EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0081(01)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar azzjonijiet riċenti mill-Federazzjoni Russa kontra mħallfin, prosekuturi u investigaturi Litwani involuti fl-investigazzjoni tal-ġrajjiet traġiċi tat-13 ta' Jannar 1991 f'Vilnius (2019/2938(RSP))

ĠU C 232, 16.6.2021, p. 54–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/54


P9_TA(2019)0081

Azzjonijiet riċenti mill-Federazzjoni Russa kontra mħallfin, prosekuturi u investigaturi Litwani involuti fl-investigazzjoni tal-ġrajjiet traġiċi tat-13 ta' Jannar 1991 f'Vilnius

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar azzjonijiet riċenti mill-Federazzjoni Russa kontra mħallfin, prosekuturi u investigaturi Litwani involuti fl-investigazzjoni tal-ġrajjiet traġiċi tat-13 ta' Jannar 1991 f'Vilnius (2019/2938(RSP))

(2021/C 232/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali.

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura,

wara li kkunsidra l-iskambju riċenti ta' fehmiet li sar fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fit-12 ta' Novembru 2019 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi bħala konsegwenza diretta tal-Patt Molotov-Ribbentrop, l-USSR Komunista annettiet ir-Repubblika tal-Litwanja, flimkien ma' pajjiżi oħra;

B.

billi l-Federazzjoni Russa, li ħadet impenji fil-qafas tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, ikkommettiet ruħha li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

C.

billi bejn il-11 u t-13 ta' Jannar 1991 il-forzi armati tal-USSR wettqu att ta' aggressjoni kontra l-Istat indipendenti tal-Litwanja u n-nies li kienu qed jipprovaw jiddefendu b'mod paċifiku it-torri tat-televiżjoni ta' Vilnius, li rriżulta f'14-il persuna mejta u kważi 800 feruta; billi l-azzjonijiet soppressivi tal-forzi armati Sovjetiċi komplew sat-tentattiv ta' kolp ta' stat li sar f'Awwissu 1991 f'Moska;

D.

billi t-tixrid ta' demm ġie kkundannat madwar id-dinja kollha, inkluż mill-Kap tal-Kunsill Suprem tar-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa waqt dimostrazzjoni tal-massa f'Moska ftit jiem wara;

E.

billi l-Federazzjoni Russa, fit-Trattat bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa fuq il-Bażi tar-Relazzjonijiet bejn l-Istati tad-29 ta' Lulju 1991, irrikonoxxiet ir-restawr tar-Repubblika tal-Litwanja indipendenti fil-11 ta' Marzu 1990;

F.

billi l-Federazzjoni Russa assumiet id-drittijiet u l-obbligi tal-eks Unjoni Sovjetika u hija l-Istat suċċessur tagħha;

G.

billi fis-27 ta' Marzu 2019 il-Qorti Reġjonali ta' Vilnius tat deċiżjoni fl-hekk imsejħa “kawża tat-13 ta' Jannar”, li fiha Dmitry Yazov, l-eks ministru tad-difiża tal-Unjoni Sovjetika, Vladimir Uskhopchik, l-eks kmandant tal-gwarniġjon ta' Vilnius tal-Armata Sovjetika, Mikhail Golovatov, l-eks kmandant tal-forzi speċjali tal-KGB, u 64 ċittadin Russu, Belarussu u Ukren instabu ħatja ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità għall-involviment tagħhom fl-att ta' aggressjoni kontra l-Istat tal-Litwana;

H.

billi l-awturi kollha ta' dan l-attakk kienu kontumaċi fil-proċess, minbarra tnejn minnhom, Yuri Mel u Gennady Ivanov, eks uffiċjali tal-armata Sovjetika, u l-imputati ġew ikkundannati għal perjodu ta' priġunerija sa 14-il sena; billi s-sentenzi li ngħataw fir-rebbiegħa 2019 jikkonċernaw il-ġrajjiet traġiċi li ġraw wara d-dikjarazzjoni tal-indipendenza Litwana tal-11 ta' Marzu 1990 u t-tentattivi Sovjetiċi biex jisfurzaw lil-Litwanja tirrevoka d-dikjarazzjoni tal-indipendenza tagħha, tentattivi li bdew b'imblokk ekonomiku fl-ewwel nofs tal-1990 u kkulminaw fi sforz brutali biex iwaqqgħu lill-Gvern Litwan f'Jannar 1991;

I.

billi, fit-twettiq tal-investigazzjoni preliminari għall-kawża tat-13 ta' Jannar, l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Litwanja talbu b'mod attiv li l-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa jipprovdu assistenza legali f'dawn il-proċedimenti kriminali, iżda l-Federazzjoni Russa ma kkooperatx;

J.

billi huwa mifhum li l-Federazzjoni Russa qiegħda toffri b'mod attiv kenn u protezzjoni lill-uffiċjali kapijiet eżekuttivi u awturi tal-atti ta' aggressjoni armata kontra persuni ċivili innoċenti u mhux armati, bħall-ogħla uffiċjal militari matul l-avvenimenti ta' Jannar 1991, Mikhail Golovatov, u qiegħda tieħu l-miżuri possibbli kollha biex tgħinhom jevitaw li jinżammu responsabbli;

K.

billi r-reazzjoni inizjali tar-Russja għad-deċiżjoni tal-qorti kienet negattiva, u d-Duma tal-Istat Russu ppremettiet li l-proċess kien “politikament motivat” u “tentattiv biex l-istorja tinkiteb mill-ġdid”, u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja ħabbar li “mhux se joqgħod mingħajr ma jirreaġixxi ulterjorment”;

L.

billi bejn Lulju 2018 u April 2019 il-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa fetaħ diversi proċedimenti kriminali kontra l-prosekuturi, l-investigaturi u l-imħallfin tar-Repubblika tal-Litwanja li kienu involuti fl-investigazzjoni jew fid-deċiżjonijiet fil-kawża tat-13 ta' Jannar, fuq il-bażi tal-Artikoli 299 u 305 tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa, li jipprevedu responsabbiltà kriminali għal min “jistabbilixxi r-responsabbiltà kriminali ta' persuna magħrufa bħala innoċenti” u għall-“imħallef (imħallfin) li joħorġu sentenza, deċiżjoni jew kwalunkwe att ġuridiku ieħor intenzjonalment inġusti”;

M.

billi din il-prosekuzzjoni kriminali, ibbażata fuq motivazzjonijiet politiċi, mibdija mill-Federazzjoni Russa tista' tirriżulta f'tentattivi ta' użu ħażin tas-sistema Interpol u ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bilaterali u multilaterali oħra sabiex jiġu ristretti d-drittijiet tal-prosekuturi investigattivi u l-imħallfin aditi fil-kawża tat-13 ta' Jannar matul il-perkwiżizzjonijiet, l-interrogazzjonijiet u l-arresti; billi l-Federazzjoni Russa jaf tipprova tikseb mandati ta' arrest internazzjonali kontra l-uffiċjali Litwani involuti f'dawn il-proċedimenti;

N.

billi qed issir kampanja ta' propaganda u diżinformazzjoni fil-midja kkontrollata mill-Istat tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll mir-rappreżentanti uffiċjali tiegħu, immirata lejn l-iżvilupp ta' teoriji ta' konfoffa dwar il-kawża tat-13 ta' Jannar, u hija parti mit-theddid ibridu kontra l-UE u d-demokraziji;

O.

billi l-istat tad-dritt, inkluża l-indipendenza ġudizzjarja, huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija mibnija l-UE; billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u mal-Kunsill, hija responsabbli taħt it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati;

P.

billi l-imħallfin ta' kwalunkwe Stat Membru huma wkoll imħallfin tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

Q.

billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija l-bażi tal-istat tad-dritt u hija essenzjali għall-funzjonament tad-demokrazija u l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

R.

billi l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura jistipulaw li huwa d-dmir tal-istituzzjonijiet governattivi u oħrajn kollha li jirrispettaw u josservaw l-indipendenza tal-ġudikatura; billi huma jiddikjaraw ukoll li ma jrid ikun hemm ebda ndħil mhux xieraq jew mhux ġustifikat fil-proċess ġudizzjarju (2);

S.

billi fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem hemm minqux b'mod partikolari l-prinċipji ta' ugwaljanza f'għajnejn il-liġi, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi;

T.

billi l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali – li ġiet ratifikata mill-Federazzjoni Russa – jistipula li “l-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jagħtu lil xulxin, skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-assistenza reċiproka l-aktar wiesgħa possibbli, fil-proċeduri li jikkonċernaw reati li l-piena li għalihom, fi żmien it-talba għall-assistenza, taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Parti li tagħmel it-talba”;

U.

billi l-Federazzjoni Russa qed tikser dejjem aktar id-dritt u l-impenji internazzjonali u tieħu pożizzjonijiet li jmorru kontra r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, u b'hekk timmina kwalunkwe prospett ta' kooperazzjoni futura;

1.

Jesprimi s-solidarjetà u s-simpatija tiegħu mal-familji tal-vittmi tal-kawża tat-13 ta' Jannar;

2.

Jinnota li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa fir-rigward tal-imħallfin u l-prosekuturi Litwani jiksru valuri legali fundamentali, b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura, kif ukoll il-prinċipju li d-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem jistgħu jiġu legalment ristretti biss għall-finijiet li għalihom tali restrizzjonijiet jiġu imposti mid-dritt internazzjonali;

3.

Ifakkar li l-prosekuzzjoni kriminali tal-prosekuturi u l-imħallfin għall-attivitajiet professjonali tagħhom hija forma ta' influwenza esterna inaċċettabbli li tinterferixxi mal-preminenza tal-liġi;

4.

Jenfasizza l-fatt li tali proċedimenti kriminali kontra prosekuturi u mħallfin ma jistgħux jitqiesu bħala leġittimi;

5.

Jikkundanna bil-qawwa dan il-ksur ta' prinċipji u normi fundamentali tad-dritt internazzjonali mwettaq mill-awtoritajiet Russi u joġġezzjona għal dawn l-eżempji ta' prosekuzzjonijiet kriminali politikament motivati;

6.

Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-prosekuturi, l-investigaturi u l-imħallfin Litwani akkużati mill-Federazzjoni Russa f'dan il-każ u mal-isforzi tal-Gvern Litwan biex jattira l-attenzjoni lejn il-każ u jillimita l-ħsara u l-periklu li jiffaċċjaw dawk akkużati inġustament mill-awtoritajiet Russi;

7.

Jenfasizza li l-garanziji universalment rikonoxxuti għall-indipendenza tal-imħallfin u l-prosekuturi jipprojbixxu kwalunkwe ndħil fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja mill-qorti jew l-eżerċizzju ta' saħansitra l-iċken influwenza fuq sentenza, kif ukoll il-prosekuzzjoni ta' mħallef għal sentenza mogħtija minnu jew indħil fil-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-investigazzjoni ta' każijiet;

8.

Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Federazzjoni Russa jabbandunaw il-proċedimenti kriminali mibdija kontra l-prosekuturi, l-investigaturi u l-imħallfin Litwani fil-kawża tat-13 ta' Jannar;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa, waqt li jimplimentaw it-Trattat bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Sovjetika Federattiva Soċjalista Russa fuq il-Bażi tar-Relazzjonijiet bejn l-Istati tad-29 ta' Lulju 1991, biex jivvalutaw ir-responsabbiltà tal-persuni li mexxew jew ipparteċipaw fl-att ta' aggressjoni tal-11 sat-13 ta' Jannar 1991 kontra l-Istat tal-Litwanja, u li jassistu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja biex ifittxu li ssir ġustizzja fil-kawża tat-13 ta' Jannar;

10.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa u l-Belarussja jikkonformaw mat-talbiet tar-Repubblika tal-Litwanja għall-assistenza legali reċiproka fil-kawża tat-13 ta' Jannar;

11.

Jistieden lill-awtoritajiet Russi jwaqqfu d-diżinformazzjoni irresponsabbli u d-dikjarazzjonijiet ta' propaganda li saru minn uffiċjali tal-Federazzjoni Russa fir-rigward tal-kawża tat-13 ta' Jannar;

12.

Jistieden lill-Istati Membri biex, jekk il-Federazzjoni Russa tagħmel talbiet għall-assistenza legali reċiproka b'rabta mal-prosekuzzjoni kriminali fil-Federazzjoni Russa tal-prosekuturi u l-imħallfin Litwani involuti fil-kawża tat-13 ta' Jannar, jittrattaw dan il-każ bħala politikament motivat, jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet Litwani u jirrifjutaw assistenza legali mill-Federazzjoni Russa f'dan il-każ;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Fajls tal-Interpol, inkarigata biex tipprevjeni mandati ta' arrest ta' natura politika abbużivi, biex tkun attenta għal kwalunkwe mandat ta' arrest internazzjonali mitlub kontra l-uffiċjali Litwani akkużati; jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-firmatarji l-oħra tal-Kostituzzjoni tal-ICPO-Interpol jinjoraw il-mandati ta' arrest internazzjonali kollha kontra l-uffiċjali Litwani akkużati; jistieden lill-Interpol tinjora t-talbiet Russi kollha għal mandati relatati mal-kawża tat-13 ta' Jannar;

14.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jżommu lura milli jittrasferixxu lejn ir-Russja kwalunkwe data personali li tkun tista' tintuża fi proċedimenti kriminali kontra l-imħallfin, il-prosekuturi u l-investigaturi Litwani;

15.

Jappella biex l-Istati Membri jikkooperaw bis-sħiħ fil-livell Ewropew fir-rigward tal-politiki tagħhom dwar ir-Russja, peress li aktar konsistenza u koordinazzjoni aħjar huma essenzjali biex tinkiseb politika tal-UE aktar effikaċi, u biex jagħmlu sforzi akbar ħalli jibnu r-reżiljenza u jaħdmu favur soluzzjonijiet prattiċi li jappoġġaw u jsaħħu l-proċessi demokratiċi u ġudikatura indipendenti;

16.

Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, lill-VP / RGħ u lill-Istati Membri jkomplu jsegwu tali każijiet b'attenzjoni, iqajmu dawn il-kwistjonijiet f'formati differenti u fil-laqgħat mal-Federazzjoni Russa, u jirrapportaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji li jsiru mal-awtoritajiet Russi, filwaqt li jgħarrfu lill-awtoritajiet Russi b'mod sħiħ dwar l-unità u s-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea f'dan il-każ, kif ukoll f'każijiet relatati oħra; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu dan il-każ meta jikkomunikaw mal-awtoritajiet Russi;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Federazzjoni Russa u l-Belarussja.

(1)  https://www.europarl.europa.eu/ep-live/mt/committees/video?event=20191112-0900-COMMITTEE-LIBE

(2)  https://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/IndependenceJudiciary.aspx


Top