Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020BP1857

Riżoluzzjoni (UE) 2020/1857 tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2018

ĠU L 417, 11.12.2020, p. 62–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2020/1857/oj

11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 417/62


RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1857 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-14 ta’ Mejju 2020

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2018

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Shift2Rail għas-sena finanzjarja 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0055/2020),

A.

billi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Ġunju 2014 għal perjodu ta' 10 snin mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 (1);

B.

billi l-membri fundaturi huma l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab fl-industrija ferrovjarja (partijiet interessati ewlenin, inklużi l-manifatturi ta' tagħmir ferrovjarju, il-kumpaniji ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u ċ-ċentri tar-riċerka) bil-possibbiltà li entitajiet oħra jistgħu jipparteċipaw fl-Impriża Konġunta bħala membri assoċjati;

C.

billi l-objettivi tal-Impriża Konġunta huma li tinkiseb Żona Ferrovjarja Unika Ewropea; li ttejjeb l-attraenza u l-kompetittività tas-sistema ferrovjarja Ewropea; li tiżgura bidla modali mit-trasport bit-triq; u li żżomm il-pożizzjoni ta' tmexxija li l-industrija ferrovjarja Ewropea tokkupa fis-suq globali;

D.

billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Mejju 2016;

Ġenerali

1.

Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti") jikkonstata li l-kontijiet annwali huma ppreżentati b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2018 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, b'konformità mar-regolament finanzjarju tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

2.

Jirrikonoxxi li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018 huma, fl-aspetti materjali kollha, legali u regolari;

3.

Jinnota li l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija ta' EUR 450 000 000, li għandha titħallas mill-programm Orizzont 2020; jinnota li l-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi ta' mill-inqas EUR 470 000 000, li jikkonsistu f'mill-inqas EUR 350 000 000 għall-kontribuzzjonijiet in natura u flus kontanti għall-attivitajiet operattivi u l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta u mill-inqas EUR 120 000 000 għall-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali tal-Impriża Konġunta;

4.

Jinnota li komunikazzjoni effettiva hija komponent essenzjali ta' proġetti ffinanzjati mill-Unjoni li jirnexxu; iqis li huwa importanti li tiżdied il-viżibilità tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta u li tinxtered informazzjoni dwar il-valur miżjud tagħhom; jistieden lill-Impriża Konġunta taħdem favur politika ta' komunikazzjoni proattiva billi xxerred ir-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku, pereżempju permezz tal-midja soċjali jew ta' mezzi oħra tal-midja, u b'hekk tissensibilizza lill-pubbliku dwar l-impatt tal-appoġġ tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni mis-suq.

5.

Jitlob lill-Qorti tivvaluta r-robustezza u l-affidabbiltà tal-metodoloġija għall-kalkolu u l-ivvalutar tal-kontribuzzjonijiet in natura. Il-valutazzjoni għandha tevalwa d-disinn u r-reżiljenza tal-gwida għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' kontribuzzjoni in natura sabiex tassisti fil-proċess ta' ppjanar, rapportar u ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

6.

Jinnota li l-baġit finali 2018 disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 84 756 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 71 890 204; jenfasizza li r-rati ta' użu tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 100 % u 82,3 % rispettivament li jirrappreżentaw livell baxx speċjalment għall-approprjazzjonijiet ta' pagament; jinnota li r-rata aktar baxxa milli mistennija tal-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament hija dovuta għal deċiżjoni legali pendenti dwar is-sħubija tal-Impriża Konġunta; jinnota li r-rata baxxa (63,4 %) ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fit-Titolu 2 (infiq amministrattiv, li jirrappreżenta 3 % tal-baġit tal-Impriża Konġunta) minħabba dewmien fil-fatturazzjoni mill-fornituri fi ħdan kuntratti qafas pluriennali; jinnota, barra minn hekk, li ħafna mill-pagamenti li saru mill-Impriża Konġunta fl-2018 kienu pagamenti interim għall-proġetti ta' Orizzont 2020 magħżula taħt is-sejħiet għal proposti tal-2015 u l-2016, kif ukoll pagamenti ta' prefinanzjament għal proġetti ta' Orizzont 2020 magħżula skont is-sejħiet għal proposti fl-2018;

7.

Josserva li mill-EUR 411 200 000 (inklużi EUR 158 900 000 bħala l-limitu massimu tal-kontribuzzjoni fi flus kontanti tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni fi flus kontanti tal-membri industrijali għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta fl-ammont ta' EUR 6 500 000) sa tmiem l-2018, l-Impriża Konġunta kienet ħadet impenji ta' EUR 84 756 000 u pagamenti ta' EUR 59 155 000 għall-implimentazzjoni tal-ewwel mewġa ta' proġetti; dan juri li l-Impriża Konġunta attwalment iffirmat ftehimiet ta' għotja pluriennali interdipendenti u kuntratti għall-akkwist għall-implimentazzjoni ta' 39 % tal-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta, f'konformità mal-programm ta' ħidma pluriennali tal-Impriża Konġunta;

8.

Jilqa' l-fatt li mill-kontribuzzjonijiet ta' EUR 350 000 000 li għandhom isiru mill-membri industrijali għall-attivitajiet operattivi u l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta, sa tmiem l-2018, jiġifieri erba' xhur wara li l-Impriża Konġunta kienet nediet l-ewwel proġetti tagħha fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020, il-membri industrijali kienu rrappurtaw kontribuzzjonijiet in natura ta' EUR 63 700 000 għall-attivitajiet operattivi, li minnhom EUR 21 700 000 kienu ġew iċċertifikati; barra minn hekk, jinnota li minn EUR 120 000 000 f'kontribuzzjonijiet li jridu jsiru mill-membri industrijali għal attivitajiet addizzjonali tal-Impriża Konġunta, il-membri industrijali kienu rrappurtaw kontribuzzjonijiet fi flus kontanti ta' EUR 6 500 000 għal attivitajiet oħra barra mill-pjan ta' ħidma tal-Impriża Konġunta;

9.

Josserva li sa tmiem l-2018, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri industrijali ammontaw għal EUR 252 300 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-Unjoni li ammontat għal EUR 158 900 000;

10.

Jinnota li, fl-2018, l-Impriża Konġunta ffirmat 17-il ftehim ta' għotja li rriżultaw mis-sejħiet għal proposti tal-2018, u li l-valur tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni ta' dawk is-sejħiet għal proposti ammontaw għal EUR 152 600 000, li għandhom jiġu kofinanzjati mill-Impriża Konġunta sa massimu ta' EUR 77 300 000; jinnota li l-membri l-oħra qablu li jillimitaw it-talba tagħhom għal kofinanzjament għal rata ta' 44,44 % tal-ispejjeż totali tal-proġett, li hija l-aktar rata baxxa fil-Programm Qafas Orizzont 2020; jinnota b'dispjaċir li 76 intrapriża żgħar u medji (SMEs) biss ipparteċipaw fis-sejħa tal-2018 (120 fl-2017) u 40 SME (50 fl-2017) inżammu għal finanzjament (21,6 % tal-parteċipanti kollha miżmuma għal finanzjament);

Prestazzjoni

11.

Jinnota li t-tielet sett ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni se jiġi żviluppat fuq il-bażi tal-ewwel riżultati ta' Orizzont 2020 minħabba n-natura tal-proġetti; barra minn hekk, jieħu nota li l-Impriża Konġunta kompliet l-iżvilupp ta' mudell ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tkejjel il-kontribuzzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni għar-Regolament tagħha; jinnota li din il-ħidma għadha għaddejja u l-ewwel riżultati ġew ippreżentati lill-bord ta' tmexxija f'Diċembru 2018;

12.

Josserva li l-proporzjon tal-kost tal-ġestjoni (baġit amministrattiv u operattiv) jibqa' taħt il-5 %, u b'hekk jindika struttura organizzattiva pjuttost simplifikata u effiċjenti tal-Impriża Konġunta;

13.

Jieħu nota li l-Impriża Konġunta għenet biex jinħolqu kontinwità u viżjoni komuni għar-riċerka ferrovjarja fi ħdan il-komunità ferrovjarja; jinnota li, barra minn hekk, l-Impriża Konġunta għenet biex tinbena l-fiduċja bejn l-atturi li kieku ma jkollhomx l-opportunità li jaqsmu l-ideat u l-interessi komuni 'l barra minn sitwazzjoni kummerċjali; josserva li l-preżenza tal-operaturi ferrovjarji fl-Impriża Konġunta għandha tissaħħaħ maż-żmien;

14.

Jinnota li l-Impriża Konġunta jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfidi ffaċċjati mis-settur ferrovjarju li jiffukaw fuq il-ħtiġijiet tas-sistema ferrovjarja u tal-utenti tagħha, inkluż fl-Istati Membri li ma għandhomx sistema ferrovjarja fit-territorju tagħhom; josserva li sabiex isir dan, l-Impriża Konġunta qed timplimenta l-Programm Shift2Rail, u l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni fis-settur ferrovjarju fl-Ewropa, permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati u l-Istati Membri; jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni ta' miżuri konkreti għat-tneħħija tal-ostakli tekniċi li fadal għat-titjib tal-interoperabilità u għall-azzjonijiet li jappoġġjaw suq ferrovjarju tal-Unjoni aktar integrat, effiċjenti u sikur, bl-għan aħħari li tinkiseb iż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea;

15.

Jinnota li l-Impriża Konġunta nediet is-sejħa għal proposti tal-2018 għal għotjiet għall-membri tagħha, bħala skema ta' finanzjament ta' somma f'daqqa; madankollu, l-esperti finanzjarji involuti fil-fażi tal-evalwazzjoni tal-għotja żvelaw xi devjazzjonijiet rilevanti fil-proposti finanzjarji; l-Impriża Konġunta użat il-fażi ta' preparazzjoni tal-għotjiet biex tanalizza l-ispjegazzjonijiet tal-benefiċjarji għad-devjazzjonijiet u biex tikkoreġi s-somma f'daqqa jekk din tkun ġustifikata; jistieden lill-Impriża Konġunta tkompli ssaħħaħ id-data finanzjarja fil-bażi tad-data tal-benefiċjarji tagħha u tiżvela l-kummenti importanti tal-esperti finanzjarji fir-rapport ta' sinteżi tal-evalwazzjoni; jieħu nota tat-tweġiba tal-Impriża Konġunta li l-aspetti legali u finanzjarji kollha tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017)7151 (2) ġew segwiti b'mod strett, u li l-Uffiċjal Awtorizzanti żgura li l-kummenti kollha tal-esperti, tekniċi u finanzjarji, ittieħdu f'kunsiderazzjoni xierqa; barra minn hekk, filwaqt li titqies ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti, il-proċess ġenerali ser ikompli jitjieb fis-sejħa għal proposti tal-2019;

16.

Jinnota li, skont ir-rapport ta' attività annwali tal-2018 tal-Impriża Konġunta, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jirrigwardaw il-bilanċ bejn is-sessi għal dik is-sena juru perċentwal baxx ħafna ta' nisa - 15 % biss - fuq il-bord, filwaqt li kienu jirrappreżentaw 34 % tar-rappreżentanti tal-Impriża Konġunta u 40 % tal-Kumitat Xjentifiku;

Għażla u reklutaġġ tal-persunal

17.

Jinnota li fl-2018, l-Impriża Konġunta rreklutat żewġ esperti nazzjonali sekondati oħra skont it-Tabella tal-Persunal, u bil-qbil tal-awtorità tal-baġit, irreklutat it-tielet wieħed għal sekondar ta' sena sabiex jissostitwixxi Maniġer tal-Programm;

18.

Jinnota li fl-aħħar tas-sena 2018, il-persunal tal-Impriża Konġunta kien magħmul minn 22 membru mit-23 li kienu previsti fit-Tabella tal-Persunal;

Kontroll intern

19.

Jinnota li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante affidabbli, ibbażati fuq ir-rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi, u li s-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (is-"servizz tal-awditjar komuni") huwa responsabbli għall-awditjar ex post tad-dikjarazzjonijiet ta' spiża ta' proġetti tal-Programm Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li s-sitwazzjoni fl-aħħar tal-2018 uriet li l-aktar standards importanti ta' kontroll intern kienu fil-biċċa l-kbira implimentati b'xi azzjonijiet li għad iridu jitlestew fl-2019, b'mod partikolari, ir-reviżjoni tal-mudell tal-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni;

20.

Jieħu nota li r-rata ta' żball residwu għall-Programm Orizzont 2020 kienet taħt il-limitu ta' materjalità skont il-Qorti, li jammonta għal 0,97 %; iqis li fi tmiem l-2018, l-Impriża Konġunta setgħet tibbaża l-kalkolu tagħha tar-rata ta' żball fuq erba' rapporti ta' awditu ex post, waħda relatata mal-awditjar ibbażat fuq ir-riskju u tlieta relatati mal-kampjun rappreżentattiv tal-Impriża Konġunta;

21.

Jirrikonoxxi l-fatt li s-servizz tal-awditjar intern jiżvolġi r-rwol ta' awditur intern tal-Impriża Konġunta u li, f'dan ir-rigward, jirrapporta indirettament lill-bord ta' tmexxija u lid-direttur eżekuttiv; jinnota li l-ewwel missjoni ta' awditjar stabbiliet profil ta' riskju tal-Impriża Konġunta bil-għan li jiġi stabbilit pjan ta' awditjar intern triennali; josserva li l-pjan strateġiku ta' awditjar intern tas-servizz tal-awditjar intern 2017-2019 ġie ppreżentat f'Ġunju 2017; barra minn hekk, f'konformità ma' dan il-pjan ta' awditjar, fl-2018 is-servizz tal-awditjar intern wettaq rieżami limitat tal-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern; josserva b'sodisfazzjon li mill-ħames rakkomandazzjonijiet lill-maniġment biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati li kienu għadhom ma ġewx implimentati b'mod sħiħ, waħda biss kien fadal li kienet tirrikjedi azzjonijiet ta' implimentazzjoni fl-2019;

22.

Jinnota b'dispjaċir li fi tmiem l-2017, l-għodod komuni tal-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet fl-ambitu tal-Programm Orizzont 2020, kienu għadhom ma temmewx l-iżviluppi speċifiċi meħtieġa biex jiġu pproċessati l-kontribuzzjonijiet in natura tal-Impriża Konġunta; madankollu, jinnota li l-kontribuzzjonijiet in natura ġew ivvalidati mid-direttur eżekuttiv fl-2018;

23.

Josserva li twettqet l-evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta skont Orizzont 2020 li tkopri l-perjodu bejn l-2014 u l-2016; jinnota li tħejja pjan ta' azzjoni li ġie adottat mill-bord ta' tmexxija f'Ġunju 2018; iqis li mhux ir-rakkomandazzjonijiet kollha mqajma fl-evalwazzjoni interim se jiġu indirizzati taħt il-programm qafas finanzjarju attwali; madankollu, jinnota li xi azzjonijiet inklużi fil-pjan ta' azzjoni diġà nbdew, filwaqt li oħrajn huma mistennija li jiġu implimentati sal-2020;

Kwistjonijiet oħra

24.

Jinsisti dwar l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Impriża Konġunta u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA); jinnota l-involviment tal-ERA fil-laqgħat tal-bord ta' tmexxija tal-Impriża Konġunta u fil-gruppi li abbozzaw il-pjan ta' azzjoni pluriennali; jinnota li l-Impriża Konġunta vvalutat it-talbiet għar-riċerka u l-innovazzjoni ġejjin mill-ERA sabiex jiġu evitati attivitajiet li jikkoinċidu ma' oħrajn u biex tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-użu tal-finanzjament pubbliku;

25.

Jinnota li fl-2018 Membru Assoċjat wieħed sar sussidjarju kollu kemm hu ta' membru fundatur, b'riżultat ta' żieda fir-rappreżentanza tal-membru fundatur tal-bord ta' tmexxija; josserva li d-dispożizzjonijiet tal-qafas legali attwali tal-Impriża Konġunta ma jindirizzawx biżżejjed l-akkwisti korporattivi fost il-membri industrijali tal-Impriża Konġunta u l-implikazzjonijiet li jista' jkollhom fuq ir-rappreżentanza bbilanċjata tal-membri fil-bord ta' tmexxija; jieħu nota tat-tweġiba tal-Impriża Konġunta li l-qafas legali stabbilit fi ħdan l-Impriża Konġunta ma jippermettix żieda fl-influwenza ta' membru fundatur dwar il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-governanza ġenerali; jinnota li s-sejbiet tal-Qorti se jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe emenda possibbli għar-regolament;

26.

Jinnota li l-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta tlestiet fil-perjodu ta' żmien stabbilit mill-qafas legali tagħha; jinnota b'dispjaċir li ma setax jipprovdi l-aħjar valur miżjud għall-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta f'dan l-istadju bikri tal-attivitajiet tagħha; jieħu nota tat-tweġiba tal-Impriża Konġunta li l-evalwazzjoni saret kmieni fil-ħajja tal-Impriża Konġunta iżda dan kien rekwiżit f'konformità mar-regolament tal-Impriża Konġunta u l-Programm Orizzont 2020 ġenerali;

27.

Josserva li r-rati tad-dawran tal-persunal għall-aħħar sentejn kienu kompletament ikkawżati mid-dawran tal-aġenti kuntrattwali; jilqa' l-passi li ħadet l-Impriża Konġunta biex tkampa ma' din is-sitwazzjoni; jinnota li l-Impriża Konġunta għamlet użu minn servizzi ta' persunal interim, li rrappreżentaw madwar 17 % tal-persunal totali tagħha; jieħu nota tat-tweġiba tal-Impriża Konġunta li r-raġunijiet ewlenin għal dan jirriżultaw mill-istruttura attwali tat-tabella tal-persunal, li ma tippermettix lill-Impriża Konġunta toffri l-istess kundizzjonijiet kuntrattwali favorevoli bħal dawk offruti minn korpi u istituzzjonijiet oħra; jinnota li ġew stabbiliti miżuri mhux vinkolanti sabiex jitnaqqsu l-livelli għoljin ta' dawran; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dan il-punt;.

Trasport u turiżmu

28.

Jenfasizza li l-objettivi tal-Impriża Konġunta huma li tikseb Żona Ferrovjarja Unika Ewropea u li ssaħħaħ l-attrattività u l-kompetittività tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni; jinnota li l-metodu ta' trasport bil-ferrovija ser ikun determinanti fl-azzjonijiet tal-Unjoni fil-futur għall-promozzjoni ta' bidla għall-mobilità b'emissjonijiet baxxi u l-indirizzar ta' esternalitajiet negattivi; jisħaq li l-Impriża Konġunta jeħtieġ li tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa biex tilħaq dawn l-objettivi ewlenin u biex tikkontribwixxi għall-bidla modali reali;

29.

Jinnota li l-Impriża Konġunta hija sħubija pubblika-privata stabbilita fl-2014 fi ħdan il-Programm Qafas Orizzont 2020; jinnota li l-Programm Shift2Rail jiġi ffinanzjat b'mod konġunt permezz ta' kontribuzzjonijiet mill-Unjoni (permezz tal-baġit operattiv tal-Impriża Konġunta) u ta' kontribuzzjonijiet in natura minn membri oħra, jiġifieri tmien membri fundaturi (għajr l-UE) u 19-il membru assoċjat;

30.

Jinnota li matul l-2018, l-Impriża Konġunta għamlet progress biex tilħaq il-miri tagħha, twettaq l-implimentazzjoni tal-Programm Shift2Rail u tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba li tkun effettiva u effiċjenti; jinnota li fl-2018 sar progress fl-attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni mnedija fis-snin preċedenti u li issa jinsabu fit-triq it-tajba u fil-biċċa l-kbira qegħdin jipproċedu b'pass mgħaġġel; jinnota li fi tmiem is-sena bdiet mewġa ġdida ta' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni (Sejħa 2018); jinnota li huwa stmat li n-nefqa totali tal-proġett tal-attivitajiet imwettqa fl-2018 se tammonta għal EUR 83 400 000;

31.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' żieda fl-attraenza tal-ferrovija għall-operaturi tal-merkanzija u l-passiġġieri, sabiex tinkiseb bidla permanenti mit-triq għall-binarji, u jinnota li l-ħames snin li ġejjin se jkunu determinanti għas-suċċess tal-ferrovija, u li l-Impriża Konġunta għandha rwol ewlieni biex tagħmel il-ferrovija orħos, aktar effiċjenti u aktar attraenti;

32.

Jisħaq li d-devjaturi, jew id-devjaturi difettużi, waħedhom huma responsabbli għal 25 % sa 30 % tal-manutenzjoni kollha fuq in-netwerk ferrovjarju u huma responsabbli għal parti sinifikanti tal-kostijiet tal-infrastruttura; jilqa' l-isforzi tal-Impriża Konġunta biex iżżid l-affidabbiltà tas-sistema u tnaqqas il-kostijiet;

33.

Jilqa' l-objettivi tal-Impriża Konġunta li tnaqqas bin-nofs il-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistema ferrovjarja, li tirdoppja l-kapaċità u ttejjeb l-affidabbiltà u l-puntwalità b'50 %; jitlob li l-Impriża Konġunta jkollha għad-dispożizzjoni sħiħa tagħha r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex jinkisbu dawn l-objettivi;

34.

Jilqa' l-isforzi tal-Impriża Konġunta biex tintroduċi l-"Automatic Train Operation" (ATO) fis-sistema ferrovjarja; iwissi li s-settur tat-trasport bit-triq għamel progress akbar permezz tal-awtomatizzazzjoni;

35.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Impriża Konġunta li tipproponi lill-bord ta' tmexxija tagħha, bħala parti mill-programm ta' ħidma annwali 2018, l-adozzjoni tal-għotja ta' somma f'daqqa u li sussegwentement ġiet implimentata permezz tal-iskema pilota ta' somma f'daqqa fi ħdan is-sejħa għal membri tas-sejħa 2018;

36.

Iqis li sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza legali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ta' governanza ġenerali tal-Impriża Konġunta, huwa tal-akbar importanza li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet tal-qafas legali tal-Impriża Konġunta rigward akkwisti korporattivi fost il-membri tagħha tal-industrija u l-konsegwenzi tagħhom għas-sħubija fil-bord governattiv; jistieden, għaldaqstant, lill-Kunsill jindirizza din il-kwistjoni possibbilment b'emendi għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014;

37.

Jinnota li fl-2018 l-Impriża Konġunta nediet 14-il awditu rappreżentattiv dwar il-popolazzjoni tagħha u awditu wieħed ibbażat fuq ir-riskju (flimkien ma' 15-il awditu rappreżentattiv u awditu wieħed ibbażat fuq ir-riskju mnedija fl-2017) li wassal biex il-kopertura diretta tal-awditi tal-Impriża Konġunta tammonta għal EUR 4 660 000; jinnota li r-rata ta' żball ġenerali identifikata, għat-tliet awditi rappreżentattivi u l-awditu bbażat fuq ir-riskju ffinalizzat sal-31 ta' Diċembru 2018, hija ta' 0,94 % b'medja sempliċi u ta' 1,19 % b'medja ponderata; jinnota li r-rati ta' żbalji l-oħra kollha (rappreżentattivi u residwi), minkejja li limitati fir-rigward tal-kopertura tagħhom, huma wkoll inqas mil-livell limitu fil-mira ta' 2 %;

38.

Jilqa' l-implimentazzjoni kontinwa tal-istrateġija kontra l-frodi 2017 - 2020 tal-Impriża Konġunta, li ma rriżultat f'ebda każ ta' "monitoraġġ mill-qrib minħabba valutazzjoni ta' riskju għoli ta' frodi" u f'ebda fajls li ntbagħtu lill-OLAF għal investigazzjoni;

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7151 tal-27 ta' Ottubru 2017 dwar l-awtorizzazzjoni tal-użu ta' rimborż abbażi ta' somma f'daqqa għall-ispejjeż eliġibbli tal-azzjonijiet skont Orizzont 2020 il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u skont il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018).


Top