Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE0956

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE — Implimentazzjoni tas-sett ta' għodod tal-UE” [COM(2020) 50 final]

    EESC 2020/00956

    ĠU C 429, 11.12.2020, p. 281–289 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/281


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Introduzzjoni sigura tal-5G fl-UE — Implimentazzjoni tas-sett ta' għodod tal-UE”

    [COM(2020) 50 final]

    (2020/C 429/37)

    Relatur:

    Alberto MAZZOLA

    Korelatur:

    Dumitru FORNEA

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 9.3.2020

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    3.9.2020

    Adottata fil-plenarja

    16.9.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    554

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    217/0/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jivverifikaw l-istat ta' implimentazzjoni, min-naħa tal-pajjiżi membri, tal-miżuri kollha rrakkomandati fil-konklużjonijiet tas-sett ta' għodod ta' miżuri strateġiċi, tekniċi u miżuri ewlenin ta' sigurtà fl-implimentazzjoni tal-ekosistema tal-5G.

    1.2

    Il-KESE jemmen li, fl-isfond tal-kumplessità u l-varjetà dejjem tikber tal-applikazzjonijiet tal-5G (il-Kummissjoni stabbilixxiet il-miri ta’ konnettività li ġejjin għall-2025: skejjel, universitajiet, ċentri tar-riċerka, sptarijiet, provvedituri ewlenin ta’ servizzi pubbliċi u intrapriżi diġitalment intensivi għandu jkollhom aċċess għal downloading/uploading fuq l-Internet b'veloċitajiet ta' gigabit ta' data kull sekonda (Gbps); unitajiet domestiċi urbani u rurali għandu jkollhom aċċess għal konnettività b’veloċità ta’ downloading ta’ mill-inqas 100 Mbs; żoni urbani, toroq ewlenin u l-linji ferrovjarji għandu jkollhom kopertura 5G bla interruzzjonijiet), din il-verifika tal-ekosistema tal-5G kif ukoll l-azzjonijiet tal-kompetenza tal-KE biex jissalvagwardjaw iċ-ċibersigurtà tan-networks 5G u l-katina tal-valur diversifikata tal-5G, l-istandardizzazzjoni teknika u ċ-ċertifikazzjoni, l-investiment dirett barrani u d-difiża tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni, l-obbligi tas-servizz pubbliku, l-akkwist u diplomazija diġitali, għandhom jikkonċernaw is-sigurtà ġeopolitika, l-infrastruttura u d-data, u s-sigurtà għas-saħħa, skont l-Artikolu 168(1) tat-TFUE.

    1.3

    Skont il-KESE, huwa importanti li l-ekosistema Ewropea tal-5G tiżgura l-integrità, il-kunfidenzjalità, ir-responsabbiltà maniġerjali u operazzjonali, is-sigurtà, il-funġibbiltà tal-provvista, l-interoperabbiltà tal-komponenti ta' hardware u software, standards tekniċi u regolatorji komuni, kontinwità tas-servizz, affidabbiltà tal-fluss u protezzjoni tad-data, kopertura fiż-żoni kollha, inkluż dawk b'densità tal-popolazzjoni baxxa, ċarezza ta' komunikazzjoni lill-utent bħala suġġett attiv fis-suq diġitali, aderenza dinamika għal-linji gwida ICNIRP għall-protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni, filwaqt li titnaqqas ir-radjazzjoni kemm jista' jkun. Għaldaqstant, l-ICNIRP aġġornat parti mil-Linji Gwida tal-1998 dwar ir-radjufrekwenza EMF. Dan id-dokument jippreżenta dawn il-Linji Gwida riveduti, li jipprovdu protezzjoni għall-bnedmin minn esponiment għal EMFs minn 100 kHz sa 300 GHz.Health Phys. 118(5):483–524; 2020- MARCH 2020. L-ICNIRP (2020) għamlet għadd ta' bidliet biex jiġi żgurat li teknoloġiji ġodda bħall-5G ma jkunux jistgħu jikkawżaw ħsara, irrispettivament mill-aspettattivi attwali tagħna.

    1.4

    Il-KESE jistieden lill-KE tissorvelja b'mod strett il-progress fl-implimentazzjoni u l-użu reali tal-5G u jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu aktar il-proċess u jiżguraw implimentazzjoni responsabbli, filwaqt li jqisu l-aspetti kollha tas-sigurtà u s-sikurezza, inklużi aspetti relatati mal-impatt tat-teknoloġiji 5G fuq is-saħħa tal-popolazzjoni u l-ekosistemi ħajjin, l-impatt soċjoekonomiku u kompetittiv, l-impatt fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-garanzija tar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

    1.5

    Il-KESE jappella biex l-UE tkun il-mexxejja globali fil-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġija mobbli 5G b'infrastruttura diġitali sigura bħala komponent b'saħħtu integrat fl-istrateġija industrijali moderna u ġdida tal-Ewropa permezz ta' bidla radikali fil-konnettività mobbli u b'potenzjal dinamiku enormi għal żieda fil-produttività u tkabbir tal-ekonomija u s-servizzi għaċ-ċittadini.

    1.6

    B'mod partikolari, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġu żgurati valutazzjonijiet tal-profil tar-riskju tal-fornituri u li jiġu applikati restrizzjonijiet rilevanti għall-fornituri meqjusa bħala ta' riskju għoli, inklużi l-esklużjonijiet meħtieġa biex jitnaqqsu b'mod effettiv ir-riskji u jkunu definiti l-obbligazzjonijiet – għal assi kritiċi u sensittivi ewlenin fil-valutazzjoni tar-riskju kkoordinata fil-livell tal-UE.

    1.7

    Il-KESE jemmen li huwa essenzjali għall-Ewropa li tiffoka fuq l-awtonomija u l-awtosuffiċjenza f'dan il-qasam fuq perjodu ta' żmien medju billi tappoġġja b'mod qawwi r-riċerka u d-diversità ta' kumpaniji Ewropej. Il-KESE jemmen li huwa importanti li jiżdiedu r-riżorsi tal-komunità għar-R&Ż diġitali u biex jiġu appoġġjati l-investimenti ta' operaturi u fornituri fuq funzjonalitajiet tekniċi ġodda ta' sigurtà, investimenti li jridu jkunu kapaċi jimxu id f'id mal-kapaċità tas-suq li jirrikonoxxi u jikkumpensa dawk l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jżidu s-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistemi.

    1.8

    Huwa importanti li tiġi garantita s-sigurtà għall-Istati Membri kollha wkoll permezz tal-manutenzjoni ta' ċentri ta' riċerka f'ħafna żoni territorjali tal-UE: il-KESE jsostni wkoll is-suġġeriment li jkun hemm tal-anqas żewġ fornituri għal kull pajjiż, li tal-anqas wieħed minnhom ikun Ewropew, li jkun jista' jiggarantixxi s-sigurtà politika tad-data u l-konformità mar-restrizzjonijiet tas-saħħa.

    1.9

    Skont il-KESE, lil hinn mill-enfasi dovuta mogħtija lill-miżuri tajbin fuq is-setgħa tar-regolaturi nazzjonali u r-rwol tal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, għandha ssir aktar enfasi fuq l-għodod għall-utenti, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti li huma limitati u nieqsa mill-effiċjenza, bil-għan li jippromovu s-setgħa tal-konsumatur, billi jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jagħmluhom suġġett proattiv fis-suq.

    1.10

    Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri għandhom jipprovdu qafas demokratiku għall-konsultazzjoni, li fih suġġetti xjentifiċi jew teknoloġiċi, garanziji legali u tweġibiet mill-istituzzjonijiet kompetenti għal mistoqsijiet mis-soċjetà ċivili jistgħu jiġu ppreżentati lill-pubbliku.

    1.11

    Il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ tad-diplomazija teknoloġika Ewropea biex l-UE tiżgura kundizzjonijiet aktar bilanċjati u reċiproċi għall-kummerċ u l-investiment, speċjalment fir-rigward tal-aċċess tal-impriżi għas-suq, is-sussidji, l-akkwist pubbliku, it-trasferimenti tat-teknoloġija, il-proprjetà industrijali u l-istandards soċjali u ambjentali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Is-sigurtà tan-networks 5G hija kwistjoni ta' importanza strateġika għaċ-ċittadini u l-kumpaniji, is-suq uniku kollu kemm hu u s-sovranità teknoloġika tal-UE. Sa mill-2013, il-Kummissjoni nediet inizjattiva ewlenija tal-UE billi stabbilixxiet sħubija pubblika-privata fuq il-5G (5G PPP) biex taċċellera r-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġija 5G.

    2.2

    Bi dħul dinji stmat għal aktar minn EUR 100 biljun fl-2025, il-5G huwa riżorsa importanti ħafna għall-Ewropa biex tikkompeti fis-suq dinji u ċ-ċibersigurtà hija kruċjali biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni.

    2.3

    In-networks 5G huma bbażati fuq ir-raba' ġenerazzjoni attwali (4G) ta' teknoloġiji tan-network u fuq l-infrastruttura tal-fibrottika, billi jipprovdu kapaċitajiet ġodda ta' servizz u jsiru l-infrastruttura ċentrali u faċilitatur għal partijiet kbar tal-ekonomija tal-Unjoni, biex jikkostitwixxu l-istruttura ta' firxa wiesgħa ta' servizzi essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern u għaż-żamma u l-ġestjoni ta' funzjonijiet ekonomiċi u soċjali vitali, bħalma huma l-enerġija, it-trasport, is-servizzi bankarji u tas-saħħa u s-sistemi agrikoli u industrijali tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum.

    2.4

    Minħabba r-rwol ċentrali tan-networks 5G fit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE u minħabba n-natura interkonnessa u transnazzjonali tal-infrastruttura sottostanti għall-ekosistema diġitali u n-natura transfruntiera tat-theddid ikkonċernat, kwalunkwe vulnerabbiltà u/jew inċident ċibernetiku sinifikanti li jinvolvu networks 5G li jseħħu fi Stat Membru wieħed ikollhom impatt fuq l-Unjoni kollha kemm hi. Għal din ir-raġuni, huwa xieraq li jiġu pprovduti miżuri li jirfdu livell komuni għoli ta' ċibersigurtà tan-networks 5G.

    2.5

    Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea – bħala parti minn kumpless ta' inizjattivi li jibdew mill-komunikazzjoni dwar il-konnettività tal-gigabyte għal suq uniku diġitali kompetittiv (1) (2) u li tinkludi riforma tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (3) u l-funzjonijiet tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – il-BEREC (4), il-prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni tal-ICT għas-suq uniku diġitali (5) kif ukoll miżuri biex jippromovu l-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali (6) – adottat pjan ta' azzjoni tal-UE għall-5G (7), li l-KESE ta opinjoni pożittiva (8) dwaru, sabiex itejjeb l-isforzi tal-UE biex tifrex infrastruttura u servizzi 5G fis-suq uniku diġitali bi pjan direzzjonali għall-investiment pubbliku u privat fl-infrastruttura 5G fl-UE u għan sal-2020 tat-tnedija tan-networks kummerċjali 5G.

    2.6

    Skont id-definizzjoni pprovduta fir-rakkomandazzjoni (9) tal-Kummissjoni Ewropea, “networks 5G” tfisser “sett tal-elementi kollha tal-infrastruttura tan-netwerk rilevanti għat-teknoloġija tal-komunikazzjoni mobbli u mingħajr fili li jintużaw għall-konnettività u s-servizzi b'valur miżjud b'karatteristiċi tal-prestazzjoni avvanzati ħafna bħal rati u kapaċità għolja ħafna ta' data, komunikazzjonijiet b'latenza baxxa, affidabbiltà estremament għolja, jew li jappoġġaw għadd kbir ta' apparati konnessi”.

    2.7

    Ir-rakkomandazzjoni tispeċifika li l-Kummissjoni Ewropea se tappoġġja l-implimentazzjoni ta' approċċ tal-UE għaċ-ċibersigurtà tal-5G u li se taħdem, kif mitlub mill-Istati Membri, biex tiżgura s-sigurtà tal-infrastruttura 5G u l-katina tal-provvista billi tuża, fejn xieraq, l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha:

    regoli tat-telekomunikazzjonijiet, il-multimedia u ċ-ċibersigurtà;

    koordinazzjoni ta' standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE;

    qafas għall-kontroll ta' investimenti diretti barranin biex tiġi protetta l-katina tal-provvista 5G Ewropea;

    għodod għad-difiża tal-kummerċ;

    regoli dwar il-kompetizzjoni;

    akkwist pubbliku, li jiżgura li l-aspetti ta' sigurtà jiġu kkunsidrati kif xieraq;

    programmi ta' finanzjament tal-UE, li jiżguraw li l-benefiċjarji jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' sigurtà rilevanti.

    2.8

    F'Lulju 2019, l-Istati Membri ppreżentaw ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom lill-Grupp ta' Kooperazzjoni stabbilit bid-Direttiva NIS (10) (magħmul mir-rappreżentanti ta' kull Stat Membru), lill-Kummissjoni Ewropea u lill-ENISA (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà), b'informazzjoni dwar l-attivitajiet ewlenin, it-theddid u l-vulnerabbiltajiet skont l-istandard ISO/IEC 27005, relatati mal-infrastruttura 5G u x-xenarji ta' riskju ewlenin, li jiddeskrivu l-modi potenzjali li bihom l-atturi ta' theddida jistgħu jisfruttaw ċerti vulnerabbiltajiet ta' attività: dawn il-valutazzjonijiet nazzjonali kienu l-bażi għall-valutazzjoni sussegwenti koordinata, u għal “sett ta' għodod” komuni ta' miżuri possibbli ta' mitigazzjoni tar-riskju.

    2.9

    F'Ottubru 2019, il-Grupp ta' Kooperazzjoni NIS, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea u l-ENISA, ippreżenta rapport dwar il-valutazzjoni kkoordinata fil-livell tal-UE tar-riskji għaċ-ċibersigurtà tan-networks 5G tal-ħames ġenerazzjoni, li identifika diversi sfidi importanti għas-sigurtà relatati ma' innovazzjonijiet teknoloġiċi ewlenin ta' software, applikazzjonijiet u servizzi, u mar-rwol tal-fornituri fil-ħolqien u l-użu ta' networks 5G u l-grad ta' dipendenza minn fornituri individwali:

    żieda fl-esponiment għall-attakki u numru akbar ta' punti ta' aċċess potenzjali għal dawk li jwettqu attakki bħal dawn;

    sensittività akbar għall-karatteristiċi arkitettoniċi ġodda u l-funzjonalità tan-networks 5G;

    riskji marbuta mad-dipendenza tal-operaturi tan-network mobbli mill-fornituri, b'żieda fl-għadd ta' linji ta' attakk li jistgħu jintużaw mill-awturi tat-theddida;

    ir-rilevanza tal-profil tar-riskju tal-fornituri individwali għal interferenza possibbli barra mill-UE;

    riskji akbar li ġejjin minn dipendenza qawwija mill-fornituri għal interruzzjonijiet ta' provvista possibbli kkawżati minn tensjonijiet kummerċjali jew oħrajn;

    theddid fuq id-disponibbiltà u l-integrità tan-networks fi kwistjonijiet ta' sigurtà, kunfidenzjalità u protezzjoni tal-privatezza.

    2.10

    Dawn l-isfidi kollha joħolqu paradigma ta' sigurtà ġdida li teħtieġ reviżjoni tal-qafas politiku u ta' sigurtà attwali applikabbli għas-settur u l-ekosistema tiegħu u teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri ta' mitigazzjoni meħtieġa.

    2.11

    Fil-21 ta' Novembru 2019, l-ENISA ppubblikat rapport intitolat “Ħarsa ġenerali lejn it-theddid għan-networks 5G” li għamel il-valutazzjonijiet tiegħu tat-theddid relatat mal-ħames ġenerazzjoni ta' networks tat-telekomunikazzjonijiet mobbli u jikkomplementa r-rapport tal-Istati Membri tal-UE.

    2.12

    Fid-29 ta' Jannar 2020, il-Grupp ta' Kooperazzjoni NIS ippubblika “Cybersecurity of 5G networks – EU toolbox of risk mitigating measures (11)” (Iċ-ċibersigurtà tan-networks 5G – sett ta' għodod tal-UE ta' miżuri li jimmitigaw ir-riskji) li inkluda sett komuni possibbli ta' miżuri li kapaċi jimmitigaw ir-riskji ewlenin ta' ċibersigurtà tan-networks 5G u jipprovdu linji gwida għall-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu prijoritizzati fil-pjani ta' mitigazzjoni fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE. Fl-istess jum, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li tappoġġja s-Sett ta' Għodod (12), li huwa s-suġġett ta' din l-Opinjoni.

    2.13

    Il-partijiet interessati ewlenin tal-infrastruttura tan-network 5G huma:

    iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-utenti finali tal-5G;

    operaturi ta' networks mobbli (MNOs): entitajiet li jipprovdu servizzi ta' network mobbli lill-utenti, u li jimmaniġġjaw in-network tagħhom stess bl-għajnuna ta' partijiet terzi;

    fornituri ta' operaturi ta' networks mobbli: entitajiet li jipprovdu servizzi jew infrastrutturi lill-MNOs sabiex jibnu u/jew jimmaniġġjaw in-networks tagħhom stess. Din il-kategorija tinkludi: manifatturi tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni; fornituri terzi oħra, bħal fornituri tal-infrastruttura cloud, integraturi tas-sistema, kuntratturi tas-sigurtà u tal-manutenzjoni, manifatturi tat-tagħmir tat-trażmissjoni;

    manifatturi ta' apparat konness u fornituri ta' servizzi relatati: entitajiet li jipprovdu oġġetti jew servizzi li se jagħmlu konnessjoni man-networks 5G (pereżempju smartphones, vetturi konnessi, saħħa elettronika) u komponenti ta' servizzi relatati ospitati fil-pjan ta' kontroll 5G kif definit fl-arkitettura bbażata fuq is-servizzi jew Mobile Edge Computing;

    partijiet interessati oħra, inklużi fornituri tas-servizzi u tal-kontenut.

    Dawn il-partijiet interessati kollha huma partijiet importanti interessati fis-sigurtà, kemm f'termini ta' kontribut għas-sigurtà ċibernetika tan-networks 5G kif ukoll bħala punti ta' dħul jew vetturi ta' attakk potenzjali. Għalhekk huwa importanti li jiġu vvalutati r-riskji assoċjati mal-pożizzjoni tagħhom fl-ekosistema 5G.

    2.14

    Il-kategoriji tradizzjonali ewlenin ta' theddid huma relatati mal-kompromess ta' kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà. B'mod iktar speċifiku, instab li għadd ta' xenarji ta' theddid immirati lejn in-networks 5G jikkonċernaw b'mod partikolari:

    tfixkil tan-network 5G lokali jew globali (disponibbiltà);

    spjunaġġ tat-traffiku tad-data fl-infrastruttura tan-network 5G (kunfidenzjalità);

    bidla jew rotta mibdula tat-traffiku tad-data fl-infrastruttura tan-network 5G (integrità u/jew kunfidenzjalità);

    qerda jew modifika ta' infrastrutturi diġitali oħra jew sistemi ta' informazzjoni permezz tan-networks 5G (integrità u/jew disponibbiltà).

    2.15

    It-theddid minn Stati jew atturi appoġġjati mill-Istat jitqies bħala tal-ikbar importanza minħabba li fil-fatt jirrappreżenta l-aktar atturi serji u l-aktar probabbli tat-theddida, peress li jista' jkollhom motivazzjonijiet, intenzjonijiet u fuq kollox il-kapaċità li jwettqu attakki persistenti u sofistikati fuq is-sigurtà tan-networks 5G.

    Għalkemm ħafna minn dawn il-vulnerabbiltajiet mhumiex speċifiċi għal networks 5G, in-numru u s-sinifikat tagħhom x'aktarx jiżdied permezz tal-5G, minħabba l-livell akbar ta' kumplessità tat-teknoloġija u d-dipendenza akbar tal-ekonomiji u l-kumpaniji fil-futur minn din l-infrastruttura.

    2.16

    B'mod partikolari, peress li n-networks 5G se jkunu fil-biċċa l-kbira bbażati fuq is-software, id-difetti ewlenin fis-sigurtà, bħal dawk li jirriżultaw minn proċessi ħżiena ta' żvilupp tas-software fil-fornituri tat-tagħmir, jistgħu jagħmluha eħfef għall-atturi li jdaħħlu intenzjonalment fil-prodotti elementi “backdoor” biex jagħmluhom aktar diffiċli biex jinstabu. Dan jista' jżid il-possibbiltà li l-isfruttar tagħhom ikollu impatt negattiv partikolarment serju u mifrux. Filwaqt li l-kwistjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà tal-4G għadhom ma ġewx solvuti għalkollox, il-problemi relatati mal-5G jistgħu jikbru b'mod esponenzjali.

    2.17

    Jeżistu wkoll vulnerabbiltajiet relatati mal-proċess jew mal-konfigurazzjoni li għandhom jiġu kkunsidrati:

    nuqqas ta' persunal speċjalizzat u mħarreġ biex jipproteġi, jimmonitorja u jżomm networks 5G;

    nuqqasijiet fil-kontrolli interni adegwati tas-sigurtà, fil-prattiki ta' monitoraġġ, fis-sistemi tal-immaniġġjar tas-sigurtà u l-insuffiċjenzi fil-prattiki tal-immaniġġjar tar-riskji;

    nuqqas ta' proċeduri ta' sigurtà jew ta' manutenzjoni operazzjonali, bħall-aġġornament tas-software/ġestjoni tas-software korrettiv fin-networks 5G;

    nuqqas ta' konformità mal-istandards 3GPP jew implimentazzjoni skorretta tal-istandards;

    nuqqasijiet ta' disinn jew arkitettura tan-network inkluż in-nuqqas ta' mekkaniżmi effettivi ta' emerġenza u kontinwità, u konfigurazzjoni inadegwata jew mhux korretta, pereżempju fil-virtwalizzazzjoni jew fid-drittijiet tal-amministrazzjoni jew ta' aċċess;

    kriterji inadegwati għall-aċċess lokali u remot għall-komponenti tan-network;

    insuffiċjenza tar-rekwiżiti tas-sigurtà fil-proċess tal-akkwist: din il-vulnerabbiltà tista' tieħu l-forma ta' strateġiji inadegwati għall-għażla tal-fornituri jew nuqqas ta' prijoritizzazzjoni tas-sigurtà b'rabta ma' aspetti oħra.

    2.18

    Il-profili tar-riskju ta' fornituri individwali għandhom jiġu vvalutati abbażi ta' diversi fatturi, b'mod partikolari: il-possibbiltà li l-fornitur ikun soġġett għal interferenzi minn pajjiż mhux tal-UE ffaċilitati minn rabtiet qawwija bejn il-fornitur u gvern ta' pajjiż terz speċifiku; il-leġislazzjoni tal-pajjiż terz, b'mod partikolari meta ma jkunux fis-seħħ kontrolli u bilanċi leġislattivi jew demokratiċi u fejn, b'riżultat ta' dan, is-sussidjarji tal-kumpanija li joperaw fl-UE jistgħu jiġu skoraġġuti milli jsegwu l-leġislazzjoni tal-UE, jew fin-nuqqas ta' ftehimiet dwar is-sigurtà jew il-protezzjoni tad-data bejn l-UE u l-pajjiż terz ikkonċernat; il-karatteristiċi tas-sjieda korporattiva tal-fornitur; il-kapaċità għall-pajjiż terz li jeżerċita kwalunkwe forma ta' pressjoni, anke b'rabta mal-post tal-produzzjoni tat-tagħmir; il-kwalità ġenerali tal-prodotti u l-prattiki ta' ċibersigurtà tal-fornitur, inkluż il-livell ta' kontroll fuq il-katina tal-provvista tiegħu u l-prijorità adegwata għal prattiki ta' sigurtà.

    2.19

    L-Istati Membri qablu li jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri biex jirrispondu b'mod adegwat u proporzjonat għar-riskji diġà identifikati u r-riskji futuri possibbli. B'mod partikolari, qablu li jiżguraw li jkunu kapaċi jillimitaw, jipprojbixxu u/jew jimponu rekwiżiti u kundizzjonijiet speċifiċi, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, għall-provvista, id-distribuzzjoni u t-tħaddim tat-tagħmir tan-network 5G.

    2.20

    F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw:

    it-tisħiħ tar-rekwiżiti tas-sigurtà għall-operaturi ta' networks mobbli bħall-kontrolli stretti ta' aċċess, ir-regoli dwar it-tħaddim u l-monitoraġġ sikur, il-limitazzjonijiet fuq l-esternalizzazzjoni ta' funzjonijiet speċifiċi;

    valutazzjonijiet tal-profil tar-riskju tal-fornituri abbażi ta' kriterji oġġettivi u ċari; b'konsegwenza ta' dan, l-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet rilevanti billi jkunu segwiti l-prinċipji tal-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali għall-fornituri meqjusa bħala ta' riskju għoli, inklużi l-esklużjonijiet meħtieġa biex jiġu mmitigati b'mod effettiv ir-riskji għal assi kritiċi u sensittivi ewlenin fil-valutazzjoni tar-riskju kkoordinata fil-livell tal-UE;

    twaqqif ta' standards ta' sigurtà u l-aħjar prattiki implimentati u rikonoxxuti b'mod globali u bbażati fuq il-kunsens;

    disponibbiltà minn kull operatur ta' strateġija adegwata ta' fornituri multipli biex tiġi evitata jew limitata kwalunkwe dipendenza maġġuri minn fornitur wieħed jew fornituri bi profil ta' riskju simili;

    kontroll strett ta' aċċess u ġestjoni, tħaddim u monitoraġġ sikur tan-network fl-użu taċ-ċertifikazzjoni għal komponenti u/jew proċessi tan-network 5G. Din l-istrateġija teħtieġ li tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskju mwettqa mill-Istati Membri u l-operaturi, sabiex l-għażla ta' strateġija ta' diversi bejjiegħa ma żżidx il-livell ta' riskju għan-network tal-operatur;

    bilanċ adegwat ta' fornituri fil-livell nazzjonali u l-evitar ta' dipendenza minn fornituri meqjusa bħala ta' riskju għoli, anke billi tiġi promossa interoperabbiltà akbar tat-tagħmir;

    tinżamm katina ta' provvista 5G diversifikata u sostenibbli sabiex tiġi evitata dipendenza fit-tul, billi tagħmel użu sħiħ mill-għodod tal-UE għall-kontroll ta' investimenti barranin diretti, għodod tad-difiża tal-kummerċ, regoli tal-kompetizzjoni, regoli ta' akkwist tal-UE;

    tisħiħ tal-kapaċitajiet interni tal-UE fit-teknoloġiji 5G u ta' wara l-5G bl-użu tal-programmi u l-iffinanzjar rilevanti tal-UE, koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fl-istandardizzazzjoni li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' ''ttestjar'' u ''awditjar'', biex jinkisbu għanijiet ta' sigurtà speċifiċi u jiġu żviluppati sistemi ta' ċertifikazzjoni speċifiċi tal-UE skont il-liġi dwar is-sigurtà diġitali u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà.

    2.21

    Kif enfasizzat diversi drabi l-Kummissjoni Ewropea, is-suq intern Ewropew huwa, u jibqa', miftuħ għal dawk li jixtiequ jittrasferixxu ruħhom fl-Ewropa sakemm kulħadd jirrispetta regoli ċari u esiġenti bbażati fuq kriterji oġġettivi.

    2.22

    Fis-6 ta' Ġunju 2020 il-Kunsill enfasizza l-importanza li tissaħħaħ is-sovranità u l-kooperazzjoni diġitali fl-UE kif ukoll li jinħolqu sinerġiji permezz ta' programmi tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali bl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, l-iżvilupp tal-ekonomija tad-data, l-importanza tal-intelliġenza artifiċjali u s-sigurtà diġitali bi rwol attiv diġitali fil-kisba tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku.

    3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

    3.1

    Bi tweġiba għas-sett ta' għodod tas-sigurtà 5G tal-grupp ta' komunikazzjoni NIS, il-Kummissjoni Ewropea qed:

    taħdem, kif mitlub mill-Istati Membri, biex tiżgura s-sigurtà tal-infrastruttura 5G u l-katina tal-provvista billi tuża, fejn xieraq, l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha;

    tistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta' strateġiji effettivi ta' mitigazzjoni tar-riskju, biex jadottaw aktar miżuri ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE għal approċċ miftiehem għaċ-ċibersigurtà 5G;

    tistieden lill-Istati Membri biex jipproċedu bl-implimentazzjoni tas-sett ta' miżuri rrakkomandati fil-konklużjonijiet tas-sett tal-għodod u biex tħejji rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni tagħhom waqt li l-grupp ta' kooperazzjoni NIS ikompli jaħdem biex jappoġġja l-implimentazzjoni tas-sett tal-għodod;

    tipprovdi – fl-oqsma ta' kompetenza tagħha – azzjonijiet għas-salvagwardja taċ-ċibersigurtà tan-networks 5G u katina ta' valur 5G diversifikata, l-istandardizzazzjoni teknika u ċ-ċertifikazzjoni, l-investiment dirett barrani u d-difiża tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni, l-akkwist u diplomazija diġitali, kif ukoll il-programmi u l-fondi rilevanti tagħha, speċjalment għar-R&Ż, il-koeżjoni u l-iżvilupp.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Il-KESE huwa konvint li t-teknoloġiji l-ġodda tal-5G huma kapaċi jittrasformaw il-mod kif ninteraġixxu mad-dinja, u joffru opportunitajiet għal applikazzjonijiet ġodda, mudelli ta' negozju, stili ta' ħajja ġodda, fabbriki intelliġenti, żieda fil-produttività u servizzi ta' kwalità ġodda għaċ-ċittadin, li potenzjalment jiftħu l-bibien għal teknoloġiji rivoluzzjonarji bħal karozzi awtomatizzati u sistemi avvanzati ta' produzzjoni u distribuzzjoni, kif ukoll jippermettu l-introduzzjoni ta' eluf kbar ta' apparati interkonnessi fid-dinja tagħna ta' kuljum bħala parti mill-Internet tal-Oġġetti (IoT). Madankollu, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ l-istudji tal-impatt u ta' fattibbiltà u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-5G meta mqabbel mal-użu tat-teknoloġija 4G jew tat-telekomunikazzjoni bil-fibra ottika. Il-KESE jqis essenzjali li l-5G ikun orjentat lejn il-kisba ta' użu ċirkulari aħjar tar-riżorsi u li titnaqqas l-impronta sinifikanti tas-CO2 relatata mal-enerġija. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu ttrattati dawn il-bidliet soċjali strutturali billi tissaħħaħ tranżizzjoni ġusta u bla xkiel u tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet biex jinħolqu impjiegi li jkunu mħallsin aħjar, flessibbli u b'ħiliet għolja.

    4.2

    Dawn ir-riskji tripli, jiġifieri pandemiji mhux ikkontrollati, riżervi ta' politika ekonomika insuffiċjenti u “ċinji suwed” ġeopolitiċi, jistgħu jitfgħu lill-ekonomija globali f'depressjoni persistenti u jwasslu għal kollass u ħruġ mis-suq finanzjarju, proprju meta l-komponenti kollha tas-soċjetà Ewropea qegħdin isiru dejjem aktar konxji tal-fatt li għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u għar-rivoluzzjoni diġitali li għaddejja – u li fil-fatt il-5G jirrappreżenta waħda mill-għodod ewlenin – għandhom jintużaw metodi li jqisu fl-istess ħin l-aspett teknoloġiku, iż-żieda fil-produttività u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi dispjonibbli bl-appoġġ ta' qafas legali-regolatorju u ekonomiku-finanzjarju adegwat.

    4.3

    Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiffinalizzaw is-suq uniku diġitali, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet biex jintegraw u jużaw is-servizzi 5G biex jiddefendu u jtejbu l-kompetittività tal-industriji Ewropej: jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja b'mod strett il-progress fl-implimentazzjoni u l-użu reali tal-5G u jistieden lill-Istati Membri SM jħaffu aktar il-proċess waqt li jqisu l-aspetti kollha tas-sigurtà u s-sikurezza, inklużi aspetti relatati mal-impatt tat-teknoloġiji 5G fuq is-saħħa tal-popolazzjoni u l-ekosistemi ħajjin, l-impatt soċjoekonomiku u kompetittiv, l-impatt fuq l-ekukazzjoni u t-taħriġ, il-garanzija tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-proprjetà jew id-dritt għall-privatezza u s-sigurtà tad-data personali.

    4.4

    Il-KESE jappella biex l-UE tkun il-mexxejja globali fil-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġija mobbli 5G b'infrastruttura diġitali sigura bħala komponent b'saħħtu integrat fl-istrateġija industrijali moderna u ġdida Ewropea permezz ta' bidla radikali fil-konnettività mobbli u b'potenzjal dinamiku enormi għal żieda fil-produttività u tkabbir tal-ekonomija u s-servizzi għaċ-ċittadini, il-benesseri tagħhom u l-protezzjoni tal-klima u l-ambjent billi l-UE titpoġġa fuq quddiem nett tar-rivoluzzjoni tal-5G.

    4.5

    Minħabba li ċ-ċibersigurtà u s-sigurtà nazzjonali huma żewġ aspetti marbuta b'mod intrinsiku, il-KESE jemmen li kwalunkwe deċiżjoni dwar is-sigurtà nazzjonali ta' pajjiż membru tal-UE għandha tittieħed fil-kuntest tal-UE, u valutazzjonijiet mhux tekniċi għandhom ikunu applikati b'mod oġġettiv fuq il-bażi ta' kriterji ta' valutazzjoni tar-riskju definiti fil-livell Ewropew meħtieġa biex ikun żgurat ambjent regolatorju prevedibbli u armonizzat fl-Ewropa kollha li jiggarantixxi interoperabbiltà sħiħa.

    4.6

    Il-KESE jemmen li l-kwalità tal-informazzjoni u l-metodi ta' komunikazzjoni – l-hekk imsejjaħ effett ta' inkwadrazzjoni, l-effett tal-kuntest jew il-pożizzjoni ta' rilevanza – li jagħtu prominenza, jinfluwenzaw b'mod sinifikanti l-għażliet ta' mġiba tar-riċevituri. Għalhekk, l-għan tal-promozzjoni tas-setgħa lill-konsumatur jissarraf fl-identifikazzjoni ta' għodod li għandhom l-għan li jedukaw lill-konsumatur u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, li jagħmluhom attur attiv fis-suq diġitali. Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'informazzjoni aġġornata u korretta dwar il-benefiċċji u r-riskji tal-5G abbażi tal-kunsens tal-maġġoranza l-kbira tal-komunità xjentifika, u jindika l-aspetti li fuqhom dan il-kunsens huwa inċert.

    4.7

    Il-KESE huwa konvint li l-aċċess għas-suq diġitali Ewropew għandu jibqa' bla ħlas għal kwalunkwe kumpanija mingħajr diskriminazzjoni imma fir-rispett ta' qafas Ewropew ta' regoli, standards u kriterji sodi u ta' valutazzjoni u sigurtà li jpoġġu fiċ-ċentru tal-istrateġija Ewropea l-irkupru u l-ħajja mill-ġdid tas-sovranità teknoloġika Ewropea li hija partikolari għaliha.

    4.8

    Għalkemm l-aqwa ħames fornituri tal-infrastruttura jinkludu żewġ fornituri Ewropej, tnejn Ċiniżi u wieħed Korean (13), l-ebda kumpanija Ewropea ewlenija ma hija fost tal-ewwel biex tipproduċi apparat u chipsets 5G; il-KESE huwa konvint li d-diversità tal-fornituri trid tkun iggarantita, li tal-anqas wieħed minnhom huwa proprjetà ta' kumpanija Ewropea u li jiġi żgurat qafas ta' interoperabbiltà u funġibbiltà sħiħa tal-komponenti tal-hardware u tas-software, biex tkun assigurata wkoll sovranità teknoloġika Ewropea sħiħa fil-kuntest ta' kooperazzjoni internazzjonali b'saħħitha u reċiproċità sħiħa ta' ftuħ, aċċess u operazzjonijiet fis-swieq. Diversifikazzjoni bħal din tista' tiġi applikata sakemm l-interoperabbiltà tas-servizzi tkun possibbli u r-riskji taċ-ċibersigurtà ma jiżdidux b'riżultat tad-diversità.

    4.9

    Il-KESE jemmen li huwa essenzjali għall-Ewropa li tiffoka fuq l-awtonomija u l-awtosuffiċjenza f'dan il-qasam fuq perjodu ta' żmien medju billi tappoġġja b'mod qawwi r-riċerka u d-diversità ta' kumpaniji Ewropej. Il-KESE jilqa' s-sett ta' miżuri miftiehma mill-Istati Membri biex jindirizzaw ir-riskji tas-sigurtà (sigurtà u sikurezza) marbuta mal-introduzzjoni tat-teknoloġija 5G, li diġà ġiet identifikata mill-valutazzjoni Ewropea. Madankollu, jemmen li l-limiti ta' esponiment stretti u siguri għal kampi elettromanjetiċi kif rakkomandat fil-livell tal-UE u bbażati fuq indikazzjonijiet aġġornati tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni kontra r-Radjazzjoni Mhux Jonika (ICNIRP), rikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-meded ta' frekwenzi kollha previsti għall-5G (14): il-limiti ICNIRP huma bbażati fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni, peress li huma 50 darba anqas mil-livelli ta' effett fuq is-saħħa għall-pubbliku, stabbiliti abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli.

    4.10

    Madankollu, il-KESE jinnota li l-ICNIRP mhijiex rikonoxxuta mill-komunità kollha, b'xi xjentisti li jippromovu limiti ta' espożizzjoni tal-popolazzjoni li huma aktar stretti skont il-prinċipju ALARA. Is-soluzzjonijiet li jistgħu jiġu proposti sabiex tiġi kkomplementata l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet 5G jinkludu l-użu ta' konnessjonijiet tad-data fissi permezz ta' teknoloġiji eżistenti mhux tar-radju (kejbils tal-Ethernet, il-fibra ottika, eċċ.), f'sitwazzjonijiet fejn l-użu huwa fiss (eż. ATMs, POS tal-banek, robots industrijali, robots mediċi kkontrollati mill-bogħod, eċċ.) u fejn utenti ta' trażimissjoni tad-data kbira joperaw (fornituri ta' servizzi diġitali, kumpaniji/negozji, eċċ.); l-Internet tal-Oġġetti preżenti f'postijiet fissi mhux mobbli (Smart Home, Smart City, sensuri fuq tagħmir ta' utilità pubblika, eċċ.).

    4.11

    Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri għandhom jipprovdu qafas demokratiku għall-konsultazzjoni, li fih suġġetti xjentifiċi jew teknoloġiċi, garanziji legali u tweġibiet mill-istituzzjonijiet kompetenti għal mistoqsijiet mis-soċjetà ċivili jistgħu jiġu ppreżentati lill-pubbliku.

    4.12

    Skont il-KESE, lil hinn mill-enfasi dovuta mogħtija lill-miżuri tajbin fuq is-setgħa tar-regolaturi nazzjonali u r-rwol tal-operaturi tat-telekomunikazzjoni, għandha ssir aktar enfasi fuq l-għodod għall-utenti, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti li huma limitati u nieqsa mill-effiċjenza.

    4.13

    Il-KESE rrikonoxxa (15) l-eżistenza tal-problema ta' sensittività eċċessiva għall-elettromanjetika (EHS) u enfasizza t-tħassib tiegħu, billi huwa inkoraġġanti li wieħed jinnota li għadha għaddejja aktar riċerka fil-fond biex tiġi mifhuma l-problema u l-kawżi tagħha u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli u taġġorna l-ħidma f'dan il-qasam.

    4.14

    Il-kredibbiltà tal-fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u l-applikazzjoni 5G hija essenzjali, fil-fehma tal-KESE, peress li l-immaniġġjar ta' informazzjoni fuq l-Internet huwa l-bażi tas-servizzi ta' data aggregata li tinġabar u tiġi pproċessata mill-utenti, permezz ta' mekkaniżmi teknoloġiċi, legali u fiskali, u billi ssir interrelazzjoni diretta ta' oġġetti, magni u algoritmi.

    4.15

    Il-KESE ssuġġerixxa (16) li ssir bidla mill-kunċetti ta' sjieda tad-data għal definizzjoni tad-drittijiet tad-data għal individwi u entitajiet legali. Il-konsumaturi għandu jkollhom il-kontroll tad-data prodotta mill-apparati konnessi sabiex tiġi ggarantita l-privatezza tal-konsumatur b'aċċessibbiltà, interoperabbiltà u trasferiment tad-data, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata u l-kunfidenzjalità tad-data, il-kompetizzjoni ġusta u l-għażla usa' għall-konsumaturi.

    4.16

    Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) għandu jkun arrikkit b'linji ta' applikazzjoni ċari biex tinkiseb applikazzjoni uniformi u livell għoli ta' protezzjoni tad-data tal-konsumatur fid-dawl tal-interkonnettività tal-magni u l-oġġetti u għandha ssir reviżjoni tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-assigurazzjoni tal-prodotti biex tadattahom għal sitwazzjoni li fiha d-deċiżjonijiet se jittieħdu dejjem aktar mis-software f'qafas ta' sigurtà sħiħa.

    4.17

    Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi u tekniċi fis-sett tal-għodod tal-UE, billi jevitaw l-iżvilupp ta' approċċi nazzjonali speċifiċi, bħal testijiet u ċertifikazzjonijiet addizzjonali li jikkawżaw frammentazzjoni tas-suq, dewmien fl-implimentazzjoni ta' teknoloġiji u inkonsistenzi bejn is-swieq, bir-riskju li tiddgħajjef il-fiduċja fis-sistemi ta' ttestjar u ċertifikazzjoni.

    4.18

    Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jintużaw l-istandards globali, b'appoġġ akbar min-naħa Ewropea, u tal-aħjar prattiki kondiviżi u rikonoxxuti li jippermettu l-immaniġġjar effiċjenti tat-theddid, jiġu ġġenerati ekonomiji ta' skala, tiġi evitata l-frammentazzjoni u tiġi ggarantita l-interoperabbiltà tas-sistemi Ewropej. Il-konverżazzjonijiet dwar l-istandards tekniċi huma kjarifika meħtieġa li tippermetti lill-kumpaniji jikkompetu mill-ġdid u jwettqu fihom l-attivitajiet fundamentali li jippermettu li jimplimentaw teknoloġiji avvanzati, bħall-5G u l-intelliġenza artifiċjali (IA), fis-swieq kollha.

    4.19

    B'mod partikolari, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġu żgurati valutazzjonijiet tal-profil tar-riskju tal-fornituri u li jiġu applikati restrizzjonijiet rilevanti għall-fornituri meqjusa bħala ta' riskju għoli, inklużi l-esklużjonijiet meħtieġa biex jitnaqqsu b'mod effettiv ir-riskji għal assi kritiċi u sensittivi ewlenin fil-valutazzjoni tar-riskju kkoordinata fil-livell tal-UE.

    4.20

    Il-KESE jemmen li huwa importanti li jiżdiedu l-investimenti tal-operaturi u l-fornituri fuq funzjonalitajiet tekniċi ġodda ta' sigurtà, investimenti li jridu jkunu kapaċi jimxu id f'id mal-kapaċità tas-suq li jirrikonoxxi u jikkumpensa dawk l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jżidu s-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistemi. Viżibbiltà ikbar fuq l-investimenti fis-sigurtà tista' tintroduċi elementi ġodda ta' inċentivi tas-suq.

    4.21

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ interventi komuni b'appoġġ għall-iżvilupp industrijali u l-implimentazzjoni tal-5G: valutazzjoni ta' fallimenti potenzjali jew nuqqasijiet fis-suq tul il-katina tal-valur tal-5G, li jiġġustifikaw interventi mmirati fil-kuntest tal-baġit fit-tul li jmiss jew proġett possibbli ta' interess Ewropew komuni dwar iċ-ċibersigurtà 5G (sigurtà u sikurezza).

    4.22

    Il-KESE jenfasizza li għalkemm l-infrastruttura diġitali wriet li hija reżistenti u b'saħħitha matul il-kriżi tal-COVID-19, hemm bżonn ta' investiment ulterjuri fl-infrastruttura 5G sabiex tingħeleb il-qasma diġitali li għadha teżisti u li tista' tillimita l-aċċess taċ-ċittadini għas-saħħa elettronika, it-tagħlim elettroniku u t-telexogħol.

    4.23

    F'termini tad-diplomazija teknoloġika, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-UE tiżgura kundizzjonijiet aktar bilanċjati u reċiproċi għall-kummerċ u l-investiment, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tal-impriżi għas-suq, is-sussidji, l-akkwist pubbliku, it-trasferimenti tat-teknoloġija, il-proprjetà industrijali u l-istandards soċjali u ambjentali, speċjalment fil-preżenza ta' “rivali sistemiċi li jippromovu mudelli alternattivi ta' governanza”, filwaqt li titħeġġeġ il-kompetizzjoni sħiħa u l-innovazzjoni teknika fis-suq.

    4.24

    Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-ħtieġa li tinżamm katina tal-provvista 5G diversifikata u sostenibbli sabiex jiġu evitati dipendenzi fit-tul, billi tiġi prevista l-preżenza ta' bosta fornituri fi ħdan qafas ta' funġibbiltà u interoperabbiltà, u li tkompli tissaħħaħ fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u inizjattivi għall-bini tal-kapaċitajiet u s-sovranità teknoloġika Ewropea 5G u wara l-5G.

    4.25

    Fil-kuntest tal-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa, adottat fis-27 ta' Mejju 2020, l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali 2020 (DESI) jgħarraf analiżi speċifika għall-pajjiż b'appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet diġitali tas-semestru Ewropew. Dan se jgħin lill-Istati Membri biex jindirizzaw u jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet ta' riforma u ta' investiment tagħhom, u b'hekk jiffaċilitaw l-aċċess għall-għodod ta' rkupru u reżiljenza għall-valur ta' EUR 560 biljun. L-għodda se tipprovdi lill-Istati Membri bil-fondi biex jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar reżiljenti u jiżguraw li l-investimenti u r-riformi jappoġġjaw tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Peress li l-pandemija kellha impatt sinifikanti fuq kull waħda mill-ħames dimensjonijiet tad-DESI, il-konklużjonijiet tal-2020 għall-5G għandhom jinqraw flimkien mal-bosta miżuri meħuda mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jimmaniġġjaw il-kriżi u jappoġġjaw l-irkupru.

    Brussell, is-16 ta’ Settembru 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Artikolu 168(1) tat-TFUE “L-Azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali …”.

    (2)  COM(2016) 587.

    (3)  COM(2016) 590.

    (4)  COM(2016) 591.

    (5)  COM(2016) 176.

    (6)  COM(2016) 589.

    (7)  COM(2016) 588.

    (8)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 74.

    (9)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/534 tas-26 ta' Marzu 2019Ċibersigurtà ta' netwerks 5G (ĠU L 88, 29.3.2019, p. 42).

    (10)  Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni.

    (11)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/cybersecurity-5 g-networks-eu-toolbox-risk-mitigating-measures

    (12)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/secure-5 g-deployment-eu-implementing-eu-toolbox-communication-commission

    (13)  Il-ħames fornituri globali bħalissa huma: Ericsson, Nokia, Huawei, ZTE u Samsung.

    (14)  PE – E-003040/2019 Tweġiba mogħtija mis-Sinjura Kyriakides f'isem il-Kummissjoni Ewropea (17.1.2020).

    (15)  ĠU C 242, 2.7.2015, p. 31.

    (16)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 79.


    Top