Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020BP1927

    Riżoluzzjoni (UE) 2020/1927 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) (qabel il-11 ta’ Diċembru 2018: l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2018

    ĠU L 417, 11.12.2020, p. 273–277 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2020/1927/oj

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 417/273


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1927 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-14 ta’ Mejju 2020

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) (qabel il-11 ta’ Diċembru 2018: l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2018

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) għas-sena finanzjarja 2018,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0053/2020),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2018 kien ta’ EUR 205 657 227, u dan ifisser żieda sinifikanti ta’ 32 % meta mqabbel mal-2017; billi ż-żieda kienet relatata mal-kompiti addizzjonali u mat-tisħiħ tal-mandat tal-Aġenzija, filwaqt li l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni (2);

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 75,18 %; josserva li r-rata baxxa ta’ implimentazzjoni hija dovuta għall-impenji pendenti, prinċipalment relatati mal-infiq operattiv soġġett għall-adozzjoni tal-bażi ġuridika tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 94,08 %, u dan ifisser tnaqqis ta’ 2,55 % meta mqabbel mal-2017;

    2.

    Jinnota li, wara li ġarrbet dewmien konsiderevoli, il-kostruzzjoni tal-binja l-ġdid tal-Aġenzija fi Strasburgu kellha rata ta’ tlestija ta’ 88,17 %, skont l-aħħar rapport approvat ta’ April 2018 dwar il-progress fix-xogħlijiet, u li l-Aġenzija tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha b’garanzija tal-eżekuzzjoni ta’ EUR 1,2 miljun; jinnota li l-Aġenzija rreġistrat dikjarazzjonijiet tad-difiża fil-Qorti tal-Prim’ Istanza fi Strasburgu fil-15 ta’ Mejju 2018 u fil-15 ta’ Frar 2019, u wkoll li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’ Istanza għadha ma nħarġitx; jinnota barra minn hekk li taħditiet bil-għan li jintlaħaq ftehim barra l-qorti reġgħu bdew f’April 2019; jitlob li l-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza mingħajr dewmien f’każ li jintlaħaq ftehim barra l-qorti jew, alternattivament, hekk kif tinħareġ is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza;

    3.

    Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-rata tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija kienet iżjed baxxa minn dik ippjanata minħabba li xi atti legali ġew adottati jew daħlu fis-seħħ tard (ħaġa li l-Aġenzija ma kellhiex kontroll fuqha), b’mod li affettwa kemm l-evoluzzjoni tas-sistemi eżistenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda; jinnota li, b’reazzjoni, l-Aġenzija rritornat lill-Kummissjoni EUR 74 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament u rriportat EUR 49 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn, u b’hekk xeħtet dubju fuq is-suppożizzjonijiet ta’ ppjanar li jinsabu fir-rapporti finanzjarji leġiżlattivi mħejjija mill-Kummissjoni; jirrileva li l-iskrizzjoni ta’ riżorsi baġitarji fil-baġit tal-Aġenzija vvotat fir-rigward talatti leġiżlattivi li għadhom ma ġewx adottati tintroduċi riskji sinifikanti għal ġestjoni finanzjarja soda; jitlob li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija, ittejjeb l-allinjament tal-ippjanar baġitarju mal-kalendarju tal-adozzjoni jew tad-dħul fis-seħħ ta’ atti legali;

    Prestazzjoni

    4.

    Jinnota l-kooperazzjoni sostnuta tal-Aġenzija ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni u l-mandat imsaħħaħ mogħti mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1726 (3) f’Diċembru 2018, li jġib miegħu opportunitajiet ġodda għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni, għall-għoti ta’ pariri proattivi u ta’ appoġġ u assistenza addizzjonali lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenziji l-oħra attivi fil-qasam tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, kif ukoll għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

    5.

    Josserva l-iżvilupp possibbli ta’ router ċentralizzat għall-iskambju ta’ Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u ta’ informazzjoni marbuta mar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri fost l-Istati Membri; jinnota li l-użu ta’ tali informazzjoni għall-kontrolli fuq sistemi tal-IT fuq skala kbira ġie propost bħala element ta’ interoperabbiltà ta’ interess futur; jinnota wkoll l-istudju ta’ fattibbiltà relatat li sar mill-Kummissjoni bejn April 2018 u Jannar 2019;

    6.

    Jinnota, fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-kummenti li saru fl-2018 mill-awtorità ta’ kwittanza, li l-Aġenzija tamministra tliet sistemi tal-IT fuq skala kbira li huma separati u mhumiex integrati bi qbil mal-istrumenti legali rispettivi li jirregolaw it-tali sistemi u li l-iskedi ta’ żmien u l-limitazzjonijiet ta’ żvilupp differenti li jirriżultaw mit-tali qafas legali wasslu biex is-sistemi tal-IT kellhom jinbnew b’mod separat u mhux integrat; jinnota li l-Aġenzija tirrikonoxxi li dan l-approċċ ma huwa la sostenibbli u lanqas effiċjenti minn perspettiva operattiva jew baġitarja; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija varat inizjattiva biex tissimplifika l-arkitettura u d-disinn tas-sistemi bl-użu tal-inizjattiva ta’ interoperabbiltà tal-Kummissjoni bħala xprun ewlieni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora aktar il-possibbiltajiet li jiġu stabbiliti proċeduri komuni u sistemi kondiviżi;

    7.

    Ifakkar, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li din l-Aġenzija tindirizza l-interoperabbiltà ta’ data sensittiva, l-importanza tal-ġestjoni tad-data u s-servizzi ta’ pproċessar u l-ħtieġa li dawn is-servizzi jiġu internalizzati; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-protezzjoni u l-kunfidenzjalità ta’ tali data, u r-riskji potenzjali li tinvolvi s-sistema esterna ta’ ġestjoni tas-servizzi tal-IT kurrenti;

    8.

    Jilqa’ l-istruttura organizzattiva l-ġdida stabbilita mill-Aġenzija biex issaħħaħ il-kapaċitajiet meħtieġa għall-ippjanar operattiv u akkwist assoċjat, inkluż l-għoti ta’ input legali u tekniku; jappella, madanakollu, biex isiru aktar sforzi sabiex jiġu żgurati l-konformità mar-regoli tal-akkwist u rappurtar aktar preċiż; jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li l-Aġenzija jaf tikkunsidra li tuża l-metodoloġija tal-International Function Point Users Group, li hija metodoloġija standard biex tiddetermina l-prezz tal-attivitajiet għall-iżvilupp;

    9.

    Jilqa’ l-progress li sar rigward ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti meta mqabbel mas-snin preċedenti; jinnota, madankollu, li l-Aġenzija għadha ma tippubblikax l-avviżi ta’ postijiet battala fis-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO); jistieden, għaldaqstant, lill-Aġenzija tieħu passi biex tiżgura l-pubblikazzjoni ta’ postijiet battala permezz tas-sit web tal-EPSO;

    10.

    Jinnota li, b’rabta mal-proċeduri dwar l-akkwist elettroniku, l-Aġenzija introduċiet il-fatturar elettroniku u s-sejħiet għall-offerti elettroniċi għal ċerti proċeduri, iżda jinnota li l-introduzzjoni tas-sottomissjoni elettronika ta’ offerti għadha ma ġietx konkluża;

    11.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi pprovduta data bbażata fuq il-ġeneri sabiex tkun tista’ tiġi analizzata l-evoluzzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-persunal tal-Aġenzija u fil-korpi governattivi tagħha.

    Politika dwar il-persunal

    12.

    Jinnota bi tħassib li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet eżegwita biss 89,71 %, u li kienu nħatru 122 aġent temporanju mill-136 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mal-13 l post tax-xogħol li kienu awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, fl-2018 ħadmu għall-Aġenzija 31 aġent kuntrattwali u 9 esperti nazzjonali sekondati; jilqa’ t-tweġiba tal-Aġenzija li din ir-rata ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi attribwita għall-adozzjoni tardiva ta’ atti legali u jħeġġeġ lill-Aġenzija tirrapporta dwar il-progress li jsir fil-ġejjieni;

    13.

    Jinnota bi tħassib l-iżbilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bord tat-tmexxija (40 raġel u 6 nisa);

    14.

    Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru fl-2018 mill-awtorità ta’ kwittanza, li l-Aġenzija tagħraf ir-riskji sinifikanti li l-fatt li jkollha ammont żgħir ta’ persunal jippreżenta għall-kontinwità tal-operazzjonijiet tagħha; jirrileva li l-Aġenzija talbet persunal addizzjonali fid-dokumenti ta’ programmazzjoni tagħha; jagħraf li tali żieda fil-persunal hija soġġetta għall-approvazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, u li l-Aġenzija qed tipprova timmitiga r-riskju billi tirrevedi l-prijoritajiet tal-kompiti u permezz ta’ reklutaġġ rapidu; jirrimarka li l-prattika kurrenti li l-persunal meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ att legali jiġi rreklutat biss ladarba tali att legali jkun fis-seħħ jimplika dipendenza fuq il-persunal eżistenti biex iwettaq miżuri preparatorji għall-implimentazzjoni ta’ tali att legali, b’mod li l-kapaċitajiet tat-tim ċentrali tal-Aġenzija ftit jistgħu jlaħħqu, u għalhekk jitqajjem ir-riskju li l-prestazzjoni tal-attivitajiet ta’ kuljum tal-Aġenzija tiġi affettwata; jitlob li l-Kummissjoni tawtorizza l-antiċipazzjoni ta’ wħud mill-membri tal-persunal previsti fl-ambitu ta’ proposta għal att legali biex l-Aġenzija tkun tista’ tħejji x-xogħol meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dak l-att legali;

    15.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti bi rbit ma’ waħda mill-proċeduri ta’ reklutaġġ, il-kumitat ta’ selezzjoni tal-Aġenzija, għad-detriment tat-trasparenza tal-proċedura, iddevja mill-avviż ta’ post battal ippubblikat u applika punteġġ minimu ogħla minn dak ippubblikat għall-applikanti li kellhom jitqiegħdu fuq il-lista ta’ riżerva; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija l-impenn li ttieħed li tuża diċitura aktar stretta fl-avviżi ta’ postijiet battala li għandhom jiġu ppubblikati fil-futur; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija minnufih reġgħet aġġustat il-prattika tagħha għall-proċeduri li għaddejjin bħalissa, u li l-linji gwida dwar il-proċeduri ta’ reklutaġġ se jinkludu l-prinċipju li s-soll għal-lista ta’ riżerva għandu jiġi stabbilit ex ante; jitlob li l-Aġenzija tiżgura li l-kriterji ta’ selezzjoni ppubblikati jiġu rispettati;

    16.

    Jinnota li, f’Marzu 2018, il-bord tat-tmexxija tal-Aġenzija adotta l-istruttura organizzattiva l-ġdida b’antiċipazzjoni tat-tkabbir tal-Aġenzija minħabba t-twessigħ tal-kompiti tagħha wara l-adozzjoni ta’ atti legali ġodda tal-Unjoni, u l-persunal addizzjonali awtorizzat f’dak ir-rigward; jinnota li l-Aġenzija kważi se tirdoppja l-għadd tal-persunal tagħha sa tmiem l-2020, u li kien mistenni li r-riorganizzazzjoni tkun kompletament attivata sa tmiem l-2019;

    Akkwist

    17.

    Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, żewġ pagamenti awditjati għall-forniment ta’ servizzi ta’ “manutenzjoni korrettiva fil-funzjonament tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen” (MWS) kienu parzjalment irregolari, peress li l-Aġenzija emendat kuntratt speċifiku billi żiedet l-imposti għall-manutenzjoni ta’ kull xahar bla ma emendat il-kuntratt qafas tal-MWS biex tipprovdi għaż-żieda fil-prezz, u sussegwentement estendiet dak il-kuntratt b’xahar u nofs wara d-data ta’ skadenza tal-kuntratt qafas tal-MWS; jenfasizza li l-ammont addizzjonali mħallas fir-rigward tal-manutenzjoni ta’ kull xahar u l-pagament għall-manutenzjoni wara li skada l-kuntratt qafas tal-MWS huma irregolari; jinnota r-risposta tal-Aġenzija, li ssostni li kien hemm dewmien minħabba l-varar tal-kuntratt qafas suċċessur, li l-passi addizzjonali li ttieħdu matul il-proċess ta’ aġġudikazzjoni rriżultaw fir-rekwiżit li l-kontinwità tal-manutenzjoni għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tiġi żgurata, f’konformità mal-obbligi legali tal-Aġenzija, u li għadu għaddej il-proċess ta’ finalizzazzjoni tal-ġabra ta’ listi ta’ kontroll u mudelli għall-proċeduri ta’ akkwist u għall-ħolqien tal-kapaċitajiet meħtieġa bħala appoġġ għall-ippjanar tal-attivitajiet operattivi u l-akkwist sottostanti; jitlob li l-Aġenzija tiżgura l-konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku;

    18.

    Jinnota wkoll li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-formula stipulata fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta biex tiġi identifikata l-offerta tal-aqwa kwalità għall-kuntratt tal-MWS kienet differenti minn dik ikkomunikata fid-dokument bil-mistoqsijiet u t-tweġibiet għall-offerenti, u li ġew identifikati nuqqasijiet oħra fil-kwalità, il-kompletezza u l-konsistenza tal-informazzjoni pprovduta; jinnota li l-Aġenzija tagħraf il-ħtieġa li jittejbu u jiġu ddokumentati l-kontrolli tal-konsistenza u l-komparabbiltà bejn l-ippjanar tal-offerti u l-kuntratti effettivi, biex tkun tista’ ssir valutazzjoni ex post (ħaġa li fil-preżent ma tintużax bħala funzjoni fil-proċess ta’ akkwist minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani); jitlob li l-Aġenzija ssaħħaħ il-kontroll intern b’rabta mal-akkwist;

    19.

    Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, fil-każ ta’ kuntratt għall-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, l-Aġenzija aġġudikat kuntratt lill-uniku operatur ekonomiku li kien ippreżenta offerta u li l-valur tal-kuntratt aġġudikat kien ta’ EUR 144 000, kif kien ippubblikat fl-avviż tal-kuntratt inizjali; jinnota, madankollu, li l-offerta finanzjarja ppreżentata mill-operatur kienet biss ta’ EUR 45 700, u dan ifisser li l-kuntratt ġie aġġudikat għal ammont li kien ogħla mill-offerta, ħaġa li mhijiex konformi mar-regoli tal-akkwist pubbliku; jinnota r-risposta tal-Aġenzija, li ssostni li l-offerta finanzjarja kienet maħsuba biss bħala xenarju mhux vinkolanti għall-fini ta’ evalwazzjoni tal-offerti, u li l-ħlasijiet effettivi ta’ kull xahar huma bbażati fuq il-prestazzjoni reali tas-servizzi skont il-prezzijiet unitarji offruti inizjalment; jitlob li l-Aġenzija ma taġġudikax kuntratti għal prezzijiet li jkunu ogħla mill-offerti tal-offerenti;

    20.

    Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija estendiet it-tul ta’ żmien ta’ kuntratt dirett għall-forniment ta’ servizzi ta’ sigurtà u ta’ akkoljenza lil hinn mit-tul ta’ żmien tiegħu minn erba’ għal sitt snin, b’tali mod li l-valur tal-kuntratt żdied bi 73 % (qagħda li mhijiex konformi mar-Regolament Finanzjarju), u għalhekk il-pagamenti eżegwiti lil hinn mill-perjodu inizjali huma irregolari; jinnota r-risposta tal-Aġenzija, li ssostni li s-sitwazzjoni ġrat f’ċirkostanzi eċċezzjonali li ġew irrappurtati fil-ħin u li ġew analizzati fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet; jirrikonoxxi li ttieħdu deċiżjonijiet biex jiżguraw il-forniment kontinwu ta’ servizzi ta’ sigurtà; jitlob li l-Aġenzija tiżgura l-konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku;

    21.

    Jilqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru mill-awtorità ta’ kwittanza b’rabta mal-użu estensiv ta’ kuntratturi esterni għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ proġetti tal-IT, l-Aġenzija qed taħdem fuq strateġija ta’ esternalizzazzjoni biex tiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi proprji tagħha; jirrileva l-fatt li l-Qorti identifikat tendenza orizzontali fost l-aġenziji rigward l-użu ta’ persunal estern imqabbad bħala konsulenti tal-IT; jenfasizza li jeħtieġ li d-dipendenza tal-Aġenzija fuq ir-reklutaġġ estern f’dan il-qasam tiġi indirizzata b’urġenza; jagħraf li d-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti f’termini ta’ persunal hija f’idejn il-Parlament u l-Kunsill bħala awtoritajiet baġitarji;

    22.

    Iħeġġeġ lill-Aġenzija teżamina l-possibbiltajiet għal kondiviżjoni tar-riżorsi għal kompiti li jikkoinċidu fost aġenziji oħra b’attivitajiet simili; iħeġġeġ lill-Aġenzija tibda tfittex modi ta’ kondiviżjoni ta’ persunal mhux esperti f’oqsma bħall-ITC u l-kontabbiltà, b’mod partikolari mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi bbażat f’Riga u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi bbażata f’Helsinki;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza

    23.

    Jinnota b’sodisfazzjon li, f’Novembru 2018, l-Aġenzija ffinalizzat l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-membri tal-bord tat-tmexxija u tal-gruppi konsultattivi, li jinkludu l-preżentazzjoni annwali tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess tagħhom u valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet li saru mill-presidenti tal-bord tat-tmexxija u tal-gruppi konsultattivi rispettivi (skont ma jkun applikabbli) bl-appoġġ tal-Aġenzija; jilqa’ l-adozzjoni ta’ mudell ġdid ta’ dikjarazzjonijiet ta’ interess, li wara jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija stabbiliet regoli ġodda dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-membri tal-persunal; jinnota li fl-2018 il-membri kollha tal-persunal ippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ interess, li minnhom 31 (jiġifieri 20 % tal-persunal) iddikjaraw interess li ġie vvalutat mis-superjuri ġerarkiċi diretti, u li għal tliet membri tal-persunal (jiġifieri 2 % tal-persunal) ittieħdu azzjonijiet biex jimmitigaw ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali; jiddispjaċih, madankollu, li l-mudell il-ġdid ta’ dikjarazzjoni ta’ interess ma ġiex applikat ukoll għat-tmexxija eżekuttiva; jinnota b’dispjaċir li għad-direttur eżekuttiv hija disponibbli biss dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess; jinnota li f’Ġunju 2018 il-bord tat-tmexxija adotta d-deċiżjoni tal-Aġenzija dwar il-linji gwida rigward l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, mhemm l-ebda obbligu legali li s-CVs tal-membri tal-bord tat-tmexxija tagħha jiġu ppubblikati; jirrileva f’dan ir-rigward li l-aġenziji tal-Unjoni għandhom ikunu eżemplari f’termini ta’ trasparenza, u jitlob li l-membri tal-bord tat-tmexxija jippubblikaw is-CVs tagħhom fis-sit web tal-Aġenzija;

    Kontrolli interni

    24.

    Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru mill-awtorità ta’ kwittanza b’rabta mar-rakkomandazzjonijiet ta’ awditjar li għadhom miftuħa, li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni li ġew stabbiliti wara rakkomandazzjonijiet varji ta’ awditjar kellha xejra ’l isfel fl-2018, u li l-Aġenzija adottat u implimentat il-qafas ta’ kontroll intern rivedut kmieni fl-2019; jinnota li s-servizz tal-awditjar intern stabbilixxa pjan ta’ awditjar strateġiku għall-perjodu 2019-2021, abbażi tar-riżultati ta’ eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju mwettaq fi Frar 2018 kemm fil-kwartieri ġenerali f’Tallinn kif ukoll fis-sit tekniku fi Strasburgu, li jkopri l-proċessi amministrattivi u operattivi ewlenin tal-Aġenzija; jitlob li l-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ awditjar;

    Kummenti oħra

    25.

    Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru mill-awtorità ta’ kwittanza b’rabta mad-dewmien fir-rikostruzzjoni tas-sit operattiv tal-Aġenzija fi Strasburgu u l-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-kwartieri ġenerali f’Tallinn, li l-proġett ta’ rikostruzzjoni tal-kwartieri ġenerali ġie ffinalizzat mill-gvern Estonjan skont il-pjan oriġinali u li l-Aġenzija ġiet trasferita fis-sit permanenti tagħha f’Lulju 2018; jinnota li x-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni fis-sit operattiv fi Strasburgu ġew iffinalizzati kuntrattwalment f’Ġunju 2018, li d-dewmien kien attribwit għat-tibdil fid-disinn maqbul mal-kuntrattur, u li l-Aġenzija qed taħdem mill-qrib mal-kuntrattur biex jissewwew l-ineffiċjenzi tekniċi li nstabu u jsir progress fl-aċċettazzjoni tax-xogħlijiet;

    26.

    Jitlob li l-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u ta’ mezzi oħra tal-midja;

    27.

    Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 120, 29.3.2019, p. 161.

    (2)  ĠU C 120, 29.3.2019, p. 163.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

    (4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0121.


    Top