Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 52019IP0132

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni rigward ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-UE u barra l-UE (2018/2110(INI))

    ĠU C 449, 23.12.2020, s. 157–169 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 449/157


    P8_TA(2019)0132

    Il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-UE u barra l-UE

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni rigward ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-UE u barra l-UE (2018/2110(INI))

    (2020/C 449/23)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li fil-“formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiċi tal-Unjoni, […] l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħala esseri sensibbli”,

    wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta' Implimentazzjoni Ewropea rigward ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, u l-annessi rilevanti tiegħu, kif ippubblikati mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) (2) f'Ottubru 2018,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport (3),

    wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat-12 ta' Jannar 2011 dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport (4),

    wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2011 dwar l-impatt tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport (COM(2011)0700),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Frar 2012 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (COM(2012)0006),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu Nru 49/2011 tal-15 ta' Marzu 2012 dwar l-istabbiliment ta' limitu massimu ta' 8 sigħat ta' vvjaġġar għall-bhejjem li jiġu ttrasportati fl-Unjoni Ewropea biex jittieħdu għall-qatla (5),

    wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 2015 (6),

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 31/2018 dwar il-benessri tal-annimali fl-UE (7),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0057/2019),

    A.

    billi l-UE, kif iddikjarat fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tqis l-annimali mhux bħala sempliċi oġġetti jew prodotti jew possessjonijiet, iżda bħala esseri sensibbli, li jfisser li huma kapaċi jħossu pjaċir u uġigħ; billi l-leġiżlazzjoni tal-UE ttraduċiet dan il-kunċett f'miżuri li għandhom jiżguraw li l-annimali jinżammu u jiġu ttrasportati f'kundizzjonijiet li ma jirriżultawx f'moħqrija, abbuż, uġigħ jew tbatija; billi l-UE hija l-post fejn il-benessri tal-annimali huwa l-aktar irrispettat u difiż, u hija ta' eżempju għall-bqija tad-dinja;

    B.

    billi kull sena miljuni ta' annimali jiġu ttrasportati bejn l-Istati Membri, fi ħdan l-Istati Membri u lejn pajjiżi terzi fuq distanzi twal għat-tgħammir, it-trobbija, it-tismin ulterjuri u l-qatla; billi l-annimali huma ttrasportati wkoll għal skopijiet ta' rikreazzjoni, għal wirjiet u bħala annimali domestiċi; billi ċ-ċittadini tal-UE huma dejjem aktar imħassba dwar il-konformità mal-istandards tal-benessri tal-annimali, b'mod speċjali fit-trasport tal-annimali ħajjin;

    C.

    billi l-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 talab li l-ħinijiet tal-vjaġġ ta' annimali maħsuba għall-qtil jitnaqqsu għal massimu ta' tmien sigħat;

    D.

    billi, skont id-definizzjoni tal-2008 tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), il-benessri tal-annimali jfisser li annimal ikun b'saħħtu, ikollu biżżejjed spazju, ikun mitmugħ tajjeb, iħossu sikur, ikun liberu li jaġixxu b'mod ta' mġiba normali u ma jsofrix minn sentimenti bħal biża', uġigħ u tbatija; billi dan mhuwiex il-każ fil-maġġoranza vasta ta' każijiet fit-trasport tal-annimali ħajjin, b'mod partikolari fuq distanzi kbar;

    E.

    billi r-Regolament (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport japplika għat-trasport tal-annimali vertebrati ħajjin kollha li jsir fl-Unjoni;

    F.

    billi l-Istati Membri huma responsabbli għall-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-infurzar korretti tar-Regolament fuq livell nazzjonali, inklużi l-ispezzjonijiet uffiċjali, filwaqt li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-iżgurar li l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE kif suppost;

    G.

    billi l-Istati Membri mhumiex qed jinfurzaw ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 b'mod strett biżżejjed fl-UE u bl-ebda mod mhuma qed ifittxu l-infurzar tiegħu barra mill-UE;

    H.

    billi l-għadd kbir ta' ksur identifikat mid-DĠ SANTE tal-Kummissjoni fl-2017 f'diversi Stati Membri jirrikjedi l-bidu ta' proċedimenti rilevanti ta' ksur tat-Trattat;

    I.

    billi t-trasport joħloq tensjoni kbira għall-annimali peress li jesponihom għal firxa ta' sfidi li huma ta' detriment għall-benessri tagħhom; billi, fir-rigward tal-kummerċ ma' ċerti pajjiżi terzi, it-tbatija addizzjonali tal-annimali hija kkawżata minn vjaġġi twal ħafna li jinkludu dewmien twil fil-fruntieri għall-kontroll ta' dokumenti, vetturi u l-kundizzjoni fiżika tajba tal-annimali għat-trasport;

    J.

    billi l-kwalità u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet tal-Istati Membri għandhom impatt dirett fuq il-livell ta' konformità mar-rekwiżiti; billi analiżi tar-rapporti ta' spezzjoni tal-Istati Membri turi differenzi kbar bejn l-Istati Membri f'termini tal-għadd ta' spezzjonijiet, li jvarjaw minn żero sa diversi miljuni fis-sena, u l-inċidenza ta' ksur li tvarja minn żero għal 16,6 %, li tissuġġerixxi li l-Istati Membri jieħdu approċċi differenti għall-ispezzjonijiet, eż. strateġiji każwali versus strateġiji bbażati fuq ir-riskju; billi dawn id-differenzi fl-approċċ jagħmluha impossibbli wkoll li titqabbel id-data bejn l-Istati Membri;

    K.

    billi t-taħriġ u l-edukazzjoni ta' sewwieqa biex jiġi promoss is-sewqan b'attenzjoni abbażi ta' liema tipi ta' annimali qed jiġu ttrasportati jtejjeb il-benessri tal-annimali waqt it-trasport (8);

    L.

    billi t-trattament xieraq tal-annimali jista' jirriżulta f'tnaqqis fil-ħin għat-tagħbija u l-ħatt tal-annimali, tnaqqis fit-telf tal-piż, anqas korrimenti u feriti u kwalità aħjar tal-laħam;

    M.

    billi hemm studji estensivi li jippruvaw li l-benessri tal-annimali għandu impatt fuq il-kwalità tal-laħam;

    N.

    billi l-kwalità tas-sengħa tat-trobbija tal-annimali waqt it-tagħbija u l-ħatt, flimkien ma' kura fi tranżitu, għandha tibqa' l-fokus primarju sabiex jiġi protett il-benessri tal-annimali waqt it-trasport;

    O.

    billi l-kundizzjoni fiżika tajba għat-trasport hija fattur ewlieni biex jiġi żgurat il-benessri tal-annimali waqt it-trasport, peress li r-riskji għall-benessri matul it-trasport huma akbar għal annimali li huma feruti, imdgħajfa, ħobbla, mhux miftuma jew morda; billi jista' jkun hemm inċertezza rigward il-kundizzjoni fiżika għat-trasport u l-istadju ta' ġestazzjoni;

    P.

    billi l-kwistjonijiet ta' kundizzjoni fiżika huma responsabbli għall-akbar perċentwal ta' ksur, filwaqt li l-kwistjonijiet marbuta mad-dokumentazzjoni jammontaw għat-tieni l-akbar ksur;

    Q.

    billi ta' spiss hemm konfużjoni fost dawk responsabbli dwar x'jeħtieġ li jsir jekk l-annimali jiġu ddikjarati bħala mhux f'kundizzjoni fiżika tajba għat-trasport;

    R.

    billi dawk responsabbli huma ħafna drabi inċerti fir-rigward ta' kemm tkun avvanzat it-tqala tal-annimal;

    S.

    billi huwa partikolarment problematiku li jiġu ttrasportati għoġġiela u ħrief mhux miftuma;

    T.

    billi l-bdiewa huma l-parti l-aktar interessata fiż-żamma tal-annimali tagħhom f'kundizzjoni fiżika tajba għat-trasport u li għandhom l-aktar x'jitilfu jekk it-trasport ma jikkonformax mar-regoli eżistenti;

    U.

    billi ħafna drabi hemm nuqqasijiet fil-provvista tal-annimali b'ikel u ilma suffiċjenti u l-osservanza tal-perjodu ta' mistrieħ ta' 24 siegħa meta jkun hemm waqfa f'post ta' kontroll verifikat;

    V.

    billi l-vetturi tat-trasport huma ħafna drabi affollati żżejjed; billi temperaturi għoljin u ventilazzjoni mhux adegwata ġo vettura huma problema kbira;

    W.

    billi kien hemm tifqigħat riċenti f'diversi Stati Membri ta' mard tal-annimali infettiv bħad-deni Afrikan tal-ħnieżer, influwenza tat-tjur u mard tal-annimali ruminanti u bovini żgħar; billi t-trasport tal-annimali ħajjin jista' jżid ir-riskju tat-tixrid ta' dak il-mard;

    X.

    billi t-trasport tal-laħam u prodotti oħra derivati mill-annimali, kif ukoll tas-semen u tal-embrijuni, huwa teknikament u amministrattivament eħfef u kultant finanzjarjament aktar ta' benefiċċju għall-bdiewa tal-bhejjem mit-trasport tal-annimali ħajjin għall-fini tal-qtil jew it-tgħammir; billi l-Federazzjoni tal-Veterinarji tal-Ewropa (FVE) u l-OIE jenfasizzaw li l-annimali għandhom jitrabbew qrib kemm jista' jkun tal-postijiet fejn twieldu u għandhom jinqatlu qrib kemm jista' jkun tal-punt ta' produzzjoni; billi d-disponibbilta ta' faċilitajiet tal-qtil, inklużi faċilitajiet mobbli, f'siti tat-trobbija jew qrib tagħhom, tista' tgħin biex jiġi ġġenerat l-għajxien f'żoni rurali;

    Y.

    billi l-qtil tal-annimali qrib kemm jista' jkun ta' fejn tnisslu jkun l-aħjar mod biex jiġi żgurat il-benessri tagħhom;

    Z.

    billi hemm tixrid mhux uniformi ta' biċċeriji fl-Istati Membri kollha,

    AA.

    billi għal xi Stati Membri u katini tal-provvista fl-Unjoni, it-trasport ħaj tal-annimali, għal aktar produzzjoni jew qtil, huwa importanti biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni fis-suq;

    Rakkomandazzjonijiet

    Implimentazzjoni u infurzar

    1.

    Jinnota li kull sena jiġu ttrasportati miljuni ta' annimali ħajjin għall-qatla jew għat-tgħammir fl-UE u mill-UE lejn pajjiżi terzi; jinnota li, fejn huwa implimentat u infurzat kif suppost, ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 għandu impatt pożittiv fuq il-benessri tal-annimali waqt it-trasport; jilqa' l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar is-suġġett, iżda jiddispjaċih li, skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 31/2018, dawn il-linji gwida u xi azzjonijiet ippjanati mill-Kummissjoni ġew posposti b'massimu ta' ħames snin; jinnota li problemi kbar bit-trasport għadhom jippersistu u li l-infurzar tar-Regolament se jidher li huwa t-tħassib ewlieni ta' dawk involuti fl-implimentazzjoni tiegħu;

    2.

    Jenfasizza l-fatt li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jirċievi għadd kbir ħafna ta' petizzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport, li spiss jiddenunzjaw ksur sistematiku, kontinwu u serju tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 kemm mill-Istati Membri kif ukoll mit-trasportaturi;

    3.

    Jenfasizza l-punt li t-tbatija tal-annimali waqt it-trasport qed tikkawża tħassib soċjali konsiderevoli; jinnota li fil-21 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet 'il fuq minn miljun firma b'appoġġ għall-kampanja #StopTheTrucks, li permezz tagħha ċ-ċittadini tal-UE qed jitolbu li jintemm it-trasport fuq distanzi twal;

    4.

    Jiddispjaċih għall-fatt li l-livell ta' progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 mill-Istati Membri ma kienx biżżejjed biex jissodisfa l-għan ewlieni tar-Regolament, li huwa li jtejjeb il-benessri tal-annimali matul it-trasport, b'mod partikolari fir-rigward tal-verifika tar-reġistri tal-vjaġġ u l-applikazzjoni ta' pieni; jistieden lill-Istati Membri jtejbu sostanzjalment il-konformità mar-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi infurzar effiċjenti u uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti dwar it-trasport tal-annimali fl-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu passi legali kontra dawk l-Istati Membri li ma japplikawx ir-Regolament kif suppost u timponi sanzjonijiet fuqhom;

    5.

    Jenfasizza li l-implimentazzjoni parzjali mhijiex biżżejjed biex jinkiseb l-għan ġenerali tar-Regolament li jiġu evitati l-korriment jew it-tbatija bla bżonn tal-annimali jew il-mewt tagħhom waqt it-trasport, u li għandhom għalhekk isiru aktar sforzi biex jiġu prevenuti inċidenti serji li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-benessri tal-annimali u biex jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli għalihom;

    6.

    Jiddispjaċih li għad iridu jiġu solvuti għadd ta' kwistjonijiet relatati mar-Regolament (KE) Nru 1/2005, inkluż: affollament eċċessiv; spazju għoli insuffiċjenti; nuqqas li jkunu pprovduti l-waqfiet ta' mistrieħ u l-ikel u x-xorb meħtieġa; ventilazzjoni u tagħmir li jagħti l-ilma inadegwati; trasport fi sħana estrema; trasport ta' annimali mhux f'kundizzjoni fiżika tajba; trasport ta' għoġġiela mhux miftuma; il-ħtieġa li jkun aċċertat l-istat ta' tqala ta' annimali ħajjin; kemm qed ikunu kkontrollati r-reġistri tal-vjaġġ; ir-relazzjoni bejn ksur/infurzar/pieni; l-impatt “imħallat” tat-taħriġ, l-edukazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni; u friex insuffiċjenti, kif identifikati wkoll fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 31/2018 u minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) f'ilmenti ppreżentati lill-Kummissjoni; jitlob titjib fl-oqsma msemmija hawn fuq;

    7.

    Jistieden lill-Istati Membri kollha jiżguraw li l-vjaġġi jiġu ppjanati u mwettqa, mill-punt tat-tluq sad-destinazzjoni, f'konformità mar-rekwiżiti tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, filwaqt li jitqiesu l-mezzi differenti tat-trasport u l-firxa ta' kundizzjonijiet ġeografiċi madwar l-UE u l-pajjiżi terzi;

    8.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-ksur sistematiku tar-Regolament f'ċerti oqsma u f'xi Stati Membri jwassal għal kompetizzjoni inġusta li tirriżulta f'kundizzjonijiet mhux ekwi bejn operaturi fi Stati Membri differenti, li min-naħa tagħha tista' twassal għal “ġirja lejn l-iktar livell baxx” rigward l-istandards tal-benessri tal-annimali waqt it-trasport; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba li l-livelli ta' sanzjonijiet jistgħu jkunu għaxar darbiet ogħla f'xi Stati Membri milli f'oħrajn, sabiex jiżguraw sistema ta' sanzjonijiet armonizzata tal-UE, sabiex ikun żgurat li l-pieni jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt illi jitqies il-ksur ripetut; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pjan direzzjonali biex tallinja s-sanzjonijiet fl-Istati Membri kollha;

    9.

    Jiddispjaċih li l-Kummissjoni injorat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Diċembru 2012, u jenfasizza li infurzar b'saħħtu u armonizzat b'pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi b'mod konformi mal-Artikolu 25 tar-Regolament huwa kruċjali għat-titjib tal-benessri tal-annimali waqt it-trasport u li l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw lilhom infushom sempliċement għall-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet u istruzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fuq is-sejħa f'dik ir-riżoluzzjoni biex tivverifika r-Regolament għal inkompatibilitajiet mar-rekwiżiti legali fi Stati Membri individwali;

    10.

    Iqis li ksur ripetut, meta jseħħ f'ċirkostanzi li t-trasportur kellu kontroll fuqhom, għandu jwassal għal prosekuzzjoni; jistieden lill-Istati Membri jressqu quddiem il-ġustizzja każijiet ta' ksur tar-Regolament, b'mod speċjali għal ksur ripetut; iqis li pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għandhom jinkludu l-konfiska ta' vetturi u t-taħriġ mill-ġdid obbligatorju ta' dawk responsabbli għall-benessri u t-trasport tal-annimali, u jemmen li dan għandu jkun armonizzat permezz tal-Unjoni; iqis li l-pieni għandhom jirriflettu l-ħsara, il-kamp ta' applikazzjoni, it-tul ta' żmien u r-rikorrenza ta' ksur;

    11.

    Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar effettiv tas-setgħat ta' infurzar b'saħħithom mogħtija lilhom permezz tar-Regolament, inkluż l-obbligu li jeħtieġu lit-trasportaturi li jistabbilixxu sistemi biex jipprevjenu r-rikorrenza ta' ksur u biex jissospendu jew jirtiraw awtorizzazzjoni ta' trasportatur; jistieden lill-Istati Membri jieħdu biżżejjed azzjonijiet korrettivi u jintroduċu sanzjonijiet sabiex jevitaw it-tbatija tal-annimali u jiskoraġġixxu nuqqas ta' konformità kontinwa min-naħa tal-operaturi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummmissjoni jimmiraw għal nuqqas ta' konformità żero fl-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal, wara li tikkonsulta mal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, lista tal-operaturi li jkunu wettqu ksur ripetut u serju tar-Regolament, abbażi tar-rapporti ta' spezzjoni u ta' implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika aġġornamenti frekwenti ta' din il-lista, u wkoll biex tippromwovi eżempji tal-aħjar prattika, kemm fit-trasport kif ukoll fil-governanza;

    13.

    Jenfasizza li n-nuqqas ta' konformità mar-Regolament mill-Istati Membri jhedded l-għan tiegħu li jiġu prevenuti l-okkorrenza u t-tixrid ta' mard tal-annimali infettiv, billi t-trasport huwa wieħed mill-kawżi tat-tixrid rapidu ta' dan il-mard, inkluż dak li jista' jiġi trażmess lill-bniedem; jinnota li ħafna drabi l-vetturi ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE emendata tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi ta’ saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali bovini u majjali (9); iqis, b'mod partikolari, li l-ħżin mhux adegwet tal-iskart joħloq riskji għat-tixrid ta' reżistenza antimikrobika u mard; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proċeduri armonizzati biex tagħti approvazzjoni lil bastimenti u trakkijiet u tieħu azzjoni biex tipprevjeni t-tixrid ta' mard tal-annimali infettiv permezz tat-trasport, kemm fl-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi, billi tippromwovi miżuri ta' bijosigurtà u aktar benessri tal-annimali;

    14.

    Jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti biex jissaħħaħ l-infurzar bl-użu ta' teknoloġija biex jinħoloq ċirku ta' feedback f'ħin reali bejn l-Istat Membru fil-punt tat-tluq u l-Istat Membru fil-punt tal-wasla u kwalunkwe pajjiż ta' tranżitu; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistemi ta' ġeolokalizzazzjoni biex ikunu jistgħu jiġu traċċati l-post fejn jinsabu l-annimali u t-tul ta' żmien tal-vjaġġi fil-vetturi tat-trasport, kif ukoll kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-iskedi tat-trasport; huwa tal-fehma li fejn l-annimali li jibdew fi stat tajjeb ta' kundizzjoni fiżika jaslu f'kundizzjoni fiżika mhux tajba, dan għandu jirriżulta f'investigazzjoni sħiħa, u fil-każ ta' rikorrenza, il-partijiet responsabbli fil-katina tat-trasport iridu jiġu penalizzati immedjatament b'mod konformi mal-liġi, u s-sid jew il-bidwi jrid jiġi intitolat għal kumpens skont il-liġi nazzjonali għal kwalunkwe telf ta' introjtu li jirriżulta. huwa tal-fehma wkoll li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippenalizzaw b'mod sever lill-organizzatur u lill-uffiċjal ċertifikanti ta' kwalunkwe reġistru tal-vjaġġ maħluq fl-Istat Membru tat-tluq fil-każ li r-reġistru jkun imtela b'mod falz jew qarrieqi;

    15.

    Iqis li l-infurzar huwa partikolarment diffiċli meta vjaġġ jgħaddi minn diversi Stati Membri u meta d-diversi kompiti tal-infurzar (l-approvazzjoni tar-reġistru tal-vjaġġ, l-awtorizzazzjoni tat-trasportatur, iċ-ċertifikazzjoni tal-kompetenza u tal-approvazzjoni tal-vettura, eċċ) jitwettqu minn diversi Stati Membri differenti; jistieden lill-Istati Membri li jsibu każijiet ta' ksur biex jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra kollha involuti, kif meħtieġ mill-Artikolu 26 tar-Regolament, sabiex tiġi prevenuta rikorrenza tal-ksur u tkun permessa valutazzjoni tar-riskju ottimizzata;

    16.

    Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapporti regolari lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament, inkluż it-tqassim tal-ksur skont l-Istat Membru, skont l-ispeċijiet u skont it-tip ta' ksur, fir-rigward tal-volum tat-trasport ta' annimali ħajjin kull Stat Membru;

    17.

    Jilqa' l-każijiet fejn il-gvernijiet, ix-xjentisti, in-negozji, ir-rappreżentanti tal-industrija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ħadmu flimkien biex jiddefinixxu l-aħjar prattiki sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni, kif inhu l-każ fost l-oħrajn bis-sit web tal-Gwidi dwar it-Trasport tal-Annimali; jistieden lill-Kummissjoni xxerred u tippromwovi l-aħjar prattiki għall-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-bhejjem, u tappoġġja l-pjattaforma tal-benessri tal-annimali tal-UE, filwaqt li tippromwovi djalogu msaħħaħ u l-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-atturi kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-perjodu 2020-2024 u biex tappoġġja l-innovazzjoni fit-trasport tal-annimali;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tikkoopera mal-OIE, l-EFSA u l-Istati Membri sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni u l-infurzar xieraq tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, bil-għan li tippromwovi djalogu msaħħaħ dwar kwistjonijiet relatati mal-benessri tal-annimali waqt it-trasport, b'fokus partikolari fuq:

    l-applikazzjoni aħjar tar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport, permezz ta' skambji tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki u l-involviment dirett tal-partijiet interessati;

    l-għoti ta' appoġġ lill-attivitajiet ta' taħriġ immirati lejn is-sewwieqa u l-kumpaniji tat-trasport;

    it-tixrid aħjar tal-Gwidi u l-Iskedi Informattivi dwar it-Trasport tal-Annimali, tradotti għal-lingwi kollha tal-UE;

    l-iżvilupp ta' u l-azzjoni fuq impenji volontarji min-naħa tan-negozji biex ikomplu jtejbu l-benessri tal-annimali waqt it-trasport;

    żieda fl-iskambji ta' informazzjoni u aktar użu tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jitnaqqas l-għadd ta' każijiet ta' ksur ikkawżat mill-kumpaniji tat-trasport u mis-sewwieqa;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibilità tar-Regolament mar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (10), fir-rigward tal-ħin ta' sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ tas-sewwieqa;

    20.

    Jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni bejn ir-responsabbiltà tal-impriżi tat-trasport tal-annimali u dik tal-bdiewa, peress li huma l-impriżi, u mhux il-bdiewa, li għandhom jinżammu responsabbli għall-problemi li jinqalgħu mit-trasport tal-annimali; ifakkar li l-bdiewa huma l-aktar interessati fil-benessri tal-annimali, għal raġunijiet emozzjonali u affettivi, iżda wkoll għal raġunijiet ekonomiċi;

    21.

    Ifakkar li l-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati, hija responsabbli biex timmonitorja jekk il-liġijiet tal-UE humiex qed jiġu applikati kif suppost; jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex tinvestiga jekk il-Kummissjoni naqsitx b'mod konsistenti milli tiżgura l-konformità mar-Regolament attwali u jekk tistax, għaldaqstant, tinżamm responsabbli għal amministrazzjoni ħażina;

    22.

    Jiddispjaċih li l-Konferenza tal-Presidenti ħadet id-deċiżjoni li ma tipproponix it-twaqqif ta' kumitat parlamentari ta' inkjesta dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport fl-UE u barra l-UE, minkejja l-appoġġ ta' għadd kbir ta' MEPs minn gruppi politiċi differenti; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Parlament iwaqqaf kumitat ta' inkjesta dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport fl-UE u barra l-UE mill-bidu tal-leġiżlatura li jmiss sabiex kwalunkwe allegazzjoni ta' kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport tiġi investigata u segwita kif suppost;

    Ġbir ta' data, spezzjonijiet u monitoraġġ

    23.

    Jiddispjaċiha għad-diffikultà biex titwettaq analiżi koerenti tal-implimentazzjoni tar-Regolament li teżisti minħabba approċċi differenti għall-ġbir tad-data bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi standards minimi komuni għat-traċċar tas-sistemi fir-rigward tal-vjaġġi kollha sabiex jippermettu aktar ġbir tad-data armonizzata u valutazzjoni tal-parametri mmonitorjati; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu lill-Kummissjoni b'data armonizzata, komprensiva u kompleta dwar l-ispezzjonijiet tat-trasport u l-livelli ta' ksur; jistieden lill-Istati Membri jwettqu aktar kontrolli għall-għarrieda u jiżviluppaw u japplikaw strateġija bbażata fuq ir-riskju sabiex jimmiraw l-attivitajiet tal-ispezzjoni tagħhom fuq forom ta' trasport b'riskju għoli sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza tar-riżorsi ta' spezzjoni limitati;

    24.

    Jinnota li l-Kummissjoni, skont ir-Rapport Speċjali tal-2018 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-benessri tal-annimali fl-UE, irrikonoxxiet li d-data rrappurtata mill-Istati Membri mhijiex kompluta, konsistenti, affidabbli jew dettaljata biżżejjed biex tippermetti li jsiru konklużjonijiet dwar il-konformità fil-livell tal-UE;

    25.

    Jenfasizza li l-ispezzjonijiet jeħtieġ li jsiru b'mod uniformi fl-Unjoni kollha u fuq proporzjon adegwat tal-annimali ttrasportati kull sena f'kull Stat Membru, sabiex ikun garantit u jinżamm il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni żżid in-numru ta' spezzjonijiet għall-għarrieda fuq il-post mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) iffukati fuq il-benessri tal-annimali u t-trasport tal-annimali; huwa tal-opinjoni li metodi differenti ta' ġbir ta' data u mekkaniżmi ta' kontroll jagħmluha difiċli biex tingħata stampa eżatta tal-konformità fl-Istati Membri individwali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, biex tadotta stuttura iktar armonizzata ta' rraportar u biex twettaq aktar analiżi tad-data ġġenerata mir-rapporti tal-ispezzjonijiet tal-FVO u mir-risposti tal-Istati Membri dwar il-Pjanijiet Nazzjonali Multiannwali ta' Kontroll (MANCPs) tagħhom; jirrikonoxxi li l-verifiki tad-DĠ SANTE jservu bħala sors ta' informazzjoni importanti għall-Kummissjoni biex tivvaluta l-implimentazzjoni tar-Regolament attwali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq tal-anqas seba' żjarat għall-għarrieda kull sena, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif is-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji (TRACES) tista' tintuża biex tappoġġja t-tħejjija ta' analiżijiet tar-riskju għal spezzjonijiet fir-rigward tat-trasport tal-annimali ħajjin, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha tal-2018, li tinnota li l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ispezzjonijiet tat-trasport rarament kienu qed jużaw informazzjoni minn TRACES bil-għan li jsiru spezzjonijiet; jappella għal sistema ta' monitoraġġ aktar effikaċi u aktar trasparenti, inkluż l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni miġbura permezz ta' TRACES; ikompli jappella għal żieda fin-numru ta' spezzjonijiet fis-sena mill-FVO;

    27.

    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kontrolli fil-katina kollha tal-produzzjoni u, b'mod partikolari, biex iwettqu spezzjonijiet effiċjenti u sistematiċi ta' kunsinni ta' annimali qabel it-tagħbija, biex iwaqqfu prattiki li jiksru r-Regolament u li jirrendu agħar il-kundizzjonijiet għat-trasport tal-annimali fuq l-art u bil-baħar, bħal pereżempju jippermettu li vetturi mgħobbija żżejjed jew annimali mhux f'kundizzjoni fiżika tajba jkomplu l-vjaġġi twal tagħhom, jew jippermettu li l-punti ta' kontroll li ma jkollhomx faċilitajiet adegwati għas-serħan, il-provvista tal-għalf u l-ilma għall-annimali ttrasportati jistgħu jibqgħu jintużaw;

    28.

    Jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' spezzjonijiet f'xi Stati Membri u l-livell baxx jew żero ta' każijiet ta' ksur irrappurtati; għandu dubji dwar l-eżattezza ta' sistemi ta' spezzjoni u r-rappurtar; jistieden lil dawk l-Istati Membri li attwalment iwettqu ftit spezzjonijiet jew li ma jwettqu l-ebda spezzjoni biex iwettqu għadd suffiċjenti ta' spezzjonijiet, u biex jippreżentaw rapporti ta' spezzjoni komprensivi lill-Kummissjoni;

    29.

    Jistieden lill-Istati Membri wkoll biex jispezzjonaw it-trasport intra-Ewropew fejn l-annimali jiġu mgħobbija fuq vetturi sabiex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1/2005;

    30.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li hija prattika tajba li l-awtoritajiet kompetenti jispezzjonaw il-kunsinni kollha ddestinati għall-pajjiżi li mhumiex fl-UE fil-fażi tat-tagħbija (11); jemmen li perċentwal ta' kunsinni fl-UE għandhom jiġu spezzjonati wkoll fl-istadju tat-tagħbija bi proporzjon għall-għadd ta' ksur irrappurtat minn spezzjonijiet tal-NGOs u l-FVO; iqis li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw fil-fażi tat-tagħbija li r-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-ispazju ta' art u l-ispazju għoli qed jiġu rrispettati, li s-sistemi ta' ventilazzjoni u tal-ilma qed joperaw kif suppost, li l-apparat għax-xorb qed jaħdem kif suppost u li huma adegwati għall-ispeċijiet li jkunu qed jinġarru, li ma jitgħabba l-ebda annimal li mhuwiex f'kundizzjoni fiżika tajba, u li qed jinġarru biżżejjed għalf u friex;

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li hemm għadd suffiċjenti ta' faċilitajiet tax-xorb aċċessibbli, nodfa u li jiffunzjonaw f'konformità mal-ħtiġijiet ta' kull speċi, li t-tank tal-ilma jkun imtela u li hemm kwantità suffiċjenti ta' mifrex frisk;

    32.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li r-reġistri tal-vjaġġ jinkludu informazzjoni realistika, u għaldaqstant jikkonformaw mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament;

    33.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vetturi tat-trasport jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar l-ispazju minimu stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-Anness I għar-Regolament, u li fil-każ ta' temperaturi għoljin l-annimali jkollhom, b'mod korrispondenti, aktar spazju;

    34.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-għoli intern tal-vetturi tat-trasport jissodisfa standards minimi u li m'hemm l-ebda spazju bejn l-art jew il-ħajt tal-vettura u d-diviżjonijiet;

    35.

    Jirrikonoxxi li sar xi progress fit-trasport tal-annimali fi ħdan l-UE, iżda jinsab imħasseb minħabba n-numru ta' rapporti ta' vetturi mhux xierqa li qed jintużaw għat-trasport ta' annimali ħajjin kemm fuq l-art kif ukoll bil-baħar, u jitlob li jittejbu l-monitoraġġ u s-sanzjonar ta' tali prattiki; jirrikonoxxi li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament dwar it-trasport minn bastimenti li jġorru l-bhejjem sikwit jiġu injorati; jistieden lill-Istati Membri biex ma jawtorizzawx l-użu ta' vetturi u bastimenti li jġorru l-bhejjem li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, u biex jirtiraw awtorizzazzjonijiet diġà maħruġa fil-każ ta' nuqqas ta' konformità; jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar rigorużi fil-proċeduri kemm ta' ċertifikazzjoni kif ukoll ta' approvazzjoni għall-vetturi u fl-għoti taċ-ċertifikati ta' kompetenza lis-sewwieqa;

    36.

    Jitlob, għalhekk, standards armonizzati u vinkolanti għall-awtorizzazzjoni ta' vetturi u bastimenti bħala mezz ta' trasport għall-bhejjem, li għandhom jinħarġu minn awtorità ċentrali tal-UE; billi dik l-awtorità għandha tkun responsabbli għad-determinazzjoni tal-adegwatezza tal-mezzi tat-trasport għat-trasport tal-annimali f'termini tal-istat tal-vetturi u n-natura tat-tagħmir tagħhom (eż. il-preżenza abbord ta' sistema ta' navigazzjoni bis-satellita xierqa);

    37.

    Jistieden lill-operaturi jipprovdu t-taħriġ bir-reqqa ta' xufiera u akkompanjaturi f'konformità mal-Anness IV għar-Regolament, sabiex jiġi żgurat it-trattament korrett tal-annimali;

    38.

    Jirrikonoxxi li xi Stati Membri għandhom vapuri u portijiet li jissodisfaw l-istandards meħtieġa, iżda jenfasizza li madankollu, jipprevalu kundizzjonijiet ħżiena matul it-trasport marittimu, b'mod partikolari fir-rigward tat-tagħbija u t-trasbord; jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar rigorużi fil-proċeduri ta' ċertifikazzjoni u ta' approvazzjoni tagħhom għal bastimenti, biex itejbu l-kontrolli ta' qabel it-tagħbija tagħhom fuq bastimenti li jġorru l-bhejjem u l-kundizzjoni fiżika tajba tal-annimali, u biex jispezzjonaw kif suppost l-operazzjonijiet tat-tagħbija f'konformità mar-Regolament; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni bi pjanijiet dettaljati tal-faċilitajiet tal-ispezzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal, taġġorna u tiċċirkola lista ta' portijiet b'faċilitajiet adegwati għall-ispezzjoni tal-annimali; ikompli jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex ma japprovawx reġistri tal-vjaġġ li jippjanaw li jużaw portijiet mingħajr dawn il-faċilitajiet; jistieden lill-Istati Membri jadattaw il-portijiet tagħhom u jiżguraw manutenzjoni xierqa tal-bastimenti tagħhom, sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-benessri tal-annimali fit-trasport marittimu tal-annimali;

    39.

    Jistieden lill-Kummissjoni tapprova alternattivi innovattivi għal kontrolli tal-esportazzjoni b'mod konformi mal-Artikolu 133(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 (12), bħal spezzjonijiet tal-pjattaforma, li jtejbu l-benessri tal-annimali billi għandhom rata tal-irjus aktar baxx u ma jirrikjedux li l-annimali jinħattu, u għaldaqstant iqassru l-ħinijiet ta' stennija;

    40.

    Jinnota li r-rekwiżit taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għat-trasport fl-Istati Membri kollha joħloq inċentiv negattiv biex jintgħażlu destinazzjonijiet domestiċi milli l-eqreb destinazzjoni possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tuża s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 144(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 biex tadotta att delegat li jipprovdi deroga għal movimenti li joħolqu riskju baxx għat-tixrid tal-mard;

    Ħinijiet tal-ivvjaġġar

    41.

    Jinsisti li l-ħin tal-ivvjaġġar għall-annimali kollha li qed jiġu ttrasportati għandu jkun twil kemm ikun meħtieġ biss, filwaqt li jitqiesu d-differenzi ġeografiċi fil-livell tal-Istat Membru u f'konformità mal-premessa 5 tar-Regolament, li jiddikjara li “għal raġunijiet ta' benesseri tal-annimal it-trasport ta' l-annimali fit-tul … għandu jkun limitat kemm jista' jkun” u l-premessa 18 tiegħu, li jiddikjara li “vjaġġi twal jista' jkollhom effetti ta' detriment maġġuri għall-benesseri tal-annimali minn dawk qosra”;

    42.

    Jinsisti li l-ħin tat-trasport għall-annimali, inkluż il-ħin għat-tagħbija u għall-ħatt, irid iqis parir veterinarju speċifiku għall-ispeċi, irrispettivament minn jekk huwiex involut it-trasport fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru;

    43.

    Jiddispjaċih dwar il-ksur tar-Regolament li jikkonċerna n-nuqqas ta' applikazzjoni jew in-nuqqas ta' applikazzjoni xierqa tar-regoli speċifiċi dwar annimali mhux miftuma, bħal għoġġiela, ħrief, gidien, moħor u qżieqeż, li għadhom fuq dieta ta' ħalib, u jitlob l-introduzzjoni ta' miżuri aktar dettaljati li jiżguraw li l-benessri tal-annimali jkun protett għalkollox waqt it-trasport;

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-annimali mhux miftuma jinħattu għal tal-anqas siegħa sabiex ikunu jistgħu jiġu pprovduti b'elettroliti jew sostituti tal-ħalib u li ma jiġux ittrasportati għal aktar minn tmien sigħat;

    45.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ta' annimal mhux miftum għal kull speċi, u tillimita l-vjaġġi tal-annimali mhux miftuma kemm għal distanza massima ta' 50 km kif ukoll għal tul massimu ta' 1.5 siegħa, minħabba d-diffikultà li jiġi żgurat il-benesseri tagħhom waqt it-trasport;

    46.

    Jindika li d-dokumenti tal-ippjanar tat-trasport ħafna drabi jispeċifikaw biss ismijiet ta' postijiet u jonqsu milli jipprovdu indirizzi preċiżi ta' punti ta' kontroll, ta' provvista u ta' assemblaġġ, li jagħmel il-kontrolli ferm aktar diffiċli;

    47.

    Jitlob, filwaqt li titqies r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Diċembru 2012, li l-ħinijiet tal-ivvjaġġar tal-annimali jkunu kemm jista' jkun qosra u b'mod partikolari li jiġu evitati ħinijiet tal-ivvjaġġar twal u twal ħafna kif ukoll vjaġġi barra mill-fruntieri tal-UE, billi jintużaw strateġiji alternattivi, bħall-iżgurar ta' faċilitajiet għall-qtil lokali u mobbli li jkunu ekonomikament vijabbli u distribwiti b'mod ġust u li jkunu jinsabu qrib azjendi agrikoli tal-bhejjem, jippromwovu ċirkwiti ta' distribuzzjoni qosra u bejgħ dirett, jissostitwixxu meta possibbli, it-trasport ta' annimali għat-trobbija billi jużaw is-semen jew l-embrijuni, u jittrasportaw karkassi u prodotti tal-laħam, kif ukoll permezz ta' inizjattivi regolatorji jew mhux regolatorju fl-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-qtil fl-azjenda agrikola; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar ħinijiet tal-ivvjaġġar aktar baxxi speċifiċi kif xieraq, għat-trasport tad-diversi speċijiet tal-annimali ħajjin kollha, u anke għat-trasport ta' annimali mhux miftuma;

    48.

    Jinnota li varjetà ta' rekwiżiti, kif ukoll kundizzjonijiet tas-suq u deċiżjonijiet politiċi li qed jinbidlu, waslu biex biċċeriji żgħar isiru ekonomikament mhux vijabbli, u dan irriżulta fi tnaqqis globali fin-numri tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri biex jappoġġjaw u jippromwovu, fejn meħtieġ, l-opzjonijiet ta' qtil fl-azjenda agrikola, qtil lokali jew mobbli ekonomikament vijabbli, u faċilitajiet tal-ipproċessar tal-laħam fl-Istati Membri, sabiex l-annimali jinqatlu qrib kemm jista' jkun għall-post tat-trobbija tagħhom, li huwa wkoll fl-interess taż-żamma tal-impjieg f'oqsma rurali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw strateġija biex isir progress lejn mudell aktar reġjonali ta' produzzjoni tal-bhejjem li fih l-annimali jitwieldu, jissemmnu u jinqatlu fl-istess reġjun, kull fejn ikun prattikabbli, filwaqt li jitqiesu d-differenzi ġeografiċi, minflok li jiġu ttrasportati għal distanzi twal ħafna;

    49.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina kif il-bdiewa, il-biċċeriji u l-industrija tal-ipproċessar tal-laħam jistgħu jiġu inċentivati biex ibiċċru l-annimali tagħhom fl-eqreb faċilità sabiex jiġu evitati ħinijiet twal ta' trasport tal-annimali u jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita soluzzjonijiet innovattivi f'dan ir-rigward, bħal qtil mobbli, filwaqt li jkunu żgurati standards ta' benessri tal-annimali għoljin;

    50.

    Iqis li, f'ċerti każijiet, tnaqqis fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar permessi, kif attwalment stabbiliti fil-Kapitolu V tal-Anness 1 għar-Regolament, ma jkunx vijabbli, u li għalhekk għandhom jinstabu soluzzjonijiet għal każijiet fejn ċirkostanzi ġeografiċi u iżolament rurali jirrikjedu t-trasport tal-annimali ħajjin fuq l-art u/jew bil-baħar għal aktar produzzoni jew qtil;

    51.

    Jistieden lill-Istati Membri jippermettu l-qtil b'emerġenza direttament fuq l-azjendi agrikoli tal-bhejjem u tat-tismin, fejn xieraq, f'każ li annimal jinstab li ma jkunx f'kundizzjoni fiżika tajba biex jiġi ttrasportat jew fejn miżuri tal-ewwel għajnuna juru li ma jkunux effettivi, sabiex tiġi evitata t-tbatija mhux neċessarja tal-annimali;

    52.

    Jinnota li l-valur soċjetali u ekonomiku ta' annimal jista' jkollu impatt fuq l-istandard tat-trasport tiegħu; jenfasizza li l-istandards tat-trasport għat-tgħammir tal-annimali fl-industrija tal-ekwini huma ta' kwalità għolja;

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija biex jiġi żgurat li t-trasport ta' annimali ħajjin jinbidel għal kummerċ prinċipalment ta' laħam u karkassi u ta' prodotti ġerminali, minħabba l-impatti li jkollu t-trasport tal-annimali ħajjin fuq l-ambjent, il-benessri tal-annimali u s-saħħa; iqis li kwalunkwe strateġija bħal din trid tindirizza l-fatturi ekonomiċi li jinfluwenzaw id-deċiżjoni li jiġu ttrasportati annimali ħajjin; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-trasport lejn pajjiżi terzi f'din l-istrateġija;

    54.

    Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu programmi għall-qtil reliġjuż ta' annimali disponibbli f'biċċeriji, minħabba li proporzjon kbir ta' esportazzjonijiet ta' annimali ħajjin huma lejn swieq tal-Lvant Nofsani;

    55.

    Jirrikonoxxi d-distorsjoni kurrenti tas-suq ikkawżata minn tariffi differenti applikati għall-annimali ħajjin u għal-laħam, li tinċentiva b'mod qawwi l-kummerċ tal-annimali ħajjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mas-sħab kummerċjali tagħha, teżamina mill-ġdid din id-distorsjoni bl-għan li tnaqqas il-kummerċ tal-annimali ħajjin u, fejn meħtieġ, tissostitwixxi dan il-bejgħ bil-laħam;

    56.

    Ifakkar li, skont ir-Regolament attwali, waqfa ta' mistrieħ f'post ta' kontroll approvat hija diġà obbligatorja wara l-perjodu massimu ta' trasport ta' ekwidi domestiċi u annimali domestiċi tal-ispeċi bovina, ovina, kaprina u suwina, fejn il-ħin tat-trasport jaqbeż it-tmien sigħat;

    Il-benessri tal-annimali

    57.

    Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-veterinarji uffiċjali huma preżenti fil-punti ta' ħruġ mill-Unjoni, u li jingħataw il-kompitu li jivverifikaw li l-annimali jinsabu f'kundizzjoni fiżika tajba biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom u li l-vetturi u/jew il-bastimenti jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament; jinnota b'mod partikolari li l-Artikolu 21 tar-Regolament jispeċifika li l-veterinarji għandhom jikkontrollaw il-vetturi qabel ma jitilqu l-UE, biex jiżguraw li dawn ma jkunux affollati żżejjed, jipprovdu spazju għoli biżżejjed, jipprovdu friex u jkunu qed iġorru għalf u ilma biżżejjed, u li l-apparat ta' ventilazzjoni u tal-ilma jkun qed jaħdem kif suppost;

    58.

    Jinkoraġġixxi l-użu ta' pjanijiet ta' kontinġenza għall-vjaġġi kollha, pereżempju, trakkijiet ta' sostituzzjoni u ċentri ta' kontinġenza, sabiex it-trasportatur ikun jista' jirrispondi b'mod effettiv għall-emerġenzi u jnaqqas l-impatt ta' dewmien jew aċċident fuq l-annimali ttrasportati għat-trobbija jew għall-qatla, billi dan diġà huwa mitlub mit-trasportaturi fuq vjaġġi twal skont ir-Regolament;

    59.

    Jinsisti li l-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali għandha tkun ibbażata fuq ix-xjenza u l-aħħar teknoloġija; jiddeplora l-fatt li, minkejja rakkomandazzjonijiet ċari mill-EFSA u t-talba tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2012, il-Kummissjoni naqset milli taġġorna r-regoli dwar it-trasport tal-annimali bl-aħħar evidenza xjentifika; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, taġġorna r-regoli li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi abbażi tal-aħħar għarfien u teknoloġija xjentifiċi, b'mod partikolari fir-rigward ta' fatturi li jinkludu kontroll tal-ventilazzjoni, it-temperatura u l-umdità suffiċjenti permezz tal-arja kondizzjonata fil-vetturi kollha, sistemi tax-xorb xierqa u għalf likwidu, b'mod partikolari għal annimali mhux miftuma, densitajiet imnaqqsa ta' bhejjem u spazju għoli minimu suffiċjenti speċifikat, u biex il-vetturi jkunu adattati għall-ħtiġijiet ta' kull speċi; jenfasizza li l-konklużjoni tal-opinjoni tal-EFSA li huma involuti aspetti oħra fil-benessri tal-annimali lil hinn ferm mit-tul tal-vjaġġ, bħat-tagħbija u l-ħatt b'mod xieraq, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta' disinn tal-vettura;

    60.

    Jesprimi tħassib dwar il-vjaġġi li matulhom l-annimali jingħataw ilma kkontaminat u li mhuwiex tajjeb għall-konsum jew jkunu mċaħħda minn aċċess għall-ilma minħabba l-fatt li t-tagħmir tal-ilma ma jkunx qed jiffunzjona tajjeb jew ikun ippożizzjonat ħażin; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-vetturi użati għat-trasport ta' annimali ħajjin iġorru ilma suffiċjenti matul il-vjaġġi, u li fi kwalunkwe każ, l-ammont ipprovdut għandu jkun xieraq għar-rekwiżiti speċifiċi tal-annimali li jkunu qed jiġu ttrasportati u għan-numru ta' dawk l-annimali;

    61.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżviluppa indikaturi tal-benessri bbażati fuq l-annimali li għandhom jippromwovi riżultati ta' benessri aħjar għall-annimali fit-trasport; iqis li għandha tiżviluppa dawn l-indikaturi mingħajr dewmien sabiex ikunu jistgħu jintużaw bħala komplement għar-rekwiżiti leġiżlattivi attwali;

    62.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe reviżjoni ġejjiena tal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport tkun ibbażata fuq indikaturi oġġettivi u xjentifikament sodi, sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet arbitrarji b'impatt ekonomiku mhux ġustifikat fuq is-setturi tal-bhejjem;

    63.

    Jinsisti li, skont id-dritt tal-Unjoni, il-bdiewa huma legalment responsabbli biex jiżguraw li l-annimali tagħhom li qed jiġu ttrasportati ma jkorrux jew ma ssirilhomx ħsara jew ma jgħaddux minn tbatija bla bżonn;

    64.

    Jenfasizza li l-ksur huwa ħafna drabi dovut għall-inadegwatezza tas-sistemi tal-ventilazzjoni ta' vetturi użati għat-trasport bit-triq ta' annimali ħajjin fuq distanzi twal, u li f'dawn is-sitwazzjonijiet, l-annimali jiġu sfurzati fi spazji żgħar b'temperaturi estremi, ferm lil hinn mill-firxa tat-temperaturi u l-limiti tat-tolleranza stabbiliti fir-Regolament;

    65.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jitwettaq l-isturdament, mingħajr eċċezzjoni, qabel il-qtil ritwali reliġjuż fl-Istati Membri kollha;

    66.

    Jiddispjaċih li l-kompartimenti għall-annimali mhux dejjem ikollhom spazju biżżejjed biex jippermettu ventilazzjoni adegwata fil-vetturi u li l-movimenti naturali għall-annimali jkunu ristretti u ħafna drabi l-annimali jkunu mġiegħla jieħdu pożizzjonijiet mhux naturali għal perjodi twal, bi ksur ċar tar-regoli tekniċi stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament u fil-Kapitolu II, punt 1.2 tal-Anness tiegħu;

    67.

    Iqis li huwa meħtieġ li jkun magħmul obbligatorju li l-veterinarji jkunu preżenti abbord il-vapuri għat-trasport tal-annimali ħajjin, biex jirrappurtaw u jirreġistraw l-għadd ta' annimali li jmutu waqt il-vjaġġi u jfasslu pjanijiet ta' emerġenza biex jittrattaw kwalunkwe sitwazzjoni fuq il-baħar li jaf ikollha impatt negattiv fuq il-benessri tal-annimali li jkunu qed jiġu ttrasportati;

    68.

    Jinnota li l-bdiewa, it-trasportaturi u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jinterpretaw u jinfurzaw ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 b'mod differenti, speċjalment rigward il-kundizzjoni fiżika tajba tal-annimali għat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament sabiex tispeċifika r-rekwiżiti għat-trasport f'aktar dettall fejn ikun meħtieġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest ta' kundizzjonijiet ekwi, biex jiżguraw li fil-ġejjieni r-Regolament jiġi infurzat u implimentat b'mod armonizzat u uniformi fl-Unjoni kollha, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjoni fiżika tajba tal-annimali li se jiġu ttrasportati;

    69.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjoni ta' ħidma sħiħa ta' dak li jikkostitiwixxi l-kundizzjoni fiżika tajba tal-annimali għat-trasport, u biex tabbozza linji gwida prattiċi għall-valutazzjoni tagħha; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni, inklużi korsijiet ta' taħriġ solidi, regolari u obbligatorji, edukazzjoni u ċertifikazzjoni għal xufiera, trasportaturi, kummerċjanti, ċentri ta' assemblaġġ, biċċeriji, veterinarji, aġenti tal-fruntieri u kwalunkwe operatur ieħor involut fit-trasport tal-annimali sabiex jitnaqqsu l-livelli għoljin ta' ksur tal-kundizzjoni fiżika tajba; jistieden lill-operaturi jiżguraw it-taħriġ bir-reqqa ta' xufiera u akkompanjaturi f'konformità mal-Anness IV għar-Regolament;

    70.

    Jitlob viġilanza stretta biex ikun żgurat li annimali morda, dgħajfa jew ħfief, annimali li qed ireddgħu, annimali nisa ħobbla u annimali nisa li ma jissodisfawx il-ħin tal-ftam neċessarju ma jiġux ittrasportati;

    71.

    Jenfasizza li, b'mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 1/2005, huwa diġà obbligatorju li l-annimali li jiġu ttrasportati għal distanzi twal iridu jingħataw ilma, għalf u mistrieħ, f'intervalli xierqa u kif adegwat għall-ispeċi u l-età tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ aktar effikaċi bil-għan li tiżgura l-konformità sħiħa u armonizzata ma' dawn ir-rekwiżiti legali min-naħa tal-Istati Membri kollha;

    72.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li t-trasport tal-annimali jkun organizzat kif suppost, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tat-temp u t-tip ta' trasport;

    73.

    Jenfasizza li meta l-annimali jkunu meħtieġa li jinħattu għal perjodu ta' mistrieħ ta' 24 siegħa f'pajjiżi terzi, l-organizzatur irid jidentifika post għall-mistrieħ b'faċilitajiet ekwivalenti għal dawk ta' post ta' kontroll tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jispezzjonaw dawn il-faċilitajiet b'mod regolari u ma japprovawx reġistri tal-vjaġġ jekk il-post propost għall-mistrieħ ma jkunx ġie kkonfermat li għandu faċilitajiet ekwivalenti għall-UE;

    74.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ippjanar tat-trasport jinkludi prova ta' riżerva, inkluż għalf, ilma u mifrex frisk, f'post ta' kontroll; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi r-rekwiżiti għall-postijiet u l-faċilitajiet tal-postijiet ta' mistrieħ;

    75.

    Jirrikonoxxi li densitajiet imnaqqsa ta' bhejjem u l-interruzzjoni ta' vjaġġi biex l-annimali jkunu jistgħu jistrieħu jkollhom impatt ekonomiku negattiv fuq l-operaturi tat-trasport li jista' jaffettwa t-trattament kif suppost ta' annimali ttrasportati; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi inċentivi għat-trattament xieraq tagħhom;

    76.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw titjib fiż-żamma tar-rekords f'azjendi agrikoli dwar perjodi ta' ġestazzjoni;

    77.

    Jistieden lill-Kummissjoni tifformula, abbażi ta' sejbiet xjentifiċi, linji gwida rigward l-ilma għal annimali ttrasportati f'gaġeġ u kundizzjonijiet għat-trasportazzjoni ta' flieles li jippromwovu livell għoli ta' benessri;

    78.

    Ifakkar li l-Istati Membri jridu jsibu soluzzjonijiet konformi mal-benessri għall-annimali fit-tmiem ta' ħajjithom u taċ-ċikli tal-produzzjoni tagħhom;

    Għajnuna ekonomika

    79.

    Jappella biex isir użu aktar estensiv tal-miżura tal-iżvilupp rurali “pagamenti għat-trattament xieraq tal-annimali”, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (13), li tipprovdi appoġġ għal standards għoljin ta' benessri tal-annimali li jmur lil hinn mill-istandards obbligatorji applikabbli;

    80.

    Jappella biex ir-riforma tal-PAK li jmiss iżżomm u ssaħħaħ ir-rabta bejn il-pagamenti tal-PAK u l-kundizzjonijiet imtejba tal-benessri tal-annimali li jirrispettaw bis-sħiħ jew imorru lil hinn mill-istandards stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1/2005;

    81.

    Iħeġġeġ l-appoġġ għal miżuri biex ikun hemm distribuzzjoni bilanċjata ta' biċċeriji fl-Istati Membri li tiżgura li jitqiesu n-numri ta' bhejjem f'reġuni partikolari;

    Pajjiżi terzi

    82.

    Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti persistenti rigward problemi tat-trasport u l-benessri tal-annimali f'ċerti pajjiżi terzi; jinnota li l-qtil f'ċerti pajjiżi terzi fejn l-UE tibgħat l-annimali jinvolvi tbatija estrema u prolongata u jikser b'mod regolari l-istandards internazzjonali dwar il-benessri waqt il-qtil kif stabbilit mill-OIE; filwaqt li jirrikonoxxi li d-domanda fil-pajjiżi terzi hija ħafna drabi għal annimali ħajjin, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu bidla, meta possibbli, lejn it-trasport tal-laħam jew il-karkassi, minflok annimali ħajjin, lejn pajjiżi terzi, kif ukoll it-trasport tas-semen jew tal-embrijuni minflok annimali għat-tgħammir;

    83.

    Jikkritika bil-qawwa l-istatistika pprovduta mill-Kummissjoni dwar il-konformità mar-Regolament f'dak li jikkonċerna l-vjaġġi li jsiru biex jiġu trasportati l-annimali ħajjin lejn pajjiżi mhux fl-UE, u jenfasizza li din tfasslet mingħajr ebda verifika sistematika fuq il-vetturi tat-trasport tal-annimali.

    84.

    Jitlob li l-Kummissjoni, fin-negozjati kummerċjali bilaterali tagħha ma' pajjiżi terzi, tesiġi l-konformità mar-regoli tal-Unjoni Ewropea għall-benessri tal-annimali u tiddefendi l-internazzjonalizzazzjoni, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar dan is-suġġett;

    85.

    Jiddispjaċih għall-fatt li l-istandards li jintużaw minn ċerti pajjiżi terzi mhumiex għoljin daqs dawk fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rekwiżiti eżistenti fir-rigward tas-sħab kummerċjali tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ u t-trasport tal-annimali, sabiex ikunu tal-anqas stretti daqs standards tal-UE; jistieden lill-Istati Membri li qed jesportaw lejn pajjiżi terzi biex jaħdmu ma' awtoritajiet lokali biex itejbu l-istandards tal-benessri tal-annimali;

    86.

    Jappella għal konformità konsistenti u sħiħa mas-sentenza tal-2015 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-424/13, li fiha l-Qorti stabbiliet li, għal trasport tal-annimali li jinvolvi vjaġġ twil, li jibda fit-territorju tal-UE u mbagħad ikompli barra minnu, sabiex it-trasportatur ikun awtorizzat li jibda l-vjaġġ, jeħtieġlu jkun obbligat jippreżenta reġistru tal-vjaġġ li jkun realistiku f'termini ta' konformità, b'attenzjoni partikolari għat-tbassir tat-temp; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti ma japprovawx ir-reġistri tal-vjaġġ fejn, f'konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti, l-annimali jridu jinħattu għal waqfa ta' mistrieħ ta' 24 siegħa f'pajjiż mhux tal-UE, sakemm l-organizzatur ma jkunx identifika post għal dak il-mistrieħ li jipprovdi faċilitajiet ekwivalenti għal dawk ta' post ta' kontroll; ifakkar ukoll, f'dan ir-rigward, li l-unika lista li teżisti hija waħda mill-2009 għall-postijiet fejn jgħixu l-annimali fuq ir-rotot f'pajjiżi terzi, li fiha dettalji preċiżi tal-indirizz huma ta' spiss neqsin, u għaldaqstant, dan jagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji skont id-dritt tal-Unjoni ferm aktar diffiċli; jistieden lill-veterinarji uffiċjali f'punti ta' ħruġ biex jikkontrollaw, kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1/2005, li qabel ma l-vetturi jitilqu l-UE, ikunu ġew imħarsa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament;

    87.

    Ifakkar ukoll, f'dan il-kuntest, fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (informaturi) (COM(2018)0218), b'mod partikolari fil-kuntest ta' kontrolli veterinarji;

    88.

    Jiddeplora d-dewmien, li spiss huwa twil ħafna, li jseħħ fil-fruntieri u l-portijiet u jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda fl-uġigħ u s-sofferenza tal-annimali li dan id-dewmien jikkawża; jistieden lill-Istati Membri li għandhom fruntieri ma' pajjiżi terzi biex jipprovdu żoni ta' mistrieħ fejn l-annimali jkunu jistgħu jinħattu u jingħataw għalf, ilma, mistrieħ u kura veterinarja sabiex ikunu jistgħu jimtlew kif suppost ir-reġistri tal-vjaġġ, u biex jinfetħu toroq ta' passaġġ rapidu ddedikati li jkollhom biżżejjed persunal fid-dwana għall-annimali li qed jiġu ttrasportati biex jitnaqqsu l-perjodi ta' stennija, mingħajr ma tiddgħajjef il-kwalità tal-kontrolli tas-sanità u doganali fil-fruntieri; jistieden aktar lill-Istati Membri jikkooperaw aħjar fl-ippjanar tat-trasport tal-bhejjem, sabiex jevitaw il-wasla ta' numru kbir wisq fil-kontrolli tal-fruntiera fl-istess ħin;

    89.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi aktar assistenza reċiproka u skambju ta' informazzjoni aċċellerata, bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha u f'pajjiżi terzi sabiex jitnaqqsu l-problemi tal-benessri u l-mard tal-annimali relatati ma' amministrazzjoni fqira billi jiġi żgurat li l-esportaturi jissodisfaw b'mod sħiħ ir-rekwiżiti amministrattivi; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-benessri tal-annimali fuq livell internazzjonali u twettaq inizjattivi biex iżżid l-għarfien fost il-pajjiżi li mhumiex fl-UE;

    90.

    Jistieden lill-Kummissjoni teżerċità pressjoni fuq pajjiżi fi tranżitu li jistabbilixxu ostakoli burokratiċi u ta' sigurtà li jdewmu bla bżonn it-trasport ta' annimali ħajjin;

    91.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-ksur tal-benessri tal-annimali waqt vjaġġi minn passaġġi fuq l-ilma u marittimi lejn pajjiżi terzi u biex jivvalutaw ksur possibbli ta' leġiżlazzjoni, bħar-rimi pprojbit ta' annimali mejta minn bastimenti fil-Mediterran (li l-marki tal-widnejn tagħhom sikwit jiġu maqtugħa) peress li sikwit ma jkunx hemm possibbiltà li jintremew fil-portijiet ta' destinazzjoni;

    92.

    Jenfasizza d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/544/KE dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport internazzjonali (14), skont liema t-trasport jista' jkun kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: bejn żewġ Stati Membri b'passaġġ mit-territorju ta' stat mhux membru; bejn Stat Membru u stat mhux membru; jew direttament bejn żewġ Stati Membri;

    93.

    Jisħaq fuq l-importanza li sakemm l-istandards tat-trasport tal-annimali f'pajjiżi terzi ma jkunux allinjati ma' dawk tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom ma tkunx biżżejjed biex tkun żgurata konformità sħiħa mar-Regolament, il-vjaġġi tat-trasport tal-annimali ħajjin lejn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal ftehimiet bilaterali biex jiġu mmitigati dawn id-differenzi, u li f'każ li dan ma jinkisibx, dawn għandhom jiġu pprojbiti;

    94.

    Ifakkar lill-Istati Membri li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, (15), jistgħu jintroduċu regoli nazzjonali aktar stretti għall-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, sakemm dawn ir-regoli jkunu konformi mal-objettiv ewlieni tar-Regolament (KE) Nru 1/2005;

    95.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika u miżuri ta' ekwivalenza regolatorji ma' pajjiżi terzi fir-rigward tat-trasport tal-annimali;

    o

    o o

    96.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

    (2)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/621853/EPRS_STU(2018)621853_EN.pdf

    (3)  ĠU C 434, 23.12.2015, p. 59.

    (4)  Ġurnal Uffiċjali tal-EFSA 2011:9(1):1966.

    (5)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 116.

    (6)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-23 ta' April 2015, Zuchtvieh-Export vs Stadt Kempten, C-424/13, ECLI:EU:C:2015:259.

    (7)  Ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 31/2018 tal-14 ta' Novembru 2018 bit-titolu “Il-benessri tal-annimali fl-UE: tnaqqis tad-distakk bejn għanijiet ambizzjużi u implimentazzjoni prattika”.

    (8)  https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1966

    (9)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977.

    (10)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

    (11)  “Final report of an audit carried out in The Netherlands from 20 February 2017 to 24 February 2017 in order to evaluate animal welfare during transport to non-EU countries” (Rapport finali ta' verifika li saret fin-Netherlands mill-20 ta' Frar 2017 sal-24 ta' Frar 2017 sabiex jiġi evalwat il-benessri tal-annimali matul it-trasport lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE), il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, 2017.

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1)..

    (13)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 347.

    (14)  ĠU L 241, 13.7.2004, p. 21.

    (15)  Sentenza tal-Qorti (L-Ewwel Awla) tal-14.10.2004 – Kawża C-113/02, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Olanda, u s-Sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) ta' 8.5.2008 – Kawża C-491/06, Danske Svineproducenter.


    Upp