This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020IR4014
Opinion of the European Committee of the Regions — Powering a climate-neutral economy: An EU Strategy for Energy System Integration
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Nixprunaw ekonomija newtrali għall-klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Nixprunaw ekonomija newtrali għall-klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija
COR 2020/04014
ĠU C 300, 27.7.2021, p. 58–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 300/58 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Nixprunaw ekonomija newtrali għall-klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija
(2021/C 300/11)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Il-kontinwità tal-provvista tal-elettriku, l-interkonnessjoni tan-networks tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea u t-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa
1. |
jenfasizza li l-kriżi attwali wriet biċ-ċar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija u tal-elettriku fir-reġjuni Ewropej kollha, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn il-ktajjen tal-provvista globali jistgħu jiġu interrotti; |
2. |
jemmen li fl-Ewropa hemm diversità kbira fil-karatteristiċi tal-enerġija tar-reġjuni tagħha fir-rigward tad-domanda tagħhom għall-elettriku, il-potenzjal ta’ ġenerazzjoni u l-infrastruttura disponibbli, inkluż ġewwa l-fruntieri tal-istess pajjiż. Minbarra l-konnessjonijiet internazzjonali bejn is-sistemi, għandhom isiru sforzi addizzjonali biex tiġi żviluppata infrastruttura interreġjonali intranazzjonali, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-enerġija rinnovabbli tiġi trasferita minn reġjuni b’riżorsi konsiderevoli, u li din l-infrastruttura tkun appoġġjata minn viżjoni globali Ewropea, peress li tikkontribwixxi għall-koeżjoni tas-suq Ewropew tal-elettriku; |
3. |
iqis ukoll li huwa importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transnazzjonali fir-rigward tal-implimentazzjoni konġunta tal-proġetti tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ konnessjoni tal-elettriku transfruntiera sabiex jikkumpensaw għal nuqqasijiet potenzjali fil-provvista tal-elettriku fil-ħinijiet l-aktar intensivi. Madankollu, il-livelli minimi nazzjonali ta’ kapaċità tal-impjanti tal-enerġija siguri ma jistgħux jitnaqqsu; |
4. |
jirrimarka li l-Unjoni Ewropea bħalissa tissodisfa 58 % tad-domanda għall-enerġija tagħha permezz tal-importazzjonijiet, primarjament fil-forma ta’ żejt u gass. It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa se tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili u l-importazzjoni tagħhom. L-Istrateġija tal UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija se tikkontribwixxi għal dan il-proċess u biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima. Fit-tranżizzjoni tagħha lejn enerġija nadifa, flimkien mal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-UE kollha kemm hi se tikkonsma anqas enerġija, iżżid l-għadd ta’ produtturi tal-enerġija permezz tal-għodod biex tiffaċilita l-awtokonsum u l-ħolqien tal-komunitajiet tal-enerġija, tuża aktar riżorsi lokali rinnovabbli u se tiddiversifika l-importazzjonijiet tal-enerġija tagħha b’mod gradwali. Dan l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni u l-produzzjoni tal-enerġija lokali għandhom jagħmlu l-ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u jnaqqsu d-dipendenza minn sorsi esterni; |
5. |
jenfasizza l-importanza tal-idroġenu nadif, primarjament mill-enerġija rinnovabbli, kif enfasizzat fl-Istrateġija ta’ Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija tal-UE, għal aktar integrazzjoni u dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija; jappella f’dan ir-rigward għall-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija tal-UE dwar l-idroġenu u jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar l-idroġenu nadif; jistenna li l-pakkett leġiżlattiv “Fit for 55” imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea u r-reviżjoni li jmiss tas-suq tal-gass tal-UE jsegwu l-appelli li jinsabu f’dik l-Opinjoni u jippromovu l-integrazzjoni settorjali; |
6. |
jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata u promossa firxa ta’ soluzzjonijiet differenti u taħlita ta’ sistemi tal-enerġija, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u ċ-ċirkustanzi differenti fir-reġjuni tal-UE mil-lat tal-klima, il-ġeografija, l-infrastruttura, is-sistemi tal-enerġija, eċċ. Il-qafas regolatorju tal-UE għandu, kemm jista’ jkun, ikun teknoloġikament newtrali fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u s-sostenibbiltà, iqis l-alternattivi eżistenti kollha, speċjalment dawk disponibbli fil-livell lokali u jevita regolamentazzjoni żejda u piż amministrattiv akbar għal soluzzjonijiet sostenibbli u sikuri, u jiggwida l-isforzi sabiex jitnaqqas il-faqar enerġetiku tal-familji. Il-produzzjoni tal-enerġija bl-użu tal-fissjoni nukleari ma tissodisfax il-kriterju tas-sostenibbiltà; |
7. |
jinsab imħasseb ħafna dwar il-bini tal-pipeline Nord Stream 2, li jhedded is-sigurtà tal-enerġija Ewropea, iżid id-dipendenza tal-UE fuq il-Federazzjoni Russa, jinjora l-interessi ta’ ħafna pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE u, minħabba l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE kollha, se jkollu obsoloxxenza bikrija. Jappoġġja lill-Parlament Ewropew fl-opinjoni tiegħu li t-tlestija ta’ dan il-proġett politiku għandha tieqaf immedjatament; |
8. |
ifakkar fil-ħames dimensjonijiet tal-kisba tal-Unjoni tal-Enerġija: it-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, it-tisħiħ tas-suq intern tal-enerġija, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 (“dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija”) u l-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija. Is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għandha tkun prijorità sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni kontinwa tal-infrastrutturi kritiċi fir-reġjuni kollha, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi potenzjali, inklużi l-kriżijiet tal-enerġija. F’dan il-kuntest, minbarra kapaċitajiet ta’ produzzjoni suffiċjenti u flessibbli, jenħtieġu soluzzjonijiet lokali ta’ ġenerazzjoni, ħżin u flessibbiltà tal-enerġija biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għal kull żona abitata f’każijiet ta’ emerġenza u interruzzjonijiet, speċjalment f’reġjuni inqas żviluppati, reġjuni skarsament popolati u reġjuni b’sistemi tal-enerġija iżolati. Fl-istess ħin, għandu jiġi enfasizzat li t-trażmissjoni tal-enerġija għandha tiġi mmodernizzata. L-iżvilupp ta’ interkonnessjoni stabbli tal-elettriku bejn ir-reġjuni kollha tal-UE għandu jiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakli fiżiċi sabiex tiġi żgurata integrazzjoni ġenwina tas-sistema tal-elettriku. L-interkonnessjoni sinkronika ta’ bosta sistemi tal-enerġija nazzjonali tgħin biex jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-ispejjeż operattivi ta’ sistema tal-enerġija u biex tittejjeb is-sigurtà billi jitnaqqsu l-effetti negattivi potenzjali ta’ interruzzjonijiet lokali fuq l-istabbiltà tas-sistema tal-enerġija u billi tiġi ssemplifikata l-osservazzjoni tal-parametri operattivi essenzjali tas-sistema tal-enerġija, bħal pereżempju l-frekwenza tan-network; |
9. |
jenfasizza li l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-ġestjoni tas-sistema tal-elettriku kif ukoll is-soluzzjonijiet għall-produzzjoni u għall-ħżin tal-enerġija lokali (batteriji kosteffettivi, stazzjonijiet tal-ippumpjar u soluzzjonijiet oħra) u għall-awtokonsum kondiviż huma wkoll ta’ importanza partikolari; |
Ir-rwol speċifiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
10. |
jirrimarka li l-istrateġija tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija deċiżiva għall-irkupru ekonomiku min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment wara l-kriżi tal-COVID-19. Fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija aktar integrata, l-effiċjenza enerġetika għandha tkun objettiv ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jitqies il-kuntest usa’, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u r-reġjuni inqas żviluppati. Żieda fl-effiċjenza enerġetika twassal għal inqas ħtiġijiet ta’ investiment ġenerali u inqas spejjeż għall-produzzjoni, l-użu u l-infrastruttura tal-enerġija. Dan inaqqas ukoll il-konsum assoċjat tal-art u l-materjal, id-degradazzjoni ambjentali u t-telf tal-bijodiversità. L-integrazzjoni tas-sistema tista’ tgħin biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali billi tuża r-riżorsi disponibbli biex taqleb għal teknoloġiji tal-enerġija aktar effiċjenti; |
11. |
huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jippromovu kemm żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll titjib fil-politiki u l-miżuri, b’mod partikolari fis-setturi tat-tisħin, it-tkessiħ u t-trasport. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit pjan aktar ċar għall-iffrankar tal-enerġija, b’mod partikolari għat-trasport u l-bini; |
12. |
jirrimarka li t-trasport jammonta għal madwar 30 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jiddependi primarjament fuq il-prodotti petroliferi, u li d-dekarbonizzazzjoni tiegħu tirrikjedi elettrifikazzjoni akbar tal-konsum finali, kemm għall-użu dirett tiegħu fit-trasport kif ukoll għall-ġenerazzjoni ta’ trasportaturi ġodda tal-enerġija bħala fjuwil, mingħajr ma tiġi rifjutata kwalunkwe soluzzjoni teknoloġika għal raġunijiet mhux ġustifikati. Iqis ukoll li huwa meħtieġ li tiġi żviluppata l-infrastruttura tal-enerġija meħtieġa u b’hekk jingħata kontribut sinifikanti biex titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija fuq pajjiżi terzi, u b’dan il-mod tiżdied is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa; |
13. |
jirrimarka li l-bini jammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija fl-Ewropa u li għalhekk pjan sistematiku biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u jiġi promoss l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-istokk tal-bini jista’ jgħin ħafna fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-enerġija minn pajjiżi terzi u b’hekk tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa; |
14. |
jirrimarka li l-investimenti biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini għandhom ikunu sostnuti b’allokazzjoni finanzjarja adegwata biex iċ-ċittadini jiġu appoġġjati b’dan l-investiment ta’ bosta benefiċċji; jirrimarka li l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu involuti fil-programmazzjoni u l-ġestjoni ta’ dawn ir-riżorsi; |
15. |
jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja għall-massimu tagħha l-valutazzjoni tal-għażliet għar-rinnovazzjoni tal-bini li huwa soġġett għal restrizzjonijiet b’rabta mal-preservazzjoni ta’ pajsaġġi kulturali jew il-kultura storika tal-bini, sabiex jiġi żgurat li f’dan il-bini jkunu jistgħu jintużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti; jappella wkoll li dan l-aspett isir wieħed mill-pedamenti tal-Bauhaus Ewropew ġdid; |
L-iżvilupp tal-infrastruttura reġjonali permezz ta’ mogħdijiet ta’ żvilupp aktar differenzjati skont il-ħtiġijiet tar-reġjun
16. |
iqis li, fl-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, huwa essenzjali li jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri fuq it-tkabbir reġjonali u, b’mod partikolari, fuq l-ilħuq tal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa l-uniku mod biex jinkiseb żvilupp ibbilanċjat u kompetizzjoni ġenwina f’suq miftuħ. Sfortunatament, dan huwa mxekkel, fost affarijiet oħra, minn differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-enerġija għall-utenti aħħarin; |
17. |
iqis li għandu jittieħed kont tal-isforz addizzjonali meħtieġ fir-reġjuni ultraperiferiċi biex jingħelbu l-ostakoli tekniċi ta’ sistemi mhux interkonnessi, mingħajr aċċess għas-suq intern tal-enerġija u mingħajr servizzi inerenti. Dan ifisser investimenti kbar fl-infrastruttura tal-enerġija (kapaċità ta’ riżerva, networks ta’ trażmissjoni inklużi kejbils sottomarini bejn il-gżejjer, sistemi tal-ħżin tal-enerġija, grilji intelliġenti u loġistika għall-aċċess, it-trasport u l-ħżin ta’ fjuwils li jniġġsu inqas) li, b’mod ġenerali, jistgħu jiggarantixxu s-sigurtà u l-kwalità tal-provvista tal-enerġija u l-integrazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija lokali tar-reġjuni, b’mod partikolari l-enerġija rinnovabbli minn sorsi varji; |
18. |
jirrimarka li, mingħajr preġudizzju għal soluzzjonijiet innovattivi, l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija għandha tiffoka qabelxejn fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura reġjonali bażika eżistenti, li l-punti pożittivi u l-vantaġġi tagħha ġew ippruvati fil-prattika. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet klimatiċi u infrastrutturali reġjonali differenti ħafna, għandhom jinstabu soluzzjonijiet kreattivi u intelliġenti għall-punti dgħajfa tal-infrastruttura reġjonali bażika eżistenti. Għalhekk, ikun żbaljat li wieħed jgħid li l-użu tal-elettriku għat-tisħin tal-bini għandu jiżdied fir-reġjuni kollha. It-tisħin distrettwali huwa żviluppat ħafna f’għadd ta’ pajjiżi. Pereżempju, aktar minn 70 % tar-residenti Latvjani huma fornuti b’tisħin distrettwali. L-ammont ta’ enerġija fornut b’dan il-mod huwa simili għal dak tal-konsum tal-elettriku fil-Latvja. It-tisħin distrettwali jista’ jikkontribwixxi għall-ħżin, il-ġenerazzjoni u l-użu tal-enerġija li ma tistax tintuża fil-livell tal-bini. F’dan il-kuntest, it-tranżizzjoni gradwali tas-sorsi tal-enerġija lejn sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandha tinkiseb ukoll għan-networks urbani u kollettivi tat-tisħin distrettwali u n-networks tas-sħana; |
Kosteffettività għaċ-ċittadini u n-negozji
19. |
jenfasizza li, kwalunkwe żvilupp ulterjuri tas-sistema tal-enerġija għandu dejjem jivvaluta jekk in-negozji u ċ-ċittadini jistgħux jiffrankaw l-ispejjeż. Il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” għandu jkollu l-għanli jnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima u jżid l-effiċjenza tar-riżorsi tas-sistemi integrati tal-provvista tal-enerġija kif ukoll itejjeb l-effiċjenza għall-utenti aħħarin. Fl-istess ħin, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ma tkunx ta’ ħsara għall-interessi tal-konsumaturi. L-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika m’għandhomx iwasslu għal prezzijiet ogħla tal-enerġija jew spejjeż oħra għaċ-ċittadini u n-negozji, mingħajr kumpens adegwat; |
20. |
jemmen li l-mira tat-tnaqqis tal-gassijiet serra għandha tiġi implimentata bl-aktar mod effettiv u b’mod li jirriżulta f’benefiċċji u effiċjenza mill-perspettiva tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod partkolari għall-gruppi soċjalment vulnerabbli tiegħu. Għalhekk, fil-bidla lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-futur, għandu jkompli jitqies ukoll il-privileġġ ta’ kull Stat Membru u ta’ kull awtorità reġjonali u lokali biex jiddeterminaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħhom; |
21. |
jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi bis-sħiħ, kemm fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fil-ħidma futura tagħha, biex ittejjeb l-għarfien u l-informazzjoni tal-pubbliku tal-UE dwar l-użu tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, minħabba li n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni min-naħa tal-pubbliku fir-rigward ta’ ċerti teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jew proċessi ta’ ġenerazzjoni, minħabba raġunijiet ideoloġiċi jew in-nuqqas ta’ informazzjoni, jirrappreżenta ostaklu ewlieni għall-espansjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Huwa importanti wkoll li mhux biss titqajjem kuxjenza fost il-komunità lokali, iżda wkoll li jitwassal il-messaġġ li l-enerġiji rinnovabbli huma ta’ benefiċċju prattiku, speċjalment għall-komunità lokali; |
22. |
jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari għal soluzzjonijiet li jistgħu jeliminaw id-differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-enerġija (inklużi l-ispejjeż kollha relatati) għall-utent aħħari fis-suq intern tal-UE. Jeħtieġ li ż-żieda fl-użu ta’ riżorsi rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija tiġi vvalutata wkoll mill-perspettiva tal-kostijiet tal-utent aħħari. F’dan il-qasam, l-opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u kosteffettivi għall-konsumaturi għadhom ’il bogħod milli jiġu eżawriti; |
Lejn newtralità klimatika sal-2050
23. |
ifakkar li għandhom jitqiesu l-isforzi addizzjonali tar-reġjuni b’sistemi tal-elettriku iżolati u li għalihom għadhom mhumiex disponibbli soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi li jippermettu interkonnessjoni ma’ networks integrati oħra. Dan huwa l-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, fejn għandhom jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet alternattivi li, b’mod ġenerali, jistgħu jiggarantixxu s-sigurtà u l-kwalità tal-provvista tal-enerġija filwaqt li tinkiseb in-newtralità klimatika; |
24. |
huwa tal-fehma li n-newtralità klimatika u tal-gassijiet serra sal-2050 tista’ tinkiseb biss billi l-isforzi fl-oqsma tal-iffrankar tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġiji rinnovabbli jingħaqdu ma’ sforzi biex tiġi rkuprata s-sħana mormija. Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi kollha, minbarra li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u jiġi promoss l-użu ta’ riżorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-konnessjonijiet mal-infrastruttura bażika għandhom ukoll jiġu estiżi; |
25. |
jirrimarka li jekk l-Ewropa kollha kemm hi trid tilħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050, is-sistema tal-enerġija f’kull reġjun mhux se tirrigwarda wisq kemm se jiżdied il-perċentwal tal-enerġija ekoloġika fil-konsum totali tal-enerġija. Pjuttost, huma meħtieġa pjani konkreti dwar kif kull reġjun se jilħaq il-mira miftiehma b’mod komuni fl-UE, jiġifieri s-sehem globali tal-enerġija ekoloġika fil-konsum tal-enerġija tar-reġjun. Fid-dawl tal-kisbiet (1) li saru s’issa, huwa ċar li se jkunu meħtieġa sforzi differenti ħafna fl-Istati Membri u r-reġjuni differenti biex dawn jintegraw is-sistema tal-enerġija. Xi reġjuni se jkollhom jieħdu azzjoni biex iżidu s-sehem tal-enerġija ekoloġika fil-konsum tal-enerġija. Għal oħrajn, l-isfidi se jkunu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u, għal oħrajn, biex tittejjeb l-infrastruttura bażika. Għalhekk, l-approċċ reġjonali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija lokali huwa prerekwiżit għal ekonomija dinamika newtrali għall-klima; |
Perspettiva dwar teknoloġiji għal enerġiji rinnovabbli lil hinn mill-kosta
26. |
jilqa’ l-“Istateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima” bħala realistika; jenfasizza li għandu jkun hemm ippjanar konkret sabiex il-kapaċità tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inkluża l-kapaċità installata tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, tkun tista’ tiżdied. Il-kisba tal-miri tal-klima għall-2030 u l-2040 teħtieġ l-iżvilupp f’waqtu ta’ enerġiji rinnovabbli stabbiliti u kosteffiċjenti, bħall-enerġija eolika fuq l-art u dik solari. L-Istati Membri jiddependu mill-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex jilħqu l-mira ta’ tniġġis żero u n-newtralità klimatika sal-2050. Dan l-iżvilupp huwa għalhekk importanti għall-produzzjoni tal-idroġenu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sabiex titwettaq id-dekarbonizzazzjoni tas-setturi fejn l-emissjonijiet huma diffiċli li jitnaqqsu; |
27. |
jaqbel mal-fehma li t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli (pereżempju l-enerġija idroelettrika, l-enerġija ġeotermali u solari, it-teknoloġiji tal-enerġija mill marea u mill mewġ u impjanti solari, eoliċi u lil hinn mill-kosta galleġġanti) għandhom jiġu promossi b’mod immirat, filwaqt li fl-istess ħin jappoġġjaw l-objettivi ekonomiċi u ambjentali tal-UE; jenfasizza, fl-istess ħin, il-ħtieġa għal pjan ċar biex fil-futur in-networks u l-installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-enerġija bħas-sistema ta’ distribuzzjoni fil-baħar u l-ġenerazzjoni tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta jiġu konnessi b’mod dirett ma’ interkonnetturi transfruntiera. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija lil hinn mill-kosta flimkien mat trażmissjoni transfruntiera tal-enerġija twassal għal iffrankar sinifikanti fl-ispejjeż u twassal biex jintuża anqas spazju tal-baħar. Madankollu, is-sajd u t-tbaħħir ma għandhomx ikunu ristretti; |
28. |
jappella li jiġu stabbiliti linji gwida ċari u prattiċi għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta fid-dawl tal-bijodiversità. L-objettivi tal-enerġija ekoloġika u tal-bijodiversità m’għandhomx jitqiesu bħala opposti, iżda jridu jinstabu modi biex dawn jintlaħqu, sabiex ikun jista’ jiġi sfruttat aktar malajr il-potenzjal tal-enerġija lil hinn mill-kosta u jiġi ggarantit ippjanar spazjali marittimu konkret li mhux biss ikun konformi mal-ħtiġijiet tad-diversità naturali, bil-għan li l-ħajja tal-baħar ikollha inqas tfixkil, iżda wkoll max-xewqat taċ-ċittadini filwaqt li jitqiesu l-preservazzjoni tal-pajsaġġ tal-baħar, il-potenzjal dejjem akbar tal-ekoturiżmu u r-rekwiżiti għall-attrazzjoni tal-ambjent naturali; |
29. |
ifakkar fil-potenzjal tal-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli offshore li jista’ jkollu rwol essenzjali fit-tranżizzjoni ta’ dawn ir-reġjuni lejn ekonomija newtrali għall-klima u li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-industrija, l-ekonomija u s-soċjetà fl-UE kollha; |
30. |
jirrimarka li l-użu ta’ enerġija offshore jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda jew li aktar ħaddiema jiġu mħarrġa mill-ġdid. Madankollu, dan ma għandux jirrestrinġi forom eżistenti ta’ impjiegi u l-opportunitajiet assoċjati magħhom. Huwa imperattiv li l-forza tax-xogħol tiġi mħarrġa mill-ġdid, b’taħriġ li jkun konformi mal-bżonnijiet speċifiċi tal-industrija tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta; |
31. |
jappella li fl-istrateġija tal-UE għal enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta jingħata rwol speċjali lill-portijiet. Dawn għandhom jiġu mmodernizzati u jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn dawn l-opportunitajiet ta’ negozju ġodda, jiġifieri l-assemblaġġ, il-manifattura u l-manutenzjoni tas-sistemi għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija lil hinn mill-kosta; |
32. |
jilqa’ l-opinjoni tal-Kummissjoni li, sabiex tinkiseb l-espansjoni proposta fl-“Istateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima”, il-partijiet interessati kollha, inklużi l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iċ-ċittadini tal-UE, l-imsieħba soċjali u l-NGOs, jeħtieġ li jaħdmu flimkien; jenfasizza li ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali huma meħtieġa biex jiġi żgurat progress kontinwu u dejjem akbar fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, peress li b’mod ġenerali l-investimenti huma intensivi ħafna fil-kapital, speċjalment fl-istadji bikrija tal-proġetti; |
Strateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan – Opportunitajiet ġodda
33. |
jinnota li, skont l-“Istrateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan”, 5 % biss tal-emissjonijiet globali tal-metan huma kkawżati mill-UE. Għaldaqstant, anke l-aktar pjani ambizzjużi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan iħallu impatt żgħir fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra. L-importazzjonijiet fis-suq intern għandhom ikunu permessi biss mill-pajjiżi (jew partijiet minnhom) li għandhom l-istess standards għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bħal dawk tal-UE. B’dan il-mod biss jista’ jiġi żgurat li l-miri klimatiċi stabbiliti mill-UE ma jxekklux il-kompetittività globali tal-UE u l-kumpaniji tagħha; |
34. |
jappella li t-tnixxijiet tal-metan jiġu identifikati aktar malajr, kemm permezz tal-programm Copernicus kif ukoll permezz ta’ għodod oħra, meta Copernicus ma jkunx jista’ jipprovdi biżżejjed data. Huwa kruċjali li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni fejn jiġu rilaxxati ammonti kbar ta’ metan fil-pajjiżi terzi. Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar jekk jixtrux oġġetti li jiġu prodotti f’postijiet bħal dawn. Skont il-“World Energy Outlook” tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-impjanti taż-żejt u tal-gass madwar id-dinja jirrilaxxaw ammonti differenti ħafna ta’ metan. Għaldaqstant, hemm potenzjal sinifikanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan f’dan il-qasam. Għalhekk, anke fi ħdan l-UE, jeħtieġ li jiġi evitat it-tixrid tal-metan tul il-ktajjen tal-produzzjoni, tat-trasport u tal-irkupru u li jiġu evitati l-importazzjonijiet ta’ sorsi tal-enerġija fossili mniġġsa minn tnixxijiet tal-metan matul l-estrazzjoni, l-ipproċessar u t-trasport; |
35. |
jirrimarka li, skont l-“Istrateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan”, madwar 41 % tal-emissjonijiet globali tal-metan jiġu minn sorsi naturali (bijoġeniċi) bħal artijiet mistagħdra jew nirien fil-foresti. Il-prevenzjoni u l-ġlieda effettiva kontra n-nirien fil-foresti fl-UE għandhom isiru prijorità. Dan huwa dovut għall-fatt li dawn ma jħallux biss impatt fuq it-tisħin globali, iżda jistgħu jikkawżaw ukoll ħsara konsiderevoli lin-natura, lin-nies u lin-negozji fl-Ewropa. Il-KtR jappella wkoll li jiġi eżaminat kif l-UE tista’ twettaq aktar biex tiżgura li n-nirien fil-foresti jintemmu u jiġu evitati f’pajjiżi terzi, fejn kull sena jinħarqu żoni kbar ħafna ta’ foresti; |
36. |
jappella, fl-istess ħin, li jiġi żgurat li l-miri għat-tnaqqis tal-metan ma jaffettwawx il-konverġenza tar-reġjuni Ewropej u ma jżidux id-disparitajiet soċjoekonomiċi bejn ir-reġjuni Ewropej; |
37. |
jappella, fil-kuntest tal-PAK (Politika Agrikola Komuni), għal miżuri effettivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura. Fil-kuntest tal-ekoskemi l-ġodda, sistemi ta’ input baxx bħar-ragħa kif ukoll miżuri ta’ konservazzjoni tal-ħamrija jistgħu jagħtu kontribut importanti għal dan; |
38. |
jappella li l-manifatturi Ewropej jingħataw kunsiderazzjoni akbar fl-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-użu tagħhom, sabiex il-miri għat-tnaqqis tal-metan ma jwasslux għal spejjeż akbar għaċ-ċittadini u l-kumpaniji, speċjalment għall-bdiewa u dawk li jrabbu l-bhejjem. Fl-istess ħin, għandu jiġi żgurat li t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan mill-agrikoltura u mit-trobbija tal-bhejjem ma jwassalx għal żieda fil-prezzijiet tal-ikel; |
Konklużjonijiet
39. |
jenfasizza li, minbarra l-użu tal-possibbiltajiet il-ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, għadu importanti li, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jiġi żgurat li n-network Ewropew jitwessa’ u li kull reġjun ikun konness man-network tal-enerġija komuni Ewropew. Dan jippermetti li r-riżorsi rinnovabbli disponibbli f’postijiet differenti jkunu aktar komplementari. Standards minimi għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-manutenzjoni tal-istabbiltà tan-network huma meħtieġa b’mod urġenti wkoll; |
40. |
jirrimarka l-importanza li jitqiesu d-differenzi reġjonali eżistenti, filwaqt li tingaħta attenzjoni partikolari liż-żoni rurali u dawk skarsament popolati, u jiġu appoġġjati wkoll soluzzjonijiet kosteffettivi, filwaqt li jiġi żgurat tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, u li nieħdu ħsieb li l-faqar enerġetiku, li jista’ jkun qed jaffettwa l-gruppi l-aktar gruppi vulnerabbli, ma jaggravax; |
41. |
jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 toħroġ aktar fid-dieher il-ħtieġa tat-tranżizzjoni tal-enerġija li tikkontribwixxi għal soċjetà u ekonomija aktar sostenibbli u tiżgura l-kapaċità ta’ kull reġjun Ewropew li jipprovdi servizzi essenzjali fi żminijiet ta’ kriżi. It-tranżizzjoni għandha tkun ġusta, gradwali u irriversibbli, peress li soluzzjonijiet mhux sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien qasir jistgħu jagħmlu aktar ħsara milli ġid; |
42. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti b’mod aktar sistematiku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet b’rabta mat-tranżizzjoni tal-enerġija. Għandu jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati jkunu involuti fl-iżvilupp ta’ pjani nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, possibbilment permezz ta’ djalogi f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija. Il-KtR itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu pjattaforma permanenti għal djalogu f’diversi livelli dwar il-kwistjonijiet relatati mal-enerġija. Dan jista’ jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji u partijiet interessati oħra fit-tfassil tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-KtR jenfasizza li d-Direttiva tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) serviet ta’ bażi siewja ħafna għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli. L-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw din it-traspożizzjoni tad-Direttiva sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin; |
43. |
jirrimarka li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġodda, huwa imperattiv li ssir ħidma konġunta mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika, u li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu infurmati u mgħarrfa b’mod adegwat dwar is-sitwazzjoni. Dan isawwar il-bażi għat-tfassil sostenibbli tal-futur tagħna; |
44. |
jenfasizza li, minħabba l-importanza tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, għandu jitqies li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE hija inkonċepibbli mingħajr inizjattivi li jippromovu fluss ta’ informazzjoni minn isfel għal fuq, kondiviżjoni ta’ informazzjoni u edukazzjoni fil-livell lokali. Il-KtR jinnota li involviment xieraq tal-partijiet interessati mhux biss jiffaċilita l-aċċettazzjoni pubblika tal-politiki, iżda jippermetti wkoll li ssir valutazzjoni sħiħa u trasparenti tal-progress li jkun sar. |
Brussell, is-7 ta’ Mejju 2021.
Apostolos TZITZIKOSTAS
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) Eurostat, “Share of renewable energy in the EU up to 19,7 % in 2019” (Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fl-UE sa 19,7 % fl-2019 – mhux disponibbli bil-Malti), https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/ddn-20201218-1.
(2) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).