Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE0994

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” [COM(2020) 381 final]

    EESC 2020/00994

    ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268–275 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/268


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent”

    [COM(2020) 381 final]

    (2020/C 429/34)

    Relatur:

    Peter SCHMIDT (DE-II)

    Korelatur:

    Jarmila DUBRAVSKÁ (SK-I)

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni, 17.6.2020

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    8.7.2020

    Adottata fil-plenarja

    16.9.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    554

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    208/4/7

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Komunikazzjoni dwar “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” għandha l-għan li ssaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali tas-sistemi tal-ikel. Il-kriżi tal-COVID-19 ittestjat b’suċċess is-saħħa u r-reżiljenza tas-sistema agroalimentari tal-Ewropa, u għalhekk tat prova tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel fl-UE, iżda wriet ukoll li l-ikel “mill-għalqa sal-platt” ma jistax jitqies bħala ċert. Għandha tinħataf bħala opportunità biex tingħata forma ġdida lid-dinamiċi tal-katina tal-provvista u biex ikun hemm titjib fit-tul għall-produtturi, għall-proċessuri u għall-bejjiegħa bl-imnut.

    1.2

    Skont il-KESE, politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE għandha tipprovdi: i) sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjokulturali; ii) integrazzjoni bejn is-setturi, l-oqsma ta' politika u l-livelli ta' governanza; iii) proċessi inklużivi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; u iv) taħlita ta' miżuri obbligatorji (regolamenti u taxxi) u inċentivi (premiums tal-prezzijiet, aċċess għall-kreditu, riżorsi u assigurazzjoni) maħsuba biex iħaffu t-tranżizzjoni lejn sistemi sostenibbli tal-ikel. L-istrateġija proposta ma tirriflettix biżżejjed dawk l-għanijiet.

    1.3

    Il-baġit għall-PAK ma għandux jitnaqqas jew jinżamm fil-livell attwali, iżda għandu jiżdied b’konformità ma’ dawk l-objettivi. It-tnaqqis fil-finanzjament għall-iżvilupp rurali jista' jkun detrimentali, minħabba li fih uħud mill-aktar għodod rilevanti sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni. Filwaqt li l-EUR 15-il biljun addizzjonali proposti taħt il-pakkett ta’ rkupru mill-COVID-19 huma milqugħa u meħtieġa, dawn bl-ebda mod ma jissostitwixxu l-impenji fit-tul.

    1.4

    L-approvazzjoni tal-Pjani Strateġiċi tal-PAK għandha tkun kondizzjonali fuq l-adozzjoni mill-Istati Membri ta' pjani komprensivi biex jissawwar mill-ġdid l-ambjent tal-ikel li jgħaqqdu l-inċentivi għall-produzzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli bil-ħolqien ta' swieq ġodda għal dawk il-prodotti.

    1.5

    Il-prezzijiet ġusti tal-ikel (li jirriflettu l-ispiża reali tal-produzzjoni għall-ambjent u għas-soċjetà) huma l-uniku mod kif jistgħu jinkisbu sistemi sostenibbli tal-ikel fit-tul. L-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjendi agrikoli jibqgħu ogħla mill-ispejjeż tal-produzzjoni u li d-dieti tajbin għas-saħħa jsiru aktar aċċessibbli faċilment. Sabiex jagħmlu dan, se jkun meħtieġ li jużaw il-firxa sħiħa ta' għodod ta' governanza pubblika, minn miżuri fiskali ibsin għal approċċi bbażati fuq l-informazzjoni biex l-ispejjeż veri jsiru viżibbli.

    1.6

    L-importazzjonijiet irħas spiss jimplikaw spejjeż soċjali u ambjentali għolja fil-pajjiżi terzi. Mingħajr bidliet fil-politiki kummerċjali tal-UE, l-objettivi tal-Istrateġija ma jintlaħqux. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura reċiproċità reali tal-istandards fil-ftehimiet ta’ kummerċ preferenzjali.

    1.7

    L-Istrateġija tonqos milli tindirizza l-ġestjoni sostenibbli tal-art u l-aċċess għall-art. Din hija ommissjoni kbira minħabba li tirrappreżenta wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tiġdid tal-popolazzjoni tal-biedja, li mingħajrha l-bażi tal-UE għal biedja sostenibbli u produttiva tintilef.

    1.8

    Għandha ssir valutazzjoni tal-impatt għall-modi differenti kif tinkiseb kull mira stabbilita fl-istrateġija, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni attwali f’kull Stat Membru.

    1.9

    Għandha tiġi esplorata l-għażla ta' Kunsill Ewropew għall-Politika dwar l-Ikel, kif imressqa f'opinjonijiet preċedenti tal-KESE (inkluża l-vijabbiltà finanzjarja tiegħu). Il-kunsilli għall-politika dwar l-ikel diġà jeżistu fil-livell lokali, u jlaqqgħu flimkien diversi atturi fis-sistema tal-ikel minn qasam speċifiku sabiex isolvu l-isfidi, jerġgħu jgħaqqdu l-bliet mal-produzzjoni tal-ikel fir-reġjuni tal-madwar u jiżguraw governanza effettiva tal-politiki lokali u reġjonali dwar l-ikel.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” hija komponent ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Hija għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-aġenda tal-Ewropa dwar it-tibdil fil-klima, tipproteġi l-ambjent u tippreserva l-bijodiversità, tiżgura l-pożizzjoni tal-bdiewa u tas-sajjieda fil-katina tal-valur, tinkoraġġixxi l-konsum sostenibbli tal-ikel u tippromovi ikel affordabbli u tajjeb għas-saħħa għal kulħadd mingħajr ma tikkomprometti s-sikurezza, il-kwalità u l-affordabbiltà tal-ikel. Din hija l-ewwel strateġija tal-UE li tiddikjara li tinkludi l-katina alimentari fl-intier tagħha.

    2.2

    Il-kriżi tal-COVID-19 għamlitha aktar urġenti minn qatt qabel li tiżdied ir-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel globali u tal-UE, li se jkomplu jiġu ttestjati mix-xokkijiet futuri, mit-tibdil fil-klima sat-tifqigħat ta' mard ġodda u nuqqas ta' ħaddiema (1). Il-kriżi ssottolinjat il-fatt li l-kisba tal-ikel “mill-għalqa sal-platt” ma tistax titqies bħala ħaġa ovvja u ċerta u wriet l-interkonnettività tal-atturi u tal-attivitajiet fl-agrikoltura u fis-sistema tal-ikel kollha. Din tirrikjedi miżuri ta' appoġġ għall-kriżijiet, kif ukoll passi li jiżguraw l-irkupru u l-bini mill-ġdid fuq medda ta' żmien itwal. Il-Komunikazzjoni “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità ġustament jirrikonoxxu l-ħtieġa li tinbena r-reżiljenza wara l-COVID billi tissaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali tas-sistemi tal-ikel. Issa huwa kruċjali li dawn l-istrateġiji jinbidlu f'azzjonijiet sinifikanti u f'waqthom.

    2.3

    Il-bdiewa madwar l-UE diġà ħadu passi biex iżidu s-sostenibbiltà u jkomplu jtejbu l-istandards. Il-bdiewa u l-ħaddiema tas-sistema tal-ikel (fl-agrikoltura, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni) kienu fuq il-front tal-kriżi tal-COVID-19 u assiguraw provvista tal-ikel mingħajr interruzzjoni għaċ-ċittadini Ewropej; dawn sistematikament jiffaċċjaw ir-riskji, filwaqt li jżommu sehem baxx tal-valur miżjud fis-sistema tal-ikel. Fi kwalunkwe każ, anke fil-futur, il-bdiewa ser ikunu neċessarjament mistennija li jagħmlu sforzi akbar milli kien il-każ s’issa sabiex jibnu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza. Minħabba s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli li issa jsibu ruħhom fiha l-maġġoranza l-kbira tal-bdiewa, bidliet fundamentali bħal dawn jistgħu jseħħu biss jekk jiġu stabbiliti l-inċentivi politiċi u ekonomiċi xierqa; il-KESE ma jqisx li l-proposti ta’ riforma tal-PAK tinkludi miżuri effettivi f’dan is-sens. Huwa għalhekk imperattiv li jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet konsiderevolment aħjar fis-seħħ sabiex l-ikel prodott lokalment u b'mod sostenibbli fl-UE (2) jkun kompetittiv fir-rigward tal-importazzjonijiet, u mhux biss sabiex l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tranżizzjoni jiġu kondiviżi b'mod ekwu (bejn gruppi soċjali, setturi u reġjuni differenti, kif ukoll bejn il-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri), iżda wkoll sabiex il-fondi jimmiraw l-appoġġ għall-biedja sostenibbli. L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” trid tinħataf bħala opportunità sabiex tinbidel b'mod fundamentali d-dinamika tal-katina tal-provvista u jitwassal titjib fit-tul fl-introjti u l-għajxien tal-bdiewa. Il-Kumitat itenni li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid ikun Patt Ekoloġiku u Soċjali fil-komponenti kollha tiegħu.

    2.4

    F’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli mhux ipproċessati u ta’ prodotti tal-ikel, il-KESE kien jistenna li l-istrateġija “Mill-għalqa sal-platt” tagħmel dikjarazzjoni ċara simili għal dik li għamlet il-Kummissjoni fit-tħabbir ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera għall-prodotti industrijali, peress li l-bdiewa tagħna (u l-konsumaturi) għandhom ikunu protetti mill-importazzjonijiet li ma jissodisfawx il-kriterji Ewropej ta’ sostenibbiltà. Dan huwa aktar u aktar minnu peress li joħroġ biċ-ċar li l-istandards attwali tagħna jeħtieġ li jogħlew. Iżda f’dan ir-rigward l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tfalli għalkollox.

    2.5

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, li tirrappreżenta opportunità kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet deskritti hawn fuq. F'din l-Opinjoni, il-Kumitat jidentifika xi lakuni fil-Komunikazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” (fir-rigward tal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-proposti tal-Kumitat stess għal politika komprensiva dwar l-ikel (3)) u jipprovdi gwida dwar kif l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tista' titmexxa 'l quddiem u tissarraf fi pjan direzzjonali effettiv għat-tranżizzjoni.

    3.   Is-sisien ta' Strateġija effettiva “Mill-Għalqa sal-Platt”: governanza, responsabbiltà, objettivi u riżorsi

    3.1

    Il-KESE ilu mill-2016 jappella li tiġi żviluppata politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE, bil-għan li jiġu pprovduti dieti tajbin għas-saħħa minn sistemi sostenibbli tal-ikel, jgħaqqdu l-agrikoltura ma' servizzi tan-nutrizzjoni u tal-ekosistema u jiġu żgurati ktajjen ta' provvista li jipproteġu s-saħħa pubblika għas-soċjetà Ewropea kollha (4). Koalizzjoni wiesgħa tas-soċjetà ċivili ngħaqdet ukoll biex tiżviluppa b'mod konġunt pjan ta' azzjoni dettaljat ta' “Politika Komuni dwar l-Ikel” għall-UE, fi proċess ta' tliet snin immexxi minn IPES-Food (5).

    3.2

    F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet fit-testi msemmija hawn fuq, il-politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE għandha tipprovdi: i) sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjokulturali; ii) integrazzjoni bejn is-setturi, l-oqsma ta' politika u l-livelli ta' governanza; iii) proċessi inklużivi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; u iv) taħlita ta' miżuri obbligatorji (regolamenti u taxxi) u inċentivi (premiums tal-prezzijiet, aċċess għall-kreditu, riżorsi u assigurazzjoni) maħsuba biex iħaffu t-tranżizzjoni lejn sistemi sostenibbli tal-ikel. Din għandha taċċellera l-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari u tnaqqas l-impatt ambjentali tas-setturi tal-ipproċessar tal-ikel u tal-bejgħ bl-imnut billi tieħu azzjoni fuq it-trasport, il-ħażna, l-imballaġġ u l-ħela tal-ikel. Din għandha tkun attrezzata wkoll biex tindirizza s-sitwazzjoni ġdida wara l-COVID-19, b'mod partikolari l-ħtieġa li tittejjeb il-ġestjoni tal-kriżi u jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u ġusti tul il-katina kollha.

    3.3

    Filwaqt li l-Komunikazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” jidentifikaw ħafna għodod rilevanti, huma ma għandhomx mekkaniżmi ta' governanza effettivi. L-ewwel nett, l-azzjonijiet iridu jinġabru taħt sett ta' objettivi ġenerali u orjentati lejn il-miri li jiddeskrivu s-sistemi tal-ikel li l-UE qed tittama li timplimenta fuq terminu medju u twil (6). Minflok jindirizzaw partijiet speċifiċi tal-katina, dawn l-objettivi jridu jkunu trasversali (7). Dan huwa essenzjali sabiex: i) tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta' approċċi tal-katina kollha u kondiviżjoni ġusta tal-ispejjeż biex jiġu indirizzati l-isfidi fl-agrikoltura; ii) ikunu jistgħu jiġu prijoritizzati soluzzjonijiet differenti u jiġi evitat approċċ “à la carte”, fejn jiġu inklużi soluzzjonijiet inkompatibbli; iii) ikun żgurat li jiġu introdotti miżuri alternattivi (b'effetti ekwivalenti) f'każ li l-azzjonijiet ippjanati inizjalment jiġu ttardjati jew imxekkla; iv) jiġi żgurat li l-miri kwantitattivi u kwalitattivi jkunu akkumpanjati mill-ġabra sħiħa ta' miżuri meħtieġa biex jintlaħqu (u li b'hekk dawn ikunu fattibbli), u jiżdiedu aktar miri jekk ikunu meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv iddikjarat; u v) tiġi pprovduta bażi robusta biex tiżgura l-allinjament ta' politiki settorjali differenti (eż. il-PAK, il-kummerċ, l-ambjent, l-iżvilupp tas-saħħa u s-sikurezza alimentari) mal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”.

    3.4

    Sabiex tkun effettiva, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għandha tkun akkumpanjata minn qafas ċar b'miri, indikaturi u mekkaniżmu ta' monitoraġġ robust, iżda mingħajr ma tiżdied il-burokrazija. Il-KESE diġà rrakkomanda li tiġi żviluppata tabella ta' valutazzjoni tal-ikel sostenibbli tal-UE, li tippermetti li l-isfidi tas-sistema tal-ikel jiġu indirizzati permezz ta' approċċ pluriennali, biex b'hekk jiġi promoss l-allinjament tal-politiki f'livelli differenti ta' governanza. It-tabella ta' valutazzjoni tipprovdi indikaturi u b'hekk tinkoraġġixxi u tissorvelja l-progress lejn l-ilħuq tal-miri li ġew stabbiliti (8).

    3.5

    Strateġija effettiva “Mill-Għalqa sal-Platt” għandha tnaqqas l-esternalitajiet għaljin mill-agrikoltura u tiżgura li l-bdiewa kollha jiġu remunerati b'mod ġust mis-swieq; għalhekk, hija se tkun kosteffettiva fuq medda ta' żmien itwal. Madankollu, it-tranżizzjoni għal sistemi tal-ikel sostenibbli u kompetittivi tirrikjedi investiment urġenti. B'mod partikolari, huma meħtieġa sforzi kbar u investiment kapitali biex jinkisbu l-livelli ta' azzjonijiet klimatiċi u ambjentali identifikati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex jgħinu lill-bdiewa jimplimentaw approċċi sostenibbli. Dawn il-miri ma jistgħux jintlaħqu jekk il-flussi ta' finanzjament ewlenin jiġu interrotti. It-tnaqqis fil-finanzjament għall-iżvilupp rurali jista' jkun detrimentali, minħabba li fih uħud mill-aktar għodod rilevanti sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni, kif innotat fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”. Il-Kumitat itenni wkoll l-importanza li jiġu allokati EUR 10 biljun għar-riċerka dwar l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-bijoekonomija, kif previst mill-Kummissjoni Ewropea fil-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027. Filwaqt li l-EUR 15-il biljun addizzjonali għall-iżvilupp rurali u r-riċerka agroalimentari proposti taħt il-pakkett ta’ rkupru mill-COVID-19 huma milqugħa u meħtieġa, dawn bl-ebda mod ma jissostitwixxu l-impenji fit-tul.

    3.6

    Firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fis-sistemi tal-ikel għandhom rwol x'jaqdu fis-sorveljanza tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”. Filwaqt li l-kooperazzjoni mtejba bejn il-korpi eżistenti għandha tiġi prijoritizzata, ser tkun meħtieġa struttura ta' governanza ddedikata b'diversi partijiet interessati. Fl-esplorazzjoni tal-għażliet, għandu jiġi żgurat li l-istruttura ta' governanza l-ġdida: i) tadotta approċċi demokratiċi u inklużivi f'konformità mal-aħjar prattika fil-korpi attwali, b'mod partikolari l-Pjattaforma b'diversi Partijiet Interessati dwar l-SDGs; ii) ikollha mandat ċar li tinkludi l-kunsiderazzjoni ta' kemm politiki settorjali bħall-PAK huma allinjati tajjeb mal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”; u iii) tinkludi rappreżentanza b'saħħitha u diversa tal-gruppi tal-biedja, tas-soċjetà ċivili (inklużi organizzazzjonijiet fil-livell taċ-ċittadini, kif ukoll dawk nazzjonali u tal-UE) u tal-atturi fil-katina tal-provvista. Trid tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn l-interessi agrikoli jinvolvu ruħhom biss fil-PAK, u s-soċjetà ċivili biss fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”: it-tensjonijiet iridu jiġu kkonfrontati u għandu jintlaħaq qbil fuq it-triq għat-tranżizzjoni mill-atturi kollha.

    3.7

    Għandha tiġi esplorata l-għażla ta' “Kunsill Ewropew għall-Politika dwar l-Ikel” (9), kif imressqa f'opinjonijiet preċedenti tal-KESE (inkluża l-vijabbiltà finanzjarja tagħha). Il-Kunsill Ewropew għall-Politika dwar l-Ikel għandu jiġi kkonsultat dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”. Dan għandu jinħoloq kemm jista’ jkun malajr. Il-kunsilli għall-politika dwar l-ikel diġà jeżistu fil-livell lokali, u jlaqqgħu flimkien diversi atturi fis-sistema tal-ikel minn madwar territorju sabiex isolvu l-isfidi, jerġgħu jgħaqqdu l-bliet mal-produzzjoni tal-ikel fir-reġjuni tal-madwar u jiżguraw governanza effettiva tal-politiki lokali u reġjonali dwar l-ikel (10). Kif uriet il-kriżi tal-COVID-19, il-ktajjen tal-provvista reżiljenti jiddependu fuq azzjoni effettiva fil-livell lokali, fejn is-soċjetà ċivili tista' taħdem mal-imsieħba statali u kummerċjali biex timla l-lakuni fil-forniment tal-ikel (11). Kunsill Ewropew għall-Politika dwar l-Ikel jaċċellera l-allinjament tal-politiki fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE (jiġifieri governanza fuq bosta livelli). Dan ilaqqa' flimkien rappreżentanti tal-kunsilli lokali għall-politika dwar l-ikel u partijiet interessati mis-soċjetà ċivili u tul il-katina tal-provvista kollha (inklużi bdiewa, ħaddiema u konsumaturi), sabiex jipprovdu pjattaforma għall-partijiet interessati biex jitgħallmu minn xulxin permezz tal-kondiviżjoni ta' prattika tajba; jiżguraw li jiġu kkunsidrati l-perspettivi kollha mid-diversi setturi; u jidentifikaw l-ostakoli għall-promozzjoni ta' ikel sostenibbli fil-livell lokali.

    4.   Oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa aktar azzjoni

    4.1   Dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli

    4.1.1

    Id-dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli jirrappreżentaw pilastru ewlieni ta' politika komprensiva dwar l-ikel, minħabba li aħna għandna bżonn urġenti li norjentaw mill-ġdid id-dieti tagħna biex intejbu – is-saħħa tal-ekosistemi u tal-pubbliku, kif ukoll il-vitalità tat-territorji rurali (12). Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għażliet tajbin għas-saħħa u sostenibbli jkunu l-aktar għażliet faċli għall-konsumaturi (jiġifieri disponibbli ħafna u affordabbli għal kulħadd), u tirrikonoxxi li l-“ambjenti tal-ikel” isawru l-għażliet tan-nies.

    4.1.2

    L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tista’ toffri opportunità unika biex jissawru mill-ġdid l-ambjenti tal-ikel, u din tirrikjedi għadd ta' politiki differenti li jkunu allinjati min-naħa tal-provvista u tad-domanda, u fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE, inklużi passi li: i) jindirizzaw il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar ta' dieti mhux tajbin għas-saħħa permezz ta' azzjoni regolatorja; ii) jiżguraw informazzjoni faċli biex tintuża, affidabbli u indipendenti dwar in-nutrizzjoni tal-konsumaturi; iii) jintroduċu politiki ta' pprezzar tal-ikel tajjeb għas-saħħa; iv) jappoġġjaw l-akkwist pubbliku ta' ikel sostenibbli; v) jixprunaw il-formulazzjoni (mill-ġdid) tal-prodotti; vi) joħolqu ambjenti tal-bejgħ bl-imnut, tar-ristoranti, urbani u skolastiċi tajbin għas-saħħa; u vii) jinvestu fl-edukazzjoni tal-konsumaturi. Dawn il-passi jridu jkunu kkomplementati minn politiki soċjali li jiżguraw li l-gruppi żvantaġġjati u b’introjtu baxx ikollhom aċċess akbar għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli.

    4.1.3

    Madankollu, il-Komunikazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” jonqsu milli jiddeskrivu azzjoni komprensiva f'dawn l-oqsma ta' politika u jistrieħu fuq kodiċi ta' mġiba, wegħdiet u għodod oħrajn ta' awtoregolazzjoni (13) li s'issa wrew li mhumiex effettivi. Il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri (fil-mandat tal-Pjani Strateġiċi tal-PAK) dwar kif jintlaħqu l-objettivi tal-PAK u tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, inklużi objettivi tas-saħħa, huwa milqugħ b'sodisfazzjon. Madankollu, l-azzjoni fuq id-dieti ma tistax tkun fakultattiva. L-approvazzjoni tal-Pjani Strateġiċi tal-PAK għandha tkun kondizzjonali fuq l-adozzjoni mill-Istati Membri ta' pjani komprensivi biex jissawwar mill-ġdid l-ambjent tal-ikel li jgħaqqdu l-inċentivi għall-produzzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli bil-ħolqien ta' swieq ġodda għal dawk il-prodotti. Dan għandu jkun ukoll konformi mal-impenn tal-Kummissjoni li tippromovi l-produzzjoni u l-konsum ta' ikel organiku.

    4.1.4

    Fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni u gwida affidabbli dwar in-nutrizzjoni, il-KESE talab li jiġu żviluppati Linji Gwida ġodda dwar Dieti Sostenibbli, li jqisu d-differenzi kulturali u ġeografiċi bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Il-Linji Gwida dwar Dieti Sostenibbli jgħinu sabiex tinħoloq direzzjoni aktar ċara għall-azjendi agrikoli, il-proċessuri, il-bejjiegħa bl-imnut u l-industrija tal-forniment tal-ikel, u s-sistema agroalimentari tibbenefika minn qafas ġdid biex tipproduċi, tipproċessa, tiddistribwixxi u tbiegħ ikel aktar tajjeb għas-saħħa u aktar sostenibbli bi prezz aktar ġust (14).

    4.2   Katina tal-provvista tal-ikel ġusta bi prezzijiet ġusti

    4.2.1

    Il-KESE diġà ħeġġeġ projbizzjoni fuq il-Prattiki Kummerċjali Inġusti (Unfair Trading Practices – UTPs) (15). Il-katina tal-provvista tal-ikel hija partikolarment vulnerabbli għall-UTPs, minħabba żbilanċi qawwija bejn operaturi żgħar u kbar u bejn produtturi b’impenji fit-tul u negozjanti aktar flessibbli. Approċċ regolatorju u qafas leġislattiv b’mekkaniżmi ta’ infurzar effettivi u robusti huma l-mod kif il-UTPs jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv fil-livell tal-UE.

    4.2.2

    Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tirrikonoxxi ġustament ix-xogħol essenzjali li jsir mill-bdiewa u mill-ħaddiema tul il-katina alimentari (inklużi dawk li jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji) u l-ħtieġa li jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tagħhom f'konformità mal-impenji taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li dan mhuwiex akkumpanjat minn passi konkreti fil-Pjan ta' Azzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rabta ta' kundizzjonijiet ġusti ma' prezzijiet ġusti tal-ikel, u jqis li l-prezzijiet ġusti tal-ikel (li jirriflettu l-ispiża vera tal-produzzjoni għall-ambjent u għas-soċjetà) huma l-uniku mod kif jinkisbu sistemi tal-ikel sostenibbli u ekwi fit-tul. Bħalissa, il-proċessuri tal-bejgħ bl-imnut u multinazzjonali kbar qed ikollhom l-ogħla profitti filwaqt li l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjendi agrikoli huma baxxi wisq biex jiggarantixxu l-għajxien tal-bdiewa u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, u ħafna drabi lanqas biss ikopru l-ispejjeż tal-produzzjoni. Is-sehem tal-valur tal-katina alimentari tal-UE li jmur għand il-bdiewa naqas minn 31 % fl-1995 għal 24 % fl-2005 (16), u aktar reċenti kien stmat għal madwar 21 % (17). Il-kompressjoni tal-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjendi agrikoli tħalliet isseħħ, abbażi ta' interpretazzjoni stretta tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, li biha l-benessri tal-konsumaturi jitqabbel mal-aktar prezz baxx possibbli. Dan irid jinbidel, inkluż fit-Trattati tal-UE.

    4.2.3

    Fil-mandat tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, l-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni komprensiva biex jiżguraw li l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjendi agrikoli jibqgħu ogħla mill-ispejjeż tal-produzzjoni, kif ukoll li d-dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli jsiru relattivament aktar affordabbli u disponibbli. Sabiex jagħmlu dan, se jkun meħtieġ li jużaw il-firxa sħiħa ta' għodod ta' governanza pubblika, minn miżuri fiskali ibsin għal approċċi bbażati fuq l-informazzjoni biex l-ispejjeż veri jsiru viżibbli, abbażi tal-aħjar metodoloġiji emerġenti għall-kontabbiltà vera tal-ispejjeż (18). Il-KESE jtenni l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni dwar dieti sostenibbli sa minn età bikrija, sabiex iż-żgħażagħ ikunu megħjuna japprezzaw il-valur tal-ikel u prezzijiet ġusti. Trid tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli, speċjalment lill-anzjani u lill-popolazzjonijiet b'introjtu baxx. Għandhom jiġu esplorati wkoll forom ġodda ta' tikkettar li juru s-sehem tal-valur li jmur għand il-bdiewa. Il-passi kollha li jaffettwaw il-prezzijiet għandhom ikunu ssekwenzjati bir-reqqa biex jiġi evitat ċaqliq rapidu, u jkunu akkumpanjati mill-monitoraġġ tal-impatti fuq il-familji b'introjtu baxx (19) sabiex jiġi żgurat li l-aċċess tagħhom għal dieti tajbin għas-saħħa jiżdied, u mhux jonqos, bħala riżultat tal-interventi ta' politika.

    4.2.4

    Is-swieq tal-bdiewa, l-Agrikoltura Appoġġjata mill-Komunità (CSA), il-kooperattivi tal-konsumaturi u inizjattivi oħrajn ta' katina tal-provvista qasira jipprovdu possibbiltà kruċjali għall-bdiewa biex iżidu l-valur miżjud u jirċievu prezzijiet ġusti, b'mod partikolari għal dawk li jipprattikaw il-biedja organika jew li japplikaw metodi oħrajn favur l-ambjent li mhumiex koperti b'tikketta. L-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss ikunu involuti, billi jimplimentaw sistemi lokali ta’ governanza alimentari li jlaqqgħu flimkien id-diversi atturi kkonċernati u, b'mod partikolari, irawmu l-użu ta’ prodotti lokali fil-forniment tal-ikel tal-massa. Il-KESE jiddeplora li l-Opinjonijiet preċedenti tiegħu ma ġewx segwiti mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

    4.2.5

    Din il-lokalizzazzjoni mill-ġdid trawwem l-impjiegi u d-dinamiżmu lokali. Dan iżid ukoll ir-reżiljenza, kif muri mir-reazzjoni għall-COVID-19 fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista (produtturi, proċessuri u bejjiegħa bl-imnut). Iż-żoni rurali huma eżempju wieħed ta' dominju fejn il-kooperattivi tal-konsumaturi ġeneralment ikunu l-aħħar operatur tan-negozju li jifdal. Għall-konsumaturi, il-ktajjen tal-provvista qosra joffru sors ta' prodotti friski ta' kwalità għolja li huma arrikkiti mill-istorja u mir-relazzjonijiet umani involuti, u jaġixxu biex jistimulaw l-interess u jedukaw lin-nies dwar il-valur tal-ikel, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-fiduċja fis-sistemi tal-ikel (20). L-inizjattivi kooperattivi bbażati fuq is-solidarjetà għandhom ukoll rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' materjali edukattivi għall-iskejjel u sensibilizzazzjoni qawwija biex jiġu miġġielda l-ħela tal-ikel u l-obeżità, speċjalment fost it-tfal. Filwaqt li l-benefiċċji tal-ktajjen tal-provvista qosra huma rikonoxxuti fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, huma meħtieġa azzjonijiet konkreti u allokazzjonijiet ta' finanzjament (inkluż fil-pjani strateġiċi tal-PAK) biex dawn il-ktajjen jiġu żviluppati aktar u jitneħħew l-ostakli kollha sabiex huma jiffjorixxu fl-UE kollha.

    4.3   It-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”

    4.3.1

    Mingħajr bidliet fil-politiki kummerċjali tal-UE, l-objettivi tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” ma jintlaħqux. Il-Komunikazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” jinkludu passi importanti biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tas-sostenibbiltà tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) bilaterali tal-UE u l-infurzar ta' dawk ir-regoli. Madankollu, kif innotat mill-awtoritajiet Franċiżi u Netherlandiżi (21), jista' jsir aktar biex tiġi żgurata l-konformità mal-ftehimiet internazzjonali u biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri għan-notifika u t-teħid ta' azzjoni fuq il-ksur tal-impenji tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura r-reċiproċità vera tal-istandards fi ftehimiet ta' kummerċ preferenzjali, b'mod partikolari rigward il-benessri, is-sostenibbiltà u t-traċċabbiltà mill-għalqa sal-platt, abbażi u bl-integrazzjoni ta' dak li nkiseb f'xi dispożizzjonijiet bilaterali reċenti (22). Taxxa fuq il-Karbonju fil-Fruntieri, kif awtorizzata fl-Ittra ta' Missjoni lill-Viċi President Eżekuttiv nominat għall-Patt Ekoloġiku Ewropew (23), tibqa' essenzjali biex tipprevjeni li l-bdiewa u l-kumpaniji tal-ikel tal-UE jispiċċaw ikollhom iwaqqgħu l-prezzijiet minħabba l-importazzjonijiet minn pajjiżi li jonqsu milli jieħdu l-mitigazzjoni tal-klima bis-serjetà. Is-silenzju fuq it-taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri, l-ipprezzar tal-karbonju u l-monitoraġġ tal-gassijiet serra tal-importazzjonijiet huwa għalhekk ta' dispjaċir u jimmina serjament l-ambizzjonijiet tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u tal-Patt Ekoloġiku.

    4.3.2

    Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tonqos milli tirrikonoxxi l-impatt tal-esportazzjonijiet tal-UE fuq il-produtturi fuq skala żgħira fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew ir-rwol tal-kumpaniji multinazzjonali bbażati fl-UE biex jikkontribwixxu għal prattiki mhux sostenibbli madwar id-dinja. Il-kapaċitajiet ġodda ta' infurzar iridu l-ewwel u qabel kollox ikunu diretti lejn kumpaniji bbażati fl-UE, li jridu jkunu responsabbli biex jiżguraw li l-ktajjen tal-provvista tagħhom ikunu ħielsa minn deforestazzjoni, ħtif tal-art u ksur tad-drittijiet. Għalhekk, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissarju għall-Ġustizzja Reynders li jintroduċi rekwiżiti vinkolanti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Diliġenza Dovuta Ambjentali għall-kumpaniji tal-UE, u jitlob li jiġu kkunsidrati miżuri addizzjonali speċifiċi għas-settur fil-mandat tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”. Kif innotat mill-Parlament Ewropew (24), l-obbligi ta' diliġenza dovuta huma partikolarment urġenti għall-operaturi fil-ktajjen tal-provvista ta' “komoditajiet b'riskju għall-foresti” (eż. ċanga, sojja, żejt tal-palm).

    4.3.3

    L-aktar importanti, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tonqos milli tirrikonoxxi ċ-ċirkolarità tas-swieq globali agrikoli u l-influwenza reċiproka li l-volumi nnegozjati għandhom fuq il-pajjiżi li jimportaw u dawk li jesportaw. Hija tirrappreżenta opportunità kruċjali biex jerġgħu jiġu stabbiliti l-objettivi esterni tal-UE, f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Kummerċ għal Kulħadd” (25). Din ir-riflessjoni fit-tul hija nieqsa mill-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”. L-FTAs ikomplu jixprunaw it-tkabbir mhux sostenibbli fil-konsum, b'impatt ambjentali enormi f'pajjiżi terzi – b'mod partikolari d-deforestazzjoni (26). Huwa meħtieġ li tiġi kkontestata l-espansjoni kontinwa tal-volumi tal-kummerċ bħala l-għan aħħari tal-politika tal-UE (b'mod partikolari fis-setturi b'emissjonijiet għolja ta' gassijiet serra u fis-setturi strateġiċi li jirrikjedu diversità ta' ktajjen b'saħħithom wara l-COVID-19). Huwa essenzjali wkoll li jinstabu modi ġodda ta' kif jogħlew l-istandards, jiġu promossi prattiki sostenibbli u jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu sfruttati opportunitajiet ġodda għal produzzjoni sostenibbli minn bdiewa fuq skala żgħira fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn ir-riflessjonijiet għandhom jiġu segwiti f'fora multilaterali bħall-Kumitat tan-NU dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) u l-Codex Alimentarius, aktar milli jkunu limitati għal negozjati bilaterali, fejn il-parteċipazzjoni tal-bdiewa u tas-soċjetà ċivili tkun limitata, l-iżbilanċi tal-poter ikunu sinifikanti u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tibqa' l-għan aħħari. Il-qafas leġislattiv ippjanat dwar is-sistemi tal-ikel sostenibbli jista' jipprovdi punt ta' tluq. L-ewwel u qabel kollox, huwa jrid iservi biex jistabbilixxi definizzjoni ċara tas-sistemi tal-ikel sostenibbli, f'konformità mad-definizzjonijiet tal-UE eżistenti ta' sostenibbiltà ambjentali (27).

    4.4   L-appoġġ lill-bdiewa fit-tranżizzjoni għal sistemi agroekoloġiċi reżiljenti u diversi

    4.4.1

    Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija għall-Bijodiversità jinkludu passi kruċjali għall-bini mill-ġdid u l-ħarsien tal-ħamrija u tas-sistemi agroekoloġiċi, b'mod partikolari l-miri għaż-żona agrikola b'karatteristiċi ta' pajsaġġ b'diversità għolja (10 %) u għall-art taħt biedja organika (25 %). Madankollu, għandha tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni inizjali ta’ Stati Membri differenti. Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tonqos milli tindirizza l-ġestjoni sostenibbli tal-art u l-aċċess għall-art. Din hija ommissjoni kbira minħabba li tirrappreżenta wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tiġdid tal-popolazzjoni tal-biedja, li mingħajrha l-bażi tal-UE għal biedja sostenibbli u produttiva tintilef. Il-KESE ppropona qafas tal-UE mmirat biex jipproteġi l-art agrikola fl-Istati Membri li hija siewja għall-produzzjoni tal-ikel (28). Madankollu, dawn l-għanijiet ta’ min ifaħħarhom ikunu jeħtieġu appoġġ finanzjarju adegwat li huwa nieqes fil-proposti baġitarji attwali. Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni ma tagħtix gwida dwar kif id-domanda għall-prodotti organiċi għandha tiżdied aktar. Il-mira għall-karatteristiċi tal-pajsaġġ ser tkun għalja ħafna biex xi bdiewa jindirizzawhom. Il-KESE jappella għal valutazzjoni tal-impatt dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-għan.

    4.4.2

    Il-KESE jqis li l-agroekoloġija hija l-orizzont li lejh għandha taħdem l-agrikoltura Ewropea (29), li tirrikjedi bidla paradigmatika li tkompli tibni d-diversità fil-livelli kollha (l-ispeċijiet, l-azjendi agrikoli, il-pajsaġġi u l-għajxien). Bħala xjenza, teknika u moviment soċjali, l-agroekoloġija tħares lejn is-sistema tal-ikel fl-intier tagħha u tfittex li tqarreb lill-produtturi lejn l-ambjent tagħhom billi tissalvagwardja u anki tirrestawra l-kumplessità u l-ġid tas-sistema agrikola, ekoloġika u soċjali. Madankollu, il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għadha tittratta l-agroekoloġija bħala għażla niċċa, li għandha tiġi appoġġjata, fost għażliet oħrajn, permezz ta' politiki ta' riċerka u skemi ekoloġiċi tal-PAK. Għalhekk, hija tonqos milli tidentifika l-ħtieġa li titfassal mill-ġdid u tiġi ddiversifikata mill-ġdid l-agrikoltura madwar l-UE, minkejja l-ħtieġa li sseħħ bidla bħal din sabiex jintlaħqu l-miri u l-għanijiet iddikjarati tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u tal-Istrateġija għall-Bijodiversità (inklużi l-miri li jirrigwardjaw it-tnaqqis tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti u tal-antibijotiċi).

    4.4.3

    Il-KESE jinsisti wkoll li, apparti l-iżvilupp tal-biedja organika deskritta hawn fuq, jiġu analizzati b’aktar reqqa u promossi prattiki oħra ta’ kultivazzjoni li jżidu l-bijodiversità u jnaqqsu l-użu tal-inputs. Dan jista’ jinkludi wkoll il-promozzjoni tal-biedja bi preċiżjoni, fejn għandu jiġi kkunsidrat il-kost kapitali għoli, li ħafna azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju ma jistgħux iġarrbu waħedhom. Il-potenzjal ta’ metodi ta’ biedja favur ir-riżorsi, il-ħamrija u l-ambjent jista' jiġi realizzat permezz tal-integrazzjoni tad-data dwar il-ħamrija, il-fertilizzant, il-pestiċida u l-produzzjoni, li tirrikjedi aċċess aħjar għad-data li tinsab fil-bażijiet ta' data nazzjonali, aktar mobbiltà u aktar faċilità biex tintuża, eċċ. L-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandu jiġi promoss.

    4.4.4

    Fid-dawl tal-COVID-19, huwa aktar urġenti minn qatt qabel li s-settur tal-bhejjem jiġi ristrutturat b’mod li jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet tiegħu u l-impatt tiegħu fuq il-ħaddiema, l-ambjent u l-benessri tal-annimali. Madankollu, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” assolutament ma tindirizzax din l-isfida Ikollha tfassal u tinkludi passi biex biex tnaqqas id-dipendenza fuq l-għalf tal-proteini importati u biex terġa' tintegra l-bhejjem fis-sistemi agroekoloġiċi mħalltin. Fl-Ewropa, pereżempju, ilna s-snin nifilosofizzaw fil-livell politiku dwar “Strateġija Ewropea dwar il-proteini”, iżda qatt ma seħħ xejn. L-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” toffri wkoll ftit wisq dispożizzjonijiet li ħafna minnhom mhumiex vinkolanti. Barra minn hekk, tonqos milli tikkunsidra xi jfisser il-prinċipju tant imfaħħar tal-ekonomija ċirkolari għall-agrikoltura Ewropea. Il-KESE jistaqsi, fost l-oħrajn, kif il-kwantitajiet kbar ta’ importazzjonijiet ta’ għalf minn, pereżempju, l-Amerika t’Isfel, li hija koresponsabbli għad-deforestazzjoni fatali tal-foresti tropikali, huma kompatibbli mal-prinċipju ċirkolari.

    4.4.5

    Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” ma tipprovdix biżżejjed dettalji dwar kif il-bdiewa se jiġu appoġġjati fl-adozzjoni ta' prattiki ġodda. Filwaqt li l-pagamenti bbażati fuq it-tranżizzjoni taħt l-ekoskemi jkunu jirrikjedu finanzjament kbir sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ġodda, il-funzjoni ta' appoġġ għall-introjtu tal-pagamenti tal-PAK hija vitali u se tibqa' hekk għas-snin li ġejjin, anki jekk jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-ikel ikunu jirriflettu l-ispejjeż veri (ara 4.2). Is-servizzi ta' konsulenza se jkunu jeħtieġu riżorsi xierqa biex jakkumpanjaw lill-bdiewa fiċ-ċaqliq kbir fil-produzzjoni. Jekk iridu jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-F2F, il-baġit għall-PAK ma għandux jitnaqqas jew jinżamm fil-livell attwali, iżda għandu jiżdied b’konformità ma’ dawk l-objettivi. L-ispejjeż relatati mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew imorru ferm lil hinn mill-perjodu ta' programmazzjoni attwali. Għandu jiġi ċċarat x'se jkunu t-talbiet finanzjarji fuq il-baġits nazzjonali futuri sabiex jiġu ssodisfati l-azzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jintlaħqu l-miri/l-indikaturi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    4.4.6

    Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tinnota ġustament il-ħtieġa li jitqiesu l-punti tat-tluq differenti tal-Istati Membri. Il-prattiki jvarjaw ħafna f'termini tal-intensità tal-azjenda agrikola għal kull ettaru, id-densità tal-ħażna għal kull ettaru, l-użu ta' pestiċidi, fertilizzanti u antibijotiċi għal kull ettaru u għal kull annimal, u l-benessri tal-annimali. Għandha ssir valutazzjoni tal-impatt għal kull mira stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-Istrateġija F2F, billi titqies is-sitwazzjoni attwali differenti fl-Istati Membri. Madankollu, il-KESE jissottolinja wkoll il-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri u jitlob aktar ċarezza dwar kif ir-riskju ta' standards diverġenti se jiġi indirizzat permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u tal-pjani strateġiċi tal-PAK, u f'liema perjodi ta' żmien. Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandhom japplikaw approċċi mfassla apposta għall-ħeffa tat-tranżizzjoni, iżda mhux għall-miri u l-għanijiet finali li għandhom jintlaħqu.

    Brussell, is-16 ta’ Settembru 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Il-COVID-19 u l-kriżi fis-sistemi tal-ikel: Sintomi, kawżi u soluzzjonijiet potenzjali. Komunikat minn IPES-Food, April 2020.

    (2)  “Fuq in-naħa tal-provvista, biex politika tal-ikel Ewropea komprensiva tkun tassew rilevanti għall-konsumaturi Ewropej, huwa essenzjali li l-ikel prodott b’mod sostenibbli fl-UE jkun kompetittiv. Dan ifisser li s-settur agroalimentari Ewropew huwa kapaċi jwassal l-ikel għall-konsumaturi bi prezzijiet li jinkludu spejjeż żejda għal kriterji bħalma huma s-sostenibbiltà, il-benessri tal-annimali, is-sikurezza alimentari u n-nutrizzjoni, iżda wkoll redditu ġust lill-bdiewa, u fl-istess ħin iżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-għażla ppreferuta għall-parti l-kbira tal-konsumaturi.” Opinjoni dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta' politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE”, punt 5.8 (ĠU C 129, 11.04.2018, p. 18).

    (3)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18.

    (4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

    (5)  IPES-Food, Towards a Common Food Policy for the European Union (Lejn Politika Komuni dwar l-Ikel għall-Unjoni Ewropea), Brussell, IPES Food, 2019.

    (6)  L-objettivi speċifiċi ta' rilevanza għal strateġija komprensiva, u t-tipi ta' azzjonijiet meħtieġa biex dawn jintlaħqu, huma spjegati fid-dettall hawn taħt, abbażi tal-Opinjonijiet żviluppati mill-KESE.

    (7)  Eċċezzjoni waħda fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” hija r-referenza għall-kisba ta' “dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli”; filwaqt li dan l-objettiv huwa orjentat lejn il-miri, huwa ppożizzjonat bħala imperattiv tal-konsumatur aktar milli jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat tul il-katina kollha.

    (8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

    (9)  Dan il-korp ġdid jiffunzjona bħala pjattaforma ospitata minn istituzzjonijiet eżistenti.

    (10)  Il-proċessi li jerġgħu jgħaqqdu l-bliet maż-żoni tal-produzzjoni tal-ikel fil-viċin tagħhom jinsabu għaddejjin f'ħafna postijiet (eż. Milan fl-Italja, Montpellier fi Franza, Ghent, Brussell u Liège fil-Belġju u Toronto fil-Kanada) u x'aktarx li jaċċelleraw wara l-COVID-19.

    (11)  COVID-19 and the crisis in food systems: Symptoms, causes, and potential solutions (Il-COVID-19 u l-kriżi fis-sistemi tal-ikel: Sintomi, kawżi u soluzzjonijiet potenzjali). Komunikat minn IPES-Food, April 2020.

    (12)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9.

    (13)  Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea se “titlob lill-kumpaniji u lill-organizzazzjonijiet tal-ikel jimpenjaw ruħhom biex jieħdu azzjonijiet konkreti dwar is-saħħa u s-sostenibbiltà”.

    (14)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

    (15)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165.

    (16)  Il-Parlament Ewropew, Rapport dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar, 2009/2237(INI), 2009, https://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=REPORT&reference=A7-2010-0225&language=MT

    (17)  Il-Parlament Ewropew, “Parliamentary questions – Answer given by Mr. Hogan on behalf of the Commission” (Mistoqsijiet Parlamentari – Tweġiba mogħtija mis-Sur Hogan f'isem il-Kummissjoni), is-27 ta' Frar 2015, http://www.europarl.europa.eu/doceo/document/E-8-2015-000521-ASW_EN.html?redirect

    (18)  http://www.fao.org/nr/sustainability/full-cost-accounting/

    (19)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

    (20)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 65.

    (21)  Dokument informali mill-awtoritajiet tan-Netherlands u ta' Franza dwar il-kummerċ, l-effetti ekonomiċi soċjali u l-iżvilupp sostenibbli.

    (22)  Pereżempju, l-aċċess mingħajr dazju għas-swieq tal-UE għall-bajd sar kundizzjonali fuq l-allinjament mal-istandards tal-UE dwar il-benessri tat-tiġieġ għall-ewwel darba fl-FTA bejn l-UE u l-Mercosur: https://www.theguardian.com/environment/2019/oct/02/eu-imposes-hen-welfare-standards-on-egg-imports-for-first-time.

    (23)  https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/mission-letter-frans-timmermans-2019_en.pdf?fbclid=IwAR3MP8zmxW1jBVJhtBUtP2PKkEct5ibFjKVJTCoaxgRX6thxcdsylXhTPIk

    (24)  Il-Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: il-każ tal-foresti, 2018/2003(INI).

    (25)  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/october/tradoc_153846.pdf

    (26)  https://ec.europa.eu/environment/forests/impact_deforestation.htm

    (27)  Din id-definizzjoni tista' tibni fuq u tallinja mad-definizzjoni ta' sostenibbiltà ambjentali minquxa fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli.

    (28)  L-użu tal-art għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli u s-servizzi tal-ekosistema (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 72).

    (29)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


    Top