Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE1921

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-politika strutturali u ta’ koeżjoni tal-UE biex tmexxi ’l quddiem it-trasformazzjoni tal-ekonomija b’mod innovattiv u intelliġenti” (opinjoni esploratorja)

    EESC 2020/01921

    ĠU C 429, 11.12.2020, p. 153–158 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/153


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-politika strutturali u ta’ koeżjoni tal-UE biex tmexxi ’l quddiem it-trasformazzjoni tal-ekonomija b’mod innovattiv u intelliġenti”

    (opinjoni esploratorja)

    (2020/C 429/21)

    Relatur:

    Gonçalo LOBO XAVIER

    Konsultazzjoni

    18 ta’ Frar 2020 – ittra minn Peter ALTMAIER, Ministru Federali Ġermaniż għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    20.7.2020

    Adottata fil-plenarja

    18.9.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    554

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    217/0/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-politika ta’ koeżjoni bħala għodda fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi enormi kkawżati mill-pandemija tal-coronavirus. Hemm bżonn urġenti li tittieħed azzjoni malajr, u li l-mezzi finanzjarji biex jgħinu u jappoġġjaw lill-Istati Membri għandhom jintużaw b'konformità mal-kriterji rilevanti, iżda wkoll b'kuraġġ. Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa teħtieġ approċċ differenzjat għal sfida waħda.

    1.2

    L-impatt tal-kriżi tal-coronavirus ifisser li hemm bżonn ta' miżuri b'saħħithom u ċari biex terġa' tinbena l-ekonomija tal-Ewropa. Il-konsegwenzi għas-saħħa pubblika, l-azzjoni ekonomika, tas-soċjetà u politika huma diffiċli biex jitkejlu u l-impatt se jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Il-KESE jaqbel li l-prijoritajiet tal-Presidenza Ġermaniża għandhom jiffokaw fuq dawn iċ-ċirkostanzi l-ġodda u jappella għal azzjoni biex jiġu protetti l-impjiegi u d-drittijiet soċjali madwar l-Unjoni.

    1.3

    Il-KESE jemmen li kwalunkwe pjan ta’ rkupru għall-Ewropa għandu jżomm f’moħħu l-konsegwenzi ta’ din il-kriżi, jiġifieri d-dipendenza tal-Ewropa fuq oqsma ekonomiċi oħra għal prodotti u servizzi speċifiċi. Huwa ċar li l-Ewropa għandha tirrifletti fuq il-politika kummerċjali tagħha, tagħti spinta lill-innovazzjoni u tagħti vantaġġ tajjeb lill-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħha bbażata fuq ir-reġjuni u approċċ industrijali settorjali. Il-politika ta’ koeżjoni kienet fundamentali fil-passat għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tajbin għall-industrija, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-infrastruttura biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet. Il-KESE jemmen li l-ħtiġijiet tal-mument jeħtieġu politika saħansitra aktar b’saħħitha biex tappoġġja lill-industriji biex jerġgħu lura lejn l-Ewropa. Hemm bżonn ta' industrijalizzazzjoni mill-ġdid u ż-żmien biex din issir huwa issa.

    1.4

    Għall-KESE, id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi għandha tkompli tkun prijorità għall-Istati Membri kollha. Din il-kriżi wriet il-ħtieġa għal servizzi aktar sempliċi u aktar komprensivi li jappoġġjaw lill-Ewropej kollha, b’mod partikolari dawk li jeħtieġu appoġġ addizzjonali. Huwa ċar għall-KESE li hemm perspettivi u sfidi differenti fost l-Istati Membri fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni. L-infrastruttura eżistenti mhijiex adegwata u aktar investiment f’dawn l-oqsma għandu jkun prijorità. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jinvestu f’infrastruttura aħjar biex joħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għal kumpaniji ġodda u għal servizzi ġodda. L-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu kreattivi u sempliċi sabiex jippermettu li dan iseħħ.

    1.5

    Il-KESE jaqbel li għad hemm il-ħtieġa li jsir investiment f’sistemi sħaħ tal-broadband biex iż-żoni rurali jkunu jistgħu jiżviluppaw attivitajiet moderni ta’ agrikoltura u ta’ turiżmu. L-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni kienu qed jittraskuraw din il-ħtieġa, jew għallinqas l-Istati Membri kienu distratti mill-opportunitajiet eżistenti taħt il-programmi finanzjarji. Sabiex ikun jista' jsir l-iżvilupp ta' “forma ġdida ta' agrikoltura”, ta' attivitajiet turistiċi ġodda u ta' “industriji” ġodda, il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jinvestu fl-infrastruttura tal-broadband.

    1.6

    Il-KESE jemmen bis-sħiħ li n-negozju elettroniku huwa fundamentali għan-“normal il-ġdid” bħala riżultat tal-impatt tal-COVID-19 fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Se jkun meħtieġ li jiġu pprovduti għażliet differenti kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-konsumaturi. L-SMEs jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dan l-approċċ il-ġdid, għalhekk il-fondi strutturali għandhom jiġu allokati biex jippermettu lill-kumpaniji jiskopru swieq ġodda u opportunitajiet ġodda. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkun flessibbli meta tindirizza dawn l-isfidi, li jistgħu jipprovdu opportunitajiet għall-kumpaniji biex “imorru online” bi sħubijiet u b'investiment intelliġenti biex jikkompetu mhux biss fis-suq intern iżda wkoll madwar id-dinja. Hemm bżonn ta’ networks tal-katina ta’ provvista aktar sostenibbli sabiex il-kumpaniji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jinteraġixxu aħjar.

    1.7

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn urġenti ta' protezzjoni għall-SMEs u għas-sostenibbiltà tagħhom. Għalhekk, l-għodod Ewropej eżistenti, normali, bħall-Fond Soċjali Ewropew, iridu jintużaw b’mod kreattiv ħafna iżda sempliċi. M’hemm l-ebda dubju dwar l-impatt ta’ din il-kriżi fuq ir-rati tal-impjiegi u se jkun diffiċli għall-Ewropa li tirkupra mingħajr strateġija xierqa għat-taħriġ u li terġa’ tintegra n-nies fis-suq tax-xogħol. Għal din ir-raġuni wkoll, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatat mal-użu tal-istrumenti finanzjarji jrid jindirizza l-fatt li l-SMEs għad iridu jiffaċċjaw ħafna burokrazija biex jibbenefikaw minn dawn l-iskemi. Il-KESE jitlob li tittieħed azzjoni biex il-piż jitnaqqas sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jmorru lil hinn minn dan.

    1.7.1

    Huwa imperattiv li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kreditu fit-tul favorevoli għall-SMEs sabiex jingħataw għajnuna f’dan il-perjodu diffiċli, u għandna nużaw il-Fond ta’ Koeżjoni biex noħolqu strument finanzjarju effettiv u li jirreaġixxi malajr.

    1.7.2

    Bl-istess mod, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jissaħħu u li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp tal-investiment pubbliku fi, u mekkaniżmi għal, skemi ta' taħriġ tul il-ħajja biex in-nies ikunu jistgħu jaġġustaw il-ħiliet tagħhom għall-ħtiġijiet tas-suq issa u wkoll biex iħejju sabiex jipprovdu lill-ġenerazzjonijiet futuri b'ħiliet ġodda.

    1.8

    Il-KESE jaqbel ukoll li l-programm tal-“Patt Ekoloġiku” għandu jiġi appoġġjat u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi kjarifika lill-Istati Membri fir-rigward ta', pereżempju, kif l-ammont ta’ EUR 40 biljun fil-“Fond għal Tranżizzjoni Ġusta” jista’ jintuża għad-“dekarbonizzazzjoni” tal-ekonomija. Dan huwa eżempju wieħed ta’ idea tajba u ta' kunċett tajjeb li għandhom jiġu promossi fost l-Istati Membri, iżda għadu mhux ċar ħafna kif għandu jitqiegħed fil-prattika.

    1.9

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-“programm REACT”, li taħtu sejrin jiġu investiti EUR 55 biljun biex jappoġġjaw il-politika ta’ koeżjoni, iżda jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tinforma malajr lill-Istati Membri u tipprovdi kjarifika dwar il-kundizzjonijiet u l-kriterji ta' distribuzzjoni, filwaqt li żżomm f'moħħha l-fatt li dawn il-fondi għandhom jiġu allokati sa tmiem l-2022. Il-finanzjament ta’ REACT-UE se jitqassam fost l-Istati Membri skont il-prosperità relattiva tagħhom u l-firxa tal-effetti tal-kriżi attwali fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom, inkluż fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Madankollu, hija meħtieġa informazzjoni aktar preċiża biex jinkisbu r-riżultati. Għalissa, hija l-implimentazzjoni li għandha tiġi żgurata – milli ammont speċifiku ta’ finanzjament. L-Ewropa teħtieġ programm flessibbli, rapidu u sempliċi, li jinvolvi proċessi aktar faċli, li jistgħu jissimplifikaw l-aċċess għall-finanzjament, irrispettivament mid-daqs, mill-oriġini jew mis-settur tal-kumpanija jekk l-impjieg u l-valur miżjud huma l-kwistjoni ewlenija.

    1.10

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni estensiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni tal-politiki reġjonali għandhom jiġu żgurati sabiex jibbenefikaw mill-għarfien ġenwin u rilevanti li għandhom il-partijiet interessati, u għalhekk jistgħu jsaħħu l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Dan huwa ż-żmien li l-imsieħba soċjali jiġu involuti fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika sabiex jiġi żgurat approċċ ta’ sħubija li jista’ verament jagħmel differenza.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1

    Il-Presidenza Ġermaniża tal-Unjoni Ewropea ser issir taħt ċirkostanzi speċifiċi ħafna u ser tkun ta’ sfida kbira għall-proġett Ewropew. Ħafna mill-għanijiet tal-presidenza jistgħu jiġu riveduti minħabba s-sitwazzjoni tal-coronavirus, li se jkollha impatt fuq l-iżvilupp tan-nies, in-negozji u l-industriji u se tittestja r-reżiljenza tal-Ewropa wara l-pandemija.

    2.2

    Għalkemm il-prijoritajiet dejjem jistgħu jinbidlu, xi ideat ewlenin jistgħu jibqgħu, minkejja s-sitwazzjoni. Id-diġitalizzazzjoni, ir-riskji baġitarji u ekonomija intelliġenti u tat-tkabbir huma sfidi li diġà kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

    2.3

    Id-diġitalizzazzjoni se taqsam il-prominenza mal-politika dwar id-data, l-intelliġenza artifiċjali u suq uniku diġitali. Il-ftuħ tas-suq intern għandu jibqa' garantit, ambizzjoni li tista' tinftiehem fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-pjan ta' rkupru tal-Ewropa. Is-suq intern diġitali se jiġi żviluppat aktar biex itejjeb il-kompetittività tal-Ewropa. L-UE hija impenjata lejn l-interoperabbiltà, l-istandardizzazzjoni u t-teknoloġija b'sors miftuħ.

    2.4

    Hemm ir-riskju wkoll li s-sitwazzjoni attwali twessa' d-differenzi ekonomiċi u soċjali, inkluż id-disparitajiet reġjonali u territorjali bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Bidliet fid-domanda u fil-kapaċità tas-settur korporattiv biex jirpilja sejrin jaffettwaw b’mod asimmetriku reġjuni u territorji fi ħdan l-lstati Membri minħabba l-ispeċjalizzazzjoni settorjali differenti tagħhom. Is-servizzi li jirrikjedu kuntatt dirett mal-konsumaturi huma mistennija li jbatu, b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis fil-fatturat u fl-impjiegi fl-SMEs.

    2.5   Industrijalizzazzjoni mill-ġdid f'żoni rurali

    2.5.1

    L-Istati Membri bi spazju fiskali sinifikanti jistgħu joffru appoġġ aktar ġeneruż u fit-tul lin-negozji u lill-familji. Dawn se jkunu wkoll f’pożizzjoni aħjar biex jassorbu defiċits u livelli ta’ dejn tal-gvern ogħla, fost żieda fl-urġenza biex jiġu żgurati kura tas-saħħa ta’ kwalità u provvediment ta’ benesseri soċjali fit-tul għal dawk affettwati. B’mod aktar ġenerali, l-Istati Membri sejrin jiffaċċjaw differenzi fil-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw l-investiment meħtieġ biex jerġgħu jibdew l-ekonomiji tagħhom u biex jiffinanzjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dawn id-differenzi jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet ekwi tas-suq uniku u għal żieda fid-diverġenza fl-istandards tal-għajxien.

    2.6

    Jean-Claude Juncker qal: “M'hemmx biżżejjed Ewropa f'din l-Unjoni. U m'hemmx biżżejjed Unjoni f'din l-Unjoni”. Il-kriżi attwali għal darb’ oħra għamlitha ċara li meta l-kriżi tkun iebsa, kull bniedem jaħseb għalih innifsu. Il-projbizzjonijiet temporanji tal-esportazzjoni fuq il-prodotti protetti ta' xi Stati Membri, u l-għeluq tal-fruntieri li qed nesperjenzaw bħalissa, huma reazzjonijiet nazzjonali ħafna għal kriżi globali. Dan għandu jkun ta’ tħassib. Il-politika ta’ koeżjoni tista’ tikkoreġi dawn l-effetti.

    3.   Il-politika ta’ koeżjoni bħala s-saħħa tal-Ewropa biex tagħti spinta lis-suq uniku

    3.1

    Is-suq uniku huwa fil-qalba tal-proġett Ewropew. Suq uniku effiċjenti għandu jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn għażla aktar wiesgħa ta’ servizzi u prodotti u minn opportunitajiet aħjar ta’ impjieg. Is-suq uniku għandu jistimula l-kummerċ u l-kompetizzjoni, li huwa fundamentali biex jinkisbu t-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE. Politika ta’ koeżjoni xierqa u bbilanċjata hija fundamentali biex jitlesta s-suq uniku.

    3.2

    Minkejja l-ħafna differenzi bejn l-Istati Membri, il-politika ta’ koeżjoni tibqa’ mekkaniżmu ewlieni biex jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp, jinħolqu opportunitajiet u jogħlew l-istandards. Huwa importanti li wieħed jiftakar li l-politika ta’ koeżjoni hija bbażata fuq is-solidarjetà Ewropea u għandha effetti fl-Istati Membri kollha: kemm dawk li huma benefiċjarji tal-fondi kif ukoll dawk li huma “kontributuri netti”.

    3.3

    Huwa importanti wkoll li jittieħdu miżuri speċifiċi bħala reazzjoni għal sfida li għandha effetti differenti fi Stati Membri differenti. Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa teħtieġ approċċ differenzjat għal sfida waħda. Għalhekk, l-Istati Membri ser jeħtieġu livelli differenti ta’ appoġġ, u dan huwa l-vantaġġ ewlieni ta’ politika ta’ koeżjoni effettiva: azzjoni intelliġenti u effettiva biex tindirizza effetti differenti, bħal dawk esperjenzati bil-kriżi tal-COVID-19.

    3.4

    Il-KESE jiddikjara li politika industrijali Ewropea kkoordinata tajjeb hi fundamentali meta jitqiesu kemm l-isfida attwali tal-COVID-19 kif ukoll l-isfida tas-sitwazzjoni ta’ wara l-COVID-19, u anke l-aspetti ta’ diġitalizzazzjoni u sostenibbiltà.

    3.4.1

    Industriji u setturi ewlenin, mir-riżorsi umani sar-riċerka, għandhom jiġu identifikati u appoġġjati biex iwasslu għal politika industrijali Ewropea li tipproteġi dawn is-setturi strateġiċi mis-suq u tiżgura s-sigurtà tal-provvista ta’ elementi ewlenin, bħalma huma r-respiraturi, il-maskri u prodotti oħra f’sitwazzjoni ta’ pandemija.

    3.4.2

    L-Ewropa jenħtieġ li tiffinanzja attivitajiet li jissodisfaw żewġ kriterji: ir-restawr tal-produzzjoni strateġika sabiex l-Ewropa ssir indipendenti, partikolarment rigward il-protezzjoni u r-rispons fil-qasam tas-saħħa, li jipprovdi impjiegi ta’ kwalità għolja; u l-iffukar fuq investimenti sostenibbli li jkunu soċjalment responsabbli u favur l-ambjent. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-istess bħal intrapriżi kbar u intrapriżi soċjali, jista’ jkollhom rwol kruċjali fir-ristrutturar tas-sistema ta’ produzzjoni Ewropea.

    3.5

    L-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu fil-qalba tal-attenzjoni diretta lejn ir-reżiljenza u l-irkupru. Il-programmi ta’ koeżjoni għandhom jiġu ristrutturati b’mod ħafna aktar sempliċi u effettiv sabiex il-benefiċjarji ta’ daqs medju u żgħir ikunu jistgħu jibbenefikaw tassew.

    3.6

    It-turiżmu u l-kultura huma żewġ setturi ewlenin li ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija. Il-fondi Ewropej għandhom jiffukaw fuq id-determinazzjoni ta’ għodod għall-appoġġ ta’ negozji involuti fit-turiżmu u l-kultura, permezz tal-innovazzjoni, it-trasformazzjoni diġitali u l-kooperazzjoni transsettorjali.

    4.   Il-politika ta’ koeżjoni u s-sitwazzjoni ta’ wara l-COVID-19

    4.1

    Iċ-ċirkostanzi mhux tas-soltu tal-kriżi tal-COVID-19 jippreżentaw test enormi għall-politika ta' koeżjoni. Aktar minn qatt qabel, il-pjanij ta’ rkupru tal-Istati Membri għandhom jirriflettu l-valuri tal-koeżjoni territorjali, bħad-diġitalizzazzjoni, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-inklużjoni soċjali. Pjan ta' rkupru sistematiku u b'saħħtu għall-Ewropa u l-Istati Membri kollha tal-UE jiddependi b'mod kruċjali fuq din il-politika, irrispettivament mid-daqs tal-pajjiż jew karatteristiċi oħra.

    4.2

    Wieħed mill-aktar aspetti kritiċi tal-istrateġija ta’ rkupru huwa l-qafas finanzjarju għall-politika ta’ koeżjoni. Aktar minn qatt qabel, il-pandemija kixfet u aggravat l-inugwaljanzi bejn iċ-ċittadini u bejn l-Istati Membri. Kulħadd huwa espost bl-istess mod għall-virus, iżda l-mod speċifiku kif iċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-Istati Membri jindirizzawh ivarja. Is-sitwazzjoni finanzjarja dgħajfa li tirriżulta minn din il-kriżi se jkollha effetti drammatiċi fuq pajjiżi u fuq partijiet speċifiċi tas-soċjetà, u r-rispons Ewropew irid iqis dan.

    4.3

    Il-kooperazzjoni se tkun kruċjali għar-riżultati. Mhuwiex iż-żmien li l-azzjoni preċedenti tiġi kkritikata. Minflok, huwa ż-żmien li nħarsu lejn il-preżent u niffukaw fuq il-futur, b’miri prinċipali miftiehma li jistgħu jibqgħu anke f’dawn iċ-ċirkostanzi kritiċi.

    4.4

    Id-dannu kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19 lill-proġett Ewropew u lid-dinja se jamplifika d-dannu kkawżat permezz tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Dan jista’ jfisser li meta l-pandemija tintemm, id-differenzi bejn il-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, garanziji soċjali u livelli ta’ prosperità sejrin jiżdiedu.

    4.5

    M’hemm l-ebda soluzzjoni unika għall-kriżi, iżda politika ta’ koeżjoni xierqa u bbilanċjata kienet it-tweġiba fil-passat biex jiġu indirizzati d-differenzi u tinħoloq solidarjetà bejn l-Istati Membri kollha.

    4.6

    L-irkupru tal-Ewropa għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju tas-solidarjetà, iżda għad hemm il-ħtieġa li jiġu kkoreġuti żbalji tal-passat. L-Istati Membri b'dejn pubbliku eċċessiv għandhom jiġu megħjuna jaċċelleraw irkupru sostenibbli, iżda dan l-appoġġ għandu jgħaqqad politiki b'saħħithom ma' azzjoni bbilanċjata bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-semestru Ewropew. Dan huwa ż-żmien li naġixxu b'kuraġġ u mhux iż-żmien li nkejlu l-opportunitajiet li jinkisbu vantaġġi politiċi fil-livell nazzjonali.

    4.7

    Il-Patt Ekoloġiku jibqa’ rilevanti, u l-KESE jemmen li l-għanijiet ewlenin tiegħu huma fundamentali biex tinkiseb it-tmexxija tal-Ewropa f’ħafna aspetti tal-isfida globali.

    4.8

    F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ bi pjaċir u jappoġġja bi sħiħ il-proposti magħmula mill-Kummissjoni Ewropea: il-pjan Next Generation EU u l-baġit ġenerali tal-UE għall-2021-2027. Bħalma REACT-EU qed tkompli u testendi l-miżuri ta’ rispons għall-kriżi u l-miżuri ta’ tiswija tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu eliminati l-ostakli u l-piżijiet amministrattivi kollha possibbli, kemm fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali kif ukoll fuq dawk Ewropej, sabiex l-isforzi jkunu jistgħu jiffokaw fuq l-indirizzar tal-problemi relatati mal-epidemija

    4.9

    Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li REACT-EU ser timmobilizza l-investiment u ser tagħti prijorità lill-appoġġ finanzjarju fl-ewwel snin kruċjali ta’ rkupru billi jintużaw riżorsi addizzjonali fl-ekonomija reali. Iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi – speċjalment għaż-żgħażagħ – u l-appoġġ għall-investiment għall-SMEs huma setturi kruċjali li jeħtieġu appoġġ permezz ta’ finanzjament addizzjonali minn REACT-EU.

    4.10

    Il-prijoritajiet ta' investiment ta' wara l-COVID19 jeħtieġ li jikkunsidraw l-impatt sproporzjonat li l-pandemija kellha fuq ċerti sezzjonijiet tal-popolazzjoni, b'mod partikolari l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-migranti u r-refuġjati u l-komunità tar-Rom. L-għajnuna lil dawn il-komunitajiet biex jerġgħu jiksbu l-istabbiltà, u l-iżgurar li ma jitħallewx jaqgħu lura fl-irkupru mill-kriżi li tirriżulta, kif kien il-każ wara l-aħħar kriżi finanzjarja tal-Ewropa, se jkunu ta’ importanza kbira.

    5.   Is-Semestru Ewropew u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

    5.1

    Is-Semestru Ewropew għad irid jiffaċċja ħafna sfidi li – bil-kriżi attwali – saru saħansitra aktar importanti li jiġu indirizzati. Fost l-isfidi li jridu jiġu indirizzati hemm in-nuqqas ta’ sjieda tar-riformi proposti u implimentazzjoni aktar kajmana tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    5.2

    L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fis-Semestru Ewropew huwa għalhekk fundamentali, peress li s-sjieda konġunta tar-riformi tal-partijiet interessati ttejjeb l-implimentazzjoni tagħhom u tgħin biex jinkisbu riżultati pożittivi.

    5.3

    F’dan il-kuntest, il-proċess tas-Semestru Ewropew sejjer jikseb rwol dejjem aktar importanti fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-interventi stabbiliti fil-qafas ta’ “Next Generation EU” u, f’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jitqiesu li għandhom rwol importanti f’dan il-proċess.

    5.4

    L-imsieħba tas-soċjetà ċivili, l-atturi u l-assoċjazzjonijiet lokali, flimkien mal-Parlament Ewropew, għandhom ikunu involuti fid-deċiżjonijiet kollha dwar l-infiq fir-rigward tal-fondi ta’ rkupru, kif ukoll fil-verifika ex-post li l-flus intnefqu tajjeb fl-interessi taċ-ċittadini Ewropej. L-involviment obbligatorju huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-fondi jilħqu proġetti li jerġgħu jġibu l-ekonomija Ewropea fuq saqajha u jgħinuha tirkupra.

    6.   Strumenti effettivi tal-politika ta’ koeżjoni

    6.1

    Il-politika ta’ koeżjoni hija politika ta’ investiment tal-UE moderna, effettiva u flessibbli. Minn naħa, din toffri tweġiba għall-isfidi fit-tul permezz tal-programmazzjoni multi-annwali tagħha. Min-naħa l-oħra, tista' tkun flessibbli ħafna f'sitwazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet bħal dik attwali kkawżata mill-COVID-19, fejn bidliet rapidi fis-sistema ta' implimentazzjoni tal-politika jfissru li l-appoġġ li jammonta għal EUR 8 biljun (bħala punt tat-tluq) se jiġi indirizzat lill-Istati Membri.

    6.1.1

    Il-politika ta’ koeżjoni għandha impatt sinifikanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-PDG fl-UE-13 huwa mistenni li jkun madwar 3 % ogħla fi tmiem il-perjodu ta' implimentazzjoni, bis-saħħa tal-intervent tal-politika ta' koeżjoni tal-2014-2020. L-impatt fuq ir-reġjuni inqas żviluppati tal-UE huwa konsiderevoli wkoll. Pereżempju, sa tmiem il-perjodu ta’ programmar, il-PDG f’xi wħud mir-reġjuni anqas żviluppati tal-Ungerija huwa mistenni li jkun aktar minn 8 % ogħla milli kieku jkun mingħajr il-politika ta’ koeżjoni.

    6.1.2

    Diġà fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-fondi tal-UE kellhom rwol ta' stabbilizzazzjoni biex jiżguraw livell ogħla ta' investiment pubbliku f'ħafna oqsma ta' politika, minn proġetti kbar ta' infrastruttura sal-finanzjament tal-SMEs u t-taħriġ tal-ħaddiema u tal-persuni qiegħda.

    6.1.3

    Fl-2021-2027, il-politika ta’ koeżjoni se tkompli l-appoġġ tagħha għar-reġjuni kollha fl-Istati Membri kollha, billi tiffinanzja firxa wiesgħa ta’ investimenti li se jgħinu lir-reġjuni tal-UE jindirizzaw b’mod effettiv it-tranżizzjonijiet doppji tat-tibdil teknoloġiku u l-objettivi tal-klima, inkluż permezz ta’ inizjattivi ġodda fjamanti bħall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

    6.2

    Il-proposta għal politika ta’ koeżjoni futura hija bbażata fuq tliet prinċipji ewlenin:

    6.2.1

    Politika għar-reġjuni kollha: Tliet kwarti tal-investiment tal-politika ta’ koeżjoni jiffoka fuq ir-reġjuni l-inqas żviluppati, iżda għad hemm dispożizzjonijiet għal reġjuni fi tranżizzjoni industrijali kif ukoll għar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni transkonfinali ssaħħet u r-rwol tal-bliet, taż-żoni metropolitani u tal-inizjattivi lokali ssaħħaħ, bi prijorità ġdida ddedikata biex l-“Ewropa titqarreb lejn iċ-ċittadini”. Minkejja t-tnaqqis ġenerali fil-baġit tal-UE, ir-riżorsi għandhom ikomplu jiffokaw fuq l-ifqar Stati Membri u reġjuni. Fil-proposta tal-Kummissjoni, din l-enfasi hija aktar qawwija milli fil-perjodu attwali u l-ifqar Stati Membri għadhom jirċievu ħafna aktar minn dawk żviluppati. L-appoġġ imur fejn huwa l-aktar meħtieġ – 62 % tar-riżorsi għall-mira tal-impjiegi u tat-tkabbir ġew allokati għar-reġjuni inqas żviluppati (fl-2014-2020 dan is-sehem kien ta’ 52 %). Minkejja r-restrizzjonijiet baġitarji, kien possibbli li jiġu żgurati allokazzjonijiet miżjuda f'termini reali għar-reġjuni inqas żviluppati (+8 %) u dawk fi tranżizzjoni (+17 %), meta mkejla mal-prezzijiet tal-2018. Din hija l-essenza tal-politika ta' koeżjoni: li l-prinċipju ta' solidarjetà jitqiegħed fil-prattika.

    6.2.2

    Politika aktar moderna: Tliet kwarti tal-investiment huwa maħsub għat-tħejjija tar-reġjuni għat-tranżizzjonijiet doppji għal ekonomija diġitali, moderna u ekonomija ċirkolari newtrali mil-lat tal-klima – l-isfidi ewlenin li s-soċjetà tagħna se tiffaċċja fid-deċennju li ġej. Din l-attenzjoni meħtieġa tingħata permezz ta’ diversi miżuri biex tittejjeb il-kwalità u jitjieb l-impatt tal-investiment: pereżempju, l-istabbiliment ta’ “kundizzjonijiet abilitanti” mfassla apposta għall-investiment, li jiżguraw li l-prekundizzjonijiet għas-suċċess ikunu fis-seħħ.

    6.2.3

    Politika aktar sempliċi u dinamika: ġew proposti 80 simplifikazzjoni amministrattiva, armonizzazzjoni tar-regoli dwar kollox mill-istabbiliment ta’ programmi għall-proċeduri ta’ awditjar u ta’ rimborż, li jiżguraw regoli ċari u sempliċi għal seba’ fondi tal-UE implimentati b’ġestjoni kondiviża f’ġabra unika ta’ regoli. Din il-ġabra unika ta’ regoli se tiffaċilita l-ħajja kemm għall-maniġers tal-programmi kif ukoll għall-benefiċjarji u se tiffaċilita s-sinerġiji fost is-seba’ fondi kif ukoll ma’ strumenti oħra fis-sett ta’ għodod tal-baġit tal-UE bħall-Politika Agrikola Komuni, il-programm ta’ innovazzjoni Orizzont Ewropa, l-istrument tal-UE għall-mobilità għat-tagħlim (Erasmus+) u LIFE, il-programm għall-ambjent u l-azzjoni klimatika.

    6.3

    Flimkien mat-tkomplija tal-bini tal-kapaċità amministrattiva, dan kollu se jippermetti bidu aktar mgħaġġel u aħjar għall-programmi l-ġodda.

    6.4

    Fil-qosor, il-politika l-ġdida ta’ koeżjoni se tkun aktar immirata u se ġġib aktar valur miżjud tal-UE, għalhekk mhijiex biss kwistjoni ta’ daqs, iżda wkoll ta’ riżultati.

    6.5

    Fl-istess ħin, se jkun meħtieġ aktar sforz mill-awtoritajiet lokali f'termini ta' sjieda akbar meta jiġu implimentati proġetti ffinanzjati mill-UE. Dan ifisser li l-livell tal-kofinanzjament nazzjonali jerġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Ir-rata ta’ kofinanzjament li qed tonqos tista’ titqies bħala kawża potenzjali għal tensjoni fil-baġits pubbliċi, iżda għandha titqies ukoll bħala opportunità għal proġetti aħjar u sens aktar qawwi ta’ sjieda u responsabbiltà. L-istess jgħodd għall-fokus tematiku msaħħaħ diġà msemmi fuq il-miri ewlenin tal-politika, li jikkorrispondi għall-prijoritajiet u għall-isfidi Ewropej bħal Ewropa intelliġenti u ekoloġika.

    6.6

    Kundizzjoni importanti biex dan ta’ hawn fuq ikun applikat, hija li l-Ewropa tindirizza n-nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva dwar il-politika ta’ koeżjoni li ta’ spiss twassal għal proġetti ffinanzjati taħt dik il-politika. Filwaqt li jirrikonoxxi d-diversi linji gwida ta’ komunikazzjoni fis-seħħ mill-Kummissjoni, għall-KESE huwa ċar li dan mhuwiex biżżejjed. Ta’ spiss ikun il-każ li jkun hemm ftit jew l-ebda għarfien dwar il-fatt li ċerti proġetti jkunu saru u/jew li saħansitra l-UE fil-fatt tipprovdi fondi għalihom. Dan jirriżulta fi ftit jew fl-ebda apprezzament tal-politika ta’ koeżjoni.

    6.7

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tirrevedi l-obbligi ta’ pubbliċità attwali u li taġġornahom b’mod sinifikanti billi tqis il-mezzi moderni ta’ kanali ta’ komunikazzjoni diġitali inkorporati bis-sħiħ fl-aġenda diġitali. Għandu jsir użu aktar qawwi ta’ proġetti tal-aħjar prattika biex iservu bħala eżempji prattiċi biex jitħeġġeġ użu aktar importanti u aħjar tal-fondi.

    6.8

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan strateġiku ta’ komunikazzjoni f’kooperazzjoni mal-imsieħba kollha kkonċernati, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, atturi lokali u l-pubbliku. Issa huwa aktar neċessarju minn qatt qabel li l-Istati Membri u l-benefiċjarji jiżguraw li jkun hemm komunikazzjoni aktar effettiva dwar, u aċċess aktar faċli għall-aħjar prattika.

    Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    Top