IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.12.2017
COM(2017) 728 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY
Rappurtar dwar is-segwitu tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti oħra
I. Introduzzjoni
It-traffikar tal-bnedmin għadu forma ta’ kriminalità serja u organizzata profitabbli ħafna, ipprojbita b’mod espliċitu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Wara kull vittma hemm esperjenzi u tbatija devastanti li jridu jiġu rikonoxxuti u indirizzati b’mod xieraq, u aktar importanti minn hekk, evitati. Minħabba l-ħsara kkawżata lill-vittmi, jenħtieġ li l-prevenzjoni tkun wieħed mill-pedamenti tal-azzjoni tal-UE kontra t-traffikar. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin li jenħtieġ li jkunu intensifikati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, inkluż il-kooperazzjoni ma’ aġenziji tal-UE, mas-soċjetà ċivili, ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u mal-organizzazzjonijiet u l-korpi rilevanti l-oħrajn kollha.
Huwa ċar li hemm ferm aktar vittmi minn dawk koperti miċ-ċifri uffiċjali. Ir-reat għandu dimensjoni tal-ġeneru ovvja. It-traffikar għal sfruttament sesswali, li jinvolvi l-aktar lin-nisa u l-bniet bħala vittmi, huwa rrappurtat konsistentement bħala l-forma prevalenti.
Xprunat minn qligħ konsiderevoli u interazzjoni ferm kumplessa tal-provvista u tad-domanda, it-traffikar jinvolvi katina kumplessa ta’ atturi li huma involuti konxjament jew le. Il-ħoloq f’din il-katina jridu jitkissru sabiex ir-reat jiġi eradikat. L-awturi u dawk li jabbużaw jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tan-nies, aggravati minn fatturi bħalma huma l-faqar, id-diskriminazzjoni, l-inugwaljanza bejn is-sessi, il-vjolenza tal-irġiel fuq in-nisa, in-nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni, il-kunflitti, il-gwerer, it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u d-diżastri naturali, għal skopijiet ta’ sfruttament sesswali jew għax-xogħol, biex jittallbu, għal attivitajiet kriminali u aktar.
Billi l-modus operandi tat-traffikanti qed jevolvi l-ħin kollu, l-UE teħtieġ li tindirizza r-rabtiet bejn it-traffikar tal-bnedmin u reati oħrajn, inkluż il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni, it-terroriżmu, il-korruzzjoni, it-traffikar tad-drogi, iċ-ċiberkriminalità u l-isfruttament sesswali onlajn, il-produzzjoni ta’ materjal li jinvolvi l-abbuż sesswali tat-tfal, il-kriminalità finanzjarja, il-frodi tad-dokumenti, il-frodi tal-karti tal-kreditu, u l-frodi tal-benefiċċji.
Kif inhu ssottolinjat fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u strumenti ta’ politika tal-UE oħra, l-UE tibqa’ impenjata li tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u tħares id-drittijiet tal-vittmi, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-vulnerabbiltajiet tan-nisa u t-tfal traffikati. Barra minn hekk, it-traffikar tal-bnedmin huwa qasam ta’ prijorità fost it-theddid ta’ kriminalità fiċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE dwar il-Kriminalità Internazzjonali Organizzata u Serja 2018-2021. Barra minn hekk, l-impenn politiku biex tissaħħaħ l-azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, fl-UE u madwar id-dinja, huwa appoġġat mill-Istrateġija Globali dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (Global Strategy on the European Union’s Foreign and Security Policy, EUGS) u mill-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni rilevanti tal-UE u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Jeżisti wkoll appoġġ qawwi mis-soċjetà ċivili.
F’dawn l-aħħar ftit snin, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet qafas legali u ta’ politika komprensiv u konsistenti għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Dan ikopri l-oqsma politiċi kollha tal-UE relatati mat-traffikar tal-bnedmin inkluż il-finanzjament u r-riċerka. Id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (“id-Direttiva”) tistabbilixxi l-qafas legali. Il-Kummissjoni qed tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri u tirrapporta dwar il-progress.
L-istrateġija tal-UE dwar l-Eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin (“l-Istrateġija”) kienet l-istrument ewlieni għall-iżvilupp, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam. L-azzjonijiet li l-Istrateġija telenka taħt ħames prijoritajiet ewlenin rigward il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi, is-sħubiji, u t-titjib tal-għarfien ġew implimentati.
Globalment, madankollu, il-kuntest soċjopolitiku nbidel b’mod sinifikanti minn mindu ġew adottati l-Istrateġija u d-Direttiva. L-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi finanzjarja globali, il-kriżi tal-migrazzjoni u t-theddid għas-sigurtà minn gruppi ta’ kriminalità organizzata jkomplu jiggravaw il-vulnerabilitajiet, u għalhekk jeħtieġu miżuri aktar b’saħħithom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Dawn il-miżuri jridu jkomplu jsegwu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, speċifiku għall-ġeneru u sensittiv għat-tfal, u l-bżonnijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom jenħtieġ li jkunu kkoordinati fl-UE u esternament, kif ukoll fl-oqsma differenti ta’ politika.
Waqt li tibni fuq l-Istrateġija u l-isforzi li għaddejjin biex id-Direttiva tiġi implimentata b’mod sħiħ, din il-Komunikazzjoni tipproponi sett ta’ prijoritajiet immirati biex iżidu l-isforzi tal-UE għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin. Hija tiffoka fuq it-tfixkil tal-mudell kummerċjali li t-traffikar tal-bnedmin jiddependi fuqu, it-titjib tal-aċċess tal-vittmi għad-drittijiet, u l-iżgurar li miżuri interni u esterni tal-UE jipprovdu rispons koordinat u konsistenti.
II. Prijoritajiet imsaħħa għall-intensifikar tal-azzjoni tal-UE għall-prevenzjoni tat-traffikar tan-nies
Fuq il-bażi tal-implimentazzjoni li għaddejja tal-Istrateġija, ir-riżultati taż-żewġ rapporti skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva u ħidma ta’ koordinazzjoni u skambji estensivi ma’ firxa ta’ partijiet ikkonċernati, u sabiex tissaħħaħ l-azzjoni tal-UE, ġew identifikati tliet prijoritajiet fil-mira:
·L-intensifikar tal-ġlieda kontra n-netwerks tal-kriminalità organizzata inkluż permezz tat-tfixkil tal-mudell kummerċjali u tal-katina tat-traffikar;
·Li jiġi pprovdut aċċess aħjar għad-drittijiet għall-vittmi tat-traffikar, u biex dawn id-drittijiet jiġu rrealizzati;
·Li jiġi intensifikat rispons koordinat u konsolidat, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.
A. Tfixkil tal-mudell tan-negozju u tal-katina tat-traffikar
Il-profitti minn swieq leċiti u illeċiti u d-domanda għall-oġġetti u s-servizzi pprovduti minn vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għadhom għoljin kull fejn hija prevalenti kultura ta’ impunità kemm għall-awturi kif ukoll għall-utenti. L-analiżi fir-“Rapport tal-Utenti” tal-Kummissjoni, li tivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti eżistenti, tiżvela pajsaġġ legali varjat fl-UE. Il-liġi nazzjonali tonqos milli tikkontribwixxi b’mod effettiv biex tiskoraġġixxi d-domanda għal servizzi li huma l-oġġetti tal-isfruttament tat-traffikar tal-bnedmin.
Azzjoni ewlenija
Mill-2018, il-Kummissjoni se:
ütkompli tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri tal-UE, sa fejn huma mhux diġà wettqu dan, biex jikkriminalizzaw lil dawk li konxjament jużaw servizzi li ġejjin minn vittmi tat-traffikar.
L-insegwiment tal-flus tul il-katina tat-traffikar huwa kruċjali biex it-traffikar tal-bnedmin jinbidel f’reat “b’riskju għoli u b’redditu baxx”. Dan jista’ jsir billi jiġu intensifikati l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet u jiġu ffaċilitati investigazzjonijiet finanzjarji proattivi u ggwidati mill-intelliġenza, l-irkupru tal-assi, l-iffriżar u l-konfiska tal-profitti. Se tiġi promossa kooperazzjoni iktar mill-qrib għal dan il-għan. Din se tinkludi l-bini tal-kapaċità bejn l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż f’pajjiżi li mhumiex fl-UE, u se titwettaq permezz ta’ netwerks xierqa bħalma huma t-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja, u bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE.
Li tiġi skoraġġita d-domanda għal kull forma ta’ sfruttament, inkluż permezz tal-ġestjoni responsabbli tal-katini tal-valur globali, huwa kruċjali f’dan ir-rigward. Kif rifless fl-Istrateġija Kummerċjali tal-UE u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Katini tal-Valur Mondjali Responsabbli tal-12 ta’ Mejju 2016, l-UE ħadet azzjoni f’diversi oqsma ta’ politika, kemm fid-dimensjoni interna kif ukoll f’dik esterna, sabiex tiżgura l-katini tal-provvista u tal-valur mingħajr t-traffikar tal-bnedmin, inkluż fis-settur tal-ħwejjeġ. L-għan ta’ din l-azzjoni jinkludi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju u l-akkwist pubbliku
, l-istrumenti tal-kummerċ u miżuri speċifiċi għas-settur. Huwa jinkludi wkoll miżuri li jħeġġu lill-kumpaniji biex jiżguraw, billi jadottaw u japplikaw il-kodiċijiet ta’ kondotta u l-mekkaniżmi ta’ rappurtar / trasparenza, li l-katini tal-provvista u tal-valur tagħhom ma jkunu jinvolvu l-ebda traffikar.
Azzjonijiet ewlenin
Mill-2018, il-Kummissjoni se:
ütinkoraġġixxi u tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-UE fl-inizjattivi konkreti tagħhom biex ifixklu l-mudell kummerċjali finanzjarju billi jiżviluppaw attivitajiet u metodoloġiji operazzjonali, is-segwiment ta’ prattika tajba, is-sensibilizzazzjoni, il-bini ta’ kapaċità u l-għoti ta’ taħriġ kif rilevanti;
ütħeġġeġ u tgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet iktar effikaċi permezz tal-bini ta’ kapaċità, l-iżvilupp ta’ għodod, l-iskambju ta’ informazzjoni, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, inkluż il-promozzjoni u t-twaqqif ta’ Skwadri Investigattivi Konġunti kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi barra mill-UE. Dan jista’ jsir bl-appoġġ tal-aġenziji rilevanti tal-UE, in-Netwerk għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew u n-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità kif ukoll internazzjonalment, inkluż permezz tal-programmi tal-iżvilupp tal-UE u l-azzjonijiet skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni;
ütippromwovi prattiki tan-negozju u kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli fil-pajjiżi tal-produzzjoni. Dan jista’ jsir billi ssir enfasi fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u appoġġ finanzjarju biex jiġu żgurati katini tal-provvista u tal-valur ħielsa mit-traffikar f’konformità mal-istandards internazzjonali vinkolanti tax-xogħol, soċjali u ambjentali kif ukoll il-politiki u l-inizjattivi tal-UE;
ütippromwovi sessjonijiet tal-aħjar prattika u tat-taħriġ mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, man-negozji u mas-soċjetà ċivili, speċjalment dwar l-applikazzjoni tal-linji gwida dwar il-metodoloġija għar-rappurtar tal-informazzjoni mhux finanzjarja li tinkludi t-traffikar tal-bnedmin.
B. Provvista ta' aċċess aħjar lill-vittmi għad-drittijiet u t-twettiq tad-drittijiet tagħhom;
L-UE għandha qafas leġiżlattiv u operattiv biex tgħin, tappoġġa u tipproteġi l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-Kummissjoni ppubblikat “Id-drittijiet tal-UE għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin” fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Dan id-dokument jagħti ħarsa ġenerali komprensiva u prattika lejn id-drittijiet tal-vittmi, ibbażata fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
L-identifikazzjoni tal-vittmi b’mod effiċjenti u fi stadju bikri huwa l-ewwel pass sabiex jiġi żgurat li huma jiġu meqjusin bħala “detenturi tad-drittijiet”, ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom u jkunu jistgħu jeżerċitawhom b’mod effettiv, li jinkludi li jirċievu assistenza u protezzjoni xierqa. Kif ġie konkluż fir-“Rapport tat-Traspożizzjoni”, l-awtoritajiet nazzjonali għamlu sforzi sostanzjali biex idaħħlu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali, iżda għad hemm lok sinifikanti għal titjib, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ. Aċċess inadegwat għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u mekkaniżmi ta’ riferiment nazzjonali u transnazzjonali ineffettivi, flimkien ma’ nuqqas li jiġu identifikati dawk kollha li huma vittmi tat-traffikar (inklużi dawk fi flussi migratorji mħallta) jkomplu jfixklu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin milli jkunu jistgħu effettivament jibbenefikaw mid-drittijiet li huma intitolati għalihom.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-prattikanti u lill-awtoritajiet fl-Istati Membri tal-UE. Il-bini tal-kapaċitajiet u t-tixrid tal-aħjar prattika għall-identifikazzjoni tal-vittmi, u l-enfasi fuq li jiġi garantit l-aċċess u li jingħataw assistenza u rimedji effettivi xierqa speċifiċi għall-ġeneru u għat-tfal, huma aspetti kruċjali tal-isforzi kollha fil-livell tal-UE. Dawn l-isforzi jinkludu l-iżvilupp ta’ għarfien espert fl-aġenziji tal-UE u li jsir użu minnu, u l-promozzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ dwar l-identifikazzjoni tal-vittmi għall-gwardji tal-fruntieri, għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, għall-uffiċjali tal-asil u l-immigrazzjoni, għall-ħaddiema taċ-ċentri tal-akkoljenza, għall-persunal konsulari u tal-UE, għat-tuturi għat-tfal mhux akkumpanjati, kif ukoll għall-awtoritajiet b’kompetenzi f’dan il-qasam li x’aktarx jiġu f’kuntatt ma’ vittmi ta’ traffikar. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se tappoġġa miżuri mfassla biex itejbu l-identifikazzjoni u r-riferiment nazzjonali u transnazzjonali tal-vittmi. Hija se tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-oriġini, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, biex jiġi żgurat li l-vittmi jiġu identifikati minn kmieni.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jipprovdu protezzjoni komprensiva u aċċessibbli u jgħinu l-integrazzjoni tal-vittmi tat-traffikar, waqt li jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull ġeneru. Se tissorvelja u tagħti pariri wkoll dwar l-implimentazzjoni ta’ servizzi li jkunu sensittivi għat-tfal fil-livell nazzjonali - inkluż il-kura, is-saħħa u l-edukazzjoni għall-vittmi tat-traffikar - b’kunsiderazzjoni għall-ġeneru, l-età u l-ħtiġijiet partikolari tat-tifel jew tifla individwali. Fl-aħħar nett, se tippromwovi l-implimentazzjoni tal-“10 Prinċipji tal-UE għall-Ġestjoni Integrata tas-Sistemi għall-Protezzjoni tat-Tfal” (‘10 EU Principles for Integrated Child Protection Systems’).
Azzjonijiet ewlenin
Minn tmiem l-2017, il-Kummissjoni se:
ütippubblika, f’kooperazzjoni mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, gwida għall-Istati Membri dwar miżuri speċifiċi għall-ġeneru biex jiġu megħjuna u appoġġati l-vittmi;
ütiżviluppa, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali, gwida prattika biex tittejjeb il-koperazzjoni bejn l-aġenziji u tranżnazzjonali li għandha l-għan li timpedixxi t-traffikar ta’ tfal tal-UE, tiżgura l-protezzjoni ta’ vittmi tfal, issib soluzzjonijiet dejjiema u li jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE u internazzjonali;
ütirrieżamina l-funzjonament tal-Mekkaniżmi ta’ riferiment nazzjonali u tranżnazzjonali tal-Istati Membri;
ütiffoka fuq il-bini ta’ kapaċitajiet sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni permezz ta’ għodod tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni tal-UE għas-sejbien, l-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u dejta dwar il-vittmi tat-traffikar u t-traffikanti;
ütagħti parir lill-awtoritajiet nazzjonali tal-UE dwar kunċetti ewlenin relatati mat-traffikar tal-bnedmin, li jgħinu biex jitjiebu l-ħidma operattiva, l-iżvilupp tal-politika, il-komparabilità tad-dejta u r-rappurtar.
C. Intensifikar ta' rispons koordinat u konsolidat, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha
L-UE se tieħu passi ulterjuri biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-aspetti interni u esterni tal-politika tal-UE kontra t-traffikar. It-traffikar tal-bnedmin huwa spiss marbut ma’ tipi oħra ta’ reati, inklużi reati tranżnazzjonali. Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-aġenziji tal-UE biex jindirizzaw it-traffikar bħala forma ta’ reat organizzat li ma jiqafx fuq il-fruntieri nazzjonali jew tal-UE, u tikkoopera ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE.
Il-koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar jikkontribwixxi għal rispons ikkoordinat u kkonsolidat tal-Unjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin. F’dan il-kuntest, il-koordinatur, jippromwovi kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-livell tal-UE fost l-organizzazzjonijiet, l-entitajiet u l-individwi li jipparteċipaw f’netwerks, b’mod partikolari fin-Netwerk tal-UE tar-Relaturi Nazzjonali u Mekkaniżmi Ekwivalenti dwar it-traffikar tal-bnedmin; il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin; u l-punti ta’ kuntatt fl-aġenziji tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar it-Traffikar tal-Bnedmin. Aġenziji oħra impenjati li jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin u pjattaformi u netwerks rilevanti oħra fil-livell tal-UE huma inklużi wkoll.
F’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li angolu ta’ kontra t-traffikar jiġi inkluż b’mod sistematiku fl-aspetti kollha tar-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u f’kull qasam ta’ politika rilevanti, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u l-kriminalità organizzata, u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Se tiżgura wkoll li l-impenji dwar it-traffikar tal-bnedmin stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ New York jiġu implimentati u jgħinu biex jingħata l-forma tiegħu l-Patt Globali dwar il-Migrazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni politika u operazzjonali. Dan se jsir billi tiġi promossa kooperazzjoni bilaterali u reġjonali msaħħa mas-sħab rilevanti u organizzazzjonijiet oħra inkluż permezz ta’ finanzjament immirat skont l-istrumenti rilevanti.
L-atturi rilevanti fl-UE u f’pajjiżi terzi se jiġu mħeġġa biex jindirizzaw kwistjonijiet li jinkludu l-protezzjoni tal-vittmi u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà, fl-inizjattivi tagħhom fuq il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u postijiet ta’ kenn, u biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ nisa, tfal u gruppi oħra vulnerabbli, inklużi r-Roma. Il-Kummissjoni se tappoġġahom f’dawn l-isforzi.
Se jingħata wkoll appoġġ lil pajjiżi mhux tal-UE li jikkooperaw mal-UE biex jimplimentaw ir-riformi fis-settur tas-sigurtà u jistabbilixxu l-istat tad-dritt fit-territorju tagħhom, bil-għan tal-prevenzjoni u l-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin u l-bini ta’ infurzar tal-liġi u prosekuzzjoni b’saħħithom.
Barra minn hekk, l-UE se żżid l-azzjoni esterna tagħha mmirata lejn organizzazzjonijiet kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin. Dan jinkludi azzjoni meħuda skont il-mandati tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, li jinvolvu wkoll pajjiżi prijoritarji, inkluż għal attivitajiet ta’ kontra t-terroriżmu fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Balkani tal-Punent.
Azzjonijiet ewlenin
Minn tmiem l-2017, il-Kummissjoni sejra:
üflimkien mal-Istati Membri u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tirrieżamina u tidentifika l-pajjiżi u r-reġjuni ta’ prijorità għal azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tiżgura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà mal-prijoritajiet u l-ipprogrammar identifikati fl-oqsma kollha ta’ interazzjoni internazzjonali, u b’mod partikolari l-migrazzjoni, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem;
ütaħdem lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030, b’attenzjoni partikolari fuq il-miri 5.2, 8.7 u 16.2 li jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin, f’konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp;
ütippromwovi impenn imġedded mill-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE biex jaħdmu flimkien kontra t-traffikar bl-involviment ta’ aġenziji rilevanti oħra;
ütiżgura li jiġu implimentati l-komponenti kollha tal-Inizjattiva Spotlight tal-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Uniti biex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet li huma marbuta mat-traffikar tal-bnedmin;
ütiżgura li l-miżuri relatati mat-traffikar tal-bnedmin inklużi fid-dokument ta’ Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar “L-attivitajiet tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fir-relazzjonijiet esterni tal-UE” jiġu implimentati;
ütiżgura li l-impenji li saru skont is-Sejħa għal Azzjoni dwar il-Protezzjoni mill-Vjolenza Abbażi ta’ Sess f’Emerġenzi jiġu ssodisfati, inkluż l-assenjar tal-għajnuna umanitarja b’mod speċifiku biex tappoġġa l-prevenzjoni tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u r-rispons għaliha.
III. Prijoritajiet trażversali għall-intensifikar tal-azzjoni tal-UE għall-prevenzjoni tat-traffikar tan-nies
Minbarra t-tliet prijoritajiet speċifiċi, żewġ prijoritajiet trażversali ġew identifikati biex ikomplu jwessgħu l-bażi tal-għarfien u jtejbu l-fehim ta’ dan il-fenomenu kumpless, u jipprovdu finanzjament xieraq b’appoġġ għal inizjattivi u proġetti kontra t-traffikar.
Il-fehim tan-natura, l-iskala u l-ispejjeż ta’ dan ir-reat huwa essenzjali biex tiġi żgurata azzjoni xierqa fil-livell tal-UE biex jiġi evitat dan il-fenomenu. Riċerka, statistika affidabbli u komprensivi huma kruċjali fl-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ xejriet, fl-iżvilupp ta’ politika bbażata fuq l-evidenza, u fil-kejl tal-impatt ta’ inizjattivi individwali. Bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, inġabret fil-livell tal-UE dejta bażika tajba dwar it-traffikar tal-bnedmin, iżda din teħtieġ li tiġi żviluppata aktar. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa metodoloġiji tal-ġbir tad-dejta biex tipproduċi statistika kumparabbli dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-UE. Se tagħmel ukoll ħidma ta’ segwitu għall-istħarriġ madwar l-UE kollha dwar id-disponibilità ta’ dejta dwar it-traffikar tal-bnedmin f’pajjiżi tal-UE li sar fl-2017. It-tnedija ta’ kampanja kontra t-traffikar madwar l-UE kollha se tgħin biex titqajjem kuxjenza u jittejjeb l-għarfien tan-natura, tal-implikazzjonijiet u tal-kumplessità ta’ dan ir-reat.
L-UE se tkompli tappoġġa wkoll azzjonijiet kontra t-traffikar permezz ta’ flussi multipli ta’ finanzjament, kemm fl-UE kif ukoll f’postijiet oħra. Fl-appoġġ ta’ finanzjament tagħha, il-Kummissjoni se tagħti prijorità lil azzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi vittmi tat-traffikar għal sfruttament sesswali, fil-kuntest tal-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, u ż-żamma tat-tfal fl-iskola.
Azzjonijiet trażversali għal bażi ta’ għarfien soda
Mill-2018, il-Kummissjoni se:
ütippubblika studju dwar il-kost ekonomiku, soċjali u uman tat-traffikar;
ütippubblika studju dwar l-impatt tal-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar għal sfruttament sesswali, u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika fost il-pajjiżi tal-UE;
ütippubblika, fir-Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni li jmiss, l-aħħar statistika dwar il-ġustizzja kriminali fuq s-sitwazzjoni tal-UE rigward it-traffikar tal-bnedmin, bl-appoġġ tal-Eurostat, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u n-Netwerk tal-UE ta’ Relaturi Nazzjonali u Mekkaniżmi Ekwivalenti;
ütniedi kampanja ta’ sensibilizzazzjoni mal-UE kollha dwar it-traffikar tal-bnedmin, immirata lejn l-utenti, il-konsumaturi, u l-gruppi vulnerabbli u s-setturi b’riskju għoli.
Azzjonijiet trażversali li jappoġġaw il-prijoritajiet kontra t-traffikar f’pajjiżi tal-UE u f’pajjiżi li mhumiex tal-UE
üTappoġġa l-objettivi u l-prijoritajiet kontra t-traffikar, inklużi proġetti li jieħdu kont b’mod partikolari tad-dimensjoni tal-ġeneru ta’ dan il-fenomenu, gruppi b’riskju għoli kif ukoll fis-setturi b’riskju għoli permezz ta’ diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE, bħalma huma l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (FAMI), il-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI), il-Pulizija u l-Fruntieri, Orizzont 2020, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Programm tal-Ġustizzja u l-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), il-Faċilità tas-Sħubija tal-Mobilità, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-UE li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u l-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika.
IV. Konklużjoni
Sar progress sostanzjali fil-konsolidazzjoni tal-ħidma tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin. Madankollu, peress li dan il-fenomenu kompla jevolvi, l-azzjoni tal-UE biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, teħtieġ li tiġi intensifikata. Din il-Komunikazzjoni għalhekk tidentifika sett ta’ prijoritajiet trażversali għal reazzjoni iktar b’saħħitha, li għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha b’mod aktar koordinat u konsolidat sa minn tmiem l-2017. L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw l-għodod ambizzjużi kollha disponibbli għalihom biex jimplimentaw il-miżuri miftiehma fil-livell tal-UE mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress dwar l-azzjoni stipulata f’din il-Komunikazzjoni u tirrapporta dwar il-progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa tmiem l-2018.