IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.12.2020
COM(2020) 831 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar miżuri ta' kontinġenza mmirati f'każ li ma jkun hemm ebda ftehim mar-Renju Unit dwar sħubija futura
1.
Introduzzjoni
2.
L-istat ta’ tlestija huwa importanti daqs qatt qabel
3. Il-ħtieġa għal miżuri ta’ kontinġenza mmirati tal-UE f’xenarju ta’ ebda ftehim
4.
Miżuri ta’ kontinġenza leġiżlattivi proposti li ikunu applikabbli minn Jannar 2021
4.1 Konnettività bażika tal-avjazzjoni u sikurezza tal-avjazzjoni
4.2 Konnettività tat-trasport bit-triq
4.3 Konnessjoni ferrovjarja mill-Kanal Ingliż
4.4. Attivitajiet tas-sajd
5. Mitigazzjoni tal-impatti permezz tal-baġit tal-UE
5.1 Ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit
5.2 Programmi u strumenti fil-Baġit tal-UE 2021-2027
6. Prinċipji għall-miżuri ta’ kontinġenza fil-livell tal-Istati Membri
7. Risponsi għal tfixkil wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni
1.Introduzzjoni
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“Ir-Renju Unit” jew “UK”) ħareġ mill-Unjoni Ewropea (“UE”) u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”) – minn hawn ’il quddiem b’mod kollettiv imsejħin “l-Unjoni” – fl-1 ta’ Frar 2020. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li daħal fis-seħħ f’din id-data, jiżgura t-tluq ordnat tar-Renju Unit.
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu d-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għar-Renju Unit u fih
. Dan il-perjodu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-Renju Unit imbagħad joħroġ mis-Suq Uniku tal-UE u mill-Unjoni Doganali u l-politiki kollha tal-Unjoni, u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE għar-Renju Unit u fih tieqaf.
Id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Ftehim dwar il-Ħruġ japplikaw irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura. Huwa jipprovdi:
·il-protezzjoni kontinwa tad-drittijiet taċ-ċittadini, inklużi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali, għaċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit ikkonċernati għat-tul ta’ ħajjithom;
·saldu finanzjarju, li jiżgura li r-Renju Unit u l-Unjoni jonoraw l-obbligi finanzjarji kollha meħuda waqt li r-Renju Unit kien membru. Is-saldu jiżgura wkoll li l-proġetti u l-programmi tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali (2014-2020) jiġu ffinanzjati kif previst sal-għeluq tagħhom, u b’hekk tingħata ċertezza lill-benefiċjarji kollha tal-programmi tal-UE, inklużi l-benefiċjarji tar-Renju Unit;
·soluzzjoni legalment operattiva li tevita fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, tipproteġi l-ekonomija tal-gżira kollha u l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast) fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, filwaqt li tissalvagwardja l-integrità tas-Suq Uniku tal-UE (il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, li ħafna partijiet minnu japplikaw minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni);
·il-protezzjoni tal-interessi tal-persuni residenti jew impjegati fit-territorju taż-Żoni ta’ Bażi Sovrana (il-Protokoll dwar iż-Żoni ta' Bażi Sovrana (SBA) f’Ċipru, li japplika minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni);
·kooperazzjoni mill-qrib bejn Spanja u r-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti f’għadd ta’ oqsma ta’ politika (il-Protokoll dwar Ġibiltà, li mhux se jibqa’ japplika fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ħlief għall-ewwel artikolu tiegħu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini);
·arranġamenti oħra meħtieġa għal ħruġ ordnat tar-Renju Unit, li jiżguraw fost l-oħrajn:
Østralċ bla xkiel ta’ arranġamenti u proċeduri ta’ kooperazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri fi kwistjonijiet rilevanti tad-dritt tal-UE;
Øċarezza legali għal oġġetti li diġà tqiegħdu fis-suq, u oġġetti li qed jiċċaqalqu bejn l-UE u r-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni;
Øil-protezzjonijiet u s-salvagwardji kontinwi fir-Renju Unit dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-UE, sa data personali trażmessa qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni jew ipproċessata minn hemm ’il quddiem fir-Renju Unit abbażi tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, jew materjal tal-EURATOM li jinsab fir-Renju Unit.
L-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit dwar ftehim dwar sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit għadu inċert sal-lum, minkejja li t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni huwa qrib ħafna. Il-Kummissjoni tkompli tagħmel l-almu tagħha biex tikkonkludi n-negozjati dwar ftehim, li jirrispetta l-interessi tal-UE.
L-UE se tkompli tinnegozja mar-Renju Unit billi l-objettiv ġenerali li jintlaħaq qbil dwar sħubija ambizzjuża, wiesgħa, profonda u flessibbli mar-Renju Unit jibqa’, b’kundizzjonijiet sovrastanti f’termini ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti u governanza. Madankollu, minħabba li t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni huwa qrib ħafna, mhuwiex possibbli li jiġi ggarantit li tali ftehim jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021, li jwassal għal perjodu mingħajr tali ftehim. Din il-Komunikazzjoni u l-miżuri ta’ kontinġenza proposti llum iservu biex ikopru perjodu bħal dan. Għaldaqstant, u bl-eċċezzjoni tar-regolament dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, il-miżuri ta’ kontinġenza proposti jieqfu awtomatikament meta ftehim jidħol fis-seħħ jew jieqaf wara perjodu fiss jekk ma jidħol fis-seħħ l-ebda ftehim (6 xhur għas-servizzi tal-ajru u l-miżuri relatati mat-toroq u sena (1) għall-miżuri relatati mas-sajd).
Mingħajr ftehim fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2021, ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni jkunu rregolati l-aktar minn oqfsa internazzjonali multilaterali li kemm ir-Renju Unit kif ukoll l-UE u/jew l-Istati Membri tagħha huma partijiet għalihom, kif ukoll mil-liġijiet domestiċi tal-UE jew tal-Istati Membri fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Pereżempju, il-kummerċ bejn l-UE u r-Renju Unit fi prodotti u servizzi jsir skont it-termini tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, b’kull parti tapplika tariffi fuq il-bażi tal-prinċipju “Nazzjon l-Aktar Iffavorit” għal prodotti li joriġinaw mill-parti l-oħra. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja taqa’ lura fuq varjetà ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u għodod oħra.
Madankollu, fis-settur tal-avjazzjoni, ma hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva internazzjonali bħal din, filwaqt li fit-trasport bit-triq, is-soluzzjoni ta’ riżerva tal-permessi taħt ir-reġim tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) hija evidentement insuffiċjenti fir-rigward tar-Renju Unit. Dan joħloq tfixkil li ma jistax jiġi mmaniġġat u joħloq theddida serja għall-interessi tal-UE.
Barra minn hekk, mingħajr ftehim fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2021, l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd tal-UE u tar-Renju Unit għall-ilmijiet ta’ xulxin ma jkunx garantit, minkejja l-importanza tas-sajd għall-għajxien ekonomiku tal-komunitajiet kostali u l-ħtieġa li jiġi żgurat sajd sostenibbli.
F’dawn it-tliet oqsma, il-Kummissjoni temmen li hemm bżonn miżuri ta’ "kontinġenza".
Jekk ftehim dwar sħubija futura jkun applikabbli sal-1 ta’ Jannar 2021, dawn il-miżuri ta’ kontinġenza ma jidħlux fis-seħħ.
2.L-istat ta’ tlestija huwa importanti daqs qatt qabel
Fl-1 ta’ Jannar 2021, se jkun hemm xi tfixkil kemm bi ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit kif ukoll mingħajru, dwar ir-relazzjoni futura tagħhom. Din hija l-konsegwenza naturali tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni u li ma jibqax jipparteċipa fis-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali tal-UE. Il-Kummissjoni dejjem kienet ċara ħafna dwar dan.
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “L-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit” tad-9 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni tenniet il-ħtieġa li l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikunu lesti għall-bidliet li se jseħħu bħala konsegwenzi inevitabbli tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit, anki bi ftehim dwar sħubija futura fis-seħħ.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet 89 avviż settorjali b’informazzjoni dettaljata dwar il-bidliet mistennija u l-azzjonijiet meħtieġa li jridu jieħdu l-amministrazzjonijiet, in-negozji u ċ-ċittadini. Dawn jinkludu avviżi dwar il-kummerċ fil-prodotti tal-ikel, tal-konsumatur u dawk industrijali kif ukoll fis-servizzi, il-VAT, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-ġustizzja ċivili, il-liġi tal-kumpaniji, u d-dwana.
Minn Lulju, is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu laqgħat bilaterali mas-27 Stat Membru kollha sabiex jindirizzaw l-istat ta’ tlestija flimkien ma’ kull amministrazzjoni nazzjonali. Il-konklużjoni ġenerali hija li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma ppreparati sew għall-bidliet inevitabbli li se jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, huma meħtieġa sforzi kontinwi fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari fost l-intrapriżi żgħar u medji b’esponiment għar-Renju Unit, li jistgħu xorta waħda ma jkunux familjari mal-proċeduri kollha għall-kummerċ ma’ pajjiż terz.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni nediet għadd ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u intensifikat is-sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati f’dawn l-aħħar xhur. Hija pprovdiet ukoll taħriġ u gwida dwar “l-istat tat-tlestija għall-Brexit” lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, u se tkompli torganizza seminars settorjali mal-Istati Membri kollha fil-livell tekniku, biex tgħin biex tiġi rfinata l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ tħejjija, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kontrolli fil-fruntieri għall-persuni u l-merkanzija.
Aktar dettalji dwar dawn l-azzjonijiet jistgħu jinstabu fl-Annessi ta’ din il-Komunikazzjoni, inkluża lista sħiħa tal-avviżi tal-Istat ta’ Tlestija u ħarsa ġenerali lejn l-oqsma ewlenin ta’ sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.
Jenħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li l-UE u r-Renju Unit esprimew, fil-preambolu tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, l-impenji b’saħħithom tagħhom biex fil-futur ikomplu l-programmi PEACE+. Billi dan il-programm huwa programm tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE), huwa possibbli li jkun hemm ftehim ta’ finanzjament li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ PEACE + anki f’sitwazzjoni ta’ ebda ftehim, skont il-linji segwiti għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi oħra fil-programmi tal-KTE. Il-Kummissjoni se tkompli dawn id-diskussjonijiet sabiex ikollha fis-seħħ ftehim ta’ finanzjament bħal dan għas-sitwazzjonijiet kollha.
3. Il-ħtieġa għal miżuri ta’ kontinġenza mmirati tal-UE f’xenarju ta’ ebda ftehim
Il-perjodu ta’ tranżizzjoni qed joqrob lejn tmiemu u hemm inċertezza kontinwa dwar jekk ftehim dwar sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit hux se jiġi applikat mill-1 ta’ Jannar 2021. Jekk ma jkunx hemm qbil sa din id-data, il-Kummissjoni biħsiebha tibqa’ disponibbli għal negozjati kontinwi dwar sħubija ġdida matul l-2021. Madankollu, huwa ċar ukoll li għadd limitat ta’ miżuri mmirati huma meħtieġa biex jitnaqqas il-perjodu ta’ żmien sakemm ikun hemm fis-seħħ arranġament futur u biex jiġu protetti l-interessi tal-UE.
Il-Kummissjoni qed tipproponi għadd immirat u limitat ta’ miżuri ta’ kontinġenza biex tkun ippreparata bis-sħiħ għal xenarju ta’ “ebda ftehim”. Il-miżuri ta’ kontinġenza huma ggwidati mill-prinċipji li ġejjin:
a. Miżuri ta’ kontinġenza ma jistgħux jipprovdu kontinwità jew jirreplikaw il-benefiċċji tas-sħubija fl-UE jew tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Lanqas ma jistgħu jipprovdu għal sitwazzjoni li tkun ta’ benefiċċju daqs dak li jipprovdi ftehim ta’ sħubija. B’riżultat ta’ dan, il-miżuri ta’ kontinġenza bħala prinċipju qatt ma jistgħu jkunu aktar estensivi minn dak li l-UE offriet lir-Renju Unit fl-Abbozz tat-test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, ippubblikat fit-18 ta’ Marzu 2020.
b. Il-miżuri ta’ kontinġenza jenħtieġ li jkunu mmirati biex jevitaw jew itaffu t-tfixkil sproporzjonat li jirriżulta minn xenarju ta’ ebda ftehim, u jenħtieġ li jfittxu li jagħmlu dan biss meta dawn l-effetti ma jkunux jistgħu jiġu rimedjati jew imtaffija permezz tal-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali jew multilaterali eżistenti jew ta’ azzjonijiet tal-istat ta’ tlestija xierqa. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ kontinġenza bl-ebda mod ma jfittxu li jikkumpensaw lill-atturi ekonomiċi talli jkunu naqsu milli jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.
c. Il-miżuri ta’ kontinġenza jenħtieġ li jipprovdu soluzzjoni tranżitorja, filwaqt li jkomplu n-negozjati dwar sħubija futura, u mhux ifittxu li jtaffu l-impatti negattivi tal-Brexit b’mod sostnut. Dawn iridu jkunu ta’ natura temporanja, sabiex ma jissostitwixxux ftehim fit-tul.
d. F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-miżuri ta’ kontinġenza għandhom jittieħdu biss meta l-azzjoni tkun indispensabbli fil-livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi tal-UE, biex jiġu evitati distorsjonijiet jew frammentazzjoni tas-suq intern, u minħabba li ma setax jinkiseb riżultat simili permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Istati Membri.
e. Il-miżuri ta’ kontinġenza, min-natura tagħhom, huma miżuri unilaterali, li jittieħdu biex jipproteġu l-interessi tal-UE. F’xi każijiet, l-applikazzjoni tagħhom, madankollu, tiddependi fuq il-fatt li r-Renju Unit jirreċiproka.
f. L-ambitu territorjali tagħhom mhux se jinkludi Ġibiltà.
3.
4.Miżuri ta’ kontinġenza leġiżlattivi proposti li ikunu applikabbli minn Jannar 2021
Minbarra l-proposta dwar il-konnessjoni ferrovjarja permezz tal-mina taħt il-Kanal Ingliż, li ġiet adottata fit-27 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni llum adottat pakkett ta’ erba’ proposti leġiżlattivi. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill bil-ħsieb li tiffaċilita l-adozzjoni f’waqtha tagħhom qabel tmiem is-sena 2020.
4.1 Konnettività bażika tal-avjazzjoni u sikurezza tal-avjazzjoni
(a) Sakemm ma jkunx hemm miżura ta’ kontinġenza fis-seħħ dwar it-trasport bl-ajru fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, it-traffiku tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit jiġi interrott.
Biex tiżgura konnettività bażika fl-ajru, il-Kummissjoni llum adottat proposta għal Regolament biex tiżgura l-forniment ta’ ċerti servizzi tal-ajru bejn ir-Renju Unit u l-UE għal perjodu limitat ta’ żmien.
Din il-miżura tippermetti, għal tul ta’ żmien massimu ta’ 6 xhur, lit-trasportaturi tal-ajru mir-Renju Unit li jtiru fit-territorju tal-Unjoni mingħajr inżul, jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-Unjoni għal finijiet mhux tat-traffiku, u jwettqu servizzi internazzjonali tal-passiġġieri u tal-merkanzija skedati u mhux skedati bejn punti fir-Renju Unit u punti fl-UE (it-tielet u r-raba’ “Libertajiet tal-Ajru”). Dawn l-arranġamenti jkunu soġġetti għall-fatt li r-Renju Unit jagħti drittijiet ekwivalenti lit-trasportaturi tal-ajru mill-Unjoni, kif ukoll jipprovdu garanziji b’saħħithom dwar il-kompetizzjoni ġusta u dwar l-infurzar effettiv ta’ dawn id-drittijiet u l-garanziji.
Għal dan il-għan, ir-Regolament ta’ kontinġenza propost jikkonferixxi setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni analogi għal dawk taħt kontinġenza tar-Regolament (UE) 2019/502 dwar regoli komuni li jiżguraw il-konnettività bażika tal-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, li ma sarx applikabbli minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
(b) Fin-nuqqas ta’ miżura ta’ kontinġenza fis-seħħ dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, iċ-ċertifikati tad-disinn eżistenti maħruġa mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) lill-kumpaniji bbażati fir-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni. Għal dawn iċ-ċertifikati r-Renju Unit isir responsabbli (“Stat ta’ Disinn”) bħala pajjiż terz minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. L-istess jgħodd għaċ-ċertifikati maħruġa minn organizzazzjonijiet tad-disinn ibbażati fir-Renju Unit u ċċertifikati mill-EASA. Jekk dawn iċ-ċertifikati ta’ disinn eżistenti jsiru invalidi fl-UE, ħafna inġenji tal-ajru tal-UE li fihom prodotti biċ-ċertifikati tad-disinn eżistenti tal-EASA maħruġa lill-kumpaniji tar-Renju Unit ikollhom jitwaqqfu milli jtiru.
Għaldaqstant, illum il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jiżgura li l-prodotti jew id-disinji tal-avjazzjoni affettwati, li jkunu ċertifikati mill-EASA jew minn organizzazzjoni tad-disinn ċertifikata mill-EASA qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw fl-inġenji tal-ajru tal-Unjoni mingħajr tfixkil. Il-miżura tapplika biss fir-rigward tal-inġenji tal-ajru rreġistrati fl-Unjoni.
(c) Bil-kontra, fir-rigward tas-sjieda u l-kontroll tat-trasportaturi bl-ajru tal-UE, il-Kummissjoni mhi se tipproponi l-ebda miżura ta’ kontinġenza oħra. Ir-Regolament (UE) 2019/502, adottat fi Frar 2019, ma bediex japplika bl-eċċezzjoni ta’ xi elementi. Madankollu, ippreveda perjodu ta’ grazzja ta’ sitt xhur biex it-trasportaturi bl-ajru jkunu jistgħu jieħdu l-azzjoni meħtieġa u jiżguraw il-konformità sħiħa tagħhom mar-rekwiżiti ta’ sjieda u ta’ kontroll. Il-perjodu ta’ grazzja ngħata bil-kundizzjoni li t-trasportaturi bl-ajru jippreżentaw pjan sodisfaċenti ta’ azzjoni rimedjali lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan l-obbligu japplika mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Xi trasportaturi bl-ajru ħadu l-azzjonijiet meħtieġa, u l-miżuri ta’ kontinġenza jenħtieġ li ma jagħtux vantaġġi inġusti lil dawk il-partijiet ikkonċernati u lin-negozji li jista’ jkun li ma adattawx ruħhom fil-ħin.
4.2 Konnettività tat-trasport bit-triq
Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit sal-1 ta’ Jannar 2021, wara din id-data ma jkun hemm ebda bażi fid-dritt tal-Unjoni dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri minn operaturi ta’ trasport tal-merkanzija. Is-sistema ta’ kwoti multilaterali tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (European Conference of Ministers of Transport, ECMT) tkun l-uniku qafas ġuridiku li fuqu jkun jista’ jibbaża l-forniment ta’ servizzi. Madankollu, il-limiti stretti li jirregolaw l-għadd ta’ permessi tal-ECMT jfissru li dawn ma jkunux biżżejjed għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri u jirriżultaw fi tfixkil serju li potenzjalment saħansitra jheddu l-ordni pubbliku.
Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ ftehim dwar sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit sal-1 ta’ Jannar 2021, is-servizzi regolari bix-xarabank minn u lejn ir-Renju Unit ikollhom jitwaqqfu. L-alternattivi multilaterali rilevanti (il-Protokoll tal-Ftehim Interbus) x’aktarx li jidħlu fis-seħħ bejn l-UE u r-Renju Unit matul l-2021.
Għaldaqstant, illum il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jkopri l-konnettività bażika fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq għal perjodu ta’ żmien limitat.
(a) Konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija
Ir-Regolament propost jiżgura l-konnettività bażika kontinwa tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għal perjodu mhux itwal minn sitt xhur. Dan jiddependi fuq il-kundizzjoni li r-Renju Unit jagħti d-drittijiet ekwivalenti lil operaturi tal-Unjoni tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, u suġġett għall-applikazzjoni ta’ regoli ekwivalenti għal dawk tal-UE dwar il-kompetizzjoni ġusta kif ukoll regoli soċjali u tekniċi. Il-monitoraġġ u l-iżgurar tal-ekwivalenza tad-drittijiet dwar l-aċċess għas-suq u l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta huma parti mis-setgħat delegati lill-Kummissjoni bl-istess manjiera bħal fir-Regolament ta’ kontinġenza (UE) 2019/501 dwar regoli komuni li jiżguraw il-konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bit-triq, li qatt ma beda japplika minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Bħalma kien il-każ fir-Regolament (UE) 2019/501, ir-Regolament ta’ kontinġenza ġdid li ġie propost ma jipprevedix ir-rikonoxximent (anterjorità) ta’ liċenzji u ċertifikati mir-Renju Unit li jinsabu f’idejn operaturi mill-UE, pereżempju dwar il-kompetenza professjonali. L-operaturi tal-UE li għadhom jaħdmu fl-UE b’ċertifikati maħruġa mir-Renju Unit irid ikollhom ċertifikati tal-UE sal-1 ta’ Jannar 2021.
(b) Trasport ta’ passiġġieri – servizzi tax-xarabank
Ir-Regolament propost jiżgura l-konnettività bażika kontinwa ta’ servizzi ta’ xarabank għal perjodu mhux itwal minn sitt xhur. Ir-regoli dwar il-kompetizzjoni ġusta u -regoli soċjali u tekniċi japplikaw għat-trasport tal-merkanzija bit-triq bl-istess mod.
Fir-rigward tas-servizzi transfruntiera tax-xarabank fuq il-gżira tal-Irlanda, ir-Regolament ta’ kontinġenza propost jipprevedi wkoll id-dritt li jittellgħu u jitniżżlu passiġġieri fir-reġjun fil-fruntiera bħala parti minn servizz regolari. Dan biex titħares l-ekonomija tal-gżira kollha kemm hi kif ukoll is-sitwazzjoni sensittiva fil-gżira tal-Irlanda, li tiżgura l-konnettività bejn il-komunitajiet fil-fruntiera li inkella tiġi interrotta.
4.3 Konnessjoni ferrovjarja mill-Kanal Ingliż
Fin-nuqqas ta’ miżura ta’ kontinġenza tal-Unjoni, l-operazzjoni taċ-Channel Fixed Link mill-Kanal Ingliż trid tiġi sospiża wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. F’każ bħal dan, il-ferroviji ma jkunux jistgħu jiċċirkolaw mill-Kanal Ingliż li jservi ta’ konnessjoni bejn ir-Renju Unit u l-kontinent Ewropew.
Fid-dawl tal-importanza ekonomika taċ-Channel Fixed Link għall-Unjoni, fis-27 ta’ Novembru l-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jiżgura li ċ-Channel Fixed Link ikompli jopera wara l-1 ta’ Jannar 2021, sakemm ma jiddaħħlux fis-seħħ arranġamenti oħra.
L-operazzjoni taċ-Channel Fixed Link mill-Kanal Ingliż hija sorveljata minn Kummissjoni Intergovernattiva (il-“KIG”), maħluqa mit-Trattat ta’ Canterbury bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit li ġie iffirmat fit-12 ta’ Frar 1986. Sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-KIG hija rikonoxxuta bħala l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li ġiet fdata miż-żewġ Stati Membri bl-iżgurar li r-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà japplikaw għall-Kanal Ingliż kollu kemm hu. Hija toħroġ iċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet rilevanti dwar is-sikurezza.
Franza ngħatat is-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit sabiex iżżomm reġim unifikat ta’ sikurezza u l-KIG. Madankollu, mhuwiex se jkun daħal ftehim fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Mingħajr ftehim bħal dan, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-KIG ma tibqax tikkwalifika bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont id-dritt tal-UE u ċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet li tkun ħarġet mhumiex se jibqgħu validi.
Ir-Regolament propost jestendi l-validità tal-awtorizzazzjonijiet li jinħarġu mill-KIG għal perjodu ta’ xahrejn. Dan jagħti żmien biżżejjed biex l-awtorità nazzjonali Franċiża tas-sikurezza tieħu s-superviżjoni f’idejha u toħroġ iċ-ċertifikati tagħha stess.
Biex tiġi żgurata l-konnettività bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, ikun essenzjali wkoll li l-operaturi ferrovjarji li jagħtu servizzi fil-Kanal ikomplu jagħmlu dan u jaslu fl-istazzjon tal-fruntiera ta’ Calais-Fréthun. Għal dan il-għan, il-perjodu ta’ validità tal-liċenzji tagħhom maħruġa mir-Renju Unit u taċ-ċertifikati ta’ sikurezza maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva jrid jiġi estiż għal perjodu ta’ disa’ xhur. Din l-estensjoni tagħti biżżejjed żmien għan-negozjati u l-konklużjoni tal-arranġamenti neċessarji previsti fid-dritt tal-Unjoni biex jiġi evitat it-tfixkil.
4.4. Attivitajiet tas-sajd
Il-Kummissjoni għadha tagħti importanza kbira għal ftehim dwar is-sajd fil-qafas tas-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar ir-relazzjoni futura qabel il-perjodu ta’ tranżizzjoni jista’ jkun hemm tfixkil fuq l-għajxien ekonomiku tal-komunitajiet tal-kosta u theddid fuq in-natura sostenibbli tas-sajd fl-ibħra kkonċernati.
Bil-għan tal-protezzjoni tal-interessi tas-sajjieda tal-UE, il-Kummissjoni adottat proposta li temenda r-Regolament (UE) 2017/2403 dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-perjodu sa tmiem l-2021.
Il-proposta tippermetti l-aċċess reċiproku ta’ bastimenti mill-UE u mir-Renju Unit fl-ibħra ta’ xulxin. Ladarba jiġu adottati d-dispożizzjonijiet legali tagħha, l-Unjoni tkun tista’ tawtorizza lil bastimenti tar-Renju Unit jidħlu fl-ibħra tal-UE u li tamministra t-talbiet ta’ awtorizzazzjonijiet tal-bastimenti mill-UE biex jidħlu fl-ibħra tar-Renju Unit, fejn il-kundizzjonijiet ta’ sostenibbiltà jiġu ssodisfati u jkunu suġġetti għar-reċiproċità. L-opportunitajiet tas-sajd previsti f’tali arranġamenti u stabbiliti miż-żewġ partijiet iridu jkunu konformi mal-ġestjoni sostenibbli tal-istokks rilevanti.
Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu ċertezza legali għall-industrija tas-sajd u jiżguraw il-konservazzjoni tal-istokks tal-ħut. Fuq il-bażi tal-koordinazzjoni preċedenti mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tinsab lesta li tippreżenta lir-Renju Unit it-talbiet għal awtorizzazzjoni li jikkonċernaw il-bastimenti tal-UE minnufih wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
5. Mitigazzjoni tal-impatti permezz tal-baġit tal-UE
5.1 Ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit
Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposta għar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (Brexit Adjustment Reserve, BAR) ta’ EUR 5 biljun, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Il-kundizzjonijiet tal-BAR għall-finanzjament se jakkomodaw sitwazzjoni ta’ ftehim kif ukoll jekk ma jintlaħaqx ftehim.
Fir-rigward tar-reġjuni u s-setturi milquta l-aktar, joħroġ biċ-ċar diġà li x-xenarju fejn ma jintlaħaqx ftehim joħloq riskji speċifiċi għall-industrija tas-sajd tal-UE. Il-proposta se tirrifletti din ir-realtà.
5.2 Programmi u strumenti fil-Baġit tal-UE 2021-2027
Illum mhuwiex possibbli li ssir valutazzjoni tal-impatt sħiħ tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jtemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni din is-sena mingħajr ftehim. Minbarra l-BAR, il-programmazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni għall-perjodu 2021-2027 jenħtieġ li jqis b’mod ċar l-impatt ta’ tmiem it-tranżizzjoni, kemm fix-xenarju tal-ilħuq ta’ ftehim u f’dak li ma jintlaħaqx ftehim. F’sitwazzjoni possibbli li jkun hemm konsegwenzi mhux magħrufa wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, speċjalment f’sitwazzjoni fejn ma jsirx ftehim, il-Kummissjoni tinsab lesta li taġixxi malajr f’konformità mad-dispożizzjonijiet regolatorji fil-każ li xi Stati Membri jiddeċiedu li jemendaw il-programmi tagħhom koperti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni biex issir ir-riallokazzjoni ta’ parti mir-riżorsi disponibbli fil-pakketti nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni taġixxi wkoll b’mod rapidu jekk xi Stati Membri jkunu jridu jibdlu l-allokazzjoni tal-pakketti nazzjonali tagħhom fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rispett tad-dispożizzjonijiet regolatorji.
Għal appoġġ aktar immedjat lill-partijiet ikkonċernati milquta, pereżempju għall-kumpaniji żgħar u medji b’esponiment sinifikanti għar-Renju Unit, ir-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat joffru soluzzjonijiet flessibbli għal miżuri nazzjonali ta’ appoġġ.
6. Prinċipji għall-miżuri ta’ kontinġenza fil-livell tal-Istati Membri
Il-Kummissjoni mhija qed tara l-ebda ħtieġa għal miżuri ta’ kontinġenza leġiżlattivi oħra minbarra dawk li ġew proposti llum.
Fir-rigward tal-miżuri nazzjonali, il-Kummissjoni tkompli timpenja ruħha mal-Istati Membri bil-għan li tiżgura li l-miżuri nazzjonali la jifframmentaw u lanqas jimminaw is-Suq Uniku.
B’konsegwenza ta’ dan, fil-fehma tal-Kummissjoni, wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-miżuri nazzjonali għandu jkun in-natura temporanja tagħhom. Prinċipju ieħor huwa li r-Renju Unit jenħtieġ li ma tieħu ebda benefiċċju simili minn tali miżuri daqs minn dawk offruti mill-Unjoni fin-negozjati fuq ftehim futur. Il-miżuri jenħtieġ li jqisu wkoll il-prijorità ġenerali fir-rigward tar-relazzjoni tal-Unjoni ma’ kwalunkwe pajjiż terz sabiex tinżamm l-integrità tas-Suq Uniku, jiġi limitat ir-riskju tal-frammentazzjoni u jiġi evitat it-trattament mhux ugwali tal-Istati Membri. Fi kwalunkwe ċirkostanza, il-miżuri nazzjonali ta’ kull tip iridu jikkonformaw mad-dritt tal-UE, fosthom il-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera.
Ikun x’ikun il-każ, fuq bażi kollettiva l-UE tista’ tinnegozja b’aktar saħħa milli kull Stat Membru b’azzjoni għal rasu. Din is-saħħa fin-negozjar igawdu minnha l-Istati Membri kollha. Trid tintuża biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-UE u r-Renju Unit.
Il-Kummissjoni tinsab ħerqana li tissokta bid-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-miżuri nazzjonali ta’ tħejjija.
7. Risponsi għal tfixkil wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni
Ħafna partijiet ikkonċernati u ċittadini jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ tfixkil wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Se jkun kruċjali l-Unjoni tkompli tirrispondi b’manjiera magħquda u koordinata għal tali tfixkil. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jibqgħu f’kuntatt mill-qrib biex jikkoordinaw ir-rispons tagħhom għal kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ u biex jidentifikaw l-aħjar mod kif jindirizzawhom. Fir-rigward tal-perjodu eżattament qabel jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni ħolqot Brexit hotline li tintuża mill-amministrazzjonijiet ċentrali tal-Istati Membri, u tagħtihom aċċess rapidu għall-għarfien tas-servizzi tal-Kummissjoni billi tistabbilixxi linja ta’ komunikazzjoni diretta bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni.
Iċ-ċittadini, in-negozji u l-partijiet ikkonċernati tal-UE jistgħu jikkuntattjaw l-amministrazzjonijiet nazzjonali jew lokali tagħhom permezz tal-kanali li jużaw is-soltu. Il-Kummissjoni se tippubblika prospetti tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-Brexit stabbiliti mill-Istati Membri fuq is-sit web tagħha. Jistgħu jikkuntattjaw ukoll iċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct fir-rigward ta’ kwalunkwe mistoqsija (telefonata bla ħlas 00 800 6 7 8 9 10 11 minn kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea jew b’posta elettronika fi kwalunkwe lingwa tal-UE), u ċ-Ċentru se jagħti prijorità li jwieġeb mistoqsijiet dwar il-Brexit.