Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE3018

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19” (COM(2020) 260 final — 2020/0127 (COD))

    EESC 2020/03018

    ĠU C 364, 28.10.2020, p. 158–159 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 364/158


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19”

    (COM(2020) 260 final — 2020/0127 (COD))

    (2020/C 364/22)

    Relatur Ġenerali:

    Alberto MAZZOLA

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 8.7.2020

    Kunsill, 30.6.2020

    Bażi legali

    Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    L-approvazzjoni tal-President tal-KESE

    25.6.2020 (proċedura b’urġenza, Artikolu 62 tar-Regoli ta’ Proċedura)

    Adottata fil-plenarja

    16.7.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    553

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    211/2/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea u jqis li huwa konformi mal-punt 3.2 tal-opinjoni tal-KESE TEN/710 (1), Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021), fejn, fost il-kummenti dwar ir-reżiljenza murija mis-settur ferrovjarju anke matul l-eqqel żmien tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-KESE argumenta li “minkejja li t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija wera reżiljenza qawwija, seta’ mar saħansitra aħjar […] li kieku t-tariffi tal-aċċess għall-binarji tnaqqsu għal żero […]”.

    1.2.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri u l-amministraturi tal-infrastruttura japplikaw malajr kemm jista’ jkun id-derogi mogħtija mill-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu kollu indikat mill-proposta. Il-KESE jqis li l-miżuri proposti se jkunu utli fuq medda qasira ta’ żmien u matul il-perjodu tal-applikazzjoni tagħhom.

    1.3.

    Madankollu, il-KESE jissuġġerixxi li qabel tmiem il-perjodu ta’ validità tad-derogi proposti, il-Kummissjoni Ewropea u l-leġislaturi għandhom jikkunsidraw l-estensjoni tal-validità ta’ dawn il-miżuri, speċjalment fil-każ li l-irkupru ekonomiku tas-settur ikun aktar kajman milli mistenni.

    1.4.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-Istati Membri jikkumpensaw lill-amministraturi tal-infrastruttura għal kwalunkwe telf ekonomiku kkawżat mill-applikazzjoni tad-derogi mid-Direttiva 2012/34/UE (2) proposta mill-Kummissjoni.

    2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

    2.1.

    Il-proposta tal-Kummissjoni hija mmirata, bħal proposti reċenti oħra, li toffri miżuri ta’ għajnuna ekonomika lis-settur ferrovjarju Ewropew. F’dan il-każ, il-miżuri jikkonċernaw l-eżenzjoni, it-tnaqqis jew id-differiment tat-tariffi għall-aċċess għall-binarji għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, kif ukoll l-eżenzjoni tal-imposti ta’ riżerva. Huma jkopru perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020, li fir-rigward tiegħu l-imposti jistgħu jinbidlu, b’deroga mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34/UE. Id-dikjarazzjoni dwar in-network, li turi l-imposti kollha applikabbli, għandha għalhekk tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba' xhur qabel l-iskadenza għal talbiet għall-kapaċità infrastrutturali..

    2.2.

    B’mod speċifiku, huwa propost li ssir deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva li jesiġi li l-imposti għall-pakkett ta’ aċċess minimu jiġu stabbiliti fil-livell tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Permezz ta’ deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34/UE, l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu aġġustamenti ’l isfel meta jimponu mark-ups matul l-iskeda ta’ ħidma attwali. B’deroga mill-Artikolu 36 tad-Direttiva 2012/34/UE, l-amministratturi tal-infrastruttura jkunu jistgħu jiddeċiedu li jneħħu l-imposti għal mogħdijiet ferrovjarji kkanċellati minħabba t-tfixkil ikkawżat mill-pandemija.

    2.3.

    Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-Istati Membri jkunu awtorizzati li jikkumpensaw lill-amministraturi tal-infrastruttura għat-telf ekonomiku kkawżat minn kull waħda mid-derogi mid-Direttiva 2012/34/UE msemmija hawn fuq (ħlasijiet ibbażati fuq spejjeż diretti, mark-ups u imposti ta’ riżerva). B’deroga mid-Direttiva 2012/34/UE, l-amminstratturi tal-infrastruttura jistgħu jiġu rimborżati fi żmien perjodu iqsar minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) ta’ dik id-Direttiva, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara s-sena li fiha jkun sar it-telf.

    2.4.

    Id-dikjarazzjoni dwar in-network tistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, l-iskadenzi, il-proċeduri u l-kriterji għall-imposti u l-iskemi għall-allokazzjoni tal-kapaċità, inkluża l-informazzjoni għall-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura. Qed jiġi propost li jiġi stabbilit li d-dikjarazzjonijiet dwar in-network jinżammu aġġornati u emendati mingħajr dewmien.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.5.

    Il-ferroviji esperjenzaw tfixkil sinifikanti u mhux mistenni fil-kontinwità tan-negozju minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, bi tnaqqis kbir fil-mobilità. Fl-eqqel żmien tal-kriżi, l-ammont ta’ passiġġieri naqas b’aktar minn 90 % f’diversi pajjiżi u anke wara t-tmiem tal-lockdown, iċ-ċifri tal-passiġġieri bil-ferrovija għadhom ma laħqux 50 % tal-livell ta’ qabel il-kriżi.

    2.6.

    Skont l-ewwel stimi approssimattivi, ikkalkulati mill-assoċjazzjonijiet settorjali bħas-CER, mill-bidu tal-kriżi d-dħul mitluf imġarrab mill-operaturi kollha tal-passiġġieri bħala konsegwenza tal-pandemija jlaħħaq EUR 900 miljun fil-ġimgħa. L-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawża tnaqqis medju approssimattiv fid-dħul mill-merkanzija ferrovjarja ta’ 25 % fl-Unjoni Ewropea kollha (UE27) bejn Marzu u April 2020 u dħul mitluf ta’ madwar EUR 78 miljun fil-ġimgħa. L-amministratturi tal-infrastruttura ferrovjarja qed jiġu affettwati dejjem aktar mit-tifqigħa tal-COVID-19 minħabba t-tnaqqis fit-traffiku u d-dħul li jiġġenera.

    2.7.

    It-tnaqqis tal-imposti għall-aċċess għall-binarji taħt il-livell previst mid-Direttiva 2012/34/UE u ż-żieda fil-flessibilità għall-amministraturi tal-infrastruttura biex jallokaw mogħdijiet ferrovjarji se jtaffu parzjalment l-impatt tal-kriżi fuq l-operaturi ferrovjarji.

    Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Ara l-paġna 149 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.


    Top