Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0707

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum

    COM/2017/0707 final

    Brussell, 29.11.2017

    COM(2017) 707 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum

    {SWD(2017) 430 final}


    I.INTRODUZZJONI

    Sistemi tal-proprjetà intellettwali (PI) effiċjenti, imfassla kif suppost u bbilanċjati jagħtu kontribut importanti għall-promozzjoni tal-investiment fl-innovazzjoni u fit-tkabbir. Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRs) huma wieħed mill-mezzi prinċipali li permezz tagħhom il-kumpaniji, il-kreaturi u l-inventuri jiġġeneraw redditi fuq l-investiment tagħhom fl-għarfien u fil-ħolqien. L-istudji jindikaw li s-setturi intensivi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jikkontribwixxu għal madwar 42 % tal-PDG tal-UE (b’valur ta’ madwar EUR 5.7 triljun fis-sena), jiġġeneraw 38 % tal-impjiegi kollha, 1 u jikkontribwixxu għal sa 90 % tal-esportazzjonijiet tal-UE 2 .

    Ir-rivoluzzjoni diġitali fetħet firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ġodda. L-internet ġab miegħu oġġetti u teknoloġiji innovattivi kif ukoll kontenut kreattiv għal firxa usa’ ta’ konsumaturi, b’hekk l-innovaturi u l-kreaturi jkunu jistgħu jilħqu swieq u udjenzi ġodda. Iżda r-rivoluzzjoni diġitali tesponi wkoll lis-sistema tal-PI tal-UE għal riskji akbar. L-ambjent online jippermetti proliferazzjoni ferm usa’ u aktar rapida ta’ oġġetti u ta’ kontenut li jiksru l-PI, u spiss jagħmilha aktar diffiċli għall-konsumaturi biex jiddistingwu bejn oġġetti u kontenut li jikkostitwixxu ksur u dawk ġenwini u legali. Barra minn hekk, il-kontraventuri tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jistgħu jinħbew wara identitajiet foloz u spiss ikunu jinsabu barra mill-UE f’ġurisdizzjonijiet b’reġimi dgħajfin ta’ infurzar.

    Dan kollu rriżulta f’żieda fil-ksur tal-PI madwar id-dinja 3 . Illum, l-oġġetti ffalsifikati u piratati jirrappreżentaw 2.5 % mill-kummerċ dinji. L-industrija tal-UE hija affettwata b’mod ħażin: skont studju riċenti 4 , 5 % tal-importazzjonijiet kollha fl-UE huma oġġetti ffalsifikati u piratati, li jikkorrispondu għal kummerċ illegali li huwa stmat li jlaħħaq mal-EUR 85 biljun.

    Il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jippreżenta theddida speċifika għal setturi fejn in-negozji tal-UE huma minn ta’ quddiem nett, bħall-ilbies, l-oġġetti lussużi u l-prodotti farmaċewtiċi, u jfisser telf qawwi ta’ dħul u ta’ impjiegi f’dawn is-setturi. Dan l-aħħar l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) analizza l-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskala u l-impatt tal-ksur tal-PI f’disa’ setturi 5 u jistma t-telf totali fl-UE għal EUR 48 biljun 6 . L-industriji kreattivi u kulturali (mużika, film, softwer, kotba) tal-Ewropa huma affettwati b’mod negattiv ukoll 7 . Il-ħsara mġarrba min-negozji minħabba l-falsifikazzjoni u l-piraterija għandha impatt negattiv fuq l-impjiegi li dawn jipprovdu fl-UE u twassal għal telf tad-dħul mit-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali 8 .

    Sadanittant, il-profitti mill-falsifikazzjoni u mill-piraterija spiss jispiċċaw għand organizzazzjonijiet kriminali. Dawn l-organizzazzjonijiet normalment joperaw ġewwa u barra l-UE, jużaw kemm impjanti tal-manifattura regolari kif ukoll klandestini, jinfiltraw fil-ktajjen tal-provvista, jisfruttaw il-ħaddiema, ma jħallsux taxxi, huma involuti fil-ħasil tal-flus u jipperikolaw lill-konsumaturi 9 .

    Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-2014 10 immarka bidla fil-fokus tal-politika tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-PI lejn approċċ ta’ “segwi l-flus”, li jfittex li jċaħħad lill-kontraventuri tal-PI fuq skala kummerċjali mill-flussi ta’ dħul li jagħmlu l-attivitajiet tagħhom profittabbli. Infurzar aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni li jinħolqu impjiegi, jissaħħaħ it-tkabbir u titjieb il-kompetittività. Dan jaqdi wkoll rwol importanti fit-tlestija u fit-tisħiħ tas-Suq Uniku u fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni bejn l-Istati Membri. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ħabbret fl-istrateġiji għal Suq Uniku Diġitali 11 u għal Suq Uniku 12 li l-Ewropa trid tagħmel aktar biex tiggarantixxi li l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jsir ukoll realtà – fl-ambjent diġitali – b’appoġġ tal-approċċ ta’ “segwi l-flus” u b’attenzjoni speċjali għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

    B’segwitu għall-inizjattivi riċenti biex ittejjeb il-qafas tad-drittijiet tal-awtur 13 , il-Kummissjoni qed tippreżenta pakkett komprensiv ta’ miżuri biex tkompli ttejjeb l-applikazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi ħdan l-Istati Membri tal-UE, fil-fruntieri tagħna u fil-livell internazzjonali 14 . Il-miżuri li jinsabu f’dan il-pakkett huma stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, kif ukoll fid-dokumenti li ġejjin.

    ·Komunikazzjoni li tipprovdi gwida dwar kif għandha tiġi applikata d-Direttiva dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED) 15 , akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal b’evalwazzjoni tal-IPRED;

    ·Komunikazzjoni dwar il-Privattivi Essenzjali għall-Istandards;

    ·Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-evalwazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-internet.

    Din il-Komunikazzjoni tipprovdi qafas għal dawn l-azzjonijiet kollha dwar l-infurzar tal-PI, u hi magħmula minn erba’ taqsimiet ewlenin li jistabbilixxu:

    1)il-miżuri li jippermettu li l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-PI jibbenefikaw aktar faċilment minn sistema omoġenja, ġusta u effettiva ta’ infurzar ġudizzjarju fl-UE. Flimkien mal-gwida dwar l-IPRED, din tinkludi azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet biex il-kapaċità u l-prevedibbiltà ġudizzjarji fl-UE jkomplu jissaħħu;

    2)azzjonijiet li jappoġġjaw inizjattivi mmexxija mill-industrija biex jiġi miġġieled il-ksur tal-PI, bħal ftehimiet volontarji ma’ intermedjarji u passi biex il-ktajjen tal-provvista jiġu protetti aħjar kontra l-falsifikazzjoni;

    3)inizjattivi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet doganali u tal-awtoritajiet l-oħra biex jinfurzaw id-drittijiet tal-PI;

    4)miżuri biex jissaħħu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-ksur tal-PI fuq skala globali, billi jiġu promossi l-aħjar prattiki u tiżdied il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. 

    Filwaqt li hemm ħtieġa ċara ta’ azzjoni aktar b’saħħitha kontra l-ksur tal-PI, jenħtieġ li fl-istess ħin l-UE jkollha politiki biex tiżgura li r-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa ta’ introduzzjoni bla xkiel ta’ teknoloġiji ġodda u innovattivi. Dan hu ta’ importanza partikolari meta t-tali teknoloġiji jiġu inkorporati fi standards. Fid-dinja tal-lum, interkonessa u tinbidel malajr, it-tixrid ta’ standards ibbażati fuq teknoloġiji protetti mill-PI — magħrufa bħala privattivi essenzjali għall-istandards (SEPs) — huwa neċessarju għall-interoperabbiltà, u b’mod partikolari għall-introduzzjoni effettiva tal-Internet tal-Oġġetti. Għaldaqstant, qafas ibbilanċjat, effiċjenti u sostenibbli għall-SEPs huwa essenzjali biex jiġi ggarantit aċċess ġust għat-teknoloġiji standardizzati, filwaqt li jiġi żgurat li d-detenturi tal-privattivi jiġu ppremjati għall-investimenti tagħhom fir-riċerka u fl-iżvilupp u għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u b’hekk jiġu inċentivati joffru l-aħjar teknoloġiji tagħhom biex jiġu inklużi fl-istandards.

    Din hija r-raġuni għaliex Komunikazzjoni separata tistabbilixxi qafas għall-SEPs. Din toffri gwida u rakkomandazzjonijiet dwar kif is-sistema ta’ dikjarazzjoni tista’ ssir aktar trasparenti u effiċjenti, tiċċara wħud mill-prinċipji ewlenin rigward prattiki ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (l-approċċ “FRAND”), u toffri gwida dwar kif jiġi żgurat l-infurzar effettiv filwaqt li tnaqqas il-probabbiltà ta’ litigazzjoni abbużiva. Aktar ċarezza dwar dawn il-punti se tiżgura li l-UE tista’ tkun minn ta’ quddiem nett fl-innovazzjoni teknoloġika globali filwaqt li tiffaċilita l-introduzzjoni effettiva tat-teknoloġiji l-ġodda fl-UE bħall-Internet tal-Oġġetti jew il-5G, li huma l-pedament tas-Suq Uniku Diġitali.

    II.LEJN REĠIM AKTAR EFFIĊJENTI U PREVEDIBBLI TA’ INFURZAR ĠUDIZZJARJU FL-UE

    F’konformità mal-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar 16 , il-Kummissjoni ffinalizzat evalwazzjoni komprensiva tal-prestazzjoni tal-IPRED. Ir-riżultati juru li d-Direttiva wasslet għall-ħolqien ta’ qafas legali komuni, fejn jiġi applikat l-istess sett ta’ għodod fil-qrati ċivili madwar l-UE, u b’hekk ġeneralment jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni fis-suq intern. Id-Direttiva ġabet magħha wkoll strateġiji pan-Ewropej ta’ infurzar fost il-kumpaniji u ħeġġet lill-imħallfin u lill-professjonisti legali biex jiskambjaw esperjenzi dwar litigazzjonijiet. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni wriet li l-IPRED kienet kosteffiċjenti, koerenti ma’ interventi oħra tal-UE b’objettivi simili u ħolqot valur miżjud fil-livell tal-UE. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-IPRED għadha idonea.

    Madankollu, l-evalwazzjoni sabet ukoll li hemm differenzi fil-mod li bih ċerti dispożizzjonijiet tal-IPRED (pereżempju dwar inibizzjonijiet, danni u kostijiet legali) jiġu implimentati u applikati fil-prattika. Dawn id-differenzi spiss jirriżultaw minn inċertezzi u minn fehmiet diverġenti rigward kif jenħtieġ li jinftiehmu d-dispożizzjonijiet, speċjalment minħabba l-isfidi relatati mal-ambjent diġitali l-ġdid. Dawn jistgħu jkunu dovuti wkoll għall-karattru ta’ armonizzazzjoni minima tal-IPRED. Aktarx li aktar importanti minn hekk, id-diverġenzi jirriżultaw mill-fatt li l-IPRED taħdem fil-kuntest ta’ oqfsa nazzjonali ta’ infurzar ċivili u traduzzjonijiet ġudizzjarji tassew differenti. Konsegwentement, skont fejn jinbdew il-proċedimenti ġudizzjarji, l-eżiti jistgħu jvarjaw ħafna, kemm f’termini ta’ sustanza kif ukoll f’termini ta’ effiċjenza jew ta’ effikaċja. Dan jista’ jxekkel il-prevedibbiltà u jista’ jrendi l-infurzar diffiċli, b’mod partikolari f’kuntest transfruntier.

    Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-evalwazzjoni tal-IPRED 17 jikkonfermaw dawn is-sejbiet. Filwaqt li ħafna mill-partijiet ikkonċernati ħassew li r-regoli eżistenti tabilħaqq għenu fit-tħaris tal-PI u fil-prevenzjoni tal-ksur tal-PI, ħafna talbu aktar ċarezza dwar il-mod li bih jenħtieġ li tiġi applikata l-IPRED fil-prattika. Id-detenturi tad-drittijiet u l-intermedjarji b’mod partikolari qiesu li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji tal-IPRED ma kinux qed jiġu applikati b’mod konsistenti bejn l-Istati Membri, u dan qed jirriżulta f’livelli differenti ta’ protezzjoni fi ħdan l-UE. Filwaqt li r-rispett tal-PI minnu nnifsu huwa dritt fundamentali 18 , iċ-ċittadini, min-naħa tagħhom, qajmu tħassib dwar ir-rispett għad-drittijiet fundamentali fil-proċeduri ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    Gwida dwar l-IPRED

    Biex tkun żgurata applikazzjoni aktar konsistenti u effettiva tal-IPRED, il-Kummissjoni, permezz ta’ Komunikazzjoni separata, qed tippreżenta gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji pprovduti mill-IPRED 19 . Filwaqt li jibbaża fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-aħjar prattika disponibbli, id-dokument ta’ gwida jistabbilixxi l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-IPRED li kkawżaw problemi ta’ interpretazzjoni. Filwaqt li jirrifletti r-riżultati tal-evalwazzjoni, inkluża l-konsultazzjoni pubblika, dan jindirizza l-aspetti ewlenin tal-IPRED, b’mod partikolari:

    ·il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha;

    ·it-tifsira tar-rekwiżit li dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji jridu fost oħrajn ikunu “ġusti u ekwi”;

    ·ir-regoli dwar l-evidenza, dwar id-dritt għall-informazzjoni, dwar id-dritt għal miżuri proviżorji u ta’ prekawzjoni u dwar inibizzjonijiet;

    ·il-kumpens għall-preġudizzju mġarrab (danni); kif ukoll

    ·ir-rimborż tal-kostijiet legali.

    Id-dokument jipprovdi wkoll gwida dwar kif jiġu applikati l-miżuri stabbiliti fl-IPRED b’mod li jiżgura li jinstab bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ litigazzjoni relatata mal-PI filwaqt li jiġu evitati eżiti sproporzjonati u litigazzjoni abbużiva.

    Il-litigazzjoni relatata mal-PI, b’mod partikolari fl-era diġitali, tista’ sseħħ b’mod simultanju f’diversi Stati Membri. Pereżempju, id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li jixtiequ jieħdu passi kontra kontenut online illegali jaf ikollhom bżonn jippreżentaw talbiet f’diversi Stati Membri b’rabta mal-istess ksur, fl-istess ħin. Madankollu, l-applikazzjoni għall-istess rimedju għall-istess ksur f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda ġeneralment tinvolvi kostijiet sinifikanti u proċeduri twal, b’mod partikolari meta ma jkun jeżisti ebda titolu uniformi tal-PI tal-UE u meta, minħabba differenzi fid-dritt sostantiv, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet jistgħu jiġu applikati b’mod differenti bejn l-Istati Membri. Filwaqt li din ma tindirizzax u ma tistax tindirizza l-isfidi kollha li jeżistu f’dan ir-rigward 20 , billi tgħin biex jinkisbu interpretazzjoni u applikazzjoni aktar koerenti tal-IPRED, jenħtieġ li l-gwida dwar l-IPRED tagħmilha aktar faċli għad-detenturi tad-drittijiet biex jidħlu għal litigazzjoni transfruntiera.

    Il-gwida hija mingħajr preġudizzju għall-azzjoni ta’ infurzar li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tieħu skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, u li se tkun konformi mal-interpretazzjoni stabbilita fid-dokument ta’ gwida.

    Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-intermedjarji, b’mod partikolari l-intermedjarji online, irriżultaw li huma tħassib importanti għall-partijiet ikkonċernati kemm fl-evalwazzjoni kif ukoll fil-konsultazzjoni pubblika. Hekk kif tiċċara l-Gwida, il-possibbiltà li tinħareġ inibizzjoni kontra intermedjarju abbażi tal-IPRED ma tiddependix mir-responsabbiltà tal-intermedjarju għall-ksur (allegat) inkwistjoni 21 . Fil-fatt, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 22 tirregola l-kundizzjonijiet li fihom ċerti intermedjarji online jiġu eżentati mir-responsabbiltà. Filwaqt li fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 dwar il-pjattaformi online 23 , il-Kummissjoni qieset li dan il-qafas ipprovdut minn din l-aħħar Direttiva għadu adatt għall-iskop, il-Kummissjoni reċentement ħarġet gwida konkreta 24 mfassla biex tgħaqqad id-detezzjoni u t-tneħħija rapida u effiċjenti tal-kontenut illegali online, inkluż il-kontenut li jikser il-PI, flimkien mas-salvagwardji legali neċessarji, pereżempju permezz tal-hekk imsejħa proċeduri ta’ avviż u azzjoni. Il-proposta tagħha għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali tipprovdi wkoll għal ċerti għodod u mekkaniżmi speċifiċi għall-kisba ta’ suq li jiffunzjona sew għad-drittijiet tal-awtur u, b’mod partikolari, ipproponiet miżuri xierqa meħuda minn ċerti fornituri ta’ servizzi online biex tiġi evitata, flimkien mad-detenturi tad-drittijiet, id-disponibbiltà ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet.

    It-tiswir ta’ “komunità ta’ għarfien dwar l-infurzar tal-PI” aktar b’saħħitha: it-titjib tal-infurzar ġudizzjarju fl-UE

    L-evalwazzjoni wriet li ħafna detenturi tad-drittijiet ilmentaw dwar id-diffikultajiet fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja, dwar il-proċeduri twal u għaljin u dwar l-eżiti inċerti. L-evalwazzjoni wriet ukoll nuqqas perċepit ta’ trasparenza u ta’ prevedibbiltà fil-mod li bih huma ġestiti l-proċedimenti ġudizzjarji u l-eżiti (probabbli) tagħhom. B’mod ġenerali, jidher li fatturi bħad-differenzi fit-tradizzjonijiet nazzjonali tal-liġi ċivili u fil-prattiki ġudizzjarji għadhom qed iżommu lura l-iżvilupp ta’ sistema prevedibbli u konsistenti għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE.

    F’dan il-kuntest, minbarra li tipprovdi l-gwida dwar l-IPRED, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu rimedju ċivili effettiv u prevedibbli kontra l-ksur tal-PI fl-UE f’konformità mal-IPRED u se tappoġġja dawk l-isforzi. Fil-fatt, aktar trasparenza u prevedibbiltà jkunu ta’ benefiċċju kbir, b’mod partikolari għall-SMEs. Dawn jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja u jgħinu fil-promozzjoni tal-introduzzjoni ta’ skemi tal-assigurazzjoni affordabbli għal-litigazzjonijiet relatati mal-PI 25 .

    Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex tfittex li tikkomplementa d-dokument ta’ gwida msemmi aktar ’il fuq, fejn neċessarju u xieraq, b’linji gwida ulterjuri u aktar immirati b’appoġġ ta’ infurzar omoġenju u effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE. Għal dan l-għan il-Kummissjoni, flimkien ma’ esperti nazzjonali, inklużi mħallfin nazzjonali u partijiet ikkonċernati oħra, se tidentifika xi kwistjonijiet konkreti u oqsma problematiċi li jistgħu jibbenefikaw minn linji gwida speċifiċi ulterjuri bbażati fuq l-esperjenzi tal-aħjar prattika. Każ konkret f’dan ir-rigward jista’ jkun il-kalkolu tad-danni u tal-evidenza meħtieġa biex jiġi kkumpensat għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    Il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika online l-gwida kollha dwar l-infurzar tal-PI, fost l-oħrajn permezz tal-portal L-Ewropa Tiegħek 26 sabiex l-informazzjoni prattika dwar l-infurzar ġudizzjarju tad-drittijiet tal-PI fl-UE ma tkunx disponibbli biss għall-imħallfin u għall-prattikanti legali, iżda għall-partijiet ikkonċernati kollha.

    Barra minn hekk, kif uriet l-evalwazzjoni tal-IPRED, huwa importanti ħafna li jkun hemm imħallfin speċjalizzati fid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u b’mod partikolari fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex ikun hemm użu effettiv u effiċjenti tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji tal-IPRED. Speċjalizzazzjoni bħal din tista’ ġġib magħha vantaġġi konsiderevoli, speċjalment deċiżjonijiet aktar effiċjenti u aktar konsistenti li jwasslu għal ċertezza tad-dritt akbar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex iżidu speċjalizzazzjoni bħal din.

    Element ieħor biex id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu infurzati b’mod aktar effettiv u konsistenti fl-UE huwa d-disponibbiltà ta’ taħriġ ġudizzjarju u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki. Biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam, il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha mal-Osservatorju biex tiżviluppa kurrikulu komprensiv ta’ seminars u ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għall-imħallfin. Jenħtieġ li dan iħeġġeġ il-prattiki ta’ bini ta’ netwerks u ta’ tagħlim fost l-imħallfin li jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. F’dan il-kuntest, fl-2018 huma previsti tliet seminars iddedikati.

    Finalment, it-trasparenza dwar il-ġudizzji fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija prerekwiżit essenzjali għall-iskambji tal-għarfien fi ħdan is-suq uniku, għal aktar prevedibbiltà u għal dibattitu transfruntier fost il-prattikanti tal-PI. Madankollu, sal-lum, huma ftit biss l-Istati Membri li ppubblikaw ġurisprudenza relatata mal-PI fuq siti web iddedikati, u r-regoli dwar id-disponibbiltà u l-pubblikazzjoni jvarjaw mhux ftit. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jippubblikaw b’mod sistematiku d-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi proċedimenti relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, mill-inqas mill-qrati tal-appell ’il fuq 27 . Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, flimkien mal-EUIPO u mal-Osservatorju, se taħdem fuq il-bażi tad-dejta marbuta mal-ġbir tal-ġurisprudenza mnedija mill-EUIPO biex tagħmilha kemm jista’ jkun possibbli aktar komprensiva u faċli għall-utent.

    Minbarra sistemi ta’ infurzar ġudizzjarju aktar effettivi, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll l-iżvilupp ta’ għodod ulterjuri għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR). L-użu ta’ ADR għall-medjazzjoni u l-arbitraġġ jista’ jservi bħala mezz alternattiv ta’ infurzar tal-PI. Filwaqt li għadhom jintużaw f’każijiet rari biss biex jiġu solvuti talbiet relatati mal-PI, is-soluzzjonijiet tal-ADR għandhom vantaġġi (pereżempju kwistjonijiet transfruntiera jistgħu jiġu solvuti aktar faċilment, u l-ADR tista’ tkun aktar rapida u orħos minn litigazzjoni quddiem qorti). Flimkien mal-EUIPO, bħalissa l-Kummissjoni qed timmappja l-għodod tal-ADR eżistenti u tanalizza l-merti tal-istabbiliment ta’ ċentru ta’ medjazzjoni fl-EUIPO biex tkopri kwistjonijiet relatati mat-trademarks u mad-disinni. Beħsiebha taħdem ukoll mal-Qorti Unifikata tal-Privattivi futura fuq l-iżvilupp ta’ medjazzjoni u ta’ arbitraġġ f’kawżi relatati mal-privattivi. Jenħtieġ li dan jgħin fil-ħolqien ta’ netwerk tal-UE għall-medjazzjoni u l-arbitraġġ relatat mal-PI, kif imħabbar fl-Inizjattiva favur in-Negozji l-Ġodda u n-Negozji li qed Jespandu 28 .

    Bl-għan li tkompli ttejjeb is-sistema ta’ infurzar ġudizzjarju fl-UE, il-Kummissjoni:

    - tipprovdi gwida dwar kif jiġu interpretati u applikati dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPRED);

    - se taħdem mal-esperti nazzjonali u mal-imħallfin tal-Istati Membri fuq linji gwida ulterjuri u aktar immirati biex tagħti gwida aktar dettaljata u prattika fuq kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-IPRED, ibbażati fuq l-esperjenza tal-aħjar prattiki;

    - se tippubblika online l-linji gwida u l-aħjar prattiki msemmija hawn fuq, fost l-oħrajn permezz tal-portal L-Ewropa Tiegħek;

    - tistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin fuq kwistjonijiet relatati mal-PI u mal-infurzar tal-PI, u jippubblikaw b’mod sistematiku s-sentenzi magħmula f’kawżi relatati mal-infurzar tal-PI;

    - flimkien mal-EUIPO, se tieħu azzjoni ulterjuri biex tiffaċilita l-użu usa’ ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) biex jiġi solvut tilwim relatat mal-PI, inkluż l-immappjar ta’ għodod eżistenti tal-ADR u l-analiżi tal-merti tal-istabbiliment ta’ ċentru ta’ medjazzjoni fl-EUIPO.

    III.Żieda fl-isforzi mmexxija mill-industrija għall-prevenzjoni tal-KSUR tal-PI u għall-ġlieda kontra dan it-tip ta’ ksur

    Il-ġlieda kontra l-ksur tal-PI jenħtieġ li tkun sforz konġunt li jinvolvi lill-atturi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u tagħmel użu mhux biss mill-infurzar ġudizzjarju iżda mill-għodod possibbli kollha. Il-Kummissjoni ilha bosta snin taħdem mal-industrija biex tappoġġja u tippromwovi azzjonijiet immexxija mill-industrija kontra l-ksur tal-PI. L-idea li titħeġġeġ id-diliġenza dovuta mill-partijiet kollha potenzjalment involuti fl-iżvilupp u fit-tranżazzjonijiet ta’ prodotti jew ta’ kontenut li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż il-fornituri, l-aġenziji tar-reklamar, il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas kif ukoll id-detenturi tad-drittijiet infushom. Minkejja progress sinifikanti, jista’ u jenħtieġ li jsir aktar biex titwaqqaf il-proliferazzjoni ta’ oġġetti u ta’ prattiki li jiksru l-PI.

    L-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tal-ftehimiet volontarji

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ aktar djalogi fost il-partijiet ikkonċernati għall-promozzjoni ta’ kooperazzjoni effettiva bejn is-sħab tal-industrija fil-ġlieda kontra l-ksur tal-PI u t-tixrid tal-aħjar prattika tal-industrija. Fl-2011 ġie konkluż l-ewwel Memorandum ta’ Qbil (“MtQ”) bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-pjattaformi tal-internet li ġie aġġornat fl-2016 29 . Dan jistabbilixxi approċċ kooperattiv għall-ġlieda kontra l-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati. Minn dak iż-żmien ’l hawn, jistgħu jiġu nnotati żewġ żviluppi ulterjuri:

    L-ewwel nett, fil-kuntest tal-ewwel MtQ dwar il-falsifikazzjoni, ġew introdotti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (“KPIs”) biex jiġu vvalutati r-riżultati tal-ftehim volontarju u jiġu identifikati oqsma possibbli għal titjib ulterjuri. Ir-riżultati tal-ewwel ċiklu ta’ monitoraġġ fuq il-bażi ta’ dawn il-KPIs juru li l-MtQ huwa tassew effettiv u diġà pprovda riżultati sinifikanti. Dawn juru li l-kooperazzjoni volontarja tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali fit-trażżin tal-falsifikazzjoni online u tista’ tipprovdi soluzzjonijiet effiċjenti. Mindu daħal fis-seħħ l-MtQ, ġie eliminat ammont sostanzjali ta’ offerti għal prodotti ffalsifikati minn pjattaformi online, primarjament b'riżultat ta’ aktar miżuri proattivi u ta’ prevenzjoni. Madankollu, peress li l-oġġetti li jiksru l-PI dejjem qed jispiċċaw aktar fis-suq uniku, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-firmatarji u lill-parteċipanti l-ġodda kollha biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom 30 .

    It-tieni, taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni, il-partijiet ikkonċernati qed jiffinalizzaw il-ħidma tagħhom favur il-konklużjoni ta’ MtQ ġdid maħsub biex jipprevjeni r-reklamar fuq siti web li jikser il-PI. Id-dħul mir-reklamar huwa fluss ta’ introjtu importanti għal siti bħal dawn u l-miżuri li jrid jintlaħaq qbil dwarhom jenħtieġ li jgħinu biex jinqata’ dan is-sors importanti ta’ appoġġ għall-kontraventuri tal-PI. Il-preżenza ta’ reklami għal ditti rinomati u ta’ servizzi ta’ ħlas magħrufa sew fuq is-siti li jiksru l-PI tista’ twassal biex il-konsumaturi jemmnu li s-sit li qed jaċċessaw qed jagħti aċċess għall-kontenut, għall-oġġetti, jew għas-servizzi b’mod legali, meta fil-fatt dan ma jkunx il-każ. Dan jista’ jħawwad lill-konsumaturi, inawwar il-kunfidenza tagħhom, u b’hekk jagħmel ħsara għall-ekwità tad-ditta.

    Għaddejja wkoll ħidma dwar MtQ għall-industriji tat-trasport u tat-trasport marittimu. Din għandha l-għan li tipprevjeni li s-servizzi ta’ dawn il-kumpaniji jintużaw minn falsifikaturi fuq skala kummerċjali biex iwasslu oġġetti ffalsifikati fl-UE. MtQ ieħor li qed jitħejja mistenni jkopri lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, li spiss ikunu vitali għall-offerti online li jiksru l-PI.

    Il-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn il-ftehimiet volontarji, b’mod partikolari f’ambjent online, u se taħdem biex tiżgura li l-firmatarji kollha jaġixxu b’mod diliġenti u bir-rispett sħiħ tad-dritt tal-UE b’mod ġenerali, u tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, b’mod partikolari. Se taħdem ukoll biex tiżgura li jinstab bilanċ xieraq bejn id-diversi interessi tal-partijiet involuti u li d-drittijiet tal-konsumatur qed jiġu rrispettati kif xieraq. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-parteċipazzjoni wiesgħa fi ftehimiet bħal dawn tas-setturi u tal-industriji kollha.

    Il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-monitoraġġ ta’ dawn l-MtQ ikun ibbażat fuq l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Se tirrapporta b’mod regolari dwar l-effikaċja ta’ dawn il-ftehimiet, bl-għan li tislet l-aħjar prattika; tidentifika oqsma fejn jista’ jsir titjib fil-ġejjieni u tivvaluta l-ħtieġa ta’ miżuri leġiżlattivi fil-livell tal-UE.

    Il-protezzjoni tal-ktajjen tal-provvista kontra theddidiet relatati mal-ksur tal-PI

    Qasam ieħor ta’ ħidma li jinvolvi lill-Kummissjoni, lill-industrija u lil sħab oħra jfittex li jipproteġi lill-ktajjen tal-provvista minn theddidiet ta’ falsifikazzjoni u ta’ ksur tal-PI. Hawn ukoll l-isfidi qed jimmultiplikaw. Sessjoni ta’ ħidma dwar id-diliġenza dovuta u l-integrità tal-katina tal-provvista għall-protezzjoni tal-PI fl-2015 31 ikkonkludiet li l-kumpaniji qed jaffaċċjaw dejjem aktar każijiet ta’ prodotti ffalsifikati (bħal, pereżempju, partijiet elettroniċi ffalsifikati) li qed jinfiltraw fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. Dan huwa primarjament dovut għall-fatt li l-ktajjen tal-provvista qed isiru aktar kumplessi, u b’hekk spiss qed issir diffiċli għall-kumpaniji — b’mod partikolari għall-SMEs li jissorveljaw lill-fornituri u lis-subfornituri tagħhom. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ teknoloġiji ġodda u tal-internet għenu lill-kontraventuri biex itejbu t-tekniki ta’ falsifikazzjoni tagħhom u jinfiltraw fil-ktajjen tal-provvista leġittimi. Jeżitu l-aħjar prattiki għat-trasparenza tal-katina tal-provvista (ġestjoni tar-riskju, responsabbiltà soċjali korporattiva). Madankollu, dawn ma jintużawx b’mod regolari biex jiġi identifkat u miġġieled il-ksur tal-PI. In-nuqqas ta’ diliġenza dovuta jdgħajjef is-sigurtà tal-katina tal-provvista u jippermetti l-infiltrazzjoni ta’ oġġetti ffalsifikati, li jagħmlu ħsara lin-negozji u jesponu liċ-ċittadini għal riskji.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni hemm ħtieġa urġenti li l-ktajjen tal-provvista jiġu protetti aħjar kontra oġġetti ffalsifikati. Dan jista’ jsir billi jiġu ttestjati għodod ġodda u billi tingħata għajnuna għall-bini u għall-espansjoni tal-aħjar prattiki.

    It-traċċabilità tal-oġġetti hija l-pedament tas-sigurtà tal-katina tal-provvista, tas-sikurezza għall-konsumaturi u tal-kwalità tal-prodotti. Konsegwentement, il-Kummissjoni se tfittex li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-atturi ewlenin bħal organizzazzjonijiet standard u fornituri ta’ soluzzjonijiet tas-sigurtà biex jiġi ffaċilitat it-tixrid ta’ teknoloġiji relatati mat-traċċabilità 32 u tappoġġja l-ħolqien ta’ sistemi ġodda ta’ traċċabilità u ta’ awtentikazzjoni bħall-blockchain. Billi jirreġistra l-assi, it-tranżazzjonijiet u l-parteċipanti, dan ir-reġistru diġitali kondiviż jipprovdi informazzjoni siewja dwar l-oriġini u l-istorja tal-prodotti, biex dawn ikunu jistgħu jiġu traċċati u awtentikati aktar faċilment. Għaldaqstant, soluzzjonijiet ibbażati fuq il-blockchain jagħmluha possibbli li jiġu individwati malajr partijiet jew prodotti ffalsifikati li jkunu daħlu fil-ktajjen tal-provvista leġittimi, kif ukoll id-devjazzjoni possibbli tal-oġġetti fi swieq illeċiti 33 . Bħala parti mill-proġett tagħha #Blockchain4EU: Blockchain for Industrial Transformations (Blockchain għat-Trasformazzjonijiet Industrijali), il-Kummissjoni qed tanalizza kif il-blockchain tista’ tintuża biex tissaħħaħ it-trasparenza tal-ktajjen tal-provvista u jiġu protetti aħjar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Flimkien mal-Osservatorju, il-Kummissjoni se tkompli timmappja u tittestja (b’mod partikolari permezz ta’ Blockathon) użi possibbli differenti tal-blockchain fil-ġlieda kontra l-oġġetti ffalsifikati u tidentifika l-ostakli legali u ekonomiċi potenzjali għall-implimentazzjoni tagħha 34 .

    Barra minn hekk, hemm ukoll ambitu għal aktar sensibilizzazzjoni u aktar tixrid tal-aħjar prattika. Jenħtieġ li l-industriji jkunu jafu bil-ħtieġa li jipproteġu l-ktajjen tal-provvista tagħhom u jenħtieġ li dawn jitħeġġu jieħdu azzjoni għal protezzjoni aħjar. L-inklużjoni ulterjuri tal-protezzjoni tal-PI fil-proċessi ta’ akkreditazzjoni tista’ tkun għodda siewja f’dan il-kuntest. Pereżempju, fl-10 ta’ Mejju 2017 ġie adottat standard ġdid tal-ISO dwar l-akkwist sostenibbli (ISO 20400), li għall-ewwel darba fih referenza espliċita għal miżuri relatati mal-ġlieda kontra l-ksur tal-PI. Issa l-Kummissjoni se tfittex li tippromwovi dan l-istandard permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni lill-kumpaniji 35 jew avvenimenti akbar ta’ infurzar tal-PI 36 .

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tħares ukoll aktar mill-qrib dwar kif il-konformità mal-istandards tal-protezzjoni tal-PI tista’ ssir parti mill-proċess għall-kisba tal-istatus ta’ “operatur ekonomiku awtorizzat (AEO)” 37  fil-futur. Il-kunċett ta’ AEO huwa bbażat fuq sħubija bejn id-dwana u n-negozji tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). L-AEO jingħata mill-awtoritajiet doganali u jagħti lill-operaturi ekonomiċi ċerti benefiċċji fil-proċeduri doganali. Dan huwa miftuħ għall-operaturi kollha fil-katina tal-provvista li jissodisfaw ċerti kriterji tal-kwalità stabbiliti fir-regoli doganali tal-UE u li jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet doganali biex jiżguraw is-sigurtà u l-integrità tal-ktajjen tal-provvista. Il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tista’ tkompli tkabbar il-prominenza tagħha hawnhekk. Biex iżidu s-sigurtà tal-katina tal-provvista, l-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa jagħżlu sħab affidabbli li għandhom fis-seħħ skemi effiċjenti ta’ konformità, bħall-AEO.

    Finalment, jenħtieġ li s-sitwazzjoni tal-SMEs tingħata attenzjoni speċjali, minħabba li spiss ikollhom biss mezzi limitati biex jipproteġu l-ktajjen tal-provvista tagħhom. L-EUIPO se jniedi studju speċifiku dwar dan, bl-għan li jislet l-aħjar prattika u joffri soluzzjonijiet konkreti.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija biex twettaq il-passi neċessarji tad-diliġenza dovuta biex tiġġieled kontra l-ksur tal-PI. Biex tappoġġja lill-industrija f’dawn l-isforzi u tippromwovi l-aħjar prattika, din se:

    - tkompli taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex ittejjeb u tespandi l-ftehimiet volontarji għall-ġlieda kontra l-ksur tal-PI. Se taħdem fuq il-promozzjoni ta’ MtQ iddedikati li jinvolvu lid-detenturi tad-drittijiet, il-pjattaformi tal-internet, il-kumpaniji tar-reklamar, l-ispedituri u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas;

    - tkompli tissorvelja l-funzjonament u l-effikaċja ta’ dawn l-MtQ u tirrapporta dwar ir-riżultati tagħhom;

    - tkompli tippromwovi d-diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-provvista, tesplora l-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda bħall-blockchain u tħeġġeġ l-użu ta’ proċessi ta’ akkreditazzjoni eżistenti biex tintroduċi skemi ta’ konformità mal-PI.

    IV.il-ġlieda kontra l-ksur tal-PI permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva msaħħa

    Illum hemm kwantità kbira ta’ informazzjoni dwar il-valur u l-impatt ta’ oġġetti ffalsifikati u piratati 38 , dwar l-oriġini tal-organizzazzjonijiet kriminali u r-rotot li dawn jużaw biex iwasslu dawn l-oġġetti fl-UE 39 . Bis-saħħa ta’ sforz enormi ta’ ġbir ta’ dejta 40 , issa ġew identifikati s-setturi li ġew affettwati bl-agħar mod, ir-rotot huma magħrufa, u hemm l-evidenza. Għalhekk, issa wasal iż-żmien li ningħaqdu fi ħdan l-UE u nsaħħu l-ġlieda kontra l-ksur tal-PI fil-fruntieri tagħha u lil hinn.

    Biex ittejjeb ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi ħdan l-UE, il-Kummissjoni se tfittex li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevantikollha. L-ewwel nett, se tesplora kif korpi ekonomiċi u kummerċjali ta’ spezzjoni, flimkien mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, jistgħu jiġu involuti aktar mill-qrib fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija. F’ċerti Stati Membri dan diġà huwa l-każ; f’oħrajn mhuwiex. Fuq il-bażi tal-aħjar prattiki f’ċerti oqsma u Stati Membri, il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri dwar kif għandhom jiksbu l-involviment xieraq tal-awtoritajiet rilevanti kollha. Pereżempju, il-Kummissjoni se tkompli tistimola l-qsim tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri fis-settur agroalimentari għall-kontroll u l-infurzar b’mod partikolari tad-drittijiet relatati mal-indikazzjoni ġeografika (IĠ), inkluża l-kontinwazzjoni tal-programm ta’ awditjar tal-istrutturi ta’ kontroll tal-Istati Membri.

    Barra minn hekk, flimkien mal-EUIPO u mal-Europol, il-Kummissjoni se timmappja d-diversi bażijiet tad-dejta użati fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni biex tidentifika l-lakuni fid-dejta u modi possibbli kif jittejjeb il-qsim tad-dejta fost l-awtoritajiet rilevanti.

    Flimkien mal-EUIPO, u abbażi tal-evidenza u tad-dejta miġbura, il-Kummissjoni se tfittex ukoll li taħdem mal-Istati Membri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-rwol tal-PI u l-effetti negattivi tal-ksur tal-PI.

    Biex tiġġieled il-falsifikazzjoni u l-piraterija fil-fruntieri tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tkompli tassisti lill-Istati Membri fl-infurzar doganali. Bħalissa qed tivvaluta l-andament tal-Pjan ta’ Azzjoni Doganali għall-ġlieda kontra l-ksur tal-PI matul il-perjodu 2013-2017 41 . Xorta waħda se tirrapporta dwar dan fl-2017 u se tieħu l-passi neċessarji li jmiss, b’enfasi fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

    ·l-iżgurar ta’ implimentazzjoni omoġenja tal-leġiżlazzjoni ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-fruntieri madwar l-UE kollha;

    ·it-tisħiħ tal-kooperazzjoni doganali u l-iskambju tal-informazzjoni mal-pulizija u ma’ awtoritajiet oħra ta’ infurzar;

    ·l-iżvilupp ta’ għodod għall-ġestjoni tar-riskju għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri biex jittrasponu r-regoli l-ġodda tal-UE stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trademarks, inkluż ir-reġim għall-awtoritajiet pubbliċi. Dawn ir-regoli jservu biex fost l-oħrajn iwaqqfu l-fluss ta’ oġġetti ffalsifikati, inklużi dawk fi tranżitu 42 .

    Normalment, il-prodotti ffalsifikati ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti u jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-sikurezza tal-konsumaturi. Peress li din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-infurzar ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar il-prodotti se jiġi indirizzat fil-“Pakkett dwar il-Prodotti” li għadu ħiereġ, kif imħabbar fl-Istrateġija għal Suq Uniku.

    Il-Kummissjoni:

    - flimkien mal-EUIPO, se tiżgura li l-awtoritajiet rilevanti ta’ infurzar fl-UE jkollhom l-għodod biex jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija inkluż permezz ta’ sorveljanza aħjar tas-suq;

    - flimkien mal-EUIPO, se ssaħħaħ l-isforzi biex tinforma aktar lill-pubbliku dwar ir-riskji relatati mal-ksur tal-PI;

    - se toffri assistenza aktar immirata lill-awtoritajiet doganali nazzjonali, fuq il-bażi tar-riżultati tal-Pjan ta’ Azzjoni Doganali attwali, u fl-2018 se taħdem mal-Kunsill favur Pjan ta’ Azzjoni Doganali ġdid.

    V.IL-ĠLIEDA KONTRA L-KSUR TAL-PI MADWAR ID-DINJA

    Il-falsifikazzjoni u l-piraterija huma problemi primarjament globali li jeħtieġu rispons globali. Il-miżuri meħuda fi ħdan l-UE jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn sforzi internazzjonali għall-prevenzjoni ta’ ksur tal-PI fi ħdan il-ktajjen tal-provvista globali kollha.

    Il-Kummissjoni tippromwovi l-approċċ tal-UE għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar id-dinja: b’mod bilateral, fi ftehimiet kummerċjali u fi djalogi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma’ sħab kummerċjali ewlenin; u b’mod multilaterali, f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), il-Kunsill TRIPS tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-OECD, kif ukoll il-korpi rilevanti bħall-ICANN 43 . L-objettiv huwa li jissaħħaħ u jiġi standardizzat l-infurzar tal-PI f’livell internazzjonali u li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħsara kkaġunata mill-falsifikazzjoni u l-piraterija.

    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EUIPO, qed tniedi tliet programmi ta’ kooperazzjoni teknika fil-PI (“IP Key”) maċ-Ċina, max-Xlokk tal-Asja u mal-Amerika Latina rispettivament. Qed tagħmel dan fuq il-bażi tal-esperjenza pożittiva tal-programmi ta’ kooperazzjoni preċedenti maċ-Ċina u mar-reġjun ASEAN. Il-baġit ta’ dawn it-tliet programmi se jkollu total ta’ EUR 20 miljun bejn l-2017 u l-2020. Il-programmi se jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ sistema effettiva għall-protezzjoni tal-PI fil-pajjiżi parteċipanti, fuq il-bażi ta’ prattiki tajba tal-UE, biex in-negozji tal-UE jiġu megħjuna fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-PI tagħhom f’dawn is-swieq.

    Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Protezzjoni u għall-Infurzar tal-Proprjetà Intellettwali f’Pajjiżi Terzi, 44 il-Kummissjoni se tippubblika rapport aġġornat dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi. Ir-Rapport se jkun fih lista ta’ pajjiżi ta’ prijorità ġodda. Il-Kummissjoni se tintensifika l-attivitajiet tagħha fil-pajjiżi ta’ prijorità u tiffoka r-riżorsi tagħha fuq l-oqsma identifikati ta’ tħassib, inklużi ż-żoni ta’ kummerċ ħieles u l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-EUIPO, se tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza tas-swieq tal-PI. Il-lista ta’ sorveljanza se tidentifika swieq online u fiżiċi barra mill-UE li huma rrapportati li huma involuti fi ksur sostanzjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li jiffaċilitawh, u b’mod partikolari fil-piraterija u fil-falsifikazzjoni, b’rabta mal-konsumaturi tal-UE. L-eżitu finali ta’ dan l-eżerċizzju se jkun lista tal-aktar swieq problematiċi b’deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tagħhom. L-informazzjoni u s-salvagwardji neċessarji fir-rigward tal-kontenut u tal-iskop tal-lista se jiġu pprovduti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tissorvelja wkoll il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet lokali b’rabta mas-swieq elenkati kif ukoll il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda mill-operaturi u mis-sidien tas-swieq biex irażżnu l-ksur tal-PI.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika biex tiġbor informazzjoni dwar dawn is-swieq. Id-data vverifikata bl-għajnuna tal-Osservatorju se tintuża fl-għażla tas-swieq li għandhom jiddaħħlu fil-lista. L-ewwel Lista ta’ Sorveljanza tas-Swieq tal-PI għandha tiġi ppubblikata fit-tieni nofs tal-2018 u se tiġi aġġornata b’mod regolari.

    Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tippromwovi l-użu tal-informazzjoni online dwar il-protezzjoni tal-PI, inkluża l-bażi tad-dejta tas-sistema ta’ intelligence rapida kontra l-falsifikazzjoni (ACRIS) li tiġbor informazzjoni dwar każijiet ta’ ksur tal-PI li jaffettwaw lill-kumpaniji tal-UE f’pajjiżi barra mill-UE. Biex tagħmel l-informazzjoni aktar aċċessibbli u faċli għall-utent, il-Kummissjoni beħsiebha twaqqaf portal li jiġbor flimkien il-punti ta’ aċċess għas-siti web u għall-bażijiet tad-dejta tagħha relatati mal-PI.

    Biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-ksur tal-PI f’pajjiżi mhux tal-UE, il-Kummissjoni:

    - fl-ewwel trimestru tal-2018, se tippubblika rapport ġdid dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi, li jintroduċi oqsma ġodda (jiġifieri ż-żoni ta’ kummerċ ħieles, l-indikazzjonijiet ġeografiċi);

    - fit-tieni nofs tal-2018 se tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza tas-swieq tal-PI, li fiha tidentifika s-swieq online u fiżiċi li huma involuti fi ksur sostanzjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li jiffaċilitawh;

    - se timplimenta, abbażi tal-pjanijiet ta’ ħidma annwali, il-programmi ta’ kooperazzjoni teknika (il-programmi “IP Key”) maċ-Ċina, max-Xlokk tal-Asja u mal-Amerika Latina.

    VI.KONKLUŻJONI

    Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi sett komprensiv ta’ miżuri u ta’ azzjonijiet li għandu l-għan li jiżgura approċċ koordinat u effettiv fost il-politiki tal-UE biex tkompli titjieb il-ġlieda kontra l-ksur tal-PI. Biex tiżgura viżibilità massima, il-Kummissjoni qed taħdem mal-EUIPO biex tagħmel l-informazzjoni dwar il-miżuri u l-azzjonijiet kollha disponibbli fuq portal tal-internet wieħed.

    Il-firxa tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija u l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà tagħna jeħtieġu rispons effettiv ta’ infurzar, li jinvolvi intervent rapidu u koordinat minn diversi atturi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, li jaġixxu f’kull livell, minn lokali sa globali.

    Filwaqt li tfakkar dan, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jagħtu segwitu għall-gwida, għar-rakkomandazzjonijiet u għall-azzjonijiet deskritti f’din il-Komunikazzjoni. Se tissorvelja l-progress li jsir u, fuq din il-bażi, se tivvaluta l-ħtieġa li jittieħdu passi ulterjuri.



    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet ewlenin

    AZZJONI

    ATTURI

    KRONOLOĠIJA

    1.    LEJN REĠIM AKTAR EFFIĊJENTI U PREVEDIBBLI TA’ INFURZAR ĠUDIZZJARJU FL-UE

    Gwida dwar kif jiġu interpretati u applikati d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPRED)

    Il-Kummissjoni

    lesta

    Ħidma ma’ esperti nazzjonali u ma’ mħallfin fuq linji gwida ulterjuri aktar immirati u bbażati fuq l-aħjar prattika.

    Il-Kummissjoni/l-Istati Membri/l-Osservatorju

    sal-2019

    Il-pubblikazzjoni online tal-linji gwida u tal-aħjar prattiki msemmija hawn fuq, fost l-oħrajn permezz tal-portal L-Ewropa Tiegħek.

    Il-Kummissjoni/l-Osservatorju

    sal-2019

    Jiġu mħeġġa:

    - l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin għal kwistjonijiet relatati mal-PI u mal-infurzar tal-PI;

    - il-pubblikazzjoni sistematika tas-sentenzi f’kawżi ta’ infurzar tal-PI.

    L-Istati Membri

    -

    Il-faċilitazzjoni tal-użu usa’ ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) biex jiġi solvut tilwim relatat mal-PI, inkluż l-immappjar ta’ għodod eżistenti tal-ADR u l-analiżi tal-merti tal-istabbiliment ta’ ċentru ta’ medjazzjoni fl-EUIPO.

    Il-Kummissjoni/l-EUIPO

    sal-2019

    2.    Żieda fl-isforzi mmexxija mill-industrija għall-prevenzjoni tal-KSUR tal-PI u għall-ġlieda kontra dan it-tip ta’ ksur

    It-titjib u l-espansjoni ta’ ftehimiet volontarji għall-ġlieda kontra l-ksur tal-PI, b’mod partikolari permezz ta’ Memorandi ta’ Qbil (MtQ) apposta li jinvolvu lid-detenturi tad-drittijiet, il-pjattaformi tal-internet, lill-kumpaniji tar-reklamar, lill-ispedituri u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas

    Il-promozzjoni ta’ dawn il-MtQ; il-monitoraġġ tal-funzjonament u tal-effikaċja tagħhom u r-rapportar dwar ir-riżultati tagħhom

    Il-Kummissjoni/l-Industrija

    Il-Kummissjoni/l-Osservatorju

    sal-2019

    sal-2019

    Il-promozzjoni tad-diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-provvista għall-ġlieda kontra l-ksur tal-PI, l-esplorazzjoni tal-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda bħall-blockchain u jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ proċessi ta’ akkreditazzjoni eżistenti biex jiġu introdotti skemi ta’ konformità mal-PI.

    Il-Kummissjoni/l-Istati Membri/l-EUIPO/l-Osservatorju

    sal-2019

    3.    il-ġlieda kontra l-ksur tal-PI permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva msaħħa 

    It-tisħiħ tal-isforzi u aktar sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-riskji relatati mal-ksur tal-PI.

    L-EUIPO

    sal-2019

    L-offerta ta’ assistenza aktar immirata lill-awtoritajiet doganali nazzjonali, abbażi tar-riżultati tal-Pjan ta’ Azzjoni Doganali attwali, u l-ħidma mal-Presidenza tal-Kunsill favur Pjan ta’ Azzjoni Doganali ġdid.

    Il-Kummissjoni/il-Kunsill

    2018

    4.    IL-ĠLIEDA KONTRA L-KSUR TAL-PI MADWAR ID-DINJA

    Il-pubblikazzjoni ta’ rapport ġdid dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżi terzi, filwaqt li jiġu introdotti oqsma ta’ prijorità ġodda (jiġifieri ż-żoni ta’ kummerċ ħieles, l-indikazzjonijiet ġeografiċi).

    Il-Kummissjoni

    L-ewwel nofs tal-2018

    L-istabbiliment ta’ lista ta’ sorveljanza tas-swieq tal-PI, li tidentifika s-swieq online u fiżiċi li huma involuti fi ksur sostanzjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li jiffaċilitawh.

    Il-Kummissjoni

    2018

    L-implimentazzjoni, abbażi tal-pjanijiet ta’ ħidma annwali, tal-programmi ta’ kooperazzjoni teknika (il-programmi “IP Key”) maċ-Ċina, max-Xlokk tal-Asja u mal-Amerika Latina.

    Il-Kummissjoni/l-Osservatorju

    2018-2019

    (1)

    Meta jitqiesu l-impjiegi diretti kif ukoll indiretti.

    (2)

    EUIPO, Intellectual property rights intensive industries and economic performance in the EU, 2016.

    (3)

    Minkejja dan, hemm xi żviluppi pożittivi wkoll. Pereżempju, fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, mudelli kummerċjali ġodda wasslu għal tnaqqis fil-ksur tad-drittijiet tal-awtur f’ċerti swieq (disponibbli fuq: https://copia.is/library/the-carrot-or-the-stick/ ). Ovvjament, l-iżvilupp b’suċċess ta’ offerti legali jiddependi wkoll minn miżuri ta’ infurzar effettivi. Il-Kummissjoni konsistentement iddikjarat li l-ġlieda kontra l-piraterija online jenħtieġ li tiġi kkombinata ma’ azzjonijiet kumplimentari inkluż l-iżvilupp ta’ offerti legali u ta’ inizjattivi edukattivi (ara pereżempju l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar Konenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku (COM(2007/0836 final) u Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur (COM(2015) 626 final).

    (4)

    OECD/EUIPO, Trade in Counterfeit and Pirated Goods: Mapping the Economic Impact, 2016.

    (5)

    Prodotti kożmetiċi u tal-kura personali; ilbies, aċċessorji u żraben; prodotti tal-isports; ġugarelli u logħob; basktijiet tal-idejn u bagalji; ġojjelli u arloġġi; mużika rrekordjata; spirti u nbejjed; u prodotti farmaċewtiċi.

    (6)

    Disponibbli fuq https://euipo.europa.eu/ohimportal/mt/web/observatory/quantification-of-ipr-infringement .  

    (7)

    Ara pereżempju BASCAP/INTA, The economic impact of counterfeiting and piracy, 2017, disponibbli fuq:   http://www.inta.org/Communications/Documents/2017_Frontier_Report.pdf , li stima l-valur globali tal-piraterija diġitali ta’ films, mużika u softwer fl-2015 għal $ 213-il biljun. Ara wkoll EUIPO, The Economic cost of IPR Infringement in the recorded Music industry - Mejju 2016, disponibbli fuq: https://euipo.europa.eu/tunnel-web/secure/webdav/guest/document_library/observatory/resources/research-and-studies/ip_infringement/study7/Music_industry_en.pdf . Dan l-istudju sab li fl-2014 l-industrija tal-mużika rrekordjata tilfet madwar EUR 170 miljun fi dħul mill-bejgħ fl-UE minħabba l-konsum ta’ mużika rrekordjata minn sorsi illegali. Ara wkoll l-istudji ta’ traċċar tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tar-Renju Unit dwar il-firxa tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur online. L-aktar verżjoni riċenti (Mejju 2016) stmat li 15 % tal-utenti tal-internet tar-Renju Unit ta’ 12-il sena jew aktar ikkonsmaw b’mod illegali tal-anqas oġġett wieħed ta’ kontenut online bejn Marzu u Mejju 2016 u li 5 % mill-utenti tar-Renju Unit ta’ 12-il sena jew aktar ikkonsmaw kontenut illegali b’mod esklussiv (disponibbli fuq:

      https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/546223/OCI-tracker-6th-wave-March-May-2016.pdf ).

    (8)

    L-analiżi riċenti tal-EUIPO (ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna) tistma li t-telf dirett u indirett ta’ impjiegi f’disa’ s-setturi huwa aktar minn 786 000. Id-dħul mitluf għall-gvern fl-istess disa’ setturi jammonta għal EUR 14.4-il biljun.

    (9)

    UNODC, The Illicit Trafficking of Counterfeit Goods and Transnational Organized Crime, 2014, disponibbli fuq:

    https://www.unodc.org/documents/counterfeit/FocusSheet/Counterfeit_focussheet_EN_HIRES.pdf

    Europol-EUIPO, Situation report on counterfeiting in the EU, 2015, disponibbli fuq:

    https://euipo.europa.eu/ohimportal/documents/11370/80606/2015+Situation+Report+on+Counterfeiting+in+the+EU u UNICRI, Illicit pesticides, Organized crime and supply chain integrity, 2016, disponibbli fuq:

    http://www.unicri.it/in_focus/files/The_problem_of_illicit_pesticides_low_res1.pdf

    (10)

     Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE, COM(2014)392, l-1 ta’ Lulju 2014. Abbażi ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex toħroġ b’valutazzjoni dettaljata tal-qafas legali attwali, ara r-riżoluzzjoni tad-9 ta’ Ġunju 2015.

    (11)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, COM/2015/0192, is-6 ta’ Mejju 2015.

    (12)

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji, COM/2015/0550, it-28 ta’ Ottubru 2015.

    (13)

    Ara b’mod partikolari l-Komunikazzjoni Li tippromwovi ekonomija Ewropea bbażata fuq id-drittijiet tal-awtur ġusta, effiċjenti u kompetittiva fis-Suq Uniku Diġitali, COM(2016)592, tal-14 ta’ Settembru 2016 u l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali tal-14 ta’ Settembru 2017.

    (14)

    L-Anness jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet prinċipali.

    (15)

    Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

    (16)

    Il-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar jistabbilixxu l-prinċipji għall-Kummissjoni Ewropea meta timmaniġġja u tevalwa l-leġiżlazzjoni eżistenti. Ara https://ec.europa.eu/info/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt .

    (17)

    Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq: http://ec.europa.eu/growth/content/have-your-say-enforcement-intellectual-property-rights-0_mt  

    (18)

    Ara l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    (19)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, COM(2017) 708.

    (20)

    Kif spjegat fil-Premessa 11 tal-IPRED, dik id-Direttiva m’għandhiex l-għan li tistabbilixxi regoli armonizzati għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, għall-ġurisdizzjoni, għar-rikonoxximent u għall-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, jew tindirizza d-dritt applikabbli, peress li hemm strumenti oħra tad-dritt tal-UE li jirregolaw tali kwistjonijiet f’termini ġenerali li, fil-prinċipju, japplikaw ukoll għall-PI.

    (21)

    Ara t-Taqsima IV.1 tal-Gwida.

    (22)

    Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

    (23)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali, Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa, COM(2016)288 tal-25 ta’ Mejju 2016.

    (24)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Nindirizzaw il-kontenut illegali online – Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online, COM(2017) 555 tat-28 ta’ Settembru 2017.

    (25)

    Kif ħabbret fl-Inizjattiva favur in-Negozji l-Ġodda u n-Negozji li qed Jespandu, (Inqiegħdu l-proprjetà intellettwali għas-servizz tal-SMEs sabiex jitrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir, COM(2016) 373 tat-22 ta’ Novembru 2016), il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tistimola l-introduzzjoni ta’ skemi tal-assigurazzjoni tal-PI bħal dawn fl-Ewropa, b’mod partikolari biex tgħin lill-SMEs.

    (26)

      www.youreurope.be  

    (27)

    Jenħtieġ li din issir f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Bħala kwistjoni separata, l-Istati Membri jridu jikkonformaw ukoll mal-Artikolu 15 tal-IPRED, li jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji jordnaw il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, fuq it-talba tal-applikanti u għas-spejjeż tal-kontraventuri.

    (28)

    Ara n-nota 26 f’qiegħ il-paġna.

    (29)

    Il-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-internet tal-21 ta' Ġunju 2016, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/18023/attachments/1/translations . Il-MtQ japplika għat-trademarks, għad-disinni u għad-drittijiet tal-awtur.

    (30)

    Aktar dettalji dwar ir-riżultati tal-ewwel ċiklu ta’ monitoraġġ tal-MtQ dwar il-falsifikazzjoni — inkluża analiżi bl-użu tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u r-riżultati ta’ stħarriġ fost il-partijiet ikkonċernati — jistgħu jinkisbu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal overview of the functioning of the Memorandum of Understanding on the sale of counterfeit goods via the internet, SWD(2017) 430 mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni.

    (31)

    Il-vidjo tas-sessjoni ta’ ħidma huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq:

      http://ec.europa.eu/growth/industry/intellectual-property/enforcement_mt .

    (32)

    Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wettaq immappjar estensiv tat-teknoloġiji ta’ awtentikazzjoni u tas-sistemi ta’ traċċar u ta’ rintraċċar, li ġie ppubblikat fl-2016, disponibbli fuq:

      http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC104204/kjna28400enn.pdf  

    (33)

    Naturalment, dment li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq blockchain jirrispettaw id-dritt applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali.

    (34)

    Il-Kummissjoni se tniedi wkoll “Osservatorju u Forum tal-UE dwar il-Blockchain”, flimkien mal-Parlament Ewropew.

    (35)

    Pereżempju bl-appoġġ tal-Helpdesks għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    (36)

    L-ISO 20400 ġie indirizzat matul is-Summit dwar l-Infurzar tal-PI li sar f’Berlin fit-23 ta’ Ġunju 2017.

    (37)

      https://ec.europa.eu/taxation_customs/general-information-customs/customs-security/authorised-economic-operator-aeo_en  

    (38)

    Ara Europol/EUIPO, Situation Report on Counterfeiting and Piracy in the European Union, 2017, fuq:

      https://euipo.europa.eu/tunnel-web/secure/webdav/guest/document_library/observatory/documents/reports/Situation%20Report%20EUIPO-Europol_en.pdf .

    (39)

    Ara OECD/EUIPO, Mapping the Real Routes of Trade in Fake Goods, ta’ Ġunju 2017, disponibbli fuq:

      https://euipo.europa.eu/tunnel-web/secure/webdav/guest/document_library/observatory/documents/reports/Mapping_the_Real_Routes_of_Trade_in_Fake_Goods_en.pdf .

    (40)

    Aktar pubblikazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi dwar il-PI u l-ksur huma disponibbli fuq il-paġna ewlenija tal-Osservatorju: https://euipo.europa.eu/ohimportal/mt/web/observatory/observatory-publications.

    (41)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE għall-ġlieda kontra l-Ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR), (ĠU C 80, 19.3.2013, p. 1).

    (42)

    Ara d-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 1).

    (43)

    Il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati.

    (44)

    https://euipo.europa.eu/ohimportal/documents/11370/0/Report+on+the+protection+and+enforcement+of+intellectual+property+rights+in+third+countries  

    Top