti tagħhom.

Artikolu 12

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u għall-Artikolu 157 tat-Trattat KEEA, l-appell quddiem il-Qorti Ġenerali ma għandux ikollu effett sospensiv.

2. Fejn jitressaq appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tikkonsisti f'parti bil-miktub u parti orali. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, wara li tkun semgħet lill-partijiet, tista' tiddeċiedi mingħajr il-proċedura orali.

Artikolu 13

1. Jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess. Jekk il-kawża tkun f'punt fejn għad ma tistax tinqata', il-Qorti Ġenerali għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2. Fejn il-kawża tiġi rinvjata kif indikat fil-paragrafu preċedenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jibqa' marbut bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali fuq il-punti ta' liġi.

PROTOKOLL (Nru 4)

DWAR L-ISTATUTI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA

BILLI JIXTIEQU li jgħaddu l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew kif hemm previst fl-Artikolu 129(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

KAPITOLU 1

SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 1

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali

Skond l-Artikolu 282(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-BĊE flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkostitwixxu l-Eurosistema.

Is-SEBĊ u l-BĊE għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom u jwettqu l-attivitajiet tagħhom skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u ta' dan l-Istatut.

KAPITOLU II

L-GĦANIJIET U L-KOMPITI TAS-SEBĊ

Artikolu 2

Għanijiet

Skond l-Artikoli 127(1) u 282(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-mira ewlenija ta' l-SEBĊ għandha tkun li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-mira ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, għandha wkoll tagħti appoġġ lil-linji politiċi ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bil-ħsieb li tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni kif indikati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-SEBĊ għandha taġixxi skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera, u tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi, u konformement mal-prinċipji indikati fl-Artikolu 119 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Kompiti

3.1. Skond l-Artikolu 127(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-ħidma fondamentali li għandha ssir permezz tas-SEBĊ hija:

- li tiddefinixxi u timplementa l-politika monetarja ta' l-Unjoni;

- li tmexxi l-operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 219 ta' dak it-Trattat;

- li żżomm in depożitu u tamministra r-riservi barranin uffiċjali ta' l-Istati Membri;

- li tippromwovi l-funzjonament regolari tas-sistemi tal-pagamenti.

3.2. Skond l-Artikolu 127(3) tat-Trattat imsemmi, it-tielet subinċiż ta' l-Artikolu 3.1 ma jippreġudikax id-dritt ta' Stati Membri li jżommu in depożitu u jamministraw il-bilanċi operattivi fil-kambju internazzjonali.

3.3. Skond l-Artikolu 127(5) tat-Trattat imsemmi, is-SEBĊ għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija tmexxija tajba ta' linji politiċi segwiti mill-awtoritajiet kompetenti f'dak li jirrigwarda is-sorveljanza prudenzjali li tkun marbuta mas-sorveljanza għaqlija ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja.

Artikolu 4

Funzjonijiet konsultattivi

Skond l-Artikolu 127(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

(a) il-BĊE għandu jiġi konsultat:

- dwar kull att ta' l-Unjoni propost fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu;

- mill-awtoritajiet nazzjonali dwar kull dispożizzjoni leġislattiva abbozzata fl-oqsma ta' kompetenza tagħha, imma fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skond il-proċedura indikata fl-Artikolu 41;

(b) il-BĊE jista' jippreżenta l-opinjonijiet tiegħu lill-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni jew lill-awtoritajiet nazzjonali dwar ħwejjeġ li jaqgħu fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

Artikolu 5

Ġbir ta' informazzjoni statistika

5.1. Sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tas-SEBĊ, il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali, għandu jiġbor l-informazzjoni statistika meħtieġa jew mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand operaturi ekonomiċi. Għal dan l-għan għandu jikkopera ma' l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni u ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

5.2. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom iwettqu, sa fejn ikunu jistgħu, il-kompiti deskritti fl-Artikolu 5.1.

5.3. Il-BĊE għandu jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni, fejn ikun jinħtieġ, tar-regoli u tal-prattika tal-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim ta' l-istatistika fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

5.4. Il-Kunsill, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 41, għandu jiddefinixxi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom l-obbligu li jirrapportaw, ir-regoli ta' kunfidenzjalitaà u d-dispożizzjonijiet adattati sabiex jinforza l-konformità.

Artikolu 6

Il-koperazzjoni internazzjonali

6.1. Fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali li tinvolvi l-kompiti fdati f'idejn is-SEBĊ, l-BĊE għandu jiddeciedi kif għandha tkun irrappreżentata s-SEBĊ.

6.2. Il-BĊE u, bl-approvazzjoni tiegħu, il-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jipparteċipaw f'istituzzjonijiet monetarji internazzjonali.

6.3. L-Artikoli 6.1 u 6.2 ma jippreġudikawx l-Artikolu 138 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU III

L-ORGANIZZAZZJONI TAS-SEBĊ

Artikolu 7

L-indipendenza

Skond l-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, meta jeżerċitaw il-poteri u jwettqu l-kompiti u jaqdu d-dmirijiet fdati f'idejhom bit-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u b'dan l-Istatut, la l-BĊE, la xi bank ċentrali nazzjonali, u lanqas xi membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom, ma għandu jitlob jew jaċċetta istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi ta' l-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jippruvawx jinfluwenzaw lill-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 8

Prinċipju ġenerali

Is-SEBĊ tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-BĊE li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Artikolu 9

Il-Bank Ċentrali Ewropew

9.1. Il-BĊE li, skond l-Artikolu 282(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, għandu jkollu personalità ġuridika, għandu jgawdi f'kull Stat Membru l-estensjoni kollha ta' kapaċità legali l-aktar pożizzjoni legali estensiva li soltu mogħtija bil-liġi lill-persuni ġuridiċi; jista', b'mod partikolari, jakkwista proprjeta mobbli jew immobbli jew jiddisponi minnha, u jista' ikun parti fi proċeduri legali.

9.2. Il-BĊE għandha tiżgura li l-kompiti mogħtija lis-SEBĊ taħt l-Artikolu 127(2), (3) u (5) tat-Trattat imsemmi jitwettqu bl-attivitajiet tiegħu stess, konformement ma' dan l-Istatut, jew permezz tal-banek ċentrali nazzjonali konformement ma' l-Artikoli 12.1 u 14.

9.3. Skond l-Artikolu 129(1) tat-Trattat imsemmi, il-korpi deċiżjonali tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 10

Il-Kunsill Regolatorju

10.1. Skond l-Artikolu 283(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju għandu jiġbor fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

10.2. Kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed. Mid-data li fiha n-numru ta' membri tal-Kunsill Regolatorju jeċċedi l-21, kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed u n-numru ta' gvernaturi bid-dritt tal-vot għandu jkun 15. Dawn id-drittijiet tal-vot ta' l-aħħar għandhom ikunu assenjati u għandhom iduru kif ġej:

- mid-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jeċċedi l-15, sakemm jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom ikunu allokati għal żewġ gruppi, skond l-ikklassifikar tad-daqs ta' sehem ta' l-Istat Membru tal-bank ċentrali nazzjonali fil-prodott domestiku gross komplessiv bi prezzijiet tas-suq u fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ishma fil-prodott domestiku gross komplessiv bil-prezzijiet tas-suq u fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji għandhom ikunu assenjati l-piżijiet ta' 5/6 u 1/6 rispettivament. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u t-tieni grupp mill-gvernaturi li jkun fadal. Il-frekwenza tad-drittijiet tal-vot tal-gvernaturi allokati għall-ewwel grupp m'għandux ikun anqas mill-frekwenza tad-drittijiet tal-vot ta' dawk tat-tieni grupp. Mingħajr preġudizzju għas-sentenza preċedenti, l-ewwel grupp għandu jkun assenjat erba' drittijiet tal-vot u t-tieni grupp ħdax il-dritt tal-vot;

- mid-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom ikun allokati lil tlett gruppi skond klassifikazzjoni bbażata fuq il-kriterji t'hawn fuq. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u għandu jkun assenjat b'erba' drittijiet tal-vot. It-tieni grupp għandu jkun kompost minn nofs in-numru totali ta' gvernaturi, b'kull frazzjoni miżjuda sa' l-eqreb numru sħiħ, u għandu jkun assenjat tmien drittijiet tal-vot. It-tielet grupp għandu jkun kompost mill-bqija tal-gvernaturi u għandu jkun assenjat tlett drittijiet tal-vot;

- f'kull grupp, il-gvernaturi għandhom ikollhom id-drittijiet tal-vot tagħhom għal ammonti ta' żmien ugwali;

- għall-kalkolazzjoni ta' l-ishma fil-prodott gross domestika komplessiv bil-prezzijiet tas-suq għandu japplika l-Artikolu 29.2. It-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet finazjarju monetarji għandu jkun kalkolat skond il-qafas ta' l-istatistika li japplika fl-Unjoni Ewropea fil-ħin tal-kalkolazzjoni;

- kull meta l-prodott domestiku gross komplessiv bil-prezzijiet tas-suq ikun aġġustat skond l-Artikolu 29.3, jew kull meta n-numru ta' gvernaturi jiżdied, id-daqs u/jew il-kompożizzjoni tal-gruppi għandu jkun aġġustat skond il-prinċipji msemmija hawn fuq;

- il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, bid-dritt tal-vot jew mingħajr id-dritt tal-vot, għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji msemmija hawn fuq u jista' jiddeċiedi li jipposponi l-bidu tas-sistema ta' rotazzjoni sad-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jeċċedi 18.

Id-dritt tal-vot għandu jiġi eżerċitat personalment. B'deroga minn din ir-regola, ir-Regoli ta' Proċedura msemmija fl-Artikolu 12.3 jistgħu jistabbilixxu li membri tal-Kunsill Regolatorju jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom permezz ta' teleconferencing. Dawn ir-regoli għandu jipprovdu wkoll li membru tal-Kunsill Regolatorju li ma jkunx jista' jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju għall-perjodu twil jista' jaħtar sostitut bħala membru tal-Kunsill Regolatorju.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-vot tal-membri kollha tal-Kunsill Regolatorju, bid-dritt tal-vot jew mingħajru, skond l-Artikoli 10.3, 40.2, u 40.3.

Ħlief kif provdut f'dan l-Istatut, il-Kunsill Regolatorju għandu jaġixxi b'maġġornaza sempliċi tal-membri li għandhom d-dritt tal-vot. F'każ ta' riżultat b'voti ndaqs, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

Sabiex il-Kunsill Regolatorju jkun jista' jivvota, irid ikun hemm kworum ta' żewġ terzi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li matulha deċiżjonijiet jittieħdu mingħajr konsiderazzjoni għall-kworum.

10.3. Sabiex jittieħdu xi deċiżjonijiet skond l-Artikoli 28, 29, 30, 32 u 33, il-voti fil-Kunsill Regolatorju għandhom jiġu peżati skond kemm ikollhom ishma l-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-BĊE. Il-piż tal-voti tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun zero. Deċiżjoni li teħtieg maġġoranza kkwalifikata għandha titqies li ttieħdet jekk il-voti favur ikunu jirrappreżentaw mill-anqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-BĊE u jirrappreżentaw mill-anqas nofs ta' l-azzjonisti. Jekk Gvernatur ma jkunx jista' jattendi, ikun jista' jinnomina persuna oħra sabiex tagħti il-vot peżat minfloku.

10.4. Il-proċeduri tal-laqgħat ikunu kunfidenzjali. Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu.

10.5. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiltaqa' mill-anqas għaxar darbiet fis-sena.

Artikolu 11

Il-Bord Eżekuttiv

11.1. Skond l-Artikolu 283(2) l-ewwel subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bord Eżekuttiv ikun magħmul minn President, Viċi-President u erba' membri oħra.

Il-membri jiddedikaw irwieħhom esklussivament għal dmirjiethom. L-ebda membru ma jista' jimpenja ruħu f'xi impjieg ieħor, sew bi ħlas sew jekk le, sakemm ma tkunx ingħatat eċċezzjonalment eżenzjoni mill-Kunsill Regolatorju.

11.2. Skond l-Artikolu 283(2) it-tieni subparagrafu ta tat-Trattat imsemmi, il-President, il-Viċi-President u l-Membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jinħatru minn fost persuni ta' statura rikonoxxuta u ta' esperjenza professjonali f'materji monetarji jew bankarji mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill wara li jkun ġie kkonsultat il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Regolatorju.

Il-ħatra tagħhom tkun għal tmien snin u ma tistax tiġġedded.

Persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' l-Istati Membri biss jistgħu jkunu membri tal-Bord Eżekuttiv.

11.3. Il-pattijiet u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-membri tal-Bord Eżekuttiv, u b'mod partikolari s-salarji, il-pensjonijiet u benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali, isiru b'kuntratt mal-BĊE u jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju fuq il-proposta ta' Kumitat li jkun fih tliet membri maħtura mill-Kunsill Regolatorju u tliet membri maħtura mill-Kunsill. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv ma jkollhomx id-dritt jivvotaw fuq kwistjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu.

11.4. Jekk membru tal-Bord Eżekuttiv ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew inkella kien ħati ta' mġieba serjament ħażina, il-Qorti tal-Ġustizzja, tista', wara rikors tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv, iġġiegħlu jirtira.

11.5. Kull membru tal-Bord Eżekuttiv li jkun preżenti personalment ikollu d-dritt jivvota u jkollu għal dan l-għan, vot wieħed. Salv kif provdut xort' oħra, il-Bord Eżekuttiv jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-voti. Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-President ikollu l-vot deċisiv. L-arranġamenti għall-votazzjoni jkunu indikati fir-Regoli ta' Proċedura msemmija fl-Artikolu 12.3.

11.6. Il-Bord Eżekuttiv ikun responsabbli għall-amministrazzjoni kurrenti tal-BĊE.

11.7. Kull post vakanti fil-Bord Eżekuttiv għandu jimtela bil-ħatra ta' membru ġdid skond l-Artikolu 11.2.

Artikolu 12

Responsabbiltajiet tal-korpi deċiżjonali

12.1. Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta l-linji direttivi u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati f'idejn is-SEBĊ mit-Trattati u dan l-Istatut. Il-Kunsill Regolatorju għandu jifformula l-politika monetarja ta' l-Unjoni li tinkludi, kif xieraq, deċiżjonijiet marbutin ma' skopijiet monetarji intermedji, rati indikattivi ta' imgħax u l-fornitura ta' riservi fis-SEBĊ, u għandu jistabbilixxi d-direttivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jimplimenta l-politika monetarja skond il-linji direttivi stabbiliti u d-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill Regolatorju. Waqt li jagħmel dan, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-banek ċentrali nazzjonali. Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv jista' jkollu xi poteri delegati lilu meta l-Kunsill Regolatorju hekk jiddeċiedi.

Sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-BĊE għandu jirrikorri għand il-banek ċentrali nazzjonali sabiex iwettaq operazzjonijiet li jagħmlu parti mill-ħidmiet tas-SEBĊ.

12.2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkollu r-responsabbiltà li jipprepara laqgħat tal-Kunsill Regolatorju.

12.3. Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta' Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi deċiżjonali tagħha.

12.4. Il-Kunsill Regolatorju għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 4.

12.5. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu d-deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 13

Il-President

13.1. Il-President jew, fl-assenza tiegħu, il-Viċi-President jippresiedi l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

13.2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, il-President jew il-persuna nominata minnu, għandu jirrappreżenta lill-BĊE esternament.

Artikolu 14

Banek ċentrali nazzjonali

14.1. Skond l-Artikolu 131 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, ikunu kompatibbli mat-Trattati u ma’ dan l-Istatut.

14.2. L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b'mod partikolari, jipprovdu li ż-żmien tal-kariga ta' Gvernatur ta' bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.

Gvernatur jista' jitneħħa mill-inkarigu tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew inkella jekk ikun ħati ta' mġieba serjament ħażina. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi riferita lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, bħala ksur tat-Trattati jew ta' xi regola tal-liġi marbuta ma' l-applikazzjoni tiegħu.Dawn il-proċeduri għandhom jibdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ.

14.3. Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-SEBĊ u għandhom jaġixxu skond il-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiżgura li l-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE jiġu mħarsa, u għandu jirrikjedi li tingħatalu kull informazzjoni li tkun tinħtieġ.

14.4. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f'dan l-Istatut kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti, li dawn ikunu qed ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali u m'għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ.

Artikolu 15

Obbligi li jsiru rapport

15.1. IL-BĊE għandu jħejji u jippubblika rapporti dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ ta' l-inqas kull tliet xhur.

15.2. Dikjarazzjoni finanzjarja konsolidata tas-SEBĊ għandha tiġi ppubblikata kull ġimgħa.

15.3. Skond l-artikolu 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-BĊE għandu jagħmel rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ u fuq il-politika monetarja kemm tas-sena preċedenti kif ukoll ta' dik kurrenti, lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-Kunsill Ewropew.

15.4. Ir-rapporti u d-dikjarazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu għad-dispożizzjoni ta' kull parti interressata bla ebda ħlas.

Artikolu 16

Karti tal-flus

Skond l-Artikolu 128(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus ta' l-euro fl-Unjoni. Dan il-ħruġ ta' noti jista' jsir kemm mill-BĊE kif ukoll mill-banek ċentrali nazzjonali. Il-karti tal-flus maħruġa mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali biss ikollhom l-istat ta' valuta legali fi ħdan l-Unjoni.

Il-BĊE għandu jirrispetta kemm jista' jkun kull pratika eżistenti fejn għandhom x'jaqsmu l-emissjoni u d-disinn ta' karti tal-flus.

KAPITOLU IV

FUNZJONIJIET MONETARJI U ĦIDMIET TA' L-SEBĊ

Artikolu 17

Kontijiet mal-BĊE u mal-banek ċentrali nazzjonali

Sabiex iwettqu l-ħidmiet tagħhom, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jiftħu kontijiet għal istituzzjonijiet ta' kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra fis-suq u jaċċettaw assi, inklużi titoli mniżżla fil-kotba bħala garanziji kollaterali.

Artikolu 18

Is-suq miftuħ u l-operazzjonijiet ta' kreditu

18.1. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-SEBĊ u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

- joperaw fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot and forward) jew taħt ftehim ta' rkupru u b'titoli ta' self, ta' kreditu, u li jkunu trasferibbli sew jekk f'euro jew f'muniti oħra, kif ukoll f'metalli prezzjużi;

- imexxu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, meta is-self ikun ibbażat fuq garanziji kollaterali adegwati.

18.2. Il-BĊE jistabbilixxi prinċipji ġenerali għal operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta' kreditu li jitwettqu minnu stess jew mill-banek ċentrali nazzjonali, inkluż għal mod kif jitħabbru il-kondizzjonijiet li taħthom huma jkunu lesti li jidħlu fi tranżazzjonijiet bħal dawn.

Artikolu 19

Riżervi minimi

19.1. Suġġett għall-Artikolu 2, il-BĊE jista', sabiex jimxi ma' l-għanijiet ta' linji politiċi monetarji, jeżiġi mingħand l-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri li jkollhom minimi ta' riżervi fil-kontijiet tagħhom mal-BĊE u mal-banek ċentrali nazzjonali. Regolamenti dwar il-kalkolu u d-determinazzjoni tar-riżervi minimi meħtieġa jistgħu jkunu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. F'każijiet ta' inadempjenza il-BĊE ikollu l-jedd li jiġbor imgħax li jkun impost bħala piena u li jimponi sanzjonijiet oħra li jkollhom effett paragunabbli.

19.2. Sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-bażi għar-riżervi minimi u l-ogħla proporzjonijiet permissibbli bejn dawk ir-riżervi u l-bażi tagħhom, kif ukoll is-sanzjonijiet xierqa f'każijiet ta' inadempjenza.

Artikolu 20

Strumenti oħra ta' Kontroll Monetarju

Il-Kunsill Regolatorju jista', b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, jiddeċiedi fuq l-użu ta' dawk il-metodi l-oħra ta' kontroll monetarju kif iqis xieraq, skond l-Artikolu 2.

Il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-ambitu li fih dawk il-metodi jimponu obbligazzjonijiet fuq terzi.

Artikolu 21

Operazzjonijiet ma' entitajiet pubbliċi

21.1. Skond l-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, overdrafts jew tipi oħra ta' faċilità ta' kreditu mal-BĊE jew mal-banek ċentrali nazzjonali favur l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew pubbliċi oħra, korpi oħra rregolati bil-liġi amministrattiva, jew intrapriżi pubbliċi fi Stati Membri huma pprojbiti, bħalma jkun ipprojbit ix-xiri dirett ta' istrumenti ta' kreditu minn għandhom mill-BĊE jew mill-banek ċentrali nazzjonali.

21.2. IL-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmluha ta' aġenti fiskali għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 21.1.

21.3. Il-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' proprjeta pubblika fil-kuntest ta' provvista ta' riżervi mill-banek ċentrali, jkunu mgħotija l-istess trattament mill-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE bħalma jingħataw lill-istituzzjonijiet ta' kreditu privati.

Artikolu 22

Sistemi ta' clearing u ħlas

IL-BĊE u l-banek centrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista' jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta' clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma' pajjizi oħra jkunu effiċjenti u validi.

Artikolu 23

Operazzjonijiet esterni

IL-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

- jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f'pajjiżi oħra u, fejn ikun xieraq, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

- jakkwistaw, ibiegħu fil-mument bħala futuri u jgħaddu kull tip ta' assi ta' valuta estera u metalli prezzjużi; il-frażi "attiv ta' valuta estera" tinkludi kull titolu u assi oħra fil-valuta ta' kull pajjiż jew miżuri ta' konteġġ u f'liema forma jkunu;

- jżommu in depożitu u jamministraw l-assi imsemmija f'dan l-Artikolu;

- jagħmlu kull tip ta' transazzjoni bankarja f'relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi operazzjonijiet ta' self u prestiti.

Artikolu 24

Operazzjonijiet oħra

Minbarra l-operazzjonijiet li joriġinaw mill-ħidmiet tagħhom, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jidħlu f'operazzjonijiet li jkollhom skopijiet amministrattivi għalihom jew għall-ħaddiema tagħhom.

KAPITOLU V

IS-SORVELJANZA PRUDENZJALI

Artikolu 25

Is-sorveljanza prudenzjali

25.1. IL-BĊE jista' joffri parir lil u jiġi konsultat mill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri dwar il-kamp ta' azzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-Unjoni fejn tidħol is-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

25.2. Konformement ma’ kull regolament tal-Kunsill taħt l-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-BĊE jista' jiżvolġi kompiti speċifiċi dwar linji politiċi li jirrigwardaw s-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji oħra bl-eċċezzjoni ta' kumpaniji ta' l-assigurazzjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI TA' L-SEBĊ

Artikolu 26

Il-kontabbiltà finanzjarja

26.1. Is-sena finanzjarja tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tibda fl-ewwel jum ta' Jannar u tispiċċa fl-aħħar jum ta' Diċembru.

26.2. Il-kontijiet annwali tal-BĊE jitlestew mill-Bord Eżekuttiv, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. Il-kontijiet jiġu approvati mill-Kunsill Regolatorju u għandhom wara dan jiġu ppubblikati.

26.3. Għall-finijiet analitiċi u operattivi, il-Bord Eżekuttiv għandu jlesti balance sheet konsolidata tas-SEBĊ, li tinkludi dak l-attiv u l-passiv tal-banek ċentrali nazzjonali li jaqgħu taħt is-SEBĊ.

26.4. Sabiex isseħħ l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi r-regoli neċessarji sabiex jiġu standardizzati l-kontijiet u r-rapporti ta' operazzjonijiet li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali.

Artikolu 27

Il-verifika

27.1. Il-kontijiet tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju u approvati mill-Kunsill. L-awdituri jkollhom kull setgħa li jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali u li jiksbu kull informazzjoni fuq it-transazzjonijiet tagħhom.

27.2. Il-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jkunu japplikaw biss għal eżami ta' l-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE.

Artikolu 28

Il-kapital tal-BĊE

28.1. Il-kapital tal-BĊE ikun ta' 5000 miljun EUR. Il-kapital jista' jiżdied b'dawk l-ammonti li l-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi waqt li jaġixxi bil-maġġoranza kkwalifikata msemmija fl-Artikolu 10.3, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.

28.2. Il-banek ċentrali nazzjonali jkunu l-uniċi sottoskriventi u detenturi tal-kapital tal-BĊE. Is-sottoskrizzjoni fil-kapital tkun skond il-kjavi stabbilita fl-Artikolu 29.

28.3. Il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi bil-maġġoranza kkwalifikata skond l-Artikolu 10.3, għandu jiddeċiedi sa liema limitu ammont il-kapital jiġi konferit u f'liema forma.

28.4. Skond l-Artikolu 28.5, l-ishma tal-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-BĊE ma jistgħux jiġu trasferiti, mirhuna jew issekwestrati.

28.5. Jekk il-kjavi msemmija fl-Artikolu 29 tiġi aġġustata, il-banek ċentrali nazzjonali għandhom jittrasferixxu bejniethom l-ishma mill-kapital sal-limitu meħtieġ sabiex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni ta' l-ishma mill-kapital tkun tikkorrispondi mal-kjavi aġġustata. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi l-pattijiet u l-kondizzjonijiet ta' dawk it-transferimenti.

Artikolu 29

Il-kjavi għas-sottoskrizzjoni tal-kapital

29.1. Il-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital tal-BĊE, iffissata għall-ewwel darba fl-1998 meta ġiet stabbilita s-SEBĊ, għandha tiġi determinata billi kull bank ċentrali nazzjonali jingħata piż f'din il-kjavi ekwivalenti għas-somma ta':

- 50 % tas-sehem li jkollu l-Istat Membru rispettiv tiegħu mill-popolazzjoni ta' l-Unjoni fis-sena preċedenti għal dik meta tkun ġiet stabbilita l-SEBĊ;

- 50 % tas-sehem ta' l-Istat Membru rispettiv tiegħu mill-prodott domestiku gross ta' l-Unjoni skond il-prezzijiet fis-suq hekk kif dawn ikunu ġew reġistrati matul l-aħħar ħames snin li ppreċedew is-sena ta' qabel dik meta tkun ġiet stabbilita l-SEBĊ;

Il-perċentwali tiġi mqarrba 'l fuq jew 'l isfel għall-eqreb multiplu ta' 0,0001 %.

29.2. L-informazzjoni statistika li għandha tintuża fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tiġi pprovduta mill-Kummissjoni skond ir-regoli adottati mill-Kunsill taħt il-proċedura li hemm provdut dwarha fl-Artikolu 41.

29.3. Il-piżijiet assenjati lill-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu aġġustati kull ħames snin wara li l-SEBĊ tiġi stabbilita b'analoġija mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 29.1. Il-kjavi kif aġġustata tibda tapplika mill-ewwel ġurnata tas-sena ta' wara.

29.4. Il-Kunsill Regolatorju jieħu kull miżura oħra meħtieġa sabiex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.

Artikolu 30

It-trasferiment ta' assi ta' riżerva barranin lill-BĊE

30.1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 28, il-BĊE tiġi pprovduta mill-banek ċentrali nazzjonali b'assi ta' riżerva barranin, barra minn muniti ta' l-Istati Membri, ECUs, pożizzjonijiet ta' riżerva ta' l-IMF u SDRs, sa ammont ekwivalenti għal 50000 miljun ECU. Il-Kunsill Regolatorju jiddeċiedi fuq il-proporzjon li jista' jintalab li jiġi konferit mill-BĊE wara li tiġi stabbilita u dwar l-ammonti li jintalbu aktar tard. Il-BĊE jkollha kull dritt li żżomm in depożitu r-riżervi barranin li jiġu ttrasferiti lilha kif ukoll li tużahom għall-bżonnijiet stipulati f'dan l-Istatut.

30.2. Il-kontribuzzjonijiet ta' kull bank ċentrali nazzjonali jiġu ffissati skond il-proporzjon tas-sehem tiegħu fil kapital sottoskritt tal-BĊE.

30.3. Kull bank ċentrali nazzjonali jiġi akkreditat mill-BĊE bi dritt ta' preljev ekwivalenti għall- kontribuzzjoni tiegħu. Il-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta' dawn it-talbiet.

30.4. Aktar talbiet għal assi ta' riżerva barranin li jkunu jaqbżu l-limitu stipulat fl-Artikolu 30.1 mill-BĊE, jistgħu isiru skond l-Artikolu 30.2, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċeduri li hemm fl-Artikolu 41.

30.5. Il-BĊE tista' żżomm u tamministra pożizzjonijiet ta' riżerva ta' IMF u SDRs u tipprovdi sabiex dawk l-assi jinġabru flimkien.

30.6. Il-Kunsill Regolatorju jieħu l-miżuri l-oħra kollha neċessarji sabiex dan l-Artikolu jiġi applikat.

Artikolu 31

L-Assi ta' riżervi barranin miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali

31.1. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmlu transazzjonijiet sabiex iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn organizzazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 23.

31.2. L-operazzjonijiet l-oħra kollha f'assi ta' riżerva barranin li jibqgħu għand il-banek ċentrali nazzjonali wara t-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 30, u t-transazzjonijiet ta' l-Istati Membri bil-bilanċi tagħhom fir-rati tal-kambju għandhom, meta jaqbżu ċertu limitu li jkun definit fil-parametri ta' l-Artikolu 31.3, ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-BĊE, u dan sabiex tiġi żgurata koerenza mal-linji politiċi monetarji u dwar ir-rati tal-kambju ta' l-Unjoni u kull politika monetarja ta' l-Unjoni.

31.3. Il-Kunsill Regolatorju għandu jippubblika linji direttivi bl-għan li jiffaċilita operazzjonijiet bħal dawk.

Artikolu 32

L-Allokazzjoni ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali

32.1. L-introjtu li jakkumula għad-dispożizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal-funzjoni tal-politika monetarja tas-SEBĊ (iżjed 'il quddiem imsemmi bħala "introjtu monetarju") jiġi allokat fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

32.2. L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali jkun daqs l-introjtu annwali tiegħu derivat mill-assi tiegħu kontra l-flus fiċ-ċirkulazzjoni u l-passiv fid-depożiti għal istituzzjonijiet ta' kreditu. Dawn l-assi għandhom jiġu riżervati mill-banek ċentrali nazzjonali skond linji direttivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

32.3. Jekk, wara l-introduzzjoni ta' l-euro, l-istruttura tal-balance sheet tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju, ma jippermettux l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 32.2, il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jiddeċidi li, b'deroga mill-Artikolu 32.2, l-introjtu monetarju jitqies skond metodu alternattiv għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin.

32.4. L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi mnaqqas b'ammont ekwivalenti għal kull imgħax imħallas minn dak il-bank ċentrali fuq il-passiv fid-depożitu tiegħu f'istituzzjonijiet ta' kreditu skond l-Artikolu 19.

Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li banek ċentrali nazzjonali jingħataw indennizz għal kull ħlas li jkunu għamlu in-konnessjoni ma' l-emissjoni tal-karti tal-flus jew f'ċirkostanzi eċċezjonali għal kull telf speċifiku li joriġina mill-operazzjonijiet ta' politika monetarja kkummissjonati mis-SEBĊ. L-indennizz ikun f'dik il-forma li tidher xierqa fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju; dawn l-ammonti jistgħu jiġu paċuti kontra l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali.

32.5. Is-somma ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali għandha tiġi allokata lill-banek ċentrali nazzjonali fi proporzjon ta' l-ishma mħallsa fil-kapital ta' l-BĊE, salva kull deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju konformement ma' l-Artikolu 33.2.

32.6. Is-saldu u t-tpaċija tal-bilanċi li joriġinaw mill-allokazzjoni ta' dħul monetarju għandhom isiru mill-BĊE konformement mal-linji direttivi stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

32.7. Il-Kunsill Regolatorju ser jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 33

L-Allokazzjoni ta' profitt u telf nett tal-BĊE

33.1. Il-profitt nett tal-BĊE għandu jiġi trasferit f'din l-ordni li ġej:

(a) ammont li jiġi stabbilit mill-Kunsill Regolatorju, li ma jistax jaqbeż l-20 % tal-profitt nett, ikun trasferit fil-fond ta' riżerva ġenerali suġġett għal-limitu ekwivalenti għal 100 % tal-kapital;

(b) il-bqija tal-profitt nett jiġi mqassam lill-azzjonisti tal-BĊE fi proporzjon għall-ishma tagħhom imħallsa.

33.2. F'każ ta' telf min-naħa tal-BĊE, l-iżbilanċ jista' jitpaċa mill-fond ta' riżerva ġenerali tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju, kontra l-introjtu monetarju tas-sena finanzjarja relevanti fi proporzjon u sa l-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 32.5.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 34

Atti legali

34.1. Skond l-Artikolu 132 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-BĊE:

- jagħmel regolamenti meħtieġa sabiex jimplimenta il-kompiti fl-Artikolu 3.1, l-ewwel subinċiż, fl-Artikoli 19.1, 22 jew 25.2 u f'każijiet stabbiliti fl-atti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 41;

- jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex iwettaq ix-xogħol fdat lis-SEBĊ taħt it-Trattati u f'dan l-Istatut.

- jagħmel rakkomandazzjonijiet u jagħti opinjonijiet.

34.2. Il-BĊE jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu.

34.3. Fil-limitu u taħt il-kondizzjoni adottati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, il-BĊE għandu d-dritt jimponi multi jew ħlasijiet penali perjodiċi fuq intrapriżi għal nuqqas ta' konformità ma' l-obbligazzjonijiet taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tagħha.

Artikolu 35

Il-Kontroll ġudizzjarju u materji relatati

35.1. L-atti jew l-ommissjonijiet tal-BĊE ikunu suġġetti għar-reviżjoni jew l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fil-każijiet u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati. Il-BĊE jista' jibda proċeduri fil-każijiet u taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattati.

35.2. Il-Kwistjonijiet bejn il-BĊE fuq naħa, u l-kredituri tagħha, id-debituri jew ma' kull persuna oħra, ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, salv meta l-ġurisdizzjoni tkun ġiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

35.3. Il-BĊE ikun suġġett għall-kondizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 340 fit-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Il-banek ċentrali nazzjonali ikunu responsabbli skond il-liġijiet rispettivi tagħhom.

35.4. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi skond u konformement ma' kull klawsola ta' arbitraġġ li jkun hemm f'kuntratt magħmul minn jew f'isem il-BĊE, kemm jekk il-kuntratt ikun regolat bid-dritt pubbliku jew dak privat.

35.5. Id-Deċiżjoni tal-BĊE sabiex tibda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea trid tittieħed mill-Kunsill Regolatorju.

35.6. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha ġurisdizzjoni f'kawżi dwar it-twettiq minn xi bank ċentrali nazzjonali ta’ l-obbligazzjonijiet taħt dawn it-Trattati u dan l-Istatut. Jekk il-BĊE jikkonsidra li bank ċentrali nazzjonali jkun naqas milli jwettaq xi obbligazzjoni taħt dawn it-Trattati u dan l-Istatut, il-BĊE jagħti opinjoni kkunsidrata fuq il-kwistjoni wara li jagħti lill-bank ċentrali nazzjonali involut l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk il-bank ċentrali nazzjonali in kwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu ma' dik il-fehma fiż-żmien mogħti mill-BĊE, il-BĊE jista' jressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Il-persunal

36.1. Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-impjegati tal-BĊE.

36.2. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza f'kull tilwima bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet previsti mir-reġim li japplika għalihom.

Artikolu 37 (ex Artikolu 38)

Is-sigriet professjonali

37.1. Membri tal-korpi regolatorji u l-impjegati tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali, ikunu obbligati, ukoll wara li d-dmirijiet tagħhom ikunu spiċċaw, li ma jagħtux informazzjoni li tkun tax-xorta koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali.

37.2. Persuni li jkollhom aċċess għal informazzjoni koperta bil-leġislazzjoni ta' l-Unjoni li tkun timponi obligazzjoni ta' segretezza għandhom ikunu suġġetti għal dik il-leġislazzjoni.

Artikolu 38 (ex Artikolu 39)

Il-firmatarji

Il-BĊE jintrabat legalment ma' terzi, mill-President jew minn żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv jew bil-firem ta' żewġ membri tal-persunal tal-BĊE li jkunu ġew awtorizzati kif suppost mill-President sabiex jiffirmaw f'isem il-BĊE.

Artikolu 39 (ex Artikolu 40)

Il-privileġġi u l-immunitajiet

Il-BĊE għandu jgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri, dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għall-qadi ta' d-dmirijiet tiegħu, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta' l-Unjoni.

KAPITOLU VIII

EMENDA TA' L-ISTATUT U TAL-LEĠISLAZZJONI KOMPLEMENTARI

Artikolu 40 (ex Artikolu 41)

Proċedura simplifikata għall-emendi

40.1. Konformement ma' l-Artikolu 129(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 5.1,5.2, 5.3, 17, 18, 19.1, 22, 23, 24, 26, 32.2, 32.3, 32.4, 32.6, 33.1(a) u 36 ta' dan l-Istatut jistgħu jiġu emendati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja jew fuq rakkomandazzjoni mill-BĊE u wara li jikkonsulata mal-Kummissjoni, jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara kunsultazzjoni mal-BĊE. F'kull każ ikun hemm il-bżonn tal-kunsens tal-Parlament Ewropew.

40.2. L-Artikolu 10.2 jista' jiġi emendat b'deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara l-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn l-emendi m'għandhomx jidħlu fis-seħħ sakemm ma jkunux approvati mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

40.3. Rakkomandazzjoni magħmula mill-BĊE taħt dan l-Artikolu teħtieġ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Regolatorju.

Artikolu 41 (ex Artkolu 42)

Il-leġislazzjoni komplementari

Konformement ma' l-Artikolu 129(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-BĊE, jew fuq rakkomandazjoni mill-BĊE u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, għandu jadotta il-provvedimenti msemmija fl-Artikoli 4, 5.4, 19.2, 20, 28.1, 29.2, 30.4 u 34.3 ta' dan l-Istatut.

KAPITOLU IX

PERIJODU TRANSITORJU U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA GĦALL-SEBĊ

Artikolu 42 (ex Artikolu 43)

Dispożizzjonijiet ġenerali

42.1. Deroga kif inhi msemmija fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, għandha tfisser li l-Artikoli li ġejjin f'dan l-Istatut ma jagħtu l-ebda dritt u lanqas ma jimponu xi obbligazzjoni fuq l-Istat Membru involut: 3, 6, 9.2, 12.1, 14.3, 16, 18, 19, 20, 22, 23, 26.2, 27, 30, 31, 32, 33, 34, 50 u 52.

42.2. Il-banek ċentrali ta' l-Istati Membri b'deroga kif indikata fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat imsemmi jżommu l-poteri tagħhom fil-qasam tal-politika monetarja skond il-liġi nazzjonali.

42.3. Konformement ma' l-Artikolu 139(4) tat-Trattat, "Stati Membri" għandha tinftiehem bħala "Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro" fl-Artikoli li ġejjin ta' dan l-Istatut: 3, 11.2, 19.

42.4. "Banek ċentrali nazzjonali" għandha tinftiehem bħala "banek ċentrali ta" Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro' fl-Artikoli li ġejjin ta' dan l-Istatut: 9.2, 10.2, 10.3, 12.1, 16, 17, 18, 22, 23, 27, 30, 31, 32, 33.2 u 52.

42.5. "Azzjonisti" għandha tinftiehem bħala "banek ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro" fl-Artikoli 10.3 u 33.1.

42.6. "Kapital sottoskritt tal-BĊE" għandha tinftiehem bħala "kapital tal-BĊE sottoskritt mill-banek ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro" fl-Artikoli 10.3 u 30.2.

Artikolu 43 (ex Artikolu 44)

Il-kompiti transitorji tal-BĊE

Il-BĊE għandu jassumi dawk il-kompiti preċedenti ta' l-IME previsti fl-Artikolu 141(2), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li, minħabba d-deroga ta' xi wieħed jew aktar mill-Istati Membri, ikunu għad iridu jsiru wara l-introduzzjoni ta' l-euro.

Il-BĊE għandu jagħti pariri fil-preparattivi għall-abrogazzjoni tad-deroga indikata fl-Artikolu 140 tat-Trattat imsemmi.

Artikolu 44 (ex Artkolu 45)

Il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE

44.1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ġenerali jiġi kostitwit bħala t-tielet korp deċiżjonali tal-BĊE.

44.2. Il-Kunsill Ġenerali jkun magħmul mill-President u l-Viċi-President tal-BĊE u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

44.3. Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali huma elenkati fid-dettal fl-Artikolu 46 ta' dan l-Istatut.

Artikolu 45 (ex Artkolu 46)

Regoli ta' proċedura tal-Kunsill Ġenerali

45.1. Il-President jew, fl-assenza tiegħu, il-Viċi-President tal-BĊE għandu jippresjedi l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE.

45.2. Il-President tal-Kunsill u membru tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-drit għall-vot fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

45.3. Il-President għandu jipprepara l-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

45.4. B'deroga mill-Artikolu 12.3, il-Kunsill Ġenerali għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

45.5. Is-Segretarjat tal-Kunsill Ġenerali għandu jiġi pprovdut mill-BĊE.

Artikolu 46 (ex Artikolu 47)

Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali

46.1. Il-Kunsill Ġenerali għandu:

- jwettaq il-kompiti imsemmija fl-Artikolu 43;

- jikkontribwixxi għall-funzjonijiet konsultattivi msemmija fl-Artikoli 4 u 25.1.

46.2. Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi:

- għall-ġbir ta' informazzjoni statistika kif imsemmija fl-Artikolu 5;

- għall-istabbiliment ta' attivitajiet ta’ rappurtaġġ tal-BĊE kif imsemmija fl-Artikolu 15;

- għall-istabbiliment tar-regoli meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 26 kif imsemmi fl-Artikolu 26.4;

- biex jittieħdu l-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 29 kif imsemmi fl-Artikolu 29.4;

- biex jiġu stipulati l-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 36.

46.3. Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi fil-preparattivi neċessarji sabiex jiġu ffissati irrevokabbilment ir-rati tal-kambju tal-muniti ta' l-Istati Membri li għandhom deroga, fil-konfront ta' l-euro, kif msemmi fl-Artikolu 140(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

46.4. Il-Kunsill Ġenerali għandu jiġi mgħarraf mill-President tal-BĊE bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Regolatorju.

Artikolu 47 (ex Artikolu 48)

Provvedimenti transitorji dwar il-kapital tal-BĊE

Skond l-Artikolu 29.1 kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi ppeżat fil-kjavi ta' sottoskrizzjoni tal-kapital tal BĊE. B'deroga mill-Artikolu 28.3, il-banek ċentrali ta' Stati Membri b'deroga ma jikkonferux il-kapital sottoskritt tagħhom sakemm il-Kunsill Ġenerali, b'maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-BĊE u mill-inqas nofs l-azzjonisti, ma jiddeċidix li għandha titħallas perċentwali minima bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' l-operat tal-BĊE.

Artikolu 48 (ex Artikolu 49)

Ħlas differit tal-kapital, ta' riservi u ta' provvista tal-BĊE

48.1. Il-bank ċentrali ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet abrogata, għandu jħallas is-sehem sottoskritt tiegħu tal-kapital tal-BĊE, fl-istess livell tal-banek ċentrali ta' Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro, u għandu jittrasferixxi lill-BĊE, assi f'riservi barranin skond l-Artikolu 30.1. Is-somma li tiġi trasferita għandha tiġi ffissata billi jiġi moltiplikat il-valur ta' l-EUR skond ir-rati ta' kambju kurrenti ta' l-assi tar-riservi barranin li kienu diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skond l-Artikolu 30.1, bil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali nazzjonali u l-għadd ta' ishma diġa mħallsa mill-banek ċentrali nazzjonali l-oħra.

48.2. B'żieda mal-ħlas li għandu jsir skond l-Artikolu 48.1, il-bank ċentrali involut għandu jikkontribwixxi għar-riservi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riservi, u għall-ammont li għad ikun irid jiġi allokat lir-riservi u l-provvisti li jikkorrispondu għall-bilanċ tal-kont ta' profitt u telf kif jidher sal-31 ta' Diċembru tas-sena qabel l-abrogazzjoni tad-deroga. Is-somma li titħallas għandha tiġi stabbilita billi jiġi moltiplikat l-ammont tar-riservi, kif imsemmi hawn qabel u kif muri fil-balance sheet approvata tal-BĊE, bil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali involut u l-għadd ta' ishma diġà mħallsa mill-banek ċentrali l-oħra.

48.3. Malli pajjiż wieħed jew iżjed isiru Stati Membri u l-banek ċentrali nazzjonali tagħhom isiru parti mis-SEBĊ, il-kapital sottoskritt tal-BĊE u l-limitu fuq l-ammont ta' assi ta' riservi barranin li jistgħu jiġu trasferiti lill-BĊE għandhom jiżdiedu awtomatikament. Iż-żieda għandha tkun stabbilita permezz tal-multiplikazzjoni ta' l-ammonti rispettivi li jeżistu f'dak iż-żmien skond il-proporzjon, fi ħdan is-sistema estiża tas-sottoskrizzjoni tal-kapital, bejn il-peżar tal-banek ċentrali nazzjonali li ser jidħlu u l-peżar tal-banek ċentrali nazzjonali li huma diġa' membri tas-SEBC. Il-peżar ta' kull bank ċentrali nazzjonali fis-sistema tas-sottoskrizzjoni tal-kapital għandu jiġi kalkulat b'analoġija għall-Artikolu 29.1 u konformement ma' l-Artikolu 29.2. Il-perijodi ta' referenza li għandhom jintużaw għad-data statistika għandhom ikunu identiċi għal dawk applikati għall-aħħar aġġustament tal-peżati ta' kull ħames snin taħt l-Artikolu 29.3.

Artikolu 49 (ex Artikolu 52)

Il-kambju ta' noti bankarji f'muniti ta' l-Istati Membri [*]

Wara li r-rati tal-kambju jiġu ffissati irrevokabbilment skond l-Artikolu 140(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-karti ta' flus bankarji denominati f'muniti b'rati tal-kambju li jkunu ġew iffissati irrevokabbilment, jinbidlu mill-banek ċentrali nazzjonali bil-valur pari tagħhom rispettiv.

Artikolu 50 (ex Artikolu 53)

L-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet transitorji

Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, l-Artikoli 42 sa 47 għandhom japplikaw.

PROTOKOLL (Nru 5)

DWAR L-ISTATUT TAL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jistabbilixxu l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment previst fl-Artikolu 308 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

Artikolu 1

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment stabbilit bl-Artikolu 308 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Bank") qiegħed b' dan jiġi kostitwit; dan għandu jwettaq il-funzjonijiet u l-attivitajiet tiegħu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u dan l-Istatut.

Artikolu 2

Il-kompitu tal-Bank għandu jkun dak definit fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Skond l-Artikolu 308 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri huma l-membri tal-Bank.

Artikolu 4

1. Il-kapital tal-Bank għandu jkun ta' EUR 232392989000, sottoskritti mill-Istati Membri kif ġej:

Ġermanja | 37578019000 |

Franza | 37578019000 |

Italja | 37578019000 |

Renju Unit | 37578019000 |

Spanja | 22546811500 |

Belġju | 10416365500 |

Olanda | 10416365500 |

Svezja | 6910226000 |

Danimarka | 5274105000 |

Awstrija | 5170732500 |

Polonja | 4810160500 |

Finlandja | 2970783000 |

Greċja | 2825416500 |

Portugall | 1820820000 |

Repubblika Ċeka | 1774990500 |

Ungerija | 1679222000 |

Irlanda | 1318525000 |

Rumanija | 1217626000 |

Slovakkja | 604206500 |

Slovenja | 560951500 |

Bulgarija | 410217500 |

Litwanja | 351981000 |

Lussemburgu | 263707000 |

Ċipru | 258583500 |

Latvja | 214805000 |

Estonja | 165882000 |

Malta | 98429500 |

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biss sa l-ammont tas-sehem tagħhom tal-kapital sottoskritt imma mhux imħallas.

2. L-ammissjoni ta’ membru ġdid għandu jinvolvi żieda fil-kapital sottoskritt li tkun jikkorrispondi għal kapital li jinġieb mill-membru l-ġdid.

3. Il-Bord tal-Gvernaturi jista', waqt li jaġixxi unanimament, jiddeċiedi żieda fil-kapital sottoskritt.

4. Is-sehem ta’ membru fil-kapital sottoskritt ma jistax jiġi trasferit, mirhun jew sekwestrat.

Artikolu 5

1. Il-kapital sottoskritt għandu jitħallas mill-Istati Membri sa’ 5 % ta' l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 4(1).

2. F’każ ta’ żieda fil-kapital sottoskritt, il-Bord tal-Gvernaturi, waqt li jaġixxu unanimament, għandu jiffissa l-perċentwali li trid tiġi mħallsa u l-arranġamenti għall-ħlas. Il-ħlas f'kontanti għandu jsir esklużivament f'euro.

3. Il-Bord tad-Diretturi jista’ jeħtieġ il-ħlas tal-bilanċ tal-kapital sottoskritt, sal-limitu li jista' jkun meħtieġ sabiex il-bank jissodisfa l-obbligi tiegħu.

Kull Stat Membru għandu jagħmel dan il-ħlas a proporzjon tas-sehem tiegħu tal-kapital sottoskritt.

Artikolu 6

(ex Artikolu 8)

Il-Bank għandu jkun immexxi u amministrat minn Bord ta’ Gvernaturi, Bord tad-Diretturi u Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 7

(ex Artikolu 9)

1. Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jkun kompost mill-Ministri innominati mill-Istati Membri.

2. Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jistabbilixxi d-direttivi ġenerali għall-politika ta’ kreditu tal-Bank, skond l-objettivi ta' l-Unjoni. Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jassigura li dawn id-direttivi jiġu implementati.

3. Il-Bord ta’ Gvernaturi minbarra dan għandu:

a) jiddeċiedi jekk iżidx il-kapital sottoskritt skond l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 5(2),

b) għall-finijiet ta' l-Artikolu 9(1) jiddetermina l-prinċipji applikabbli għall-operazzjoni ta' finanzjament fil-qafas tal-missjoni tal-Bank,

c) jeserċita l-poteri previsti fl-Artikoli 9 u 11 fir-rigward tal-ħatra u l-irtirar furzat tal-Membri tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitati Amministrattivi, u dawk il-poteri previsti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1),

d) jiddeċiedi dwar l-għoti ta' finanzjament għal operazzjonijiet ta' investiment li għandhom jitwettqu interament jew parzjalment barra mit-territorji ta' l-Istati Membri, skond l-Artikolu 16(1),

e) japprova r-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi,

f) japprova l-balance sheet annwali u l-kont ta’ qligħ u telf,

g) jeżerċita s-setgħat l-oħra u l-funzjonijiet mogħtija minn dan l-Istatut,

h) japprova r-regoli tal-proċedura tal-Bank.

4. Fil-qafas tat-Trattati u ta' dan l-Istatut, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkun kompetenti sabiex, waqt li jaġixxi unanimament, jiddeċiedi dwar sospensjoni ta’ l-operazzjonijiet tal-Bank u, jekk jinqala dan il-każ, il-likwidazzjoni tiegħu.

Artikolu 8

(ex Artikolu 10)

Ħlief fejn provdut xort' oħra f’dan l-Istatut, id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Gvernaturi għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-membri tiegħu. Din il-maġġoranza għandha tirrapreżenta mill-anqas 50 % tal-kapital sottoskritt.

Maġġoranza kwalifikata għandha teħtieġ tmintax-il vot favur u 68 % tal-kapital sottoskritt.

L-astensjoni mill-membri preżenti jew tar-rappreżentanti tagħhom m'għandhiex iżżomm l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jeħtieġu l-unanimità.

Artikolu 9

(ex Artikolu 11)

1. Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta' finanzjament, speċjalment fil-forma ta' self jew garanziji u faċilitajiet ta' self; għandu jiffissa r-rati ta' imgħax fuq self mogħti kif ukoll il-kummissjoni u piżijiet oħra. Dan jista', fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda b'maġġoranza kwalifikata, jiddelega xi wħud mill-funzjonijiet tiegħu lill-Kumitat tat-Tmexxija. Għandu jiffissa l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-delega u għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni tagħha.

Il-Bord tad-Diretturi għandu jassigura li l-Bank jitmexxa sewwa u għandu jassigura li l-Bank jitmexxa skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u ta' l-Istatut u d-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi.

Fit-tmiem tas-sena finanzjarja, il-Bord tad- Diretturi għandu jippreżenta rapport lil Bord ta’ Gvernaturi u jippubblikah meta dan ikun approvat.

2. Il-Bord tad-Diretturi għandu jikkonsisti minn tmienja u għoxrin direttur u tmintax-il direttur alternat.

Id-Diretturi għandhom jinħatru mill-Bord ta' Gvernaturi għal ħames snin, wieħed innominat minn kull Stat Membru, u wieħed innominat mill-Kummissjoni.

Id-diretturi alternati għandhom jiġu maħtura mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin kif jidher hawn taħt:

- żewġ diretturi alternati nominati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

- żewġ diretturi alternati nominati mir-Repubblika Franċiza,

- żewġ diretturi alternati nominati mir-Repubblika Taljana,

- diretturi alternati nominati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

- direttur alternat nominat bi qbil komuni bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża,

- direttur alternat nominat bi qbil komuni bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal- Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda,

- żewġ diretturi alternati nominati bi qbil komuni bejn ir-Renju tad-Danimarka, ir- Repubblika Ellenika, l-Irlanda u r-Rumanija,

- żewġ diretturi alternati nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja,

- tliet diretturi alternati nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka,

- direttur alternat nominat mill-Kummissjoni.

Il-Bord tad-Diretturi għandu jagħżel sitt esperti li ma jivvutawx: tlieta bħala membri u tlieta bħala sostituti.

Il-ħatriet tad-Diretturi u s-sostituti ikunu jistgħu jiġġeddu.

Ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi u d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-supplenti u għall-esperti maħtura b'għażla.

Il-President tal-Kumitat ta’ Tmexxija jew, fin-nuqqas tiegħu, wieħed mill-Viċi Presidenti, għandu jippresedi fuq il-laqgħat tal-Bord tad- Diretturi imma m’għandux jivvota.

Il-Membri tal-Bord tad- Diretturi għandhom jintgħażlu minn fost persuni li l-independenza u l-kompetenza tagħhom jkunu mingħajr ebda dubbju; huma għandhom ikunu responsabbli biss lejn il-Bank.

3. Direttur jista' jkun obbligat li jirtira mill-Bord ta’ Gvernaturi biss jekk dan ma jkunx jissodisfa aktar il-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tiegħu; il-Bord għandi jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk ir-rapport annwali ma jkunx approvat, il-Bord tad- Diretturi għandu jirreżenja.

4. Kull post battal li jirriżulta bħala riżultat ta' mewt, riżenja voluntarja, irtirar obbligatorju jew riżenja kollettiva għandu jimtela skond il-paragrafu 2. Membru għandu jiġi sostitwit għal bqija tat-terminu tal-mandat tiegħu, ħlief meta l-Bord tad- Diretturi jkun qed jiġi sostitwit.

5. Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jiddetermina r-remunerazzjoni ta’ membri tal-Bord tad- Diretturi. Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jistabbilixxi liema attivitajiet huma inkompatibbli mad-doveri ta’ direttur jew sostitut.

Artikolu 10

(ex Artikolu 12)

1. Kull Direttur għandu jkollu vot wieħed fuq il-Bord tad-Diretturi. Huwa jista' jiddelega dan il-vot fil-każijiet kollha, skond il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura tal-bank.

2. Ħlief fejn provdut xort'oħra f'dan l-Istatut, id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi għandhom jittieħdu minn ta' l-anqas terz (1/3) tal-membri li jistgħu jivvotaw u li jirrappreżentaw mill-anqas ħamsin fil-mija (50 %) tal-kapital sottoskritt. Maġġoranza kwalifikata għandha teħtieġ tmintax (18)-il vot favur u tmienja w sittin fil-mija (68 %) tal-kapital sottoskritt. Ir-regoli ta' proċedura tal-Bank għandhom jistipulaw il-quorum meħtieġ sabiex id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi jkunu validi.

Artikolu 11

(ex Artikolu 13)

1. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun jikkonsisti fi President u tmien Vici-Presidenti maħtura għal sitt snin mill-Bord ta' Gvernaturi fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi. Il-ħatriet tagħhom għandhom ikunu rinnovabbli.

Il-Bord tal-Gvernaturi, waqt li jaġixxi unanimament, jista’ jvarja n-numru tal-membri fuq il-Kumitat Amministrattiv.

2. Fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi addottata b’maġġoranza kkwalifikata, il-Bord ta’ Gvernaturi jista', waqt li jaġixxi da parti tiegħu b’maġġoranza kkwalifikata, jobbliga l-irtirar ta’ membru tal-Kumitat ta' Tmexxija.

3. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun responsabbli għan-negozju kurrenti tal-Bank, taħt l-awtorità tal-President u s-sorveljanza tal-Bord tad-Diretturi.

Għandu jipprepara d-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, partikolarment deċiżjonijiet dwar il-konkluzjoni ta’ self u l-għoti ta' finanzjament, b'mod partikolari fil-forma ta' self u garanziji; għandu jassigura li dawn id-deċiżjonijiet ikunu implementati.

4. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jaġixxi b’maġġoranza meta jwassal l-opinjonijiet tiegħu dwar proposti dwar konkluzjonijiet ta' self u ta' għoti ta' finanzjament, b'mod partikolari fil-forma ta' self u ta' garanziji.

5. Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jiddetermina r-remunerazzjoni ta’ membri tal-Kumitat ta' Tmexxija u għandu jistabbilixxi liema attivitajiet huma inkompattibli mad-doveri tagħhom.

6. Il-President jew, jekk ma jkunx jista', Viċi-President, għandu jirrapreżenta lill-Bank f’materji ġudizzjarji u materji oħrajn.

7. Il-membri tal-persunal oħrajn tal-Bank għandhom ikunu taħt l-awtorità tal-President. Huma għandhom ikunu maħtura u rilaxxati minnu. Fl-għażla ta’ l-impjegati, għandu jittieħed kont mhux biss tal-kapaċità u l-kwalifiki personali imma wkoll ta’ rappreżentazjoni ekwa ta’ ċittadini ta’ Stati Membri. Ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jistabbilixxu liema organu jkun kompetenti sabiex jadotta d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-persunal.

8. Il-Kumitat ta' Tmexxija u l-impjegati tal-Bank għandhom ikunu responsabbli biss lejn il-Bank u għandhom ikunu kompletament independenti fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

Artikolu 12

(ex Artikolu 14)

1. Kumitat kompost minn sitt membri, maħtur fuq il-bażi tal-kompetenza tagħhom mill-Bord ta’ Gvernaturi, għandu jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank ikunu konformi ma' l-aħjar prattika bankarja u għandu jkun responsabbli mill-verifika tal-kontijiet tal-Bank.

2. Il-Kumitat previst fil-paragrafu 1 għandu, kull sena, jassigura li l-operazzjonijiet tal-Bank tmexxew sew u l-kotba tiegħu nżammu b'mod xieraq. Għal dan l-għan, għandu jivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank saru skond il-formalitajiet u l-proċeduri previsti minn dan l-Istatut u r-Regoli ta' Proċedura.

3. Il-Kumitat previst fil-paragrafu 1 għandu jikkonferma li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll kull informazzjoni finanzjarja oħra fil-kontijiet annwali mogħtija mill-Bord tad-Diretturi, jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Bank f'dak li jirrigwarda l-kapital u d-djun tiegħu, u f'dak li jirrigwarda r-riżultati ta' l-operazzjonijiet tiegħu u l-cash flows għas-sena finanzjarja konċernata.

4. Ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jispeċifikaw il-kwalifiki meħtieġa għall-membri tal-Kumitat u jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet għall-attività tal-Kumitat.

Artikolu 13

(ex Artikolu 15)

Il-Bank għandu jitratta ma' kull Stat Membru permezz ta’ l-awtorità innominata minn dak l-Istat. Fit-twettiq ta’ l-operazzjonijiet finanzjari il-Bank għandu jkollu rikors għall-bank ċentrali nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat jew għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra approvati minn dak l-Istat.

Artikolu 14

(ex Artikolu 16)

1. Il-Bank għandu jikkopera ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li huma attivi f’oqsma simili għal dawk tiegħu.

2. Il-Bank għandu jfittex li jistabbilixxi kuntatti kollha xierqa fl-interessi ta’ koperazjoni ma' istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji fil-pajjiżi li għalihom jestendu l-operazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 15

(ex Artikolu 17)

Fuq talba ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattivà tiegħu stess, il-Bord ta’ Gvernaturi għandu, skond l-istess dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni tagħhom, jinterpreta jew jissuplimenta d-direttivi stabbiliti minnu permezz ta’ Artikolu 7 ta’ dan l-Istatut.

Artikolu 16

(ex Artikolu 18)

1. Fil-qafas tal-kompitu stabbilit fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bank għandu jagħti finanzjamenti, b'mod partikolari fil-forma ta' self u ta' garanziji lill-membri tiegħu jew lill-impriżi privati jew pubbliċi għal investiment li għandhom jitwettqu fit-territorji ta’ Stati Membri, sal-limitu li l-fondi ma jkunux disponibbli minn fonti oħrajn b’termini raġjonevoli.

Madanakollu b'deċiżjoni b'maġġoranza kwalifikata tal-Bord ta' Gvernaturi, fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi, il-Bank jista' jagħti finanzjament għal investimenti, kompletament jew in parti, barra t-territorji Ewropej ta’ Stati Membri.

2. Sakemm ikun possibli, self għandu jingħata biss bil-kondizzjoni li fonti oħrajn ta’ finanzjament ikunu wkoll użati.

3. Meta jingħata self lil impriża jew korp barra Stat Membru, il-Bank għandu jagħmel is-self kondizzjonali jew fuq garanzija mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq l-investiment jew fuq garanziji adegwati oħra, jew fuq il-pożizzjoni finanzjarja soda tad-debitur.

Barra minn hekk, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Bord ta' Gvernaturi skond l-Artikolu 7(3)(b) u meta l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea tkun teħtieġ, il-Bord tad-Diretturi għandu, b'maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' kull operazzjoni finanzjarja li fiha riskju speċifiku u li b'hekk tkun ikkunsidrata bħala attività speċjali.

4. Il-Bank jista' jiggarantixxi self ikkuntrattat minn impriżi pubbliċi jew privati jew korpi oħra bl-għan li jitwettqu proġetti previsti fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

5. L-ammont totali ta' self u garanziji mogħti mill-Bank m'għandux jaqbeż il-250 % tal-kapital sottoskritt, tar-riservi, ta' l-ammonti mhux allokati u ta' l-eċċess fil-kont ta' qligħ u telf tiegħu. Dan l-ammont totali għandu jitnaqqas b'ammont daqs l-ammont sottoskritt,imħallas jew mhux, ta' kull parteċipazzjoni fil-kapital mill-Bank.

L-ammont tal-parteċipazzjonijiet fil-kapital imħallsa mill-Bank m'għandu qatt jaqbeż l-ammont imħallas tal-kapital sottoskritt, tar-riżervi tiegħu, ta' l-ammonti mhux allokati u ta' l-eċċess fil-kont ta' qligħ u telf.

B'eċċezzjoni għal dan, għall-attivitajiet speċjali tal-Bank, kif deċiżi mill-Bord ta' Gvernaturi u l-Bord tad-Diretturi skond il-paragrafu 3 għandu jkun hemm allokazzjoni speċifika ta' riżerva.

Dan il-paragrafu japplika wkoll għall-kontijiet konsolidati tal-Bank.

6. Il-Bank għandu jipprotieġi lilu nnifsu kontra riskji ta’ kambju billi jinkludi f’kuntratti għal self u garanziji dawk il-klawsoli li hu jikkunsidra xierqa.

Artikolu 17

(ex Artikolu 19)

1. Rati ta’ imgħax fuq self li li għandhom jingħataw mill-Bank u l- kummissjoni u piżijiet oħra għandhom ikunu aġġustati għall-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq kapitali u għandhom jiġu kkalkolati b’tali mod li d-dħul li jkun iġġenerat minnhom għandu jippermetti li l-Bank jissodisfa l-obbligi tiegħu, sabiex ikopri l-ispejjeż tiegħu u r-riskji u jibni fond ta’ riserva kif previst fl-Artikolu 22.

2. Il-Bank m'għandu jagħti ebda tnaqqis fir-rati ta’ l-imgħax. Meta tnaqqis fir-rata ta’ l-imgħax jidher mixtieq in vista tan-natura ta' l-investiment li għandu jkun iffinanzjat, l-Istat Membri kkonċernat jew xi aġenzija oħra jistgħu jgħinu l-pagamenti ta’ imgħax safejn dan ikunu kompattibli ma' l-Artikolu 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

(ex Artikolu 20)

Fl-operazzjoni tiegħu dwar finanzjament, il-Bank għandu josserva dawn il-prinċipji:

1. Għandu jassigura li l-fondi tiegħu ikunu wżati b'mod razzjonali kemm jista' jkun fl-interessi ta' l-Unjoni.

Jista' jagħti self jew garanziji biss:

a) meta, fil-każ ta' investimenti mwettqa minn impriżi fis-settur tal-produzzjoni, jew fil-każ ta' investimenti oħra pagamenti ta’ imgħax u amortizzazzjoni jkunu koperti mill-profitti ta' l-operat jew, f’każijiet oħrajn, jew b’impenn li jidħol għalih l-Istat li fih jitwettaq l-investiment, u,

b) meta l-eżekuzzjoni ta' l-investiment tikkontribwixxi għal żieda fil-produttività ekonomika in ġenerali u tippromwovi l-kisba tas-suq komuni.

2. Hu m’għandu la jakkwista interess f' impriża u lanqas jassumi xi responsabbilità fit-tmexxija tagħha sakemm dan ma jkunx meħtieġ sabiex jissalvagwarda d-drittijiet tal-Bank sabiex jiżgura l-irkupru ta' fondi mislufa.

Madankollu, taħt il-prinċipji stabbiliti mill-Bord ta' Gvernaturi skond l-Artikolu 7(3)(b), jekk l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea hekk teħtieġ, il-Bord tad-Diretturi għandu, b'maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-kapital ta' intrapriża kummerċjali, normalment bħala komplement għal self jew garanzija, sakemm dan ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat investiment jew programm.

3. Jista' jiddisponi mill-pretensjonijiet tiegħu fis-suq kapitali u jista', b'dan l-għan, jeħtieġ li d-debituri tiegħu joħorġu bonds jew sigurtajiet oħra.

4. La l-Bank u lanqas l-Istati Membri m’għandhom jimponu kondizzjonijiet li jeħtieġu li fondi mislufa mill-Bank jintefqu fi Stat Membru speċifikat.

5. Il-Bank jista' jagħmel is-self tiegħu kondizzjonali fuq li jkunu organizzati stediniet internazzjonali għal offerti.

6. Il-Bank m’għandux jiffinanzja, kompletament jew in parti, xi investiment li jopponi għalih l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun sejjer jiġi mwettaq.

7. Bħala komplement għall-attività ta' self tiegħu, il-Bank jista' jipprovdi servizzi ta' għajnuna teknika skond il-modalitajiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Bord ta' Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, u konformement ma' dan l-Istatut.

Artikolu 19

(ex Artikolu 21)

1. Kull intrapriża jew entità pubblika jew privata tista' tapplika għal finanzjament direttament mingħand il-Bank. Applikazzjonijiet lill-Bank jistgħu jsiru wkoll jew permezz tal-Kummissjoni jew permezz ta' Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu jkun ser isir l-investiment.

2. Applikazzjonijiet magħmula permezz tal-Kummissjoni għandhom jiġu preżentati għall-opinjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-investiment ikun sejjer jitwettaq. Applikazzjonijiet magħmula permezz ta’ Stat Membru għandhom jiġu preżentati lill-Kummissjoni għal opinjoni. Applikazzjonijiet magħmula direttament minn impriża għandhom jiġu preżentati lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni.

L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fi żmien xahrejn. Jekk ma jirċievi l-ebda tweġiba f'dan il-perjodu, il-Bank jista' jassumi li ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għal proġett in kwistjoni.

3. Il-Bord tad-Diretturi għandu jirregola fuq operazzjonijiet ta' finanzjament preżentati lilu mill-Kumitat ta' Tmexxija.

4. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jeżamina jekk l-operazzjonijiet ta' finanzjament kif preżentati lilu jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Istatut, b'mod partikolari ma' l-Artikolu 16 u 18. Meta l-Kumitat ta' Tmexxija jkun favur il-finanzjament, għandu jippreżenta l-proposta kkonċernata lill-Bord tad-Diretturi; il-Kumitat jista' jagħmel l-opinjoni favorevoli tiegħu suġġetta għal dawn il-kondizzjonijiet li hu jikkonsidra essenzjali. Meta l-Kumitat ta' Tmexxija jkun kontra l-għoti ta’ finanzjament, għandu jippreżenta d-dokumenti rilevanti flimkien ma' l-opinjoni tiegħu lill-Bord tad-Diretturi.

5. Meta l-Kumitat ta' Tmexxija jagħti opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament konċernat sakemm id-deċiżjoni tiegħu ma tkunx unanima.

6. Meta l-Kummissjoni tagħti opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament konċernat sakemm id-deċiżjoni tiegħu ma tkunx unanima, u d-direttur innominat mill-Kummissjoni jastjeni.

7. Meta kemm il-Kumitat ta' Tmexxija kif ukoll il-Kummissjoni jagħtu opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament.

8. Meta operazzjoni ta' finanzjament li għandha x'taqsam ma' investiment approvat trid tiġi ristrutturata sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-interessi tal-Bank, il-Kumitat ta' Tmexxija għandu bla telf ta' żmien jieħu l-miżuri ta' emerġenza li jidhrulu xierqa, u għandu jirrapporta dan minnufih lill-Bord tad-Diretturi.

Artikolu 20

(ex Artikolu 22)

1. Il-Bank għandu jissellef minn fuq is-swieq kapitali l-fondi neċessarji għat-twettiq tad-doveri tiegħu.

2. Il-Bank jista' jissellef fis-swieq tal-kapital ta' l-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet legali li japplikaw għal dawk is-swieq.

L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li jkollhom deroga fit-tifsira ta' l-Artikolu 139(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistgħu jopponu dan biss jekk ikun hemm biża' ta' disturbi serji fis-suq tal-kapital ta' dak l-Istat.

Artikolu 21

(ex Artikolu 23)

1. Il-Bank jista' juża' l-fondi disponibbli li hu ma jeħtieġx immedjetament sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu bil-modi li ġejjin:

a) jista' jinvesti fi swieq monetarji;

b) jista', suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(2), jixtri u jbiegħ sigurtajiet;

c) jista' jwettaq kull operazzjoni finanzjarja oħrajn marbuta ma' l-objettivi tiegħu.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23, il-Bank m’għandux, fl-amministrazzjoni ta’ l-investimenti tiegħu, jinvolvi ruħu f’arbitraġġ tal-munita li ma jkunx direttament meħtieġ fit-twettiq ta' l-operazzjonijiet tiegħu ta’ self jew li jissodisfa impenni li joriġinaw minn self jew garanziji mogħtija minnu.

3. Il-Bank għandu, fl-oqsma koperti minn dan l-Artikolu, jaġixxi bi ftehim ma' l-awtoritajiet kompetenti jew mal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 22

(ex Artikolu 24)

1. Fond ta’ riserva sa 10 % tal-kapital sottoskritt għandu jinbena progressivament. Jekk l-istat tal-passiv tal-Bank jiġġustifika hekk, il-Bord tad-Diretturi jista' jiddeċiedi li jwarrab riservi addizzjonali. Sa dak iż-żmien li l-fond ta’ riserva jkun inbena kompletament, dan għandu jiġi fornut minn:

a) imgħax li jidħol minn self mogħti mill-Bank fuq somom li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5;

b) imgħax li jidħol minn self mogħti mill-Bank minn fondi derivati mill-ħlas lura ta’ self imsemmi fil-punt (a);

safejn dan id-dħul m' huwiex meħtieġ sabiex jissodisfa l-obbligi tal-Bank jew ikopri l-ispejjeż tiegħu.

2. Ir-riżorsi tal-fond ta’ riserva għandhom ikunu hekk investiti li jkunu disponibbli fi kwalunkwe ħin sabiex jissodisfaw l-għan ta’ dan il-fond.

Artikolu 23

(ex Artikolu 25)

1. Il-Bank għandu fil-ħinijiet kollha jkun intitolat li jitrasferixxi l-assi tiegħu fil-munita ta’ Stat Membru wieħed li l-munita tiegħu mhijiex l-euro sabiex iwettaq l-operazzjonijiet finanzjarji li jikkorrispondu għad-dmir stabilit fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 21 ta’ dan l-Istatut. Il-Bank għandu, sa fejn ikun possibli, jevita li jagħmel dawn it-trasferimenti jekk ikollu flus jew assi likwidi fil-munita meħtieġa.

2. Il-Bank ma jistax jikkonverti l-assi tiegħu fil-munita ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għall-munita ta’ pajjiż terz mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

3. Il-Bank jista' liberament jiddisponi minn dik il-parti tal-kapital li tkun imħallsa u minn kull munita mislufa fuq is-swieq barra l-Unjoni.

4. L-Istati Membri jintrabtu li jagħmlu disponibbli għad-debituri tal-Bank il-munita meħtieġa sabiex iħallsu lura l-kapital u jħallsu l-imgħax fuq self jew kommissjoni mogħtija mill-Bank għal investimenti li għandhom jitwettqu fit-territorju tagħhom.

Artikolu 24

(ex Artikolu 26)

Jekk Stat Membru jonqos milli jissodisfa l-obbligi ta’ sħubija li joriġinaw minn dan l-Istatut, b'mod partikolari l-obbligu li jħallas is-sehem tiegħu tal-kapital sottoskritt, jew li jgħin is-self tiegħu, l-għoti ta’ self jew garanziji lil dak l-Istat Membru jew liċ-ċittadini tiegħu jista' jkun sospiż b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Din id-deċiżjoni ma għandha teħles la lill-Istat u lanqas liċ-ċittadini tiegħu mill-obbligi tagħhom lejn il-Bank.

Artikolu 25

(ex Artikolu 27)

1. Jekk il-Bord ta’ Gvernaturi jiddeċiedi li jissospendi l-operazzjonijiet tal-Bank, l-attivitajiet kollha tiegħu għandhom jieqfu minnufih, ħlief dawk meħtieġa sabiex jassiguraw ir-realizzazzjoni, l-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-assi tiegħu u t-twettiq tar-responsabbilltajiet tiegħu.

2. Fil-każ ta’ likwidazzjoni, il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jaħtar il-likwidaturi u jagħtihom istruzzjonijiet sabiex iwettqu l-likwidazzjoni. Għandu jassigura li d-drittijiet tal-persunal jiġu mħarsa.

Artikolu 26

(ex Artikolu 28)

1. F’kull wieħed mill-Istati Membri, il-Bank għandu jgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom; hu jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jista' jkun parti minn proċeduri legali.

2. Il-proprjetà tal-Bank għandha tkun eżentata minn kull forma ta’ rekwiżizzjoni jew esproprjazzjoni.

Artikolu 27

(ex Artikolu 29)

Kwestjonijiet bejn il-Bank minn naħa waħda, u l-kredituri tiegħu, id-debituri jew xi persuna oħra minn naħa l-oħra, għandhom jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, ħlief meta l-ġurisdizzjoni tkun għaddiet lill-Qorti ta’ Ġustizja ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Bank, f'kuntratt, jista' jipprevedi proċedura ta' arbitraġġ.

Il-Bank għandu jkollu indirizz f’kull Stat Membru. Jista', madanakollu, f’kull kuntratt, jispeċifika indirizz partikolari għal servizz jew jipprovdi għal arbitraġġ.

Il-proprjetà u l-assi tal-Bank ma jistgħux ikunu suġġetti għal sekwestru jew qbid bħala eżekuzzjoni ħlief b’deċiżjoni ta’ qorti.

Artikolu 28

(ex Artikolu 30)

1. Il-Bord ta' Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jistabbilixxi sussidjarji jew entitajiet oħra li għandu jkollhom personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja.

2. Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jadotta l-istatut tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 b'unanimità. L-istatut għandu jiddefinixxi, b'mod partikolari, l-objettivi, l-istruttura, il-kapital, is-sħubija, is-sede, ir-riżorsi finanzjarji, il-mezzi ta' intervenzjoni, l-arranġamenti ta' verifika kif ukoll ir-relazzjoni tagħhom ma' l-organi tal-Bank.

3. Il-Bank għandu l-kompetenza li jieħu sehem fit-tmexxija ta' dawn il-korpi u jikkontribwixxi għall-kapital sottoskritt tagħhom sa ammont determinat mill-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'mod unanimu.

4. Il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-korpi previsti fil-paragrafu 1, sakemm dawn ikunu inkorporati taħt il-liġi ta' l-Unjoni, għall-membri ta' l-organi tagħhom fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom bħala tali u għall-persunal tagħhom bil-modalitajiet u kondizzjonijiet identiċi għal dawk li japplikaw għall-Bank.

Dawk id-dividendi, il-qligħ kapitali jew forom oħra ta' dħul li jiġu minn dawn il-korpi li għalihom huma intitolati l-membri, minbarra l-Unjoni Ewropea u l-Bank, għandhom madankollu jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet fiskali tal-leġislazzjoni applikabbli.

5. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza, fil-limiti stabbiliti hawn taħt, li tisma' kwistjonijiet dwar miżuri adottati minn organi ta' xi korp suġġett għad-dritt ta' l-Unjoni. Ir-rikorsi kontra dawn il-miżuri jistgħu jitressqu minn kull membru ta' tali korp fil-kapacità tiegħu bħala tali jew mill-Istati Membri skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

6. Il-Bord ta' Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jdaħħal persunal ta' korpi suġġetti għad-dritt ta' l-Unjoni fi skemi konġunti mal-Bank, f'rispett tal-proċeduri interni rispettivi.

PROTOKOLL (Nru 6)

DWAR IL-LOKALITÀ TAS-SEDE TA' L-ISTITUZZJONIJIET U TA’ ĊERTI ORGANI, KORPI U DIPARTIMENTI TA' L-UNJONI EWROPEA

WARA LI KKUNSIDRAW l-Artikolu 341 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

WAQT LI JFAKKRU U JIKKONFERMAW id-Deċiżjoni tat- 8 ta’April 1965, u mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sede ta’ istituzzjonijiet, organi, korpi u dipartimenti futuri,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

Artikolu Uniku

a) Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-tnax-il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu. Il-perjodi tas-sessjonijiet plenarji addizzjonali għandhom jinżammu fi Brussell. Il-kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussell. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.

b) Il-Kunsill għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell. Matul ix-xhur ta’ April, Ġunju u Ottubru, il-Kunsill għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu.

c) Il-Kummissjoni għandha jkollha s-sede tagħha fi Brussell. Id-dipartimenti elenkati fl-Artikoli 7, 8 u 9 tad-Deċiżjoni tat- 8 ta’April 1965 għandhom ikunu stabbiliti fil-Lussemburgu.

d) Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

e) Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

f) Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell.

g) l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell.

h) l-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jkollu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu.

i) l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu is-sede tiegħu fi Frankfurt.

j) L-Uffiċju tal-Pulizija Ewropea (Europol) għandu jkollu s-sede tiegħu fl-Aja.

PROTOKOLL (Nru 7)

DWAR IL-PRIVILEĠĠI U L-IMMUNITAJIET TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI KKUNSIDRAW li, skond l-Artikolu 343 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (KEEA), l-Unjoni Ewropea u l-KEEA għandhom igawdu fit-territorji ta’ l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ l-attivitajiet tagħhom,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea ta' l-Enerġija Atomika:

KAPITOLU I

PROPRJETÀ, FONDI, ASSI U ĦIDMIET TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 1

Il-postijiet u l-bini ta' l-Unjoni ikunu invjolabbli. Ikunu eżenti minn tfittxija, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni. Il-proprjetà u l-assi ta' l-Unjoni ma jkunu suġġetti għal ebda miżura amministrattiva jew legali li tirrestrinġihom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 2

L-arkivji ta' l-Unjoni ikunu invjolabbli.

Artikolu 3

L-Unjoni, l-assi, id-dħul finanzjarju u proprjetà oħra tagħha ikunu eżenti minn kull taxxa diretta.

Il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri għandhom, kull meta possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jirrinunzjaw għal jew iħallsu lura l-ammont ta’ taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ inklużi fil-prezz ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, meta l-Unjoni tagħmel, għall-użu uffiċjali tagħha, xirjiet sostanzjali li l-prezz tagħhom ikun jinkludi taxxi ta’ din ix-xorta. Dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx japplikaw, madankollu, b' mod li jkollhom l-effett li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni.

L-ebda eżenzjoni m’għandha tingħata għar-rigward ta’ taxxi u ammonti dovuti li jkunu biss ħlasijiet għal servizzi ta’ utilità pubblika.

Artikolu 4

L-Unjoni tkun eżenti mid-dazji kollha tad-dwana, projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti intiżi għall-użu uffiċjali tagħhom; ħadd ma għandu jiddisponi minn oġġetti hekk importati, sew bi ħlas sew bla ħlas, fit-territorju tal-pajjiż li fih ikunu ġew importati, ħlief taħt kondizzjonijiet approvati mill-Gvern ta’ dak il-pajjiż.

L-Unjoni tkun ukoll eżenti minn kull dazju tad-dwana u minn kull projbizzjoni u restrizzjoni fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet għar-rigward tal-pubblikazzjonijiet tagħha.

KAPITOLU II

KOMUNIKAZZJONIJIET U LAISSEZ-PASSER

Artikolu 5

(ex Artikolu 6)

Għall-komunikazzjonijiet uffiċċjali u t-trasmissjoni tad-dokumenti kollha tagħhom, l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni igawdu fit-territorju ta’ kull Stat Membru it-trattament mogħti minn dak l-Istat lil missjonijiet diplomatiċi.

Korrispondenza uffiċjali u komunikazzjonijiet uffiċjali oħra ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ma jkunux suġġetti għal ċensura.

Artikolu 6

(ex Artikolu 7)

Laissez-passer f’għamla li tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, li għandhom ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti validi ta’ l-ivvjaġġar mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, jistgħu jinħarġu lill-membri u lill-impjegati ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni mill-Presidenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dawn il-laissez-passer għandhom jinħarġu lill-uffiċjali u lill-impjegati oħra taħt kondizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti dwar il-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel kull ftehim sabiex dawn il-laissez-passer ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti validi għall-ivvjaġġar fit-territorju ta’ pajjiżi terzi.

KAPITOLU III

MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 7

(ex Artikolu 8)

M’għandha tiġi imposta ebda restrizzjoni amministrattiva jew ta’ xort’oħra fuq il-moviment liberu ta’ membri tal-Parlament Ewropew li jkunu qed jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom, fir-rigward ta’ dwana u kontroll fuq il-kambju, jingħataw:

a) mill-Gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil uffiċjali għolja li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż fuq missjonijiet uffiċjali temporanji;

b) mill-Gvernijiet ta’ Stati Membri oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil rappreżentanti ta’ Gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji.

Artikolu 8

(ex Artikolu 9)

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9

(ex Artikolu 10)

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a) fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b) fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

KAPITOLU IV

RAPPREŻENTANTI TA’ STATI MEMBRI LI JKUNU QED JIEĦDU SEHEM FIL-ĦIDMA TA’ L-ISTITUZZJONIJIET TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 10

(ex Artikolu 11)

Rappreżentanti ta’ Stati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, fil-qadi tad-doveri tagħhom u waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post tal-laqgħa jgawdu mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji.

Dan l-Artikolu japplika wkoll għal membri ta’ korpi ta’ konsulenza ta' l-Unjoni.

KAPITOLU V

UFFIĊJALI U IMPJEGATI OĦRA TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 11

(ex Artikolu 12)

Fit-terrritorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni:

a) mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu, min-naħa l-waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali u impjegati oħra lejn l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali u impjegati oħra tagħha, ikollhom immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inklużi kliem li jkunu qalu jew kitbu. Ikomplu jgawdu din l-immunità wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom;

b) flimkien mal-konjuġi tagħhom u membri dipendenti tal-familji tagħhom, ma jkunux suġġetti għal restrizzjonijiet fl-immigrazzjoni jew għal formalitajiet fir-reġistrazzjoni ta’ frustieri;

c) fir-rigward ta’ regolamenti dwar il-valuta jew il-kambju, jingħataw l-istess faċilitajiet bħal ma s-soltu jingħataw lil uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

d) igawdu d-dritt li jimportaw mingħajr ebda dazju l-għamara u l-oġġetti personali tagħhom meta jibdew il-kariga tagħhom għall-ewwel darba f’dak il-pajjiż u d-dritt li jerġgħu jesportaw l-għamara u l-oġġetti personali tagħhom mingħajr ebda dazju, meta jtemmu d-doveri tagħhom f’dak il-pajjiż, mingħajr preġudizzju, f’kull każ, għall-kondizzjonijiet meqjusin meħtieġa mill-Gvern tal-pajjiż, fejn dan id-dritt jiġi eżerċitat;

e) ikollhom id-dritt li jimportaw mingħajr ebda dazju karrozza għall-użu personali tagħhom, akkwistata jew fil-pajjiż fejn l-aħħar kellhom ir-residenza tagħhom jew fil-pajjiż li tiegħu huma jkollhom ċittadinanza skond il-pattijiet viġenti fis-suq lokali ta’ dak il-pajjiż, u li jerġgħu jesportawha mingħajr ebda dazju, mingħajr preġudizzju f’kull każ għall-kondizzjonijiet meqjusin meħtieġa mill-Gvern ta’ dak il-pajjiż.

Artikolu 12

(ex Artikolu 13)

L-uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju ta' l-Unjoni fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Unjoni, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbilita mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet konċernati.

Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni.

Artikolu 13

(ex Artikolu 14)

Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-ġid u t-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja magħmulin bejn Stati Membri ta' l-Unjoni, uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni li, unikament minħabba fil-qadi tad-doveri tagħhom fis-servizz ta' l-Unjoni, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ domiċilju tagħhom għal finijiet ta’ taxxa, meta jidħlu fis-servizz ta' l-Unjoni, jiġu kunsidrati, sew fil-pajjiż tar-residenza attwali tagħhom sew fil-pajjiż tad-domiċilju għal finijiet ta’ taxxa, bħala li jkunu żammew id-domiċilju tagħhom f’dan l-aħħar pajjiż basta li dan ikun membru ta' l-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-konjuġi, safejn il-konjuġi ma jkollux jew ma jkollhiex separatament xi okkupazzjoni bi qligħ, u għal ulied dipendenti fuq u taħt ir-responsabbiltà tal-persuni msemmija f’dan l-Artikolu.

Il-proprjetà mobbli, li tappartjeni lil persuni msemmija fil-paragrafu preċedenti u li tkun tinsab fit-territorju tal-pajjiż fejn dawn ikunu qegħdin joqgħodu, tkun eżenti minn kull taxxa tas-suċċessjoni f’dak il-pajjiż; dik il-proprjetà għandha, għall-kalkolu ta’ dik it-taxxa, tiġi meqjusa bħala li tinsab fil-pajjiż ta’ domiċilju għal finijiet ta’ taxxa, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ pajjiżi terzi u għall-applikazzjoni possibbli ta’ provvedimenti ta’ konvenzjonijiet internazzjonali fuq it-tassazzjoni doppja.

Kull domiċilju miksub unikament minħabba l-qadi ta’ dmirijiet fis-servizz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra m’għandux jitqies fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 14

(ex Artikolu 15)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet ikkonċernati, għandhom jistabbilixxu l-iskema ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u għall-impjegati l-oħra ta' l-Unjoni.

Artikolu 15

(ex Artikolu 16)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-istituzzjonijiet l-oħra involuti, għandhom jistabbilixxu l-kategoriji ta’ uffiċjali u impjegati oħra ta' l-Unjoni li għalihom id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11, tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12, u ta' l-Artikolu 13 għandhom japplikaw, kollha kemm huma jew f’parti minnhom.

L-ismijiet, il-gradi u l-indirizzi ta’ uffiċjali u impjegati oħra mdaħħla f’dawk il-kategoriji għandhom jiġu komunikati perjodikament lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri.

KAPITOLU VI

PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET TA’ MISSJONIJIET TA’ PAJJIŻI TERZI AKKREDITATI LILL-UNJONI EWROPEA

Artikolu 16

(ex Artikolu 17)

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-Unjoni ikollha s-sede tagħha għandu jagħti l-immunitajiet u l-privileġġi diplomatiċi konswetudinarji lil missjonijiet ta’ pajjiżi terzi akkreditati lill-Unjoni.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 17

(ex Artikolu 18)

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta' l-Unjoni unikament fl-interessi ta' l-Unjoni.

Kull istituzzjoni ta' l-Unjoni tkun meħtieġa li tirrinunzja għall-immunità mogħtija lil xi uffiċjal jew impjegat ieħor kull fejn dik l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi ta' l-Unjoni.

Artikolu 18

(ex Artikolu 19)

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.

Artikolu 19

(ex Artikolu 20)

L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw għall-President tal-Kunsill Ewropew.

Huma għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-Kummissjoni.

Artikolu 20

(ex Artikolu 21)

L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw għall-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali, ir-Reġistraturi u l-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immunità minn proċedimenti legali għall-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali.

Artikolu 21

(ex Artikolu 22)

Dan il-Protokoll japplika wkoll għall-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, għall-membri ta’ l-organi tiegħu, għall-persunal u r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank.

Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu barra minn dan jiġi eżentat minn kull forma ta’ tassazzjoni jew impożizzjoni ta’ xorta simili f'każ ta' xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jista' jkollhom x'jaqsmu ma’ dan fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. Bl-istess mod, ix-xoljiment jew stralċ tiegħu ma għandha tagħti lok għal ebda impożizzjoni. Fl-aħħarnett, l-attivitajiet tal-Bank u ta’ l-organi tiegħu imwettqa skond l-Istatut tiegħu ma jkunux suġġetti għal xi taxxa fuq il-bejgħ.

Artikolu 22

(ex Artikolu 23)

Dan il-Protokoll għandu jkun japplika wkoll għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri ta' l-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll fuq l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, ukoll, ikun eżenti minn kull għamla ta' tassazzjoni jew impożizzjoni ta' xorta simili, f’każ ta’ xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkollhom x'jaqsmu, fl-Istat fejn il-bank ikollu s-sede tiegħu. L-attivitajiet tal-Bank u tal-fergħat tiegħu li jaħdmu skond l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew m’għandhomx ikunu suġġetti għal xi taxxa fuq it-turnover.

PROTOKOLL (Nru 8)

DWAR L-ARTIKOLU 6(2) TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA DWAR L-ADEŻJONI TA' L-UNJONI MAL-KONVENZJONI EWROPEA GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U L-LIBERTAJIET FUNDAMENTALI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-ftehim dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Konvenzjoni Ewropea"), previst fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandu jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-Unjoni u tad-dritt ta' l-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta':

a) l-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni eventwali ta' l-Unjoni fil-korpi ta' kontroll tal-Konvenzjoni Ewropea;

b) l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi assigurat li l-proċedimenti minn Stati mhux Membri u l-applikazzjonijiet individwali jkunu indirizzati b'mod korrett lill-Istati Membri u/jew l-Unjoni skond il-każ.

Artikolu 2

Il-ftehim previst fl-Artikolu 1 għandu jassigura li l-adeżjoni ta' l-Unjoni ma tolqotx il-kompetenzi tagħha u s-setgħat ta' l-istituzzonijiet tagħha. Għandu jassigura li xejn fih ma jolqot is-sitwazzjoni partikolari ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea, b'mod partikulari fir-rigward tal-Protokolli tagħha, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri li jidderogaw mill-Konvenzjoni Ewropea, skond l-Artikolu 15 tagħha, u r-riservi għall-Konvenzjoni Ewropea magħmula minn Stati Membri skond l-Artikolu 57 tagħha.

Artikolu 3

Xejn fil-ftehim previst fl-Artikolu 1 m'għandu jolqot l-Artikolu 344 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

PROTOKOLL (Nru 9)

DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TA' L-ARTIKOLU 16(4) TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA U L-ARTIKOLU 238(2) TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA BEJN L- 1 TA' NOVEMBRU 2014 U L- 31 TA' MARZU 2017 MINN NAĦA WAĦDA, U MILL- 1 TA' APRIL 2017 MIN-NAĦA L-OĦRA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

B'KONT MEĦUD ta' l-importanza fundamentali li l-qbil dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea bejn l- 1 ta' Novembru 2014 u l- 31 ta' Marzu 2017 min-naħa l-waħda, u mill- 1 ta' April 2017 min-naħa l-oħra (minn issa 'l quddiem, "id-Deċiżjoni") fl-approvazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona,

QABLU DWAR id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu uniku

Qabel l-eżami mill-Kunsill ta' kwalunkwe abbozz li jkun jimmira jew li jemenda jew li jirrevoka d-Deċiżjoni jew kwalunkwe dispożizzjoni tagħha, jew li jemenda indirettament il-kamp ta' applikazzjoni jew it-tifsira tagħha permezz tal-modifika ta' att legali ieħor ta' l-Unjoni, il-Kunsill Ewropew għandu jwettaq deliberazzjoni preliminari dwar l-abbozz imsemmi, waqt li jaġixxi b' konsensus skond l-Artikolu 15(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

PROTOKOLL (Nru 10)

DWAR IL-KOPERAZZJONI STRUTTURATA PERMANENTI STABBILITA MILL-ARTIKOLU 42 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WARA LI KKUNSIDRAW l-Artikolu 42(6) u l-Artikolu 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Unjoni tmexxi politika estera u ta' sigurtà komuni msejsa fuq il-kisba ta' konverġenza dejjem akbar ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni hija parti integrali mill-politika estera u ta' sigurtà komuni; li din tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operazzjonali b'assi ċivili u militari; li l-Unjoni tista' tuża' dawn l-assi għall-missjonijiet previsti fl-Artikolu 43 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea barra mill-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta' kunflitti u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; li t-twettiq ta' dawn il-kompiti jsir billi jintużaw l-kapaċitajiet militari provduti mill-Istati Membri skond il-prinċipju ta' "ġabra waħda ta' forzi";

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni ma tippreġudikax il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni tirrispetta l-obbligi taħt it-Trattat tan-Nord Atlantiku ta' dawk l-Istati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom tkun imwettqa fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha, u hija kompatibbli mal-politika ta' sigurtà u difiża komuni stabbilita f'dak il-qafas;

KONVINTI li rwol aktar b'saħħtu ta' l-Unjoni fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża ser jikkontribwixxi għall-vitalità ta' alleanza atlantika mġedda, skond l-arranġamenti hekk imsejħa "Berlin Plus";

DETERMINATI li jassiguraw li l-Unjoni tkun kapaċi tassumi b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħha fi ħdan il-komunità internazzjonali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tista' titlob l-għajnuna ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni urġenti ta' missjonijiet meħuda skond il-Kapitoli VI u VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li t-tisħiħ tal-politika ta' sigurtà u difiza ser jeħtieġ sforzi mill-Istati Membri fil-qasam tal-kapaċitajiet;

KONXJI li l-avvanz għal stadju ġdid fl-iżvilupp tal-politika Ewropea ta' sigurtà u difiża jinvolvi sforzi determinati mill-Istati Membri disposti;

FILWAQT LI JFAKKRU l-importanza li r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jkun involut b'mod sħiħ fil-ħidma tal-koperazzjoni strutturata permanenti,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-koperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu 42(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandha tkun miftuħa għal kull Stat Membru li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, jintrabat li:

a) jipproċedi b'mod aktar intensiv sabiex jiżviluppa l-kapaċitajiet ta' difiża tiegħu, permezz ta' l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u l-parteċipazzjoni tiegħu, fejn xieraq, fil-forzi multinazzjonali, fil-programmi prinċipali Ewropej tat-tagħmir, u fl-attività ta' l-aġenzija Ewropea fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (Aġenzija Ewropea tad-Difiża), u

b) jkollu l-kapaċità li jforni sa mhux aktar tard mill-2010, fuq livell nazzjonali jew bħala parti minn gruppi ta' forza multinazzjonali, unitajiet tal-ġlied immirati għall-missjonijiet pjanati, strutturati fuq il-livell tattiku bħala grupp ta' battalja, b'elementi ta' appoġġ bħat-trasport u l-loġistika, kapaċi li jwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu 43 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea f'perijodu ta' minn 5 sa 30 jum, b'mod partikolari b'risposta għal talbiet mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jkunu jistgħu jiġu sostnuti għal perijodu inizjali ta' 30 jum li jkun jista' jiġi mtawwal għal ta' l-inqas għal 120 jum.

Artikolu 2

Sabiex jinkisbu l-objettivi previsti fl-Artikolu 1, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-koperazzjoni strutturata permanenti għandhom jintrabtu li:

a) jikkoperaw, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi approvati dwar il-livell ta' infiq għall-investiment f'tagħmir ta' difiża, u jirrivedu dawn l-objettivi regolarment fid-dawl taċ-ċirkostanzi tas-sigurtà u tar-responsabbiltajiet internazzjonali ta' l-Unjoni;

b) kemm jista' jkun jallinjaw l-apparat tad-difiża tagħhom ma' xulxin, b'mod partikolari billi jarmonizzaw l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet militari tagħhom, billi jiġbru flimkien u, fejn xieraq, jispeċjalizzaw il-mezzi u l-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, kif ukoll billi jinkoraġġixxu l-koperazzjoni fl-oqsma tat-taħriġ u l-loġistika;

c) jieħdu miżuri konkreti sabiex isaħħu d-disponibbiltà, l-interoperabbiltà, il-flessibiltà u l-kapaċità fl-insedjament tal-forzi tagħhom, b'mod partikolari billi jidentifikaw l-objettivi komuni fl-impenn ta' forzi, inkluż possibbilment ir-reviżjoni tal-proċeduri deċiżjonali nazzjonali tagħhom;

d) jaħdmu flimkien sabiex jassiguraw li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu tajjeb, inkluż permezz ta' approċċi multinazzjonali, u mingħajr preġudizzju għall-impenji f'dan ir-rigward fi ħdan l-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, għan-nuqqasijiet li jidhru fil-qafas tal-"Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp tal-Kapaċità";

e) jieħdu sehem, fejn ikun xieraq, fl-iżvilupp ta' programmi konġunti jew Ewropej maġġuri ta' tagħmir fil-qafas ta' l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża.

Artikolu 3

L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża għandha tikkontribwixxi għall-valutazzjoni regolari tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri parteċipanti fir-rigward tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari kontribuzzjonijiet magħmula skond il-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti, fost l-oħrajn, abbażi ta' l-Artikolu 2, u għandha tirrapporta dwarhom ta' l-inqas darba fis-sena. Il-valutazzjoni tista' sservi bħala bażi għar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skond l-Artikolu 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

PROTOKOLL (Nru 11)

DWAR L-ARTIKOLU 42 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ħtieġa li jimplimentaw kompletament id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 42, paragrafu 2, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-politika ta' l-Unjoni skond l-Artikolu 42 m’għandhiex tippreġudika il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta’ xi uħud mill-Istati Membri u għandha tirrispetta l-obbligi ta’ uħud mill-Istati Membri, li jaraw id-difiża komuni tagħhom imwettqa fin-NATO, skond it-Trattat tan-Nord Atlantiku u li tkun kumpattibli mal-politika komuni għas-sigurtà u għad-difiża stabbilita f’dak il-qafas;

QABLU dwar id-dispożizzjoni li ġejja, li tkun annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

L-Unjoni Ewropea għandha tħejji, flimkien ma' l-Unjoni Ewropea tal-Punent, arranġamenti għall-koperazzjoni msaħħa bejniethom.

PROTOKOLL (Nru 12)

DWAR IL-PROĊEDURA TA' DEFIĊIT EĊĊESSIV

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

XEWQANA li jistabbilixxu d-dettalji dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv imsemmija fl-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-valuri ta' referenza msemmija fl-Artikolu 126(2) tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea huma:

- 3 % għall-proporzjon ta' defiċit ippjanat jew attwali tal-gvern mal-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq;

- 60 % għall-proporzjon ta' dejn tal-gvern mal-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 126 tat-Trattat imsemmi u f'dan il-Protokoll:

- gvern ifisser il-gvern in ġenerali, jiġifieri l-gvern ċentrali, reġjonali jew lokali u l-fondi ta' serviżżi soċjali, ħlief għall-attivitajiet kummerċjali, kif imfisser fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

- defiċit ifisser is-self nett kif imfisser fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

- investiment ifisser il-formazzjoni grossa ta' kapital fiss kif definita fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati;

- dejn ifisser dejn gross totali f'valur nominali rimanenti fl-aħħar tas-sena u konsolidat bejn u fis-setturi tal-gvern in ġenerali hekk kif imfisser fl-ewwel subinċiż.

Artikolu 3

Biex jiżguraw l-effettività tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, il-gvernijiet ta' l-Istati Membri jkunu responsabbli taħt din il-proċedura għal kull defiċit tal-gvern in ġenerali hekk kif imfisser fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri nazzjonali fil-qasam ta' l-estimi jirrenduhom kapaċi li jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward kif jirriżultaw mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fil-pront u regolarment lill-Kummissjoni dwar kull defiċit ippjanat u attwali u l-livell ta' dejn tagħhom.

Artikolu 4

L-informazzjoni statistika li għandha tintuża għall-applikazjoni ta' dan il-Protokoll għandha tkun mogħtija mill-Kummissjoni.

PROTOKOLL (Nru 13)

DWAR IL-KRITERJI TA' KONVERĠENZA

XEWQANA li jistabbilixxu d-dettalji tal-kriterji ta’ konverġenza li ser imexxu l-Unjoni bid-deċiżjonijiet dwar it-tmiem tad-derogi ta' l-Istati Membri b' deroga, imsemmija fl-Artikolu 140(1) tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

Artikolu 1

Il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet imsemmija fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 140(1) tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea ifisser li l-Istat Membru jkollu grad ta' stabbilità tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn medja ta’ inflazzjoni, osservata fuq perijodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b’aktar minn 1.5 %, dik ta’ l-aħjar tliet Stati Membri, f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 2

Il-kriterju dwar il-pożizzjoni ta' l-estimi tal-gvern imsemmija fit-tieni subinċiż ta' l-Artikolu 140(1) tat-Trattat imsemmi jfisser li filwaqt ta' l-eżami l-Istat Membru ma jkunx suġġett meta jiġi eżaminat għal deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-Trattati li jkun hemm defiċit eċċessiv.

Artikolu 3

Il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni f'Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea msemmi fit-tielet subinċiż ta' l-Artikolu 140(1) tat-Trattat imsemmi jfisser li Stat Membru jkun irrispetta il-marġni normali ta' fluttwazzjoni li hemm provdut dwarhom bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarju Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal ta' l-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro għall-istess perijodu.

Artikolu 4

Il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' mgħax imsemmija fir-raba' subinċiż ta' l-Artikolu 140(1) tat-Trattat imsemmi jfisser li, Stat Membru, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, kellu rata ta' mgħax nominali medja għal żmien twil li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik, fl-aħħar mill-aħħar, tat-tliet Stati Membri li jmorru l-aħjar fl-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rati ta' mgħax jitqiesu abbażi ta' titoli tal-gvern għal żmien twil jew obbligazzjonijiet komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 5

L-informazzjoni statistika li għandha tiġi użata għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll ser tiġi mogħtija mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-Kunsill, li jimxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew jew lill-BĊE, u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu ekonomiku u finanzjarju, għandu jadotta dispozizzjonijiet adattati sabiex jiffissaw id-dettalji tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 140 tat-Trattat imsemmi, li għandu mbagħad jieħu post dan il-Protokoll.

PROTOKOLL (Nru 14)

DWAR IL-GRUPP TA' L-EURO

BIX-XEWQA li jippromovu l-kondizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b'saħħtu fl-Unjoni Ewropea u, għal dak il-għan, li jiżviluppaw il-koordinazzjoni dejjem iktar mill-qrib tal-politika ekonomika fiż-żona ta' l-euro,

KONXJI mill-bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għal djalogu msaħħaħ bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, sa ma l-euro tkun saret il-munita ta' l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-Ministri ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiltaqgħu informalment. Dawn il-laqgħat għandhom iseħħu, skond il-ħtieġa, sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika. Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-laqgħat. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden jieħu sehem f'dawn il-laqgħat, li għandhom ikunu preparati mir-rappreżentanti tal-Ministri responsabbli għall-finanzi ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-Ministri ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jeleġġu president għal sentejn u nofs, bil-maġġoranza ta' dawk l-Istati Membri.

PROTOKOLL (Nru 15)

DWAR ĊERTI DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TA' L-IRLANDA TA' FUQ

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li r-Renju Unit ma jkunx obbligat jew marbut li jadotta l-euro mingħajr deċiżjoni separata sabiex jagħmel hekk mill-gvern u l-Parlament tiegħu,

BILLI, fis- 16 ta' Ottubru 1996 u t- 30 ta' Ottubru 1997, il-Gvern tar-Renju Unit għarraf lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li ma jipparteċipax fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

FILWAQT LI JINNOTAW l-prattika tal-gvern tar-Renju Unit li tiffinanzja s-self li hemm bżonn permezz tal-bejgħ tad-dejn lis-settur privat,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

1. Kemm-il darba r-Renju Unit ma javżax lill-Kunsill bl-intenzjoni li jadotta l-euro, ma jkun hemm ebda obbligazzjoni li jagħmel dan.

2. L-Artikoli 3 sa 8 u 10 għandhom japplikaw għar-Renju Unit in vista tan-notifika mogħtija lill-Kunsill mill-gvern tar-Renju Unit fis- 16 ta' Ottubru 1996 u fit- 30 ta' Ottubru 1997.

3. Ir-Renju Unit għandu jżomm il-poteri tiegħu fil-politika monetarja skond il-liġi nazzjonali.

4. L-Artikolu 282(2), ħlief l-ewwel u l-aħħar sentenza tiegħu, l-Artikolu 282(5), it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 119, l-Artikolu 126(1), (9) u (11), l-Artikolu 127(1) sa (5), l-Artikolu 128, l-Artikoli 130, 131, 132 u 133, l-Artikolu 138, l-Artikolu 140(3), l-Artikoli 219 u 283 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea m’għandhomx japplikaw għar-Renju Unit. F'dawn id-dispożizzjonijiet, kull referenza għall-Unjoni jew għall-Istati Membri ma tinkludix lir-Renju Unit u referenzi għall-banek ċentrali nazzjonali m’għandhomx jinkludu l-Bank of England. Bl-istess mod, l-Artikolu 121(2) tat-Trattati ma għandux japplika għar-Renju Unit fir-rigward ta' l-adozzjoni tal-partijiet tal-linji gwida ġenerali ta' politika ekonomika li jikkonċernaw iż-żona ta' l-euro b'mod ġenerali.

5. Ir-Renju Unit għandu jagħmel ħiltu sabiex jevita deficit eċċessiv.

L-Artikoli 143 u 144 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit. L-Artikoli 134(4) u 142 japplikaw għar-Renju Unit daqs li kieku kellu deroga.

6. Id-drittijiet għall-vot tar-Renju Unit għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta' l-atti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikoli nnumerati fil-paragrafu 4 u fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 139(4), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan japplika t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 139(4) tat-Trattat imsemmi.

Ir-Renju Unit ma jkollux lanqas dritt jipparteċipa fil-ħatra tal-President, il-Viċi President u membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE skond l-Artikoli 283(2) it-tieni subparagrafu tat-Trattat.

7. L-Artikoli 3, 4, 6, 7, 9.2, 10.1, 10.3, 11.2, 12.1, 14, 16, 18, 19, 20, 22, 23, 26, 27, 30, 31, 32, 33, 34 u 49 tal-Protokoll fuq l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ("l-Istatut") m’għandhomx japplikaw għar-Renju Unit.

F'dawk l-Artikoli, referenzi għall-Unjoni jew l-Istati Membri m’għandhomx jinkludu r-Renju Unit u referenzi għall-banek ċentrali nazzjonali jew azzjonisti ma jinkludux il-Bank of England.

Referenzi fl-Artikoli 10.3 u 30.2 ta' l-Istatut għal "kapital sottoskritt tal-BĊE" m'għandhomx jinkludu kapital sottoskritt mill-Bank of England.

8. L-Artikolu 141(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 43 sa 47 ta' l-Istatut ikollhom seħħ, sew jekk ikun hemm jew ma jkunx hemm Stat Membru b'deroga, mingħajr preġudizzju għall-emendi li ġejjin:

a) Referenzi fl-Artikolu 43 għax-xogħol ta' l-BĊE u ta' l-IME jinkludu dak ix-xogħol li jkun għad irid isir wara l-introduzzjoni ta' l-euro minħabba f'xi deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jadottax l-euro.

b) B'żieda max-xogħol imsemmi fl-Artikolu 46, l-BĊE irid ukoll jagħti parir u jikkontribwixxi għat-tħejjija ta' kull deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward tar-Renju Unit meħuda skond paragrafi 9(a) u (c).

c) Il-Bank of England irid iħallas l-abbonament tiegħu għall-kapital tal-BĊE bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattiv relattivi fuq l-istess bażi bħall-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri b'deroga.

9. Ir-Renju Unit jista' jinnotifika f'kull ħin l-intenzjoni tiegħu li jadotta l-euro. F'dak il-każ:

a) Ir-Renju Unit għandu jkollu d-dritt li jadotta l-euro iżda biss jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq talba tar-Renju Unit u taħt il-kondizzjonijiet u konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 140, paragrafi 1 u 2, tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, għandu jiddeċiedi jekk hu jissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa;

b) Il-Bank of England għandu jħallas il-kapital sottoskritt tiegħu, jittrasferixxi lill-BĊE l-assi ta' riservi barranin u jikkontribwixxi għar-riservi tiegħu fuq l-istess bażi bħall-bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet abrogata;

c) Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq il-kondizzjonijiet u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 140(3) tat-Trattat imsemmi, għandu jieħu d-deċiżjonijiet l-oħra kollha meħtieġa sabiex ir-Renju Unit ikun jista' jadotta l-euro.

Jekk ir-Renju Unit jadotta l-euro skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll, il-paragrafi 3 sa 8 għandhom jieqfu milli jibqgħu fis-seħħ.

10. Minkejja l-Artikoli 123 tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 21.1 ta' l-Istatut, il-gvern tar-Renju Unit jista' jibqa' jżomm il-faċilità ta' ways and means mal-Bank ta' l-Ingilterra jekk u sakemm ir-Renju Unit ma jadottax l-euro.

PROTOKOLL (Nru 16)

DWAR ĊERTI DISPOŻIZZJONIJIET LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAD-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WARA li kkunsidraw li fil-Kostituzzjoni Daniża hemm dispożizzjonijiet li jistgħu jimplikaw li jsir referendum fid-Danimarka qabel ma dan l-Istat jirrinunzja għad-deroga tiegħu,

BILLI, fit- 3 ta' Novembru 1993, il-Gvern Daniż għarraf lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li ma jipparteċipax fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

1. Id-Danimarka għandu jkollha deroga in vista tan-notifika lill-Kunsill mill-gvern Daniż fit- 3 ta' Novembru 1993. L-effett ta’ din id-deroga jkun li l-Artikoli u d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati u ta’ l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE li jirriferu għal deroga għandhom ikunu applikabbli għad-Danimarka.

2. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tintemm id-deroga ma tinbediex ħlief fuq it-talba tad-Danimarka.

3. Fil-każ li tintemm id-deroga, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll jieqfu milli japplikaw.

PROTOKOLL (Nru 17)

DWAR ID-DANIMARKA

XEWQANA li jirrisolvu ċertu problemi partikolari li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jaffettwawx id-dritt tal-Bank Nazzjonali tad-Danimarka li jwettaq ix-xogħol eżistenti tiegħu rigwardanti dawk il-partijiet tar-Renju tad-Danimarka li mhumiex parti mill-Unjoni.

PROTOKOLL (Nru 18)

DWAR FRANZA

BIX-XEWQA li jieħdu in kunsiderazzjoni punt partikulari li għandu x'jaqsam ma' Franza,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

Franza tibqa' żżomm il-privileġġ ta' emissjoni ta' munita fil-Kaledonja Ġdida, fil-Polineżja Franċiża u għal Wallis u Futuna taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali tagħha, u tkun intitolata waħedha li tiddetermina l-parità tal-franc taċ-CPF.

PROTOKOLL (Nru 19)

DWAR L-ACQUIS TA' SCHENGEN INTEGRAT FIL-QAFAS TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JINNUTAW li l-ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni iffirmati minn uħud mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea f' Schengen fl- 14 ta’ Ġunju 1985 u fid- 19 ta' Ġunju 1990, kif ukoll il-ftehim relatati u r-regoli adottati fuq il-bażi ta’ dawn il-ftehim, ġew integrati fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea bit-Trattat ta' Amsterdam tat- 2 ta' Ottubru 1997;

WAQT LI JIXTIEQU jippreservaw l-acquis ta' Schengen, kif ġie żviluppat mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, u jiżviluppaw dan l-acquis sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-objettiv li ċ-ċittadini jkollhom spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni;

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka;

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-fatt li l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ma humiex partijiet mill-ftehim imsemmija hawn fuq u ma ffermawhomx; li għandu jkun hemm dispożizzjoni, madanakollu, sabiex tippermetti lil dawk l-Istati Membri ma jipparteċipawx fid-diżpożizzjonijiet kollha ta' l-acquis ta' Schengen;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li, bħala konsegwenza, huwa meħtieġ li jsir użu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirrigwardaw koperazzjoni aktar mill-qrib bejn uħud mill-Istati Membri;

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-ħtieġa li jżommu relazzjoni speċjali mar-Repubblika ta' l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja, ġaladarba dawn iż-żewġ Stati, kif ukoll l-Istati Nordiċi membri ta' l-Unjoni Ewropea, huma marbuta bid-dispożizzjonijiet ta' l-Unjoni Nordika tal-passaporti;

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja huma awtorizzati li jistabbilixxu bejniethom koperazzjoni msaħħa fl-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet definiti mill-Kunsill, li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen. Din il-koperazzjoni għandha titwettaq fil-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni Ewropea u f’dak li għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

L-acquis ta' Schengen għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 u ta' l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tal- 25 ta' April 2005. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta' Schengen.

Artikolu 3

Il-parteċipazzjoni tad-Danimarka fl-adozzjoni ta' miżuri li jikkostitwixxu żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri u l-applikazzjoni tagħhom għad-Danimarka, għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 4

L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem f’parti jew fid-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-acquis ta' Schengen.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-talba bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u tar-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Istat konċernat.

Artikolu 5

1. Il-proposti u l-inizjattivi sabiex jinbena fuq l-acquis ta' Schengen għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

F'dan il-kuntest, jekk l-Irlanda jew ir-Renju Unit ma jkunux għarrfu bil-kitba lill-Kunsill fi żmien perijodu raġonevoli li jixtiequ jieħdu sehem, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għandha titqies li tkun ingħatat lill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 kif ukoll lill-Irlanda jew lir-Renju Unit jekk xi wieħed minnhom ikun jixtieq jieħu sehem fl-oqsma ta' koperazzjoni in kwistjoni.

2. Fejn jitqies li l-Irlanda jew ir-Renju Unit jkunu taw notifika skond deċiżjoni skond l-Artikolu 4, dawn jistgħu madankollu jgħarfu lill-Kunsill bil-miktub, fi żmien 3 xhur, li ma jixtiequx jieħdu sehem f'tali proposta jew inizjattiva. F'dak il-każ, l-Irlanda jew ir-Renju Unit m'għandhomx jieħdu sehem fl-adozzjoni tagħha. Mid-data ta' din in-notifika ta' l-aħħar, il-proċedura għall-adozzjoni tal-miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen għandha tiġi sospiża sa tmiem il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 jew 4 jew sakemm tiġi rtirata dik in-notifika fi kwalunkwe mument matul din il-proċedura.

3. Għall-Istat Membru li jkun għamel in-notifika msemmija fil-paragrafu 2, kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kunsill skond l-Artikolu 4 għandha tieqaf milli tapplika, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura proposta, safejn jitqies meħtieġ mill-Kunsill u taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu determinati f'deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-kriterji li ġejjin: il-Kunsill għandu jfittex li jżomm l-akbar livell possibbli ta' parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma tintlaqat serjament l-operabbiltà prattika tad-diversi partijiet ta' l-acquis ta' Schengen u filwaqt li tiġi rispettata l-koerenza tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha mill-iktar fis possibbli wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kunsill għandu, jekk meħtieġ wara li jkun sejjaħ żewġ laqgħat suċċessivi, jaġixxi fi żmien erba' xhur mill-proposta tal-Kummissjoni.

4. Jekk, sa tmiem il-perijodu ta' erba' xhur, il-Kunsill ma jkun adotta l-ebda deċiżjoni, Stat Membru jista', mingħajr dewmien, jitlob li l-kwistjoni tiġi mressqa lill-Kunsill Ewropew. F'dak il-każ, il-Kunsill Ewropew għandu, fil-laqgħa li jmiss tiegħu, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq il-proposta mill-Kummissjoni, jieħu deċiżjoni skond il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3.

5. Jekk, sa tmiem il-proċedura prevista fil-paragrafi 3 jew 4, il-Kunsill jew, skond il-każ, il-Kunsill Ewropew ma jkun adotta l-ebda deċiżjoni, is-sospensjoni tal-proċedura għall-adozzjoni tal-miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen għandha tintemm. Jekk, sussegwentement, l-imsemmija miżura tiġi adottata, kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kunsill skond l-Artikolu 4 għandha, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dik il-miżura, tieqaf milli tapplika għall-Istat Membru kkonċernat safejn u taħt il-kondizzjonijiet deċiżi mill-Kummissjoni, sakemm qabel l-adozzjoni tal-miżura, l-imsemmi Stat Membru ma jkunx irtira n-notifika tiegħu msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha taġixxi sad-data ta' din l-adozzjoni. Meta tieħu d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-kriterji msemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 6

Ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati fl-implementazzjoni ta' l-Acquis ta’ Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Proċeduri xierqa għandhom ikunu mifthiema għal dak l-effett fi Ftehim li għandu jiġi finaliżżat ma' dawk l-Istati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1. Dawn il-ftehim għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-Islanda u n-Norveġja għal kull konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Ftehim separat għandu jiġi konkluż ma' l-Islanda u n-Norveġja mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament, sabiex jistabbilixxi drittijiet u l-obbligi bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq minn-naħa l-waħda, u l-Islanda u n-Norveġja mill-oħra, f’dawk l-oqsma ta' l-Acquis ta’ Schengen li japplikaw għal dawn l-Istati.

Artikolu 7

Għall-għanijiet tan-negozjati għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, l-Acquis ta’ Schengen u miżuri oħra meħuda mill-istituzzjonijiet f' dan l-ambitu tiegħu, għandhom jitqiesu bħala acquis li għandu jiġi aċċettat kollu kemm hu mill-Istati kollha kandidati għall-adeżjoni.

PROTOKOLL (Nru 20)

DWAR L-APPLIKAZZJONI TA’ ĊERTI ASPETTI TA’ L-ARTIKOLU 26 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA GĦAR-RENJU UNIT U GĦALL-IRLANDA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jsolvu ċerti kwistjonijiet li jirrelataw mar-Renju Unit u l-Irlanda,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-eżistenza għal ħafna snin ta' l-arranġementi speċjali għall-ivjaġġar bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jkun intitolat, independentament mill-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u kull dispożizzjoniji oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull miżura addottata skond dawk it-Trattati, jew kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma' wieħed jew aktar Stati terzi, li jeżerċita fuq il-fruntieri tiegħu ma' Stati Membri oħra dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fir-Renju Unit bħalma huwa jikkonsidra li jkunu meħtieġa għal dan il-għan:

a) li jivverifika id-dritt għad-dħul fir-Renju Unit ta’ ċittadini ta' Stati Membri u tad-dipendenti tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom bil-Liġijiet ta' l-Unjoni, kif ukoll ta’ ċittadini ta’ Stati oħra li lilhom ingħataw drittijiet bħal dawn bi ftehim li bih huwa marbut ir-Renju Unit, u

b) li jiddetermina jekk jagħtix jew le lil persuni oħra il-permess li jidħlu fir-Renju Unit.

Xejn fl-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew f' xi dispożizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f' xi miżura adottata permezz tagħhom m’għandu jippreġudika id-dritt tar-Renju Unit li jadotta jew jeżerċita dawn il-kontrolli. Referenzi għar-Renju Unit f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu territorji li r-Renju Unit huwa responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħhom.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jibqgħu jagħmlu arranġamenti bejniethom rigward il-moviment ta’ persuni bejn it-territorji tagħhom ("Iż-Żona Komuni għall-Ivjaġġar"), waqt li jirrispettaw bi sħiħ id-drittijiet tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) ta’ dan il-Protokoll. Għalhekk, sakemm huma jżommu dawn l-arranġamenti, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll għandhom japplikaw għall-Irlanda skond l-istess termini u kondizzjonijiet bħal dawk għar-Renju Unit. Xejn fl-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, fl-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’xi miżura adottati permezz tagħhom, m’għandu jaffettwa dawn l-arranġamenti.

Artikolu 3

L-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw fuq il-fruntieri tagħhom jew f’xi post ieħor tad-dħul fir-territorju tagħhom dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fit-territorju tagħhom mir-Renju Unit jew minn xi territorji li r-relazzjonijiet barranin tagħhom ikunu taħt ir-reponsabbiltà tiegħu għall-istess għanijiet kif jinsabu fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll, jew mill-Irlanda sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll japplikaw għall-Irlanda.

Xejn fl-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew f' xi dispożizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’xi miżura adottata permezz tagħhom m’għandha tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri l-oħra li jadottaw jew jeżerċitaw kontrolli bħal dawn.

PROTOKOLL (Nru 21)

DWAR IL-POŻIZZJONI TAR-RENJU UNIT U L-IRLANDA FIR-RIGWARD TA' L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jsolvu ċerti kwistjonijiet dwar ir-Renju Unit u l-Irlanda,

WARA LI KKONSIDRAW il-Protokoll dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Suġġett għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandhom ikunu meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkunu jeħtieġu li jiġu adottati unanimament.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

B’konsegwenza ta’ l-Artikolu 1 u suġġett għall-Artikoli 3, 4 u 6, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta xi dispożizzjoni jew miżuri bħal dawn m’għandhom ikunu jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda jew japplikaw għalihom; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b'xi mod taffettwa l-kompetenza, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b' xi mod taffettwa la l-acquis communautaire, u lanqas dak ta' l-Unjoni u lanqas tifforma parti mil-liġijiet ta' l-Unjoni kif dawn japplikaw għar-Renju Unit jew l-Irlanda.

Artikolu 3

1. Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tlett xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li huma jkunu jixtiequ li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi uħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat ikun intitolat li jagħmel hekk.

L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni ta’ xi membru li ma jkunx wassal dik in-notifika, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandu jaddotta b' unanimità. Miżura adottata skond dan il-paragrafu torbot lill-Istati Membri kollha li jkunu ħadu parti fl-adozzjoni tagħha.

Il-miżuri adottati f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda fil-valutazzjonijiet dwar l-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

2. Jekk wara perijodu ta’ żmien raġonevoli xi miżura msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tista' tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda, il-Kunsill jista' jadotta dawk il-miżuri skond l-Artikolu 1 mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda. F’dak il-każ japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu f’kull żmien wara l-adozzjoni ta’ xi miżura mill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jaċċettaw dik il-miżura. F’dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 4a

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll japplikaw għar-Renju Unit u l-Irlanda anke għal miżuri proposti jew adottati skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jemendaw miżura eżistenti li biha jkunu marbuta.

2. Madankollu, f'każijiet fejn il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddetermina li n-nuqqas ta' parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda fil-verżjoni emendata ta' miżura eżistenti tagħmel mod li l-applikazzjoni ta' dik il-miżura tkun inpratikabbli għal Stati Membri oħra jew għall-Unjoni, huwa jista' jħeġġiġhom jagħmlu notifika skond l-Artikolu 3 jew 4. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3, perijodu ulterjuri ta' xahrejn jibda jgħodd mid-data ta' tali determinazzjoni mill-Kunsill.

Jekk, ma' l-iskadenza ta' dak il-perijodu ta' xahrejn mid-determinazzjoni tal-Kunsill, ir-Renju Unit jew l-Irlanda ma jkunux għamlu notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4, il-miżura eżistenti ma tibqax torbot u ma tibqax applikabbli għalih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel notifika skond l-Artikolu 4 qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja. Dan għandu jieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja jew ta' l-iskadenza tal-perijodu ta' xahrejn, skond liema tkun l-aktar tard.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu, wara diskussjoni sħiħa tal-kwistjoni, jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jipparteċipaw jew li jkunu pparteċipaw fl-adozzjoni tal-miżura emendatorja. Maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

3. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddetermina li r-Renju Unit jew l-Irlanda għandhom ikunu responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżura eżistenti.

4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4.

Artikolu 5

Stat Membru li ma jkunx marbut b’xi miżura adottata skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea ma jkunx tenut li jerfa' xi konsegwenzi finanzjarji ta’ dawk il-miżuri barra mill-ispejjeż amministrattivi meħtieġa għall-istituzzjonijiet, sakemm il-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-membri kollha tiegħu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċidix mod ieħor.

Artikolu 6

Meta, fil-każijiet imsemmija f’dan il-Protokoll, ir-Renju Unit jew l-Irlanda ikunu marbuta b’xi miżura adottata mill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet pertinenti tat-Trattati, għandhom japplikaw għal dak l-Istat f’dak li jirrigwarda dik il-miżura.

Artikolu 6a

Ir-Renju Unit jew l-Irlanda m'għandhomx ikunu marbuta minn regoli stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw it-trattament ta' data personali mill-Istati Membri fl-eżerċiżżju ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat, meta r-Renju Unit jew l-Irlanda ma jkunux marbuta b'regoli ta' l-Unjoni li jirregolaw forom ta' koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali jew ta' koperazzjoni tal-pulizija li fil-qafas tagħhom għandhom jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16.

Artikolu 7

L-Artikoli 3, 4 u 4a għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

L-Irlanda tista' tinnotifika bil-mitkub lill-Kunsill li hi ma tkunx aktar tixtieq li tkun marbuta bil-kondizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. F’dak il-każ, id-dispożizzjonijiet normali tat-trattat għandhom japplikaw għall-Irlanda.

Artikolu 9

Fir-rigward ta' l-Irlanda, dan il-Protokoll m'għandux japplika għall-Artikolu 75 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

PROTOKOLL (Nru 22)

DWAR IL-POŻIZZJONI TAD-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JFAKKRU id-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvern, li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew f’Edinburgu fit- 12 ta’ Diċembru 1992, rigward ċerti problemi mqajma mid-Danimarka dwar it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI NNOTTAW il-pożizzjoni tad-Danimarka f’dak li jirrigwarda iċ-Cittadinanza, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Politika tad-Difiża u l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kif stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Edinburgu,

KONXJI mill-fatt li l-kontinwazzjoni taħt it-Trattati tas-sistema legali li oriġinat fid-deċiżjoni ta' Edinburgu ser tillimita b'mod sinifikattiv il-parteċipazzjoni tad-Danimarka f'oqsma importanti ta' koperazzjoni ta' l-Unjoni, u li jkun fl-aħjar interess ta' l-Unjoni li tiġi assigurata l-integrità ta' l-acquis fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja,

XEWQANA għaldaqstant li jistabbilixxu qafas legali li joffri lid-Danimarka l-possibbiltà li tipparteċipa fl-adozzjoni ta' miżuri proposti msejsa fuq it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u jilqgħu l-intenzjoni tad-Danimarka li tagħmel użu minn din il-possibiltà meta jkun possibbli skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha,

FILWAQT LI JINNUTAW li d-Danimarka mhix ser iżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jkomplu jiżviluppaw il-koperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward ta' miżuri li ma jorbtux lid-Danimarka,

WAQT LI JIKKONSIDRAW l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen imdaħħal fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

PARTI I

Artikolu 1

Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta' ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta' kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m'għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m'għandha b'xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m'għandha b' xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta' l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta' l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. B'mod partikolari, atti ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona li huma emendati għandhom ikomplu jorbtu lil u jkunu applikabbli għad-Danimarka mingħajr bidla.

Artikolu 2a

L-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għal dawk ir-regoli stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw data ta' tip personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat.

Artikolu 3

Id-Danimarka m’għanda terfa' l-ebda konsegwenza finanzjarja tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1, barra l-ispejjeż amministrattivi konnessi ma' l-istituzzjonijiet.

Artikolu 4

1. Id-Danimarka għandha tiddeċiedi f' perjodu ta’ 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda fuq proposta jew inizjattiva li jiżviluppa fuq l-Acquis ta’ Schengen u li joħorġu minn din il-Parti, jekk timplimentax din il-miżura fil-liġi nazzjonali tagħha. Jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, din il-miżura toħloq obbligu skond il-ligi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra marbuta b'din il-miżura.

2. Jekk id-Danimarka tiddeċiedi li ma timplimentax xi deċiżjoni tal-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri marbuta b'din il-miżura u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

PARTI II

Artikolu 5

Għal dak li jirrigwarda l-miżuri adottati mill-Kunsill fil-qasam ta' l-Artikolu 26(1), ta' l-Artikolu 42 u ta' l-Artikoli 43 sa 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Għalhekk id-Danimarka m’għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni tagħhom. Id-Danimarka m'għandhiex iżżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jiżviluppaw iżjed il-koperazzjoni ta' bejniethom f'dan il-qasam. Id-Danimarka m’għandhiex tkun obbligata tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-ispiża operattiva li toriġina minn dawk il-miżuri, u lanqas li tpoġġi kapaċitajiet militari għad-dispożizzjoni ta' l-Unjoni.

L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

PARTI III

Artikolu 6

L-Artikoli 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw għal miżuri li jiddeterminaw il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom visa meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri, jew miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ format uniformi għall-visi.

PARTI IV

Artikolu 7

Id-Danimarka fi kwalunkwe żmien tista', skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinforma lill-Istati Membri l-oħra li hi ma tkunx tixtieq aktar tagħmel użu minn dan il-Protokoll kollu jew parti minnu. F’dak il-każ, id-Danimarka għandha tapplika għal kollox il-miżuri kollha relevanti li f’dak iż-żmien ikunu fis-seħħ fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

1. Fi kwalunkwe ħin u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, id-Danimarka tista', skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li b'effett mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta' wara n-notifika, l-Parti I għandha tkun komposta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness. F'dan il-każ u b'konsegwenza ta' dan, l-Artikolu 5 sa 8 għandhom jiġu nnumerati mill-ġdid.

2. Sitt xhur wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ in-notifika prevista fil-paragrafu 1, l-acquis kollu ta' Schengen kif ukoll il-miżuri adottati sabiex jiġi żviluppat fuq dan l-acquis, li sa dak iż-żmien kienu jorbtu lid-Danimarka bħala obbligi taħt id-dritt internazzjonali, għandhom jorbtu lid-Danimarka bħala dritt ta' l-Unjoni.

ANNESS

Artikolu 1

Suġġett għall-Artikolu 3, id-Danimarka m'għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern Daniż, għandha tkun meħtieġa għall-atti tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati b'mod unanimu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Skond l-Artikolu 1 u suġġett għall-Artikoli 3, 4 u 8, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-ebda waħda mill-miżuri adottati mill-Unjoni f'applikazzjoni ta' l-imsemmi Titolu u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet jew miżuri, ma għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha. L-ebda dispożizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta m' għandha b'xi mod tolqot il-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka. L-ebda dispożizzjoni, miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta m' għandha b'xi mod tolqot l-acquis communautaire jew dak ta' l-Unjoni u m' għandiex tagħmel parti mid-dritt ta' l-Unjoni kif japplika għad-Danimarka.

Artikolu 3

1. Id-Danimarka tista' tinnotifika lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tliet xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet preżentata lill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li tixtieq tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' kwalunkwe tali miżura proposta, u minn dak il-ħin id-Danimarka jkollha d-dritt li tagħmel hekk.

2. Jekk, fi żmien raġonevoli, miżura prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tad-Danimarka, il-Kunsill jista' jadotta l-miżura prevista fil-paragrafu 1 skond l-Artikolu 1, mingħajr il-parteċipazzjoni tad-Danimarka. F'dak il-każ, għandu japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Wara l-adozzjoni ta' miżura b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka tista' tinnotifika f'kull ħin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li taċċetta l-miżura msemmija. F'dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) ta' l-imsemmi Trattat għandha tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 5

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll japplikaw għad-Danimarka anke għal miżuri proposti jew adottati skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jemendaw miżura eżistenti li biha tkun marbuta.

2. Madankollu, f'każijiet fejn il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddetermina li n-non-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-verżjoni emendata ta' miżura eżistenti tagħmel mod li l-applikazzjoni ta' dik il-miżura tkun inprattikabbli għal Stati Membri oħra jew għall-Unjoni, huwa jista' jħeġġiġha tagħmel notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3, perijodu ulterjuri ta' xahrejn jibda jgħodd mid-data ta' tali determinazzjoni mill-Kunsill.

Jekk, ma' l-iskadenza ta' dak il-perijodu ta' xahrejn mid-determinazzjoni tal-Kunsill, id-Danimarka ma tkunx għamlet notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4, il-miżura eżistenti ma tibqax torbot jew tkun applikabbli għaliha, sakemm ma tkunx għamlet notifika skond l-Artikolu 4 qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja. Dan għandu jieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja jew ta' l-iskadenza tal-perijodu ta' xahrejn, skond liema tkun l-aktar tard.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu, wara diskussjoni sħiħa tal-kwistjoni, jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jipparteċipaw jew li jkunu pparteċipaw fl-adozzjoni tal-miżura emendatorja. Maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

3. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddetermina li d-Danimarka għandha tkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħha fil-miżura eżistenti.

4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4.

Artikolu 6

1. Notifika skond l-Artikolu 4 għandha tiġi preżentata mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-adozzjoni finali ta' miżura jekk din il-miżura tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Fil-każ li d-Danimarka ma tippreżentax notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4 dwar miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen, l-Istati Membri marbuta minnha u d-Danimarka għandhom jikkunsidraw il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

2. Notifika skond l-Artikoli 3 fir-rigward ta' miżuri li jibnu fuq l-acquis ta' Schengen għandha tiġi kkunsidrata irrevokabbilment bħala notifika skond l-Artikolu 3 fir-rigward ta' kwalunkwe proposta jew inizjattiva ulterjuri li timmira sabiex tibni fuq dik il-miżura, dment li tali proposta jew inizjattiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

Artikolu 7

Id-Danimarka m'għandhiex tkun marbuta minn regoli stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw it-trattament ta' data personali mill-Istati Membri fl-eżerċiżżju ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat, meta d-Danimarka ma tkunx marbuta b'regoli ta' l-Unjoni li jirregolaw forom ta' koperazzjoni ġudizzjarja fil-kamp kriminali jew ta' koperazzjoni tal-pulizija li fil-qafas tiegħu għandhom jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16.

Artikolu 8

Fejn, fil-każijiet imsemmija f'din il-Parti, id-Danimarka tkun marbuta b'miżura adottata mill-Kunsill b'applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet pertinenti tat-Trattati għandhom japplikaw għad-Danimarka għal dak li jikkonċerna l-miżura in kwistjoni.

Artikolu 9

Fejn id-Danimarka ma tkunx marbuta b'miżura adottata skond il-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, din m'għandha ssofri l-ebda konsegwenzi finanzjari ta' dik il-miżura ħlief għall-ispejjeż amministrattivi li jġarrbu l-istituzzjonijiet sakemm il-Kunsill ma jiddeċiedix mod ieħor, bl-unanimita' tal-membri kollha tiegħu, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

PROTOKOLL (Nru 23)

DWAR IR-RELAZZJONIJIET ESTERNI TA' L-ISTATI MEMBRI F’DAK LI GĦANDU X’JAQSAM MAL-QSIM TAL-FRUNTIERI ESTERNI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-ħtiġijiet ta' l-Istati Membri li jassiguraw il-kontrolli effettivi mal-fruntieri esterni tagħhom, b’koperazzjoni ma' pajjiżi terzi skond kif ikun xieraq,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Id-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri dwar il-qsim ta' fruntieri esterni inklużi fl-Artikolu 77(2) punt b) tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ Stati Membri li jinnegozjaw jew li jikkonkludu ftehim ma' pajjiżi terzi sakemm dawn jirrispettaw il-liġi ta' l-Unjoni u ftehim ieħor internazzjonali relevanti.

PROTOKOLL (Nru 24)

DWAR L-ASIL GĦAL ĊITTADINI TA' L-ISTATI MEMBRI TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI skond l-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

BILLI skond l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jikkostitwixxu parti mil-liġi ta' l-Unjoni bħala prinċipji ġenerali,

BILLI l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni li tassigura li fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) u (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea il-liġi tiġi osservata mill-Unjoni,

BILLI skond l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kull Stat Ewropew, meta japplika sabiex isir Membru ta' l-Unjoni, għandu jirrispetta l-valuri kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI JŻOMMU KONT li l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi mekkaniżmu għas-sospensjoni ta’ ċerti drittijiet fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn Stat Membru ta’ dawk il-valuri,

WAQT LI JFAKKRU li kull ċittadin ta’ Stat Membru, bħala ċittadin ta' l-Unjoni, igawdi minn status speċjali u protezzjoni li għandhom ikunu garantiti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI JIEĦDU KONT li t-Trattati jistabbilixxu żona mingħajr fruntieri interni u jagħti lil kull ċittadin ta' l-Unjoni id-dritt li jiċċaqlaq u jabita b’libertà fit-territorju ta' l-Istati Membri,

WAQT LI JIXTIEQU li jevitaw li l-istituzzjoni ta' l-asil tkun użata għal għanijiet li jmorru l-barra minn dawk li għalihom hija intenzjonata,

BILLI dan il-Protokoll jirrispetta il-finalità u l-objettivi tal-Konvenzjoni ta’ Ġeneva tat- 28 ta’ Lulju 1951 li għandha x’taqsam ma' l-istatus tar-refuġjati,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu Uniku

Meta wieħed iqis l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu reċiprokament pajjiżi ta’ oriġini ta' sigurta' għall-finijiet legali u prattiċi kollha f’dak li għandu x'jaqsam ma' materji ta’ asil. Għalhekk, kull applikazzjoni għal asil magħmula minn ċittadin ta’ xi Stat Membru tista' tiġi kkunsidrata jew dikjarata ammissibli għal proċessar minn Stat Membru ieħor biss f’dawn il-każijiet:

a) jekk l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikunu ċittadin ikompli, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, billi jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jieħu miżuri li jidderogaw fit-territorju tiegħu mill-obbligi skond dik il-Konvenzjoni;

b) jekk il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tkun ġiet mibdija u sakemm il-Kunsill, jew jekk ikun il-każ il-Kunsill Ewropew, jieħu deċiżjoni dwarha fil-konfront ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

c) jekk il-Kunsill ikun adotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin jew jekk il-Kunsill Ewropew ikun adotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7(2) ta' l-imsemmi Trattat fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

d) jekk Stat Membru jiddeċiedi hekk unilateralment rigward l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor; f’dak il-każ il-Kunsill għandu jiġi informat immedjatament; l-applikazzjoni għandha tiġi trattata fuq il-bażi tal-preżunzjoni li tkun manifestament bla bażi mingħajr ma taffettwa bl-ebda mod, irrispettivament ikun xi jkun il-każ, il-poter deċiżjonali ta' l-Istat Membru.

PROTOKOLL (Nru 25)

DWAR L-EŻERĊIZZJU TA' KOMPETENZI KONDIVIŻI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu uniku

B'referenza għall-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar kompetenzi kondiviżi, meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni f'ċertu qasam, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-eżerċizzju ta' kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta' l-Unjoni konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu.

PROTOKOLL (Nru 26)

DWAR IS-SERVIZZI TA' INTERESS ĠENERALI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

XEWQANA li jenfasizzaw l-importanza tas-servizzi ta' interess ġenerali,

QABLU DWAR id-dispożizzjonijiet ta' interpretazzjoni li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-valuri komuni ta' l-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fit-tifsira ta' l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jinkludu b'mod partikolari:

- ir-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdi, jikkummisjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li jkunu qrib kemm jista' jkun tal-ħtiġijiet ta' l-utenti;

- id-diversità bejn is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u d-differenzi fil-ħtiġijiet u l-preferenzi ta' l-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti;

- livell għoli f' termini ta' kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta' aċċess universali u tad-drittijiet ta' l-utenti;

Artikolu 2

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jaffettwaw bl-ebda mod il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jipprovdi, jikkummisjonaw u jorganizzaw is-servizzi non-ekonomiċi ta' interess ġenerali.

PROTOKOLL (Nru 27)

DWAR IS-SUQ INTERN U L-KOMPETIZZJONI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li s-suq intern kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jinkludi sistema li tassigura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta,

QABLU li

għal dawn l-għanijiet l-Unjoni għandha, jekk meħtieġ, tieħu miżuri skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b'inkluż l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan il-Protokoll għandu jiġi anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

PROTOKOLL (Nru 28)

DWAR IL- KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jsemmi, fost objettivi oħra, il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u li din il-koeżjoni tidher fost l-oqsma ta' kompetenza kondiviża ta' l-Unjoni elenkati fl-Artikolu 4(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JFAKKRU li d-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti, Titolu XVIII fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali meħuda flimkien jipprovdu l-bażi ġuridika għall-konsolidizzazjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, inkluż il-ħolqien ta’ fond ġdid,

FILWAQT LI JFAKKRU li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jipprovdu għall-ħolqien ta' Fond ta' Koeżjoni,

FILWAQT LI JINNOTAW li l-Bank ta' l-Investiment Ewropew qiegħed jislef ammonti kbar u li dejjem qed jiżdiedu, għall-ġid ta' l-ifqar reġjuni,

FILWAQT LI JINNOTAW ix-xewqa għal aktar flessibbiltà fl-arranġamenti għall-allokazjonijiet mill-Fondi Strutturali,

FILWAQT LI JINNOTAW ix-xewqa għall-modulazzjoni tal-livelli ta’ parteċipazzjoni ta' l-Unjoni fi programmi u proġetti f’ċerti pajjiżi,

FILWAQT LI JINNOTAW il-proposta li tingħata aktar konsiderazzjoni lill-prosperità relattiva ta' l-Istati Membri fis-sistema tar-riżorsi proprji,

JIRRIJAFFERMAW li l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija vitali għall-iżvilupp komplet u s-suċċess li jibqa' fit-tul ta' l-Unjoni,

JIRRIJAFFERMAW l-konvinzjoni tagħhom li l-Fondi Strutturali għandhom ikomplu jkollhom parti konsiderevoli sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koeżjoni,

JIRRIJAFFERMAW il-konvinzjoni tagħhom li il-Bank ta' l-Investiment Ewropew jrid ikompli jiddedika l-maġġoranza tar-riżorsi tiegħu għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u jiddikjaraw ruħhom disposti li jirrivedu il-bżonnijiet kapitali tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew malli dan ikun neċessarju għal dak l-għan,

JAQBLU li l-Fond ta’ Koeżjoni għandu jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-Unjoni għal proġetti fil-qasam tal-ambjent u n-networks transewropej fl-Istati Membri b’PGN per capita ta’ anqas minn 90 % tal-medja ta' l-Unjoni u li għandhom programm li jwassal għat-twettiq tal-kondizzjonijiet ta’ konverġenza ekonomika skond l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Europea,

JIDDIKJARAW l-intenzjoni tagħhom li jħallu marġni ta’ flessibbiltà akbar fl-allokazjoni ta’ fondi mill-Fondi Strutturali sabiex jiġu applikati għall-bżonnijiet speċifici mhux kontemplati taħt ir-regolomenti tal-Fondi Strutturali viġenti,

JIDDIKJARAW li huma disposti li jimmodulaw il-livelli ta’ parteċipazzjoni ta' l-Unjoni fil-kuntest ta’ programmi u proġetti tal-Fondi Strutturali, bil-ħsieb li jevitaw żidiet eċċessivi fin-nefqa ta' l-estimi fl-Istati Membri l-anqas sinjuri,

JIRRIKONOXXU l-bżonn li jiġi segwit regolarment il-progress fit-twettiq tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jiddikjaraw id-disponibbiltà tagħhom li jeżaminaw il-miżuri kollha neċessarji f’dan ir-rigward,

JIDDIKJARAW l-intenzjoni tagħhom li jagħtu aktar każ tal-kapaċità kontributtiva ta' l-Istati Membri individwali fis-sistema tar-riżorsi proprji u li jeżaminaw mezzi sabiex jikkoreġu, għall-Istati Membri l-inqas sinjuri, l-elementi regressivi li jeżistu fis-sistema preżenti tar-riżorsi proprji,

JAQBLU li jannettu dan il Protokoll mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

PROTOKOLL (Nru 29)

DWAR IS-SISTEMA TAX-XANDIR PUBBLIKU FL-ISTATI MEMBRI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media,

FTIEHMU DWAR id-dispożizzjonijiet ta' interpretazzjoni li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament ikun mogħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-missjoni ta' servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru, u sakemm dan il-finanzjament ma jaffettwax il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa' jittieħed kont tat-twettiq tal-missjoni ta' dak is-servizz pubbliku.

PROTOKOLL (Nru 30)

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TA' L-UNJONI EWROPEA GĦALL-POLONJA U GĦAR-RENJU UNIT

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea;

BILLI l-Karta għandha tiġi applikata f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 msemmi qabel u mat-Titolu VII tal-Karta nnifisha;

BILLI l-Artikolu 6 msemmi qabel jeħtieġ li l-Karta tkun applikata u interpretata mill-qrati tal-Polonja u tar-Renju Unit f' konformità stretta ma' l-ispjegazzjonijiet imsemmija f'dak l-Artikolu;

BILLI l-Karta fiha kemm drittijiet kif ukoll prinċipji;

BILLI l-Karta fiha kemm dispożizzjonijiet li huma ta' karattru ċivili u politiku u dawk li huma ta' karattru ekonomiku u soċjali;

BILLI l-Karta tikkonferma d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fl-Unjoni u tagħmel dawk id-drittijiet aktar viżibbli, mingħajr ma toħloq drittijiet jew prinċipji ġodda;

IFAKKRU l-obbligi tal-Polonja u tar-Renju Unit taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-liġi ta' l-Unjoni b'mod ġenerali;

JINNOTAW ix-xewqa tal-Polonja u tar-Renju Unit li jiċċaraw ċerti aspetti ta' l-applikazzjoni tal-Karta;

XEWQANA għalhekk li jiċċaraw l-applikazzjoni tal-Karta rigward il-liġijiet u l-azzjoni amministrattiva tal-Polonja u tar-Renju Unit, kif ukoll il-ġustizzjabbiltà tagħha fil-Polonja u fir-Renju Unit;

JAFFERMAW MILL-ĠDID li referenzi f'dan il-Protokoll għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Karta huma strettament mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Karta;

JAFFERMAW MILL-ĠDID li dan il-Protokoll huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Karta għall-Istati Membri l-oħra;

JAFFERMAW MILL-ĠDID li dan il-Protokoll huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra tal-Polonja u tar-Renju Unit taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u l-liġi ta' l-Unjoni b'mod ġenerali;

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

1. Il-Karta ma testendix il-fakulta tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet, il-prattiki jew l-azzjonijiet amministrattivi tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji fundamentali li hija tafferma mill-ġdid.

2. B'mod partikolari, u sabiex jiġi evitat kull dubbju, xejn fit-Titolu IV tal-Karta ma joħloq drittijiet ġustizzjabbli applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn il-Polonja jew ir-Renju Unit ikunu ipprevedew tali drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 2

Meta dispożizzjoni tal-Karta tirriferi għall-prattiki u l-liġijiet nazzjonali, din għandha tapplika għall-Polonja jew għar-Renju Unit biss fil-limitu li d-drittijiet jew il-prinċipji li jinsabu fiha jkunu rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattiki tal-Polonja jew tar-Renju Unit.

PROTOKOLL (Nru 31)

DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET FL-UNJONI TA' PRODOTTI PETROLIFIĊI RAFFINATI FL-ANTILLES TA' L-OLANDA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU jagħtu dettalji iktar kompleti dwar is-sistema ta' negozju applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Dan il-Protokoll huwa applikabbli għal prodotti petrolifiċi li jaqgħu taħt in-Nomenkaltura ta' Brussell numri 27.10, 27.11, 27.12, ex 27.13 (xama' tal-pitrolju, xama' petrolifika jew tax-shale u residwi tal-pitrolju) u 27.14, importati għall-użu fl-Istati Membri.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw irwieħhom li jagħtu lil prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda il-preferenzi tariffarji li jirriżultaw mill-Assoċjazzjoni ta' din ta' l-aħħar mal-Unjoni, taħt il-kondizzjonijiet previsti f'dan il-Protokoll. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ikunu xi jkunu r-regoli ta' l-oriġini applikati mill-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Meta l-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tistabbilixxi li importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2 fuq qed jikkawżaw diffikultajiet reali fis-suq ta' Stat Membru wieħed jew iktar, għandha tiddeċiedi li dazji doganali fuq l-importazzjonijiet imsemmija għandhom jiġu introdotti, miżjuda jew introdotti mill-ġdid mill-Istati Membri in kwistjoni, sal-limitu u għal dak il-perjodu li jista' jkun meħtieġ sabiex tiġi sodisfatta dik is-sitwazzjoni. Ir-rati tad-dazji doganali hekk introdotti, miżjuda jew introdotti mill-ġdid ma jistgħux jaqbżu id-dazji doganali applikabbli għal pajjiżi terzi għal dawn l-istess prodotti.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu fi kwalunkwe każ jiġu applikati meta l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda jilħqu żewġ miljun tunnellata metrika f'sena.

3. Il-Kunsill għandu jiġi nformat bid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skond il-paragrafi 1 u 2, inklużi dawk diretti lejn ir-rifjut ta' talba minn Stat Membru. Il-Kunsill għandu, fuq talba ta' kull Stat Membru, jassumi responsabbiltà għall-kwistjoni u jista' fi kwalukwe ħin jemendhom jew jirrevokhom.

Artikolu 4

1. Jekk Stat Membru jikkunsidra li importazzjonijiet ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda, magħmula jew direttament jew permezz ta' Stat Membru ieħor taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2 fuq, qed jikkawżaw diffikultajiet reali fis-suq tiegħu u li azzjoni immedjata hi meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti, jista' fuq l-inizjattiva tiegħu stess jiddeċiedi li japplika dazji doganali għal dawn l-importazzjonijiet, li r-rata tagħhom ma tistax taqbeż dawk tad-dazji doganali applikabbli għal pajjiżi terzi fir-rigward ta' l-istess prodotti. Għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi fi żmien xahar jekk il-miżuri meħuda mill-Istat għandhomx jinżammu jew għandhomx jiġu emendati jew ikkanċellati. Id-disposizzonijiet ta' l-Artikolu 3(3) għandhom ikunu applikabbli għal din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

2. Meta l-kwantitajiet ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda importati jew direttament jew permezz ta' Stat Membru, taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 2 fuq, fi Stat Membru jew Stati tal-KEE jeċċedu tul sena kalendarja it-tunnellaġġ li jidher fl-Anness ma' dan il-Protokoll, il-miżuri meħuda skond il-paragrafu 1 minn dak jew dawk l-Istati Membri għas-sena kurrenti għandhom jiġu kkunsidrati li huma ġustifikati; il-Kumissjoni għandha, wara li tassigura lilha nfisha li t-tunnellaġġ iffissat intlaħaq, tirreġistra formalment il-miżuri meħuda. F' dan il-każ l-Istati Membri l-oħra għandhom jastjenu milli jqiegħdu l-kwistjoni formalment quddiem il-Kunsill.

Artikolu 5

Jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tapplika restrizzjonijiet kwantitattivi għal prodotti petrolifiċi, mingħajr distinzjoni ta' mnejn huma impurtati, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu ukoll jiġu applikati għal importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti mill-Antilles ta' l-Olanda. F'dan il-każ għandu jingħata trattament preferenzjali lill-Antilles ta' l-Olanda meta pparagunata ma' pajjiżi terzi.

Artikolu 6

1. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 5 għandhom jiġu riveduti mill-Kunsill, b'deċiżjoni unanima, wara konsultazjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, meta definizzjoni komuni ta' oriġini għal prodotti petrolifiċi minn pajjiżi terzi u pajjiżi Assoċjati hija adottata, jew meta jittieħdu deċiżjonijiet fil-qafas ta' politika kummerċjali komuni għall-prodotti in kwistjoni jew meta hija stabbilita politika komuni għall-enerġija.

2. Meta ssir din ir-reviżjoni, madanakollu, preferenzi ekwivalenti għandhom fi kwalunkwe każ jiġu mantnuti a favur ta' l-Antilles ta' l-Olanda f'forma xierqa u għal kwantità minima ta' 2.5 miljun tunnellata metrika ta' prodotti petrolifiċi.

3. L-impenji ta' l-Unjoni fir-rigward ta' preferenzi ekwivalenti kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu, jekk meħtieġ, jitqassmu pajjiż b'pajjiż b'kont meħud tat-tunnellaġġ indikat fl-Anness ma' dan il-Protokoll.

Artikolu 7

Għall-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-mudell li ġej ta' importazzjonijiet fl-Istati Membri ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, li għandha tara li hija ċċirkolata, l-informazzjoni utli kollha għal dak l-għan skond il-kondizzjonijiet amministrattivi rakkomandati minnha.

ANNESS MAL-PROTOKOLL

Għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll li jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda, il-Partijiet Kontrenti Għolja iddeċidew li l-kwantità ta' 2 miljun tunnellata metrika ta' prodotti petrolifiċi mill-Antilles għandha tiġi allokata bejn l-Istati Membri kif ġej:

Il-Ġermanja … | 625000 tunnellata metrika |

L-Unjoni Ekonomika Belgo/Lussemburgiża … | 200000 tunnellata metrika |

Franza … | 75000 tunnellata metrika |

L-Italja … | 100000 tunnellata metrika |

L-Olanda … | 1000000 tunnellata metrika |

PROTOKOLL (Nru 32)

DWAR L-AKKWIST TAL-PROPRJETA IMMOBBLI FID-DANIMARKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JIXTIEQU li jsolvu ċertu problemi partikolari li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Minkejja l-provvedimenti tat-Trattati, id-Danimarka tista' żżomm il-leġislazzjoni eżistenti dwar l-akkwist tat-tieni dar.

PROTOKOLL (Nru 33)

DWAR L-ARTIKOLU 157 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA

Il-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Għall-fini ta' l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-benefiċċji pagabbli taħt skemi ta' sigurtà soċjali in konnessjoni ma' l-impjieg, ma jiġux ikkunsidrati bħala rimunerazzjoni jekk u sakemm jistgħu jiġu attribwiti għal perijodi ta' impjieg li ġew qabel is- 17 ta' Mejju 1990, ħlief fil-każ ta' ħaddiema jew ta' dawk l-aventi kawża, u li qabel dik id-data jkunu bdew proċeduri legali jew introduċew talba ekwivalenti taħt il-liġi nazzjonali li tkun tapplika.

PROTOKOLL (Nru 34)

DWAR ARRANGAMENTI SPECJALI GHALL-GROENLANDJA

Artikolu 1

1. It-trattament dwar l-importazzjoni ġewwa l-Unjoni ta' prodotti suġġetti għall-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd, li joriġinaw fil-Groenlandja, għandu, waqt li jikkonforma mal-mekkaniżmi ta' l-organizzazzjoni tas-suq komuni, jinvolvi l-eżenzjoni mid-dazji tad-dwana u l-piżijiet b'effett ekwivalenti, jekk il-possibbiltajiet ta' l-aċċess għaż-żoni tas-sajd tal-Groenlandja mogħtija lill-Unjoni skond il-ftehim bejn l-Unjoni u l-awtorità responsabbli għall-Groenlandja huma sodisfaċenti għall-Unjoni.

2. Il-miżuri kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-arranġamenti ta' l-importazzjoni għal dawn il-prodotti, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu ma' l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

PROTOKOLL (Nru 35)

DWAR L-ARTIKOLU 40.3.3 TAL-KOSTITUZZJONI TA' L-IRLANDA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

QABLU dwar id-dispożizzjoni li ġejja, li tkun annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea ta' l-Enerġija Atomika:

Xejn fit-Trattati, fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, jew fit-Trattati jew Atti li jimmodifikaw jew jissupplimentaw dawk it-Trattati, ma għandu jeffettwa l-applikazzjoni fl-Irlanda ta' l-Artikolu 40.3.3. tal-Kostituzzjoni ta’ L-Irlanda.

PROTOKOLL (Nru 36)

DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI, sabiex tiġi organizzata t-transizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-Trattati applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u dawk previsti mill-imsemmi Trattat huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet transitorji,

FTIEHMU dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika:

Artikolu 1

F'dan il-Protokoll, il-kliem "it-Trattati" jfissru t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 2

1. Għall-perijodu tal-leġislatura 2009-2014 li jkun jifdal fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan l-Artikolu, u b'deroga mill-Artikoli 189, it-tieni subparagrafu, u 190(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u mill-Artikoli 107, it-tieni subparagrafu, u 108(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, li kienu fis-seħħ meta saru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Ġunju 2009, u b'deroga min-numru ta' siġġijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-18-il siġġu li ġejjin għandhom jiżdiedu mas-736 siġġu eżistenti, sabiex b'hekk in-numru totali ta' membri tal-Parlament Ewropew isir provviżorjament 754 sat-tmiem tal-leġislatura 2009-2014:

Bulgarija | 1 |

Spanja | 4 |

Franza | 2 |

Italja | 1 |

Latvja | 1 |

Malta | 1 |

Olanda | 1 |

Awstrija | 2 |

Polonja | 1 |

Slovenja | 1 |

Svezja | 2 |

Renju Unit | 1 |

2. B'deroga għall-Artikolu 14(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jaħtru l-persuni li ser jimlew is-siġġijiet addizzjonali msemmijin fil-paragrafu 1, f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati u sakemm il-persuni kkonċernati jkunu ġew eletti b'vot dirett universali:

(a) f’elezzjonijiet ad hoc b'vot dirett universali fl-Istat Membru kkonċernat, f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew; jew

(b) b'referenza għar-riżultati tal-elezzjonijet tal-Parlament Ewropew tal- 4 sas- 7 ta' Ġunju 2009; jew

(c) b'ħatra mill-Parlament nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, minn fost il-membri tiegħu, tan-numru meħtieġ ta' membri, skont il-proċedura stabbilita minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri.

3. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew fi żmien opportun qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-MAĠĠORANZA KWALIFIKATA

Artikolu 3

1. Skond l-Artikolu 14(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu u d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill, għandu jkollhom effett mill- 1 ta' Novembru 2014.

2. Bejn l- 1 ta' Novembru 2014 u l- 31 ta' Marzu 2017, meta att ikollu jiġi adottat bil-maġġoranza kwalifikata, membru tal-Kunsill jista' jitlob li l-att jiġi adottat bil-maġġoranza kwalifikata kif definita fil-paragrafu 3. F'dak il-każ, għandhom japplikaw il-paragrafi 3 u 4.

3. Sal- 31 ta' Ottubru 2014, għandhom ikunu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li ġejjin, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 235(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Fejn il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu bil-maġġoranza kwalifikata, il-voti tal-membri għandhom jitqiesu li għandhom il-piż kif ġej:

Belġju | 12 |

Bulgarija | 10 |

Repubblika Ċeka | 12 |

Danimarka | 7 |

Ġermanja | 29 |

Estonja | 4 |

Irlanda | 7 |

Greċja | 12 |

Spanja | 27 |

Franza | 29 |

Italja | 29 |

Ċipru | 4 |

Latvja | 4 |

Litwanja | 7 |

Lussemburgu | 4 |

Ungerija | 12 |

Malta | 3 |

Olanda | 13 |

Awstrija | 10 |

Polonja | 27 |

Portugall | 12 |

Rumanija | 14 |

Slovenja | 4 |

Slovakkja | 7 |

Finlandja | 7 |

Svezja | 10 |

Renju Unit | 29 |

L-atti għandhom jiġu adottati jekk ikun hemm mill-inqas 255 vot favur li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri meta, skond it-Trattati, għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni. F'każijiet oħra l-atti għandhom jiġu adottati jekk ikun hemm mill-inqas 255 vot favur li jirrappreżentaw mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri.

Membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill jista' jitlob li, fejn att huwa adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, jiġi verifikat jekk l-Istati Membri li jiffurmaw din il-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentawx mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni. Jekk jinstab li dan ma jkunx il-każ, l-att m'għandux ikun adottat.

4. Sal- 31 ta' Ottubru 2014, fil-każijiet fejn, skond it-Trattati mhux il-membri kollha tal-Kunsill jipparteċipaw fil-vot, jiġifieri fil-każijiet fejn issir referenza għall-maġġoranza kwalifikata definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun imfissra bħala li hija l-istess proporzjon tal-voti peżati u l-istess proporzjon tan-numru tal-membri tal-Kunsill u, jekk ikun xieraq, l-istess perċentwali tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri konċernati kif stabbilit fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-FORMAZZJONIJIET TAL-KUNSILL

Artikolu 4

Sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni prevista fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 16(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jista' jiltaqa' fil-konfigurazzjonijiet previsti fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta' dak il-paragrafu kif ukoll fil-konfigurazzjonijiet l-oħra fuq il-lista stabbilita b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KUMMISSJONI, INKLUŻ IR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TA' L-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA' SIGURTÀ

Artikolu 5

Il-Membri tal-Kummissjoni fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għandhom jibqgħu fil-kariga sat-tmiem tal-mandat tagħhom. Madankollu, fil-jum tal-ħatra tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jintemm il-mandat tal-membru li jkollu l-istess nazzjonalità tar-Rappreżentant Għoli.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IS-SEGRETARJU ĠENERALI TAL-KUNSILL, IR-RAPPREŻENTANT GĦOLI GĦALL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI U D-DEPUTAT SEGRETARJU ĠENERALI TAL-KUNSILL

Artikolu 6

Il-mandati tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli għall-politika estera u ta' sigurtà komuni u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandhom jintemmu fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Il-Kunsill għandu jaħtar Segretarju Ġenerali skond l-Artikolu 240(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KORPI KONSULTATTIVI

Artikolu 7

Sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 301 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-allokazzjoni tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandha tkun kif ġej:

Belġju | 12 |

Bulgarija | 12 |

Repubblika Ċeka | 12 |

Danimarka | 9 |

Ġermanja | 24 |

Estonja | 7 |

Irlanda | 9 |

Greċja | 12 |

Spanja | 21 |

Franza | 24 |

Italja | 24 |

Ċipru | 6 |

Latvja | 7 |

Litwanja | 9 |

Lussemburgu | 6 |

Ungerija | 12 |

Malta | 5 |

Olanda | 12 |

Awstrija | 12 |

Polonja | 21 |

Portugall | 12 |

Rumanija | 15 |

Slovenja | 7 |

Slovakkja | 9 |

Finlandja | 9 |

Svezja | 12 |

Renju Unit | 24 |

Artikolu 8

Sakemm tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 305 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-allokazzjoni tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għandha tkun kif ġej:

Belġju | 12 |

Bulgarija | 12 |

Repubblika Ċeka | 12 |

Danimarka | 9 |

Ġermanja | 24 |

Estonja | 7 |

Irlanda | 9 |

Greċja | 12 |

Spanja | 21 |

Franza | 24 |

Italja | 24 |

Ċipru | 6 |

Latvja | 7 |

Litwanja | 9 |

Lussemburgu | 6 |

Ungerija | 12 |

Malta | 5 |

Olanda | 12 |

Awstrija | 12 |

Polonja | 21 |

Portugall | 12 |

Rumanija | 15 |

Slovenja | 7 |

Slovakkja | 9 |

Finlandja | 9 |

Svezja | 12 |

Renju Unit | 24 |

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI DWAR L-ATTI ADOTTATI ABBAŻI TAT-TITOLI V U VI TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA QABEL ID-DĦUL FIS-SEĦĦ TAT-TRATTAT TA' LISBONA

Artikolu 9

L-effetti legali ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għandhom jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, isiru nulli jew jiġu emendati fl-implementazzjoni ta' dawn it-Trattati. L-istess japplika għall-konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

1. Bħala miżura transitorja, u fir-rigward ta' atti ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-kompetenzi ta' l-istituzzjonijiet fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak it-Trattat għandhom ikunu dawn li ġejjin: il-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea m'għandhomx ikunu applikabbli u s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattatta' Lisbona, għandhom jibqgħu l-istess, inkluż fejn dawn ġew aċċettati taħt l-Artikolu 35(2) ta' l-imsemmi Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2. L-emendar ta' att imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvolvi l-applikabbiltà tas-setgħat ta' l-istituzzjonijiet imsemmija f'dak il-paragrafu kif stabbilit fit-Trattati fir-rigward ta' l-att emendat u għal dawk l-Istati Membri li għalihom għandu japplika dak l-att emendat.

3. Fi kwalunkwe każ, il-miżura transitorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattatta' Lisbona.

4. Sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu transitorju msemmi fil-paragrafu 3, ir-Renju Unit jista' jinnotifika lill-Kunsill li dan ma jaċċettax, fir-rigward ta' l-atti msemmija fil-paragrafu 1, is-setgħat ta' l-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u kif previsti fit-Trattati. Fil-każ li r-Renju Unit ikun għamel dik in-notifika, l-atti kollha msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu milli japplikaw għalih mid-data ta' l-iskadenza tal-perijodu transitorju msemmi fil-paragrafu 3. Dan is-subparagrafu m'għandux japplika fir-rigward ta' l-atti emendati li huma applikabbli għar-Renju Unit kif imsemmi fil-paragrafu 2.

Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina l-arranġamenti ta' konsegwenza u transitorji meħtieġa. Ir-Renju Unit m'għandux jipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni. Maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' wkoll jadotta deċiżjoni li tiddetermina li r-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu f'dawk l-atti.

5. Ir-Renju Unit jista', fi kwalunkwe ħin wara, jinnotifika lill-Kunsill bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa f'atti li waqfu milli japplikaw għalih skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4. F'dak il-każ għandhom japplikaw, skond il-każ, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea jew tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta' l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Is-setgħat ta' l-istituzzjonijiet fir-rigward ta' dawk l-atti għandhom ikunu dawk stabbiliti fit-Trattati. Meta jaġixxu skond il-Protokolli rilevanti, l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom ifittxu li jerġgħu jistabbilixxu l-akbar livell possibbli ta' parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-acquis ta' l-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr ma tintlaqat l-operabbiltà prattika tad-diversi partijiet tiegħu u filwaqt li tiġi rispettata l-koerenza tagħhom.

PROTOKOLL (Nru 37)

DWAR IL-KONSEGWENZI FINANZJARJI TA’ L-ISKADENZA TAT-TRATTAT TAL-KEFA U DWAR IL-FOND TAR-RICERKA GHALL-FAHAM U L-AZZAR

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT li jfakkru li l-kapital u d-dejn kollu tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar kif kien jeżisti fit- 23 ta' Lulju 2002, kien ingħadda lill-Komunità Ewropea fl- 24 ta' Lulju 2002,

WAQT LI JQISU x-xewqa li jużaw dawn il-fondi għar-riċerka f’setturi relatati ma’ l-industrija tal-faħam u l-azzar u, għalhekk, il-ħtieġa li jipprovdu ċerti regoli speċifiċi f’dan ir-rigward,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

1. Il-valur nett ta’ dawn l-assi u djun, kif jidhru fil-balance sheet tal-KEFA fit- 23 ta’ Lulju 2002, suġġetti għal xi awment jew tnaqqis konsegwenti għall-operazzjoni ta' likwidazzjoni, huwa kunsidrat bħala patrimonju destinat għar-riċerka fis-setturi konnessi ma’ l-industrija tal-faħam u l-azzar, imsejħa "likwidazzjoni tal-KEFA". Meta tintemm il-likwidazzjoni il-patrimonju jissejjaħ "Patrimonju tal-Fond ta' Riċerka tal-Faħam u l-Azzar".

2. Id-dħul minn dan il-patrimonju msejjaħ "Fond ta' Riċerka tal-Faħam u l-Azzar" jiġi utilizzat esklussivament għar-riċerka f'setturi konnessi ma' l-industrija tal-faħam u ta' l-azzar 'il barra mill-programm qafas ta' riċerka, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll u ta' l-atti adottati abbażi tiegħu.

Artikolu 2

Il-Kunsill, li jaġixxi skond proċedura leġislattiva speċjali u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, inklużi l-prinċipji essenzjali.

Il-Kunsill għandu jadotta, fuq proposta mil-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-miżuri li jistabbilixxu l-linji gwida finanzjarji pluriennali għall-immaniġġar tal-patrimonju tal-Fond ta' Riċerka tal-faħam u l-azzar u linji gwida tekniċi għall-programm ta’ riċerka għall-Fond ta’ Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar.

Artikolu 3

Barra minn kif provdut mod ieħor f’dan il-Protokoll u fl-atti adottati abbażi tiegħu, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

[*] Artikolu introdott mid-Deċiżjoni 2008/79/KE, Euratom (ĠU L 24, 29.1.2008, p. 42).

[*] Test suġġett għal rettifika li qiegħda tiġi preparata.

--------------------------------------------------

Annessi

ANNESS I

LISTA PREVISTA FL-ARTIKOLU 38 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA

- 1 - | - 2 - |

Numru fin-Nomenklatura ta' Brussell | Deskrizzjoni tal-prodotti |

Kapitolu 1 | Annimali ħajjin |

Kapitolu 2 | Laħam u interjuri tal-laħam li jittieklu |

Kapitolu 3 | Ħut, krustaċej u molluski |

Kapitolu 4 | Prodotti tal-ħalib, bajd ta’ l-għasafar; għasel naturali |

Kapitolu 5

05.04 | Imsaren, bżieżaq u stonku ta’ l-annimali (barra minn ħut), sħaħ jew bċejjeċ minnhom |

05.15 | Prodotti ta’ l-annimali li ma humiex speċifikati jew inklużi mkien ieħor; annimali mejta tal-Kapitolu 1 jew tal-Kapitolu 3, mhux tajba għal konsum uman |

Kapitolu 6 | Siġar ħajjin u pjanti oħra, basal, għeruq u oħrajn simili; fjuri maqtuha u weraq ornamentali |

Kapitolu 7 | Ħaxix tajjeb għall-ikel u ċerti għeruq u tuberi |

Kapitolu 8 | Frott tajjeb għall-ikel, ġews (nuts); qxur tal-bettiegħ jew frott taċ-ċitru |

Kapitolu 9 | Kafe, te u ħwawar, esklużi maté (intestatura Nru 09.03) |

Kapitolu 10 | Ċereali |

Kapitolu 11 | Prodotti ta' l-industrija tad-dħin; xgħir; lamtijiet; gluten; inulin |

Kapitolu 12 | Żrieragħ taż-żejt u frott oleaġinuż; qmuħ varji, żrieragħ u frott; pjanti industrijali jew mediċinali, tiben u għalf ta' l-annimali |

Kapitolu 13

ex 13.03 | Pektin |

Kapitolu 15

15.01 | Sonża u xaħam maħdum tal-majjali; xaħam maħdum tat-tjur |

15.02 | Xaħmijiet mhux laċerati ta’ annimali bovini, nagħaġ jew mogħoż; xaħam tad-dam (inkluż "premier jus") prodott minn dawk ix-xaħmijiet |

15.03 | Sonża stearin, oleostearin u stearin tax-xaħam tad-dam; żejt tas-sonża, żejt-oleo u żejt tax-xaħam tad-dam, mhux emulsifat jew imħallat jew imħejji b’xi mod |

15.04 | Xaħmijiet u żjut, minn ħut u mammiferi marini, sew jekk raffinati u anki jekk le |

15.07 | Żjut statiċi veġitali, fluwidi jew solidi, krudi, raffinati jew purifikati |

15.12 | Xaħmijiet u żjut annimali jew veġitali, idroġeniżżati, sew jekk raffinati u anki jekk le, imma mhux aktar imħejjija |

15.13 | Marġerina, imitazzjoni ta’ xaħam u preparati oħra ta’ xaħmijiet li jittieklu |

15.17 | Residwi li jirriżultaw mit-trattament ta’ materjal xaħmi jew annimali jew xama' tal-ħxejjex |

Kapitolu 16 | Preparati ta' laħam, ħut, krustaċej jew molluski |

Kapitolu 17

17.01 | Zokkor tal-pitravi u zokkor tal-kannamieli, solidu |

17.02 | Zokkrijiet oħrajn; xiroppi taz-zokkor, għasel artifiċjali (sew jekk imħallat ma għasel naturali u sew jekk le); karamella |

17.03 | Molassi (għasel iswed). Kemm jekk skulurat u anki jekk le |

17.05 [1] | Zokkrijiet bit-togħma jew bil-kulur, xiroppi u molassi, imma ma jinkludux għasir tal-frott li jkun fihom zokkor miżjud fi kwalunkwe proporzjon |

Kapitolu 18

18.01 | Żerriegħa tal-kokotina, sħiħa jew miksura, nejja jew inkaljata |

18.02 | Qxur tal-kokotina, fosdoq, ħliefa u skart |

Kapitolu 20 | Preparati tal-ħxejjex, frott jew partijiet oħra ta’ pjanti |

Kapitolu 22

22.04 | Most ta’ l-għeneb, fil-fermentazzjoni jew bil-fermentazjoni mwaqqfa, barra milli biż-żieda ta’ alkoħol |

22.05 | Inbid minn għeneb frisk; most ta’ l-għeneb bil-fermentazzjoni mwaqqfa biż-żieda ta’ alkoħol |

22.07 | Xorb ieħor iffermentat (per eżempju cidru, perry u mead) |

ex 22.08 [1] ex 22.09 [1] | Alkoħol etiliku jew spirti newtrali, denaturati jew le, ta’ kull saħħa, derivati minn prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat, bl-esklużjoni ta’ likuri u xorb spirituż ieħor u preparati alkoħoliċi komposti (magħrufa bħala "estratti konċentrati") għall-fabbrikazzjoni ta’ xorb |

22.10 [1] | Ħall u sostituti għall-ħall |

Kapitolu 23 | Residwi u skart minn industriji ta' l-ikel; għalf ippreparat għall-annimali |

Kapitolu 24

24.01 | Tabakk mhux maħdum; skart tat-tabakk |

Kapitolu 45

45.01 | Sufra naturali, mhux maħduma, mgħaffġa, ggranulata jew mitħuna; skart tas-sufra |

Kapitolu 54

54.01 | Kittien, naturali jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa tal-kittien u fdalijiet (inklużi ċraret miġbuda jew iggarnettjati) |

Kapitolu 57

57.01 | Qanneb veru (Cannabis sativa), nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi ċraret u ħbula miġbuda jew iggarnettjati) |

ANNESS II

PAJJIZI U TERRITORJI EXTRA-EWROPEJ LI GHALIHOM JAPPLIKAW ID-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-PARTI IV TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA

- Il-Groenlandja,

- Il-Kaledonja l-ġdida u d-dipendenzi tagħha,

- Il-Polineżja Franċiża,

- It-Territorji Franċiżi tan-Nofs-in-Nhar u Antartiċi,

- Il-Gżejjer Wallis u Futuna,

- Mayotte,

- Saint Pierre u Miquelon,

- L-Aruba,

- L-Antilles Olandiżi:

- Il-Bonaire,

- Il-Curacao,

- Is-Saba,

- Sint-Eustasius,

- Sint-Maarten,

- L-Anguilla,

- Il-Gżejjer Kajman,

- Il-Gżejjer Falkland,

- Il-Gżejjer ta’ Ġjorġja ta’ Nofs-in-Nhar u Sandwich ta’ Nofs-in-Nhar,

- Il-Montserrat,

- Il-Pitcairn,

- Sant’ Elena u d-Dipendenzi,

- It-Territorju Brittanniku ta' l-Antartika,

- It-Territorju Britanniku ta' l-Oċean Indjan,

- Il-Gżejjer Turks u Caicos,

- Il-Gżejjer Britanniċi Verġni,

- Il-Bermuda.

[*] Prodotti miżjuda permezz ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament 7A tal-Kunsill tal-Komunità Ekonomika Ewropea, tat- 18 ta' Diċembru 1959 (ĠU 7, 30.1.1961, p. 71).

--------------------------------------------------

Dikjarazzjonijiet

annessi ma' l-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta' Lisbona

ffirmat fit- 13 ta' Diċembru 2007

A. DIKJARAZZJONIJIET DWAR DISPOŻIZZJONIJIET TAT-TRATTATI

1. Dikjarazzjoni dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, li hija legalment vinkolanti, tikkonferma d-drittijiet fundamentali garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

Il-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta' l-Unjoni, u la toħloq kompetenzi jew kompiti ġodda għall-Unjoni, u lanqas timmodifika l-kompetenzi u l-kompiti kif definiti fit-Trattati.

2. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza taqbel li l-adeżjoni ta' l-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali għandha ssir b'mod li jiġu ppreservati l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ordni ġuridiku ta' l-Unjoni. F'dan ir-rigward, il-Konferenza tinnota l-eżistenza ta' djalogu regolari bejn il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tali djalogu jista' jiġi msaħħaħ meta l-Unjoni Ewropea taderixxi ma' din il-Konvenzjoni.

3. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

L-Unjoni ser tqis is-sitwazzjoni partikolari ta' pajjiżi ta' daqs territorjali żgħir li jżommu magħha relazzjonijiet speċifiċi mill-qrib.

4. Dikjarazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

Is-siġġu addizzjonali fil-Parlament Ewropew ser jingħata lill-Italja.

5. Dikjarazzjoni dwar il-qbil politiku mill-Kunsill Ewropew fir-rigward ta' l-abbozz ta' Deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-Kunsill Ewropew ser jagħti l-qbil politiku tiegħu dwar l-abozz rivedut ta' Deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għal-leġislatura 2009-2014, abbażi ta' proposta mill-Parlament Ewropew.

6. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 15(5) u (6), l-Artikolu 17(6) u (7) u l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Fl-għażla tal-persuni msejħa sabiex jassumu l-funzjonijiet ta' President tal-Kunsill Ewropew, ta' President tal-Kummissjoni u ta' Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jittieħed kont debitu tal-ħtieġa li tiġi rispettata d-diversità ġeografika u demografika ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri tagħha.

7. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tiddikjara li d-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea ser tiġi adottata mill-Kunsill fid-data ta' l-iffirmar tat-Trattat ta' Lisbona u ser tidħol fis-seħħ fil-jum li fih jidħol fis-seħħ it-Trattat imsemmi. L-abbozz tad-deċiżjoni jidher hawn taħt:

Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea bejn l- 1 ta' Novembru 2014 u l- 31 ta' Marzu 2017 min-naħa l-waħda, u mill- 1 ta' April 2017 min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Billi:

(1) Huwa kkunsidrat xieraq li jiġu adottati dispożizzjonijiet li jippermettu transizzjoni bla xkiel mis-sistema ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, kif definit fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li ser jibqa' japplika sal- 31 ta' Ottubru 2014,għas-sistema ta' votazzjoni prevista fl-Artikolu l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li għandha tapplika mill- 1 ta' Novembru 2014, inkluż, matul perijodu transitorju sal- 31 ta' Marzu 2017, dispożizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 3(2), tal-Protokoll imsemmi hawn fuq.

(2) Huwa mfakkar li l-prattika tal-Kunsill hija li jiddedika kull sforz sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika ta' l-atti adottati bil-maġġoranza kwalifikata,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet applikabbli bejn l- 1 ta' Novembru 2014 u l- 31 ta' Marzu 2017

Artikolu 1

Bejn l- 1 ta' Novembru 2014 u l- 31 ta' Marzu 2017, jekk membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw:

a) mill-inqas tliet kwarti tal-popolazzjoni, jew

b) mill-inqas tliet kwarti ta' l-għadd ta' Stati Membri

meħtieġa sabiex jikkostitwixxu minoranza li timblokka b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu l-Artikolu 16(4), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, jindikaw l-oppożizzjoni tagħhom għall-adozzjoni ta' att mill-Kunsill bil-maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill għandu jiddiskuti din il-kwistjoni.

Artikolu 2

Il-Kunsill għandu, matul dawn id-diskussjonijiet, jagħmel kull ma jkun fis-setgħa tiegħu sabiex isib soluzzjoni sodisfaċenti, fi żmien raġonevoli u mingħajr preġudizzju għat-termini perentorji stabbiliti bil-liġi ta' l-Unjoni, sabiex jindirizza t-tħassib imqajjem mill-membri tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Għal dan il-għan, il-President tal-Kunsill, bl-assistenza tal-Kummissjoni u filwaqt li jirrispetta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, għandu jieħu kwalunkwe inizjattiva meħtieġa sabiex jiffaċilita l-kisba ta' ftehim fuq bażi aktar wiesgħa fil-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill għandhom jagħtuh l-għajnuna tagħhom.

Taqsima 2

Dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati mill- 1 ta' April 2017

Artikolu 4

Mill- 1 ta' April 2017, jekk membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw:

a) mill-inqas 55% tal-popolazzjoni, jew

b) mill-inqas 55% ta' l-għadd ta' Stati Membri,

meħtieġa sabiex jikkostitwixxu minoranza li timblokka b' riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu l-Artikolu 16(4), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, jindikaw l-oppożizzjoni tagħhom għall-adozzjoni ta' att mill-Kunsill bil-maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill għandu jiddiskuti din il-kwistjoni.

Artikolu 5

Il-Kunsill għandu, matul din id-diskussjoni, jagħmel kull ma jista' sabiex isib soluzzjoni sodisfaċenti, fi żmien raġonevoli u mingħajr preġudizzju għat-termini perentorji stabbiliti fil-liġi ta' l-Unjoni, sabiex jindirizza t-tħassib imqajjem mill-membri tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 6

Għal dan il-għan, il-President tal-Kunsill, bl-assistenza tal-Kummissjoni u filwaqt li jirrispetta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, għandu jieħu kwalunkwe inizjattiva meħtieġa sabiex jiffaċilita l-kisba ta' ftehim fuq bażi aktar wiesgħa fil-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill għandhom jagħtuh l-għajnuna tagħhom.

Taqsima 3

Dħul fis-seħħ

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

8. Dikjarazzjoni dwar il-miżuri prattiċi li għandhom jittieħdu mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Barranin

Fil-każ li t-Trattat ta' Lisbona jidħol fis-seħħ wara l- 1 ta' Jannar 2009, il-Konferenza tistieden lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jeżerċita l-presidenza semestrali tal-Kunsill f'dak iż-żmien, minn naħa, u lill-persuna li tkun eletta President tal-Kunsill Ewropew u lill-persuna li tinħatar Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, min-naħa l-oħra, sabiex, f'konsultazzjoni mal-presidenza semestrali li jkun imiss, jieħdu l-miżuri konkreti meħtieġa li jippermettu transizzjoni effiċjenti ta' l-aspetti materjali u organizzattivi ta' l-eżerċizzju tal-presidenza tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Barranin.

9. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16(9) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill

Il-Konferenza tiddikjara li l-Kunsill għandu jibda jħejji d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-proċeduri għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill hekk kif jiġi ffirmat it-Trattat li jemenda t-Trattat ta' Lisbona u jagħtiha l-approvazzjoni politika tiegħu fi żmien sitt xhur. Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, li ser tiġi adottata fil-jum tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat imsemmi, tidher hawn taħt:

Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew

dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill

Artikolu 1

1. Il-Presidenza tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-formazzjoni ta' l-Affarijiet Barranin għandha tiġi eżerċitata minn gruppi pre-stabbiliti ta' tliet Stati Membri għal perjodu ta' 18-il xahar. Dawn il-gruppi għandhom ikunu ffurmati fuq bażi ta' rotazzjoni ndaqs bejn l-Istati Membri, li tieħu kont tad-diversità tagħhom u tal-bilanċ ġeografiku fi ħdan l-Unjoni.

2. Kull membru tal-grupp għandu jippresjedi f' rotazzjoni, għal perijodu ta' sitt xhur, il-presidenza tal-formazzjonijiet kollha tal-Kunsill, minbarra l-formazzjoni Affarijiet Barranin. Il-membri l-oħra tal-grupp għandhom jassistu lill-Presidenza fir-responsabbiltajiet tagħha kollha, abbażi ta' programm komuni. Il-Membri tal-grupp jistgħu jiddeċiedu dwar arranġamenti alternattivi bejniethom.

Artikolu 2

Il-presidenza tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandha tiġi eżerċitata minn rappreżentant ta' l-Istat Membru li jeżerċita l-presidenza tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali.

Il-presidenza tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandha tiġi eżerċitata minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Il-presidenza tal-korpi preparatorji tal-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill, minbarra l-formazzjoni ta' l-Affarijiet Barranin, għandha taqa' fuq il-membru tal-grupp li jeżerċita l-presidenza tal-formazzjoni relevanti, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor skond l-Artikolu 4.

Artikolu 3

Il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali, bil-koperazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jassigura l-koerenza u l-kontinwità fix-xogħol tal-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill fil-qafas ta' programmazzjoni pluriennali. L-Istati Membri li jeżerċitaw il-Presidenza għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-organizzazzjoni u t-tħaddim tajjeb tax-xogħol tal-Kunsill, bl-assistenza tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 4

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

10. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkunsidra li, meta l-Kummissjoni ma tibqax tinkludi ċittadini ta' l-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li tiżgura trasparenza sħiħa fir-relazzjonijiet tagħha ma' l-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tkun f'kuntatt mill-qrib ma' l-Istati Membri kollha, kemm jekk għandhom ċittadin li qed iservi bħala Membru tal-Kummissjoni kif ukoll jekk m' għandhomx, u f'dan il-kuntest għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jkun hemm skambju ta' informazzjoni u konsultazzjoni ma' l-Istati Membri kollha.

Il-Konferenza tikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li jitqiesu b'mod sħiħ ir-realtajiet politiċi, soċjali u ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, inklużi dawk li ma għandhomx ċittadin li qed iservi bħala Membru tal-Kummissjoni. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-garanzija li l-pożizzjoni ta' dawk l-Istati Membri tittieħed in kunsiderazzjoni peremzz ta' l-adozzjoni ta' arranġamenti ta' organizzazzjoni xierqa.

11. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkunsidra li, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew għandhom responsabbiltà konġunta li jaraw li l-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea jimxi tajjeb. Qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew għandhom għaldaqstant jagħmlu l-konsultazzjonijiet meħtieġa fil-qafas li jqisu l-aktar xieraq. Skond l-Artikolu 17(7), l-ewwel subparagrafu, dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jiffukaw fuq il-profil tal-kandidati għall-Presidenza tal-Kummissjoni, wara li jieħdu kont ta' l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. L-arranġamenti għal dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti, fiż-żmien opportun, bi qbil komuni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew.

12. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

1. Il-Konferenza tiddikjara li ser isiru l-kuntatti adegwati mal-Parlament Ewropew matul il-ħidma preparatorja li tippreċedi l-ħatra tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li għandha sseħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona skond l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, il-mandat tiegħu ser ikun minn dik id-data sa tmiem il-mandat tal-Kummissjoni fil-kariga f'dik id-data.

2. Barra minn hekk, il-Konferenza tfakkar illi, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li l-mandat tiegħu ser jibda f'Novembru 2009 fl-istess żmien u għall-istess durata bħall-Kummissjoni li jmiss, ser ikun/tkun maħtur/a skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 17 u 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

13. Dikjarazzjoni dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni

Il-Konferenza tissottolinja li d-dispożizzjonijiet fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jkopru l-politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluż il-ħolqien tal-funzjoni ta' Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-istabbiliment ta' Servizz għall-Azzjoni Esterna, ma jaffettwawx ir-responsabbilitajiet ta' l-Istati Membri, kif jeżistu attwalment, għall-formulazzjoni u t-twettiq tal-politika estera tagħhom u lanqas ir-rappreżentanza nazzjonali tagħhom f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Konferenza tfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni ma jippreġudikawx il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' l-Istati Membri.

Hija tisħaq li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ser jibqgħu marbutin bid-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u, b'mod partikolari, bir-responsabbiltà primarja tal-Kunsill tas-Sigurtà u ta' l-Istati Membri tiegħu għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

14. Dikjarazzjoni dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni

Flimkien mar-regoli u l-proċeduri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 24(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konferenza tenfasizza li d-dispożizzjonijiet dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, inkluż f'relazzjoni mar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u s-Servizz għall-Azzjoni Esterna mhux ser jaffettwaw il-bażi legali, ir-responsabbiltajiet, u l-kompetenzi eżistenti ta' kull Stat Membru fir-rigward tal-formulazzjoni u t-tmexxija tal-politika estera tiegħu, tas-servizz diplomatiku nazzjonali tiegħu, ir-relazzjonijiet tiegħu ma' pajjiżi terzi u l-parteċipazzjoni tiegħu f'organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż is-sħubija ta' Stat Membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Konferenza tinnota wkoll li d-dispożizzjonijiet dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni ma jagħtux kompetenzi ġodda lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-inizjattiva f'deċiżjonijiet u lanqas ma jkabbru r-rwol tal-Parlament Ewropew.

Il-Konferenza tfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-politika Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni ma jippreġudikawx il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' l-Istati Membri.

15. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tiddikjara li, hekk kif jiġi ffirmat it-Trattat ta' Lisbona, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jibdew il-ħidma preparatorja dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

16. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 55(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkunsidra li l-possibbiltà li t-Trattati jiġu tradotti fil-lingwi previsti fl-Artikolu 55(2) tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-objettiv previst fl-Artikolu 3(3), ir-raba' subparagrafu li jipprevedi li l-Unjoni tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha. F'dan il-kuntest, il-Konferenza tikkonferma r-rabta ta' l-Unjoni mad-diversità kulturali ta' l-Ewropa u l-attenzjoni speċjali li ser tkompli tagħti lil dawn il-lingwi u lil lingwi oħrajn.

Il-Konferenza tirrakkomanda lil dawk l-Istati Membri li jixtiequ jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 55(2) li jikkomunikaw lill-Kunsill, il-lingwa jew lingwi li fihom ser ikunu tradotti t-Trattati, fi żmien sitt xhur mid-data ta' l-iffirmar tat-Trattat ta' Lisbona.

17. Dikjarazzjoni dwar il-Primat

Il-Konferenza tfakkar li, skond każistika stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, it-Trattati u l-liġijiet adottati mill-Unjoni abbażi tat-Trattati għandhom il-primat fuq il-liġi ta' l-Istati Membri, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-każistika msemmija.

Barra minn hekk, il-Konferenza ddeċidiet li tehmeż ma' dan l-Att Finali bħala anness, l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill dwar il-primat kif tidher fid-dokument 11197/07 (JUR 260):

"Opinjoni tas-Servizzi Legali tal-Kunsill

tat- 22 ta' Ġunju 2007:

Jirriżulta mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-primat tal-liġi tal-KE huwa prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja. Skond il-Qorti, dan il-prinċipju huwa inerenti għan-natura speċifika tal-Komunità Ewropea. Fiż-żmien ta' l-ewwel sentenza ta' din il-każistika stabbilita (Costa/ENEL, il- 15 ta' Lulju 1964, Każ 6/64 [1]) il-primat ma kienx jissemma fit-trattat. L-istess għadu llum. Il-fatt li l-prinċipju tal-primat ma jkunx inkluż fit-Trattat futur bl-ebda mod mhu ser ibiddel l-eżistenza tal-prinċipju jew il-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja."

18. Dikjarazzjoni dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi

Il-Konferenza tissottolinja li, skond is-sistema tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif previst fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-kompetenzi mhux mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu ta' l-Istati Membri.

Meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża ma' l-Istati Membri f'qasam speċifiku, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat, jew tkun iddeċidiet li ma tkomplix teżerċita, il-kompetenza tagħha. Is-sitwazzjoni ta' l-aħħar tista' tinqala' meta l-istituzzjonijiet kompetenti ta' l-UE jiddeċiedu li jirrevokaw att leġislattiv, b'mod partikolari bil-ħsieb li jassiguraw aħjar ir-rispett kostanti għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-Kunsill jista' jitlob lill-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva ta' Membru wieħed jew aktar (rappreżentanti ta' l-Istati Membri) u skond l-Artikolu 241 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, sabiex tippreżenta proposti għar-revoka ta' att leġislattiv. Il-Konferenza tilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ser tagħti attenzjoni partikolari lil dawn it-talbiet.

Bl-istess mod, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin f'Konferenza Intergovernattiva, skond il-proċedura ta' reviżjoni ordinarja prevista fl-Artikolu 48(2) sa (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jistgħu jiddeċiedu li jemendaw it-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni inkluż sabiex jiżdiedu jew jitnaqqsu l-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati msemmija.

19. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza taqbel li, fl-isforzi ġenerali ta' l-Unjoni sabiex telimina l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, l-Unjoni timmira, fil-politika differenti tagħha, sabiex tiġġieled kontra kull xorta ta' vjolenza domestika. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipprevjenu u jikkastigaw dawn l-atti kriminali kif ukoll sabiex jappoġġaw u jipproteġu lill-vittmi

20. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tiddikjara li kull meta għandhom jiġu adottati regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali abbażi ta' l-Artikolu 16 u dawn jista' jkollhom implikazzjonijiet diretti għas-sigurtà nazzjonali, irid jittieħed kont xieraq tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kwistjoni. Hija tfakkar li l-leġislazzjoni applikabbli fil-preżent (ara b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE) tinkludi derogi speċifiċi f'dan ir-rigward.

21. Dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali

Il-Konferenza tagħraf li jistgħu jkunu meħtieġa regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-moviment liberu ta' din id-data fl-oqsma tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea minħabba n-natura speċifika ta' dawn l-oqsma.

22. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 48 u l-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkunsidra li, fil-każ li abbozz ta' att leġislattiv ibbażat fuq l-Artikolu 79(2) jolqot aspetti importanti tas-sistema tas-sigurtà soċjali ta' Stat Membru, b'mod partikolari l-kamp ta' applikazzjoni, l-ispiża jew l-istruttura finanzjarja tagħha, jew jolqot l-ekwilibriju finanzjarju kif previst fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 48, l-interessi ta' l-Istati Membri ser jittieħdu in konsiderazzjoni kif dovut.

23. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 48, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tfakkar li, f'dak il-każ, konformement ma' l-Artikolu 15(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew jaġixxi b'konsenus.

24. Dikjarazzjoni dwar il-personalità ġuridika ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkonferma li l-fatt li l-Unjoni Ewropea għandha personalità ġuridika bl-ebda mod m'hu ser jawtorizza lill-Unjoni sabiex tilleġisla jew taġixxi lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati

25. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 75 u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tfakkar li r-rispett għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali jimplika, b'mod partikolari, li tingħata attenzjoni xierqa lill-protezzjoni u r-rispett tad-dritt ta' persuni fiżiċi jew entitajiet konċernati li jgawdu mill-garanziji previsti mil-liġi. Għal dan il-għan u sabiex ikun garantit kontroll ġudizzjarju strett tad-deċiżjonijiet li jimponu miżuri restrittivi fuq persuna fiżika jew entità, tali deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ċari u definiti. Dawn il-kriterji għandhom ikunu adattati skond l-ispeċifiċità ta' kull miżura restrittiva.

26. Dikjarazzjoni dwar in-non-parteċipazzjoni ta' Stat Membru f'miżura bbażata fuq it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tiddikjara li meta Stat Membru jagħżel li ma jieħux sehem f'miżura bbażata fuq it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill ikollu diskussjoni sħiħa dwar l-implikazzjonijiet u l-effetti possibbli tan-non-parteċipazzjoni ta' dan l-Istat Membru f'din il-miżura.

Barra minn hekk, kull Stat Membru jista' jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 116 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Is-subparagrafi preċedenti huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li Stat Membru jippreżenta din il-kwistjoni quddiem il-Kunsill Ewropew skond ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

27. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 85(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkunsidra li r-Regolamenti imsemmija fl-Artikolu 85(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jieħdu kont tar-regoli u l-prattiċi nazzjonali dwar il-bidu ta' investigazzjonijiet kriminali.

28. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 98 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tinnota li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 98 għandhom jiġu japplikati skond il-prattika attwali. Il-frażi "il-miżuri (…) meħtieġa sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati mid-diviżjoni tal-Ġermanja lill-ekonomija ta' ċerti żoni tar-Repubblika Federali milquta minn dik id-diviżjoni" għandha tiġi interpretata skond il-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

29. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 107(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tinnota li l-Artikolu 107(2)(c) għandu jkun interpretat skond il-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet għal għajnuna mogħtija lil ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta mid-diviżjoni preċedenti tal-Ġermanja.

30. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Fir-rigward ta' l-Artikolu 126, il-Konferenza tikkonferma li t-tisħiħ tal-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku u l-kisba ta' pożizzjonijiet baġitarji sodi huma ż-żewġ kolonni tal-politika ekonomika u baġitarja ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir huwa strument importanti għall-kisba ta' dawn l-objettivi.

Il-Konferenza tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għad-dispożizzjonijiet dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, bħala l-qafas għall-koordinazzjoni tal-politika baġitarja fl-Istati Membri.

Il-Konferenza tikkonferma li sistema bbażata fuq ir-regoli hija l-aqwa garanzija tar-rispett ta' l-impenji u sabiex l-Istati Membri kollha jiġu trattati b'mod ugwali.

F'dan il-qafas, il-Konferenza tafferma wkoll mill-ġdid l-impenn tagħha għall-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona: il-ħolqien ta' impjiegi, ir-riformi strutturali u l-koeżjoni soċjali.

L-Unjoni timmira għall-kisba ta' tkabbir ekonomiku bilanċjat u ta' l-istabbilità tal-prezzijiet. Għaldaqstant, il-politika ekonomika u baġitarja għandha tistabbilixxi l-prioritajiet adegwati rigward riformi ekonomiċi, ta' innovazzjoni, ta' kompetittività u ta' tisħiħ ta' l-investiment privat u l-konsum fi żminijiet ta' tkabbir ekonomiku dgħajjef. Dan għandu jiġi rifless fl-orjentazzjonijiet tad-deċiżjonijiet baġitarji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell ta' l-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' ristrutturazzjoni tad-dħul u ta' l-infiq pubbliku, b'rispett għad-dixxiplina baġitarja skond it-Trattati u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

L-isfidi finanzjarji u ekonomiċi li jiffaċċjaw l-Istati Membri jissottolinjaw l-importanza ta' politika baġitarja soda matul il-ċiklu ekonomiku.

Il-Konferenza taqbel li l-Istati Membri għandhom jużaw il-perijodi ta' rkupru ekonomiku b'mod attiv sabiex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom u jtejbu l-pożizzjonijiet baġitarji tagħhom. L-objettiv huwa li progressivament tinkiseb żieda fil-bilanċ fi żminijiet tajba, li toħloq il-marġni meħtieġ sabiex jiġi ffaċċat kull tnaqqis fl-attività ekonomika u b'hekk jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

L-Istati Membri jistennew bil-ħerqa l-proposti eventwali mill-Kummissjoni kif ukoll kontributi ġodda mill-Istati Membri għat-tisħiħ u l-iċċarar ta' l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex itejbu l-potenzjal tat-tkabbir ta' l-ekonomiji tagħhom. Il-koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika tista' tiffavorixxi dan l-objettiv. Din id-Dikjarazzjoni ma tippreġudikax id-dibattitu futur dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

31. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkonferma li l-politika deskritta fl-Artikolu 156 essenzjalment taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri. Il-miżuri ta' inkoraġġiment u ta' koordinazzjoni li għandhom jittieħdu fil-livell ta' l-Unjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu ta' natura komplementari. Dawn iservu sabiex isaħħu l-koperazzjoni bejn Stati Membri u mhux sabiex jarmonizzaw sistemi nazzjonali. Il-garanziji u l-prattiċi eżistenti f'kull Stat Membru fir-rigward tar-responsabbiltà ta' l-imsieħba soċjali ma jiġux milquta.

Din id-Dikjarazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jagħtu kompetenzi lill-Unjoni, inkluż fil-qasam soċjali.

32. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 168(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tiddikjara li l-miżuri li ser jiġu adottati skond l-Artikolu 168(4)(c) iridu jirrispettaw t-tħassib komuni ta' sigurtà u jridu jkollhom l-objettiv li jistabbilixxu standards għoljin ta' kwalità u ta' sigurtà, f'każijiet meta standards nazzjonali li jaffettwaw is-suq intern ikunu ta' xkiel għall-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

33. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkunsidra li l-frażi "reġjuni insulari" prevista fl-Artikolu 174 tista' tinkludi Stati gżejjer fit-totalità tagħhom, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kriterji meħtieġa.

34. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza taqbel li l-azzjoni ta' l-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u ta' l-iżvilupp teknoloġiku tieħu kont debitu ta' l-orjentazzjoni u l-għażliet fundamentali tal-politika ta' riċerka ta' l-Istati Membri.

35. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tikkunsidra li l-Artikolu 194 ma jolqotx id-dritt ta' l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-provvista ta' l-enerġija tagħhom skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 347.

36. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali mill-Istati Membri dwar spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-Konferenza tikkonferma li l-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim ma' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma koperti mill-Kapitoli 3, 4, 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti, safejn dawn il-ftehim ikunu konformi mad-dritt ta' l-Unjoni.

37. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Mingħajr preġudizzju għall-miżuri adottati mill-Unjoni sabiex taqdi l-obbligu tagħha ta' solidarjetà fir-rigward ta' Stat Membru li jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 222 ma hija maħsuba li tirrestrinġi d-dritt ta' Stat Membru ieħor li jagħżel il-mezzi l-aktar xierqa sabiex jaqdi l-obbligu tiegħu ta' solidarjetà fir-rigward ta' dak l-Istat Membru.

38. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 252 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar in-numru ta' Avukati-Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Konferenza tiddikjara li jekk, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 252, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li n-numru ta' Avukati Ġenerali jiżdied bi tlieta (ħdax minflok tmienja), il-Kunsill, li jaġixxi b'unanimità, ser jaqbel dwar tali żieda.

F'dak il-każ, il-Konferenza taqbel li l-Polonja, kif diġà huwa l-każ għall-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit, ser ikollha Avukat-Ġenerali permanenti u mhux ser tibqa' tieħu sehem fis-sistema ta' rotazzjoni; filwaqt li s-sistema attwali ta' rotazzjoni ser tibda tinkludi r-rotazzjoni ta' ħames Avukati-Ġenerali minflok tlieta.

39. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibqa' tikkonsulta l-esperti maħtura mill-Istati Membri fit-tħejjija ta' abbozzi ta’ atti delegati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji skond il-prattika stabbilita tagħha.

40. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tiddikkjara li l-Istati Membri jistgħu jindikaw, meta huma jippreżentaw talba sabiex tiġi stabbilita koperazzjoni msaħħa, jekk huma għandhomx diġà l-intenzjoni f'dak l-istadju li jagħmlu użu mill-Artikolu 333, li jipprevedi estensjoni tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, jew li jirrikorru għall-proċedura leġislattiva ordinarja.

41. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tiddikjara li r-referenza għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 352(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea tirrigwarda l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-objettivi ta' l-Artikolu 3(5) ta' dak it-Trattat fir-rigward ta' l-azzjoni esterna taħt il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Huwa għalhekk eskluż li azzjoni bbażata fuq l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea tkun tfittex biss l-objettivi stabbilti fl-Artikolu 3(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'rabta ma' dan, il-Konferenza tinnota li, skond l-Artikolu 31(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jiġu adottati atti leġislattivi fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni.

42. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tissottolinja li, skond il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li huwa parti integrali minn sistema istituzzjonali bbażata fuq il-prinċipju ta' l-għoti tal-kompetenzi, ma jistax iservi bħala bażi għat-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi ta' l-Unjoni lil hinn mill-qafas ġenerali maħluq bid-dispożizzjonijiet tat-Trattati fl-intier tagħhom u, b'mod partikolari, b'dawk li jiddefinixxu l-missjonijiet u l-attivitajiet ta' l-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, dan l-Artikolu ma jistax jintuża bħala bażi għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet li l-effett tagħhom ikun, fis-sustanza, li jemendaw it-Trattati bla ma jsegwu l-proċedura prevista fl-istess Trattati.

43. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 355(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Partijiet Kontraenti Għolja jaqblu li l-Kunsill Ewropew, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 355(6) ser jieħu deċiżjoni li twassal għall-modifika ta' l-istatus ta' Mayotte fir-rigward ta' l-Unjoni, sabiex dan it-territorju jiġi kkunsidrat bħala reġjun l' aktar 'il bogħod fis-sens ta' Artikolu 355(1) u l-Artikolu 349 meta l-awtoritajiet Franċiżi jinnotifikaw lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni li l-evoluzzjoni kurrenti fl-istatus intern tal-gżira tippermetti dan.

B. DIKJARAZZJONIJIET DWAR PROTOKOLLI ANNESSI GĦAT-TRATTATI

44. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tinnota li meta Stat Membru jkun għamel notifika skond l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea li hu ma jkunx jixtieq jieħu sehem fi proposta jew inizjattiva, dik in-notifika tista' tkun irtirata fi kwalunkwe ħin qabel l-adozzjoni tal-miżura li tibni fuq l-acquis ta' Schengen.

45. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tiddikjara li kull meta r-Renju Unit jew l-Irlanda jindikaw lill-Kunsill l-intenzjoni tagħhom li ma jieħdux sehem f'miżura bbażata fuq parti mill-acquis ta' Schengen li fih wieħed minnhom jipparteċipa, il-Kunsill għandu jkollu diskussjoni sħiħa dwar l-implikazzjonijiet possibbli tan-non-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru f'dik il-miżura. Id-diskussjoni fil-Kunsill għandha ssir fid-dawl ta' l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-proposta u l-acquis ta' Schengen.

46. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5(3) tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tfakkar li jekk il-Kunsill ma jieħux deċiżjoni wara l-ewwel diskussjoni sostantiva dwar il-kwistjoni, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta emendata sabiex terġa' tgħaddi għal eżami ulterjuri tas-sustanza fil-Kunsill fil-limitu ta' żmien ta' 4 xhur.

47. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5(3), (4) u (5) tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Konferenza tinnota li l-kondizzjonijiet li għandhom ikunu determinati fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5(3), (4) jew (5) tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jiddeterminaw li l-Istat Membru konċernat għandu jkun responsabbli għal konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-acquis kollu jew parti minnu msemmi fi kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kunsill skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi.

48. Dikjarazzjoni dwar il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka

Il-Konferenza tinnota li, fir-rigward ta' atti legislattivi li jridu jiġu adottati mill-Kunsill, waħdu jew b'mod konġunt mal-Parlament Ewropew, u li fihom dispożizzjonijiet applikabbli għad-Danimarka kif ukoll dispożizzjonijiet li mhumiex applikabbli għad-Danimarka għaliex għandhom bażi legali li għaliha tapplika l-Parti I tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka tiddikjara li mhix ser tuża d-dritt tal-vot tagħha sabiex timpedixxi l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li mhumiex applikabbli għad-Danimarka.

Barra minn dan, il-Konferenza tinnota li, abbażi tad-Dikjarazzjoni tal-Konferenza dwar l-Artikolu 222, id-Danimarka tiddikjara li l-parteċipazzjoni tagħha f'azzjonijiet jew f'atti leġislattivi skond l-Artikolu 222 ser isseħħ skond il-Parti I u l-Parti II tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka.

49. Dikjarazzjoni dwar l-Italja

Il-Konferenza tinnota li l-Protokoll dwar l-Italja, anness fl-1957 għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, kif emendat hekk kif ġie adottat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kien jiddikjara li:

"IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA

WAQT LI JIXTIEQU li jsolvu ċerti problemi partikolari relatati ma' l-Italja,

FTIEHMU fuq id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi ma' dan it-Trattat:

L-ISTATI MEMBRI TAL-KOMUNITÀ

JIEĦDU NOTA tal-fatt li l-Gvern Taljan qed iwettaq program ta' għaxar snin ta' espansjoni ekonomika ddisinjat sabiex jirrettifika d-disekwilibri fl-istruttura ta' l-ekonomija Taljana, b'mod partikolari billi jipprovdi infrastruttura għaż-żoni inqas żviluppati fl-Italja t'isfel u fil-gżejjer Taljani u billi joħloq impjiegi oħrajn sabiex jelimina l-qagħad.

IFAKKRU li l-prinċipji u l-objettivi ta' dan il-programm tal-Gvern Taljan ġew ikkunsidrati u approvati mill-organizzazzjonijiet għall-koperazzjoni internazzjonali li tagħhom l-Istati Membru huma membri.

JIRRIKONOXXU li hu fl-interess komuni tagħhom li l-objettivi tal-programm Taljan jitwettqu.

JIFTIEHMU, li sabiex tiġi ffaċilitata r-realizzazzjoni ta' dan ix-xogħol mill-Gvern Taljan, li jirrakkomandaw lill-istituzzjonijiet tal-Komunità li għandhom jimpjegaw il-metodi u l-proċeduri kollha provduti f'dan it-Trattat u, b'mod partikolari, jagħmlu użu xieraq tar-riżorsi tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u tal-Fond Soċjali Ewropew.

HUMA TA' L-OPINJONI li l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom, fl-applikazzjoni ta' dan it-Trattat, jieħdu kont ta' l-isforz li għandu jsir mill-ekonomija Taljana fis-snin fil-ġejjieni u tax-xewqa li tiġi evitata tensjoni perikoluża fil-bilanċ tal-pagamenti jew fil-livell ta' mpjieg, li jista' jipperikola l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat fl-Italja.

JIRRIKONOXXU li fil-każ ta' l-Artikoli 109 H u 109 I li qed jiġu applikati jkun meħtieġ li jieħdu ħsieb li kull miżura meħtieġa mill-Gvern Taljan ma tipperġudikax it-twettiq sħiħ tal-programm tiegħu għall-espansjoni ekonomika u sabiex jittejjeb il-livell ta' għixien tal-popolazzjoni.".

50. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji

Il-Konferenza tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-setgħat rispettivi tagħhom, sabiex jagħmlu ħilithom sabiex jadottaw, fil-każijiet xierqa u fejn ikun possibbli fi żmien ħames snin kif imsemmi fl-Artikolu 10(3) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, l-atti leġislattivi li jemendaw jew jissostitwixxu l-atti msemmija fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll imsemmi.

C. DIKJARAZZJONIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI

51. Dikjarazzjoni tar-Renju tal-Belġju dwar il-parlamenti nazzjonali

Il-Belġju jixtieq jagħmilha ċara li, skond il-liġi kostituzzjonali tiegħu, kemm il-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat tal-Parlament Federali kif ukoll l-assemblei parlamentari tal-Komunitajiet u tar-Reġjuni jaġixxu, skond il-kompetenzi eżerċitati mill-Unjoni, bħala komponenti tas-sistema parlamentari nazzjonali jew kmamar tal-Parlament nazzjonali.

52. Dikjarazzjoni mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju ta' Spanja, mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika ta' Ċipru, mir-Repubblika tal-Litwanja, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Repubblika ta' l-Ungerija, mir-Repubblika ta' Malta, mir-Repubblika ta' l-Awstrija, mir-Repubblika Portugiża, mir-Rumanija, mir-Repubblika Slovena u mir-Repubblika Slovakka dwar is-simboli ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja jiddikjaraw li l-bandiera li tirrappreżenta ċirku ta' tnax-il stilla tad-deheb fuq sfond blu, l-innu meħud minn "Odi lil Hena" meħud mid-Disa' Sinfonia ta' Ludwig van Beethoven, il-motto "Magħquda fid-diversità", l-euro bħala munita ta' l-Unjoni Ewropea u Jum l-Ewropa fid-9 ta' Mejju ser jibqgħu għalihom is-simboli ta' l-appartenenza komuni taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea u tar-rabta tagħhom magħha.

53. Dikjarazzjoni tar-Repubblika Ċeka dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea

1. Ir-Repubblika Ċeka tfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea huma indirizzati lill-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni Ewropea b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, kif affermat mill-ġdid fid-Dikjarazzjoni (nru 18) fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi. Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta huma jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni, u mhux meta jkunu qed jadottaw jew jimplimentaw liġi nazzjonali indipendentement mil-liġi ta' l-Unjoni.

2. Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza wkoll li l-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni u ma toħloq l-ebda kompetenza ġdida għall-Unjoni. Hija ma tnaqqasx il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u ma tirrestrinġi l-ebda kompetenza attwali ta' l-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam.

3. Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li, safejn il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet u l-prinċipji għandhom ikunu interpretati f'armonija ma' dawk it-tradizzjonijiet.

4. Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza wkoll li xejn f'din il-Karta ma jista' jiġi interpretat bħala li jirrestrinġi jew li jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, mil-liġi ta' l-Unjoni u minn ftehim internazzjonali li fih l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u mill-Kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

54. Dikjarazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' l-Awstrija u r-Renju ta' l-Isvezja

Il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Ungerija, l-Awstrija u l-Isvezja jinnutaw li d-dispożizzjonijiet essenzjali tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika ma ġewx emendati sostanzjalment mindu dan daħal fis-seħħ, u li jeħtieġ li jiġu aġġornati. Huma għalhekk jappoġġaw l-idea ta' Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li għandha tiġi konvokata mill-aktar fis possibbli.

55. Dikjarazzjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

It-Trattati japplikaw ukoll għall-Ġibiltà bħala territorju Ewropew li għar-relazzjonijiet esterni tiegħu huwa responsabbli Stat Membru. Dan ma jimplikax bidliet fil-pożizzjonijiet rispettivi ta' l-Istati Membri kkonċernati.

56. Dikjarazzjoni mill-Irlanda dwar l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta' l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

L-Irlanda tafferma l-impenn tagħha lejn l-Unjoni bħala spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta' l-Istati Membri li fih iċ-ċittadini jingħataw livell għoli ta' sigurezza.

Għaldaqstant, l-Irlanda tiddikjara l-intenzjoni ferma tagħha li teżerċita d-dritt tagħha taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta' l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li tieħu sehem fl-adozzjoni ta' miżuri skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea safejn hi tqis li jista' jkun.

B'mod partikolari, l-Irlanda ser tipparteċipa safejn ukun possibli fil-miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija.

Barra minn hekk, l-Irlanda tfakkar li skond l-Artikolu 8 tal-Protokoll hija tista' tinnotifika lill- Kunsill bil-miktub li ma tixtieqx tkun aktar koperta mit-termini tal-Protokoll. L-Irlanda bi ħsiebha tirrivedi l-operat ta' dawn l-arranġamenti fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat.

57. Dikjarazzjoni tar-Repubblika Taljana dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

L-Italja tinnota li, skond l-Artikoli 10 u 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew huwa magħmul minn rappreżentanti taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, li r-rappreżentazzjoni tagħhom hija garantita b'mod digressivament proporzjonali.

L-Italja tinnota wkoll li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u ta' l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kwalunkwe persuna li għandha n-nazzjonalità ta' Stat Membru hija ċittadin ta' l-Unjoni.

Konsegwentement, l-Italja tqis li, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni dwar il-leġislatura 2009-2014, kull deċiżjoni adottata mill-Kunsill Ewropew, fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew u bl-approvazzjoni tiegħu, li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, għandha tirrispetta l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 14, it-tieni paragrafu, l-ewwel subparagrafu.

58. Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija u tar-Repubblika ta' Malta dwar l-ortografija ta’ l-isem tal-munita unika fit-Trattati

Mingħajr preġudizzju għall-ortografija unifikata ta’ l-isem tal-munita unika ta’ l-Unjoni Ewropea msemmija fit-Trattati u hekk kif muri fuq il-karti tal-flus u fuq il-muniti, il-Latvja, l-Ungerija u Malta jiddikjaraw li l-ortografija ta’ l-isem tal-munita unika, inklużi d-derivattivi, kif użati fit-test kollu bil-Latvjan, bl-Ungeriż u bil-Malti tat-Trattati, m' għandha l-ebda effett fuq ir-regoli eżistenti tal-lingwa Latvjana, tal-lingwa Ungeriża u tal-lingwa Maltija.

59. Dikjarazzjoni tar-Renju ta' l-Olanda dwar l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Ir-Renju ta' l-Olanda ser japprova deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 312(2), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea ladarba reviżjoni tad-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 311, it-tielet subparagrafu, ta' dak it-Trattat tkun provdiet lill-Olanda b'soluzzjoni sodisfaċenti għall-qagħda tagħha ta' ħlas nett negativ u eċċessiv vis-à-vis il-baġit ta' l-Unjoni Ewropea.

60. Dikjarazzjoni tar-Renju ta' l-Olanda dwar l-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Ir-Renju ta' l-Olanda jiddikjara li inizjattiva għal deċiżjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 355(6) li timmira li temenda l-istatus ta' l-Antilli Olandiżi u/jew ta' Aruba fir-rigward ta' l-Unjoni Ewropea, ser tiġi ppreżentata biss abbażi ta' deċiżjoni meħuda skond il-Karta tar-Renju ta' l-Olanda.

61. Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Karta ma taffettwa bl-ebda mod id-dritt ta' Stat Membru li jilleġisla fil-qasam tal-moralità pubblika, id-dritt tal-familja kif ukoll il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u r-rispett għall-integrità fiżika u morali tal-bniedem.

62. Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit

Ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li, b' kont meħud tat-tradizzjoni tal-moviment soċjali "Solidarità" u l-kontribut importanti tiegħu fil-ġlieda għad-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, hija tirrispetta bi sħiħ id-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema kif stabbiliti mid-dritt ta' l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari dawk imtennija fit-Titolu IV tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

63. Dikjarazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar id-definizzjoni tat-terminu "ċittadini"

Fir-rigward tat-Trattati u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u ta' kwalunkwe att li joħroġ minn dawk it-Trattati jew li baqa' fis-seħħ bis-saħħa ta' dawk it-Trattati, ir-Renju Unit jerġa' jtenni d-Dikjarazzjoni li għamel fil- 31 ta' Diċembru 1982 dwar id-definizzjoni tat-terminu "ċittadini", fejn ir-referenza għal "Ċittadini ta' Territorji Dipendenti Brittanniċi" għandha tinqara bħala li tfisser "Ċittadini ta' Territorji Brittanniċi extra-Ewropej".

64. Dikjarazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

Ir-Renju Unit jinnota li l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati mhumiex maħsuba sabiex li jemendaw il-bażi għad-dritt tal-vot għall-elezzjonijiet parlamentari Ewropej.

65. Dikjarazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar l-Artikolu 75 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Ir-Renju Unit jappoġġa bis-sħiħ azzjoni robusta fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mfassla sabiex jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu u attivitajiet relatati. Għaldaqstant, ir-Renju Unit jiddikjara li għandu l-intenzjoni jeżerċita d-dritt tiegħu taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda fir-rigward ta' l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jieħu sehem fl-adozzjoni tal-proposti kollha li saru taħt l-Artikolu 75 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

[1] "Jirriżulta (…) li l-liġi li toħroġ mit-trattat, sors awtonomu ta' liġi, ma tistax, minħabba n-natura speċjali u oriġinali tagħha, tingħeleb minn dispożizzjonijiet legali interni ikunu xi jkunu mingħajr ma din titlef il-karattru tagħha ta' liġi Komunitarja u mingħajr ma titpoġġa f' dubbju l-bażi legali nnifisha tal-Komunità."

--------------------------------------------------

Tabella ta' korrispondenza [*]

Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Numerazzjoni antika tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea | Numerazzjoni ġdida tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |

L-EWWEL PARTI - PRINĊIPJI | L-EWWEL PARTI - PRINĊIPJI |

Artikolu 1 (mħassar) | |

| Artikolu 1 |

Artikolu 2 (mħassar) [26] | |

| Titolu I - Kategoriji u Oqsma ta' Kompetenza tal-Unjoni |

| Artikolu 2 |

| Artikolu 3 |

| Artikolu 4 |

| Artikolu 5 |

| Artikolu 6 |

| Titolu II - Dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni ġenerali |

|

| Artikolu 7 |

Artikolu 3, paragrafu 1 (mħassar) [27] | |

Artikolu 3, paragrafu 2 | Artikolu 8 |

Artikolu 4 (spostat) | Artikolu 119 |

Artikolu 5 (sostitwit) [28] | |

| Artikolu 9 |

| Artikolu 10 |

Artikolu 6 | Artikolu 11 |

Artikolu 153, paragrafu 2 (spostat) | Artikolu 12 |

| Artikolu 13 [29] |

Artikolu 7 (mħassar) [30] | |

Artikolu 8 (mħassar) [31] | |

Artikolu 9 (mħassar) | |

Artikolu 10 (mħassar) [32] | |

Artikolu 11 (sostitwit) [33] | Artikoli 326 sa 334 |

Artikolu 11 A (sostitwit) 1 [33] | Artikoli 326 sa 334 |

Artikolu 12 (spostat) | Artikolu 18 |

Artikolu 13 (spostat) | Artikolu 19 |

Artikolu 14 (spostat) | Artikolu 26 |

Artikolu 15 (spostat) | Artikolu 27 |

Artikolu 16 | Artikolu 14 |

Artikolu 255 (spostat) | Artikolu 15 |

Artikolu 286 (sostitwit) | Artikolu 16 |

|

| Artikolu 17 |

IT-TIENI PARTI - ĊITTADINANZA TAL-UNJONI | IT-TIENI PARTI - NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA TAL-UNJONI |

Artikolu 12 (spostat) | Artikolu 18 |

Artikolu 13 (spostat) | Artikolu 19 |

Artikolu 17 | Artikolu 20 |

Artikolu 18 | Artikolu 21 |

Artikolu 19 | Artikolu 22 |

Artikolu 20 | Artikolu 23 |

Artikolu 21 | Artikolu 24 |

Artikolu 22 | Artikolu 25 |

IT-TIELET PARTI - POLITIKA TAL-KOMUNITÀ | IT-TIELET PARTI - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TAL-UNJONI |

| Titolu I - Suq intern |

Artikolu 14 (spostat) | Artikolu 26 |

Artikolu 15 (spostat) | Artikolu 27 |

Titolu I - Il-moviment liberu tal-merkanzija | Titolu II - Il-moviment liberu tal-merkanzija |

Artikolu 23 | Artikolu 28 |

Artikolu 24 | Artikolu 29 |

Kapitolu 1 - Unjoni Doganali | Kapitolu 1 - Unjoni Doganali |

Artikolu 25 | Artikolu 30 |

Artikolu 26 | Artikolu 31 |

Artikolu 27 | Artikolu 32 |

It-Tielet Parti, Titolu X, Koperazzjoni Doganali (spostat) | Kapitolu 2 - Koperazzjoni Doganali |

Artikolu 135 (spostat) | Artikolu 33 |

Kapitolu 2 - Projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri | Kapitolu 3 - Projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri |

Artikolu 28 | Artikolu 34 |

Artikolu 29 | Artikolu 35 |

Artikolu 30 | Artikolu 36 |

Artikolu 31 | Artikolu 37 |

Titolu II - Agrikoltura | Titolu III - Agrikoltura u sajd |

Artikolu 32 | Artikolu 38 |

Artikolu 33 | Artikolu 39 |

Artikolu 34 | Artikolu 40 |

Artikolu 35 | Artikolu 41 |

Artikolu 36 | Artikolu 42 |

Artikolu 37 | Artikolu 43 |

Artikolu 38 | Artikolu 44 |

Titolu III - Moviment liberu tal-persuni, servizzi u kapital | Titolu IV - Moviment liberu tal-persuni, servizzi u kapital |

Kapitolu 1 - Il-ħaddiema | Kapitolu 1 - Il-ħaddiema |

Artikolu 39 | Artikolu 45 |

Artikolu 40 | Artikolu 46 |

Artikolu 41 | Artikolu 47 |

Artikolu 42 | Artikolu 48 |

Kapitolu 2 - Id-dritt ta' stabbiliment | Kapitolu 2 - Id-dritt ta' stabbiliment |

Artikolu 43 | Artikolu 49 |

Artikolu 44 | Artikolu 50 |

Artikolu 45 | Artikolu 51 |

Artikolu 46 | Artikolu 52 |

Artikolu 47 | Artikolu 53 |

Artikolu 48 | Artikolu 54 |

Artikolu 294 (spostat) | Artikolu 55 |

Kapitolu 3 - Is-servizzi | Kapitolu 3 - Is-servizzi |

Artikolu 49 | Artikolu 56 |

Artikolu 50 | Artikolu 57 |

Artikolu 51 | Artikolu 58 |

Artikolu 52 | Artikolu 59 |

Artikolu 53 | Artikolu 60 |

Artikolu 54 | Artikolu 61 |

Artikolu 55 | Artikolu 62 |

Kapitolu 4 - Il-Kapital u l-Pagamenti | Kapitolu 4 - Il-Kapital u l-Pagamenti |

Artikolu 56 | Artikolu 63 |

Artikolu 57 | Artikolu 64 |

Artikolu 58 | Artikolu 65 |

Artikolu 59 | Artikolu 66 |

Artikolu 60 (spostat) | Artikolu 75 |

Titolu IV - Viżi, asil, immigrazzjoni u politika oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni | Titolu V - L-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja |

| Kapitolu 1 - Dispożizzjonijiet ġenerali |

Artikolu 61 | Artikolu 67 [34] |

| Artikolu 68 |

| Artikolu 69 |

| Artikolu 70 |

| Artikolu 71 [35] |

Artikolu 64, paragrafu 1 (sostitwit) | Artikolu 72 [36] |

| Artikolu 73 |

Artikolu 66 (sostitwit) | Artikolu 74 |

Artikolu 60 (spostat) | Artikolu 75 |

| Artikolu 76 |

|

| Kapitolu 2 - Politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni |

Artikolu 62 | Artikolu 77 |

Artikolu 63, punti 1 u 2 u Artikolu 64, paragrafu 2 [37] | Artikolu 78 |

Artikolu 63, points 3 u 4 | Artikolu 79 |

| Artikolu 80 |

Artikolu 64, paragrafu 1 (sostitwit) | Artikolu 72 |

| Kapitolu 3 - Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili |

Artikolu 65 | Artikolu 81 |

Artikolu 66 (sostitwit) | Artikolu 74 |

Artikolu 67 (mħassar) | |

Artikolu 68 (mħassar) | |

Artikolu 69 (mħassar) | |

| Kapitolu 4 - Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali |

| Artikolu 82 [38] |

| Artikolu 83 [38] |

| Artikolu 84 |

| Artikolu 85 [38] |

| Artikolu 86 |

| Kapitolu 5 - Koperazzjoni tal-pulizija |

| Artikolu 87 [39] |

| Artikolu 88 [39] |

| Artikolu 89 [40] |

|

Titolu V - It-trasport | Titolu VI - It-trasport |

Artikolu 70 | Artikolu 90 |

Artikolu 71 | Artikolu 91 |

Artikolu 72 | Artikolu 92 |

Artikolu 73 | Artikolu 93 |

Artikolu 74 | Artikolu 94 |

Artikolu 75 | Artikolu 95 |

Artikolu 76 | Artikolu 96 |

Artikolu 77 | Artikolu 97 |

Artikolu 78 | Artikolu 98 |

Artikolu 79 | Artikolu 99 |

Artikolu 80 | Artikolu 100 |

Titolu VI - Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, dwar it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet | Titolu VII - Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, dwar it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet |

Kapitolu 1 - Regoli dwar il-kompetizzjoni | Kapitolu 1 - Regoli dwar il-kompetizzjoni |

Taqsima 1 - Regoli li japplikaw għall-impriżi | Taqsima 1 - Regoli li japplikaw għall-impriżi |

Artikolu 81 | Artikolu 101 |

Artikolu 82 | Artikolu 102 |

Artikolu 83 | Artikolu 103 |

Artikolu 84 | Artikolu 104 |

Artikolu 85 | Artikolu 105 |

Artikolu 86 | Artikolu 106 |

Taqsima 2 - Għajnuna mill-Istati | Taqsima 2 - Għajnuna mill-Istati |

Artikolu 87 | Artikolu 107 |

Artikolu 88 | Artikolu 108 |

Artikolu 89 | Artikolu 109 |

Kapitolu 2 - Dispożizzjonijiet fiskali | Kapitolu 2 - Dispożizzjonijiet fiskali |

Artikolu 90 | Artikolu 110 |

Artikolu 91 | Artikolu 111 |

Artikolu 92 | Artikolu 112 |

Artikolu 93 | Artikolu 113 |

Kapitolu 3 - Approssimazzjoni tal-liġijiet | Kapitolu 3 - Approssimazzjoni tal-liġijiet |

Artikolu 95 (spostat) | Artikolu 114 |

Artikolu 94 (spostat) | Artikolu 115 |

Artikolu 96 | Artikolu 116 |

Artikolu 97 | Artikolu 117 |

| Artikolu 118 |

Titolu VII - Politika ekonomika u monetarja | Titolu VIII - Politika ekonomika u monetarja |

Artikolu 4 (spostat) | Artikolu 119 |

Kapitolu 1 - Politika ekonomika | Kapitolu 1 - Politika ekonomika |

Artikolu 98 | Artikolu 120 |

Artikolu 99 | Artikolu 121 |

Artikolu 100 | Artikolu 122 |

Artikolu 101 | Artikolu 123 |

Artikolu 102 | Artikolu 124 |

Artikolu 103 | Artikolu 125 |

Artikolu 104 | Artikolu 126 |

Kapitolu 2 - Politika monetarja | Kapitolu 2 - Politika monetarja |

Artikolu 105 | Artikolu 127 |

Artikolu 106 | Artikolu 128 |

Artikolu 107 | Artikolu 129 |

Artikolu 108 | Artikolu 130 |

Artikolu 109 | Artikolu 131 |

Artikolu 110 | Artikolu 132 |

Artikolu 111, paragrafi 1 sa 3 u 5 (spostati) | Artikolu 219 |

Artikolu 111, paragrafu 4 (spostat) | Artikolu 138 |

| Artikolu 133 |

Kapitolu 3 - Dispożizzjonijiet istituzzjonali | Kapitolu 3 - Dispożizzjonijiet istituzzjonali |

Artikolu 112 (spostat) | Artikolu 283 |

Artikolu 113 (spostat) | Artikolu 284 |

Artikolu 114 | Artikolu 134 |

Artikolu 115 | Artikolu 135 |

| Kapitolu 4 - Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Ewro |

| Artikolu 136 |

| Artikolu 137 |

Artikolu 111, paragrafu 4 (spostat) | Artikolu 138 |

Kapitolu 4 - Dispożizzjonijiet tranżizzjonali | Kapitolu 5 - Dispożizzjonijiet tranżizzjonali |

Artikolu 116 (mħassar) | |

| Artikolu 139 |

Artikolu 117, paragrafi 1, 2, is-sitt inċiż, u 3 sa 9 (mħassrin) | |

Artikolu 117, paragrafu 2, l-ewwel ħames inċiżi (spostati) | Artikolu 141, paragrafu 2 |

Artikolu 121, paragrafu 1 (spostat) Artikolu 122, paragrafu 2, it-tieni sentenza (spostat) Artikolu 123, paragrafu 5 (spostat) | Artikolu 140 [41] |

Artikolu 118 (mħassar) | |

Artikolu 123, paragrafu 3 (spostat) Artikolu 117, paragrafu 2, l-ewwel ħames inċiżi (spostat) | Artikolu 141 [42] |

|

Artikolu 124, paragrafu 1 (spostat) | Artikolu 142 |

Artikolu 119 | Artikolu 143 |

Artikolu 120 | Artikolu 144 |

Artikolu 121, paragrafu 1 (spostat) | Artikolu 140, paragrafu 1 |

Artikolu 121, paragrafi 2 sa 4 (mħassrin) | |

Artikolu 122, paragrafi 1, 2, l-ewwel sentenza, 3, 4, 5 u 6 (mħassrin) | |

Artikolu 122, paragrafu 2, it-tieni sentenza (spostata) | Artikolu 140, paragrafu 2, l-ewwel sentenza |

Artikolu 123, paragrafi 1, 2 u 4 (mħassrin) | |

Artikolu 123, paragrafu 3 (spostat) | Artikolu 141, paragrafu 1 |

Artikolu 123, paragrafu 5 (spostat) | Artikolu 140, paragrafu 3 |

Artikolu 124, paragrafu 1 (spostat) | Artikolu 142 |

Artikolu 124, paragrafu 2 (mħassar) | |

Titolu VIII - L-Impjieg | Titolu IX - L-Impjieg |

Artikolu 125 | Artikolu 145 |

Artikolu 126 | Artikolu 146 |

Artikolu 127 | Artikolu 147 |

Artikolu 128 | Artikolu 148 |

Artikolu 129 | Artikolu 149 |

Artikolu 130 | Artikolu 150 |

Titolu IX - Il-politika kummercjali komuni (spostat) | Il-Ħames Parti, Titolu II, Il-politika kummercjali komuni |

Artikolu 131 (spostat) | Artikolu 206 |

Artikolu 132 (mħassar) | |

Artikolu 133 (spostat) | Artikolu 207 |

Artikolu 134 (mħassar) | |

Titolu X - Koperazzjoni Doganali (spostat) | It-Tielet Parti, Titolu II, Kapitolu 2, Koperazzjoni Doganali |

Artikolu 135 (spostat) | Artikolu 33 |

Titolu XI - Il-Politika soċjali, l-edukazzjoni, formazzjoni vokazzjonali u zghazagh | Titolu X - Il-Politika Soċjali |

Kapitolu 1 - Dispożizzjonijiet soċjali (mħassar) | |

Artikolu 136 | Artikolu 151 |

| Artikolu 152 |

Artikolu 137 | Artikolu 153 |

Artikolu 138 | Artikolu 154 |

Artikolu 139 | Artikolu 155 |

Artikolu 140 | Artikolu 156 |

Artikolu 141 | Artikolu 157 |

Artikolu 142 | Artikolu 158 |

Artikolu 143 | Artikolu 159 |

Artikolu 144 | Artikolu 160 |

Artikolu 145 | Artikolu 161 |

Kapitolu 2 - Fond soċjali ewropew | Titolu XI - Fond soċjali ewropew |

Artikolu 146 | Artikolu 162 |

Artikolu 147 | Artikolu 163 |

Artikolu 148 | Artikolu 164 |

Kapitolu 3 - Edukazzjoni, formazzjoni vokazzjonali u zghazagh | Titolu XII - Edukazzjoni, formazzjoni vokazzjonali, zghazagh u sport |

Artikolu 149 | Artikolu 165 |

Artikolu 150 | Artikolu 166 |

Titolu XII - Kultura | Titolu XIII - Kultura |

Artikolu 151 | Artikolu 167 |

Titolu XIII - Is-Sahha pubblika | Titolu XIV - Is-Sahha pubblika |

Artikolu 152 | Artikolu 168 |

Titolu XIV - Protezzjoni tal-konsumatur | Titolu XV - Protezzjoni tal-konsumatur |

Artikolu 153, paragrafi 1, 3, 4 u 5 | Artikolu 169 |

Artikolu 153, paragrafu 2 (spostat) | Artikolu 12 |

Titolu XV - Networks trans-ewropéj | Titolu XVI - Networks trans-ewropéj |

Artikolu 154 | Artikolu 170 |

Artikolu 155 | Artikolu 171 |

Artikolu 156 | Artikolu 172 |

Titolu XVI - L-Industrija | Titolu XVII- L-Industrija |

Artikolu 157 | Artikolu 173 |

Titolu XVII - Koézjoni ekonomika u socjali | Titolu XVIII - Koézjoni ekonomika, socjali u territorjali |

Artikolu 158 | Artikolu 174 |

Artikolu 159 | Artikolu 175 |

Artikolu 160 | Artikolu 176 |

Artikolu 161 | Artik