EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0028

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari

COM/2018/028 final

Strasburgu, 16.1.2018

COM(2018) 28 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari

{SWD(2018) 16 final}


1.Introduzzjoni

Il-plastik huwa materjal importanti u jinsab kullimkien fl-ekonomija u fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Għandu funzjonijiet multipli li jgħinu biex jiġu indirizzati għadd ta’ sfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà tagħna. Materjali ħfief u innovattivi fil-karozzi jew l-ajruplani jiffrankaw il-fjuwil u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Materjali iżolanti ta’ prestazzjoni għolja jgħinuna niffrankaw fuq il-kontijiet tal-enerġija. Fl-ippakkeġġjar il-plastik jgħin fl-iżgurar tas-sikurezza tal-ikel, u biex titnaqqas il-ħela tal-ikel. Meta abbinati mal-istampar 3D, il-materjali tal-plastik bijokompatibbli jistgħu jsalvaw il-ħajjiet tal-bnedmin billi jippermettu l-innovazzjoni medika.

Madankollu, ħafna drabi l-mod li bihom huma attwalment prodotti, użati u mormija l-plastiks jonqos milli jirrifletti l-benefiċċji ekonomiċi ta’ approċċ aktar “ċirkolari” u jagħmel ħsara lill-ambjent. Hemm bżonn urġenti li jiġu indirizzati l-problemi ambjentali li llum jitfgħu dell ikrah fuq il-produzzjoni, l-użu u l-konsum tal-plastiks. Il-miljuni ta’ tunnellati ta’ skart tal-plastik li jispiċċaw fl-oċeani kull sena huma wieħed mill-aktar sinjali viżibbli u allarmanti ta’ dawn il-problemi li qed jikkawżaw tħassib pubbliku dejjem jikber.

Reviżjoni u titjib tal-funzjonament ta’ katina tal-valur daqshekk kumplessa jirrikjedi sforzi u kooperazzjoni akbar mill-atturi ewlenin kollha, minn produtturi tal-plastiks sar-riċiklaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi. Hemm bżonn ukoll ta’ innovazzjoni u viżjoni kondiviża biex nidderieġu l-investiment fid-direzzjoni t-tajba. L-industrija tal-plastik hija importanti ħafna għall-ekonomija Ewropea, u ż-żieda fis-sostenibbiltà tagħha tista’ ġġib opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, f’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija mġedda tal-UE dwar il-Politika Industrijali 1 . 

F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari 2 . Hemmhekk, hija identifikat il-plastiks bħala prijorità ewlenija u impenjat ruħha li “tħejji strateġija li tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-plastik matul il-katina kollha tal-valur filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom”. Fl-2017, il-Kummissjoni kkonfermat li se tiffoka fuq l-użu u l-produzzjoni tal-plastik u taħdem lejn l-objettiv li jiġi żgurat li l-imballaġġ tal-plastik kollu jkun riċiklabbli sal-2030 3 .

L-UE tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tmexxi t-tranżizzjoni lejn il-plastiks tal-ġejjieni. Din l-istrateġija tistabbilixxi l-pedamenti għal ekonomija ta’ plastiks ġdida, fejn id-disinn u l-produzzjoni tal-plastiks u l-prodotti tagħhom jirrispettaw bis-sħiħ l-użu mill-ġdid, it-tiswija u l-ħtiġijiet ta’ riċiklaġġ u jiġu żviluppati u promossi materjali aktar sostenibbli. Dan se jagħti valur miżjud akbar u jġib aktar prosperità fl-Ewropa u jagħti spinta lill-innovazzjoni. Se jrażżan l-iskart tal-plastik u l-impatt negattiv tiegħu fuq ħajjitna u l-ambjent. Billi ssegwi dawn l-għanijiet, l-istrateġija ser tgħin ukoll biex tinkiseb il-prijorità stabbilita minn din il-Kummissjoni għall-Unjoni tal-Enerġija b’ekonomija moderna, b’karbonju baxx, u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija u se tagħmel kontribut tanġibbli biex tilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi.

L-istrateġija tippreżenta impenji ewlenin għal azzjoni fil-livell tal-UE. Madankollu, is-settur privat, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-bliet u ċ-ċittadini, jeħtieġ ukoll li jiġu mobilizzati. Bl-istess mod, ser ikun meħtieġ l-involviment Internazzjonali biex jixpruna l-bidla barra mill-fruntieri tal-Ewropa. Permezz ta’ sforzi deċiżivi u kkonċertati, l-Ewropa tista’ tibdel l-isfidi f’opportunitajiet u tagħti eżempju għal azzjoni determinata fil-livell globali.

2.Il-plastiks illum: Sfidi Ewlenin

Matul l-aħħar 50 sena, ir-rwol u l-importanza tal-plastiks fl-ekonomija tagħna kibru b’mod kostanti. Il-produzzjoni globali tal-plastiks żdiedet b’għoxrin darba mill-1960s u laħqet 322 miljun tunnellata fl-2015. Hija mistennija li tirdoppja mill-ġdid fl-20 sena li ġejjin.

Fl-UE, is-settur tal-plastik 4 jimpjega 1.5 miljun persuna u ġġenera fatturat ta’ EUR 340 biljun fl-2015. Għalkemm il-produzzjoni tal-plastik fl-UE kienet stabbli fis-snin riċenti, is-sehem tal-UE tas-suq globali qed jonqos hekk kif il-produzzjoni qed tiżdied f’partijiet oħra tad-dinja.

Fl-UE, il-potenzjal tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat. L-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ fi tmiem il-ħajja tal-plastiks għadu baxxa ħafna, b’mod partikolari meta mqabbel ma’ materjali oħrajn bħall-karta, il-ħġieġ jew il-metalli. 

Madwar 25.8 miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik qed jiġu ġġenerati fl-Ewropa kull sena 5 . Inqas minn 30 % ta’ dan l-iskart jinġabar għar-riċiklaġġ. Minn dan l-ammont, sehem sinifikanti joħroġ mill-UE 6 biex jiġi ttrattat f’pajjiżi terzi, fejn jistgħu japplikaw standards ambjentali differenti.

Fl-istess ħin, ir-rati ta’ rimi fil-miżbliet u inċinerazzjoni tal-iskart tal-plastik għadu għoli  31 % u 39 % rispettivament, u filwaqt li l-użu tal-miżbliet naqas matul l-aħħar għaxar snin, l-inċinerazzjoni kibret. Skont l-istimi, 95 % tal-valur tal-materjal tal-imballaġġ tal-plastik, jiġifieri bejn EUR 70 u 105 biljun kull sena, jintilef mill-ekonomija wara ċiklu tal-ewwel użu qasir ħafna 7 . 

Id-domanda għall-plastiks riċiklati illum tirrappreżenta biss madwar 6 % tad-domanda tal-plastik fl-Ewropa. F’dawn l-aħħar snin, is-settur tar-riċiklaġġ tal-plastik tal-UE sofra minn livell baxx ta’ prezzijiet tal-prodotti bażiċi u inċertezzi dwar bejgħ fis-suq. Investimenti f’kapaċità ta’ riċiklaġġ tal-plastik ġew miżmuma minħabba prospetti ta’ profittabbiltà baxxa għas-settur.

Ġie stmat li l-produzzjoni tal-plastiks u l-inċinerazzjoni tal-iskart tal-plastik iwasslu globalment għal madwar 400 miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena 8 . L-użu ta’ aktar plastik riċiklat jista’ jnaqqas id-dipendenza fuq l-estrazzjoni ta’ karburanti fossili fil-produzzjoni tal-plastik u jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2 9 . Skont l-istimi 10 , il-potenzjal tal-iffrankar ta’ kull sena tal-enerġija li jista’ jinkiseb permezz tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik globali huwa ekwivalenti għal 3.5 biljun barmil żejt fis-sena. 

It-tipi ta’ materja prima alternattiva (eż. plastiks b’bażi bijo jew plastiks magħmulin minn diossidu tal-karbonju jew metan), li joffru l-istess funzjonalitajiet ta’ plastiks tradizzjonali b’impatti ambjentali potenzjalment aktar baxxi, qed jiġu żviluppati wkoll, iżda bħalissa jirrappreżentaw proporzjon żgħir ħafna tas-suq. Użu akbar ta’ alternattivi li, skont evidenza solida jkunu iktar sostenibbli jista’ wkoll jgħin biex titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-karburanti fossili.

Kwantitajiet kbar ħafna ta’ skart tal-plastik jnixxu fl-ambjent minn sorsi kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, u jiġġeneraw ħsara ekonomika u ambjentali sinifikanti. Globalment, 5 sa 13-il miljun tunnellata ta’ plastik — 1.5 sa 4 % — tal-produzzjoni globali tal-plastik jispiċċaw fl-oċeani kull sena 11 . Huwa stmat li l-plastik jammonta għal aktar minn 80 % tal-iskart fil-baħar. Il-fdalijiet tal-plastik imbagħad jiġu ttrasportati mill-kurrenti tal-baħar, xi kultant fuq distanzi twal ħafna. Dawn jistgħu jerġgħu jispiċċaw fuq l-art 12 , jiddegradaw f’mikroplastiċi jew jiffurmaw żoni densi ta’ skart tal-baħar maqbuda f’kurrenti ċirkolari tal-oċean. L-UNEP tistma li dan id-dannu għall-ambjenti tal-baħar huwa mill-inqas ta’ USD 8 biljun fis-sena globalment.

Fl-UE, 150 000 sa 500 000 tunnellata 13 ta’ skart tal-plastik jidħlu fl-oċeani kull sena. Dan jirrappreżenta proporzjon żgħir tal-iskart globali fil-baħar. Madankollu, l-iskart tal-plastik minn sorsi Ewropej jispiċċa f’żoni tal-baħar li huma partikolarment vulnerabbli, bħal partijiet tal-Baħar Mediterran u l-Oċean Artiku. Studji reċenti juru li l-plastik jakkumula fil-Mediterran f’densità komparabbli għal dawk l-oqsma bl-akbar akkumulazzjoni tal-plastik fl-oċeani. L-iskart tal-plastik jaffettwa wkoll oqsma fiż-Żona Ekonomika Esklussiva Ewropea, fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Baħar tal-Karibew, l-Ocean Paċifiku, Indjan, u Atlantiku. Minbarra l-ħsara lill-ambjent, l-iskart tal-baħar jikkawża dannu ekonomiku għal attivitajiet bħat-turiżmu, is-sajd u t-tbaħħir. Pereżempju, l-ispiża tal-iskart għas-sajd tal-UE kienet stmata għal madwar 1 % tad-dħul totali minn qabdiet mill-flotta tal-UE 14 .

Dan il-fenomenu qed jiggrava minħabba l-ammont dejjem jiżdied ta’ skart tal-plastik iġġenerat kull sena, u huwa xprunat ukoll minn żieda fil-konsum ta’ plastika li ‘jintuża darba’, jiġifieri l-ippakkjar jew prodotti oħra tal-konsumaturi li jintremew wara użu qasir wieħed, rarament jiġu riċiklati u huma suxxettibbli li jintremew barra. Dawn jinkludu imballaġġ żgħir, basktijiet, tazzi li jintremew, għotjien, straws u pożati tal-plastik, li għalihom huwa użat ħafna l-plastik minħabba l-ispiża baxxa tiegħu, il-leġġerezza u l-karatteristiċi prattiċi tiegħu.

Sorsi ġodda ta’ tnixxija tal-plastik ukoll qegħdin jiżdiedu, u qed joħolqu aktar theddid potenzjali kemm għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem. Il-mikroplastiċi, frammenti tal-plastik żgħar ħafna ta’ inqas minn 5mm fid-daqs, jakkumulaw fil-baħar, fejn id-daqs żgħir tagħhom jagħmilha iktar faċli li jinbelgħu minn ħlejjaq tal-baħar. Dawn jistgħu wkoll jidħlu fil-katina alimentari. Studji riċenti sabu wkoll il-mikroplastiċi fl-arja, fl-ilma tax-xorb u f’ikel bħall-melħ jew għasel fejn għadhom mhux magħrufa l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem.

B’kollox, huwa stmat li bejn 75 000 u 300 000 tunnellata ta’ mikroplastiċi huma rilaxxati fl-ambjent kull sena fl-UE 15 . Filwaqt li ammont kbir ta’ mikroplastiċi jirriżultaw mill-frammentazzjoni ta’ biċċiet ikbar ta’ skart tal-plastik, kwantitajiet sinifikanti wkoll jidħlu fl-ambjent direttament, u dan jagħmilha aktar diffiċli li jiġu traċċati u evitati.

Barra minn hekk, iż-żieda fl-ishma tas-suq ta’ plastiks b’karatteristiċi bijodegradabbli ġġib magħha opportunitajiet kif ukoll riskji ġodda. Fin-nuqqas ta’ tikkettar jew immarkar ċar għall-konsumaturi, u mingħajr eżaminazzjoni suffiċjenti ta’ ġbir u ta’ trattament tal-iskart, hija tista’ tkompli tiggrava t-tnixxija tal-plastik u toħloq problemi għar-riċiklaġġ mekkaniku. Min-naħa l-oħra, il-plastiks bijodegradabbli jistgħu ċertament ikollhom rwol f’xi applikazzjonijiet u l-isforzi ta’ innovazzjoni f’dan il-qasam huma milqugħa.

Il-katini ta’ valur tal-plastik huma dejjem aktar transkonfinali, u l-problemi u l-opportunitajiet assoċjati mal-plastik għandhom jidhru fid-dawl ta’ żviluppi internazzjonali, inkluż id-deċiżjoni riċenti taċ-Ċina biex tirrestrinġi l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ skart tal-plastik. Qed tikber il-kuxjenza tan-natura globali ta’ dawn l-isfidi, kif muri mill-inizjattivi internazzjonali dwar l-iskart fil-baħar, bħas-Sħubija Globali tan-NU dwar l-Iskart fil-Baħar 16 u l-pjanijiet ta’ azzjoni mressqa mill-G7 u l-G20 17 . It-tniġġis mill-plastik ġie identifikat ukoll bħala wieħed mill-pressjonijiet ewlenin fuq l-oċeani b’saħħithom fil-Konferenza internazzjonali “L-Oċeani Tagħna”, organizzata mill-UE f’Ottubru 2017. iFl-Assemblea Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Diċembru 2017 ġiet adottata riżoluzzjoni dwar l-iskart fil-baħar u l-mikroplastiks 18 . 

3. Nibdlu l-Isfidi f'opportunitajiet: Viżjoni għal ekonomija ċirkolari tal-plastik

Il-pass lejn ekonomija tal-plastiks aktar sostenibbli jista jġib benefiċċji konsiderevoli. Sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji, l-Ewropa teħtieġ viżjoni strateġika, billi tistipula kif tista’ tkun ekonomija “ċirkolari” tal-plastiks fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Din il-viżjoni għandha tippromwovi l-investiment f’soluzzjonijiet innovattivi u tibdel l-isfidi tal-lum f’opportunitajiet. Filwaqt li l-UE se tipproponi miżuri konkreti biex tinkiseb din il-viżjoni, biex din issir realtà se tkun meħtieġa azzjoni mill-atturi kollha fil-katina tal-valur tal-plastik, mill-produtturi u d-disinjaturi tal-plastik, għad-ditti u bejjiegħa bl-imnut, sar-riċiklaturi. Bl-istess mod, is-soċjetà ċivili, il-komunità xjentifika, in-negozji u l-awtoritajiet lokali ser jaqdu rwol deċiżiv biex jagħmlu differenza, fejn se jaħdmu flimkien ma’ gvernijiet reġjonali u nazzjonali biex iwasslu bidla pożittiva.

“Viżjoni għal ekonomija tal-plastik ġdida għall-Ewropa”

Industrija tal-plastik intelliġenti, innovattiva u sostenibbli, fejn id-disinn u l-produzzjoni jirrispettaw bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ, twassal għal tkabbir u impjiegi fl-Ewropa u tgħin lill-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u d-dipendenza fuq il-karburanti fossili importati.

Il-plastiks u l-prodotti li fihom il-plastik huma maħsuba biex jippermettu għal durabilità akbar, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja. Sal-2030, l-imballaġġ tal-plastik kollu fis-suq tal-UE jrid ikun jew jista’ jerġa’ jintuża jew jista’ jiġi rriċiklat b’mod kosteffettiv. 

Bidliet fil-produzzjoni u d-disinn jippermettu rati ogħla ta’ riċiklaġġ tal-plastik għall-applikazzjonijiet ewlenin kollha. Sal-2030, aktar minn nofs l-iskart tal-plastik ġenerat fl-Ewropa jrid jiġi riċiklat. Il-ġbir separat tal-iskart tal-plastik jilħaq livelli għoljin ħafna. Ir-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik jilħaq livelli komparabbli ma’ dawk ta’ materjali oħra ta’ ppakkjar.

Il-kapaċità għar-riċiklaġġ tal-plastiks tal-UE hija ferm estiża u modernizzata. Sal-2030, il-kapaċità ta’ separazzjoni u riċiklaġġ tkun kibret b’erba’ darbiet mill-2015, li jwassal għall-ħolqien ta’ 200 000 impjieg ġdid, mifrux madwar l-Ewropa kollha 19 . 

Bis-saħħa ta’ titjib fil-ġbir separat u l-investiment fl-innovazzjoni, ħiliet u tisħiħ tal-kapaċità, l-esportazzjoni ta’ skart tal-plastik imqassam ħażin ġiet eliminata gradwalment. Il-plastiks riċiklati saru materja prima dejjem aktar importanti għall-industriji, kemm f’pajjiżhom kif ukoll barra.

Il-katina ta’ valur tal-plastiks hija ferm aktar integrata, u l-industrija tal-kimika taħdem mill-qrib mar-riċiklaturi tal-plastik biex tgħinhom isibu applikazzjonijiet usa’ u valur ogħla għall-prodott tagħhom. Sustanzi li jfixklu l-proċess ta’ riċiklaġġ ġew sostitwiti jew imwaqqfa b’mod gradwali.

Is-suq għal plastiks riċiklati u innovattivi huwa stabbilit b’suċċess, b’perspettivi ta’ tkabbir ċari hekk kif aktar prodotti jinkorporaw kontenut riċiklat. Id-domanda għall-plastik riċiklat fl-Ewropa żdiedet b’erba’ darbiet, u tipprovdi fluss ta’ introjtu stabbli għas-settur tar-riċiklaġġ u sigurtà tax-xogħol għal forza tax-xogħol dejjem tikber tiegħu.

Aktar riċiklaġġ tal-plastik jgħin biex inaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, b’mod konformi ma’ l-impenji taħt il-Ftehim ta’ Pariġi.

Materjali innovattivi u alternattivi ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-plastik huma żviluppati u użati fejn l-evidenza turi b’mod ċar li jkunu aktar sostenibbli meta mqabbla ma’ alternattivi mhux rinnovabbli. Dan jappoġġa l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni u li jinħolqu aktar opportunitajiet għal tkabbir.

L-Ewropa tikkonferma t-tmexxija tagħha fit-tagħmir u t-teknoloġiji tal-għażla u r-riċiklaġġ. L-esportazzjonijiet jiżdiedu bl-istess pass tad-domanda globali għal modi aktar sostenibbli ta’ pproċessar tal-plastik li ma għadhomx jintużaw.

Fl-Ewropa, iċ-ċittadini, il-gvern u l-industrija jappoġġaw xejriet ta’ konsum u produzzjoni aktar sostenibbli u aktar siguri għall-plastiks. Dan jipprovdi art għammiela għall-innovazzjoni soċjali u l-intraprenditorija, li jipprovdu għadd kbir ta’ opportunitajiet għall-Ewropej kollha.

Il-ġenerazzjoni tal-iskart tal-plastik mhix marbuta aktar mat-tkabbir. Iċ-ċittadini huma konxji mill-ħtieġa li jiġi evitat l-iskart, u jagħmlu l-għażliet tagħhom skont dan. Il-konsumaturi bħala atturi ewlenin, jingħataw inċentivi, isiru konxji mill-benefiċċji ewlenin u b’hekk jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tranżizzjoni. Tfassil aħjar, mudelli ġodda ta’ negozju u prodotti innovattivi li jitfaċċaw li joffru mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli.

Ħafna intraprendituri jaraw il-ħtieġa għal aktar azzjoni determinata dwar il-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik bħala opportunità ta’ negozju. Kulma jmur, jitfaċċaw kumpaniji ġodda li jipprovdu soluzzjonijiet ċirkolari, bħal loġistika inversa għall-ippakkjar jew alternattivi għall-plastiks li jintremew, u dawn jibbenefikaw mill-iżvilupp ta’ diġitizzazzjoni.

It-tnixxija tal-plastik fl-ambjent jonqos drastikament. Sistemi effettivi ta’ ġbir tal-iskart, flimkien ma’ tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart u b’għarfien akbar mill-konsumatur, iwasslu biex jiġi evitat ir-rimi barra u jiżguraw li l-iskart jiġi mmaniġġat b’mod xieraq. L-iskart marittimu minn sorsi bbażati fuq il-baħar bħall-vapuri, is-sajd u l-akkwakultura huma mnaqqsa b’mod sinifikanti. Ibħra u bajjiet aktar nodfa jrawmu attivitajiet bħat-turiżmu u s-sajd, u jippreservaw l-ekosistemi fraġli. L-ibliet Ewropej ewlenin kollha huwa ħafna aktar indaf.

Soluzzjonijiet innovattivi huma żviluppati biex jipprevjenu l-mikroplastiċi milli jispiċċaw fil-baħar. L-oriġini, ir-rotot ta’ vjaġġar, u l-effetti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem huma mifhuma aħjar, u l-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi jaħdmu flimkien biex jiġi evitat li dawn jispiċċaw fl-oċeani tagħna u fl-arja, l-ilma tax-xorb jew fil-platti tagħna.

L-UE qed tieħu rwol ta’ tmexxija f’dinamika globali, b’pajjiżi li jaħdmu u jikkooperaw biex iwaqqfu l-fluss tal-plastiks fl-oċeani u jieħdu azzjoni ta’ rimedju kontra l-iskart tal-plastik diġà akkumulat. L-aħjar prattiki huma mxerrda b’mod wiesa’, l-għarfien xjentifiku jitjieb, iċ-ċittadini jimmobilizzaw, ix-xjentisti u l-innovaturi jiżviluppaw soluzzjonijiet li jistgħu jiġu applikati madwar id-dinja.

4.It-triq ‘il quddiem: il-viżjoni tinbidel f’realtà

Biex nimxu lejn din il-viżjoni, din l-istrateġija tipproponi sett ambizzjuż ta’ miżuri tal-UE 20 . Dawn se jiġu ppreżentati f’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar. B’mod partikolari, kull miżura li x’aktarx ikollha impatt soċjoekonomiku sinifikanti se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt. Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza u l-ħtieġa ta’ sforzi komuni, l-istrateġija tidentifika wkoll azzjonijiet ewlenin għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u l-industrija 21 .

4.1 Titjib tal-ekonomija u l-kwalità tar-riċiklaġġ tal-plastik

Iż-żieda tar-riċiklaġġ tal-plastik jista’ jġib benefiċċji ekonomiċi u ambjentali sinifikanti. Livelli ogħla ta’ riċiklaġġ tal-plastik, komparabbli ma’ dawk ta’ materjal ieħor, jistgħu jinkisbu biss billi jittejjeb il-mod li bih huma manifatturati u mfassla l-plastiks u oġġetti tal-plastiks. Dan se jeħtieġ ukoll kooperazzjoni akbar fil-katina tal-valur: mill-industrija, il-fabbrikanti tal-plastiks u l-konvertituri sal-kumpaniji pubbliċi u privati tal-immaniġġjar tal-iskart. B’mod partikolari, atturi ewlenin għandhom jaħdmu flimkien biex:

itejbu d-disinn u jingħata appoġġ lill-innovazzjoni biex ikun eħfef li l-plastik u l-prodotti tal-plastik jiġu riċiklati;

jitwessa’ u jitjieb il-ġbir separat tal-iskart tal-plastik, li jiżgura l-kwalità tal-inputs lill-industrija tar-riċiklaġġ;

titwessa’ u tiġi modernizzata l-kapaċità għas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-UE;

jinħolqu swieq vijabbli għall-plastiks riċiklati u rinnovabbli.

Tul dawn l-aħħar xhur, il-Kummissjoni ffaċilitat djalogu bejn l-industriji u issa tistieden lill-industriji involuti 22 biex malajr iressqqu sett ta’ impenji volontarji ambizzjużi u konkreti li jappoġġjaw din l-istrateġija u l-viżjoni tagħha għall-2030.

Biex tappoġġja dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni diġà pproponiet regoli ġodda dwar il-ġestjoni tal-iskart 23 . Dawn jinkludu obbligi aktar ċari għall-awtoritajiet nazzjonali biex jiżdied il-ġbir separat, miri biex jinkoraġġixxu l-investiment fil-kapaċità tar-riċiklaġġ u tiġi evitata kapaċità żejda għall-ipproċessar ta’ skart imħallat (eż. l-inċinerazzjoni), u regoli armonizzati aktar mill-qrib dwar l-użu ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Il-Kummissjoni talbet b’mod konsistenti lill-koleġiżlaturi biex jaqblu malajr dwar dawn ir-regoli l-ġodda. Ladarba tiġi adottata u implimentata, din il-leġiżlazzjoni Ewropea ġdida għandha tagħmel ħafna biex ittejjeb is-sitwazzjoni attwali, u tmexxi l-investiment pubbliku u privat fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, aktar u aktar azzjoni mmirata hija meħtieġa biex tikkomplementa l-liġijiet dwar l-iskart u jitneħħew l-ostakli li huma speċifiċi għas-settur tal-plastik.

Diżinn biex oġġett ikun riċiklabbli

Illum, il-produtturi ta’ oġġetti tal-plastik u tal-imballaġġ għandhom ftit jew l-ebda inċentiv biex iqisu l-ħtiġijiet ta’ riċiklaġġ jew użu mill-ġdid meta jiddiżinjaw il-prodotti tagħhom. Il-plastiks huma magħmula minn firxa ta’ polimeri u ta’ spiss jiġu adattati, b’addittivi speċifiċi biex jindirizzaw ir-rekwiżiti funzjonali u/jew estetiċi ta’ kull manifattur. Din id-diversità tista’ tikkomplika l-proċess ta’ riċiklaġġ, tagħmlu aktar għali, u taffettwa l-kwalità u l-valur tal-plastik riċiklat. Għażliet speċifiċi tad-diżinn, li wħud minnhom huma mmexxija minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali (eż. l-użu ta’ kuluri skuri ħafna) jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv ukoll il-valur tal-materjali riċiklati.

L-imballaġġ tal-plastik huwa qasam ta’ prijorità meta niġu għat-tfassil biex oġġett ikun riċiklabbli. Illum dan jammonta għal madwar 60 % tal-iskart tal-plastik 24 wara li jintuża fl-UE, u d-disinn tal-prodott huwa wieħed mill-elementi ewlenin biex jitjiebu l-livelli ta’ riċiklaġġ. Ġie kkalkulat li titjib fid-disinn jista’ jnaqqas bin-nofs l-ispejjeż għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik 25 . 

Fl-2015, il-Kummissjoni kienet diġà pproponiet li sal-2025 tal-anqas 55 % tal-imballaġġ tal-plastik kollu fl-UE għandu jiġi riċiklat. Jekk irridu nilħqu livelli ogħla ta’ riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, kwistjonijiet ta’ diżinn għandhom jiġu indirizzati b’mod aktar sistematiku.

Sabiex tappoġġa disinn imtejjeb filwaqt li tippreserva s-suq intern, l-azzjoni tal-UE hija essenzjali. Il-Kummissjoni se taħdem fuq reviżjoni tar-rekwiżiti essenzjali għat-tqegħid tal-imballaġġ fis-suq 26 . L-għan se jkun li jiġi żgurat li, sal-2030, l-imballaġġ tal-plastik kollu mqiegħed fis-suq tal-UE jkun jista’ jerġa’ jintuża jew jiġi riċiklat faċilment 27 . F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tħares ukoll lejn modi biex timmassimizza l-impatt ta’ regoli ġodda dwar ir-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR), u tappoġġja l-iżvilupp ta’ inċentivi ekonomiċi sabiex tippremja l-iktar għażliet ta’ disinn sostenibbli. Hija se tivvaluta wkoll il-potenzjal għall-iffissar ta’ mira għar-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik ġdida, simili għal dawk imressqa fl-2015 għal materjali oħra ta’ ppakkjar.

Is-setturi tal-kostruzzjoni u tal-karozzi, tal-għamara u dawk elettroniċi huma wkoll applikazzjonijiet importanti għall-użu tal-pastiks u huma sors sinifikanti ta’ skart li jista’ jiġi riċiklat tal-plastik. Għal dawn l-applikazzjonijiet, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-preżenza possibbli ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib (eż. ritardanti tal-fjammi) toħloq ostaklu sinifikanti biex jintlaħqu rati ogħla ta’ riċiklaġġ. Bħala parti mill-ħidma tagħha dwar l-interfaċċa bejn il-kimiki, l-iskart u l-politiki tal-prodott, il-Kummissjoni qed tipproponi li tħaffef ir-ritmu tax-xogħol sabiex tidentifika modi possibbli biex il-kimiċi jkunu aktar faċli biex jiġu rintraċċati fil-flussi tar-riċiklaġġ. L-għan se jkun sabiex ikun faċilitat l-ipproċessar jew jitneħħew dawn is-sustanzi waqt ir-riċiklaġġ, biex b’hekk jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tiżviluppa, fejn xieraq, ir-rekwiżiti tal-prodotti skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, filwaqt li jqisu aspetti tal-ekonomija ċirkolari, fosthom ir-riċiklaġġ 28 . Dan se jagħmilha aktar faċli biex jiġu riċiklati l-plastiks li jintużaw f’varjetà wiesgħa ta’ apparat elettriku u oġġetti elettroniċi. Il-Kummissjoni diġà pproponiet rekwiżiti obbligatorji tad-disinn u l-immarkar tal-prodotti li jagħmluha aktar faċli u sigur biex skrins elettroniċi jiżżarmaw u jintużaw mill-ġdid (eż. skrins ċatti tal-kompjuter jew tat-televiżjoni). Hija żviluppat ukoll kriterji biex titjieb il-possibilità tar-riċiklaġġ tal-plastik fil-kriterji tagħha tal-Ekotikketta u l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (eż. l-immarkar tal-partijiet tal-plastik kbar sabiex jiġi ffaċilitat l-isseparar, id-disinn tal-imballaġġ tal-plastik għar-riċiklaġġ, u t-tfassil ta’ oġġetti biex jiżżarmaw faċilment fl-għamara u l-kompjuters).

Spinta għad-domanda għall-plastik riċiklat

Id-domanda dgħajfa għall-plastik riċiklat hija ostaklu kbir ieħor biex tiġi trasformata l-katina tal-valur tal-plastiks. Fl-UE, l-użu ta’ plastik riċiklat fi prodotti ġodda huwa baxx u ħafna drabi jibqa’ limitat għal applikazzjonijiet b’valur baxx jew speċjalizzati. L-inċertezzi fir-rigward ta’ post fis-suq u l-profittabbiltà qed iżommu lura l-investiment meħtieġ biex tiġi modernizzata u tiżdied il-kapaċità ta’ riċiklaġġ tal-plastik tal-UE u tingħata spinta lill-innovazzjoni. Żviluppi reċenti fil-kummerċ internazzjonali, jillimitaw rotot ewlenin tal-esportazzjoni għall-iskart tal-plastiks miġbur għar-riċiklaġġ 29 , li jagħmilha aktar urġenti li jiġi żviluppat suq Ewropew għall-plastiks riċiklati.

Waħda mir-raġunijiet għal użu baxx ta’ plastik riċiklat huwa tħassib ta’ bosta kumpaniji u produtturi tal-plastik, li jibżgħu li l-plastik riċiklat ma jissodisfax il-ħtiġijiet tagħhom għal provvista affidabbli, volum għoli ta’ materjali bi speċifikazzjonijiet ta’ kwalità kostanti. Il-plastiks ħafna drabi huma riċiklati minn faċilitajiet reġjonali żgħar, u skala akbar u standardizzazzjoni jappoġġaw l-operazzjoni bla intoppi tas-suq. B’dan f’moħħha, il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem mal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u mal-industrija biex tiżviluppa standards ta’ kwalità għall-iskart tal-plastik separat u l-plastik riċiklat.

Integrazzjoni akbar tal-attivitajiet ta’ riċiklaġġ fil-katina tal-valur tal-plastik hija essenzjali u tista’ tiġi ffaċilitata mill-produtturi tal-plastik fis-settur kimiku. L-esperjenza tagħhom u l-għarfien espert teknoloġiku tagħhom jistgħu jgħinu sabiex jintlaħqu standards ta’ kwalità ogħla (eż. għal applikazzjonijiet fil-grad tal-ikel) u jaggregaw l-offerta ta’ materja prima riċiklata.

Il-kompożizzjoni kimika ta’ plastiks riċiklati u l-adattabilità tagħhom għal użi maħsuba tista’ taġixxi wkoll bħala ostaklu f’xi każijiet. Kontaminazzjoni inċidentali 30 jew in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-preżenza possibbli ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib hija problema għal diversi flussi ta’ skart tal-plastik. Dawn l-inċertezzi jistgħu wkoll jiskoraġġixxu d-domanda għal plastiks riċiklati f’għadd ta’ prodotti ġodda b’rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza. Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-interfaċċa bejn il-kimiki, l-iskart u l-politika tal-prodott hija intenzjonata biex tindirizza xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet u għalhekk se tikkontribwixxi direttament biex jiżdied l-użu ta’ plastik riċiklat. L-UE se tiffinanzja wkoll proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fuq identifikazzjoni aħjar ta’ kontaminanti u d-dekontaminazzjoni tal-iskart tal-plastik permezz ta’ Orizzont 2020.

Rigward l-użu ta’ plastiks riċiklati f’applikazzjonijiet li għandhom kuntatt mal-ikel (eż. fliexken tax-xorb), l-għan huwa li tingħata prijorità lil standards għoljin ta’ sikurezza tal-ikel, filwaqt li jiġi provdut ukoll qafas ċar u affidabbli għall-investiment u l-innovazzjoni f’soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari. B’dan f’moħħha, il-Kummissjoni hija impenjata biex tiffinalizza malajr il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għal aktar minn mitt proċess ta’ riċiklaġġ sikur. F’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll jekk l-użu sikur ta’ materjali oħra tal-plastik riċiklat 31 jistgħux jiġu previsti, pereżempju permezz ta’ karatterizzazzjoni aħjar tal-kontaminanti.

Il-volumi u l-kwalità biss, madankollu, ma jispjegawx bis-sħiħ is-sehem mis-suq żgħir tal-plastik riċiklat fil-preżent. Ir-reżistenza għall-bidla fost il-manifatturi tal-prodott u nuqqas ta’ għarfien dwar il-benefiċċji addizzjonali tal-plastik riċiklat f’ċiklu magħluq irriżultaw li huma wkoll ostakli għal aktar użu ta’ kontenut riċiklat.

L-Ewropa għandha eżempji ta’ sħubiji kummerċjali b’suċċess bejn il-produtturi u r-riċiklaturi tal-prodotti tal-plastik (eż. fis-setturi tal-karozzi), li juri li kwistjonijiet ta’ kwantità u kwalità jistgħu jingħelbu jekk isiru l-investimenti meħtieġa. Sabiex tgħin biex jingħelbu dawn l-ostakli, u qabel ma tiġi kkunsidrata azzjoni regolatorja, il-Kummissjoni qed tniedi kampanja ta’ wegħdiet madwar l-UE kollha biex tiżgura li, sas-sena 2025, għaxar miljun tunnellata ta’ plastik riċiklat isibu ruħhom fi prodotti ġodda fis-suq tal-UE. Biex jinkisbu riżultati tanġibbli u fil-pront, dan l-eżerċizzju huwa indirizzat lill-atturi privati u pubbliċi, u huma mistiedna biex jagħmlu wegħdiet sostantivi sa Ġunju 2018. Id-dettallji huma ppreżentati fl-Anness III.

Sabiex tkompli tappoġġja l-integrazzjoni ta’ materjali tal-plastik riċiklat fis-suq, il-Kummissjoni se tesplora wkoll interventi settorjali aktar immirati. Pereżempju, ċerti applikazzjonijiet fis-setturi tal-kostruzzjoni u dak awtomobilistiku jidher li għandhom potenzjal tajjeb għat-tixrid tal-użu ta’ kontenut riċiklat 32 (pereż. materjali tal-insulazzjoni, pajpijiet, għamara ta’ barra jew pannelli tal-istrumenti). Fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet attwali u futuri tar-regoli tal-UE dwar il-prodotti tal-kostruzzjoni u dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw, il-Kummissjoni se tikkunsidra metodi speċifiċi biex tippromwovi dan. Fil-kuntest tal-ħidma futura f’dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ, se jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta’ strumenti ekonomiċi biex l-użu tal-kontenut riċiklat fis-settur tal-imballaġġ jingħata inċentiv. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se taħdem biex tintegra l-kontenut riċiklat fil-kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku.

Il-gvernijiet nazzjonali jistgħu jiksbu ħafna wkoll, permezz ta’ inċentivi ekonomiċi u akkwist pubbliku. Is-sistema Franċiża “ORPLAST” 33 jew ir-regoli l-ġodda tal-Italja dwar l-akkwist pubbliku huma żewġ eżempji tajbin ta’ x’jista’ jsir fil-livell nazzjonali. Bl-istess mod, l-awtoritajiet lokali jistgħu jappoġġjaw l-objettiv ta’ din l-istrateġija fl-akkwist ta’ xogħol, prodotti jew servizzi.

Ġbir separat u separazzjoni aħjar u aktar armonizzati

Aktar riċiklaġġ tal-plastik u t-tijib tiegħu qed jinżammu lura wkoll minħabba l-volumi insuffiċjenti u l-kwalità tal-ġbir separat u s-separazzjoni. Din tal-aħħar hija essenzjali wkoll biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ kontaminanti fil-flussi tar-riċiklaġġ u jinżammu standards għoljin ħafna ta’ sikurezza għall-materjali riċiklati. L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, f’kooperazzjoni ma’ operaturi tal-ġestjoni tal-iskart, għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex joħolqu kuxjenza pubblika u jiżguraw kwalità għolja ta’ ġbir separat. Ir-riżorsi finanzjarji miġburin permezz tal-iskemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur jistgħu jagħmlu ħafna biex isaħħu aktar dawn l-isforzi. Bl-istess mod, is-sistemi ta’ depożiti jistgħu jikkontribwixxu sabiex jinkisbu livelli għoljin ħafna ta’ riċiklaġġ.

It-tnaqqis tal-frammentazzjoni u d-differenzi bejn is-sistemi ta’ ġbir u separazzjoni jista’ jagħmel ir-riċiklaġġ tal-materjali tal-plastik ħafna aktar ekonomiku, u b’hekk jiġu ffrankati madwar mitt euro għal kull tunnellata miġbura 34 . Biex tinkoraġġixxi prattiki aktar standardizzati u effettivi madwar l-UE, il-Kummissjoni se toħroġ linji gwida ġodda dwar il-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart. Aktar importanti minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-isforzi attwali tagħhom biex jemendaw ir-regoli dwar l-iskart biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tal-obbligi eżistenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ġbir separat ta’ materjali tal-plastik.

4.2 Trażżin tat-tixrid tal-iskart tal-plastik u r-rimi tal-iskart

Jekk irridu niksbu verament ċiklu tal-ħajja ċirkolari għall-materjali tal-plastik, il-produzzjoni tal-iskart tal-plastik li dejjem qed tikber u r-rimi tiegħu fl-ambjent tagħna fejn ngħixu għandhom jiġu indirizzati.. Illum, ir-rimi tal-iskart u l-produzzjoni ta’ skart tal-plastik jagħmlu ħsara lill-ambjent, jikkawżaw ħsara ekonomika fl-attivitajiet bħat-turiżmu, is-sajd u t-trasport marittimu, u jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem permezz tal-katina alimentari.

Prevenzjoni tal-iskart tal-plastik fl-ambjent tagħna

L-użu li dejjem qed jikber ta’ materjali tal-plastik għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet b’ħajja qasira jagħti lok għal kwantitajiet kbar ta’ skart tal-plastik. L-oġġetti ta’ materjali tal-plastik li jintużaw darba biss huma sors ewlieni ta’ produzzjoni ta’ plastik fl-ambjent, peress li dawn jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu riċiklati, u ta’ spiss jintużaw barra mid-dar u jintremew. Dawn huma fost l-oġġetti l-aktar komuni li jinstabu fil-bajjiet, u jirrappreżentaw madwar 50 % mill-iskart fil-baħar. 35

Iż-żieda fil-konsum tal-ikel u x-xorb li jiġu kkunsmati barra qiegħda tixpruna t-tkabbir tal-“materjali tal-plastik li jintużaw darba biss” u għaldaqstant il-problema hija mistennija li tikber. Fejn il-ġestjoni tal-iskart mhijiex daqstant ta’ kwalità għolja, anki l-iskart tal-plastik li jkun inġabar jista’ jsib ruħu fl-ambjent. Aktar riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik użati fl-agrikoltura (bħall-kisi protettiv jew serer tal-plastik) jista’ jikkontribwixxi biex jitnaqqas ir-rimi tagħhom fl-ambjent. Biex dan jinkiseb, instab li l-iskemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur kienu effettivi f’diversi pajjiżi.

Ir-rimi ta’ skart fil-baħar minn sorsi bbażati fuq il-baħar huwa sinifikanti wkoll. Rkaptu tas-sajd abbandunat fil-baħar jista’ jkollu impatt partikolarment ta’ ħsara minħabba tħabbil mal-annimali tal-baħar.

It-trażżin tal-iskart u t-tniġġis tal-plastik huwa problema kumplessa, minħabba n-natura mifruxa tiegħu u r-rabta ma’ xejriet soċjali u mġiba individwali. Ma hemm ebda inċentiv ċar għall-konsumaturi u għall-produtturi biex jaqilbu għal soluzzjonijiet li jipproduċu anqas skart jew rimi ta’ skart.

L-UE diġà ħadet passi billi stabbiliet rekwiżiti għall-Istati Membri biex jadottaw miżuri li jnaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik 36 u biex jimmonitorjaw u jnaqqsu l-iskart fil-baħar. 37 Il-fondi tal-UE qed jintużaw ukoll għall-fehim u l-ġlieda kontra ż-żieda tal-iskart fil-baħar 38 , kif ukoll biex tiġi appoġġjata l-azzjoni globali, nazzjonali u reġjonali. Ir-regoli tal-UE li jappoġġjaw rati ogħla ta’ riċiklaġġ u sistemi aħjar ta’ ġbir tal-iskart huma importanti wkoll biex jgħinu biex jiġi evitat id-dħul ta’ dan l-iskart fl-ambjent. Barra minn hekk, permezz tal-proposta leġiżlattiva li jmiss għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, il-Kummissjoni se tippromwovi aċċess għall-ilma tal-vit għaċ-ċittadini tal-UE, u b’hekk titnaqqas il-ħtieġa ta’ ppakkjar tal-ilma fil-fliexken. Il-kriterji għall-Ekotikketta u l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku jippromwovu wkoll oġġetti u imballaġġ li jistgħu jerġgħu jintużaw. 39

Jistgħu jiġu żviluppati miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, sabiex titnaqqas il-produzzjoni mhux meħtieġa ta’ skart tal-plastik, speċjalment skart minn oġġetti li jintużaw darba biss jew imballaġġ żejjed, u biex jiġi inkoraġġut l-użu mill-ġdid ta’ imballaġġ. Diġà bdiet ħidma analitika, inkluża t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika, biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwar plastik li jintuża darba biss fil-livell tal-UE, li għandha titressaq minn din il-Kummissjoni, wara l-approċċ użat għal basktijiet tal-plastik ħfief u l-analiżi tal-evidenza rilevanti mix-xjenza komportamentali 40 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tintroduċi miżuri ta’ natura fiskali fil-livell tal-UE. 41 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tagħti ħarsa wkoll lejn il-kwistjoni ta’ imballaġġ żejjed bħala parti mill-analiżi futura tar-rekwiżiti essenzjali għall-imballaġġ.

L-iskemi tar-Responsabilità Estiża tal-Produttur fil-livell nazzjonali jistgħu wkoll jgħinu biex tiġi ffinanzjata azzjoni biex jitrażżan ir-rimi ta’ skart tal-plastik. L-iskemi ta’ depożitu mmirati jistgħu jgħinu biex jitnaqqas ir-rimi ta’ skart u r-riċiklaġġ jingħata spinta, fil-fatt diġà għenu lil diversi pajjiżi biex jilħqu rati għoljin ta’ ġbir ta’ kontenituri tax-xorb 42 .

L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jistabbilixxu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, jadottaw miżuri biex jiġi evitat ir-rimi ta’ skart u jwettqu proġetti biex jitnaddfu x-xtajtiet, billi jirċievu appoġġ mill-fondi tal-UE, pereżempju permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fit-30 ta’ Mejju, 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tkabbar u ssaħħaħ il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, b’baġit ta’ EUR 341.5 miljun għas-snin mill-2018 sal-2020. 43 Dan ifisser li fil-futur qrib se jkun hemm aktar opportunitajiet għan-nies madwar l-UE biex jinvolvu ruħhom u jappoġġjaw l-objettiv ta’ din l-istrateġija.

Flimkien ma’ din l-istrateġija, sabiex jitnaqqsu l-iskariki mill-vapuri, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta leġiżlattiva rigward il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet. 44 Din tippreżenta miżuri li jiżguraw li l-iskart iġġenerat fuq il-vapuri jew miġbur mill-baħar jinġieb fuq l-art u jiġi ttrattat b’mod adegwat. Waqt li tibni fuq dan, il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll miżuri mmirati biex jitnaqqas l-irkaptu tas-sajd li jintilef jew jiġi abbandunat fil-baħar. Għażliet possibbli li għandhom jiġu eżaminati jinkludu skemi ta’ depożitu, Skemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produtturi u miri ta’ riċiklaġġ. Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-kontribut tal-akkwakultura għar-rimi tal-iskart fil-baħar u teżamina firxa ta’ miżuri biex jiġi minimizzat ir-rimi tal-plastik mill-akkwakultura. 45 Fl-aħħar nett, hija se tkompli l-ħidma tagħha biex ittejjeb il-fehim u l-volum tar-rimi tal-iskart fil-baħar, mod essenzjali iżda ta’ spiss traskurat biex jiġu appoġġjati l-miżuri effettivi ta’ prevenzjoni u rkupru.

Sabiex dawn il-miżuri preventivi jiġu integrati, l-azzjoni biex jinġabar xi ftit mill-materjali tal-plastik fil-wiċċ tal-oċeani u t-teknoloġiji innovattivi għall-ġbir huma appoġġjati mill-fondi tal-UE. 46 47 Fl-aħħar nett, kif spjegat fit-Taqsima 4.4, l-azzjoni internazzjonali se tibqa’ kruċjali biex jiġu indirizzati l-aktar sorsi sinifikanti ta’ rimi ta’ skart ta’ materjali tal-plastik fl-oċeani, jiġifieri infrastruttura insuffiċjenti ta’ ġestjoni ta’ skart f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u f’ekonomiji emerġenti.

Stabbiliment ta’ qafas regolatorju ċar għall-materjali tal-plastik b’karatteristiċi bijodegradabbli

Bi tweġiba għar-rata għolja ta’ rimi ta’ plastik fl-ambjent tagħna u l-effetti ta’ ħsara tiegħu, saret ħidma biex jinstabu soluzzjonijiet biex jitfasslu materjali ta’ plastik bijodegradabbli u kompostabbli. L-applikazzjonijiet fil-mira, bħal pereżempju l-użu tal-basktijiet tal-plastik kompostabbli għall-ġbir separat tal-iskart organiku, kellu riżultati pożittivi; u l-istandards jeżistu jew qed jiġu żviluppati għal applikazzjonijiet speċifiċi.

Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-materjali tal-plastik attwalment disponibbli ttikkettjati bħala bijodegradabbli b’mod ġenerali jiddegradaw taħt kundizzjonijiet speċifiċi li mhux dejjem ikunu jidhru fl-ambjent naturali, u għaldaqstant jistgħu xorta waħda jikkawżaw ħsara lill-ekosistemi. Il-bijodegradazzjoni fl-ambjent marittimu joħloq diffikultajiet partikolari. Barra minn hekk, il-materjali tal-plastik li huma ttikkettjati bħala “kompostabbli” mhumiex neċessarjament adatti għall-kompost domestiku. Jekk il-materjali tal-plastik kompostabbli u konvenzjonali jitħalltu fil-proċess tar-riċiklaġġ, dan jista’ jaffettwa l-kwalità tal-materjali riċiklabbli finali. F’dak li jirrigwarda l-konsumaturi, l-eżistenza ta’ sistema ta’ ġbir separat għall-iskart organiku li tiffunzjona tajjeb hija essenzjali.

Huwa importanti li jkun żgurat li l-konsumaturi jiġu pprovduti b’informazzjoni ċara u korretta, u li jiġi żgurat li l-materjali tal-plastik bijodegradabbli ma jiġux ippreżentati bħala soluzzjoni għall-problema tar-rimi ta’ skart. Dan jista’ jinkiseb billi jiġi ċċarat liema materjali ta’ plastik jista’ jiġi ttikkettat “kompostabbli” jew “bijodegradabbli” u kif dawn għandhom jiġu indirizzati wara l-użu. Għandhom jiġu identifikati l-applikazzjonijiet li għandhom benefiċċji ambjentali ċari u f’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri biex l-innovazzjoni tingħata spinta u biex l-iżviluppi tas-suq jimxu fid-direzzjoni t-tajba. Sabiex issir separazzjoni xierqa u jiġu evitati allegazzjonijiet ambjentali foloz, il-Kummissjoni se tipproponi regoli armonizzati għad-definizzjoni u t-tikkettar tal-materjali tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli. Hija se tiżviluppa wkoll valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja biex jiġu identifikati l-kundizzjonijiet li fihom l-użu tal-materjali tal-plastik bijodegradabbli jew kompostabbli jkun ta’ benefiċċju, u l-kriterji għal dawn l-applikazzjonijiet.

Fl-aħħar nett, instab li ċerti materjali alternattivi li allegatament għandhom karatteristiċi bijodegradibbli, bħal “materjali ta’plastik ossodegradabbli” ma joffru l-ebda vantaġġ ambjentali ppruvat fuq materjali ta’ plastik konvenzjonali, filwaqt li l-frammentazzjoni rapida tagħhom f’mikroplastiċi toħloq tħassib. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bdiet taħdem bl-intenzjoni li jiġi llimitat l-użu ta’ materjali ta’ ossoplastika fl-UE. 48

Il-problema li qed tikber tal-mikroplastiċi

Il-mikroplastiċi jiġu miżjuda intenzjonalment ma’ ċerti kategoriji ta’ prodotti (pereżempju prodotti kożmetiċi, deterġenti, żebgħa), jinxterdu waqt il-produzzjoni, it-trasport u l-użu ta’ gerbub tal-plastik, jew jiġu ġġenerati permezz ta’ tkagħbir bl-użu ta’ prodotti bħal tajers, żebgħa u ħwejjeġ sintetiċi.

Il-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment ma’ prodotti jirrappreżentaw proporzjon relattivament żgħir ta’ dawk kollha li jinsabu fil-baħar. Madankollu, peress li huwa relattivament faċli li dawn jiġu evitati u minħabba t-tħassib pubbliku, diversi pajjiżi diġà ħadu azzjoni biex jillimitaw l-użu tagħhom 49 , filwaqt li l-industrija tal-kożmetika ħadet ukoll azzjoni volontarja. Qed jiġu kkunsidrati jew ippjanati projbizzjonijiet f’bosta Stati Membri, u dan jista’ jwassal għal frammentazzjoni fis-suq uniku. F’konformità mal-proċeduri tar-REACH għar-restrizzjoni ta’ sustanzi li jistgħu jkunu ta’ riskju għall-ambjent jew għas-saħħa, il-Kummissjoni għalhekk bdiet il-proċess li jiġi llimitat l-użu ta’ mikroplastiċi miżjuda b’mod intenzjonat, billi titlob lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi biex tagħmel rieżami tal-bażi xjentifika biex tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE. 50

Hemm bżonn ta’ aktar riċerka biex nifhmu aktar is-sorsi u l-impatti tal-mikroplastiċi, inklużi l-effetti tagħhom fuq l-ambjent u s-saħħa, u li jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi biex jiġi evitat it-tixrid tagħhom (ara t-Taqsima 4.3). Dan jista’ jinkludi modi biex jitjieb il-qbid ta’ mikroplastiċi f’impjanti tat-trattament tal-ilma mormi, kif ukoll miżuri mmirati għal kull sors. Fl-2018, Ftehim Trasversali tal-Industrija 51 għall-prevenzjoni ta’ ħruġ ta’ mikroplastiċi fl-ambjent akkwatiku waqt il-ħasil ta’ tessuti sintetiċi għandu jwassal għall-ewwel proposti rigward il-metodi ta’ ttestjar. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri bħal tikkettar u rekwiżiti speċifiċi għat-tajers, informazzjoni aħjar u rekwiżiti minimi fuq il-ħruġ ta’ mikrofibri mit-tessuti, kif ukoll miżuri biex jitnaqqas ir-rimi kkawżat minn gerbub tal-pastik. Skemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur jistgħu wkoll jiġu previsti, fejn ikun rilevanti, biex tiġi koperta l-ispiża ta’ azzjoni ta’ rimedju. Jeħtieġ ukoll li tiġi ssorveljata l-preżenza ta’ mikroplastiċi fl-ilma tax-xorb, fejn l-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem għadu mhux magħruf.

4.3 L-investiment u l-innovazzjoni jingħataw spinta lejn soluzzjonijiet ċirkolari

Biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’din l-istrateġija se jkunu jenħtieġu investimenti kbar, kemm fl-infrastruttura kif ukoll l-innovazzjoni. It-twettiq tal-miri ambizzjużi tar-riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik waħdu se jenħtieġ investiment addizzjonali stmat ta’ bejn EUR 8.4 u 16.6 biljun 52 . Għalhekk, il-ħolqien ta’ qafas favorevoli għall-investiment u l-innovazzjoni huwa essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

L-innovazzjoni hija fattur ewlieni għat-trasformazzjoni tal-plastiċi fil-katina tal-valur: din tista’ tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-soluzzjonijiet eżistenti, jiġu pprovduti oħrajn ġodda u jissaħħu l-benefiċċji potenzjali lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa. Filwaqt li l-UE għandha rwol ta’ faċilitatur, in-negozji Ewropej jenħtieġ li jinvestu fil-futur u jaffermaw it-tmexxija tagħhom fil-modernizzazzjoni tal-materjali tal-plastik fil-katina tal-valur.

Soluzzjonijiet innovattivi għal separazzjoni avvanzata, riċiklaġġ kimiku u tfassil ta’ polimeri metjba jista’ jkollhom effetti qawwijin. Pereżempju, it-tkabbir ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda bħall-watermarking diġitali jista’ jippermetti separazzjoni u traċċabilità ħafna aħjar ta’ materjali, u bi ftit spejjeż ta’ modifiki. Ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jagħmlu differenza wkoll fil-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik u t-tniġġis minn mikroplastiċi. Il-Kummissjoni hija partikolarment attenta għall-innovazzjoni li tikkonċerna l-materjali li jkunu kompletament bijodegradabbli fl-ilma baħar u l-ilma ħelu u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-ekosistemi. Approċċi ġodda − pereżempju l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju innovattivi, il-loġistika inversa jew it-tfassil tas-sostenibbiltà, − jistgħu jgħinu ħafna biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik fis-sors, filwaqt li jinkisbu aktar benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li ssir aktar riċerka xjentifika biex jitkejlu l-impatti potenzjali tal-mikroplastiċi fuq is-saħħa u jiġu żviluppati għodod ta’ monitoraġġ aħjar.

Materja prima alternattiva, inkluż materja prima b’bażi bijoloġika u effluwenti gassużi (pereż. diossidu tal-karbonju jew metan) tista’tiġi żviluppata wkoll, sabiex jiġi evitat l-użu ta’ riżorsi fossili. Bħalissa, din il-materja prima tirrappreżenta parti żgħira iżda dejjem akbar mis-suq. 53 L-ispiża tagħha tista’ tkun ta’ xkiel għal użu usa’; fil-każ ta’ materjali ta’ plastik b’bażi bijoloġika, huwa wkoll importanti li jiġi żgurat li dawn iwasslu għal benefiċċji ambjentali ġenwini meta mqabbla ma’ alternattivi mhux rinnovabbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni bdiet ħidma biex ikun hemm aktar fehim rigward l-impatti taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ materja prima alternattiva użata fil-produzzjoni ta’ materjali tal-plastik, inkluża l-bijomassa. Abbażi tal-informazzjoni xjentifika disponibbli, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-opportunitajiet biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ materja prima alternattiva fil-produzzjoni tal-plastik.

Il-finanzjament tar-riċerka tal-UE se tappoġġja dawn l-isforzi kollha. Sa issa, l-Orizzont 2020 ipprovda aktar minn EUR 250 miljun għall-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp f’oqsma li huma ta’ rilevanza diretta għall-istrateġija. Madwar nofshom ġew użati biex jgħinu l-iżvilupp ta’ materja prima alternattiva. Dan ġie kkumplimentat minn appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. 54 Għadd kbir ta’ dawn l-istrateġiji jinkludu prijoritajiet ta’ innovazzjoni marbutin ma’ materjali tal-plastik.

Fit-tħejjija għall-2020, ammont addizzjonali ta’ EUR 100 miljun se jkun iddedikat għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ prijorità, inkluż l-iżvilupp ta’ materjali tal-plastik aktar intelliġenti u riċiklabbli, proċessi ta’ riċiklaġġ aktar effiċjenti, u t-traċċar u t-tneħħija ta’ sustanzi u kontaminanti minn materjali tal-plastik riċiklati. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tiżviluppa Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u Innovazzjoni dwar il-materjali tal-plastik sabiex tiġi pprovduta gwida għal aktar finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni wara l-2020.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din l-istrateġija, l-ammont tal-investiment privat u pubbliku jrid jiżdied b’mod sinifikanti, mhux biss fir-rigward tal-innovazzjoni. Bħalissa, l-investiment privat f’impjanti għas-separazzjoni u r-riċiklaġġ qed jinżamm lura minħabba l-inċertezzi rigward il-profittabilità (minħabba l-prezzijiet baxxi taż-żejt, nuqqas ta’ swieq disponibbli, eċċ.). Pereżemepju, illum il-ġurnata madwar żewġ terzi biss tan-negozji tar-riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik fi Franza jagħmlu profitt. 55  Kif turi s-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra tal-UE 56 , huwa importanti li l-impjanti ta’ riċiklaġġ jiġu mmodernizzati u estiżi, biex ir-riċiklaġġ tal-plastik ikun ekonomikament vijabbli. Ħafna mill-miżuri proposti fit-Taqsima 4.1 huma speċifikament maħsuba biex isaħħu l-fiduċja tal-investituri.

Jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jinvestu fi ġbir separat akbar u aħjar. Skemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (Extended Producer Responsibility, EPR) imfasslin tajjeb jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jipprovdu l-finanzjament meħtieġ. Pereżempju, f’xi pajjiżi li għandhom rati ta’ riċiklaġġ għolja ħafna, il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż tal-ġbir u t-trattament separat għall-iskart mill-imballaġġ jiġu ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa mill-produtturi.

Barra li hija sors ta’ finanzjament, ir-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur tista’ tipprovdi inċentivi ekonomiċi għan-negozji biex jiġu żviluppati prodotti tal-plastik aktar sostenibbli. Jekk ikunu mfassla tajjeb u implimentati madwar l-Ewropa kollha, is-sistema tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur jistgħu jgħinu biex titjieb l-effiċjenza tal-proċess tar-riċiklaġġ, jiġi nkoraġġut tfassil għar-riċiklaġġ, jitnaqqas l-iskart u r-rimi tal-iskart u jiġi promoss djalogu akbar bejn il-produtturi, l-awtoritajiet lokali u r-riċiklaturi. Fil-proposta tagħha ta’ rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, il-Kummissjoni għandha l-għan li tippromwovi dan il-mudell u tagħmlu aktar effikaċi permezz ta’ rekwiżiti minimi komuni, ibbażati fuq l-aħjar prassi eżistenti. Biex ikun żgurat li l-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur jimxu kif suppost u jappoġġjaw l-investiment għar-riċiklaġġ, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar kif tiġi żgurata modulazzjoni ta’ tariffi mħallsa mill-produtturi, b’mod partikolari għall-imballaġġ. Pereżempju, l-“eko-modulazzjoni” ta’ tali tariffi tista’ tipproduċi riżultati biss jekk tipprovdi gwadann finanzjarju sinifikanti għal għażliet ta’ tfassil ta’ prodotti aktar sostenibbli.

Il-prinċipju ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jista’ jiġi applikat ukoll biex jinħolqu fondi mis-settur privat għall-finanzjament ta’ investimenti f’soluzzjonijiet innovattivi u teknoloġiji ġodda li għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-produzzjoni primarja tal-plastik. Dan jista’, pereżempju, jappoġġja l-użu ta’ materjali tal-plastik riċiklat. Sa nofs l-2019, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, se tanalizza l-karatteristiċi ta’ tfassil potenzjali ta’ tali fond, inkluż fir-rigward tan-newtralità teknoloġika u materjali u l-komplementarjetà ma’ strumenti eżistenti, u se teżamina mill-qrib il-vijabbiltà teknika, ekonomika u legali tiegħu.

Id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tassazzjoni u l-akkwist pubbliku se jkollhom ukoll rwol kruċjali fl-appoġġ għat-tranżizzjoni u l-investimenti li jidderieġu. 57 Fir-rieżami ta’ skart propost tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat l-użu ta’ strumenti ekonomiċi biex tipprijoritizza l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart fil-livell nazzjonali. L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali tar-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni permezz ta’ tariffi jew taxxi għolja jew li jiżdiedu gradwalment tista’ ttejjeb l-ekonomiji ta’ riċiklaġġ tal-plastik.

Il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, b’mod partikolari l-fondi għall-politika ta’ koeżjoni, jagħtu wkoll kontribut ewlieni biex tiġi żviluppata kapaċità għar-riċiklaġġ tal-UE, inkluż ir-riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik. Bejn l-2014 u l-2020, aktar minn EUR 5.5 biljun ġew allokati għat-titjib tal-ġestjoni tal-iskart. Dan huwa mistenni b’mod partikolari li jwassal għal żieda ta’ 5.8 miljun tunnellata kull sena ta’ kapaċità għar-riċiklaġġ tal-iskart. 58 Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista’ jkollu rwol importanti wkoll, pereżempju billi jappoġġja integrazzjoni akbar tal-katina tal-valur u l-proġetti ta’ riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik f’ċiklu magħluq. Il-“Pjattaforma ta’ Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari” se tgħin biex ikun hemm aktar sensibilizzazzjoni fost l-investituri u jiġi ffaċilitat l-aċċess biex jiġu finanzjati proġetti tal-ekonomija ċirkolari.

4.4 Sfruttar tal-azzjoni globali

L-opportunitajiet u l-isfidi marbutin ma’ materjali tal-plastik qed isiru dejjem aktar globali u l-indirizzar tagħhom se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-2030. Barra l-Ewropa, il-konsum tal-plastik per capita qed jikber b’rata mgħaġġla, l-aktar fl-Ażja. 59 Il-ktajjen tal-valur tal-materjali tal-plastik jiġu żviluppati f'kontinenti differenti u l-iskart tal-plastik jiġi nnegozjat internazzjonalment: fl-UE madwar nofs l-iskart tal-plastik miġbur jintbagħat barra mill-pajjiż, u f’dan il-każ tibqa’ l-inċertezza rigward it-trattament tiegħu. Aktar minn 85 % tal-iskart tal-plastik bħalissa qed jiġi esportat lejn iċ-Ċina 60 , sitwazzjoni li se tinbidel dalwaqt wara d-deċiżjoni taċ-Ċina li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ skart tal-plastik, 61 u b’hekk jinħolqu opportunitajiet għar-riċiklaturi tal-UE.

Prevenzjoni adegwata tal-iskart tal-plastik, ġbir u sistemi ta’ riċiklaġġ huma meħtieġa f’bosta partijiet tad-dinja. Ir-rimi ta’ skart tal-baħar minn pajjiż wieħed jista’ jispiċċa fuq il-bajjiet ta’ oħra, u frammenti tal-plastik minn madwar id-dinja kollha, li jinġarru mal-kurrenti tal-baħar, jakkumulaw maż-żmien fl-oċeani u l-ibħra. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. L-ibħra u l-oċeani huma ġid globali u wirt komuni, u jekk din ix-xejra ma tinqalibx, il-ġenerazzjonijiet futuri jirtu d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u theddid għas-saħħa tal-bniedem. L-istabbiliment ta’ sistemi xierqa ta’ ġestjoni u prevenzjoni tal-iskart, partikolarment f’ekonomiji emerġenti, huwa essenzjali biex il-plastik ma jispiċċax fil-baħar. Tnedew bosta inizjattivi f’fora internazzjonali (pereżempju l-G7 u l-G20, in-Nazzjonijiet Uniti, u fil-kuntest tal-Konvenzjoni MARPOL 62 ) u l-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar; azzjonijiet kontra r-rimi ta’ skart tal-baħar huma inklużi wkoll fl-Aġenda għall-Governanza Internazzjonali għall-futur tal-oċeani tagħna 63 .

L-UE se tkompli tappoġġja l-azzjoni internazzjonali, tippromwovi l-aħjar prattiki fid-dinja, u l-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament esterni tagħha biex tappoġġja l-prevenzjoni u l-ġestjoni mtejba tal-iskart madwar id-dinja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tkompli tuża d-djalogi ta’ politika dwar l-ambjent u l-industrija u djalogi skont il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, u tikkoopera b’mod attiv f’Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali. 64 Il-Kummissjoni se tieħu wkoll sehem attiv fil-grupp ta’ ħidma stabbilit permezz tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent f’Diċembru 2017 biex jaħdem fuq ir-rispons internazzjonali għall-ġlieda kontra r-rimi ta’ skart tal-plastik fil-baħar u mikroplastiċi. Fl-2018, il-Kummissjoni se tniedi proġett dedikat biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik u r-rimi ta’ skart fil-baħar fil-Lvant u fix-Xlokk tal-Asja, fejn il-problema qed tikber b’rata mgħaġġla. 65 Hija se teżamina modi possibbli biex tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-plastik fil-Mediterran, b’appoġġ tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, u f’baċiri tax-xmara dinjin ewlenin, minħabba li parti konsiderevoli ta’ skart tal-plastik jinġarr mix-xmajjar qabel ma jasal fl-ibħra. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kooperazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE 66 , mal-ġirien tagħhom flimkien tal-Baħar tal-Karibew, l-Oċean Indjan, il-Paċifiku, u l-Atlantiku f’oqsma differenti, inklużi l-ġestjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ.

Fit-triq ’il quddiem, hemm ukoll prospetti sinifikanti għall-iżvilupp ta' industrija tal-materjali tal-plastik ċirkolari u innovattiva madwar id-dinja. L-UE diġà għandha l-ogħla rata ta’ riċiklaġġ tal-plastik. Bl-objettivi tagħha rigward riċiklabilità mtejba tal-imballaġġ u rati aktar għoljin ta’ riċiklaġġ, hija f’pożizzjoni tajba sabiex tmexxi l-iżviluppi l-ġodda billi tappoġġja, b’mod partikolari, l-investiment f’teknoloġiji moderni tar-riċiklaġġ, materjali ġodda aktar adatti għar-riċiklaġġ, u s-soluzzjonijiet biex jitnaqqas ir-rimi ta’ skart fil-baħar.

Jenħtieġu miżuri li jżidu l-fiduċja tal-operaturi u l-awtoritajiet pubbliċi biex ir-riċiklaġġ tal-materjali tal-plastik jiġi integrat b’mod globali, u b’hekk tinħoloq katina tal-valur ċirkolari bejn il-fruntieri. Pereżempju, il-Kummissjoni se tippromwovi l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali biex tingħata spinta lill-fiduċja tal-industrija fil-kwalità tal-materjali ta’ skart riċiklabbli jew riċiklati. Se jkun ukoll importanti li jiġi żgurat li kwalunkwe materjali tal-plastik mibgħuta barra mill-pajjiż għal riċiklaġġ ikunu ttrattati u pproċessati taħt kundizzjonijiet simili għal dawk applikabbli fl-UE, skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-vjeġġi ta’ skart 67 , li tappoġġja azzjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart skont il-Konvenzjoni ta’ Basel, u tiżviluppa skema ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għal impjanti tar-riċiklaġġ. Huwa meħtieġ ukoll sforz mill-industrija fuq livell globali biex jiġi promoss użu mifrux ta’ materjali tal-plastik riċiklabbli u riċiklat.

5 Konklużjonijiet

L-isfidi marbutin mal-produzzjoni, il-konsum u t-tmiem tal-ħajja tal-materjali tal-plastik jistgħu jinbidlu f’opportunità għall-UE u l-kompetittività tal-industrija Ewropea. L-indirizzar tagħhom permezz ta’ viżjoni strateġika ambizzjuża, b’mod li jkopri l-katina tal-valur kollha, jista’ jixpruna t-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni. Jista’ wkoll jerġa’ jafferma mill-ġdid ir-rwol tat-tmexxija Ewropea fis-soluzzjonijiet globali u jgħinna nagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’livell baxx tal-karbonju, filwaqt li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b’ambjent aktar nadif, u aktar sikur.

Din l-istrateġija tipproponi azzjonijiet konkreti mfassla sabiex il-viżjoni tal-materjali tal-plastik għal ekonomija aktar ċirkolari ssir realtà. Il-Kummissjoni se tikkonċentra biex isir progress deċiżiv fil-mandat attwali tagħha, filwaqt li twitti t-triq għal azzjoni aktar fit-tul. Se jkun essenzjali li atturi ewlenin oħra jagħmlu l-parti tagħhom ukoll. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-istrateġija u l-objettivi tagħha, u tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-bliet, il-katina kollha tal-valur tal-materjali tal-plastik, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, biex jimpenjaw ruħhom għal azzjoni determinata u konkreta.

(1)

COM(2017) 479.

(2)

COM(2015) 614.

(3)

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2018 - COM (2017) 650.

(4)

Dan jinkludi produtturi tal-materja prima u tal-prodotti.

(5)

Sors: Il-Plastiks tal-Ewropa.

(6)

 Sors: L-Eurostat.

(7)

Ellen MacArthur Foundation, The new plastics economy, 2016 ( https://www.ellenmacarthurfoundation.org/assets/downloads/EllenMacArthurFoundation_TheNewPlasticsEconomy_Pages.pdf )

(8)

 Ibid. Id-dejta tirreferi għall-2012.

(9)

 Skont l-istimi, ir-riċiklaġġ ta’ tunnellata ta’ plastik jiffranka madwar 2 tCO2 (ara http://presse.ademe.fr/wp-content/uploads/2017/05/FEDEREC_ACV-du-Recyclage-en-France-VF.pdf ). Ir-riċiklaġġ ta’ 15-il miljun tunnellata ta’ plastik fis-sena sal-2030 (ekwivalenti għal madwar nofs tal-iskart tal-plastik proġetattat li jiġi ġenerat) jiffranka l-ekwivalenti ta’ emissjonijiet tad-CO2 għat-tneħħija ta’ 15-il miljun karozza mit-toroq.

(10)

A. Rahimi, J. M. García, Chemical recycling of waste plastics for new materials production, Nat. Chem. Rev. 1, 0046, 2017.

(11)

Jambeck et al, Plastic waste inputs from land into the ocean, Science, Frar 2015.

(12)

 Inkluż fuq art mhux abitata, pereżempju ara   http://www.pnas.org/content/114/23/6052.abstract .

(13)

  http://ec.europa.eu/environment/marine/good-environmental-status/descriptor-10/pdf/MSFD%20Measures%20to%20Combat%20Marine%20Litter.pdf

(14)

Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, Ħsara Kkawżata minn Skart Marittimu, 2016.

(15)

Sors: Eunomia.

(16)

  https://www.unep.org/gpa/what-we-do/global-partnership-marine-litter

(17)

  https://www.g7germany.de/Content/EN/_Anlagen/G7/  2015-06-08-g7-abschluss-eng_en.html and https://www.g20.org/Content/DE/_Anlagen/G7_  G20  /2017-g20-marine-litter-en.html?nn=2186554

(18)

UNEP/EA.3/L.20 ara: https://papersmart.unon.org/resolution/uploads/k1709154.docx  

(19)

Din id-data tikkorrispondi għal bini ta’ madwar 500 impjant għas-separazzjoni u r-riċiklaġġ (sors: Plastics Recyclers Europe).

(20)

Il-miżuri kollha tal-UE huma elenkati fl-Anness I.

(21)

Dawn huma elenkati fl-Anness II.

(22)

Dan id-djalogu sar ma’ Plastics Europe, European Plastics Converters (EuPC) u Plastics Recyclers Europe.

(23)

 COM (2015) 593, COM (2015) 594, COM (2015) 595, COM (2015) 596.

(24)

Sors: Plastics Europe.

(25)

Ellen MacArthur Foundation, The New Plastics Economy: Catalysing action, Jannar 2017.

(26)

Id-Direttiva 94/62/KE dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ.

(27)

 jiġifieri dan jista’ jiġi riċiklat b’mod kosteffikaċi.

(28)

Id-Direttiva 2009/125/KE; din id-Direttiva tkopri l-prodotti kollha relatati mal-enerġija.

(29)

 B’mod partikolari d-deċiżjonijiet riċenti taċ-Ċina li jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ skart tal-plastik – ara t-taqsima 4.4.

(30)

 Kontaminazzjoni ta’ flussi riċiklati jistgħu joriġinaw minn sorsi multipli (eż. impuritajiet, il-fażi tal-użu, użu ħażin, degradazzjoni, is-separazzjoni skorretta tal-materjali, jew kontaminazzjoni kroċjata matul il-ġbir tal-iskart). Kontaminanti inċidentali bħal dawn jistgħu jaffettwaw il-kwalità u s-sikurezza tal-materjali riċiklati.

(31)

jiġifieri plastiks oħra barra l-PET jew plastiks li ma joriġinawx minn applikazzjonijiet ta’ użu mill-ġdid.

(32)

 Għall-kuntrarju ta’ applikazzjonijiet oħra, bħall-imballaġġ, ir-rekwiżiti estetiċi huma anqas rilevanti u l-ħsara fuq is-saħħa u l-ambjent ġeneralment hija aktar baxxa. Barra minn hekk, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni diġà żviluppa standards ta’ valutazzjoni biex jiġu identifikati sustanzi perikolużi, li jistgħu jiġu inkorporati f’materjali riċiklati.

(33)

  https://appelsaprojets.ademe.fr/aap/ORPLAST2017-68  

(34)

 Ellen MacArthur Foundation, The New Plastics Economy: Catalysing action, Jannar 2017.

(35)

 Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, Top Marine Beach Litter Items in Europe, 2017.

(36)

Id-Direttiva (UE) 2015/720 li temenda d-Direttiva 94/62/KE rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief.

(37)

Id-Direttiva 2008/56/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin.

(38)

Pereżempju, fir-Reġjun tal-Artiku, il-proġett INTERREG tal-”Oċean Ċirkolari” qed jittestja opportunitajiet ġodda għal użu mill-ġdid ta’ xbieki tas-sajd qodma, inkluż materjal biex jitneħħew is-sustanzi niġġiesa mill-ilma ( http://www.circularocean.eu/ ). Fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku, il-proġett BLASTIC jidentifika sorsi potenzjali ta’ rimi ta’ skart fiż-żoni urbani u jimmonitorja l-livelli tar-rimi ta’ skart fl-ambjent akkwatiku ( https://www.blastic.eu/ ). Iż-żewġ proġetti huma appoġġjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

(39)

 Pereżempju, il-kriterji tal-Ekotikketta għat-turiżmu u kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku għall-ikel u l-forniment tal-ikel jillimitaw l-użu ta’ materjali tal-plastik li jintużuw darba biss fil-forniment tal-ikel.

(40)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jwettaq riċerka komportamentali interna f’diversi oqsma ta’ politika, li tgħin biex ikun hemm fehim aħjar kemm rigward il-motivaturi tal-imġiba kif ukoll rigward l-effettività relattiva ta’ soluzzjonijiet alternattivi.

(41)

Il-modalitajiet ta’ imposta potenzjali bħal din tkun trid tiġi deċiża abbażi tal-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni tagħha lejn il-kisba tal-miri tal-istrateġija. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2020, din tista' tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-għażliet potenzjali biex jiġi ġġenerat id-dħul għall-baġit tal-UE.

(42)

Fl-2014, il-ħames Stati Membri li qed imorru l-aħjar fl-iskemi ta’ depożitu għall-fliexken tal-PET (il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja, in-Netherlands u l-Estonja) laħqu medja ta’ rata ta’ ġbir ta’ 94 % għall-PET.

(43)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=COM:2017:262:FIN  

(44)

 COM (2018) 33 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u d-Direttiva 2010/65/UE.

(45)

 Inkluż l-adozzjoni possibbli ta’ dokument ta’ referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli għall-impjanti tal-akkwakultura.

(46)

 Ara pereżempju s-sejħa fl-ambitu tal-Orizzont 2020 biex jiġu żviluppati u jiżdiedu l-proċessi innovattivi għat-tindif ta’ skart u sustanzi niġġiesa fil-baħar: http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/h2020/topics/bg-07-2017.html  

(47)

  https://ec.europa.eu/easme/en/information-day-blue-growth-calls-under-emff  

(48)

F’konformità mal-proċeduri tar-REACH għar-restrizzjoni ta’ sustanzi li jistgħu jkunu ta’ riskju għall-ambjent jew għas-saħħa, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi biex tagħmel rieżami tal-bażi xjentifika biex tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE.

(49)

 Fl-Istati Uniti u fil-Kanada ġew stabbiliti projbizzjonijiet tal-użu ta’ mikroplastiċi fi prodotti speċifiċi għall-kura personali; diversi Stati Membri nnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni dwar abbozzi ta’ liġijiet biex jiġu pprojbiti ċerti mikroplastiċi fil-prodotti kożmetiċi. Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri fuq il-mikroplastiċi, speċjalment minn kożmetiċi u deterġenti.

(50)

Abbażi ta’ dan, l-Aġenzija trid tibda l-proċess ta’ restrizzjoni fi żmien 12-il xahar, jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati.

(51)

Dan il-Ftehim huwa ffirmat minn ħames assoċjazzjonijiet tal-industrija: l-AISE, is-CIRFS, l-EOG, l-EURATEX u l-FESI.

(52)

 Deloitte, Increased EU Plastics Recycling Targets: Environmental, Economic and Social Impact Assessment, 2015.

(53)

Illum, il-bijoplastika tirrappreżenta bejn 0.5 u 1 % tal-konsum annwali tal-UE tal-plastik.

(54)

L-istrateġiji ta’ innovazzjoni nazzjonali u reġjonali, żviluppati permezz ta’ proċess minn isfel għal fuq jinvolvu l-industrija u l-partijiet interessati biex jiġu identifikati oqsma ta’ kompetittività reġjonali. Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll sħubiji interreġjonali għal oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

(55)

  Aġenzija tal-Ambjent u tal-Ġestjoni tal-Enerġija ta' Franza, Analyse de la chaîne de valeur du recyclage des plastiques en France, Marzu 2015.

(56)

Ibid.

(57)

 Il-Kummissjoni għandha qafas tal-għajnuna mill-Istat definit tajjeb biex tappoġġja dawn il-miżuri. Ara 2014/C 200/01, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija 2014-2020.

(58)

  https://cohesiondata.ec.europa.eu  

(59)

Il-konsum tal-plastik per capita laħaq madwar 100 kg kull sena fl-Ewropa tal-Punent u l-Amerika ta’ Fuq; fl-Asja bħalissa huwa ogħla minn 20 kg kull sena, ċifra li hija mistennija li tikber b’mod rapidu.

(60)

Global Waste Management Outlook 2015.

(61)

 Notifika tad-WTO G/TBT/N/CHN/1211 tat-18 ta’ Lulju 2017 u G/TBT/N/CHN/1233 tal-15 ta’ Novembru 2017, li tkopri firxa ta’ tipi ta’ skart, inklużi ċerti tipi ta’ skart tal-plastik.

(62)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (Konvenzjoni MARPOL) tirregola r-rimi ta’ skart minn bastimenti.

(63)

JOIN(2016) 49

(64)

L-UE hija membru tal-OSPAR (l-Atlantiku tal-Grigal) tal-HELCOM (il-Baltiku) u tal-Konvenzjonijiet ta’ Barċellona (il-Mediterran) u tipprovdi appoġġ għall-Konvenzjoni ta’ Bukarest (il-Baħar l-Iswed).

(65)

 Fil-kuntest tal-Istrument ta’ Sħubija.

(66)

 Id-disa’ Reġjuni Ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea jikkonsistu minn sitt territorji Franċiżi ((il-Guyana Franċiża, il-Guadeloupe, il-Martinique, il-Mayotte, Réunion u Saint-Martin), żewġ reġjuni awtonomi Portugiżi (l-Azores u Madejra) u komunità awtonoma Spanjola waħda (il-Gżejjer Kanarji).

(67)

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart.

Top

Brussell,16.1.2018

COM(2018) 28 final

ANNESSI

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Strateġija Ewropea għall-Plastik f'Ekonomija Ċirkolari

{SWD(2018) 16 final}


ANNESS I

Lista ta’ miżuri futuri tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija

Miżuri

Perjodu ta' żmien

Titjib tal-aspetti tal-ekonomija u l-kwalità tar-riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik

Azzjonijiet li jtejbu d-disinn tal-prodotti:

Xogħol ta’ tħejjija għal reviżjoni futura tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ: Il-Kummissjoni tagħti bidu għall-ħidma fuq regoli armonizzati ġodda biex tiżgura li sal-2030 kull imballaġġ ta’ materjali tal-plastik mqiegħed fis-suq tal-UE jista’ jerġa’ jintuża jew jiġi riċiklat b’mod kosteffikaċi.

segwitu għal COM (2018) 32 "Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alterattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart": titjib tat-traċċabbiltà ta’ kimiċi u indirizzar tal-kwistjoni ta’ sustanzi ta’ legat f’materjali riċiklati

miżuri ġodda ta’ ekodisinn: kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti għall-appoġġ tar-riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik

Mill-ewwel trimestru tal-2018 ’il quddiem

Mill-ewwel trimestru tal-2018 ’il quddiem

Fil-proċess

Azzjonijiet li jagħtu spinta lill-kontenut riċiklat:

tnedija ta’ kampanja għall-appoġġ tat-teħid ta’ impenji fl-UE kollha mmirata lejn l-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi

valutazzjoni ta’ inċentivi regolatorji jew ekonomiċi għall-użu ta’ kontenut riċiklat, b’mod partikolari fil-kuntest ta’:

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (ara hawn fuq)

Evalwazzjoni/reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni

Evalwazzjoni/reviżjoni tad-Direttiva dwar Vetturi li ma Għadhomx Jintużaw

fir-rigward ta’ materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel: finalizzazzjoni rapida ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni pendenti għall-proċessi ta’ riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik, karatterizzazzjoni aħjar ta’ kontaminanti u introduzzjoni ta’ sistema ta’ monitoraġġ

żvilupp ta’ standards ta’ kwalità għal skart isseparat ta’ materjali tal-plastik u plastik riċiklat b’kooperazzjoni mal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni

Ekotikketta u Akkwist Pubbliku Ekoloġiku: Inċentiv ulterjuri għall-użu ta’ materjali tal-plastik riċiklat, inkluż bl-iżvilupp ta’ mezzi adegwati ta’ verifika

Mill-ewwel sat-tielet trimestru tal-2018

Mill-ewwel trimestru tal-2018 ’il quddiem

Fil-proċess

2018

Mill-2018 ’il quddiem

Azzjonijiet li jtejbu l-ġbir separat tal-iskart tal-plastik:

introduzzjoni ta’ linji gwida ġodda dwar il-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart

implimentazzjoni aħjar tal-obbligi eżistenti rigward il-ġbir separat, inkluż permezz ta’ reviżjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart

2019

Fil-proċess

Trażżin tal-iskart tal-plastik u r-rimi tal-iskart fl-ambjent

Azzjonijiet sabiex jitnaqqsu l-materjali tal-plastik li jintużaw darba biss:

ħidma analitika, inkluża t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika, biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwar il-materjali tal-plastik li jintużaw darba biss

Fil-proċess

Azzjonijiet biex jiġi indirizzat ir-rimi ta’ skart fil-baħar minn sorsi marittimi:

adozzjoni ta’ proposta leġiżlattiva dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti,

żvilupp ta’ miżuri sabiex jitnaqqas li rkaptu tas-sajd jintilef jew jiġi abbandunat fil-baħar (pereż. inkluż il-miri tar-riċiklaġġ, l-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, il-fondi tar-riċiklaġġ jew l-skemi ta’ depożitu)

żvilupp ta’ miżuri biex jiġi llimitat il-ħruġ tal-plastik mill-akkwakultura (pereż. Dokument ta’ Referenza dwar l-Aqwa Tekniki Disponibbli)

L-ewwel trimestru tal-2018

Mill-2018 ’il quddiem

Azzjonijiet biex ir-rimi ta’ skart fil-baħar jiġi mmonitorjat u jitrażżan b’mod aktar effettiv:

monitoraġġ imtejjeb u identifikazzjoni ta’ skart tal-baħar, inkluż il-mikroplastiċi, abbażi ta’ metodi armonizzati tal-UE

appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi tagħhom ta’ miżuri dwar l-iskart tal-baħar skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, inkluż ir-rabta mal-pjanijiet tagħhom ta’ ġestjoni rigward l-iskart/ir-rimi ta’ skart skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

Mill-2018 ’il quddiem

Azzjonijiet dwar il-materjali tal-plastik kompostabbli u bijodegradabbli:

tingħata bidu l-ħidma biex jiġu żviluppati regoli armonizzati dwar id-definizzjoni u t-tikkettar ta’ materjali tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli

twettiq ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja biex jiġu identifikati l-kundizzjonijiet li fihom l-użu ta’ dan it-tip ta’ plastik huwa ta’ benefiċċju, u l-kriterji relattivi għal tali applikazzjoni

jingħata bidu għal proċess biex l-użu ta’ plastik osso-degradabbli jiġi ristrett permezz tar-REACH

Mill-ewwel trimestru tal-2018 ’il quddiem

Mill-ewwel trimestru tal-2018 ’il quddiem

Fil-proċess

Azzjonijiet biex jitnaqqas it-tniġġis tal-mikroplastiċi:

jingħata bidu għall-proċess biex tiġi ristretta ż-żieda intenzjonali tal-mikroplastiċi għall-prodotti permezz tar-REACH

analiżi tal-għażliet ta’ politika għat-tnaqqis ta’ rilaxx mhux intenzjonat ta’ mikroplastiċi minn tajers, tessuti u żebgħa (pereż. billi jiġu inklużi rekwiżiti minimi għad-disinn ta’ tajers (jekk ikun il-każ, brix tat-tajers u durabbiltà) u/jew rekwiżit ta’ informazzjoni (inkluż tikkettar, jekk ikun il-każ), metodi biex jiġi vvalutat il-ħruġ ta’ mikroplastik minn tessuti u tajers, flimkien ma’ informazzjoni (inkluż possibilment tikkettar)/rekwiżit minimu, finanzjament immirat għar-riċerka u għall-iżvilupp)

żvilupp ta’ miżuri biex jitnaqqas it-tixrid tal-gerbub tal-plastik (pereż. skema ta’ ċertifikazzjoni fil-katina tal-provvista tal-plastik u/jew dokument ta’ referenza dwar l-Aqwa Tekniki Disponibbli skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali)

evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi: valutazzjoni tal-effettività rigward il-ġbir u l-eliminazzjoni ta’ mikroplastiċi

Fil-proċess

Fil-proċess

Mill-ewwel trimestru tal-2018 ’il quddiem

Fil-proċess

Indirizzar tal-investiment u l-innovazzjoni lejn soluzzjonijiet ċirkolari

Azzjonijiet li jippromwovu l-investiment u l-innovazzjoni fil-katina tal-valur:

Gwida tal-Kummissjoni dwar l-eko-modulazzjoni tat-tariffi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur

Rakkomandazzjonijiet mill-“Pjattaforma ta’ Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari” imnedija riċentement

analiżi tal-fattibbiltà ta’ fond ta’ investiment mis-settur privat biex jiġu ffinanzjati l-investimenti f’soluzzjonijiet innovattivi u teknoloġiji ġodda mmirati biex jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-produzzjoni primarja tal-plastik

appoġġ finanzjarju dirett għal infrastruttura u innovazzjoni permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE (eż. il-fondi strutturali u l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, l-Orizzont 2020)

issoktar tal-ħidma dwar l-impatti fuq iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ materja prima alternattiva għall-produzzjoni ta’ materjali tal-plastik

żvilupp ta’ Aġenda ta’ Riċerka Strateġika dwar il-materjali tal-plastik bħala gwida għal deċiżjonijiet futuri ta’ finanzjament

2019

F’nofs l-2018

Sa nofs l-2019

Fil-proċess

Mill-2018 ’il quddiem

It-tieni trimestru tal-2018

Sfruttar tal-azzjoni globali

Azzjonijiet li jiffokaw fuq reġjuni ewlenin:

proġett biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik u r-rimi ta’ skart fil-baħar fil-Lvant u fix-Xlokk tal-Asja biex jiġi appoġġjat konsum u produzzjoni sostenibbli, il-promozzjoni tal-ġerarkija tal-iskart u r-responsabbiltà estiża tal-produttur, u jitjieb il-ġbir tal-irkaptu tas-sajd

analiżi tal-għażliet għal azzjoni speċifika biex jitnaqqas it-tniġġis tal-plastik fil-Mediterran, b’appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona

kooperazzjoni rigward il-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik fil-baċiri tax-xmajjar ewlenin tad-dinja

Mill-2018 ’il quddiem

Azzjonijiet għall-appoġġ ta’ inizjattivi multilaterali rigward il-plastik:

involviment imġedded rigward il-plastik u l-iskart tal-baħar f’fora bħan-NU, il-G7, il-G20, il-konvenzjoni ta’ MARPOL u konvenzjonijiet reġjonali dwar il-baħar, inkluż l-iżvilupp ta’ għodod prattiċi u azzjoni speċifika fuq is-sajd u l-akkwakultura.

appoġġ għal azzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Basel, partikolarment għall-implimentazzjoni tal-għodod għall-ġestjoni tal-iskart li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent

Mill-2018 ’il quddiem

Azzjonijiet relatati ma’ kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi mhux tal-UE:

promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari ta’ materjali tal-plastik f’pajjiżi li mhumiex membri tal-UE permezz ta’ djalogi ta’ politika dwar il-kummerċ, l-industrija u l-ambjent, kif ukoll diplomazija ekonomika

użu ta’ finanzjament bilaterali, reġjonali u tematiku fil-politiki ta’ żvilupp, il-viċinat u t-tkabbir biex tiġi appoġġjata l-istrateġija ta’ materjali tal-plastik permezz tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart b’mod xieraq u appoġġ għall-ekonomija ċirkolari; permezz ta’ programmi u strumenti inkluż “Switch to Green” u l-Pjan ta’ Investiment Estern

Mill-2018 ’il quddiem

Azzjonijiet marbutin mal-kummerċ internazzjonali:

appoġġ għall-iżvilupp ta’ standards industrijali internazzjonali rigward l-iskart tal-plastik isseparat u l-materjali tal-plastik riċiklati

żgurar li l-iskart tal-plastik esportat jiġi ttrattat b’mod xieraq skont ir-Regolament tal-UE dwar Vjeġġi ta’ Skart 

appoġġ għall-iżvilupp ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni għal impjanti tar-riċiklaġġ fl-UE u f’pajjiżi terzi

Mill-2018 ’il quddiem

 

ANNESS II

Lista ta’ miżuri rakkomandati lill-awtoritajiet nazzjonali u l-industriji

Miżuri ewlenin biex tittejjeb l-effikaċja u l-kwalità tar-riċiklaġġ tal-plastik

L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali huma mħeġġa biex:

Øjagħtu preferenza lill-materjali tal-plastik li jistgħu jerġgħu jintużaw kif ukoll riċiklati fl-akkwist pubbliku;

Øjagħmlu użu aħjar mit-tassazzjoni u strumenti ekonomiċi oħrajn biex:

jagħtu inċentiv għall-użu ta’ materjali tal-plastik riċiklati u jiġi ppreferut l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ milli r-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni

iżidu l-ġbir separat tal-iskart ta’ materjali tal-plastik u jtejbu il-mod kif dan isir

Øjimplimentaw l-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u/jew sistemi ta’ depożitu, b’konsultazzjoni mas-setturi rilevanti

Øjagħmlu impenji volontarji biex jappoġġjaw l-objettivi tal-istrateġija, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ materjali ta’ plastik riċiklati

L-industrija hija mħeġġa biex:

Øtieħu passi konkreti biex ittejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-katina tal-valur kollha, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspetti materjali u d-disinn tal-prodott

Øtieħu impenji volontarji b’appoġġ għall-objettivi tal-istrateġija, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ plastik riċiklat

Miżuri ewlenin biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik u r-rimi ta’ skart

L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali huma mħeġġa biex:

Øiqajmu kuxjenza dwar ir-rimi tal-iskart u jikkunsidraw multi, fejn dawn ma jeżistux diġà; jippromwovu attivitajiet ta’ tindif tal-bajjiet

Øiżidu l-ġbir tal-iskart, b’mod partikolari qrib il-kosta, u jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-iskart, l-ilma u l-ambjent tal-baħar

Øiżidu l-isforzi biex jinqerdu l-miżbliet illegali u mhux konformi

Øjiżviluppaw sorveljanza nazzjonali ta’ skart tal-baħar abbażi ta’ metodi armonizzati tal-UE

Øjimpenjaw ruħhom f’konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali, b’mod partikolari biex jiġu żviluppati pjanijiet reġjonali kontra l-iskart tal-baħar

Øjikkunsidraw li jintroduċu r-responsibbiltà estiża tal-produttur, b’mod partikolari biex jipprovdu inċentivi għall-ġbir ta’ rkaptu tas-sajd mormi u r-riċiklaġġ ta’ materjali agrikoli tal-plastik

Øjikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ rimborż tad-depożitu, b’mod partikolari għal kontenituri tax-xorb

L-industrija hija mħeġġa biex:

Øtippromwovi alternattivi eżistenti għal oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss (pereż. fil-forniment tal-ikel u l-istabbilimenti ta’ take-away), minħabba li dawn huma aktar ta’ benefiċċju għall-ambjent

Øtissokta u timplimenta ftehimiet transindustrijali biex jitnaqqas ir-rimi ta’ mikroplastiċi fl-ambjent

Øtimplimenta miżuri biex jiġi evitat it-tixrid ta’ gerbub tal-plastik

Il-miżuri ewlenin li jixprunaw l-investimenti u l-innovazzjoni lejn soluzzjonijiet ċirkolari

L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali huma mħeġġa biex:

Øjagħmlu użu aħjar mill-istrumenti ekonomiċi, speċjalment biex iżidu l-ispiża tar-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni u jippromwovu l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik

Øjagħmlu aktar użu mill-akkwist pubbliku u l-finanzjament biex jiġu appoġġjati l-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik u r-riċiklaġġ ta’ materjali tal-plastik

L-industrija hija mħeġġa biex:

Øiżżid l-investiment fl-infrastruttura kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp f’oqsma ta’ rilevanza diretta biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija

Øtikkontribwixxi biex jiġi stabbilit fond privat ta’ investiment li jikkumpensa l-esternalitajiet ambjentali tal-produzzjoni tal-plastik

Miżuri ewlenin għall-isfruttar tal-azzjoni globali

L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, inkluż f’pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, huma mħeġġa biex:

Øjinvolvu ruħhom f’fora internazzjonali biex jiżviluppaw rispons globali għaż-żieda tar-rimi ta’ skart fil-baħar

Øjieħdu azzjoni domestika biex inaqqsu r-rimi ta’ materjali tal-plastik fl-ambjent, jipprevjenu l-iskart tal-plastik u jżidu r-riċiklaġġ

L-industrija hija mħeġġa biex:

Øtieħu sehem attiv fl-appoġġ ta’ ekonomija ċirkolari, integrata u transkonfinali, ta’ materjali tal-plastik, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ protokoll globali għal materjali tal-plastik

ANNESS III

Kampanja biex jiġi promoss it-teħid ta’ impenji

1.Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-partijiet ikkonċernati biex iressqu impenji volontarji sabiex tingħata spinta lill-użu ta’ materjali tal-plastik riċiklati. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li sal-2025 għaxar miljun tunnellata ta’ materjali tal-plastik riċiklat jieħdu l-forma ta’ prodotti ġodda fis-suq tal-UE.

2.Kumpaniji interessati u/jew assoċjazzjonijiet tal-industrija għandhom sat-30 ta’ Ġunju 2018, biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fl-indirizz elettroniku li ġej: GROW-ENV-RPLASTICS-PLEDGE@ec.europa.eu

3.Meta jibagħtu l-impenji tagħhom, il-partijiet ikkonċernati jintalbu biex jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea, id-dejta li turi kif l-impenn tagħhom jikkontribbwixxi biex jintlaħaq l-objettiv kwantitattiv stabbilit fil-paragrafu 1. Tali dejta se tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali u se tiġi użata b’mod esklussiv għal finijiet ta’ monitoraġġ tal-progress globali lejn l-objettiv kwantitattiv. L-impenji se jkunu taħt il-kontroll tal-kwalità, u jiġu vvalutati skont l-affidabbiltà u l-abbiltà tagħhom biex jilħqu l-iskadenzi ddikjarati.

4.Meta jibagħtu l-impenji tagħhom dwar il-kontenut riċiklat, il-partijiet ikkonċernati huma mħeġġa biex jagħmlu impenji li jkopru aspetti oħra li huma rilevanti għall-istrateġija, bħad-disinn għar-riċiklabbiltà.

5.L-impenji li jaslu se jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ sit elettroniku apposta.

6.Sal-31 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni se tippreżenta valutazzjoni tal-impenji li jkunu waslu u l-kontribut globali tagħhom għall-objettiv kwantitattiv stabbilit fil-paragrafu 1. Fil-każ li l-kontribut ikun insuffiċjenti, il-Kummissjoni tibda l-ħidma fuq il-passi possibbli li jkun imiss, inkluż azzjoni regolatorja.

Top