Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0080

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (2018/2080(INL) – 2019/0900(APP))

    ĠU C 449, 23.12.2020, p. 182–190 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 449/182


    P8_TA(2019)0080

    Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (2018/2080(INL) – 2019/0900(APP))

    (2020/C 449/26)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 228(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 41 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0050/2019),

    1.

    Jadotta l-abbozz ta' Regolament anness;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-abbozz ta' Regolament anness lill-Kunsill u lill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 228(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jorganizza, ladarba l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha u l-Kunsill ikun ta l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz tar-Regolament anness, il-pubblikazzjoni tar-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:

    Abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 228(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u, b'mod partikolari, l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

    Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Kunsill,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni,

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 20(2), il-punt (d) u l-Artikolu 228, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    B'mod partikolari, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 43 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jirreferi lill-Ombudsman Ewropew każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni. Sabiex dawn id-drittijiet ikunu effettivi u sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ombudsman biex iwettaq inkjesti bir-reqqa u b’mod imparzjali, jenħtieġ li l-Ombudsman jingħata l-għodod kollha li huma meħtieġa biex iwettaq b'suċċess id-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew (1) ġiet emendata l-aħħar fl-2008. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, ġie stabbilit qafas legali ġdid għall-Unjoni. B'mod partikolari, l-Artikolu 228(4) tat-TFUE jippermetti lill-Parlament Ewropew, wara li jitlob opinjoni mill-Kummissjoni u bil-kunsens tal-Kunsill, li jadotta regolamenti li jistabbilixxu r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman. Għaldaqstant huwa mixtieq li d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tiġi mħassra u sostitwita b'Regolament f’konformità mal-bażi ġuridika applikabbli fil-preżent.

    (4)

    L-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li bihom ilment jista' jitressaq quddiem l-Ombudsman jenħtieġ li jikkonforma mal-prinċipju ta' aċċess sħiħ, liberu u faċli, minkejja r-restrizzjonijiet speċifiċi relatati mal-konkorrenza ta' proċedimenti legali u amministrattivi ġodda jew pendenti.

    (5)

    L-Ombudsman għandu d-dritt li jagħmel rakkomandazzjonijiet meta l-Ombudsman jara li istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni ma jkunux qed japplikaw deċiżjoni tal-qorti b'mod xieraq.

    (6)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fejn l-inkjesti tal-Ombudsman jiżvelaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina. Jenħtieġ li tkun prevista l-preżentazzjoni ta' rapport komprensiv mill-Ombudsman lill-Parlament Ewropew fl-aħħar ta' kull sessjoni annwali.

    (7)

    Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman, huwa mixtieq li mingħajr preġudizzju għad-dmir primarju tal-Ombudsman, li huwa li jittratta l-ilmenti, l-Ombudsman jitħalla jwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja bl-għan li jidentifika każijiet ripetuti jew partikolarment serji ta' amministrazzjoni ħażina u jippromwovi l-aqwa prattiki amministrattivi fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni.

    (8)

    Sabiex tiżdied l-effikaċja tal-azzjoni tal-Ombudsman, jenħtieġ li l-Ombudsman ikun intitolat li, fuq l-inizjattiva proprja tal-Ombudsman jew wara li jkun sar ilment, iwettaq inkjesti li jsegwu inkjesti preċedenti sabiex jiġi aċċertat jekk, u sa liema punt, l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati jkunux ikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet magħmula. Jenħtieġ li l-Ombudsman ikun intitolat ukoll li jinkludi, fir-rapport annwali tal-Ombudsman lill-Parlament Ewropew, valutazzjoni tar-rata ta' konformità tar-rakkomandazzjonijiet magħmula, u valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi magħmula disponibbli għall-Ombudsman għat-twettiq tad-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament.

    (9)

    Jenħtieġ li l-Ombudsman ikollu aċċess għall-elementi kollha meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għandhom ikunu obbligati jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni li jitlobhom, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Ombudsman fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-aċċess għal informazzjoni jew dokumenti klassifikati jenħtieġ li jkun soġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati tal-Unjoni. L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji li jipprovdu informazzjoni jew dokumenti klassifikati għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman dwar tali klassifikazzjoni. Għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Ombudsman ikun laħaq ftehim minn qabel mal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati dwar il-kundizzjonijiet għat-trattament ta' informazzjoni jew dokumenti klassifikati jew ta' informazzjoni oħra koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali. Jekk l-Ombudsman isib li l-assistenza mitluba ma tkunx qed tingħata, jenħtieġ li l-Ombudsman jinforma lill-Parlament Ewropew, li jenħtieġ li jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet xierqa.

    (10)

    L-Ombudsman u l-persunal tal-Ombudsman huma obbligati li jittrattaw b'kunfidenzjalità kull informazzjoni li jkunu kisbu fil-qadi ta' dmirijiethom. Madankollu, jenħtieġ li l-Ombudsman jinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-fatti li l-Ombudsman jqis li jistgħu jkunu relatati mal-liġi kriminali u li jkun sar jaf dwarhom waqt inkjesta. Jenħtieġ li l-Ombudsman ikun jista' jinforma lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati tal-Unjoni dwar il-fatti li jqajmu dubju dwar l-imġiba ta' membru tal-persunal tagħhom.

    (11)

    Jenħtieġ li jitqiesu l-bidliet riċenti li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra reati kriminali, b'mod partikolari l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (3), sabiex l-Ombudsman ikun jista' jinnotifikah bi kwalunkwe informazzjoni li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Bl-istess mod, sabiex tiġi rispettata b’mod sħiħ il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa mixtieq li, fejn l-Ombudsman jinnotifika lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew b'informazzjoni li taqa' fil-kompetenza ta' dan tal-aħħar, l-Ombudsman jirrapporta dik in-notifika lill-persuna konċernata u lill-ilmentatur.

    (12)

    Jenħtieġ li tkun prevista l-possibilità ta' kooperazzjoni bejn l-Ombudsman u l-awtoritajiet tal-istess tip fl-Istati Membri, f'konformità mal-liġijiet nazzjonali applikabbli. Huwa mixtieq ukoll li jittieħdu passi sabiex l-Ombudsman jkun jista’ jikkoopera mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, peress li tali kooperazzjoni tista' żżid l-effikaċja tat-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman.

    (13)

    Huwa l-Parlament Ewropew li għandu s-setgħa li jaħtar lill-Ombudsman fil-bidu tal-leġiżlatura parlamentari u għat-tul ta' żmien tagħha, u jagħżel lill-Ombudsman minn fost il-persuni li huma ċittadini tal-Unjoni u li joffru kull garanzija rekwiżita ta' indipendenza u kompetenza. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman, kif ukoll għas-sostituzzjoni tiegħu.

    (14)

    Id-dmirijiet tal-Ombudsman jenħtieġ li jitwettqu b'indipendenza sħiħa. Jenħtieġ li l-Ombudsman jintrabat solennement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta jieħu l-kariga. L-inkompatibbiltajiet, ir-remunerazzjoni, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Ombudsman jenħtieġ li jiġu stabbiliti.

    (15)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar is-sede tal-Ombudsman, li jenħtieġ li tkun is-sede tal-Parlament Ewropew. Jenħtieġ li jiġu adottati wkoll dispożizzjonijiet mhux biss dwar l-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat li se jassisti lill-Ombudsman, iżda wkoll dwar il-baġit ta' dan is-segretarjat.

    (16)

    Għandu jkun l-Ombudsman li jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza tad-dritt u l-ogħla standards fil-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman, jenħtieġ li l-kontenut minimu tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati jiġi stabbilit f'dan ir-Regolament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew).

    2.   L-Ombudsman għandu jaġixxi b'mod indipendenti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, f’konformità mas-setgħat konferiti lill-Ombudsman mit-Trattati, u b'qies xieraq tal-Artikolu 20(2), il-punt (d) u l-Artikolu 228 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

    3.   Fit-twettiq ta' dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament, l-Ombudsman ma jistax jintervjeni f'kawżi quddiem il-qrati u lanqas ma jista' jikkontesta s-solidità ta' deċiżjoni ta' qorti jew il-kompetenza ta' qorti li tieħu deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   L-Ombudsman għandu jgħin fl-iskoperta ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja tagħha, u fejn ikun xieraq, għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-għan li l-amministrazzjoni ħażina tintemm. L-ebda azzjoni minn xi awtorità jew persuna oħra ma tista' tkun is-suġġett ta' lment lill-Ombudsman.

    2.   Kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jirrisjedu jew għandhom uffiċċju reġistrat fi Stat Membru jistgħu, direttament jew permezz ta' Membru tal-Parlament Ewropew, jirreferu lment lill-Ombudsman rigward każ ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rwol ġudizzjarju tagħha. Malli l-ilment jiġi riferut lill-Ombudsman, l-Ombudsman għandu jgħarraf lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati, filwaqt li jirrispetta l-istandards tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

    3.   L-ilment għandu jagħmel referenza ċara għas-suġġett tiegħu u għall-identità tal-ilmentatur. L-ilmentatur jista' jitlob li l-ilment, jew partijiet minnu, jibqgħu kunfidenzjali.

    4.   Ilment għandu jsir fi żmien tliet snin mid-data meta l-ilmentatur ikun sar jaf bil-fatti li fuqhom hu bbażat l-ilment, u għandu jkun preċedut bil-passi amministrattivi xierqa fir-rigward tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji konċernati.

    5.   L-Ombudsman għandu jiddetermina jekk ilment ikunx fi ħdan il-mandat tiegħu u, jekk iva, jekk huwiex ammissibbli. Meta lment ikun barra mill-mandat jew inammissibbli, l-Ombudsman, qabel ma jagħlaq il-fajl, jista' jagħti parir lill-ilmentatur biex jindirizzah lil awtorità oħra.

    6.   L-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman m’għandhomx jolqtu l-limiti ta' żmien sabiex jiġu ppreżentati appelli fi proċeduri amministrattivi jew legali.

    7.   Meta l-Ombudsman, minħabba proċeduri legali li jkunu għaddejjin jew ikunu ġew konklużi rigward il-fatti ppreżentati, ikollu jiddikjara li lment ikun inammissibbli jew li ma jkunx jista' jkompli jikkunsidrah, l-eżitu ta' kwalunkwe inkjesta li jkun għamel sa dak iż-żmien għandu jiġi arkivjat b'mod definittiv.

    8.   Bl-eċċezzjoni ta’ lmenti relatati ma' każijiet ta' fastidju sesswali, l-ebda lment ma għandu jsir lill-Ombudsman dwar relazzjonijiet ta' xogħol bejn l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u uffiċjali jew aġenti oħra tagħhom sakemm il-possibbiltajiet kollha għall-preżentazzjoni ta' talbiet u lmenti amministrattivi interni, b'mod partikolari l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (4) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”), ikunu ġew eżawriti mill-persuna konċernata u l-limiti ta' żmien għar-risposti mingħand l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati jkunu skadew.

    9.   L-Ombudsman għandu jinforma malajr kemm jista' jkun lill-ilmentatur dwar l-azzjoni meħuda dwar l-ilment.

    Artikolu 3

    1.   L-Ombudsman għandu, fuq inizjattiva proprja jew wara li jkun tressaq ilment, iwettaq l-inkjesti kollha, inklużi dawk li jsegwu inkjesti preċedenti, li jikkunsidra li jkunu ġustifikati biex jiġi ċċarat kwalunkwe suspett ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni. L-Ombudsman għandu jaġixxi mingħajr ma jirrikjedi ebda awtorizzazzjoni minn qabel u għandu jinforma lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati fi żmien xieraq dwar tali azzjoni. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati jistgħu jissottomettu kwalunkwe kumment jew evidenza siewja lill-Ombudsman. L-Ombudsman jista' wkoll jitlob lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati biex jissottomettu tali kummenti jew evidenza.

    2.   Mingħajr preġudizzju għad-dmir primarju tal-Ombudsman, li huwa li jittratta l-ilmenti, l-Ombudsman jista' jwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja, ta' natura aktar strateġika biex jidentifika sitwazzjonijiet ripetuti jew partikolarment serji ta' amministrazzjoni ħażina, biex jippromwovi l-aqwa prattiki amministrattivi fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u biex jindirizza b'mod proattiv il-kwistjonijiet strutturali ta' interess pubbliku li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Ombudsman.

    3.   L-Ombudsman jista' jinvolvi ruħu fi djalogu strutturat u regolari mal-istituzzjonijiet korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni u jorganizza konsultazzjonijiet pubbliċi qabel ma jipprovdi rakkomandazzjonijiet jew fi kwalunkwe stadju minn hemm 'il quddiem, L-Ombudsman jista’ wkoll janalizza u jivvaluta b'mod sistematiku l-progress tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni konċernati, u joħroġ rakkomandazzjonijiet ulterjuri.

    4.   L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għandhom jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni li jkun talabhom u jagħtu lill-Ombudsman aċċess għall-fajls konċernati. L-aċċess għal informazzjoni jew dokumenti klassifikati għandu jkun suġġett għall-konformità mar-regoli dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni konċernati.

    L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji li jipprovdu informazzjoni jew dokumenti klassifikati kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman minn qabel dwar tali klassifikazzjoni.

    Għall-implimentazzjoni tar-regoli previsti fl-ewwel subparagrafu, l-Ombudsman għandu jkun laħaq ftehim minn qabel mal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati dwar il-kundizzjonijiet għat-trattament ta' informazzjoni jew dokumenti klassifikati.

    L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji konċernati għandhom jagħtu aċċess għal dokumenti li joriġinaw fi Stat Membru u li jkunu klassifikati bħala sigrieti bil-liġi unikament wara li s-servizzi tal-Ombudsman ikunu stabbilixxew miżuri u salvagwardji xierqa biex jittrattaw id-dokumenti li jiżguraw livell ekwivalenti ta' kunfidenzjalità, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u f'konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati tal-Unjoni.

    L-uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għandhom, fuq talba tal-Ombudsman, jagħtu xhieda tal-fatti li jkollhom x'jaqsmu ma' inkjesta li jkun qed jagħmel l-Ombudsman. Huma għandhom jitkellmu f'isem l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tagħhom. Huma għandhom jibqgħu marbuta mal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli rispettivi tagħhom. Meta jkunu marbuta bi dmir ta' segretezza professjonali, dan m'għandux jiġi interpretat bħala li jkopri informazzjoni rilevanti għall-ilmenti jew inkjesti dwar fastidju jew amministrazzjoni ħażina.

    5.   L-Ombudsman għandu jeżamina perjodikament il-proċeduri relatati mal-azzjoni amministrattiva tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u għandu jivvaluta jekk dawn humiex kapaċi jipprevjenu b'mod effettiv il-kunflitti ta' interess, jiggarantixxu l-imparzjalità u jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. L-Ombudsman jista' jidentifika u jivvaluta każijiet possibbli ta' kunflitti ta' interess fil-livelli kollha li jistgħu jikkostitwixxu sors ta' amministrazzjoni ħażina, u f'dak il-każ l-Ombudsman għandu jfassal konklużjonijiet speċifiċi u jinforma l-Parlament Ewropew dwar is-sejbiet rigward is-suġġett.

    6.   Safejn il-liġi nazzjonali tagħhom tippermetti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fuq it-talba tal-Ombudsman jew fuq inizjattiva proprja tagħhom, jibagħtu urġentement lill-Ombudsman kwalunkwe informazzjoni jew dokument li jistgħu jgħinu biex jiġu ċċarati każijiet ta' amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni. Meta tali informazzjoni jew dokument ikunu koperti mil-liġi nazzjonali dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni kunfidenzjali jew minn dispożizzjonijiet li jipprevjenu l-komunikazzjoni tagħhom, l-Istat Membru konċernat jista' jippermetti lill-Ombudsman ikollu aċċess għal din l-informazzjoni jew dokument, dment li l-Ombudsman jimpenja ruħu li jittrattahom bi qbil mal-awtorità kompetenti li toriġinahom. Fi kwalunkwe każ, għandha tingħata deskrizzjoni tad-dokument.

    7.   Jekk l-Ombudsman ma jingħatax l-għajnuna mitluba, l-Ombudsman għandu jgħarraf lill-Parlament Ewropew, li għandu jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet xierqa.

    8.   Meta wara inkjesta jinstabu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, l-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati, u fejn xieraq jagħmel rakkomandazzjonijiet. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija li tingħata din l-informazzjoni għandha tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur. L-Ombudsman jista', fuq talba motivata tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati, jagħti estensjoni ta’ dik l-iskadenza, li m'għandhiex tkun itwal minn xahrejn. Meta ma tingħata l-ebda opinjoni mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati sal-iskadenza ta' tliet xhur jew sal-iskadenza estiża, l-Ombudsman jista' jagħlaq l-inkjesta mingħajr tali opinjoni.

    9.   Wara dan, l-Ombudsman għandu jibgħat rapport lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati u, notevolment fejn in-natura jew l-iskala tal-każ ta' amministrazzjoni ħażina li jkun skopra tirrikjedi dan, lill-Parlament Ewropew. L-Ombudsman jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rapport. L-ilmentatur għandu jiġi infurmat mill-Ombudsman dwar l-eżitu tal-inkjesta, l-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula mill-Ombudsman fir-rapport.

    10.   Fejn ikun xieraq fir-rigward ta' inkjesta dwar l-attivitajiet ta' istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, l-Ombudsman jista' jidher quddiem il-Parlament Ewropew, fuq l-inizjattiva tal-Ombudsman stess jew fuq talba tal-Parlament Ewropew, fl-aktar livell xieraq.

    11.   Sa fejn ikun possibbli, l-Ombudsman għandu jfittex soluzzjoni mal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati, sabiex il-każ ta' amministrazzjoni ħażina jiġi eliminat u l-ilment jiġi sodisfat. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar is-soluzzjoni proposta flimkien mal-kummenti, jekk ikun hemm, tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati. Jekk l-ilmentatur jixtieq dan, l-ilmentatur għandu jkun intitolat li jressaq kummenti, jew informazzjoni addizzjonali li ma kinitx magħrufa fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-ilment, lill-Ombudsman, fi kwalunkwe stadju.

    12.   Fi tmiem kull sessjoni annwali, l-Ombudsman għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-inkjesti mwettqa mill-Ombudsman. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi disponibbli għat-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman. Dawn il-valutazzjonijiet jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta' rapporti separati.

    Artikolu 4

    L-Ombudsman u l-persunal tiegħu għandhom jittrattaw it-talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1), f’konfomità mal-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

    Fir-rigward tal-ilmenti dwar id-dritt ta' aċċess pubbliku għal dokumenti mfassla jew rċevuti minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija, l-Ombudsman għandu, wara analiżi xierqa u wara l-kunsiderazzjoni kollha meħtieġa, joħroġ rakkomandazzjoni rigward l-aċċess għal dawk id-dokumenti. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati għandhom jwieġbu fi żmien il-perjodi previsti mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Jekk l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati ma jsegwux ir-rakkomandazzjoni mill-Ombudsman biex jagħtu aċċess għal dokumenti, għandhom jagħtu r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom. F'każ bħal dan, l-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar ir-rimedji legali disponibbli, inklużi l-proċeduri disponibbli biex il-każ jiġi riferut lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    L-Ombudsman għandu jwettaq valutazzjonijiet regolari tal-politiki u rieżamijiet tal-proċeduri stabbiliti fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal (“whistleblowing”) u għandu, fejn ikun xieraq, jagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti għal titjib bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni sħiħa għal uffiċjali u aġenti oħra li jirrapportaw fatti f'konformità mal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal.

    L-Ombudsman jista', meta mitlub, jipprovdi informazzjoni kunfidenzjali, pariri imparzjali u gwida esperta lill-uffiċjali jew aġenti oħra dwar l-imġieba xierqa li għandha tittieħed fil-preżenza ta’ fatti msemmija fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-Ombudsman jista' wkoll jiftaħ inkjesti abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn uffiċjali jew aġenti oħra li jirrapportaw fatti f’konformità mal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistgħu jirrapportaw b’mod kunfidenzjali u anonimu, fejn il-fatti deskritti jistgħu jikkostitwixxu amministrazzjoni ħażina fl-instituzzjoni, korp, uffiċju jew aġenzija tal-Unjoni. Sabiex dan l-għan ikun jista' jitwettaq, ir-regolamenti tal-persunal applikabbli li jirrigwardaw is-segretezza jistgħu jiġu rinunzjati.

    Artikolu 6

    1.   L-Ombudsman u l-persunal tiegħu, li għalihom għandhom japplikaw l-Artikolu 339 tat-TFUE l-Artikolu 194 tal-Euratom, għandhom ikunu marbuta li ma jiżvelawx informazzjoni jew dokumenti li jiksbu matul l-inkjesti tagħhom. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, huma għandhom, b'mod partikolari, ikunu meħtieġa li ma jiżvelaw ebda informazzjoni jew dokument klassifikati provduti lill-Ombudsman jew dokumenti li jaqgħu fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ħarsien tad-data personali, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni li tista' tagħmel ħsara lill-ilmentatur jew lil kwalunkwe persuna oħra involuta.

    2.   Jekk l-Ombudsman iqis li fatti li jsir jaf matul inkjesta jistgħu jkunu relatati mal-liġi kriminali, l-Ombudsman għandu jinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, safejn il-każ ikun jaqa' fl-ambitu tas-setgħat tagħhom, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Jekk ikun xieraq, l-Ombudsman għandu jinnotifika wkoll lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni li jkollhom awtorità fuq l-uffiċjal jew aġent ieħor konċernat, li jistgħu japplikaw it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

    L-Ombudsman jista' jinnotifika wkoll lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati tal-Unjoni dwar il-fatti li jqajmu dubju dwar l-imġiba ta' membru tal-persunal tagħhom, kif ukoll dwar kwalunkwe attività persistenti li jkollha l-effett li xxekkel l-inkjesta li tkun għaddejja.

    L-Ombudsman għandu jirrapporta tali notifiki lill-ilmentatur u lill-persuni l-oħra konċernati li l-identità tagħhom hija magħrufa.

    Artikolu 7

    1.   L-Ombudsman jista' jikkoopera mal-awtoritajiet tal-istess tip fl-Istati Membri sakemm l-Ombudsman jikkonforma mal-liġi nazzjonali applikabbli.

    2.   Fl-ambitu tad-dmirijiet tal-Ombudsman, l-Ombudsman għandu jikkoopera mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra, filwaqt li jevita kwalunkwe duplikazzjoni mal-attivitajiet tagħhom.

    Artikolu 8

    1.   L-Ombudsman għandu jkun elett, u eliġibbli għal ħatra mill-ġdid, skont l-Artikolu 228(2) tat-TFUE.

    2.   L-għażla tal-Ombudsman għandha ssir minn fost persuni li huma ċittadini tal-Unjoni, li jgawdu d-drittijiet ċivili u politiċi kollha, li jagħtu kull garanzija ta' indipendenza, li ma kinux Membri ta' gvernijiet nazzjonali jew Membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għal dawn l-aħħar tliet snin, li jissodisfaw kundizzjonijiet ta' imparzjalità ekwivalenti għal dawk meħtieġa għal kariga ġudizzjarja f'pajjiżhom u li jkollhom il-kompetenza u l-esperjenza rikonoxxuti sabiex iwettqu d-dmirijiet tal-Ombudsman.

    Artikolu 9

    1.   L-Ombudsman għandu jieqaf milli jeżerċita d-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament jew fl-aħħar tal-mandat tiegħu jew meta jirriżenja jew jitkeċċa.

    2.   Għajr fil-każ ta' tkeċċija, l-Ombudsman għandu jibqa' fil-kariga sakemm jinħatar Ombudsman ġdid.

    3.   F'każ ta' tmiem antiċipat tal-funzjoni ta' Ombudsman, is-suċċessur għandu jinħatar fi żmien tliet xhur minn meta l-kariga ssir vakanti, għall-bqija ta' dik il-leġiżlatura tal-Parlament Ewropew. Sakemm jinħatar Ombudsman ġdid, l-uffiċjal prinċipali msemmi fl-Artikolu 13(2) għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet urġenti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Ombudsman.

    Artikolu 10

    Meta l-Parlament Ewropew ikollu l-intenzjoni li jitlob it-tkeċċija tal-Ombudsman skont l-Artikolu 228(2) tat-TFUE, huwa għandu jisma' lill-Ombudsman qabel ma jagħmel talba bħal din.

    Artikolu 11

    1.   Fit-twettiq tad-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament, l-Ombudsman għandu jaġixxi f'konformità mal-Artikolu 228(3) tat-TFUE. L-Ombudsman m'għandux jagħmel atti li jkunu inkompatibbli man-natura tad-dmirijiet imsemmija.

    2.   Meta jieħu l-kariga, l-Ombudsman għandu jagħmel impenn solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala Qorti sħiħa li se jwettaq id-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament b'indipendenza u imparzjalità kompluti u li se jirrispetta għalkollox l-obbligi li jirriżultaw matul u wara l-mandat. L-impenn solenni għandu b'mod partikolari jinkludi d-dmir li jġib ruħu b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji wara t-tmiem tal-mandat.

    Artikolu 12

    1.   Tul iż-żmien tal-Ombudsman fil-kariga, l-Ombudsman ma jista' jeżerċita l-ebda funzjoni politika jew amministrattiva oħra, jew kwalunkwe kariga oħra, la bi ħlas u lanqas mingħajru.

    2.   L-Ombudsman għandu jkollu l-istess rimunerazzjoni, allowances u pensjoni bħal dawk tal-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    3.   L-Artikoli 11 sa14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 għandhom japplikaw għall-Ombudsman u għall-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tiegħu.

    Artikolu 13

    1.   L-Ombudsman għandu jingħata baġit adegwat, biżżejjed biex jiżgura l-indipendenza tal-Ombudsman u biex jipprovdi għat-twettiq tad-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament.

    2.   L-Ombudsman għandu jiġi assistit minn segretarjat, li l-uffiċjal prinċipali tiegħu għandu jinħatar mill-Ombudsman.

    3.   Għandu jsir sforz mill-Ombudsman biex tintlaħaq parità bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tas-Segretarjat tal-Ombudsman.

    4.   L-uffiċjali u l-aġenti oħra tas-segretarjat tal-Ombudsman għandhom ikunu soġġetti għar-regoli u r-regolamenti li japplikaw għall-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni. L-għadd tagħhom għandu jiġi adottat kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja u jkun adegwat għat-twettiq xieraq tad-dmirijiet u l-ammont ta' xogħol tal-Ombudsman.

    5.   L-uffiċjali u l-aġenti oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri maħtura fis-segretarjat tal-Ombudsman għandhom jiġu sekondati fl-interess tas-servizz u garantiti li jingħataw lura l-kariga tagħhom b'mod awtomatiku fl-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija fejn kienu jaħdmu qabel.

    6.   Fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-persunal tiegħu, l-Ombudsman għandu jkollu l-istess status bħall-istituzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 1a tar-Regolamenti tal-Persunal.

    Artikolu 14

    L-Ombudsman għandu jivvaluta l-proċeduri fis-seħħ għall-prevenzjoni ta' fastidju ta' kwalunkwe tip u xorta fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll il-mekkaniżmi li jippenalizzaw lil dawk responsabbli. L-Ombudsman għandu jfassal konklużjonijiet xierqa dwar jekk dawk il-proċeduri humiex konsistenti mal-prinċipji tal-proporzjonalità, adegwatezza u azzjoni enerġetika, u jekk jipprovdux protezzjoni u appoġġ effettivi lill-vittmi.

    L-Ombudsman għandu jeżamina fi żmien xieraq jekk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni jittrattawx b'mod adegwat il-każijiet ta' fastidju ta' kwalunkwe tip u xorta billi japplikaw korrettament il-proċeduri previsti fir-rigward tal-ilmenti f’dak il-qasam. L-Ombudsman għandu jfassal konklużjonijiet xierqa dwar is-suġġett.

    L-Ombudsman għandu jaħtar, fi ħdan is-segretarjat, persuna jew struttura b'għarfien espert fil-qasam tal-fastidju li tkun kapaċi tivvaluta fi żmien xieraq jekk każijiet ta’ fastidju ta’ kwalunkwe tip u xorta, inkluż il-fastidju sesswali, huma trattati b’mod adegwat fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u, fejn xieraq, tipprovdi pariri lill-uffiċjali u aġenti oħra tagħhom.

    Artikolu 15

    Is-sede tal-Ombudsman għandha tkun dik tal-Parlament Ewropew.

    Artikolu 16

    Kwalunkwe komunikazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha ssir permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti tal-Unjoni.

    Artikolu 17

    L-Ombudsman għandu jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament. Dawn għandhom ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament u jinkludu mill-inqas dispożizzjonijiet dwar:

    (a)

    id-drittijiet proċedurali tal-ilmentatur u tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija konċernati;

    (b)

    l-iżgurar tal-protezzjoni ta’ uffiċjali u aġenti oħra li jirrapportaw każijiet ta' fastidju sesswali u ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal (“whistleblowing”);

    (c)

    il-wasla, l-ipproċessar u l-għeluq ta' lment;

    (d)

    l-inkjesti fuq inizjattiva proprja;

    (e)

    l-inkjesti ta' segwitu; u

    (f)

    azzjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni.

    Artikolu 18

    Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom hija mħassra.

    Artikolu 19

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi…

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President


    (1)  Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 fuq ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15).

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (4)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.


    Top