Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0134

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi u tad-Dikjarazzjoni Konġunta li tiżgura l-iskrutinju parlamentari fuq l-aġenziji deċentralizzati (2018/2114(INI))

    ĠU C 449, 23.12.2020, p. 176–181 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 449/176


    P8_TA(2019)0134

    Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi u tad-Dikjarazzjoni Konġunta li tiżgura l-iskrutinju parlamentari fuq l-aġenziji deċentralizzati

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi u tad-Dikjarazzjoni Konġunta li tiżgura l-iskrutinju parlamentari fuq l-aġenziji deċentralizzati (2018/2114(INI))

    (2020/C 449/25)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-aġenziji, u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikoli 15, 16, 71, 123, 124, 127, 130, 228, 263, 265, 267, 277, 282, 287, 290, 291, 298 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 41, 42, 43, 51 u 52 tagħha,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-UE u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta' Lulju 2012 u l-Approċċ Komuni anness magħha,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0055/2019),

    A.

    billi l-aġenziji għandhom rwol vitali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali, u jwettqu varjetà wiesgħa ta' kompiti biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, bħall-ħolqien ta' netwerks jew l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali; billi kooperazzjoni tajba bejn l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri tgħin biex ikun hemm aktar effiċjenza u effikaċja fil-ħidma tal-aġenziji; billi l-aġenziji stabbilixxew ukoll kooperazzjoni bejniethom permezz tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea;

    B.

    billi l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-aġenziji differenti u l-kumitati parlamentari kienu ġeneralment tajbin; billi l-Europol hija l-unika aġenzija skrutinizzata mill-Parlament b'mod konġunt mal-parlamenti nazzjonali permezz tal-Grupp ta' Skrutinju Parlamentari Konġunt;

    C.

    billi l-aġenziji nħolqu u żviluppaw maż-żmien, fuq bażi ta' każ b'każ; billi t-Trattat ta' Lisbona rrikonoxxa b'mod formali l-aġentifikazzjoni tal-eżekuttiv tal-UE billi introduċa l-aġenziji tal-UE b'mod formali fit-Trattati;

    D.

    billi l-aġenziji huma primarjament responsabbli quddiem il-Parlament u l-Kunsill, li jeħtiġilhom jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmi ta' skrutinju adegwati fl-atti leġiżlattivi li jirregolaw lil dawk l-aġenziji, u li, sussegwentement, dawk il-mekkaniżmi jiġu implimentati sewwa; billi l-agentifikazzjoni tal-eżekuttiv tal-UE m'għandhiex iddgħajjef il-kontroll tal-Parlament tal-eżekuttiv tal-UE kif previst fl-Artikolu 14 tat-TUE;

    E.

    billi t-Trattati la jinkludu definizzjoni tal-aġenziji deċentralizzati, u lanqas deskrizzjoni ġenerali tal-kompetenzi li jistgħu jingħataw lill-aġenziji;

    F.

    billi għadd ta' aġenziji għandhom il-bażi ġuridika tagħhom skont l-Artikolu 352 tat-TFUE u oħrajn huma maħluqa fuq bażi ġuridika speċifika għas-settur;

    G.

    billi d-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni tal-2012 huma r-riżultat tal-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji regolatorji, li ġie stabbilit mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex tiġi vvalutata l-koerenza, l-effettività, l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tal-aġenziji wara li proposta mill-Kummissjoni fl-2005 għal Ftehim Interistituzzjonali dwar l-aġenziji regolatorji ma rċevietx l-appoġġ meħtieġ mill-Kunsill u mill-Parlament;

    H.

    billi l-Approċċ Komuni jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-istruttura u l-governanza tal-aġenziji, kif ukoll l-operazzjoni, l-ipprogrammar tal-attivitajiet, il-finanzjament, il-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji, il-proċeduri baġitarji, l-obbligu ta' rendikont, il-kontrolli u t-trasparenza tagħhom, li jgħinu jiżguraw l-iskrutinju parlamentari fuq l-aġenziji deċentralizzati;

    I.

    billi, minkejja apprezzament ġeneralment pożittiv, fi ftit każijiet, l-aġenziji ltaqgħu ma' nuqqas ta' fiduċja okkażjonali fl-opinjonijiet xjentifiċi u tekniċi tagħhom;

    Osservazzjonijiet prinċipali

    1.

    Jinnota li l-mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont tal-aġenziji huma inkorporati fit-Trattati, fir-regolamenti tat-twaqqif tal-aġenziji, fil-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, kif ukoll fid-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni; jenfasizza li, permezz tal-għoti tas-setgħa, il-Parlament għandu setgħat ta' skrutinju fir-rigward ta' aġenziji deċentralizzati li, madankollu, mhumiex spjegati fid-dettall fit-Trattati; jinnota f'dan ir-rigward in-natura mhux vinkolanti tad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni; jiddispjaċih, madankollu, li l-Istituzzjonijiet għadhom ma qablux ma' qafas regolatorju vinkolanti;

    2.

    Jinnota li l-Parlament iwettaq skrutinju fuq l-aġenziji b'modi differenti:

    bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja fit-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha dwar il-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE lill-aġenziji;

    bħala l-awtorità tal-kwittanza;

    permezz tad-deżinjazzjoni ta' membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni tal-aġenziji;

    permezz tal-proċedura għall-ħatra (jew it-tkeċċija) tad-Direttur Eżekuttiv;

    permezz tal-konsultazzjoni tiegħu dwar il-programmi ta' ħidma;

    permezz tal-preżentazzjoni tar-rapporti annwali;

    permezz ta' metodi oħra (żjarat ta' delega, gruppi jew persuni ta' kuntatt, skambji ta' fehmiet, seduti ta' smigħ, briefings, għoti ta' għarfien espert);

    3.

    Jinnota li d-dispożizzjonijiet fir-regolamenti tat-twaqqif ivarjaw fi gradi differenti mill-mekkaniżmi għall-obbligu ta' rendikont u għall-iskrutinju parlamentari stabbiliti fl-Approċċ Komuni, li jista' jirriżulta mill-kompiti u mill-funzjonijiet differenti ħafna li jwettqu l-aġenziji;

    4.

    Josserva li l-kumitati parlamentari wettqu b'mod attiv il-kompiti ta' skrutinju tagħhom, minkejja l-varjetà tad-dispożizzjonijiet fir-regolamenti tat-twaqqif;

    5.

    Jirrikonoxxi l-implimentazzjoni, min-naħa tal-aġenziji tal-Unjoni, tad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni u tal-pjan direzzjonali rilevanti; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-Aġenziji Deċentralizzati (IIWG), li ġew approvati mill-Konferenza tal-Presidenti fit-18 ta' Jannar 2018; jinnota li matul il-laqgħa ta' segwitu tat-12 ta' Lulju 2018 il-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali tqieset bħala kompluta;

    Rakkomandazzjonijiet

    6.

    Iqis li jistgħu jsiru sforzi akbar sabiex ċerti dispożizzjonijiet jiġu integrati fir-regolamenti tat-twaqqif tal-aġenziji fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' governanza u tal-obbligu ta' rendikont tagħhom, filwaqt li jitqiesu t-tipi differenti ta' aġenziji li bħalissa jeżistu u jiġu ddefiniti l-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-aġenziji; jinnota li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati wkoll fil-valutazzjonijiet tal-impatt kull meta jiġi propost l-istabbiliment ta' aġenzija; jissottolinja li l-aġenziji jeħtieġ ikollhom ċertu grad ta' flessibbiltà organizzazzjonali sabiex jadattaw aħjar għall-kompiti previsti u l-ħtiġijiet li jirriżultaw huma u jwettqu dmirijiethom; jilqa' l-organizzazzjoni interna bbażata fuq gruppi u gruppi inkroċjati ta' aġenziji f'oqsma simili;

    7.

    Jitlob għalhekk għal valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-Approċċ Komuni fl-aspetti kollha tiegħu, b'dokumenti analitiċi dettaljati simili għal dawk prodotti fl-2010 b'enfasi fuq aspetti relatati mal-governanza, filwaqt li b'mod partikolari tiġi rieżaminata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet inklużi mas-setgħat ta' kodeċiżjoni u ta' skrutinju tal-Parlament, filwaqt li titqies il-ħtieġa għall-flessibbiltà fid-dawl tax-xenarju varjat tal-aġenziji deċentralizzati;

    8.

    Jiddispjaċih li l-Parlament, bħala l-garanti ewlieni tar-rispett għall-prinċipju tad-demokrazija fl-UE, ma kienx involut bis-sħiħ fil-proċedura tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA u l-EBA; ifakkar, f'dan ir-rigward, fit-talba tiegħu biex jiġu riveduti kemm jista' jkun malajr id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni tal-2012 u jfakkar ukoll fl-impenn tal-Kunsill biex jimpenja ruħu fir-reviżjoni tiegħu, filwaqt li jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, sa April 2019, analiżi fil-fond tad-Dikjarazzjoni Konġunta u tal-Approċċ Komuni fir-rigward tal-post tal-aġenziji deċentralizzati;

    9.

    Jenfasizza li l-post tas-sede ta' aġenzija m'għandhiex taffettwa l-eżekuzzjoni tas-setgħat u l-kompiti tagħha, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta' governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha jew il-finanzjament prinċipali tal-attivitajiet tagħha;

    10.

    Jistenna li l-prerogattivi tal-Parlament u tal-Kunsill bħala koleġiżlaturi jkunu rispettati bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet futuri dwar il-post jew ir-rilokazzjoni tal-aġenziji; iqis li l-Parlament għandu jkun involut b'mod sistematiku, matul il-proċess leġiżlattiv kollu u b'termini ugwali mal-Kunsill u mal-Kummissjoni, fid-definizzjoni u l-valutazzjoni tal-kriterji għall-għażla tal-post tal-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni, b'mod trasparenti; jirrimarka li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħadu impenn, fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, tat-13 ta' April 2016 li jikkooperaw b'mod sinċier u trasparenti, u li l-ftehim jenfasizza l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-koleġiżlaturi, kif minqux fit-Trattati; jissottolinja l-valur ta' skambju msaħħaħ ta' informazzjoni mill-istadji inizjali tal-proċessi futuri għall-għażla tal-post tal-aġenziji, peress li tali skambju bikri jagħmilha aktar faċli għat-tliet istituzzjonijiet biex jeżerċitaw id-drittijiet u l-prerogattivi tagħhom;

    11.

    Jemmen li d-deċiżjoni dwar il-lokalità tas-sede ta' aġenzija hija ta' importanza kbira, u jqis li kriterji objettivi, bħall-aċċessibbiltà, sinerġiji amministrattivi u prossimità għall-partijiet ikkonċernati, iridu jiġu kkunsidrati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jagħmlu l-aħjar deċiżjoni possibbli;

    12.

    Jitlob lill-Kummissjoni, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar ir-riżorsi tal-aġenziji deċentralizzati, tippreżenta b'mod rapidu evalwazzjoni tal-aġenziji li jinsabu f'aktar minn lokalità waħda, billi tuża approċċ konsistenti biex tivvaluta l-valur miżjud billi tqis l-ispejjeż imġarrba; jitlob li jittieħdu miżuri sinifikanti abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' diversi lokalitajiet, jekk u fejn ikun xieraq;

    13.

    Jipproponi li, abbażi ta' rieżami tal-Approċċ Komuni, kunsiderazzjoni ġdida għat-tfassil ta' Ftehim Interistituzzjonali (FII) dwar l-aġenziji u li dan il-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar rieżami kull ħames snin tal-prinċipji li jirregolaw l-istabbiliment u l-funzjonament tal-aġenziji, filwaqt li jintuża l-għarfien espert ta' grupp ta' persuni eminenti;

    14.

    Iqis li dan il-FII għandu jirrispetta s-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta' kodeċiżjoni u għandu jkopri wkoll ir-relazzjoni bejn aġenzija u l-istituzzjonijiet tal-Istat Membru fejn jinsab, kif ukoll miżuri ta' trasparenza, proċeduri biex jiġi evitat il-kunflitt ta' interess u biex jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi fost il-membri tal-korpi governattivi u konsultattivi, u l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tal-aġenziji;

    15.

    Jemmen li fl-abbozzar ta' tali FII, diversi suġġerimenti speċifiċi biex tissaħħaħ is-sorveljanza demokratika, tittejjeb ir-responsabbiltà tal-aġenziji tal-Unjoni u tissaħħaħ is-sistema ta' rapportar lill-Parlament għandhom jiġu indirizzati wkoll, bħal:

    l-iffissar ta' limitu ta' żmien għall-aġenziji biex iwieġbu għall-mistoqsijiet indirizzati lilhom mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill;

    li jsiru arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali u l-konsultazzjoni tal-kumitati parlamentari, fejn dan ikun meħtieġ;

    jiġi kkunsidrat jekk għandux ikun hemm jew le numru speċifiku ta' membri tal-Bordijiet ta' Amministrazzjoni rispettivi maħtura mill-Parlament;

    jiġi kkunsidrat il-valur miżjud tal-attendenza tar-rappreżentanti/osservaturi tal-Parlament fil-laqgħat tal-bordijiet tas-superviżuri u tal-gruppi tal-partijiet interessati tal-aġenziji;

    is-simplifikazzjoni tal-involviment tal-Parlament fil-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali tal-aġenziji;

    is-simplifikazzjoni u l-armonizzar tal-obbligi ta' rapportar, b'mod partikolari fir-rigward tar-rapport annwali tal-attività, tar-rapport tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja kif ukoll tal-kontijiet finali;

    il-Parlament jiġi informat b'mod dettaljat dwar il-miżuri li ħadu biex jissodisfaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtorità tal-kwittanza (rapporti ta' segwitu) u dawk tal-Qorti tal-Awdituri;

    16.

    Iqis barra minn hekk li r-rwol tal-Parlament fis-sorveljanza tad-dimensjoni tal-governanza tal-aġenziji deċentralizzati jista' jittejjeb b'mod sinifikanti; jissuġġerixxi, barra minn hekk, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Grupp ta' Skrutinju Parlamentari Konġunt u reviżjoni tar-regoli għal missjonijiet f'aġenziji li jippermettu kuntatt regolari aħjar bejn il-kumitati parlamentari u l-aġenziji li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom;

    17.

    Jipproponi li, fil-kuntest tar-rieżami ta' kull ħames snin, li tibni fuq l-attivitajiet ta' skrutinju mwettqa mill-kumitati tal-Parlament fuq l-aġenziji li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom u flimkien magħhom, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jorganizza dibattitu annwali dwar il-funzjonament u l-governanza tal-aġenziji, u wara, jekk jitqies xieraq u/jew meħtieġ, isir dibattitu fil-plenarja sabiex tiġi ffaċilitata sistema aktar b'saħħitha u aktar strutturata ta' analiżi tal-attivitajiet tal-aġenzija fi ħdan il-Parlament; jipproponi, barra minn hekk, li meta wieħed iqis ir-rwol tal-aġenziji bħala intermedjarji bejn l-UE u l-Istati Membri, ikun hemm perjodu ta' konsultazzjoni mal-parlamenti nazzjonali jekk ikunu jixtiequ jagħmlu kwalunkwe intervent dwar il-kwistjoni;

    18.

    Iqis li l-aġenziji tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli u l-prinċipji ta' governanza tajba u ta' tfassil aħjar tal-liġijiet, inkluż it-twettiq ta' konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta' proposti tagħhom għal atti sekondarji u terzjarji, fejn il-qasam tal-aġenzija jippermetti dan; jipproponi li l-aġenziji jkunu soġġetti għall-istess regoli ta' trasparenza bħall-Kummissjoni, inklużi r-regoli u l-obbligi fir-rigward tar-rappreżentanti interessati;

    19.

    Jenfasizza li, filwaqt li jiġi żgurat li l-kompiti kollha li jirriżultaw mill-qafas regolatorju jitwettqu b'mod sħiħ u fi żmien l-iskadenza, l-aġenziji tal-Unjoni għandhom josservaw b'attenzjoni l-kompiti tagħhom u jaġixxu skont il-mandati assenjati lilhom mill-Parlament u mill-Kunsill; iqis li huwa essenzjali li l-aġenziji tal-Unjoni jkunu trasparenti meta jwettqu l-mandati tagħhom;

    20.

    Jipproponi li l-aġenziji kollha għandhom ikunu kapaċi jissottomettu opinjonijiet mhux vinkolanti dwar il-fajls attwali li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom;

    21.

    Jemmen ukoll li fil-każ ta' kwalunkwe bidla futura għat-Trattati, għandha tingħata kunsiderazzjoni dwar kif l-aġenziji jistgħu jiġu msejsa b'mod aktar sod fit-Trattati, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 13 u 14 tat-TUE u l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, billi tiżdied definizzjoni ċara tat-tipi differenti ta' aġenziji, is-setgħat li jistgħu jingħataw lilhom u l-prinċipji ġenerali li jiggarantixxu l-iskrutinju parlamentari tagħhom;

    Kwistjonijiet baġitarji

    22.

    Jinnota li attwalment il-finanzjament tal-miżati tal-aġenziji jammonta għal madwar EUR 1 biljun fis-sena, li jista' jtaffi l-pressjoni fuq il-baġit tal-UE u jista' jkun mezz effikaċi għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-aġenzija f'każijiet fejn il-mudell kummerċjali jippermetti dan; jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali li jistgħu jinħolqu jekk l-aġenziji jkollhom jiddependu fuq il-miżati tas-sħubija bħala s-sors ewlieni ta' dħul tagħhom; jinsisti li miżuri ta' salvagwardja jkunu fis-seħħ sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta' kunflitt ta' interess;

    23.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-prijoritajiet il-ġodda dwar il-klima, is-sostenibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent fil-QFP li jmiss u l-kompiti attribwiti lil aġenziji partikolari għall-implimentazzjoni ta' dan il-QFP;

    24.

    Jinnota li, anke jekk l-aġenziji deċentralizzati jixbhu 'l xulxin f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-baġit, irriżulta li approċċi uniformi li suppost jgħoddu għal kulħadd kienu ta' detriment għall-ġestjoni effiċjenti u effikaċi ta' ċerti aġenziji; iqis li l-mira ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal u r-riżerva għar-riallokazzjoni fost l-aġenziji bħala eżerċizzju ta' darba biss; itenni li biħsiebu jopponi kwalunkwe approċċ ta' dan it-tip fil-ġejjieni;

    25.

    Jinnota bi tħassib li għadd ta' aġenziji jsibuha diffiċli li jattiraw persunal kwalifikat minħabba l-kundizzjonijiet ta' impjiegi; jemmen li l-korpi tal-Unjoni jeħtieġ li jkunu f'pożizzjoni li jattiraw persunal kwalifikat sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effikaċi u effiċjenti; jitlob, għalhekk, li tittieħed azzjoni konkreta biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

    26.

    Jinnota li kooperazzjoni msaħħa bejn l-aġenziji fil-qsim tas-servizzi rriżultat fi ffrankar, eż. permezz tal-ħolqien ta' portal konġunt għall-akkwisti; iħeġġeġ aktar esplorazzjoni tal-potenzjal tal-qsim tas-servizzi, jew fost l-aġenziji jew inkella bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji, bil-għan li jinħolqu sinerġiji ġodda u li dawk li diġà jeżistu jiġu ottimizzati; jemmen li, fejn applikabbli, tista' tinkiseb aktar effiċjenza baġitarja permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib fl-oqsma tal-appoġġ amministrattiv u s-servizzi tal-ġestjoni tal-faċilitajiet fost il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni li jinsabu qrib ħafna ta' xulxin;

    27.

    Jinnota li l-baġits tal-aġenziji għandhom jitħejjew bi qbil mal-prinċipju ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, fil-qies tal-għanijiet tal-aġenziji u r-riżultati mistennija tal-kompiti tagħhom; jitlob approċċ sistematiku fl-ibbaġitjar tal-aġenziji deċentralizzati bil-għan li l-kompiti tal-aġenziji jkunu aktar prijoritizzati, ikun hemm aktar kooperazzjoni u ma jitħalliex li jkun hemm trikkib, speċjalment fil-każ ta' aġenziji li jaħdmu fl-istess qasam ta' politika;

    28.

    Jinnota bi tħassib li għadd ta' rekwiżiti amministrattivi huma sproporzjonati għal aġenziji li ma laħqux ċertu daqs; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw li r-rekwiżiti amministrattivi applikabbli jkunu proporzjonati mar-riżorsi finanzjarji u umani tal-aġenziji kollha;

    29.

    Ifakkar li l-proċedura leġiżlattiva twassal għal modifiki fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni; jinnota bi tħassib li rapporti finanzjarji aġġornati ġeneralment isiru disponibbli biss fi tmiem il-proċedura leġiżlattiva, jekk qatt isiru disponibbli; ifakkar fiż-żewġ rwoli tal-Parlament u tal-Kunsill bħala awtorità leġiżlattiva u awtorità baġitarja;

    30.

    Jilqa' l-abbozz tat-test rivedut tal-abbozz tar-Regolament Finanzjarju Qafas għal aġenziji deċentralizzati elaborat mill-Kummissjoni u, b'mod partikolari, il-pjanijiet tagħha li ssaħħaħ il-governanza ta' dawn l-aġenziji deskritti f'dan il-kuntest;

    31.

    Isostni, madankollu, li għad hemm sensiela ta' kwistjonijiet mhux solvuti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien evalwazzjoni ta' dawk l-aġenziji li għandhom diversi postijiet, kif rakkomandat mill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali, kif ukoll proposti għal fużjonijiet, għeluq u/jew trasferimenti possibbli ta' kompiti lill-Kummissjoni, abbażi ta' analiżi attenta u fil-fond u bl-użu ta' kriterji ċari u trasparenti, kif previst fit-termini ta' referenza tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali iżda li fir-realtà qatt ma ġew eżaminati sew minħabba n-nuqqas ta' proposti f'dan is-sens min-naħa tal-Kummissjoni;

    32.

    Jinnota li l-awditjar tal-aġenziji deċentralizzati għadu “taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Qorti Il-Qorti tal-Awdituri, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministrattivi u ta' akkwist u l-finanzjament tagħhom”; itenni li l-awditjar imwettaq minn awdituri tas-settur privat irriżulta f'żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv fuq l-aġenziji u minħabba ż-żmien marbut mal-akkwist u mal-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar, ħoloq nefqa addizzjonali, u b'hekk kompla żied il-piż fuq ir-riżorsi dejjem inqas tal-aġenziji; jenfasizza li huwa kruċjali li din il-kwistjoni tiġi riżolta f'konformità mal-approċċ komuni, fi ħdan il-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju qafas; jappella lill-partijiet kollha involuti f'din ir-reviżjoni sabiex jipprovdu ċarezza dwar din il-kwistjoni b'mod urġenti sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv eċċessiv;

    o

    o o

    33.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u lill-aġenziji deċentralizzati tal-UE.

    Top