Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020BP1886

Riżoluzzjoni (UE) 2020/1886 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

ĠU L 417, 11.12.2020, p. 166–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2020/1886/oj

11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/166


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1886 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0029/2020),

A.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.   

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti"), osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija serja fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-akkwist;

2.   

Jieħu nota tal-fatt li, skont ir-rapport annwali tal-attività tal-KEPD, il-Qorti eżaminat tranżazzjoni waħda mis-sena finanzjarja 2018 u dan l-eżami ma wassal għal ebda osservazzjoni;

3.   

Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2018, fir-rigward tan-nefqa amministrattiva tal-KEPD, kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati kienu effikaċi; jinnota t-talba tal-Qorti biex jerġa' jimplimenta l-kontroll ex post, li ġie stabbilit mill-ġdid;

4.   

Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 10, "Amministrazzjoni", tar-Rapport Annwali tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies li għandha riskju baxx;

5.   

Jinnota li l-Qorti għażlet kampjun ta' 45 tranżazzjoni li jikkorrispondu għall-Intestatura 5 "Amministrazzjoni" tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-kampjun tfassal biex ikun rappreżentattiv tal-firxa ta' nfiq fl-ambitu tal-Intestatura 5, li tirrappreżenta 6,3 % tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ħidma tal-Qorti tindika li n-nefqa amministrattiva hija ta' riskju baxx; jikkunsidra, madankollu, li n-numru ta' tranżazzjonijiet magħżula b'rabta mal-"istituzzjonijiet l-oħra" mhuwiex suffiċjenti u jitlob lill-Qorti żżid l-għadd ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati b'tal-inqas b'10 %;

6.   

Ifakkar li l-KEPD mhuwiex aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni u hu tal-fehma li minkejja l-fatt li l-baġit tiegħu jirrappreżenta perċentwal żgħir ħafna tal-baġit tal-Unjoni, il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-KEPD għandhom madankollu jiġu eżaminati kif xieraq mill-Qorti peress li t-trasparenza hija vitali għall-funzjonament xieraq tal-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-KEPD la huwa kopert mir-rapport tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-2018 u lanqas mir-rapport tal-2018 dwar l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-Unjoni; jenfasizza, madankollu, li l-informazzjoni dwar ir-riżultati ta' awditjar estern indipendenti mill-Qorti għandha tkun disponibbli pubblikament għall-korpi kollha tal-Unjoni; jistieden, għalhekk, lill-Qorti tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha u tibda tippubblika r-rapporti tal-awditjar li jkopru lill-KEPD mis-sena li ġejja 'l quddiem; jitlob, għalhekk, li l-Qorti toħroġ rapporti annwali tal-attività separati dwar il-kontijiet annwali ta' dan il-korp importanti tal-Unjoni, li għandu l-għan li jiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

7.   

Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-KEPD; jinnota li l-KEPD għamel distinzjoni ċara bejn l-hekk imsejħa l-attivitajiet "attwali" u dawk "ġodda"; jinnota ż-żieda ta' 1,54 % għall-attivitajiet attwali konformement mal-politika ta' awsterità tiegħu, b'żieda ta' 0 % fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-linji baġitarji; jieħu nota, madankollu, taż-żieda għall-attivitajiet il-ġodda, prinċipalment minħabba l-ħolqien ta' entità tal-Unjoni ġdida li jisimha Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) u l-operazzjonijiet relatati tagħha (li saret operattiva mill-25 ta' Mejju 2018);

8.   

Jinnota li fl-2018 il-KEPD kellu baġit totali allokat ta' EUR 14 449 068 (meta mqabbel ma' EUR 11 324 735 fl-2017), li jirrappreżenta żieda ta' 27,59 % meta mqabbla mal-baġit tal-2017 (mill-2016 sal-2017 iż-żieda kienet 21,93 %); jilqa' l-fatt li 93,7 % tal-approprjazzjonijiet kollha ġie impenjat sa tmiem l-2018, meta mqabbel ma' 89 % tal-2017; josserva bi tħassib li l-implimentazzjoni tal-baġit f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' pagament tammonta għal 75,2 % meta mqabbla ma' 77 % tal-2017 għall-approprjazzjonijiet kollha;

9.   

Ifakkar fil-bżonn li jkun hemm estimi baġitarji ħalli jiggarantixxu prestazzjoni baġitarja effiċjenti fis-snin li ġejjin; jirrikonoxxi li jeżistu elementi li għandhom impatt kruċjali, bħall-baġit għas-salarji tal-KEPD, li sehmu hu ogħla minn 53 %, f'liema każ anki ċaqliq tal-persunal moderat għandu riperkussjonijiet sinifikanti fuq ir-rata ġenerali ta' implimentazzjoni tal-baġit; jirrikonoxxi li l-estimi baġitarji li jirreferu għall-EDPB li nħoloq dan l-aħħar se jiksbu preċiżjoni biss wara li jgħaddu ftit snin ta' ħidma;

10.   

Jinnota b'interess li l-KEPD organizza konkors ġenerali ġdid biex joħloq grupp ta' esperti kkwalifikati ħafna fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li jissodisfa l-bżonnijiet futuri tiegħu f'termini ta' reklutaġġ; jirrikonoxxi, fir-rigward tal-ippjanar tar-reklutaġġ tal-persunal, li l-KEPD talab żieda moderata ta' sitt membri tal-persunal fil-kuntest tax-xogħlijiet preparatorji biex jitwaqqaf l-EDPB;

11.   

Jirrikonoxxi li l-2018 kienet sena determinanti għall-KEPD minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsiull (UE) 2016/679 (1) u tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsiull (2) fl-2016, fil-kuntest tal-proċess ta' modernizzazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; josserva li l-kompiti u r-responsabbiltajiet il-ġodda previsti mir-Regolament (UE) 2016/679 se jirrikjedu riżorsi addizzjonali fil-futur; jinnota l-fatt li fl-2018 il-persunal tal-KEPD kien magħmul minn 97 membru (meta mqabbel mal-55 membru fl-2013); jitlob madankollu lill-KEPD janalizza s-sitwazzjoni f'termini ta' titjib potenzjali fl-effiċjenza dovut biss għall-fatt li organizza ruħu mill-ġdid u qassam il-kompiti mill-ġdid;

12.   

Jinnota li bis-saħħa ta' din il-leġiżlazzjoni l-ġdida, ġie stabbilit l-EDPB, magħmul mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tat-28 Stat Membru u mill-KEPD, u inkarigat li jiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tar-Regolament (UE) 2016/679 fl-Unjoni kollha; josserva li l-KEPD iddedika parti sinifikanti ta' ħinu u tal-isforzi tiegħu fil-bidu tal-2018 għall-appoġġ lis-segretarjat tal-EDPB, kif ukoll għall-parteċipazzjoni fil-bord bħala membru sħiħ;

13.   

Jinnota li, abbażi tar-regoli l-ġodda fil-qasam tal-ipproċessar tad-data personali, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jeħtiġilhom ukoll jiżguraw ir-rispett ta' dawn ir-regoli, inklużi l-ġestjoni u l-governanza tal-infrastrutturi u tas-sistemi informatiċi tagħhom; jikkonstata li l-KEPD wessa' l-katalogu tiegħu ta' linji gwida speċifiċi u beda programm biex jivverifika l-konformità mar-regoli fost il-korpi tal-Unjoni;

14.   

Jinnota li jeżisti bżonn ta' aktar trasparenza u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Ewropej għall-protezzjoni tad-data; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-KEPD u l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri bil-għan li jkunu żgurati superviżjoni effikaċi u kollaborazzjoni fit-tħejjija tal-qafas ġuridiku l-ġdid; jistieden lill-KEPD jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar ir-riżultati li jikseb;

15.   

Jirrikonoxxi l-fatt li l-KEPD jippubblika annwalment data dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali tagħhom, li tikkonsisti fi ftehimiet dwar il-livell ta' servizz fir-rigward tas-servizzi mediċi, ta' traduzzjoni/interpretazzjoni, ta' forniment tal-ikel u ta' taħriġ, u fir-rigward ta' ftehimiet amministrattivi għall-binjiet, il-loġistika, is-servizzi tas-sigurtà u t-teknoloġiji tal-informazzjoni, eċċ.; jilqa' l-ftehim ta’ memorandum ta' qbil bejn il-KEPD u l-EDPB (prinċipalment fir-rigward tat-teknoloġiji tal-informazzjoni), li jippermetti lill-korp il-ġdid tal-Unjoni jibbenefika mix-xogħol kollu li għamel il-KEPD fis-snin riċenti;

16.   

Jilqa' l-intenzjoni tal-KEPD (fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-proċeduri tal-akkwist tiegħu) li jdaħħal fluss tax-xogħol elettroniku ħalli tinħoloq sistema ta’ funzjonament mingħajr karti; itenni l-importanza tal-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-KEPD u l-Kummissjoni f'termini ta' akkwist, ġestjoni finanzjarja u riżorsi umani; jilqa' l-ftehim dwar il-livell ta' servizz konkluż mad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit u d-Direttorat Ġenerali għall-Informatika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istrumenti informatiċi "ABAC" u "Sysper2", kif mitlub fl-aħħar rapport ta' kwittanza; jinkoraġġixxi lill-KEPD jagħmel progress f'politika koerenti għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu;

17.   

Jinnota li l-ewwel pjan ta' azzjoni tal-uffiċjal għall-etika intlaħaq bis-sħiħ u li t-tieni rapport jipprevedi bosta miżuri bħar-reviżjoni tal-kodiċijiet ta' kondotta għall-kontrolluri u l-persunal, deċiżjoni riveduta dwar l-attivitajiet esterni, l-adeżjoni possibbli mar-reġistru ta' trasparenza l-ġdid tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, eċċ.; jistieden lill-KEPD jimplimenta mill-aktar fis possibbli tali miżuri rikjesti; jilqa' s-sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni konformement mal-qafas etiku; jitlob li fir-rapport annwali tal-attività li jmiss tiġi ppreżentata informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati li jinkisbu bis-saħħa tal-qafas etiku;

18.   

Jilqa' l-fatt li r-regoli interni relatati mal-iżvelar ta' informazzjoni protetta adottati fl-2016 se jiġu aġġornati biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi u ta' dawk li allegatament huma responsabbli minn irregolaritajiet; jinnota l-eżistenza ta' ċerti miżuri ta' protezzjoni, bħal valutazzjoni tar-riskju u l-limitazzjoni tal-aċċess għall-fajls relatati fuq bażi stretta ta' "ħtieġa ta' tagħrif"; jinkoraġġixxi lill-KEPD jitlob lill-uffiċjal etiku tiegħu jagħti attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni fis-sessjoni ta' sensibilizzazzjoni li jmiss organizzata għall-persunal kollu; jinnota b'sodisfazzjon li s'issa l-KEPD ma kellu l-ebda każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta;

19.   

Itenni l-importanza tal-protezzjoni tad-data fir-rigward taċ-ċibersigurtà; jilqa' l-isforzi tal-KEPD biex jagħti gwida lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar il-mod kif jipproteġu d-data personali huma u jimplimentaw il-miżuri ta' ċibersigurtà, kif is-sistemi komprensivi ta' ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni jservu bħala l-bażi biex jiġu onorati l-obbligi relatati kemm mal-protezzjoni tad-data kif ukoll maċ-ċibersigurtà u kif jitwettqu l-obbligi relatati man-notifika u mal-informazzjoni tal-protezzjoni tad-data fir-rigward tal-ksur tad-data personali; jinnota li l-iskandlu tal-użu ħażin tad-data ta' Facebook min-naħa ta' Cambridge Analytica u l-provi dejjem aktar numerużi ta' ndħil illegali fl-elezzjonijiet jirrikjedu risposti mill-KEPD; jissottolinja li l-KEPD jeħtieġlu jiġġieled kontra l-użu ħażin potenzjali tad-data diġitali;

20.   

Jirrikonoxxi l-valur miżjud li s-software liberu u b'sors miftuħ jista' jagħti lill-KEPD; jissottolinja, b'mod partikolari, ir-rwol tagħhom biex iżidu t-trasparenza u jevitaw effetti ta' "vendor lock-in"; jirrikonoxxi wkoll il-potenzjal tagħhom biex itejbu s-sigurtà, billi jippermettu l-identifikazzjoni u t-tiswija tad-dgħufijiet; jirrakkomanda b'mod qawwi li kwalunkwe software żviluppat għall-istituzzjoni jsir disponibbli pubblikament taħt liċenzja għal software b'sors miftuħ;

21.   

Jilqa' l-fatt li d-deċiżjoni dwar il-miżuri kontra l-fastidju tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-persunal kollu kemm hu permezz tal-intranet tal-KEPD; jinnota b'sodisfazzjon il-fatt li attwalment il-KEPD qiegħed jaħdem fuq ir-reviżjoni tad-deċiżjoni kontra l-fastidju, kif ukoll fuq mandat għall-ħatra ta' konsulenti kunfidenzjali addizzjonali; josserva li 69 % tal-kollegi rrikonoxxa, fl-istħarriġ li sar lill-persunal fl-2016, li kien jaf bil-politika eżistenti fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jilqa' l-fatt li fl-2018 tħarreġ konsulent kunfidenzjali wieħed;

22.   

Jilqa' l-fatt li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-kontrolluri huma disponibbli fuq is-sit web tal-KEPD; jinnota li dawn id-dikjarazzjonijiet tal-interessi għandhom neċessarjament natura awtoċertifikattiva u li, la il-KEPD u lanqas l-uffiċjal għall-etika tiegħu ma għandhom setgħat investigattivi biex jiggarantixxu l-veradiċità u l-eżawstività tad-data ddikjarata; jistieden lill-KEPD jevalwa l-mod kif itejjeb is-sistema flimkien ma' istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni;

23.   

Jistieden lill-KEPD jiggarantixxi l-pubblikazzjoni u l-aġġornament regolari fis-sit web tiegħu tal-linji gwida u tal-proċeduri kollha tiegħu relatati mal-qafas etiku; jistieden lill-KEPD ikompli l-isforzi tiegħu biex itejjeb l-informazzjoni disponibbli online, f'termini ta' trasparenza u ta' skrutinju pubbliku;

24.   

Jiddispjaċih bil-fatt li r-rapport annwali tal-attività ma kienx fih informazzjoni aktar dettaljata relatata ma' miżuri konkreti dwar il-mod kif jitjieb il-benesseri fuq il-post tax-xogħol; jilqa', madankollu, il-fatt li, fl-2018, deċiżjonijiet u politiki ġew adottati u/jew implimentati, fosthom rapport dwar l-istħarriġ tal-persunal, deċiżjoni riveduta dwar it-telexogħol u deċiżjoni riveduta dwar il-mentoraġġ; jitlob lill-KEPD jagħti informazzjoni aktar dettaljata fir-rapport annwali tal-attività li jmiss;

25.   

Jilqa' l-inizjattiva fl-2018 tal-KEPD li joffri traineeships bi ħlas permezz tal-programm ta' "Blue Book Traineeship" biss; josserva li din il-bidla fil-proċess ta' reklutaġġ tat-trainees fi ħdan il-KEPD saret bis-saħħa ta' rakkomandazzjoni fformulata mill-Ombudsman biex jadatta l-kriterji ta' eleġibbiltà fir-rigward tat-traineeships bi ħlas; itenni l-bżonn ta' garanzija ta' allowance adegwata mħallsa lit-trainees tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni biex jiġi evitat li tiżdied id-diskriminazzjoni fuq bażi ekonomika;

26.   

Jinnota b'interess li fost il-membri tal-persunal tal-KEPD hemm rappreżentati 20 nazzjonalità tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 16-il nazzjonalità tal-Unjoni differenti fl-2017); jinnota li, għal dak li għandu x'jaqsam mal-bilanċ bejn il-ġeneri, l-irġiel fi ħdan il-KEPD jirrappreżentaw 40 % (meta mqabbel ma' 32 % fl-2017) u n-nisa 60 %; jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi tal-KEPD biex jilħaq bilanċ, fid-dawl tad-daqs żgħir tiegħu u tal-attivitajiet speċifiċi ewlenin tiegħu;

27.   

Jinnota b'interess li l-KEPD ġie allokat erba' uffiċċji oħra fil-binja MTS, li attwalment jaqsam mal-Ombudsman Ewropew; josserva li l-persunal tal-KEPD, inkluż is-segretarjat tal-EDPB, mistenni jkompli jiżdied fl-2020 u li għaldaqstant se tkun meħtieġa espansjoni akbar għall-binja kollha kemm hi; isostni t-talba tal-KEPD u jitolbu jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bil-passi kollha li saru u r-riżultati kollha li nkisbu f'dan ir-rigward;

28.   

Jilqa' l-inizjattivi mmirati tal-KEPD biex inaqqas l-impronta ambjentali tal-istituzzjoni; jinkoraġġixxi lill-KEPD jattwa pjan ta' azzjoni konkret biex inaqqas l-impronta ambjentali;

29.   

Jilqa' l-fatt li l-importanza tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-KEPD żdiedet konsiderevolment fis-snin riċenti; jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex jitjieb l-impatt tal-preżenza tiegħu online; jieħu nota tal-organizzazzjoni ta' żewġ kampanji ta' komunikazzjoni importanti, partikolarment il-Konferenza Internazzjonali tal-2018 iċċentrata fuq it-tema "Dibattitu dwar l-Etika" (b'hekk jintlaħaq pubbliku kemm jista' jkun vast bid-dibattitu dwar l-etika diġitali) u, f'Diċembru 2018, il-kampanja ta' komunikazzjoni tiegħu rigward ir-regolament il-ġdid dwar il-protezzjoni tad-data għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

30.   

Ifakkar li l-KEPD juża għadd ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jgħinuh jagħmel monitoraġġ tal-operat tiegħu u l-użu tar-riżorsi tiegħu; jinnota b'sodisfazzjon li fl-2018 il-KEPD laħaq u qabeż l-objettivi stabbiliti fil-biċċa l-kbira tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tiegħu (eż. fir-rigward tal-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni 4 "Livell ta' interess tal-partijiet ikkonċernati" bl-objettiv ta' 10 konsultazzjonijiet, laħaq 13-il konsultazzjoni); jinnota li l-implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi rilevanti tinsab fi stadju tajjeb u li mhumiex meħtieġa miżuri korrettivi; jinkoraġġixxi lill-KEPD ikompli jaħdem f'din id-direzzjoni;

31.   

Jilqa' l-fatt li l-KEPD segwa kważi s-16-il standard ta' kontroll intern, li huma mmonitorjati regolarment biex jiżguraw li l-objettivi jinkisbu mil-lat ekonomiku, tal-effiċjenza u tal-effikaċja; jinnota li s-servizz tal-awditjar intern għamel awditu ta' segwitu fuq ir-rakkomandazzjonijiet pendenti ta' reviżjoni tal-istandards ta' kontroll intern u kkonkluda li l-livell ta' kontroll intern huwa sodisfaċenti u effikaċi;

32.   

Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern għamel stħarriġ iċċentrat fuq it-tliet oqsma ewlenin (il-governanza tal-KEPD b'rabta mal-EDPB, il-qafas għall-forniment ta' riżorsi umani, l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja u s-sostenn loġistiku għall-EDPB u t-timijiet ta' appoġġ tal-KEPD) li kienu s-suġġett ta’ skrutinju bir-reqqa; jinnota li s-servizz tal-awditjar intern ippubblika rapport finali li fih ir-rakkomandazzjonijiet kollha kienu meqjusa biss bħala "aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati" u li mhuma se jkunu suġġetti għall-ebda segwitu min-naħa tas-servizz tal-awditjar intern;

33.   

Jinnota li l-infiq fuq traduzzjonijiet tammonta għal EUR 337 057,35 għall-KEPD u EUR 516 461,90 għall-attivitajiet tal-EDPB; jinnota li l-EDPB jibbenefika minn kwota ta' traduzzjonijiet b'xejn imwettqa mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni; jieħu nota tal-fatt li l-bżonn ta' traduzzjonijiet frekwenti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, flimkien mad-daqs ferm żgħir tal-istituzzjoni, iwassal biex l-internalizzazzjoni tat-traduzzjoni tkun impossibbli mil-lat tal-proporzjon bejn il-kostijiet u l-benefiċċji;

34.   

Jieħu nota tal-fatt li l-missjonijiet tal-persunal huma kkodifikati fis-sistema integrata ta' pproċessar tal-missjonijiet u li rapport ta' missjoni jittella' bħala dokument ġustifikattiv fil-lista tal-ispejjeż; jilqa' l-fatt li d-data mogħtija fir-rapport annwali tal-attività, kif rikjest mir-rapport ta' kwittanza preċedenti, ma turi l-ebda differenza sinifikanti f'termini ta' numru u kostijiet tal-missjonijiet fl-erba' snin li għaddew;

35.   

Jilqa' l-fatt li l-KEPD jirrispetta l-aħjar prattika li jistabbilixxi skadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-attività fil-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika; jilqa' l-fatt li, għaldaqstant, il-KEPD adotta r-rapport annwali tal-attività tiegħu sas-26 ta' Marzu 2019 bil-għan li jagħti lill-awtorità ta' kwittanza aktar żmien biex tifli r-rapport u biex il-proċedura ta' kwittanza tkun tista' ssir b'mod aqwa;

36.   

Jenfasizza l-ħidma kollha li saret fis-snin li għaddew f'oqsma bħall-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, il-qafas etiku bir-regoli u l-proċeduri kollha relatati tiegħu, it-tisħiħ tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni u ż-żieda li għadha għaddejja fil-miżuri biex titjieb it-trasparenza; jilqa' l-għadd sinifikanti ta' ftehimiet interistituzzjonali dwar is-servizzi u l-kooperazzjoni; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenza fost l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; jissuġġerixxi li tiġi analizzata l-possibbiltà li jkun hemm attivitajiet formalizzati ta' netwerking f'oqsma differenti sabiex tiġi kondiviża l-aħjar prattiki u jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni;

37.   

Jissottolinja l-fatt li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jkollu riperkussjonij sinifikanti fuq ix-xogħol ippjanat tal-KEPD; jenfasizza l-importanza li jsiru malajr in-negozjati mar-Renju Unit għal ftehim fil-qasam tad-data.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Top