Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE2821

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2021-2027 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (‘il-Programm l-UE għas-Saħħa’)” (COM(2020) 405 final — 2020/0102 (COD))

    EESC 2020/02821

    ĠU C 429, 11.12.2020, p. 251–258 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/251


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2021-2027 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (‘il-Programm l-UE għas-Saħħa’)”

    (COM(2020) 405 final — 2020/0102 (COD))

    (2020/C 429/32)

    Relatur ġenerali:

    Antonello PEZZINI (IT-I)

    Korelatur ġenerali:

    Alain COHEUR (BE-III)

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 17.6.2020

    Kunsill, 10.6.2020

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    9.6.2020

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fil-plenarja

    18.9.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    554

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    218/0/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jenfasizza li l-pandemija tal-coronavirus ġiegħlitna nagħrfu aktar minn qatt qabel l-importanza tat-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa, dwar il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi, tiġġestixxi u tikkoordina, u dwar il-kompetenzi tagħha permezz ta’ “Unjoni Ewropea tas-Saħħa”, sabiex tindirizza s-sitwazzjoni mwiegħra taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati fil-qasam tas-saħħa, inkluż il-persunal mediku u paramediku li jinsab fuq quddiem nett u l-aspettattivi tagħhom dwar politika Ewropea tas-saħħa pubblika effettiva, filwaqt li titqies l-interazzjoni bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali permezz ta’ “governanza f’diversi livelli” (1).

    1.2.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta dwar “Il-Programm l-UE għas-Saħħa” tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Mejju 2020, il-proposta għar-rilanċ tal-istrument “Next Generation EU” u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2021-2027, għalkemm jinnota b’dispjaċir it-tnaqqis baġitarju li wettaq il-Kunsill Ewropew f’Lulju 2020, fi żmien meta s-saħħa pubblika qed tiffaċċja, fuq perjodu ta’ żmien qasir u twil, sfidi politiċi, soċjali, ekonomiċi, diġitali u ambjentali kumplessi li jirrikjedu miżuri innovattivi, trasversali u integrati u investimenti strateġiċi estensivi (fl-oqsma soċjali u tas-saħħa).

    1.2.1.

    Għall-KESE, “Ewropa à la carte” (2) (l-hekk imsejħa “Ewropa b’veloċitajiet differenti”) ma tistax tkun is-soluzzjoni għall-isfidi attwali li jestendu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u ma tippermettix proġett ta’ integrazzjoni Ewropea ambizzjuż u bbażat fuq is-solidarjetà bbażat fuq “l-unità fid-diversità” u ggwidat mill-objettivi ta’ kooperazzjoni komuni.

    1.3.

    Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex juru rieda politika favur “Patt dwar is-Saħħa għall-ġejjieni tal-Ewropa”, f’konformità mal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluża s-solidarjetà Ewropea, u l-impenji li saru fuq livell internazzjonali (għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali) u fuq livell Ewropew (prijoritajiet tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, it-twettiq fil-prattika tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali).

    1.4.

    Il-KESE jistieden lill-Parlament Ewropew, fil-funzjoni tiegħu ta’ “koleġiżlatur”, biex imexxi n-negozjati mal-Kunsill għal żieda fir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm tas-saħħa u għal strumenti oħra biex jintużaw f’sinerġija fil-qasam tas-saħħa (riċerka, koeżjoni u kooperazzjoni transkonfinali), kif ukoll għal użu speċifiku tal-fondi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà sabiex tispiċċa l-awsterità.

    1.5.

    Il-KESE jinsisti li, fl-implimentazzjoni tal-programm, tingħata attenzjoni speċifika għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali fis-saħħa, fl-aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, għall-kontinwità tal-kura (inkluża dik transkonfinali) fiċ-ċirkostanzi kollha, għall-appoġġ u l-konsolidazzjoni tas-sistemi tas-saħħa b’kopertura universali u għall-iżvilupp ta’ azzjoni Ewropea multidimensjonali fis-saħħa pubblika, f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi “l-kura tas-saħħa”, “l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità” u “l-kura fit-tul”.

    1.5.1.

    B’mod aktar speċifiku, il-KESE jitlob li jiġu adottati linji gwida Ewropej sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fostna, jiġifieri l-persuni vulnerabbli, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità, speċjalment dawk li jkollhom jgħixu fir-residenzi li jilqgħu fihom għadd kbir ta’ persuni, li fl-Ewropa kollha ntlaqtu ħażin mill-pandemija u l-konsegwenzi tagħha.

    1.5.2.

    Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità u, b’mod partikolari, għad-definizzjoni ta’ qafas ta’ valutazzjoni konġunta li jintegra ppjanar personalizzat, preferenza għal kura residenzjali jew f’residenzi żgħar, kriterji ta’ kwalità u aċċessibbiltà għal kura residenzjali u l-kura fit-tul li dawn il-persuni għandhom bżonn. Ir-rati għoljin ħafna ta’ mwiet f’ħafna djar għal persuni anzjani u għal persuni b’diżabilità jeħtieġ li jingħataw attenzjoni sabiex tittejjeb il-ġestjoni tagħhom, peress li qed tiffaċċja sfidi f’ħafna pajjiżi tal-UE. U, b’mod ġenerali, il-politika kollha ta’ appoġġ għall-persuni mdaħħlin fiż-żmien għandha, fost oħrajn, tiġi riveduta fil-kuntest tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-konsegwenzi tat-tibdil demografiku fl-Ewropa. Bħal kif sar diġà dwar id-determinanti speċifiċi tas-saħħa, il-KESE jitlob li jitfasslu linji gwida ċari u innovattivi li jpoġġu l-umanità u d-drittijiet tal-bniedem, l-anzjani u dawk l-aktar vulnerabbli, fil-qalba tal-prijoritajiet.

    1.6.

    Il-KESE jqis li l-governanza Ewropea fil-qasam tas-saħħa koerenti għandha tkun prijorità, filwaqt li tintegra wkoll l-implimentazzjoni tal-Programm għas-saħħa, b’fondi u inizjattivi adatti li jwasslu għal “Unjoni tas-saħħa”, u jitlob li jkun hemm approċċ operattiv għas-“saħħa fil-politiki kollha”.

    1.7.

    Il-KESE jipproponi li, fid-dawl tal-urġenza li qed nesperjenzaw, ir-riskju li jerġgħu jitfaċċaw pandemiji, l-esperjenzi ta’ ispirazzjoni li jeżistu fil-qafas tal-“Unjoni tal-Enerġija” u s-sistemi ta’ difiża u ta’ protezzjoni ċivili, għandu jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli mekkaniżmu Ewropew ta’ koordinazzjoni u intervent rapidu.

    1.8.

    Hemm il-ħtieġa li tinħoloq task force minufih, li tikkonsisti minn esperti, li taġixxi bħala koordinatur tal-għarfien u r-riżorsi biex jinħoloq network tal-aħjar ċentri tal-viroloġija, tal-epidemjoloġija u l-aħjar ħiliet tad-dijanjostika.

    1.9.

    Fil-fehma tal-KESE, din it-task force, anke f’kooperazzjoni mal-“unitajiet ta’rispons ta’ emerġenza għall-kriżijiet” tal-armata, għandha tagħmel inventarju tar-riżorsi disponibbli li jistgħu jiġu allokati faċilment, inklużi d-dipartimenti ta’ emerġenza, u għandha tinkludi l-moviment ta’ unitajiet mobbli. Din għandha tiġbor f’network l-aħjar riżorsi disponibbli, f’termini ta’ intelliġenza artifiċjali u appoġġ tal-IT, għall-iżvilupp ta’ simulazzjonijiet u l-ħolqien ta’ strateġiji.

    1.9.1.

    It-tim għandu japprofondixxi wkoll l-aspetti b’rabta mal-istat ta’ saħħa tal-persunal kollu tal-kura tas-saħħa, fundamentali għad-dritt għas-saħħa, mhux biss, iżda wkoll għal rispons effettiv għal kriżi potenzjali ġdida. Barra minn hekk, it-tim jista’ jħejji l-pedamenti għall-ispeċjalizzazzjoni Ewropea tal-“mediċina tal-kriżijiet u tal-emerġenzi”, kif issuġġerit mid-dokument tal-Kummissjoni.

    1.9.2.

    L-ispiża ta’ din l-operazzjoni kruċjali tidher li hija modesta ħafna, peress li ħafna mill-membri diġà huma impjegati tal-universitajiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka jew is-servizzi tas-saħħa tal-militar.

    1.9.3.

    Il-KESE jqis li huwa importanti ferm li din it-task force issir operattiva minnufih.

    1.9.4.

    Il-KESE jinnota b’dispjaċir li, matul il-fażi tal-pandemija, li għadha għaddejja, inħass in-nuqqas tal-vuċi awtorevoli tal-Kummissjoni Ewropea li setgħet serrħet fuq l-esperti Ewropej fl-ogħla livell biex tixħet dawl dwar l-parametri tas-saħħa u dwar l-impatt tal-virus fuq il-popolazzjoni, u setgħet ixxejjen l-opinjonijiet, spiss kontradittorji, dwar l-aspetti u l-evoluzzjoni tal-marda. Fil-każ ta’ epidemiji preċedenti, l-istituzzjonijiet Ewropej irreaġixxew permezz ta’ azzjonijiet tanġibbli bħall-ħolqien tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa (DĠ SANTE) u t-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC). Għall-KESE, din id-dinamika għandha tissokta.

    1.10.

    Il-KESE jemmen li riżultati tanġibbli jistgħu jinkisbu biss għall-Programm għas-Saħħa permezz ta’ approċċ inklużiv, li jinvolvi lill-organizzazzjonijiet internazzjonali (inkluża l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li jeħtieġ jiġu approfonditi l-kollaborazzjoni u s-sinerġija magħha), lill-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u lil dawk il-partijiet interessati fil-qasam tas-saħħa li huma l-aktar qrib ir-realtà taċ-ċittadini, u permezz ta’ valutazzjoni regolari tal-objettivi.

    1.11.

    Il-KESE jenfasizza l-valur tal-persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa li jaħdem f’settur partikolarment sensittiv u diffiċli, u jappella li jkun hemm monitoraġġ kostanti biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet f’termini ta’ taħriġ u organizzazzjoni u ta’ miżuri ta’ protezzjoni u ta’ benesseri ekonomiku u soċjali.

    1.12.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ is-Sħubijiet Pubbliċi Privati Ewropej fil-qasam tas-saħħa, li jsegwu l-eżempju tal-Inizjattiva Konġunta IMI 2, u jappoġġja l-isforzi konġunti mmirati lejn it-titjib tad-dimensjoni teknoloġika-produttiva Ewropea, permezz ta’ impenn aktar b’saħħtu tal-komunitajiet xjentifiċi u tas-saħħa Ewropej fil-ħidma tagħhom biex iż-Żona Ewropea tas-Saħħa ssir realtà.

    2.   Nitgħallmu mill-kriżi multidimensjonali b’riżultat tal-pandemija tal-coronavirus

    2.1.

    Il-pandemija tal-coronavirus ħarġet fid-dieher il-fraġilità tas-sistemi tas-saħħa f’ħafna pajjiżi fid-dinja, inklużi dawk tal-Istati Membri li s-sistemi tagħhom ġew affettwati minn livelli baxxi ta’ investiment pubbliku u l-applikazzjoni diretta ta’ rekwiżiti baġitarji ta’ governanza ekonomika Ewropea li jimponu restrizzjonijiet baġitarji. L-ammonti ta’ finanzjament għas-sistemi tas-saħħa għalhekk ivarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor, l-istess bħall-ammonti allokati minn kull Stat Membru għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-coronavirus.

    2.2.

    L-Ewropa qed tiffaċċja theddida tripla — pandemiji mingħajr kontroll u ż-żieda fl-inugwaljanzi soċjali fir-rigward tas-saħħa, għodod insuffiċjenti tal-politika ekonomika u avvenimenti ġeopolitiċi mhux mistennija — li tista’ tipperikola s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha u twassal għal depressjoni dejjiema tal-ekonomija globali, għal kollass finanzjarju tas-suq u għal delokalizzazzjoni tal-kapital.

    2.3.

    Għal darb’oħra l-kriżi tal-coronavirus enfasizzat l-importanza tar-restawr tal-bilanċ bejn l-attivitajiet tal-bniedem u n-natura. L-impatt li l-ambjent (bit-tibdil fil-klima, il-kwalità tal-arja, il-bijodiversità, is-sistemi tal-ikel, eċċ.) għandu fuq is-saħħa ma jeħtieġx provi ulterjuri.

    2.3.1.

    Ikun jaqbel li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, li huma impenjati ħafna fil-kwistjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent u l-bijodiversità, isemmgħu aktar leħinhom u, fuq kollox, f’dawn il-mumenti diffiċli, bl-għajnuna tal-esperti ewlenin Ewropej joffru liċ-ċittadini Ewropej indikazzjonijiet u soluzzjonijiet possibbli fuq bażi xjentifika biex ikunu jistgħu jindirizzaw b’aktar sikurezza s-sitwazzjoni mwiegħra tas-saħħa li qed tikkawża inkwiet u tbatija.

    2.4.

    Il-mard li ma jitteħidx qed jiżdied fl-Ewropa, fejn huwa l-kawża prinċipali tad-diżabilitajiet u l-imwiet: il-mard tal-qalb, id-dijabete, il-kanċer u l-mard respiratorju jammontaw għal 77 % tal-piż tal-mard u għal 86 % tal-imwiet prematuri. Ħafna minn dan il-mard huwa marbut ma’ taħlita ta’ fatturi, inkluż dawk ambjentali.

    2.5.

    Il-Patt Ekoloġiku ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea jħejji l-pedamenti għal strateġija ġdida ta’ tkabbir, li tkun sostenibbli u inklużiva li tfittex li ttejjeb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies, li tippreserva n-natura u li tiżgura li ħadd ma jibqa’ lura.

    2.6.

    Iż-żoni tal-fruntiera huma partikolarment adattati għal azzjoni ta’ politika Ewropea fil-qasam tas-saħħa. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, dawn huma żoni ġeografiċi b’livell għoli ta’ mobbiltà. Dawn kienu fost l-ewwel li bbenefikaw minn ftehimiet jew konvenzjonijiet bejn pajjiżi ġirien biex jittejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa.

    2.7.

    Madankollu, il-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tas-saħħa, li ngħatat bidu ’l fuq minn 20 sena ilu permezz tal-programmi Interreg u li tikkonsisti fil-koordinazzjoni, il-kostruzzjoni, l-organizzazzjoni u s-soluzzjonijiet, xi drabi kumplessi, bejn l-atturi differenti, twarrbet fi ftit sigħat mal-wasla tal-COVID-19 u l-għeluq unilaterali tal-fruntieri, mingħajr ma tqiesu r-realtajiet transkonfinali u mingħajr ebda intenzjoni li jinżamm dan l-ispirtu ta’ kooperazzjoni.

    3.   Insaħħu s-sistemi tas-saħħa u l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea (UE) li taġixxi

    3.1.

    Il-pandemija tal-COVID-19 kellha u qed ikollha impatt kbir fuq il-livell globali, Ewropew u transkonfinali, b’mod partikolari fuq iċ-ċittadini u s-soċjetà, fuq l-istrutturi ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa, filwaqt li ħarġet fid-dieher il-ħtieġa ċara li s-sistemi tal-ġestjoni tas-saħħa u tal-kriżijiet iridu jissaħħu.

    3.2.

    L-objettivi tal-politika tas-saħħa tal-UE huma l-promozzjoni tas-saħħa, is-salvagwardja kontra t-theddid għas-saħħa u l-koordinazzjoni tal-istrateġiji bejn l-Istati Membri. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE huma indispensabbli biex jiġu indirizzati l-kriżijiet. Sabiex ikun hemm reazzjoni effettiva għal theddid transkonfinali ġdid possibbli għas-saħħa, il-kapaċità ta’ reazzjoni tal-UE f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza trid tissaħħaħ.

    3.3.

    B’mod ġenerali, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (b’mod partikolari l-prinċipju 16) u l-estensjoni tal-kompetenzi tal-UE fil-qasam tas-saħħa, anke permezz tar-reviżjoni tat-Trattati Ewropej.

    3.4.

    Filwaqt li l-UE bħalissa għandha biss kompetenzi ta’ appoġġ fil-qasam tas-saħħa pubblika, fattur li jillimita l-azzjoni tagħha, f’din il-kwistjoni taġixxi permezz tal-politiki l-oħrajn tagħha, b’mod partikolari fiċ-ċiklu tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u s-suq intern.

    3.5.

    Fil-qafas tal-“ġejjieni tal-Ewropa”, Ewropa tas-saħħa trid tkun prijorità: l-ewwel pass f’din id-direzzjoni huwa l-programm l-UE għas-Saħħa (EU4Health).

    3.6.

    F’dan il-kuntest, l-UE wettqet diversi inizjattivi li jeħtieġ jitkomplew u jiġu kkonsolidati, li tnejn minnhom jistħoqqilhom referenza partikolari: in-network Ewropew ta’ referenza (NRE) u l-pjani Ewropej.

    3.7.

    Sa mill-2017, in-networks Ewropej ta’ referenza tfasslu biex joħolqu kollegament bejn l-esperti Ewropej dwar il-mard rari. Dawn in-networks jiżguraw li għandha tkun l-informazzjoni li tiċċirkola u mhux il-pazjenti, sabiex il-pazjenti jirċievu l-aħjar kura possibbli mingħajr l-inkonvenjent b’rabta mat-trasferiment tal-pazjenti. Attwalment dawn ikopru ’l fuq minn 900 unità ta’ kura speċjalizzata f’aktar minn 300 sptar. Dan il-mudell jista’ jiġi rreplikat għal mard ieħor.

    3.8.

    F’termini ta’ governanza u mod ta’ azzjoni, l-UE għandha ħames aġenziji, flimkien ma’ strumenti oħrajn bħall-“Korp Mediku Ewropew” jew l-“Elmi bojod”, sabiex tirreaġixxi b’aktar ħeffa għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

    3.9.

    Il-gvernijiet nazzjonali għandhom l-appoġġ ta’ żewġ aġenziji fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ saħħa. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (3) (ECDC) jivvaluta u jimmonitorja t-theddid ta’ mard emerġenti biex jikkoordina r-rispons għalihom. Fl-istess ħin, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (4) timmaniġġja l-valutazzjoni xjentifika tal-kwalità, is-sikurezza u l-effettività tal-mediċini kollha fl-UE. Aġenziji oħrajn jwettqu kompiti addizzjonali importanti.

    3.10.

    Il-kriżi attwali tal-COVID-19 uriet li, illum aktar minn qatt qabel, fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-ġejjieni għandha tingħata prijorità lill-allokazzjoni tar-riżorsi għas-saħħa.

    3.11.

    L-esperjenza li nkisbet mill-kriżi turi li hemm il-ħtieġa għal aktar sforzi biex ikun żgurat li s-sistemi tas-saħħa jkunu lesti biex jipprovdu mediċini u servizzi, teknoloġiji u prodotti mediċi tal-ogħla livell, u li jkunu lesti biex ilaħħqu ma’ epidemiji u kriżijiet jew sfidi mhux prevedibbli oħrajn.

    3.12.

    Hemm il-ħtieġa għal sistema li tibqa’ valida fil-futur u li tkun reżistenti għall-kriżijiet biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għal mediċini sikuri, ta’ kwalità u effikaċi fiċ-ċirkostanzi kollha u li jiġu indirizzati l-iskarsezzi u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta’ mediċini u ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi minħabba l-manifattura barra mill-UE u aktar importanti minn hekk, jeħtieġ li nkunu nistgħu nagħtu spinta lill-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji f’każ ta’ theddid emerġenti għas-saħħa.

    3.13.

    Jeħtieġ li ninvestu b’mod reġjonali, niżviluppaw il-kura reġjonali u l-kura fid-djar sabiex inkunu qrib in-nies permezz ta’ teknoloġiji ta’ monitoraġġ mill-bogħod, it-telemediċina, l-apps u l-apparat mediku personalizzat abbażi tal-mediċina 4P (predittiva, preventiva, personalizzata u parteċipattiva), u biex ninvestu biex insaħħu l-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard, l-ewwel fil-livell nazzjonali u sussegwentement f’koordinazzjoni estiża fil-livell tal-UE (5).

    4.   Nagħtu lill-Ewropa riżorsi fuq l-istess livell mal-ambizzjonijiet tagħha

    4.1.

    L-investimenti fis-saħħa u d-diversi programmi finanzjarji jridu jkunu kkoordinati, b’approċċ trasversali. Jeħtieġ li jitqiesu kemm l-aspetti tal-kura, kif ukoll tal-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa.

    4.2.

    Barra minn hekk, Orizzont Ewropa jipprevedi wkoll sensiela ta’ “missjonijiet”, xi ħaġa ġdida meta mqabbla mal-passat, jew sħubijiet ta’ riċerka b’objettivi ambizzjużi li jfittxu li jsibu soluzzjonijiet għal problemi urġenti li għandhom impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

    4.3.

    Kwistjoni li ser tassumi importanza konsiderevoli fil-politiki ta’ finanzjament Ewropej hija d-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-saħħa. L-Orizzont Ewropa, taħt Cluster Health, alloka EUR 1 biljun unikament għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fil-qasam tal-prevenzjoni, id-dijanjosi, it-trattament u l-assistenza.

    4.4.

    Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) allokat EUR 80 miljun għall-iżvilupp u l-interoperabbiltà tas-sistemi tas-servizzi elettroniċi tas-saħħa. Anke l-programm futur Ewropa Diġitali jipprevedi wkoll li jappoġġja l-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta’ spazju komuni Ewropew għad-data dwar is-saħħa, li jinkludi l-istandardizzazzjoni ta’ tipi ta’ data kondiviża, ftehim dwar indikaturi komuni u l-involviment attiv tal-Eurostat dwar dan l-aspett tal-aħħar.

    4.5.

    L-istrument għall-appoġġ ta’ emerġenza tal-UE ġie msaħħaħ għas-settur tas-saħħa. Ir-riżerva “RescEU”, li tagħmel parti mill-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE (6), tiffoka fuq ir-rispons rapidu u dirett għall-kriżi tas-saħħa.

    4.6.

    Fil-kuntest tal-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera Interreg, ġestiti b’mod delegat, jeħtieġ li s-saħħa tiġi promossa bħala tema ta’ prijorità.

    5.   Nistabbilixxu rispons Ewropew ambizzjuż u komuni fil-kuntest tal-irkupru

    5.1.

    Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu adottata fis-17 ta’ April 2020 (7), talab għal baġit speċifiku biex is-sistemi tas-saħħa nazzjonali jiġu appoġġjati matul il-kriżi b’aktar investiment ħalli s-settur Ewropew tas-saħħa jsir aktar reżiljenti u biex il-pajjiżi li jinsabu f’diffikultà jiġu megħjuna u sejjaħ għall-ħolqien ta’ programm Ewropew ġdid u awtonomu tas-saħħa.

    5.2.

    Il-Kumitat kemm-il darba esprima l-fehmiet tiegħu dwar il-politika Ewropea tas-saħħa (8). Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-KESE u l-membri tiegħu appellaw għal aktar solidarjetà u azzjoni konġunta fil-livell Ewropew biex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-konsegwenzi tal-pandemija.

    5.3.

    Bħal fil-qasam tal-irkupru, id-diversi miżuri adottati mill-istituzzjonijiet Ewropej taħt l-EU4Health għandhom ikunu inklużivi u jinvolvu l-partijiet interessati kollha tas-saħħa (l-organizzazzjonijiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa, l-impriżi mutwi, eċċ.).

    6.   Nimplimentaw programm tas-saħħa integrat u transettorjali

    6.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għal rispons koordinat u integrat għall-ġestjoni Ewropea fir-rigward ta’ kriżijiet tas-saħħa tal-pandemiji, li tagħti dimensjoni Ewropea sħiħa lill-politika tas-saħħa, lin-networks ta’ prevenzjoni u ta’ dijanjożi bikrija mill-bogħod, it-tisħiħ tal-innovazzjoni u r-riċerka dwar is-saħħa u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali tas-saħħa.

    6.2.

    Il-Kumitat jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal koordinazzjoni Ewropea aħjar fir-rigward ta’ miri għal mard li ma jitteħidx, kundizzjonijiet kroniċi ta’ diżabilità u jiġbed l-attenzjoni għall-ħarsien ta’ gruppi vulnerabbli, f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u għall-ġlieda kontra t-telf tal-awtonomija fost l-anzjani.

    6.3.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-approċċ Saħħa Waħda, adottat fuq il-fehim li b’mod ġenerali ma jistax ikun hemm risposta li tiffoka fuq settur uniku u li s-soluzzjoni tkun biss it-titjib tat-terapiji; iżda huwa ċar li l-problemi tas-saħħa pubblika għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ approċċ komprensiv u integrat.

    6.4.

    Il-Kumitat iqis li l-koordinazzjoni hija fundamentali u ma tistax tiġi relegata għal waħda mis-70 miżura possibbli bil-ħolqien u l-operat potenzjali ta’ “mekkaniżmu għal koordinazzjoni transsettorjali skont l-approċċ Saħħa Waħda”. Il-KESE jemmen li dan l-aspett għandu jingħata prijorità, peress li l-ġestjoni ta’ mekkaniżmu għal koordinazzjoni transsettorjali hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-kriżijiet.

    6.5.

    Il-Kumitat jemmen li, bis-saħħa tal-approċċ propost, ma jiġux injorati l-aspetti b’rabta mal-bilanċ bejn is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali (ara r-rwol tal-annimali bħala ħażniet potenzjali fil-mard li jittieħed), l-ekosistemi (bħall-iffukar fuq l-impatt tar-rimi ta’ skart sensittiv matul kriżi), u li l-ħarsien tal-gruppi vulnerabbli jitqies importanti fl-istrateġiji ta’ reżiljenza għall-kriżijiet.

    6.6.

    Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li dan l-approċċ ikkoordinat għall-ħarsien u l-prevenzjoni ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa u l-pandemiji jista’ jiġi kkoordinat minn firxa ta’ aġenziji (9) bi sfondi, missjonijiet u ħiliet speċifiċi, li ma jidhrux li huma kapaċi jikkoordinaw b’mod awtomatiku u effiċjenti f’każ ta’ mobilizzazzjoni u rispons urġenti u integrat.

    6.7.

    Il-KESE jenfasizza li l-aġenziji għandhom jaħdmu flimkien, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni transsettorjali, u jkunu xprun għall-proposti tal-UE, filwaqt li jaħdmu flimkien.

    6.8.

    Fir-rigward tal-governanza u r-rwol tal-aġenziji, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE), ir-rabtiet tiegħu mad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) u l-monitoraġġ trasversali tagħhom fil-kwistjonijiet tas-saħħa u dawk soċjali tal-politiki Ewropej kollha.

    6.9.

    Il-KESE jinsab konvint li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-fatt li tliet epidemiji suċċessivi tal-coronavirus urew fid-dinja, u f’dan il-każ tal-aħħar anke fl-Ewropa, kif in-nuqqasijiet fl-għoti ta’ tweġibiet immedjati u integrati, in-nuqqas ta’ kapaċità fil-ġestjoni tal-informazzjoni, in-nuqqas ta’ kapaċità u ta’ rieda biex jiġu kkoordinati r-reazzjonijiet, in-nuqqas ta’ riżorsi, u aktar serju minn hekk in-nuqqasijiet fil-forniment u l-ġestjoni strateġika tar-riżorsi potenzjalment disponibbli ppermettew il-firxa tal-epidemiji li seta’ kellhom biss impatt żgħir.

    6.10.

    Il-Kumitat jenfasizza li l-aktar element kritiku tar-rispons għal COVID-19 f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja u, tal-anqas parzjalment, anke fl-Ewropa, kien in-nuqqas ta’ kapaċitajiet ta’ twissija rapida u ta’ reazzjoni. Bil-ħtieġa għal azzjoni urġenti, is-sitwazzjoni marret għall-agħar bin-nuqqas ta’ kapaċità ġuridika għall-implimentazzjoni tar-regolamenti transizzjonali ta’ emerġenza. Għalhekk għandha tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ twissija rapida.

    6.11.

    Il-KESE jinsisti li s-saħħa trid tiġi eżentata mill-miżuri kollha li jinvolvu l-għeluq tal-fruntieri. “Is-saħħa ma jistax ikollha fruntieri”: dan il-prinċipju għandu jiġi minqux fit-Trattati Ewropej. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li l-mobbiltà tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-pazjenti tiġi żgurata.

    6.12.

    Il-Qorti tal-Awdituri tkellmet ripetutament dwar il-ħtieġa li tittejjeb il-preżenza tal-Ewropa u l-azzjoni Ewropea dwar is-sistemi tas-saħħa, sabiex ikunu eqreb lejn iċ-ċittadini Ewropej lil hinn mill-fruntieri u sabiex jitjiebu s-servizzi tas-saħħa, speċjalment għal dawk l-aktar vulnerabbli u l-aktar dgħajfa ekonomikament. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni taġixxi biex il-valuri soċjali li huma stabbiliti b’mod ċar fit-Trattati jsiru tanġibbli, b’mod konkret, permezz tal-kultura u l-azzjoni għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa.

    6.13.

    Il-KESE jappoġġja l-Qorti tal-Awdituri, li ddeċidiet diversi drabi dwar il-ħtieġa li tittejjeb l-azzjoni tal-UE dwar is-saħħa, dwar ħidma favur il-konverġenza tas-sistemi tas-saħħa lil hinn mill-fruntieri għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej u li żżid l-aċċessibilità tas-servizzi tas-saħħa, speċjalment għal dawk l-aktar vulnerabbli u ekonomikament l-aktar dgħajfa.

    7.   Nadattaw il-miżuri operattivi, funzjonali u strateġiċi

    7.1.

    Iż-żieda fl-ammont totali ta’ riżorsi umani u finanzjarji hija ċertament ta’ min ifaħħarha, iżda b’approċċ integrat u bi spirtu akbar ta’ kooperazzjoni seta’ kien hemm — bir-riżorsi disponibbli f’dak iż-żmien — biżżejjed provvisti u ħiliet biex jitwaqqfu t-tifqigħat.

    7.2.

    Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni huma għalhekk essenzjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-emerġenza tas-saħħa, biex tiġi appoġġjata l-attività ekonomika u biex titwitta t-triq għall-irkupru.

    7.3.

    Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi stabbilit korp ta’ analiżi, prevenzjoni fil-kuntest taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), simulazzjoni ta’ rispons, li jkun kapaċi jipprovdi d-data meħtieġa għall-ippjanar tal-istrateġiji u l-possibbiltà li jforni, f’ħin qasir ħafna, l-aħjar riżorsi disponibbli.

    7.4.

    Il-possibilità li l-esperjenza tal-NRE (10) tiġi applikata f’setturi oħrajn għandha l-vantaġġ li toħloq konsorzji li jkunu kapaċi jfornu, fuq kwistjonijiet rilevanti għall-kriżi, l-għarfien espert fl-Ewropa u jħejju l-pedamenti għal ħidma ta’ sinerġija.

    7.5.

    Madankollu, il-KESE jqis li dan l-approċċ mhuwiex biżżejjed peress li l-problema reali hija min għandu jieħu ħsieb il-koordinazzjoni u l-finalizzazzjoni tal-ħidma mwettqa minn dawn in-networks (jew il-ħolqien u l-ġestjoni ta’ networks ta’ networks).

    7.6.

    Jeħtieġ li jiġu żviluppati kampanji u pjani Ewropej, b’enfasi akbar fuq l-aktar gruppi vulnerabbli. Dawn l-inizjattivi jridu jindirizzaw, b’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, il-prevenzjoni u l-iskrinjar tas-saħħa, l-istabbiliment ta’ perkorsi integrati ta’ kura u benesseri, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali, eċċ.

    8.   Insegwu l-kisba tal-għanijiet permezz ta’ monitoraġġ kontinwu u approċċ inklużiv

    8.1.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-indikaturi ta’ kontroll u ta’ verifika tal-kwalità għall-objettivi tal-programm. L-indikaturi ġenerali “makro” tal-programm huma essenzjali, iżda l-objettiv tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżorsi Ewropej fid-dawl tal-kriżi/kriżijiet jeħtieġ sistema flessibbli li, b’reazzjoni għal ħtiġijiet kontinġenti u li qed jinbidlu, trid tkun kapaċi tipproduċi “mikroindikaturi” ad hoc b’mod kontinwu, sabiex twieġeb għall-kontinġenzi kontinwi li ġiet maħsuba għalihom.

    8.2.

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jiġi stabbilit grupp ta’ professjonisti tas-saħħa tal-Istati Membri u ta’ esperti minn diversi dixxiplini. Mill-inqas xi wħud fost dawn iridu jkunu kompetenti fl-indirizzar tal-kriżijiet tas-saħħa u xi wħud minnhom ikollhom esperjenza ta’ xogħol integrat, kif isir fl-isferi tar-riċerka, tal-protezzjoni ċivili u tas-saħħa militari.

    8.3.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-programm tal-Kummissjoni li jenfasizza l-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-kriżijiet. F’dan il-kuntest, minbarra l-miżuri proposti li jiffokaw fuq il-produzzjoni ta’ tagħmir u teknoloġija, il-KESE jfakkar fl-importanza li tiġi stabbilita sistema ta’ koordinazzjoni, ippjanar, monitoraġġ u tmexxija strateġika għall-fini tal-prevenzjoni u l-intervent bikri.

    8.4.

    Jekk fil-qasam tas-saħħa r-rwol tal-Unjoni huwa li tipprovdi appoġġ lill-Istati, fil-każ tat-taħriġ ir-rwol tal-Unjoni huwa ċentrali. Minn dan il-lat, il-verifika ta’ korpi individwali fis-settur tat-taħriġ tas-saħħa għandu jissaħħaħ (l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fir-rigward tal-isptarijiet edukattivi għax dawn iħarrġu wkoll lill-ħaddiema tas-saħħa).

    8.5.

    Il-KESE huwa favur il-parteċipazzjoni ugwali u l-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet: lil hinn mill-oqfsa regolatorji xierqa, l-adozzjoni ta’ approċċ li jintegra kwistjonijiet dwar il-ġeneri fil-ħajja soċjali u tal-familja se jikkontribwixxi għal bilanċ ugwali bejn il-ġeneri fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali.

    8.6.

    Il-Kumitat iqis li l-UE għandha tissorvelja b’mod kostanti l-kwalità ta’ dawn is-setturi tas-saħħa: dan għandu jiffoka wkoll fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jipprovdu biżżejjed faċilitajiet u korpi tas-saħħa għal taħriġ li jissodisfa r-rekwiżiti Ewropej.

    8.7.

    Il-KESE jtenni li s-soluzzjonijiet diġitali jistgħu jippromovu l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa, jekk jiġu ssodisfati diversi kundizzjonijiet:

    kopertura territorjali ugwali;

    tnaqqis fid-distakk diġitali;

    interoperabbiltà tal-arkitettura diġitali kollha;

    konformità mar-Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tas-saħħa (11).

    9.   Nappoġġjaw lill-persunal tas-saħħa

    9.1.

    Il-KESE jinsab konvint li għandha tiġi enfasizzata l-preżenza diretta tal-UE fit-taħriġ tal-persunal tas-saħħa, anke fid-dawl tal-fatt li t-tisħiħ tas-sistemi tal-protezzjoni ċivili joħloq il-ħtieġa għal profil professjonali ġdid: l-espert fil-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-kriżijiet. Din il-figura professjonali għandha tkun preżenti fil-fergħat territorjali kollha tal-protezzjoni ċivili.

    9.2.

    Jista’ jiġi kkunsidrat proġett pilota biex titwaqqaf skola Ewropea ta’ taħriġ fuq livell universitarju, organizzata flimkien ma’ universitajiet Ewropej.

    9.3.

    Minbarra t-taħriġ, il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-UE taħdem biex tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, li huma l-“eroj” tal-kriżi.

    10.   Nagħmlu l-UE pijunier tar-riċerka

    10.1.

    Fir-rigward tal-politika ta’ appoġġ għar-riċerka dwar il-mediċini potenzjalment utli fil-kriżijiet, wieħed irid jenfasizza li parti minn din, b’mod partikolari r-riċerka dwar il-mediċini li diġà qed jintużaw f’kundizzjonijiet simili, tikkonċerna mediċini li mhumiex daqstant interessanti għas-suq minħabba li skaditilhom il-privattiva. Għal din ir-raġuni, għandha tissaħħaħ ukoll ir-riċerka indipendenti, inkluż fir-rigward ta’ kwistjoni kritika bħall-vaċċini, anke biex tiġi żgurata s-sovranità Ewropea fir-rigward tat-teknoloġija u l-manifattura.

    10.2.

    Ħidma riċenti ħafna wriet li l-universitajiet ewlenin tilfu pożizzjonijiet fil-klassifika tal-produzzjoni xjentifika (2015-19), iżda b’xejra ferm agħar fl-Ewropa (università Ewropea waħda biss tinsab fost l-ewwel 30), filwaqt li l-kumpaniji li jispeċjalizzaw fis-servizzi tal-internet, it-teknoloġija u l-analitika tad-data qed isiru dejjem aktar importanti fil-kamp tar-riċerka.

    10.3.

    Il-KESE jqis li hemm il-ħtieġa għal mekkaniżmi biex jiġu identifikati s-sinerġiji bejn l-EU4Health 2021-2027 u l-programmi l-oħrajn kollha u l-fondi mmirati lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tas-saħħa. Dawn is-sinerġiji se jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-produzzjoni ta’ privattivi kif ukoll jaħdmu flimkien u jappoġġjaw il-produzzjoni bijomedika ta’ livell għoli.

    Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Kumitat tar-Reġjuni, “Karta għall-Governanza f’Diversi Livelli”.

    (2)  EUR-Lex.

    (3)  https://www.ecdc.europa.eu/en

    (4)  https://www.ema.europa.eu/en

    (5)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 1.

    (6)  https://what-europe-does-for-me.eu/mt/portal/2/X07_26001

    (7)  https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-04-17-TOC_MT.html

    (8)  Ir-Regolament dwar Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus, EESC-2020-01536-00-01-PAC-TRA (ECO/515, qed titħejja); ĠU C 227, 28.6.2018, p. 11; ĠU C 240, 16.7.2019, p. 10; ĠU C 271, 19.9.2013, p. 122; ĠU C 14, 15.1.2020, p. 52; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 1; ĠU C 242, 23.7.2015, p. 48; ĠU C 116, 20.4.2001, p. 75; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 76; ĠU C 143, 22.5.2012, p. 102; ĠU C 234, 30.9.2003, p. 36; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 74; ĠU C 120, 20.5.2005, p. 54; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 36; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 91; ĠU C 242, 23.7.2015, p. 48; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 10; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 14; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 150; ĠU C 283, 10.8.2018, p. 28; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 57.

    (9)  Ara l-punt 2.6.

    (10)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

    (11)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 5.


    Top