EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0218

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Fond Monetarju Ewropew (COM(2017)0827 – 2017/0333R(APP))

ĠU C 23, 21.1.2021, p. 590–593 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/590


P8_TA(2019)0218

L-istabbiliment tal-Fond Monetarju Ewropew

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Fond Monetarju Ewropew (COM(2017)0827 – 2017/0333R(APP))

(2021/C 23/86)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Fond Monetarju Ewropew (COM(2017)0827),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-proposti għal riforma tal-Unjoni Ekonomika Monetarja (UEM),

wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-President tal-Grupp tal-Euro lill-President tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar l-approfondiment ulterjuri tal-UEM, u d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro tad-29 ta' Ġunju 2018 dwar ir-riforma tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp tal-Euro lill-Mexxejja dwar l-approfondiment tal-UEM tal-4 ta' Diċembru 2018,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro tal-14 ta' Diċembru 2018,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni futura bejn il-Kummissjoni u l-MES tal-14 ta' Novembru 2018,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-11 ta' April 2018 dwar proposta għal regolament fuq it-twaqqif ta' Fond Monetarju Ewropew (3),

wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-18 ta' Settembru 2018 dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-awditjar u tal-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-proposta tas-6 ta' Diċembru 2017 għall-ħolqien ta' Fond Monetarju Ewropew fi ħdan il-qafas legali tal-Unjoni,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-kompletament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, il-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-futur tal-Ewropa, u d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2017 dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fl-UEM futura (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-inkjesta dwar ir-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni, FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 99(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0087/2019),

A.

billi l-introduzzjoni tal-euro hija waħda mill-kisbiet politiċi l-aktar importanti tal-proġett Ewropew u element fundamentali tal-kostruzzjoni tal-UEM;

B.

billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika żvelat id-dgħufijiet tal-arkitettura tal-euro, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa urġenti tal-approfondiment rapidu tal-UEM u tat-tisħiħ tal-obbligu ta' rendikont demokratiku u tat-trasparenza tagħha;

C.

billi liċ-ċittadini tal-UE l-euro joffrilhom protezzjoni u opportunitajiet; billi żona tal-euro b'saħħitha u stabbli hija essenzjali għall-membri tagħha u għall-UE kollha kemm hi;

D.

billi l-adeżjoni ma' żona monetarja komuni tirrikjedi r-rispett ta' regoli u obbligi komuni, bħal dawk stabbiliti fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, kif ukoll strumenti komuni biex jirrispondu għall-iskossi ekonomiċi u finanzjarji gravi u għall-promozzjoni tar-responsabbiltà, tas-solidarjetà u tal-konverġenza soċjoekonomika 'l fuq; billi t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (Trattat dwar il-MES) jipprevedi rabta ċara mal-mekkaniżmi Ewropej ta' sorveljanza makroekonomika, b'mod partikolari r-rispett tar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, inklużi l-klawsoli ta' flessibbiltà tiegħu, u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali sostenibbli u inklużivi; billi t-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskju għandhom jimxu id f'id fl-approfondiment tal-UEM;

E.

billi l-ħolqien tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u t-trasformazzjoni sussegwenti tagħha fil-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) irrappreżentaw pass importanti lejn il-ħolqien ta' mekkaniżmu Ewropew għall-ġestjoni tal-kriżijiet, li jgħin biex tissaħħaħ l-UEM u jagħti assistenza finanzjarja lil diversi pajjiżi Ewropej milquta mill-kriżi;

F.

billi n-natura intergovernattiva tal-MES għandha implikazzjonijiet fuq il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu u, b'mod partikolari, fuq il-kapaċità tiegħu li jirrispondi malajr għall-iskossi ekonomiċi u finanzjarji;

G.

billi l-inkorporazzjoni futura tal-MES fil-qafas ġurifiku tal-UE għandha tkompli titqies bħala parti mill-proġett ta' kompletament tal-UEM;

H.

billi d-dibattitu li għaddej dwar il-futur tal-Ewropa u tal-UEM enfasizza fehmiet politiċi differenti fost l-Istati Membri dwar il-futur fit-tul tal-MES, iżda jipprovdi wkoll bażi tajba għal pass inizjali importanti lejn it-tisħiħ tar-rwol tiegħu, l-iżvilupp tal-għodod finanzjarji tiegħu u t-titjib tal-effiċjenza u tal-obbligu ta' rendikont demokratiku tiegħu bħala parti mir-riforma tal-MES; billi d-diskussjoni dwar l-approfondiment tal-UEM għandha tipproduċi soluzzjoni politika għar-riforma tal-MES;

I.

billi fuq terminu qasir, ir-riforma tal-MES għandha tikkontribwixxi għall-unjoni bankarja, u tipprovdi garanzija ta' kontinġenza fiskali komuni xierqa għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF);

1.

Jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2017 għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Fond Monetarju Ewropew u jqis li dan huwa kontribut utli għad-dibattitu li għaddej dwar il-futur tal-Ewropa, l-approfondiment tal-UEM u r-riforma tal-MES; jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni għal integrazzjoni tal-MES fl-ordinament ġuridiku tal-UE;

2.

Jinnota li l-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati mil-MES riformat se jappartjenu għall-qasam tal-politika ekonomika, u li l-isem “Fond Monetarju Ewropew” (FME) jista' jkun qarrieqi; jinnota li fl-opinjoni tiegħu tal-11 ta' April 2018, il-BĊE ssuġġerixxa li s-suċċessur tal-MES iżomm l-isem “MES”; jitlob, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, li ssir evalwazzjoni adegwata u bir-reqqa tal-implikazzjonijiet tal-għażla ta' isem għall-MES riformat, bil-għan li jiġi żgurat l-inqas impatt possibbli għall-funzjonament bla problemi tal-MES riformat; jissuġġerixxi li l-MES iżomm l-isem attwali tiegħu, li huwa rikonoxxut fis-swieq tal-kapital, b'hekk jagħmilha ċara li l-politika monetarja taż-żona tal-euro tibqa' l-kompetenza tal-BĊE;

3.

Jenfasizza li l-funzjonament korrett tal-UEM huwa appoġġat mill-eżistenza ta' istituzzjoni li sservi bħala “sellief tal-aħħar istanza”; jinnota, f'dan il-kuntest, il-kontribut pożittiv tal-MES lejn l-indirizzar tad-dgħufijiet tal-qafas istituzzjonali tal-UEM, l-aktar billi jagħti assistenza finanzjarja lil diversi Stati Membri milquta mill-kriżi finanzjarja dinjija u mill-kriżi tad-dejn sovran;

4.

Ifakkar il-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu favur l-inkorporazzjoni tal-MES fil-qafas ġuridiku tal-UE, biex b'hekk isir organu tal-UE veru u proprju; jinsisti li din l-inkorporazzjoni għandha tqis ukoll ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tkompli titqies bħala parti mill-proġett ta' kompletament tal-UEM; jemmen li tali integrazzjoni tkun tippermetti ġestjoni konformi mal-metodu Komunitarju, tiżgura l-konsistenza sħiħa tar-regoli u l-obbligi fiskali, tiffaċilita l-koordinament tal-politika ekonomika u fiskali, u ssaħħaħ il-leġittimità demokratika u l-obbligu ta' rendikont permezz tal-Parlament Ewropew;

5.

Jissottolinja l-fatt li jekk, fil-futur, ir-riżorsi baġitarji tal-UE jkunu involuti, il-Parlament għandu jkollu l-poter politiku li jeżerċita d-drittijiet applikabbli kollha marbuta mal-kontroll baġitarju fil-konfront tal-MES fi ħdan il-proċedura tal-kwittanza; jinnota li f'din l-eventwalità, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha titqies bħala l-awditur estern indipendenti u tingħata rwol ċar u formali fil-proċedura tal-kwittanza;

6.

Ifakkar il-prerogattivi ta' sorveljanza fiskali u demokratika tal-parlamenti nazzjonali; iqis li għandu jkompli jitjieb l-iskrutinju fuq il-MES riformat min-naħa tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew; jemmen li l-parlamenti nazzjonali għandhom ikollhom id-dritt li jiksbu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-MES riformat, u jinvolvu ruħhom fi djalogu mad-Direttur Maniġerjali tal-MES;

7.

Jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni ġġenerat diskussjoni vivaċi dwar l-implikazzjonijiet politiċi, finanzjarji u ġuridiċi tagħha; jenfasizza, madankollu, li dan id-dibattitu dwar il-viżjoni fit-tul tal-qafas istituzzjonali tal-MES ma għandux idewwem l-azzjonijiet meħtieġa b'mod urġenti biex isaħħu u jinfurzaw l-obbligu ta' rendikont tal-UEM u l-kapaċità tagħha li tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja u l-konverġenza u tirrispondi għall-iskossi ekonomiċi; jitlob, għalhekk, li jkun hemm riforma sinifikattiva tal-MES permezz ta' reviżjoni tat-Trattat dwar il-MES, mingħajr preġudizzju għal żviluppi aktar ambizzjużi fil-futur;

8.

Jenfasizza li l-missjoni primarja tal-MES riformat għandha tkompli tkun dik li jagħti assistenza finanzjarja ta' tranżizzjoni lill-Istati Membri fil-bżonn, abbażi ta' kundizzjonalità speċifika maqbula fi programmi ta' aġġustament u fid-dawl tat-tagħlimiet meħudin mill-programmi ta' assistenza finanzjarja preċedenti ġestiti mill-Kummissjoni, mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u mill-BĊE; jenfasizza li l-MES riformat irid ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-kapaċitajiet adegwati għal dak l-iskop; jopponi, għalhekk, kwalunkwe tentattiv biex il-MES riformat jinbidel fi strument għall-banek biss, jew li titnaqqas il-kapaċità finanzjarja tiegħu li jappoġġa lill-Istati Membri;

9.

Ifakkar li l-firxa ta' strumenti finanzjarji disponibbli għall-MES għandha tkun disponibbli u mtejba għall-MES riformat, inkluża l-possibbiltà li tingħata biżżejjed assistenza finanzjarja ta' prekawzjoni, b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċedu għall-assistenza qabel ma jiltaqgħu ma' diffikultajiet kbar biex jiġbru l-fondi fis-suq tal-kapital; jiddefendi l-fatt li l-aċċess għal-linja tal-kreditu b'kundizzjonijiet prekawzjonarji (PCCL) għandu jkun disponibbli abbażi ta' ittra ta' intenzjoni u suġġett għall-kriterji applikabbli; jinnota li dawn l-istrumenti finanzjarji jridu jintużaw biex tingħata għajnuna lill-Istati Membri fil-każ ta' skossi ekonomiċi u finanzjarji gravi; ifakkar li l-assistenza finanzjarja mogħtija lill-Istati Membri tista' tkun ikkomplementata bi strument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività biex jiġu promossi l-istabbilizzazzjoni ekonomika u finanzjarja, l-investiment u l-konverġenza soċjoekonomika 'l fuq fiż-żona tal-euro;

10.

Jenfasizza li l-UEM hija magħmula lill-Istati Membri kollha tal-UE, li kollha kemm huma, ħlief id-Danimarka u r-Renju Unit, huma meħtieġa jadottaw l-euro u jaderixxu maż-żona tal-euro, u li kwalunkwe MES għandu għalhekk ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha tal-UE;

11.

Jemmen li l-MES riformat għandu jkollu rwol aktar prominenti fil-ġestjoni tal-programmi ta' assistenza finanzjarja, flimkien mal-Kummissjoni u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE, filwaqt li jiżgura li l-qafas istituzzjonali tal-UE jkollu aktar awtonomija kull meta jkun meħtieġ, mingħajr preġudizzju għal sħubijiet xierqa ma' istituzzjonijiet oħra, partikolarment il-FMI;

12.

Jenfasizza li l-MES riformat għandu jkollu l-għarfien espert tiegħu stess biex jipproduċi u jivvaluta l-elementi meħtieġa mill-istatut tiegħu; jenfasizza, madankollu, li l-evalwazzjoni tat-talbiet għall-assistenza finanzjarja magħmula mill-MES, kif ukoll it-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu dwar it-tfassil tal-programmi ta' aġġustament, f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħrajn, m'għandhom bl-ebda mod jissostitwixxu s-sorveljanza makroekonomika u fiskali normali prevista fir-regoli u r-regolamenti fiskali tal-UE, li trid tibqa' l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, u lanqas jidduplikawha jew jintrikbu fuqha;

13.

Jemmen li l-programmi ta' aġġustament futuri possibbli għandhom iqisu l-impatt soċjali tal-miżuri proposti, anki meta mqabbel mal-impatt fit-tul jekk ma ssir l-ebda bidla fil-politika, fid-dawl ta' valutazzjoni tal-impatt soċjali preċedenti u sinifikanti;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti fil-MES riformat, b'mod partikolari fil-każ ta' sitwazzjonijiet urġenti; jitlob, f'dan il-kuntest, valutazzjoni tal-istruttura attwali tal-governanza;

15.

Jappella għal riforma rapida tal-MES li terġa' tiddefinixxi wkoll ir-rwol, il-funzjonijiet u l-istrumenti finanzjarji tagħha, sabiex l-MES riformat ikun jista' joffri appoġġ ta' likwidità fil-każ ta' riżoluzzjoni u jservi bħala garanzija ta' kontinġenza fiskali għall-SRF; jitlob li l-garanzija ta' kontinġenza komuni ssir operattiva mill-aktar fis possibbli, sal-2020, suġġetta għal kundizzjonijiet maqbula u, fi kwalunkwe każ, qabel l-2024;

16.

Jissottolinja r-riskju li jirriżulta mid-dewmien fl-approfondiment tal-unjoni bankarja; Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tar-rapport dwar l-appofondiment tal-UEM tal-Grupp tal-Euro lill-Mexxejja, tal-4 ta' Diċembru 2018, li ġie approvat, fl-elementi kollha tiegħu, mis-Summit tal-Euro tal-14 ta' Diċembru 2018; jilqa' pożittivament, b'mod partikolari, il-preżentazzjoni tal-introduzzjoni tal-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-SRF, dment li jkun sar biżżejjed progress fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskju, li l-valutazzjoni tagħha se ssir fl-2020, kif ukoll l-approvazzjoni tad-dokument dwar il-kondizzjonijiet (term sheet) dwar ir-riforma tal-MES; ifakkar il-pożizzjoni preċedenti tiegħu dwar il-bżonn li tiġi kkomplementata l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS), u jirrikonoxxi li t-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskju għandhom jimxu id f'id; jinnota li ma ntlaħaq l-ebda eżitu immedjat fir-rigward tal-baġit futur taż-żona tal-euro u tal-funzjoni ta' stabbilizzazzjoni, iżda jieħu debitament nota tal-mandat biex issir ħidma fuq l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività; jenfasizza li sar progress sinifikanti fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskju; ifakkar li l-Parlament ta kontributi sostanzjali biex ikun permess li dan isir, b'mod partikolari fir-rigward tal-pakkett bankarju u l-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali għal self improduttiv;

17.

Jipproponi li jiġi stabbilit protokoll għal għal Memorandum ta' Kooperazzjoni (MoC) interim bejn il-MES u l-Parlament, b'effett immedjat, biex itejjeb id-djalogu interistituzzjonali u jsaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-MES, billi jispeċifika d-drittijiet tal-Parlament u tal-Membri tiegħu fir-rigward ta' mistoqsijiet imressqa lill-MES riformat, ta' seduti ta' smigħ regolari, tad-drittijiet ta' nomina u tad-drittijiet adegwati marbuta mal-kontroll baġitarju; ifakkar it-talba tiegħu għal arranġament interistituzzjonali għall-governanza ekonomika; jisħaq fuq il-fatt li d-Direttur Maniġerjali tal-MES riformat għandu jkun elett mill-Parlament Ewropew wara proposta tal-Kunsill u jirrapporta lill-Parlament Ewropew; iħeġġeġ li l-bilanċ bejn is-sessi għandu jkun żgurat fil-kompożizzjoni tal-korpi ta' tmexxija tal-MES riformat;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lid-Direttur Maniġerjali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u

(1)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.

(2)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.

(3)  ĠU C 220, 25.6.2018, p. 2.

(4)  ĠU C 65, 19.2.2016, p. 96.

(5)  ĠU C 378, 9.11.2017, p. 182.

(6)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 235.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2018)0226.


Top