IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.9.2020
COM(2020) 563 final
2020/0036(COD)
Proposta emendata għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fl-4 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”).
Il-proposta għal Regolament dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tifforma parti minn pakkett usa’ ta’ azzjonijiet ambizzjużi mħabbra fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew iniedi strateġija ġdida ta’ tkabbir għall-UE bil-għan li tittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prospera, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, mingħajr emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-2050 u bi tkabbir ekonomiku diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dan għandu l-għan ukoll li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-UE, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-klima u mal-ambjent. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jikkonferma mill-ġdid l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050.
Il-proposta għandha l-għan li tipprovdi direzzjoni billi tnaqqax l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 fil-leġiżlazzjoni, u żżid iċ-ċertezza u l-fiduċja fl-impenn tal-UE kif ukoll it-trasparenza u l-kontabbiltà.
Il-proposta oriġinali tiddikjara li sa Settembru 2020, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ valutazzjoni tal-impatt biex iżżid il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 għal mill-inqas 50 % u għal 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 b’mod responsabbli, u tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni se tipproponi li temenda l-proposta skont dan. Dan ġie rifless fl-Artikolu 2(3) u fil-premessa 17 tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 juri li ż-żieda fil-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 għal mill-inqas 55 % hija fattibbli daqskemm ta’ benefiċċju.
Bil-ħsieb li tinkiseb newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050, għalhekk huwa propost li l-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 tiżdied għal mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, inkluż l-emissjonijiet u l-assorbimenti. Din il-proposta timmodifika l-proposta inizjali tal-Kummissjoni (COM(2020) 80 final) biex il-mira riveduta tiġi inkluża fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni jistabbilixxi fid-dettall il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti. Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 juri li żieda fil-mira timplika sforzi mis-setturi kollha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u tisħiħ tal-assorbimenti, li jeħtieġ jiġu ffaċilitati minn diversi politiki. Għalhekk, sa Ġunju 2021, il-Kummissjoni se tirrevedi l-istrumenti ta’ politika relatati u rilevanti kollha, kif stabbilit fl-Artikolu 2a(2) tal-proposta.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-inizjattiva hija marbuta ma’ ħafna oqsma ta’ politika oħra, billi l-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-UE jenħtieġ irawmu tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika u futur sostenibbli, kif deskritt fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni.
Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, it-tifqigħa tal-coronavirus ħolqot kriżi tas-saħħa pubblika u xokk soċjoekonomiku fuq skala mingħajr preċedent. Ir-rispons ta’ politika Ewropea mingħajr preċedent għall-COVID-19 huwa opportunità unika biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u għal futur sostenibbli filwaqt li jittaffew l-impatti severi tal-kriżi. Il-proposta hija konsistenti mal-Komunikazzjonijiet tan-Next Generation EU u l-baġit tal-UE fit-tul imġedded, li jinkludi pjan ta’ rkupru ambizzjuż tal-Kummissjoni li jiggwida u jibni Ewropa aktar sostenibbli, aktar reżiljenti u aktar ġusta għall-ġenerazzjoni li jmiss. Dawn juru l-impenn li “ma ssirx ħsara” fir-rigward tal-ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali tagħna, jiżguraw li l-flus jintefqu f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jħaffu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji b’mod soċjalment ġust.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, bħal fil-każ tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni jagħti dettalji dwar il-kunsiderazzjonijiet tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Dawn l-ispjegazzjonijiet jibqgħu validi anki għall-emendi proposti, għax mira għall-ekonomija kollha u għall-UE kollha tista’ tiġi stabbilita biss fil-livell tal-UE.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta temenda l-proposta tal-Kummissjoni COM(2020) 80 final. L-istrument magħżul huwa Regolament, f’konformità mal-istrument magħżul għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Din l-għażla hija spjegata fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni jagħti dettalji dwar il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, bħall-konsultazzjoni pubblika mwettqa, l-avveniment tal-partijiet ikkonċernati organizzat mill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-Komunikazzjoni “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd” u l-avveniment pubbliku ta’ Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – il-Liġi Ewropea dwar il-Klima.
Barra minn hekk, fit-tħejjija tal-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika mill-31 ta’ Marzu sat-23 ta’ Ġunju 2020, u rċeviet aktar minn 4000 tweġiba mingħand firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Rapport fil-qosor jiġbor fil-qosor l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni dwar il-pjan.
•Valutazzjoni tal-impatt
Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu analiżi fid-dettall b’appoġġ għall-Komunikazzjoni “Pjaneta Nadifa għal kulħadd”. Din tesplora kif in-newtralità klimatika tista’ tinkiseb sal-2050 billi tħares lejn is-setturi ekonomiċi ewlenin kollha, inkluż l-enerġija, it-trasport, l-industrija u l-agrikoltura. Dik il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija ta’ adattament tal-UE (2018) jappoġġaw il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, kif spjegat fid-dettall fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni ta’ dik il-proposta.
Il-modifiki proposti għall-proposta huma relatati mal-mira tal-UE għal tnaqqis nett tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030. Fir-rigward taż-żieda ta’ dik il-mira, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt li huwa mehmuż mal-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030.
•Drittijiet fundamentali
Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni jagħti dettalji dwar il-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-implikazzjonijiet baġitarji huma ppreżentati fid-dikjarazzjoni leġiżlattiva għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni u mhumiex affettwati minn din l-emenda.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-modifiki proposti għad-dispożizzjonijiet fil-proposta inizjali għal Liġi Ewropea dwar il-Klima huma relatati mal-inklużjoni ta’ mira ġdida tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 fl-Artikolu 2a(1) tal-proposta. Din id-dispożizzjoni emendata tissostitwixxi l-Artikolu 2(3) tal-proposta inizjali, li stabbilixxa l-proċess li jwassal għal din l-emenda.
L-Artikolu 2a(2) tal-proposta riveduta jħabbar proċess għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timplimenta l-mira tal-2030 f’konformità mal-Artikolu 2(4) tal-proposta inizjali, li ċċaqlaq fl-Artikolu 2a il-ġdid, fejn iddaħħlet referenza għall-mira l-ġdida għall-2030.
L-Artikolu 1 tal-proposta inizjali huwa emendat ukoll biex ikun jinkludi referenza għall-mira l-ġdida għall-2030 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, u l-premessi korrispondenti ġew adattati.
2020/0036 (COD)
Proposta emendata għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima)
Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2020) 80 hija emendata kif ġej:
(1)Il-premessa 17 hija sostitwita b’dan li ġej:
“Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni vvalutat il-mira tal-Unjoni għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, fil-Komunikazzjoni tagħha “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt u b’konsiderazzjoni tal-analiżi tagħha tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fid-dawl tal-objettiv tan-newtralità klimatika għall-2050, jenħtieġ li sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jissaħħu l-assorbimenti, biex l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra, jiġifieri l-emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti, jitnaqqsu fl-ekonomija kollha u fil-livell domestiku b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Din il-mira l-ġdida tal-Unjoni għall-2030 dwar il-klima hija mira sussegwenti għall-finijiet tal-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u għalhekk tissostitwixxi l-mira tal-Unjoni kollha għall-2030 għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbilita f’dak il-punt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li sat-30 ta’ Ġunju 2021 tivvaluta kif jeħtieġ tiġi emendata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li timplimenta l-mira klimatika għall-2030 biex jinkiseb dan it-tnaqqis nett tal-emissjonijiet.”;
(2)fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Jistabbilixxi wkoll mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra għall-2030.”;
(3)fl-Artikolu 2, il-paragrafi 3 u 4 jitħassru;
(4)jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:
“Artikolu 2a
Mira klimatika għall-2030
1.
Biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-mira klimatika vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 għandha tkun tnaqqis tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
2.
Sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni biex tippermetti l-kisba tal-mira stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u tikkunsidra li tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi, f’konformità mat-Trattati.”;
(5)l-Artikolu 3(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. It-trajettorja għandha tibda mill-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 2a(1).”
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President