This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020AE1412
Opinion of the European Economic and Social Committee on (a) ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Long term action plan for better implementation and enforcement of single market rules’ (COM(2020) 94 final) — (b) ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Identifying and addressing barriers to the Single Market’ (COM(2020) 93 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku” (COM(2020) 94 final) u (b) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku” (COM(2020) 93 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku” (COM(2020) 94 final) u (b) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku” (COM(2020) 93 final)
EESC 2020/01412
ĠU C 364, 28.10.2020, p. 116–123
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 364/116 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku”
(COM(2020) 94 final)
u (b) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku”
(COM(2020) 93 final)
(2020/C 364/16)
Relatur: |
Gerardo LARGHI |
Korelatur: |
Gonçalo LOBO XAVIER |
Konsultazzjoni |
|
||||
Bażi legali |
(a) u (b) Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
||||
Sezzjoni kompetenti |
Is-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
||||
Adottata fis-sezzjoni |
25.6.2020 |
||||
Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
16.7.2020 |
||||
Sessjoni plenarja Nru |
553 |
||||
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
212/2/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (1) tal-Kummissjoni. |
1.2. |
Il-KESE lest jappoġġja u japprova l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (2). |
1.3. |
Il-KESE jemmen li għal wisq żmien, l-applikazzjoni insuffiċjenti jew inadegwata tar-regoli tal-UE kienet il-punt debboli tad-dritt tal-Unjoni, u li għalhekk ħafna każijiet ta’ frodi u mġiba illegali ma ġewx indirizzat. L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija essenzjali sabiex tinbena l-fiduċja tan-negozji u tal-konsumaturi u biex jiġi żgurat li s-suq uniku joffri l-potenzjal sħiħ tiegħu lin-negozji, lill-impjegati u lill-konsumaturi. |
1.4. |
Il-KESE jemmen li biex tkun effettiva, strateġija ta’ implimentazzjoni trid: 1) tkun ibbażata fuq sħubija b’saħħitha li tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha; 2) tippermetti kooperazzjoni akbar fil-livell Ewropew bejn in-networks ta’ infurzar eżistenti sabiex tiżgura li jiġu indirizzati l-problemi li jaffettwaw diversi setturi fl-istess ħin; 3) tiżviluppa strateġiji u mezzi sabiex jindirizzaw ksur wiesa’ fl-UE, fejn tkun tista’ tittieħed azzjoni unika, effettiva u trasparenti ta’ infurzar biex jiġu protetti l-partijiet interessati kollha u jiġi żgurat infurzar transnazzjonali tal-liġi; 4) tuża l-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda. |
1.5. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-pjan ta’ azzjoni tinkludi rwol definit ċar għall-atturi tas-soċjetà ċivili, l-imprendituri, il-ħaddiema, u l-konsumaturi. |
1.6. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea tal-Kummissjoni Ewropea li tittrasforma s-SOLVIT f’għodda awtomatika effettiva għall-ostakli mhux ġustifikati fis-suq uniku, iżda huwa importanti li s-SOLVIT ikun attrezzat bi proċedura aktar strutturata biex każijiet importanti jiġu riferuti lill-Kummissjoni u jaħdem fis-setturi u l-oqsma kollha tal-politika. |
1.7. |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva ffukata biex jittejbu l-valutazzjonijiet ex ante tar-regolamentazzjoni restrittiva fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità (3). L-involviment tal-partijiet interessati waqt “l-ittestjar tal-proporzjonalità” għandu jkun in-norma aktar milli l-eċċezzjoni. |
1.8. |
Il-Gateway Diġitali Unika huwa mod wieħed kif jiġu akkomodati b’mod diġitali l-ħtiġijiet tan-negozji u l-konsumaturi għal informazzjoni online. Il-punti uniċi ta’ kuntatt ser jiġu integrati malajr fil-Gateway Diġitali Unika, biex b’hekk il-kumpaniji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jirreferu għal post wieħed biss għall-assistenza u l-informazzjoni. |
1.9. |
Il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-proposta dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi l-proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma’ servizzi (4). |
1.10. |
Il-Kumitat jenfasizza li l-kriżi marbuta mat-tixrid tal-COVID-19 tinvolvi riskji serji għas-suq uniku, jiġifieri li d-differenzi bejn il-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, garanziji soċjali u livelli ta’ prosperità jistgħu jiżdiedu wara li tintemm il-pandemija. |
1.11. |
Il-Kumitat jinnota li minkejja l-kisbiet reali tas-suq uniku, in-negozji u l-konsumaturi għadhom jirrappurtaw li għad fadal wisq ostakli. |
1.12. |
Il-KESE jaqbel mal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, li jgħid li “biex jingħelbu l-ostakli eżistenti tas-suq uniku, se jkun essenzjali li jkun hemm sħubija reali bejn l-atturi differenti responsabbli għall-implimentazzjoni u għall-infurzar fil-livell Ewropew u f’dak tal-Istati Membri”. |
1.13. |
Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-Istrateġija l-ġdida għall-Infurzar tas-Suq Uniku biex tibni qafas kollaborattiv b’saħħtu li jinkludi lill-partijiet interessati kollha attivi fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fost affarijiet oħra, l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu involuti b’mod sħiħ fil-ħidma tat-Task Force mħabbra għall-Infurzar fis-Suq Uniku, li għandha sservi bħala forum biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ infurzar orizzontali. |
1.14. |
Il-KESE jemmen li l-infurzar huwa essenzjalment problema orizzontali u għalhekk m’għandux jiġi indirizzat b’mod kompartimentalizzat. Huwa essenzjali li jiġi organizzat u ssemplifikat aħjar il-fluss tax-xogħol bejn in-networks differenti tal-infurzar u li jiġi ffaċilitat l-iskambju tagħhom ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba. |
1.15. |
Ir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi għen biex jinbena pont bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi permezz ta’ rikonoxximent aħjar tal-kooperazzjoni tagħhom. Madankollu, filwaqt li huwa pożittiv, dan il-qafas għadu inkomplet u jirrikjedi aktar titjib, pereżempju fil-ħeffa tar-rispons għat-twissijiet miċ-ċittadini. |
1.16. |
Il-KESE jemmen li d-data u l-intelliġenza artifiċjali jistgħu jintużaw biex jgħinu fil-monitoraġġ tas-swieq. Għalhekk huwa jqis li dawn l-għodod diġitali għandhom jiġu żviluppati fil-livell tal-UE u jiġu kondiviżi mill-partijiet interessati kollha. |
1.17. |
L-awtoritajiet tal-infurzar illum qegħdin jiffaċċjaw proliferazzjoni ta’ prattiki diżonesti fis-suq uniku, filwaqt li l-ħidma tagħhom ta’ spiss hija soġġetta għal limitazzjonijiet baġitarji stretti. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jitlob użu aħjar tar-riżorsi skarsi, koordinazzjoni aħjar bejn in-networks eżistenti, l-iżvilupp ta’ sinerġiji ġodda bejn l-atturi kollha, u għodod ġodda bbażati fuq teknoloġiji ġodda li jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni. |
2. Rigward il-Komunikazzjoni — Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM (2020) 94 final) — INT/899
2.1. L-isfidi għas-suq uniku
2.1.1. |
Is-suq uniku huwa fil-qalba tal-proġett Ewropew u għamel il-ħajja tal-konsumaturi u tan-negozji Ewropej aktar faċli. Suq uniku effiċjenti għandu jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn għażla aktar wiesgħa ta’ servizzi u prodotti u minn opportunitajiet aħjar ta’ impjieg. Is-suq uniku għandu jistimula l-kummerċ u l-kompetizzjoni u huwa fundamentali biex jinkisbu t-trasformazzjonijiet ekoloġiċi, industrijali u diġitali tal-UE. |
2.1.2. |
Sabiex jinkiseb dan, l-Ewropa jeħtieġ li tistabbilixxi prijoritajiet ibbażati fuq kriterji u tipproċedi fuq il-bażi ta’ kriterji stabbiliti sewwa lejn gwida politika ċara, li tagħti prijorità assoluta lin-nies. |
2.1.3. |
Biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tar-regoli tas-suq uniku, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tħabbar l-istabbiliment ta’ Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET), li r-rwol tagħha huwa li tivvaluta l-istat ta’ konformità tal-liġi nazzjonali mar-regoli tas-suq uniku, billi tagħti prijorità lill-ostakli l-aktar urġenti, tindirizza r-regolamentazzjoni eċċessiva, tiddiskuti kwistjonijiet ta’ infurzar orizzontali, u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni propost. F’dan ir-rigward, is-SMET għandha tistabbilixxi kriterji ċari biex jiġi deċiż liema huma l-aktar ostakli urġenti skont il-valur ekonomiku tagħhom. |
2.1.4. |
Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tuża mekkaniżmi ta’ prevenzjoni biex: tevita ostakli ġodda għall-forniment ta’ servizzi fis-suq uniku; ittejjeb il-kapaċità ta’ sejbien ta’ nuqqas ta’ konformità; tistabbilixxi pjattaforma għall-infurzar onlajn (laboratorju ta’ infurzar elettroniku) biex taqsam informazzjoni dwar prodotti industrijali u tal-konsumatur illegali u mhux konformi; tistabbilixxi punt ta’ dħul ta’ informazzjoni uniku Ewropew għall-awtoritajiet għall-kontrolli fuq prodotti mhux alimentari u t-Tieqa Unika Doganali li jmiss; tiżgura li s-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) issir l-istrument prestabbilit; toħloq għodda li tippermetti lill-individwi u lin-negozji jirrappurtaw b’mod anonimu dwar l-ostakli regolatorji li jiltaqgħu magħhom fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom tas-suq intern; ittejjeb l-infurzar fir-rigward tal-leġislazzjoni agroalimentari tal-UE (inkluża s-saħħa tal-annimali u tal-pjanti); tivvaluta l-integrazzjoni tal-istrutturi eżistenti (bħan-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, in-Network tal-UE għall-Konformità tal-Prodotti jew l-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) u laboratorju ffinanzjat taħt il-Programm għas-Suq Uniku jew il-Programm Ewropa Diġitali biex jittestja u japplika soluzzjonijiet avvanzati tal-IT; issaħħaħ il-ġlieda kontra l-prodotti foloz u illegali, inklużi l-prodotti illeċiti magħmula jew assemblati fl-UE minn komponenti impurtati, u testendi l-mandat attwali tal-OLAF; issaħħaħ l-infurzar fil-katina agroalimentari; tiżviluppa sistemi ta’ tikkettar u traċċabilità billi tippromovi l-użu ta’ għodod diġitali biex tippermetti kontrolli aktar immirati fil-fruntieri esterni u fl-UE; tagħmel SOLVIT l-għodda prestabbilita għas-soluzzjoni tat-tilwim tas-suq uniku; tissemplifika l-proċess għall-immaniġġar tal-każijiet, twettaq rieżami preliminari tal-ilmenti fi żmien xahrejn sabiex jiġu stabbiliti l-passi li jmiss; u tuża s-sistema tal-EU Pilot skont kundizzjonijiet u skedi ta’ żmien ċari għall-każijiet fejn tkun tidher li tista’ tintlaħaq soluzzjoni rapida fi żmien qasir. |
2.2. Kummenti ġenerali
2.2.1. |
Il-KESE jqis li t-tlestija u l-infurzar effettiv tas-suq uniku huma tal-akbar importanza, billi huwa mezz biex jintlaħqu l-objettivi politiċi mnaqqxa fid-dokumenti fundaturi tal-Unjoni Ewropea, pjuttost milli tmiem fih innifsu. |
2.2.2. |
L-ostakli prinċipali identifikati fil-Komunikazzjoni huma: l-għażliet regolatorji fil-livell nazzjonali u tal-UE; it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni; il-kapaċità u l-prattika amministrattiva fl-Istati Membri; l-ambjent ġenerali tan-negozju u tal-konsumatur; u kawżi sottostanti mhux relatati mal-ordni pubbliku, bħal-lingwa jew il-kultura. |
2.2.3. |
Is-SOLVIT isir l-għodda awtomatika: il-KESE jappoġġja l-għan li jiġi żgurat li l-proċeduri tas-SOLVIT isiru l-għodda awtomatika għal ostakli mhux ġustifikati fis-suq uniku. Madankollu, għandha biss id-djalogu u s-setgħa ta’ perswazjoni għad-dispożizzjoni tagħha; barra minn hekk ma tistax tintuża b’mod parallel mal-litigazzjonijiet. Is-sistema tas-SOLVIT teħtieġ proċedura aktar strutturata biex tirreferi każijiet importanti lill-Kummissjoni. Fl-istess ħin, huwa importanti li s-SOLVIT taħdem fis-setturi u l-oqsma ta’ politika kollha. |
2.2.4. |
Tintlaqa’ tajjeb il-miżura biex jittejbu l-valutazzjonijiet ex ante tar-regolamentazzjoni restrittiva fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità (5). Madankollu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza strutturata u toħroġ gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet ex ante tal-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni nazzjonali l-ġdida tal-professjonijiet skont id-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità. Barra minn hekk, l-involviment tal-partijiet interessati waqt “l-ittestjar tal-proporzjonalità” għandu jkun in-norma aktar milli l-eċċezzjoni. |
2.2.5. |
Il-ksib tal-informazzjoni u l-proċeduri amministrattivi: il-Gateway Diġitali Unika hija mod kif b’mod diġitali jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tan-negozji u tal-konsumaturi għal informazzjoni online, iżda skont il-leġislazzjoni eżistenti tas-suq uniku, l-Istati Membri jridu jinfurmaw ukoll lill-kumpaniji permezz ta’ punti uniċi ta’ kuntatt. Diversi biċċiet tal-leġislazzjoni tal-UE jipprevedu ċ-ċentralizzazzjoni tal-punti uniċi ta’ kuntatt. Dawn ser jiġu integrati malajr fil-Gateway Diġitali Unika, biex b’hekk il-kumpaniji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jirreferu għal post wieħed biss għall-assistenza u l-informazzjoni. In-negozji għandhom jirċievu biss tweġiba waħda u kkoordinata. |
2.2.6. |
L-UE attwalment qed tiġi mheżża kemm minn fatturi esterni bħall-pandemija li għaddejja bħalissa, li kkawżat bosta mwiet u żergħet il-paniku, u xeħtet lill-ekonomija kollha tal-UE f’reċessjoni, kif ukoll minn fatturi interni bħan-nuqqas ta’ dik iż-żieda fis-solidarjetà li wasslet għat-twelid tal-Unjoni. Għalhekk qegħdin nistaqsu lilna nfusna x’inhu meħtieġ biex jiġi stabbilit suq uniku li ma jkunx biss eżerċizzju tekniku u leġislattiv, b’kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-mudell sħiħ tal-proġett Ewropew. Huwa assolutament raġonevoli li nistaqsu jekk Ewropa magħquda — kif xi wħud immaġinaw, bosta tħabtu biex jibnu u oħrajn impenjaw ruħhom biex jeqirdu biċċa biċċa, tal-anqas mir-rifjut tal-kostituzzjoni tal-UE — hix se tkun għadha teżisti fl-2050 u lil hinn bħala mudell ta’ libertà, xempju ta’ kultura, promotur tal-paċi, tappoġġja r-rieda tajba bejn il-popli u tiddefendi l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa f’dinja mingħajr diskriminazzjoni jew ostakli. |
2.2.7. |
Dan ta’ hawn fuq huwa aktar minnu f’dan iż-żmien partikolarment diffiċli, meta l-Ewropa qed tiġi ffaċċjata minn kriżi fit-tul li hija sistemika pjuttost milli sempliċement ikkawżata mill-istat attwali tal-ekonomija: din mhijiex biss kriżi ekonomika u finanzjarja, iżda wkoll kriżi tal-valuri soċjali u kulturali. Għadd tajjeb ta’ ċittadini jemmnu li l-unika soluzzjoni kredibbli hija li jitwarrab l-approċċ purament monetarju u ekonomiku favur Unjoni ġenwinament politika. |
2.2.8. |
Il-KESE jemmen li l-kriżi tal-COVID-19, li affettwat lill-pajjiżi Ewropej kollha, tappella biex terġa’ tiġi kkunsidrata s-sistema kollha, mhux biss f’sens organizzattiv iżda wkoll sabiex jiġu ġġenerati ideat ġodda u jitfasslu mudelli ġodda ta’ negozju. |
2.2.9. |
Is-sistemi tal-protezzjoni ċivili ma ħadmux f’kull pajjiż biex jindirizzaw il-kriżi. Għall-kuntrarju, f’ħafna postijiet dawk is-sistemi fallew: la l-gvernijiet ċentrali, la l-muniċipalitajiet u lanqas iċ-ċittadini ma wrew li kienu lesti għal emerġenza, u r-risposti ħafna drabi kienu bil-mod u jiswew il-flus, u xi drabi jħawdu ’l dak li jkun. |
2.2.10. |
Deher ċar li f’xi oqsma l-Ewropa tiddependi minn pajjiżi terzi, sitwazzjoni li tirrikjedi kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti pedamenti tal-Unjoni Ewropea, li trid turi kapaċità li tirreaġixxi u tirriorganizza lilha nnifisha. L-akkwist muniċipali, reġjonali u mill-Istat, u l-appoġġ għall-fornituri lokali, se jirrikjedu attenzjoni partikolari: l-akkwist pubbliku jrid isir garanzija tas-sigurtà ekonomika. |
2.2.11. |
L-istandardizzazzjoni mmexxija mis-suq għandha rwol importanti taħt l-“approċċ il-ġdid”, applikat mhux biss għall-prodotti iżda wkoll għas-servizzi. |
2.2.12. |
Għandu jkun hemm valutazzjoni preċiża tal-ħtieġa għall-miżuri li għandhom jiġu adottati, u tal-effiċjenza u l-impatt tagħhom, sabiex fir-regolamentazzjoni tas-servizzi, dawk rilevanti għas-suq uniku jiġu distinti minn servizzi oħra. |
2.2.13. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-miżuri kollha maħsuba biex jippromovu l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni fis-suq uniku. Oqsma bħall-prodotti u s-servizzi, l-akkwist pubbliku, is-sorveljanza tas-suq, id-dritt tal-kumpaniji, id-dritt kuntrattwali u ekstrakuntrattwali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-moviment liberu tal-kapital, is-servizzi finanzjarji, il-kompetizzjoni u l-iżvilupp ta’ għodod għall-governanza, kollha jirrikjedu b’mod urġenti l-istabbiliment ta’ suq uniku li jħares id-drittijiet tal-individwi, il-produtturi, il-ħaddiema u l-konsumaturi, mingħajr ma jimmina l-attività ekonomika bbilanċjata. |
2.2.14. |
Il-KESE jitlob li suq uniku ġust iqis il-ħtieġa li jiġu rrispettati r-regoli tax-xogħol, tal-konsumatur u dawk ambjentali, f’konformità mal-Istrateġija Industrijali għall-Ewropa, li għadha kemm ġiet proposta (6) kif ukoll mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari stabbiliti fil-programm tal-Kummissjoni. Il-KESE diġà approva b’mod sħiħ dawn il-prinċipji u jqis li l-Ewropa għandha tassumi t-tmexxija f’dan il-qasam. |
2.2.15. |
Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li titwaqqaf Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku, magħmula mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’konformità mal-proposti u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-KESE f’għadd ta’ okkażjonijiet (7). |
2.2.16. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi miġġieled kull każ waħdieni ta’ regolamentazzjoni eċċessiva u infurzar skorrett tar-regoli, li ħafna drabi mminaw il-funzjonament xieraq tas-suq. Il-KESE jitlob bil-qawwa li jiġi rappreżentat f’dan it-task force, tal-anqas bħala osservatur. |
2.2.17. |
Kif diġà ntqal f’bosta mill-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (8), il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tidentifika r-riskji u d-dewmien fit-tlestija tas-suq uniku marbuta mal-frammentazzjoni tas-suq, id-diskrepanzi fir-regoli infurzabbli, l-inċertezza rigward il-kunfidenzjalità tad-data, l-użu mingħajr skrupli u mhux dejjem kontrollabbli tan-networks tal-IT, u l-fatt li s-servizzi illegali huma disponibbli onlajn, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ infurzar permezz ta’ tassazzjoni u penali mill-partijiet rilevanti tal-Kummissjoni. Il-KESE jirrakkomanda li d-DĠ tal-Kummissjoni jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet abbażi ta’ approċċ trasversali. |
2.2.18. |
Il-KESE jiddispjaċih li l-liġijiet tal-UE għadhom mhumiex qed jiġu infurzati b’mod effettiv. Iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġ li jkollhom id-dritt għal azzjoni kollettiva sinifikanti fil-livell Ewropew, li għandha tiġi introdotta b’mod ċar u fil-pront; dan jgħin bil-bosta biex tiġi garantita, bħala l-aħħar soluzzjoni, ir-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli Ewropej u b’hekk jikkontribwixxi għall-konformità volontarja ma’ dawk ir-regoli (9). |
2.2.19. |
Il-KESE jenfasizza li ħafna drabi l-Istati Membri nnifishom kisru r-regoli maqbula tas-suq uniku jew ħolqu u ttolleraw ostakli fil-liġi nazzjonali, bil-għan li joħolqu protezzjoni addizzjonali fis-suq tagħhom u jiksbu vantaġġi għan-negozji nazzjonali. Il-kisbiet ħafna drabi jkunu għal żmien qasir ħafna, iżda dan jagħmel ħsara lill-SMEs u lin-negozji ġodda, flimkien mal-individwi u l-konsumaturi li jitpoġġew f’riskju minn prodotti mhux konformi jew ikollhom inqas għażla. |
2.2.20. |
Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-proposta għal Direttiva dwar in-notifika ta’ regoli nazzjonali skont id-Direttiva dwar is-Servizzi (10). Madankollu, il-ftehim ma għandux idgħajjef id-Direttiva eżistenti dwar is-Servizzi permezz ta’ eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ notifika fir-rigward tar-restrizzjonijiet territorjali (inkluż l-ippjanar spazjali urban) jew billi lill-Kummissjoni jitneħħewlha s-setgħat attwali tagħha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. |
2.3. Kummenti speċifiċi
2.3.1. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tas-suq uniku jfisser li l-UE hija kapaċi toħloq sistema kummerċjali multilaterali, miftuħa, mhux diskriminatorja u bbażata fuq ir-regoli. In-negozji ta’ pajjiżi terzi jridu jikkonformaw mar-regoli tal-UE biex jiksbu aċċess għas-suq uniku, inklużi f’oqsma bħalma huma s-saħħa, l-ambjent, is-sigurtà tal-ikel u tal-prodotti, u l-protezzjoni tal-konsumatur. |
2.3.2. |
Il-KESE japprova d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħaqqad flimkien għodod li diġà huma fis-seħħ sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ suq uniku permezz ta’ għodod ġodda (bħal punt ta’ informazzjoni ċentrali li l-impjegati taċ-ċivil fl-Istati Membri jistgħu jirreferu għalih jekk ikollhom mistoqsijiet prattiċi, pjattaformi għall-iskambji mal-Istati Membri bħal dik użata għad-Direttivi dwar l-Akkwisti Pubbliċi, u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni dwar ir-regoli u r-rekwiżiti għall-utenti permezz tal-Gateway Diġitali Unika). |
2.3.3. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżid gwida dwar il-prinċipji li ġejjin:
|
2.3.4. |
Il-KESE jaqbel mad-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni fuq l-akkwist pubbliku. L-amministraturi u l-benefiċjarji tal-fondi tal-UE jridu jiġu megħjuna jtejbu l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-akkwisti pubbliċi, sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u jużaw l-akkwist bħala għodda strateġika biex jiġu segwiti objettivi ta’ politika ewlenin, bħall-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari. |
3. Rigward il-Komunikazzjoni L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (COM (2020) 93 final) — INT/908
3.1. L-ostakli għas-suq uniku
3.1.1. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġu identifikati u mneħħija l-ostakli għas-suq uniku tiffoka fuq it-13-il ostaklu prinċipali, li juri li dawn mhumiex biss regolatorji jew amministrattivi, iżda wkoll prattiċi. In-negozji u l-konsumaturi li joperaw fl-UE ħafna drabi jiffaċċjaw diversi limitazzjonijiet fl-istess ħin. Dan jirrigwarda b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), il-professjonisti u l-konsumaturi. |
3.1.2. |
Sabiex tipproponi soluzzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, il-Komunikazzjoni tidentifika ħames kawżi ewlenin: l-għażliet regolatorji fil-livell nazzjonali u tal-UE; it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni; il-kapaċità u l-prattiki amministrattivi fl-Istati Membri; l-ambjent ġenerali tan-negozju u tal-konsumatur; u kawżi prinċipali mhux relatati mal-ordni pubbliku, bħal-lingwa u l-kultura. |
3.1.3. |
Xi drabi jidher li l-Istati Membri jiksru r-regoli maqbula tas-suq uniku jew joħolqu u jittolleraw ostakli fil-liġi nazzjonali, bil-għan li joħolqu protezzjoni addizzjonali fis-suq tagħhom u jiksbu vantaġġi għan-negozji nazzjonali. |
3.2. Kummenti ġenerali
3.2.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tidentifika l-ostakli ewlenin li fadal għal suq uniku reali. Dawn l-ostakli mhumiex biss regolatorji jew amministrattivi, iżda wkoll prattiċi, li jfisser li n-negozji u l-konsumaturi li joperaw fl-UE ħafna drabi jiffaċċjaw diversi limitazzjonijiet fl-istess ħin. Dan għandu impatt negattiv b’mod partikolari fuq l-SMEs u l-professjonisti liberi. |
3.2.2. |
Il-KESE jemmen li strateġija ta’ implimentazzjoni effettiva trid: 1) tkun ibbażata fuq sħubija b’saħħitha li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha; 2) tippermetti kooperazzjoni akbar fil-livell Ewropew bejn in-networks ta’ infurzar eżistenti sabiex tiżgura li l-ksur jiġi individwat u problemi kumplessi li jaffettwaw diversi setturi fl-istess ħin jiġu indirizzati; 3) tiżviluppa strateġiji u mezzi sabiex jindirizzaw b’mod effiċjenti ksur fuq skala kbira tar-regoli tal-UE, fejn tkun tista’ tittieħed azzjoni unika ta’ infurzar biex jiġu protetti l-partijiet interessati kollha u jiġi żgurat infurzar transnazzjonali tal-liġi; 4) tuża l-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda sabiex tippromovi azzjonijiet ta’ infurzar aktar effiċjenti u sorveljanza aktar mill-qrib tas-suq. |
3.2.3. |
Il-KESE jemmen li għal wisq żmien l-applikazzjoni insuffiċjenti jew inadegwata tar-regoli tal-UE kienet il-punt debboli tad-dritt tal-Unjoni u dan kien ifisser li ħafna każijiet ta’ frodi u prattiki illegali ma ġewx indirizzati. L-infurzar b’saħħtu tad-dritt tal-Unjoni huwa essenzjali sabiex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur u sabiex jiġi żgurat li n-negozji, l-impjegati u l-konsumaturi jużaw il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku. |
3.2.4. |
Id-dannu kkawżat lis-suq uniku mill-kriżi tal-COVID-19 se jamplifika d-dannu kkawżat mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Dan jista’ jfisser li meta l-pandemija tintemm, id-differenzi bejn il-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, garanziji soċjali u livelli ta’ prosperità se jiżdiedu, b’konsegwenzi għas-suq uniku u l-iżvilupp tiegħu. |
3.2.5. |
Il-KESE jemmen li s-sitwazzjoni attwali tista’ twassal biex is-suq uniku jiġi ridott għal sempliċi żona ta’ kummerċ ħieles – mhux ir-riżultat naturali ta’ proġett politiku sovranazzjonali iżda sempliċement l-inqas denominatur komuni tal-interessi nazzjonali tal-pajjiżi. |
3.2.6. |
Il-KESE għalhekk jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati biex jinformaw b’mod ċar liċ-ċittadini Ewropej dwar il-limitazzjonijiet tas-suq uniku sabiex ikollhom idea realistika ta’ x’jistgħu fil-fatt jistennew mit-twettiq u l-infurzar tiegħu. Dan jagħmilha importanti li ma jiġux imposti la miżuri li jistgħu jkunu superfluwi u mhux ġustifikati u li fir-realtà joħolqu biss ostakli għall-operat tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs (11), inklużi l-professjonijiet liberi, u lanqas armonizzazzjoni sħiħa, li mhijiex difensibbli minħabba li prinċipji oħra jridu jieħdu l-preċedenza, pereżempju d-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-konsumatur. Is-suq uniku jrid jirrifletti l-prinċipju tas-saħħa fid-diversità, li għandu jkun fundamentali fil-politika Ewropea flimkien mal-armonizzazzjoni. |
3.2.7. |
L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti taħt l-“approċċ il-ġdid”, applikat mhux biss għall-prodotti iżda wkoll għas-servizzi. |
3.2.8. |
Pjan fit-tul bħal dak imfassal mill-Kummissjoni sabiex jitneħħew l-ostakli li fadal huwa impenn ambizzjuż u ta’ min ifaħħru, iżda jrid ikun akkumpanjat minn investiment sostanzjali fi proċessi ta’ informazzjoni, twissija, tagħlim, taħriġ, integrazzjoni u standardizzazzjoni. |
3.3. Id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku
3.3.1. |
Il-KESE jitlob għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tqis id-dimensjoni soċjali tal-UE bil-għan li tippromovi l-ħolqien ta’ impjiegi effettivi u ta’ kwalità tajba, tippromovi l-mobilità transkonfinali, ittejjeb il-kapaċitajiet u l-ħiliet, u żżid l-investiment f’dawk l-SMEs li jħossu li huma partikolarment limitati mir-regoli imposti mill-UE u jibbenefikaw l-anqas mill-istatus quo. Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ l-adozzjoni tal-istrateġija tal-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali. |
3.3.2. |
Il-KESE jqis li r-regoli stabbiliti għas-suq uniku huma utli biss sakemm dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ekonomija tas-suq soċjali b’saħħitha bil-għan li jiġu prevenuti l-faqar, l-inugwaljanza, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, b’enfasi partikolari fuq l-iżgurar li ż-żgħażagħ ikollhom post fis-soċjetà. |
3.3.3. |
Hemm sentiment qawwi fost l-SMEs u l-impjegati li huma jikkostitwixxu dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżijiet ekonomiċi, l-introduzzjoni tal-euro u issa mill-pandemija serja ħafna li xeħtet lill-ekonomija Ewropea f’reċessjoni. Dan ifisser li kull miżura li tappoġġja suq uniku Ewropew trid tinvolvi komunikazzjoni aktar sempliċi, diretta u effettiva, anqas burokrazija, u regoli li jistgħu jinftiehmu minn kulħadd. |
3.3.4. |
Il-KESE jitlob ukoll biex il-miżuri futuri tal-ekonomija ekoloġika u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għas-suq uniku jinkludu regoli dwar is-settur tal-ekonomija soċjali sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u jiġi promoss l-iżvilupp ta’ dan is-settur. |
3.3.5. |
L-appoġġ għall-imprendituri żgħażagħ u għall-prodotti u s-servizzi innovattivi huwa aspett fundamentali tal-programm sabiex jitwassal is-suq uniku. Il-KESE japprova d-deċiżjoni li jiġu appoġġjati mudelli ġodda ta’ negozju, jiġifieri l-ekonomija ċirkolari, it-teknoloġiji avvanzati, soluzzjonijiet effiċjenti fir-riżorsi, b’emissjonijiet baxxi tas-CO2 u inizjattivi oħra maħsuba pereżempju biex jippromovu d-dimensjoni internazzjonali tan-negozji, jattiraw it-talent u jtejbu l-ħiliet tal-persunal. |
3.3.6. |
Il-KESE jaqbel li l-SMEs li jinvestu fi proġetti diġitali għandhom jiġu appoġġjati. Il-proġetti għandhom ikunu mfassla wkoll sabiex ikunu ta’ benefiċċju għan-negozji, il-konsumaturi, u s-soċjetà ċivili kollha kemm hi. |
3.4. Kummenti speċifiċi
3.4.1. |
Il-KESE jenfasizza d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej meta jikkompetu fi swieq globali b’oligopolji jew monopolji, li f’ċerti każijiet ikunu proprjetà tal-istat. L-eżempji jinkludu l-industrija ferrovjarja, it-trasport bl-ajru, u l-enerġija eolika, fejn il-kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa (minn pajjiżi terzi, u b’mod partikolari minn kumpaniji Ċiniżi). |
3.4.2. |
Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-ġlieda tagħha sabiex tiżgura l-konformità tal-prodott tal-pjattaformi onlajn sabiex ma jitpoġġewx fis-suq prodotti illegali u mhux siguri. Huwa jenfasizza l-importanza ta’ kull miżura waħdanija mfassla sabiex tivverifika l-konformità tal-prodotti mibjugħa fuq pjattaformi onlajn u biex tipprova u tiżgura s-sigurtà tal-prodotti fil-katina tal-provvista onlajn globali. |
3.4.3. |
Madankollu, il-KESE jixtieq jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra wkoll, bħala parti minn dan l-eżerċizzju, kwistjonijiet bħall-intelliġenza artifiċjali, il-komunikazzjonijiet kummerċjali, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar, il-garanziji legali u kuntrattwali fil-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi, u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni u l-infurzar tas-suq intern fis-settur bankarju u dak tal-assigurazzjoni. |
Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.
Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) COM(2020) 94 final.
(2) COM(2020) 93 final.
(3) ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25.
(4) COM(2016) 821 final.
(5) ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25.
(6) COM(2020) 102 final.
(7) Ara ĠU C 43, 15.2.2012, p. 14 u l-Opinjonijiet l-oħra msemmija aktar ’il fuq.
(8) Ara l-lista mehmuża.
(9) Il-KESE fassal diversi Opinjonijiet dwar din il-kwistjoni, fosthom: ĠU C 309, 16.12.2006, p. 1, ĠU C 324, 30.12.2006, p. 1, ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40 u ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97.
(10) COM(2016) 821 final.