Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0066

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2019/2876(RSP))

    ĠU C 232, 16.6.2021, p. 2–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 232/2


    P9_TA(2019)0066

    Id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2019/2876(RSP))

    (2021/C 232/01)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) tal-20 ta' Novembru 1989,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (CFR),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (2),

    wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipju 11 tiegħu dwar l-indukrar tat-tfal u l-appoġġ għat-tfal,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (3) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (COM(2017)0211),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-drittijiet tal-persuni intersesswali (4),

    wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 10 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-25 ta' April 2007 dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja tal-minorenni,

    wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 13 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-18 ta' April 2011 dwar id-dritt tat-tfal li ma jkunu soġġetti għall-ebda forma ta' vjolenza,

    wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tad-29 ta' Mejju 2013 dwar id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tas-CRC tal-Kumment Ġenerali Nru 6 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1 ta' Settembru 2005, u r-Rapport tal-Jum ta' Diskussjoni Ġenerali dwar id-Drittijiet tat-Tfal Kollha fil-Kuntest tal-Migrazzjoni Internazzjonali 2012 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-28 ta' Settembru 2012,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-UNICEF intitolat “The State of the World's Children 2019” (L-Istat tal-Tfal fid-Dinja 2019),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Artikolu 1 tas-CRC jistipula li “għall-finijiet tal-Konvenzjoni preżenti, it-tfal huma definiti bħala kull persuna taħt l-età ta' tmintax-il sena, sakemm l-età maġġuri ma tintlaħaqx qabel permezz tal-liġi applikabbli għat-tfal”;

    B.

    billi fl-Ewropa jgħixu 100 miljun tifel u tifla u jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-popolazzjoni tal-UE, u t-tfal taħt it-18-il sena jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-popolazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    C.

    billi l-politiki tal-UE għandhom l-għan espliċitu li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tistipula li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jingħataw kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet kollha tal-UE;

    D.

    billi s-CRC hija t-trattat internazzjonali l-aktar ratifikat dwar id-drittijiet tal-bniedem, li ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE u tistabbilixxi obbligi legali ċari li jippromwovu, jipproteġu u jiddefendu d-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom; billi l-Parlament Ewropew se jospita konferenza ta' livell għoli, fl-20 ta' Novembru, biex ifakkar it-30 anniversarju tas-CRC; billi l-President tal-Parlament Ewropew wiegħed li l-Jum Dinji tat-Tfal jiġi ċċelebrat kull sena fl-20 ta' Novembru b'avveniment li jsir fil-Parlament Ewropew u li jinvolvi lit-tfal;

    E.

    billi d-drittijiet tat-tfal għadhom qed jinkisru f'bosta partijiet tad-dinja, inkluż fl-Istati Membri tal-UE, bħala riżultat ta' vjolenza, abbuż, sfruttament, faqar, esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon, id-diżabilità, il-ġeneru, l-identità sesswali, l-età, l-etniċità, il-migrazzjoni jew l-istatus ta' residenza;

    F.

    billi l-Artikolu 12 tas-CRC u l-Artikolu 24 tas-CFR jirrispettaw id-dritt tat-tfal li jinstemgħu u li jingħata kont tal-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom, skont l-età u l-maturità tagħhom;

    G.

    billi l-Artikolu 5 tas-CRC jipprevedi li “l-Istati Partijiet għandhom jirrispettaw ir-responsabilitajiet, id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri jew, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja estiża jew tal-komunità kif previst mid-drawwiet lokali, mill-kustodji legali jew minn persuni oħra legalment responsabbli għat-tfal, li jipprovdu, b'mod konsistenti mal-kapaċitajiet li jevolvu tat-tfal, direzzjoni u gwida xierqa fl-eżerċizzju mit-tfal tad-drittijiet rikonoxxuti f'din il-Konvenzjoni”;

    H.

    billi l-kwistjonijiet globali, bħat-tibdil fil-klima, it-teknoloġiji l-ġodda u d-diġitalizzazzjoni jirrappreżentaw theddid ġdid għat-tfal, filwaqt li joffru wkoll opportunitajiet ġodda ta' tagħlim u konnessjoni;

    I.

    billi l-UE impenjat ruħha li timplimenta s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni tagħha, inkluż l-SDĠ 16.2 biex “itemm l-abbuż, l-isfruttament, it-traffikar u kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal u t-tortura tat-tfal”;

    J.

    billi kważi 25 miljun tifel u tifla taħt it-18-il sena jinsabu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali fl-UE; billi l-faqar iċaħħad lit-tfal minn opportunitajiet edukattivi, indukrar tat-tfal, aċċess għall-kura tas-saħħa, ikel u akkomodazzjoni adegwati, appoġġ għall-familja u saħansitra protezzjoni mill-vjolenza, u jista' jkollu effetti dejjiema ħafna; billi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali enfasizzat li l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal hija wkoll kwistjoni ta' drittijiet fundamentali u ta' obbligi legali (5);

    K.

    billi l-Kunsens Ewropew rivedut għall-Iżvilupp iddeskriva lit-tfal u liż-żgħażagħ bħala aġenti ta' żvilupp u ta' bidla, kif ukoll bħala kontributuri essenzjali għall-Aġenda 2030, inkluż permezz tal-kapaċità tagħhom li jkunu innovattivi; billi l-Kunsens isostni wkoll li l-UE u l-Istati Membri tagħha se jsaħħu d-drittijiet taż-żgħażagħ u se jagħtuhom is-setgħa li jmexxu kwistjonijiet pubbliċi billi jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ekonomiji, is-soċjetajiet u t-teħid ta' deċiżjonijiet lokali;

    L.

    billi l-investiment fil-futur tat-tfal, l-importanza tal-protezzjoni tat-tfal permezz ta' strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal u l-istabbiliment tal-“Garanzija għat-Tfal” bħala għodda ta' ġlieda kontra l-faqar u bħala garanzija li t-tfal ikollhom aċċess għal servizzi bażiċi, huma enfasizzati bħala prijoritajiet għolja fl-ittri ta' missjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni għad-Demokrazija u d-demografija, Dubravka Šuica, kif ukoll tal-Kummissarju nnominat għall-impjiegi, Nicolas Schmit;

    M.

    billi t-tfal huma grupp vulnerabbli li huma milquta b'mod qawwi mill-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u huma fost l-ewwel vittmi tal-effetti negattivi tagħha, bħan-nixfa, l-għargħar u l-maltempati, il-kriżijiet tal-ikel u t-tniġġis; billi wieħed minn kull erba' mwiet ta' tfal taħt l-età ta' ħames snin madwar id-dinja għandhom rabta diretta jew indiretta mar-riskji ambjentali (6);

    N.

    billi t-tfal jirrappreżentaw kważi wieħed minn kull erba' vittmi ta' traffikar ta' bnedmin irreġistrati fl-UE, inkluż fi ħdan l-Istat Membru tagħhom; billi l-bniet huma mira ewlenija u jiġu ttraffikati għal skopijiet ta' sfruttament sesswali (7);

    O.

    billi l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal online huwa ksur serju tad-drittijiet fundamentali tat-tfal, li jirriżultaw fi trawma enormi u konsegwenzi ta' ħsara dejjiema għall-vittmi tfal li jistgħu jkomplu jitfaċċaw fl-età adulta, u huwa fenomenu li qed jevolvi; billi forom ġodda ta' kriminalità, bħall-“pornografija ta' vendetta” u l-estorsjoni sesswali qed jiżdiedu fuq l-internet u hemm bżonn li jiġu indirizzati b'miżuri konkreti mill-Istati Membri; billi, skont l-aħħar ċifri, l-għadd ta' xbihat li juru materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal (CSAM) online żdied b'mod drammatiku u b'rata bla preċedent, u saru mifruxa minħabba l-internet, b'rapporti ta' aktar minn 45 miljun immaġni u filmati li ġew identifikati bħala abbuż sesswali tat-tfal (8);

    P.

    billi d-dritt tat-tfal għal edukazzjoni għandu jiġi ggarantit dejjem;

    Kummenti ġenerali

    1.

    Iqis li d-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu fil-qalba tal-politiki tal-UE u li t-30 anniversarju tas-CRC joffri opportunità unika biex il-Konvenzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ fil-politika u fil-prattika, u biex jittieħdu miżuri addizzjonali li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tat-tfal kollha u kullimkien, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, biex ħadd ma jitħalla l-art;

    2.

    Jistieden lill-President elett tal-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti ħalli l-azzjonijiet tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal jingħataw viżibilità akbar, pereżempju bil-ħatra ta' persuna pubblika ta' livell għoli bħala r-rappreżentant tal-UE għad-drittijiet tat-tfal; jissuġġerixxi li dan ir-rappreżentant ikollu responsabilità ċara u esklużiva għat-tfal, iservi bħala punt ta' referenza għall-kwistjonijiet kollha tal-UE u għall-oqsma ta' politika kollha relatati mat-tfal, u jiżgura approċċ konsistenti u kkoordinat għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki u l-azzjonijiet kollha interni u esterni tal-UE; jappella għall-ħolqien ta' ċentru tal-UE għall-protezzjoni tat-tfal li jiżgura dan l-approċċ effettiv u kkoordinat u li jagħti rispons effettiv u kkoordinat għall-abbuż sesswali tat-tfal u għall-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal jitħares dejjem fil-leġiżlazzjoni kollha, fid-deċiżjonijiet kollha meħuda mir-rappreżentanti tal-gvernijiet fil-livelli kollha u fid-deċiżjonijiet kollha tal-qrati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki bil-għan li jtejbu l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal fl-UE kollha;

    4.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni l-ġdida li tippreżenta strateġija komprensiva ġdida dwar id-drittijiet tat-tfal; ifakkar fl-impenn tal-UE li tipproteġi d-drittijiet tat-tfal, kif minqux fl-Artikolu 3(3) tat-TUE, fl-Artikolu 24 tas-CFR, u fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp rivedut; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ta' appoġġ u protezzjoni tat-tfal kullimkien, mingħajr eċċezzjoni, inkluż baġit speċifiku u indikatur tat-tfal fl-allokazzjoni tal-baġits tal-Kummissjoni li tippermetti li l-investiment tal-UE fit-tfal jitkejjel u jiġi mmonitorjat u b'hekk jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni tesplora kif l-UE bħala korp tista' taċċedi għas-CRC;

    6.

    Ifakkar li l-SDGs kollha huma relevanti fid-difiża tad-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ambizzjuż u komprensiv għad-drittijiet tat-tfal għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jippermettihom jilħqu s-17-il SDG, b'mod partikolari billi twettaq l-SDG li l-aktar għandu rabta mat-tfal u billi tuża indikaturi tal-SDG li għandhom rabta diretta mad-drittijiet tat-tfal;

    7.

    Ifakkar li t-tibdil fil-klima u r-riskji ambjentali kkawżati mill-attività tal-bniedem, inkluż it-tniġġis tal-arja, l-interferenti endokrinali u l-pestiċidi, għandhom effett ta' ħsara fuq it-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-azzjoni tagħhom biex jiżguraw ambjent san għat-tfal u jiġġieldu kontra l-effett negattiv tat-tibdil fil-klima, partikolarment bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

    8.

    Jinnota li l-inugwaljanzi fost il-ġeneru għandhom impatt qawwi fuq il-kwalità tal-ħajja tat-tfal; billi, minkejja l-progress notevoli li sar, il-kwistjoni tal-ġeneru tibqa' waħda mir-raġunijiet ewlenin ta' inugwaljanza, esklużjoni u vjolenza madwar id-dinja, u għandha impatt profond fuq it-tfal;

    9.

    Jenfasizza li t-tfal huma konsumaturi vulnerabbli u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jipproteġu lit-tfal minn reklamar aggressiv, qarrieqi u intrużiv u minn tfassil ta' profili tat-tfal għal skopijiet kummerċjali, biex jiżguraw li l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi pprovduti minn fornituri ta' servizzi tal-media u mill-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing li jinsabu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jħeġġux imġiba li tippreġudika s-saħħa jew is-sikurezza tat-tfal, b'mod partikolari fir-rigward tal-ikel u x-xorb b'livell għoli ta' melħ, zokkor jew xaħam jew li b'xi mod ieħor ma jissodisfawx il-linji gwida nutrittivi nazzjonali jew internazzjonali;

    10.

    Jilqa' l-fatt li l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida timplimenta approċċ ta' tolleranza żero fir-rigward tat-tħaddim tat-tfal; jappella għal miżuri li jobbligaw lill-industriji jeliminaw it-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-prodotti li jiċċirkolaw fit-territorju tagħhom ma jkunux ġew prodotti bl-użu ta' xogħol furzat jew bit-tħaddim tat-tfal;

    Il-politiki interni

    Tmiem ta' kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal

    11.

    Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal, inklużi l-vjolenza fiżika, sesswali u l-abbuż verbali, il-vjolenza online u offline, iż-żwieġ furzat, it-tħaddim tat-tfal, il-prostituzzjoni, it-traffikar, it-traffikar tal-organi, it-tortura, it-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, il-qtil għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, ir-reklutaġġ, il-lieva u l-użu ta' tfal bħala suldati u tarki umani, it-tiċħid, it-traskuraġni u l-malnutrizzjoni, kif ukoll il-vjolenza psikoloġika u kull forma ta' bullying; iqis li t-tradizzjoni, il-kultura, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra m'għandhom qatt jintużaw biex jiġġustifikaw il-vjolenza fuq it-tfal; ifakkar ir-rwol importanti li l-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom fl-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal;

    12.

    Jistieden lill-Istati Membri jfasslu leġiżlazzjoni li tipprojbixxi u tippenalizza l-piena korporali fuq it-tfal jew, fejn din diġà teżisti, jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tagħha;

    13.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu fuq strateġija nazzjonali u jdaħħlu fis-seħħ approċċ olistiku b'partijiet interessati multipli biex jeqirdu l-vjolenza sesswali u l-abbuż tat-tfal kemm online kif ukoll offline; jenfasizza li huwa kruċjali li jkun hemm kooperazzjoni mal-industrija u jistieden lill-kumpaniji tal-ICT u lill-pjattaformi online biex jassumu s-sehem tagħhom ta' responsabilità fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal online; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jvaraw kampanji ta' sensibilizzazzjoni nazzjonali li jinfurmaw lit-tfal, b'mod adattat għalihom, dwar ir-riskji u t-theddid assoċjati mal-internet, flimkien ma' kampanji mmirati għall-ġenituri;

    14.

    Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ottubru 2019 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u jistieden lill-presidenzi attwali tal-Kunsill, u dawk futuri, biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jiżguraw li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet konkreti biex jassistu aħjar lill-vittmi u jfasslu miżuri preventivi, investigattivi u ta' prosekuzzjoni effettivi biex jiżguraw li l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

    15.

    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/93/UE u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (9); jistieden lill-Istati Membri li huma Stati Partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali (il-Konvenzjoni ta' Lanzarote) biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Lanzarote (il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Lanzarote);

    16.

    Jirrikonoxxi li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qed iħabbtu wiċċhom ma' żieda bla preċedent fir-rapporti ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal (CSAM) online u jiffaċċjaw sfidi enormi fil-ġestjoni tal-ammont ta' xogħol tagħhom, hekk kif qegħdin jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-użu ta' xbihat li juru l-iżgħar vittmi, li huma wkoll l-aktar vulnerabbli; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar investiment, b'mod partikolari mill-industrija u mis-settur privat, fir-riċerka u l-iżvilupp u teknoloġiji ġodda maħsuba biex jidentifikaw is-CSAM online u jħaffu l-proċeduri ta' sospensjoni u ta' tneħħija;

    17.

    Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi netwerks tal-hotline, li jiġġieldu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-organizzazzjonijiet li jiġġieldu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal, bħall-Alleanza Globali WePROTECT;

    18.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti biex itemmu l-abbuż sesswali tat-tfal billi jinvestu f'miżuri preventivi, jidentifikaw programmi speċifiċi għal trasgressuri potenzjali u joffru appoġġ aktar effettiv għall-vittmi;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Istrateġija “Internet Aħjar għat-Tfal” varata fl-2012 (10);

    L-investiment fit-tfal

    20.

    Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jinvestu f'servizzi pubbliċi għat-tfal, inklużi l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa, u b'mod partikolari jinvestu biex jestendu n-netwerk pubbliku ta' kindergartens, nurseries u servizzi ta' utilità pubblika li joffru attivitajiet ta' rikreazzjoni għat-tfal;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri jadottaw liġijiet għas-salvagwardja u t-tisħiħ tad-drittijiet għall-maternità u l-paternità bil-għan li jiġi pprovdut ambjent moralment pożittiv u stabbli għat-tfal, b'mod partikolari fl-ewwel xhur ta' ħajjithom; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, billi l-kisba ta' bilanċ aħjar u aktar ġust bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se jkollha impatt pożittiv fuq il-benesseri tat-tfal; ifakkar li t-tfal għandhom id-dritt li jkunu mal-ġenituri tagħhom u li jeħtieġu biżżejjed żmien flimkien u biżżejjed dħul biex jgħixu fis-sikurezza u fil-kuntentizza;

    22.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex itemmu l-faqar tat-tfal billi jadottaw rakkomandazzjoni oħra tal-Kunsill dwar l-investiment fit-tfal, bil-għan li jaġġornaw u jtejbu l-qafas politiku tagħha ħalli jiggwidaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li t-tfal jikbru f'soċjetajiet inklużivi u prosperużi fejn ħadd ma jibqa' l-art, u billi jistabbilixxu miri fl-Aġenda 2030 tal-UE biex il-faqar tat-tfal jitnaqqas bin-nofs; itenni l-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir ta' data diżaggregata sabiex jgħin fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress bil-għan li jintemmu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz ta' riżorsi xierqa, il-ħolqien ta' Garanzija Ewropea għat-Tfal, bil-għan li jitħeġġu riformi ta' politika nazzjonali sabiex jikkontribwixxu għall-aċċess ugwali tat-tfal għal kura tas-saħħa bla ħlas, edukazzjoni b'xejn, kura tat-tfal bla ħlas, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata sabiex jinqerdu l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali; ifakkar fl-importanza li d-drittijiet u l-benesseri tat-tfal jiġu introdotti bħala parametri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew u f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

    24.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jinvestu fit-tfal u l-adolexxenti u jipprovdulhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa għas-suq tax-xogħol, sabiex ikunu jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom li jirnexxu u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala aġenti tal-bidla fis-soċjetà;

    25.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'miżuri preventivi biex jindirizzaw il-fenomenu li qed jikber ta' disturbi tas-saħħa mentali fit-tfal (11) fis-sistemi nazzjonali tagħhom, u jiżguraw li l-iskejjel ikunu ffinanzjati b'mod suffiċjenti biex jipprovdu konsulenza u li l-għalliema jkunu mħarrġa b'mod adegwat;

    26.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu b'mod espliċitu lit-tfal bħala prijorità meta jipprogrammaw u jimplimentaw politiki reġjonali u ta' koeżjoni bħall-istrateġija Ewropea tad-diżabilità, il-qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u l-politika tal-UE dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

    Edukazzjoni

    27.

    Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għall-edukazzjoni għal kull tifel u tifla;

    28.

    Jenfasizza l-importanza ta' approċċ olistiku għall-edukazzjoni, li jfittex li jagħti s-setgħa lit-tfal biex jużaw it-tagħlim akkademiku tagħhom bħala bażi għall-iżvilupp emozzjonali u soċjali tagħhom, u li jfittex li jinkludi wkoll tkabbir psikoloġiku, soċjali u emozzjonali; jenfasizza l-importanza tal-kreattività, l-arti u l-kultura fl-edukazzjoni;

    29.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri li jiġġieldu u jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskola u li jiżguraw aċċess ekwu bejn il-ġeneri għal edukazzjoni ta' kwalità minn età bikrija sal-adolexxenza, inkluż għal tfal b'diżabilità, tfal emarġinati u tfal li jgħixu f'żoni milquta minn emerġenzi umanitarji jew ta' tip ieħor;

    30.

    Jenfasizza li l-inklużività u l-innovazzjoni għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-era diġitali; huwa tal-opinjoni li t-teknoloġiji diġitali m'għandhomx isaħħu l-inugwaljanzi eżistenti, iżda minflok għandhom jintużaw biex jingħalaq id-distakk diġitali bejn l-istudenti minn sfondi soċjoekonomiċi u reġjuni differenti tal-UE; jenfasizza li approċċ ibbażat fuq l-inklużjoni jrid jieħu vantaġġ mill-potenzjal sħiħ tar-riżorsi pprovduti minn teknoloġiji diġitali ġodda, inklużi l-edukazzjoni personalizzata u s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, u li, permezz ta' dan, jista' jippermetti aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għall-persuni minn gruppi żvantaġġati u dawk b'inqas opportunitajiet, inkluż billi jappoġġa l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati, kif ukoll tal-minoranzi;

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għal edukazzjoni inklużiva u jiżguraw l-aċċess għal informazzjoni komprensiva u adattata skont l-età dwar is-sess u s-sesswalità, u l-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-edukazzjoni dwar ir-relazzjoni għaż-żgħażagħ fl-iskejjel, b'mod partikolari fid-dawl ta' miżuri meħuda minn ċerti pajjiżi li jipprojbixxu lill-iskejjel milli jittrattaw is-suġġetti tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

    Ġustizzja adattata għat-tfal/aċċess għall-ġustizzja għat-tfal

    32.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu malajr u b'mod effettiv, u jimplimentaw b'mod sħiħ, id-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (12);

    33.

    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal (13); jenfasizza li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lit-tfal f'kuntatt mas-sistema tal-ġustizzja, u li d-dritt tat-tfal li jinstemgħu għandu jingħata dejjem skont l-Artikolu 12 tas-CRC; ifakkar li għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji speċifiċi għat-tfal li jiġu f'kuntatt mas-sistema tal-ġustizzja, inkluż fi kwistjonijiet tal-familja bħad-divorzju jew l-adozzjoni, kif ukoll kwistjonijiet amministrattivi;

    It-tfal migranti

    34.

    Ifakkar li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal u l-migrazzjoni;

    35.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet għat-tfal kollha fil-migrazzjoni, u b'mod partikolari għat-tfal mhux akkumpanjati fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jindirizzaw is-sitwazzjoni preokkupanti attwali tat-tfal fil-hotspots tal-migranti tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw l-azzjoni biex tintemm id-detenzjoni ta' tfal migranti madwar l-UE, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti (14), u biex jinstabu alternattivi bbażati fuq il-komunità għad-detenzjoni, kif ukoll tingħata prijorità lill-integrazzjoni, l-edukazzjoni u l-appoġġ psikoloġiku;

    36.

    Jenfasizza li tfal mhux akkumpanjati huma fuq kollox tfal li huma potenzjalment fil-periklu, u li meta l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jittrattaw mat-tfal, il-prinċipju ewlieni għandu jkun il-protezzjoni tat-tfal pjuttost milli l-politiki tal-migrazzjoni, u b'hekk jirrispettaw il-prinċipju ewlieni tal-aħjar interessi tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE (15) u jitlob lill-Kummissjoni ġġedded il-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar Minorenni mhux Akkumpanjati (2010-2014);

    37.

    Jistieden lill-Istati Membri kollha jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja b'mod pożittiv, uman u bil-ħeffa, skont l-Artikolu 10 tas-CRC;

    38.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tfal qed ikomplu jitwieldu mingħajr stat, inkluż fl-UE, u qed ikomplu jiġu esklużi mill-aċċess għad-drittijiet bażiċi, inklużi l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni ta' tfal apolidi fl-UE u barra minnha, f'konformità mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-aċċess universali għar-reġistrazzjoni tat-twelid u d-dritt tat-tfal li jiksbu ċittadinanza, bil-ħsieb li jintemm ir-riskju tal-apolidija;

    Tfal vulnerabbli

    39.

    Jistieden lill-Istati Membri jittrattaw kull tifel u tifla, l-ewwel u qabel kollox, bħala tfal, irrispettivament mill-isfond soċjali jew etniku tagħhom, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-kapaċità jew l-istatus tal-migrazzjoni;

    40.

    Jenfasizza l-importanza għall-Istati Membri li jwettqu approċċ intersezzjonali għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni li jaffettwaw lit-tfal, b'kont meħud tal-vulnerabilitajiet tagħhom, b'mod partikolari dawk ta' tfal b'diżabilità, tfal migranti, tfal bi sfond ta' migrazzjoni, tfal minn minoranzi u gruppi reliġjużi, tfal LGBTI, tfal ta' ġellieda barranin, tfal f'detenzjoni, tfal ta' ġenituri l-ħabs, tfal ta' ġenituri LGBTI, tfal f'kustodja u tfal mingħajr stat jew mingħajr dokumenti, li huma esposti b'mod sproporzjonat għal diskriminazzjoni minħabba diversi raġunijiet u għalhekk jeħtieġu approċċ speċjalizzat biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom; Jitlob lill-Istati Membri biex finalment jadottaw id-Direttiva Orizzontali dwar id-diskriminazzjoni;

    41.

    Jiddeplora l-forom kollha ta' vjolenza sessista u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurzaw miżuri konkreti biex itemmu ż-żwieġ tat-tfal, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u prattiki oħra ta' ħsara li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra t-tfal; Jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jagħtu segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abolizzjoni taż-żwieġ tat-tfal, ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 intitolata “Lejn strateġija esterna tal-UE kontra ż-żwiġijiet prekoċi u furzati – il-passi li jmiss”, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar tolleranza żero għall-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) (16);

    42.

    Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal b'diżabilità; jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza kontrihom, inkluża l-vjolenza kkawżata minn trattament ħażin jew minn kura mhux xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal b'diżabilità jkollhom aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità biex ikunu jistgħu jiksbu l-ogħla livell ta' indipendenza u integrazzjoni soċjali, kif ukoll aċċess għall-kura; għalhekk jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw l-istandards stabbiliti fis-CRC, fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni, u fil-Linji Gwida tan-NU għall-Kura Alternattiva tat-Tfal;

    43.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li tiġi evitata separazzjoni tal-familja bla bżonn, u li s-servizzi bbażati fuq il-familja u l-komunità jissaħħu biex jippermettu li t-tfal kollha jikbru fil-familji u l-komunitajiet u mhux fl-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-fondi tal-UE biex tappoġġa t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fuq il-komunità, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE;

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal fil-ħabs jiġu ttrattati b'mod li jqis l-aħjar interessi tagħhom; ifakkar li t-tfal fid-detenzjoni għandhom jirċievu kura, protezzjoni u kwalunkwe għajnuna individwali meħtieġa – soċjali, edukattiva, vokazzjonali, psikoloġika, medika u fiżika – li jistgħu jeħtieġu fid-dawl tal-età, il-ġeneru u l-personalità tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal detenuti jżommu kuntatt regolari u sinifikanti mal-ġenituri, il-familja u l-ħbieb tagħhom permezz ta' żjarat u korrispondenza;

    45.

    Jinsab imħasseb dwar in-numru kbir ta' tfal neqsin fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tat-tfal sabiex jidentifikaw, jillokalizzaw u jipproteġu tfal neqsin filwaqt li jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu dejjem kunsiderazzjoni primarja; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien l-obbligu li jipprovdu finanzjament adegwat biex jiggarantixxu l-kontinwità u l-kwalità tal-operat ta' hotlines għat-tfal neqsin madwar l-UE, kif mitlub mill-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi adottat fl-2018;

    46.

    Ifakkar fl-importanza kruċjali li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniet u s-subien kollha li huma vittmi tat-traffikar, irrispettivament mill-istatus taċ-ċittadinanza tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE kontra t-Traffikar b'enfasi speċjali fuq miżuri preventivi; jenfasizza l-importanza għall-Istati Membri li jżidu l-azzjoni tagħhom biex jiżguraw l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-vittmi tat-traffikar u biex jeqirdu r-reat innifsu, kif ukoll biex jiġġieldu kontra l-impunità li għadha prevalenti fost it-traffikanti, dawk li jisfruttaw, dawk li jagħmlu l-profitti u dawk li jabbużaw, inkluż billi jiġi kkriminalizzat l-użu ta' servizzi akkwistati mill-vittmi tat-traffikar għal kull forma ta' sfruttament;

    Parteċipazzjoni tat-tfal

    47.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Bucharest dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal (17); jenfasizza li l-kultura ta' parteċipazzjoni tat-tfal tista' tinbena fil-livelli kollha – tal-familja, tal-komunità, lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew – u tista' ġġib benefiċċji fuq perjodu qasir u twil għas-soċjetà;

    48.

    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-leġiżlazzjoni tagħhom u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joħolqu mekkaniżmi li jagħmlu sens għall-parteċipazzjoni tat-tfal, bħal kunsilli tat-tfal, fil-ħidma tal-assemblej parlamentari Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikolari f'oqsma ewlenin ta' politika;

    49.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lit-tfal fil-proċess ta' konsultazzjoni fid-dawl tal-Konferenza għall-Futur tal-Ewropa;

    50.

    Ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri dwar is-sinifikat tal-azzjonijiet ta' mobilizzazzjoni kontra t-tibdil fil-klima mmexxija minn tfal u żgħażagħ, li jkunu kruċjali biex jinfluwenzaw l-aġenda politika Ewropea u jkunu eżempju tajjeb ta' kif it-tfal qed isiru dejjem aktar involuti fil-politiki pubbliċi u dejjem aktar kapaċi jesprimu r-rieda tagħhom li jkollhom vuċi bħala ċittadini kkonċernati li jġibu magħhom il-bidla;

    Politiki esterni

    51.

    Jistieden lill-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx is-CRC u l-protokolli addizzjonali tagħha biex jagħmlu dan b'mod urġenti;

    52.

    Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u d-djalogu tagħhom ma' pajjiżi terzi, bil-għan li jqajmu kuxjenza u jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tat-tfal kullimkien fid-dinja u li ma jħallu lill-ebda tifel u tifla l-art; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu ma' pajjiżi sħab u jappoġġaw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni, politiki, baġits u programmi ta' azzjoni li jinkludu t-tfal kollha u li jinkludu l-identifikazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza – inklużi dawk ibbażati fuq l-età, il-ġeneri u d-diżabilità li qed ixekklu lit-tfal individwali u lill-gruppi ta' tfal milli jwettqu d-drittijiet tagħhom – u li jieħdu jew jippromwovu l-azzjonijiet meħtieġa biex ineħħu dawn l-ostakli u jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tfal kollha jingħataw kunsiderazzjoni primarja;

    53.

    Jistieden lill-VP/RGħ tagħti prijorità lid-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal fl-azzjoni esterna kollha tal-UE sabiex tiżgura l-integrazzjoni effettiva tad-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal, inkluż fil-kuntest tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ftehimiet internazzjonali u kummerċjali, il-proċess ta' adeżjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, u fir-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi li jinsabu f'kunflitt; jappella lill-VP/RGħ biex, kull sena, tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati li nkisbu fir-rigward tal-azzjoni esterna tal-UE ffokata fuq it-tfal;

    54.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-azzjonijiet tagħha fir-rigward tal-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja sabiex tiżgura finanzjament adegwat u żżid il-livell ta' protezzjoni għal tfal milquta minn kunflitti, emerġenzi jew diżastri kkawżati mill-bniedem jew naturali, tfal spostati internament u migranti tfal u rifuġjati, u biex tiżgura li d-drittijiet bażiċi tagħhom jiġu rispettati;

    55.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw soluzzjonijiet sistemiċi biex jindirizzaw il-faqar interġenerazzjonali; jenfasizza li huwa ta' importanza vitali li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 il-ġdid jirrifletti l-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, permezz tal-azzjonijiet esterni tagħha; jissottolinja l-importanza ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bħala strument ewlieni biex jinqered il-faqar u jfakkar fl-impenji rispettivi tal-ODA tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluż l-impenn għall-mira li jintnefqu 0,7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) fuq l-ODA;

    56.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw u jiggarantixxu aċċess ugwali għal servizzi bażiċi u edukazzjoni f'postijiet affettwati minn emerġenzi bħal kunflitti u diżastri naturali; jenfasizza l-fatt li aċċess għall-edukazzjoni jista' jipproteġi lit-tfal mill-perikli fiżiċi ta' madwarhom, inklużi l-abbuż, l-isfruttament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, u r-reklutaġġ u l-użu mill-forzi armati u l-gruppi armati, u li l-edukazzjoni tibbenefika lil komunitajiet sħaħ, issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku, tnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza u żżid il-kapaċità tal-individwi li jgħixu ħajja b'saħħitha, jipparteċipaw fis-soċjetà u jirrestawraw il-paċi u l-istabilità;

    57.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar it-tmiem taż-żwieġ tat-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha japplikaw standards legali unifikati fir-rigward tal-proċedura biex jiġu indirizzati ż-żwiġijiet tat-tfal, jikkooperaw ma' pajjiżi terzi, u jipprovdu taħriġ u assistenza teknika biex jgħinu bl-adozzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi ż-żwieġ prekoċi u furzat, inkluża età minima għaż-żwieġ; jitlob lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-età minima għaż-żwieġ u n-nuqqas ta' rikonoxximent taż-żwieġ tat-tfal migranti li jaslu fl-Ewropa, u jadottaw miżuri nazzjonali li jipprevjenu l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż ta' tfal għall-iskop ta' żwieġ barra mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiddedika Sena Ewropea għall-ġlieda kontra ż-żwiġijiet tat-tfal, dawk prekoċi u dawk furzati;

    58.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni ta' standards vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar id-diliġenza dovuta ambjentali fin-negozjati u l-ftehimiet kummerċjali tagħhom biex iwaqqfu t-tħaddim tat-tfal;

    It-tfal u l-kunflitti armati

    59.

    Jistieden lill-VP/RGħ tqajjem b'mod sistematiku s-suġġett tal-ksur serju kontra t-tfal ma' partijiet f'kunflitti, speċjalment dawk imsemmija fir-rapport annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jindirizzaw l-impatt fuq perjodu qasir, medju u twil tal-kunflitt armat fuq it-tfal b'mod effettiv u komprensiv billi jużaw il-varjetà ta' għodod disponibbli, inklużi linji gwida tal-UE ġodda u msaħħa dwar it-tfal u l-kunflitti armati;

    60.

    Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ u tiżgura finanzjament adegwat u fit-tul għal programmi ta' riabilitazzjoni u riintegrazzjoni għal tfal milquta minn kunflitti, u tipprovdilhom ambjent protett li fih il-kura u l-appoġġ psikoloġiku u l-edukazzjoni jkunu fundamentali, b'enfasi speċjali fuq l-isfidi partikolari tal-bniet fid-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

    61.

    Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja tat-tfal ta' ġellieda barranin miżmuma fil-Grigal tas-Sirja u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrimpatrijaw lit-tfal Ewropej kollha, filwaqt li jqisu s-sitwazzjonijiet familjari speċifiċi tagħhom u l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja, u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għar-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni tagħhom; jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni meħuda s'issa mill-Istati Membri tal-UE u n-nuqqas ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE;

    62.

    Huwa estremament allarmat bin-numru kbir ta' qtil u mutilazzjonijiet ivverifikati ta' tfal f'kunflitti armati; itenni li t-tfal ikomplu jintużaw bħala armi, qattiela suwiċidi bil-bombi, skjavi sesswali u tarki umani, u huma sfurzati jieħdu rwoli attivi fil-ġlied; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' tfal f'kunflitti armati; jinnota li l-kunflitti kkawżaw mijiet ta' vittmi fost it-tfal, ta' spiss bħala riżultat tal-attakki mwettqa deliberatament kontra l-popolazzjonijiet ċivili u l-infrastruttura umanitarja; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jevitaw milli jbigħu armi u tagħmir militari lil kwalunkwe parti f'dawn il-kunflitti;

    o

    o o

    63.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

    (2)  ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

    (3)  Testi adottati, P8_TA(2018)0201

    (4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0128.

    (5)  Rapport FRA intitolat “Combating child poverty: an issue of fundamental rights”, https://fra.europa.eu/en/publication/2018/child-poverty

    (6)  Rapport tad-WHO intitolat “Air pollution and child health, prescribing clear air”, 2018, https://www.who.int/ceh/publications/Advance-copy-Oct24_18150_Air-Pollution-and-Child-Health-merged-compressed.pdf?ua=1

    (7)  https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/european-agenda-security/20181204_data-collection-study.pdf

    (8)  https://web.archive.org/web/20190928174029/https://storage.googleapis.com/pub-tools-public-publication-data/pdf/b6555a1018a750f39028005bfdb9f35eaee4b947.pdf

    (9)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 96.

    (10)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2012%3A0196%3AFIN

    (11)  Id-WHO tistma li fl-2016 mietu 62 000 adolexxent mill-awtoleżjoni, li issa hija t-tielet kawża ewlenija ta' mewt għall-adolexxenti bejn it-18 u d-19-il sena.

    (12)  ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

    (13)  https://rm.coe.int/16804b2cf3

    (14)  https://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/71/1

    (15)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 165.

    (16)  ĠU C 463, 21.12.2018, p. 26.

    (17)  https://chilrendeclaration.typeform.com/to/h8dSPt


    Top